Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2012/2078(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0372/2013

Testi mressqa :

A7-0372/2013

Dibattiti :

PV 11/12/2013 - 8
CRE 11/12/2013 - 8

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2013 - 12.20
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2013)0598

Testi adottati
PDF 392kWORD 135k
Il-Ħamis, 12 ta' Diċembru 2013 - Strasburgu
Problemi kostituzzjonali ta' governanza b'diversi livelli fl-UE
P7_TA(2013)0598A7-0372/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar problemi kostituzzjonali ta’ governanza b’diversi livelli fl-Unjoni Ewropea (2012/2078(INI)) ,

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES)(1),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSCG)(2),

–  wara li kkunsidra is-’six-pack’ (il-pakkett dwar il-governanza ekonomika)(3),

–  wara li kkunsidra t-’two-pack’ (it-tieni pakkett ta’ proposti għall-governanza ekonomika)(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-5 ta’ Diċembru 2012 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro bit-titolu ‘Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina’(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 bl-isem ta' "Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina — It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew"(COM(2012)0777),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2012 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Grupp tal-euro bit-titolu "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina"(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar proposti leġiżlattivi futuri dwar il-UEM,(9)

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar it-tisħiħ tad-demokrazija Ewropea fl-UEM tal-futur,(10)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0372/2013),

A.  billi d-differenzjazzjoni hija karatteristika kostituttiva tal-proċess tal-integrazzjoni Ewropea u mezz li jippermetti l-progress tiegħu u jiggarantixxi rispett sostanzjali għall-prinċipju tal-ugwaljanza, mifhum bħala t-trattament ugwali ta’ sitwazzjonijiet ugwali u t-trattament inugwali ta’ sitwazzjonijiet inugwali;

B.  billi l-integrazzjoni differenzjata għandha tkompli sservi ta’ prekursur għall-approfondiment tal-integrazzjoni Ewropea, peress li qed tinbeda minn sottogrupp ta’ Stati Membri, tibqa’ miftuħa għall-Istati Membri kollha u għandha l-għan li jkun hemm integrazzjoni kompluta fit-Trattati;

C.  billi l-integrazzjoni differenzjata tieħu żewġ forom: ‘b’veloċitajiet differenti’, fejn l-Istati jfittxu li jilħqu l-istess għanijiet skont perjodi ta’ żmien differenti, u ‘fuq livelli differenti’, fejn l-Istati jaqblu li l-għanijiet tagħhom ikunu differenti;

D.  billi d-differenzjazzjoni m’għandhiex iddgħajjef iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li hija l-istatus fundamentali ta’ min hu ta’ nazzjonalità tal-Istati Membri, li tippermetti lil dawk li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni li jgawdu, fi ħdan l-ambitu tat-Trattat, l-istess trattament fil-liġi irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom;

E.  billi kwalunkwe differenzjazzjoni tirrispetta u għalhekk issaħħaħ l-unità tal-ordinament ġuridiku Ewropew u l-effikaċja u l-koerenza tiegħu, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, kif ukoll l-istabbiliment ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni u l-funzjonament tas-suq intern;

F.  billi d-differenzjazzjoni tista’ tintuża meta l-azzjoni komuni fi kwalunkwe żmien mhijiex possibbli jew fattibbli;

G.  billi d-differenzjazzjoni hija u għandha dejjem tkun imdaħħla fil-qafas istituzzjonali uniku tal-Unjoni Ewropea;

H.  billi l-integrazzjoni differenzjata għandha tirrispetta l-prinċipju ta' solidarjetà skont l-Artikolu 5 TUE u l-Protokoll 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

I.  billi t-Trattati joffru diversi opzjonijiet u strumenti għal integrazzjoni differenzjata, inklużi limitazzjonijiet tal-ambitu territorjali tal-applikazzjoni, klawżoli ta’ salvagwardja, derogi, esklużjonijiet fakultattivi, inklużjonijiet fakultattivi, kooperazzjoni msaħħa, u dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, sakemm dawn l-istrumenti jirrispettaw l-unità, l-effikaċja u l-koerenza tal-ordinament ġuridiku Ewropew u huma inklużi fil-qafas istituzzjonali uniku (il-metodu Komunitarju);

J.  billi xi Stati Membri kisbu l-possibilità li ma jipparteċipawx (esklużjoni fakultattiva) f'politiki differenti tal-UE ‑ kif stipulat fil-Protokolli differenti għat-Trattati ‑ li tistà tipperikola l-unità, l-effikaċja u l-koerenza tal-ordinament ġuridiku Ewropew;

K.  billi d-derogi magħmula skont l-Artikolu 27(2) TFUE jippermettu d-differenzjazzjoni bejn ċerti Stati Membri fl-ambitu ta' att legali li jkun indirizzat lill-Istati Membri kollha, dejjem bil-għan illi jsir progress fl-istabbiliment u fl-iżgurar tal-funzjonalità tas-suq intern;

L.  billi t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jinkludi, fl-Artikoli 114(4) u (5), 153(4), 168(4), 169(4) u 193 tiegħu, klawżoli ta’ salvagwardja li jippermettu lill-Istati Membri li jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi iżjed stretti fi ħdan l-ambitu tal-applikazzjoni ta’ att legali li huwa indirizzat lill-Istati Membri kollha;

M.  billi l-kooperazzjoni msaħħa tirrikjedi l-parteċipazzjoni ta’ mill-inqas disa’ Stati Membri f’qasam kopert minn kompetenza mhux esklussiva tal-Unjoni, li tippermetti lill-Istati Membri li mhux qed jipparteċipaw biex jipparteċipaw f’deliberazzjonijiet iżda mhux fil-votazzjoni, u hija miftuħa fi kwalunkwe żmien għall-Istati Membri kollha;

N.  billi l-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa tippermetti, bħala l-aħħar soluzzjoni, l-adozzjoni ta’ miżuri li jorbtu sottogrupp ta’ Stati Membri wara awtorizzazzjoni mogħtija mill-Kunsill b’maġġoranza kwalifikata u fil-qasam tal-PESK wara awtorizzazzjoni mogħtija b’unanimità;

O.  billi dan il-mekkaniżmu diġà qed jintuża għal-liġi trans-UE dwar id-divorzju u għal-liġi Ewropea dwar il-privattivi u ġie approvat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-kuntest tat-tassazzjoni għall-ħolqien ta' Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji;

P.  billi fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, gruppi ta’ Stati jistgħu jittrattaw kompiti jew missjonijiet speċifiċi, u fil-qasam tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni, huwa previst l-istabbiliment ta’ grupp ewlieni permanenti ta’ Stati b’kapaċità militari;

Q.  billi storikament, il-Ftehim ta' Schengen tal-1986 u l-Konvenzjoni ta' Schengen tal-1990, iffirmati minn sottogrupp ta' Stati Membri li ħadu il-post tal-kontrolli fil-fruntiera bejn dawn l-Istati; il-Ftehim dwar il-Politika Soċjali tal-1991 bejn sottogrupp ta' Stati Membri, li estenda l-kompetenzi preċedenti tal-KE fil-qasam tal-impjiegi u d-drittijiet soċjali li jippermettu votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, u l-Konvenzjoni ta’ Prüm tal-2005 bejn sottogrupp ta’ Stati Membri u n-Norveġja dwar skambju ta’ dejta u kooperazzjoni kontra t-terroriżmu, jirrappreżentaw forom ta’ integrazzjoni differenzjata;

R.  billi l-acquis ta’ Schengen ġie integrat fit-Trattati mit-Trattat ta’ Amsterdam, b’esklużjonijiet fakultattivi għar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka;

S.  billi r-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu fi kwalunkwe żmien jitolbu li jieħdu sehem jew f’xi wħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen jew fihom kollha u billi d-Danimarka tibqa’ marbuta mill-Ftehim u l-Konvenzjoni ta’ Schengen oriġinali;

T.  billi l-Konvenzjoni ta’ Prüm ġiet parzjalment integrata fil-qafas ġuridiku tal-UE;

U.  billi l-Ftehim dwar il-Politika Soċjali ġie integrat fit-Trattati mit-Trattat ta’ Amsterdam mingħajr l-ebda ekslużjoni fakultattiva;

V.  billi t-Trattati jipprovdu għadd ta’ modi dwar kif jista’ jsir progress fil-politiki soċjali u tal-impjiegi, li l-potenzjal tagħhom għadu ma ġiex sfruttat kompletament, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 9 tat-TFUE, l-Artikolu 151 tat-TFUE u l-Artikolu 153 tat-TFUE, iżda wkoll b’mod iktar ġenerali fir-rigward tal-Artikolu 329 tat-TFUE; billi konverġenza soċjali akbar tista’ għalhekk tinkiseb mingħajr ħsara għall-prinċipju tas-sussidjarjetà;

W.  billi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (‘il-Patt Fiskali’) ġew konklużi f’ambjent intergovernattiv barra mit-Trattati;

X.  billi l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) u l-ESM huma ftehimiet skont il-liġi internazzjonali konklużi mill-Istati Membri li għandhom l-Euro bħala l- munita tagħhom;

Y.  billi għandhom jittieħdu l-passi neċessarji, skont it-TUE u t-TFUE, biex is-sustanza tat-TSKG, li ġie konkluż skont id-dritt internazzjonali mill-Istati Membri kollha ħlief għar-Renju Unit u r-Repubblika Ċeka, tiġi inkorporata fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni fi żmien mhux aktar minn ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-TSKG, abbażi ta’ valutazzjoni tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tiegħu;

Z.  billi l-Patt Euro Plus, l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Patt għal Tkabbir u Impjiegi għandhom jiġu integrati fid-dritt tal-Unjoni u jwittu t-triq għall-introduzzjoni ta’ kodiċi ta’ konverġenza għall-ekonomiji tal-Istati Membri;

AA.  billi l-ftehimiet internazzjonali barra mill-qafas ġuridiku tal-UE li għandhom l-għan li jwettqu l-għanijiet tat-Trattati ġew użati bħala strument ultima ratio assolut għall-integrazzjoni differenzjata, billi jipprovdu obbligu li l-kontenut tal-ftehim internazzjonali kkonċernat jiġi integrat fit-Trattati;

AB.  billi t-twaqqif tal-UEM irrappreżenta pass kwalitattiv fl-integrazzjoni, li jiddefinixxi mudell ta’ governanza fuq livelli differenti li jolqot kemm l-istituzzjonijiet kif ukoll il-proċeduri;

AC.  billi Stat Membru wieħed għandu, jekk jixtieq, deroga permanenti milli jingħaqad fl-euro (Protokoll Nru. 15) u ieħor għandu eżenzjoni kostituzzjonali (Protokoll Nru. 16)

AD.  billi fil-qasam tal-politika monetarja d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-BĊE jipprevedu differenzjazzjoni fl-istruttura istituzzjonali, bil-Kunsill Governattiv bħala l-korp ewlieni li jieħu d-deċiżjonijiet kompost biss minn Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-Euro u l-Kunsill Ġenerali li jassoċja l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-Euro, kif ukoll fl-istruttura finanzjarja, bil-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri kollha bħala sottoskritti għall-kapital tal-BĊE (l-Artikolu 28.1 tal-Istatut tal-BĊE), iżda biss il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-Euro li jħallsu s-sehem sottoskritt tagħhom tal-kapital tal-BĊE (l-Artikolu 48.1 tal-Istatut tal-BĊE);

AE.  billi l-Artikolu 127(6) TFUE jagħti s-setgħa lill-Kunsill li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-BĊE fir-rigward tal-politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra, bl-eċċezzjoni ta’ impriżi tal-assigurazzjoni, u ġie użat bħala l-bażi legali għal regolament li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSS) għaż-żona tal-euro u jipprevedi parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro billi jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE;

AF.  billi l-Artikolu 139 TFUE jeżenta lill-Istati Membri b’derogi mill-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat u mid-drittijiet ta’ vot relatati;

AG.  billi l-Artikoli 136 u 138 TFUE jipprevedu forma speċifika għall-adozzjoni ta’ miżuri applikabbli għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, b’vot mill-Kunsill limitat għar-rappreżentanti ta’ dawk l-Istati Membri u, fejn meħtieġ skont il-proċedura, vot tal-Parlament Ewropew sħiħ;

AH.  billi l-Artikolu 136 TFUE diġà ntuża b’rabta mal-Artikolu 121.6 għall-adozzjoni tar-regolamenti;

AI.  billi, fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-ispazju, l-Artikolu 184 TFUE jipprovdi għal programmi supplimentari għall-programm ta’ qafas multiannwali li jista’ jinvolvi biss sottogrupp ta’ Stati Membri li jiffinanzjawhom suġġett għal parteċipazzjoni possibbli fl-Unjoni, iżda li jiġu adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja li tinvolvi l-Kunsill kollu u l-Parlament Ewropew kollu, suġġett għall-qbil tal-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' dawn il-programmi supplimentari;

AJ.  billi, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-prinċipju tal-universalità tal-baġit ma jipprekludix grupp ta’ Stati Membri milli jassenjaw kontribuzzjoni finanzjarja lill-baġit tal-UE jew dħul speċifiku għal partita speċifika ta’ nefqa, kif qed jiġri diġà, pereżempju, fil-każ tar-reattur ta’ fluss għoli skont id-Deċiżjoni 2012/709/Euratom;

AK.  billi l-Artikolu 137 TFUE u l-Protokoll 14 jistabbilixxu l-Grupp tal-Euro bħala korp informali;

AL.  billi l-funzjonament bla xkiel tal-UEM jirrikjedi implimentazzjoni sħiħa u malajr tal-miżuri li diġà ntlaħaq qbil dwarhom fil-qafas ta' governanza ekonomika msaħħa, bħall-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) imsaħħaħ u s-Semestru Ewropew, ikkumplimentat minn politiki li jistimolaw it-tkabbir;

AM.  billi UEM imsaħħa tirrikjedi kompetenzi, riżorsi finanzjarji u responsabilità demokratika aktar b’saħħithom, u billi l-istabbiliment tagħha għandu jsegwi approċċ b’żewġ passi bbażat fuq, l-ewwel nett, l-użu sħiħ immedjat tal-potenzjalitajiet tat-Trattati eżistenti u, t-tieni, bidla fit-Trattat li għandha tiġi definita minn Konvenzjoni;

AN.  billi sabiex tkun effettiva, leġittima u demokratika, il-governanza tal-UEM għandha tkun ibbażata fuq il-qafas istituzzjonali u ġuridiku tal-Unjoni;

AO.  billi l-leġittimità u l-responsabilità demokratika għandhom jiġu żgurati fil-livell li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet;

AP.  billi l-UEM hija stabbilita mill-Unjoni, li ċ-ċittadini tagħha huma direttament rappreżentati fil-livell tal-Unjoni mill-Parlament Ewropew;

A.PRINĊIPJI

1.  Itenni t-talba tiegħu għal UEM ġenwina li ttejjeb il-kompetenzi tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-politika ekonomika, u ssaħħaħ il-kapaċità baġitarja tagħha, kif ukoll ir-rwol u l-responsabilità demokratika tal-Kummissjoni u l-prerogattivi tal-Parlament;

2.  Huwa tal-fehma li kapaċità baġitarja mkabbra għandha tkun ibbażata fuq ir-riżorsi proprji (inkluża TTF) u fuq kapaċità baġitarja li għandha, fil-qafas tal-baġit tal-Unjoni, tappoġġja t-tkabbir u l-koeżjoni soċjali filwaqt li tindirizza l-iżbilanċi, id-diverġenzi strutturali u l-emerġenzi finanzjarji li huma direttament konnessi mal-Unjoni Monetarja, mingħajr ma tippreġudika l-funzjonijiet tradizzjonali tagħha li tiffinanzja l-politiki komuni;

3.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti leġiżlattivi malajr kemm jista' jkun, b'kodeċiżjoni fejn ikun ġuridikament possibbli, għall-implimentazzjoni tiegħu mingħajr dewmien, inkluża l-koordinazzjoni baġitarja ulterjuri, l-estensjoni ta' koordinazzjoni ta' politika aktar profonda fil-qasam tat-tassazzjoni u l-impjiegi, u l-ħolqien ta' kapaċità fiskali proprja għall-UEM biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-għażliet ta’ politika; jenfasizza li ftit minn dawn l-elementi se jeħtieġu li jiġu emendati t-Trattati;

4.  Jemmen li hija meħtieġa azzjoni rapida f'kull wieħed mill-erba' pedamenti li jidhru fir-rapport intitolat "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina", kif inhu ppreżentat mill-Presidenti Van Rompuy, Juncker, Barroso u Draghi, b'mod partikolari:

   (a) qafas finanzjarju integrat li jiżgura stabbiltà finanzjarja b'mod partikolari fiż-żona tal-euro u li jimminimizza l-ispiża tal-falliment tal-banek għaċ-ċittadini Ewropej; dan il-qafas jgħolli r-responsabbiltà ta' superviżjoni għal-livell Ewropew, u jipprovdi għal mekkaniżmi komuni għar-riżoluzzjoni tal-banek u jiggarantixxu d-depożiti tal-klijenti;
   (b) qafas ta' politika ekonomika integrata li jkollu mekkaniżmi suffiċjenti biex jiżgura li l-politiki nazzjonali u Ewropej attwali jippromovu tkabbir sostenibbli, impjiegi u kompetittività, u jkunu kumpatibbli mal-funzjonament bla xkiel tal-EMU;
   (c) l-iżgurar tal-leġittimità demokratika u tar-responsabilità neċessarja tat-teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan l-EMU, ibbażati fuq l-eżerċizzju konġunt ta' sovranità għall-politiki komuni u s-solidarjetà;

5.  Huwa tal-opinjoni li diviżjoni aħjar u iżjed ċara tal-kompetenzi u r-riżorsi bejn l-UE u l-Istati Membri tista’ u għandha timxi id f’id ma’ kontroll parlamentari iżjed b’saħħtu u responsabilità fir-rigward tal-kompetenzi nazzjonali;

6.  Itenni li sabiex tkun leġittima u demokratika b’mod effettiv, il-governanza ta’ UEM ġenwina għandha titqiegħed fi ħdan il-qafas istituzzjonali tal-Unjoni;

7.  Iqis id-differenzjazzjoni bħala mezz utli u xieraq għall-promozzjoni ta’ integrazzjoni iżjed fil-fond, li, sal-punt li tissalvagwardja l-integrità tal-UE, tista’ tkun essenzjali sabex tinkiseb UEM ġenwina fi ħdan l-Unjoni;

8.  Jenfasizza li l-proċeduri ta' integrazzjoni differenzjata skont it-Trattati jippermettu li jittieħed l-ewwel pass fl-istabbiliment ta' UEM ġenwina li hi konsistenti bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta' responsabilità demokratika aktar b'saħħitha, żieda fir-riżorsi finanzjarji u kapaċità msaħħa ta' teħid ta' deċiżjonijiet u jitlob lill-istituzzjonijiet kollha biex jipproċedu b'ħeffa billi jimmassimmizzaw il-possibilitajiet offruti mit-Trattati eżistenti u mill-elementi ta' flessibilità tagħhom u fl-istess ħin biex iħejju għat-tibdiliet meħtieġa fit-Trattati sabiex jiggarantixxu ċertezza legali u leġittimità demokratika; itenni li l-għażla ta' ftehim intergovernattiv ġdid għandha tiġi eskluża;

9.  Jenfasizza li t-tibdiliet fit-Trattati li huma bżonnjużi għall-ikkompletar ta' UEM ġenwina u l-istabbiliment ta' Unjoni taċ-ċittadini u stati jistgħu jibnu fuq l-istrumenti, proċeduri, prattiki eżistenti u fuq filosofija ta' integrazzjoni differenzjata filwaqt li tittejjeb l-effikaċja u l-koerenza tagħhom u jikkonferma li se juża bis-sħiħ il-prerogattiva tiegħu li jressaq proposti lill-Kunsill għall-emenda tat-Trattati, li sussegwentement jeħtieġ li jiġu eżaminati minn Konvenzjoni, sabiex jitlesta għalkollox il-qafas ta' UEM ġenwina;

10.  Ifakkar li d-dibattitu dwar il-governanza b’diversi livelli m’għandux jidduplika l-kwistjoni tal-governanza b’diversi livelli, li għandha x’taqsam mal-bilanċ tal-poteri u l-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

11.  Jenfasizza li sabiex tkun konsistenti man-natura tagħha li tkun mezz li tippromwovi l-integrazzjoni, issalvagwardja l-unità tal-UE u tiggarantixxi rispett sostanzjali tal-prinċipju tal-ugwaljanza, id-differenzjazzjoni għandha tibqa’ miftuħa u għandu jkollha l-għan li finalment tinkludi l-Istati Membri kollha;

12.  Jenfasizza li, għal żvilupp pożittiv tal-Unjoni Ewropea, huwa meħtieġ li jinkiseb bilanċ bejn il-politika tal-impjiegi u dik ekonomika, skont l-Artikolu 121 tat-TFUE u l-Artikolu 148 tat-TFUE.

B.PROĊEDURI

13.  Huwa tal-opinjoni li d-differenzjazzjoni għandha preferibbilment issir, fejn hu possibbli, fi ħdan att legali indirizzat lill-Istati Membri kollha permezz ta’ derogi u klawżoli ta’ salvagwardja, minflok l-esklużjoni a priori ta’ xi Stati Membri mill-ambitu territorjali tal-applikazzjoni ta’ att legali; jenfasizza madankollu li għadd kbir ta’ derogi u klawżoli ta’ salvagwardja jdgħajfu l-unità tal-UE kif ukoll il-konsistenza u l-effikaċja tal-qafas ġuridiku tagħha;

14.  Huwa tal-fehma li l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u soċjali tappartjeni lill-kategorija tal-kompetenzi kondiviżi, li skont l-Artikolu 4(1) TFUE tinkludi l-oqsma kollha li mhumiex inklużi fil-listi eżawrjenti tal-kompetenzi esklussivi jew ta’ sostenn;

15.  Huwa tal-opinjoni li, b’konsegwenza, l-ispeċifiċità ta’ miżuri adottati taħt l-Artikolu 136 TFUE ma tirrelatax biss mal-fatt li dawk il-miżuri huma speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, iżda timplika wkoll li jista’ jkollhom forza vinkolanti ikbar; billi l-Artikolu 136 tat-TFUE jippermetti lill-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u permezz tal-votazzjoni tal-Istati Membri biss li l-munita tagħhom hija l-euro, jadotta linji gwida vinkolanti dwar il-politika ekonomika għall-pajjiżi taż-żona tal-euro fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

16.  Jenfasizza li, fejn xi Stati Membri ma jridux jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ att legali fil-qasam tal-kompetenzi mhux esklussivi tal-Unjoni, għandha tiġi stabbilita kooperazzjoni msaħħa skont id-dispożizzjoni rilevanti tat-Trattat minflok il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali barra mill-qafas tal-ordiament ġuridiku tal-UE;

17.  Iqis li l-Artikolu 352 TFUE, li jagħti s-setgħa lill-Kunsill li jadotta miżuri xierqa għall-kisba ta’ wieħed mill-għanijiet stabbiliti fit-Trattati jekk it-Trattati ma jkunux ipprovdew is-setgħat meħtieġa, jista’ jintuża b’rabta mal-Artikolu 20 TUE, biex b’hekk tiġi permessa l-attivazzjoni tal-klawżola ta’ flessibbiltà, fejn ma jkunx jista’ jinkiseb kunsens unanimu fil-Kunsill permezz tal-mekkaniżmu tal-kooperazzjoni msaħħa;

18.  Jistieden lill-Istati Membri, f’ċirkostanzi fejn hemm diverġenza fid-direzzjoni politika bejn Stati Membri li qed tipprevjeni l-progress, jespandu l-prinċipju tal-kooperazzjoni msaħħa biex jinkludi l-politiki soċjali u tal-impjiegi.

19.  Iqis li l-inklużjoni tan-nefqa li tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ kooperazzjoni msaħħa fil-baġit tal-UE bħala dħul ieħor jew bħala riżors proprju speċifiku hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji tal-liġi dwar il-baġit tal-UE u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-pożizzjoni kruċjali tal-Parlament Ewropew bħala awtorità baġitarja;

20.  Jitlob li jsir użu sistematiku tal-Artikolu 333(2) TFUE meta tkun qed tiħi stabbilita kooperazzjoni msaħħa fi ħdan qasam kopert minn kompetenza mhux esklussiva tal-Unjoni li tirreferi għal proċedura leġiżlattiva speċjali, u jitlob lill-Kunsill sabiex jadotta deċiżjoni permezz ta’ vot unanimu tal-Istati Membri parteċipanti li tistipula li, għall-finijiet tal-kooperazzjoni msaħħa, dawn ikollhom l-intenzjoni li jaġixxu taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

21.  Jitlob, fejn hu possibbli, l-użu sistematiku tal-klawżola “passerelle” tal-Artikolu 48(7) TUE fi proċeduri oħra minbarra l-kooperazzjoni msaħħa sabiex tissaħħaħ il-leġittimità demokratika u l-effikaċja tal-governanza tal-UEM;

22.  Iqis li meta l-użu tal-klawżola “passerelle” mhuwiex possibbli, bħal pereżempju fil-każ tal-adozzjoni tal-linji gwida dwar il-politika ekonomika u tal-impjiegi jew l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, għandu jsir użu sħiħ mill-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet interistituzzjonali ta’ natura vinkolanti;

23.  Ifakkar li l-iskop tal-Artikolu 48 TUE huwa wkoll li jiggarantixxi l-leġittimità demokratika ta’ kwalunkwe bidla fit-trattat permezz tar-rekwiżit tal-involviment obbligatorju tal-Parlament Ewropew fil-proċedura ta’ emenda u tal-parlamenti nazzjonali fil-proċedura ta’ ratifika sussegwenti;

24.  Ma jaqbilx mat-terminu ‘arranġamenti kuntrattwali’ u jinkoraġġixxi li jinstabu modi aħjar biex il-fondi disponibbli taħt l-istrument għall-konverġenza u l-kompetittività (CCI) u r-riformi strutturali jingħaqdu b’mod formali, u jtenni li n-nuqqas ta’ kompetenzi tal-Unjoni u tas-setgħat tal-Unjoni jista’ jingħeleb, fejn meħtieġ bl-użu tal-proċeduri xierqa stipulati fit-Trattati jew, fin-nuqqas ta’ bażi legali xierqa, billi jiġu emendati t-Trattati;

C.DEMOKRAZIJA U ISTITUZZJONIJIET

25.  Ifakkar li skont l-Artikolu 3.4 TUE, l-UEM hi stabbilita mill-Unjoni u l-funzjonament tagħha għandu jissejjes fuq demokrazija rappreżentattiva;

26.  Jenfasizza li l-Parlament Ewropew huwa l-unika istituzzjoni tal-UE li fiha ċ-ċittadini huma direttament rappreżentati fil-livell tal-Unjoni u huwa l-korp parlamentari tal-UEM, u li l-involviment xieraq tiegħu huwa essenzjali sabiex jiġu żgurati l-leġittimità u l-funzjonament demokratiċi tal-UEM u huwa pre-kundizzjoni għal kwalunkwe pass 'il quddiem lejn unjoni bankarja, unjoni fiskali u unjoni ekonomika;

27.  Jenfasizza li leġittimità u responsabbilità xierqa għandhom jiġu żgurati fl-livell nazzjonali u tal-UE mill-parlamenti nazzjonali u mill-Parlament Ewropew, rispettivament; ifakkar fil-prinċipju stipulat fil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2012 li "matul il-proċess, l-objettiv ġenerali jibqa' li jiġu żgurati l-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika fil-livell li fih jittieħdu u jiġu implimentati d-deċiżjonijiet";

28.  Jiddispjaċih għalhekk għan-nuqqas ta’ skrutinju parlamentari tat-Trojka, l-EFSF u l-MES;

29.  Huwa tal-fehma li kwalunkwe differenzjazzjoni formali tad-drittijiet tal-parteċipazzjoni parlamentari fir-rigward tal-oriġini tal-Membri tal-Parlament Ewropew tirrapreżenta diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, li l-projbizzjoni tagħha hija prinċipju fundatur tal-Unjoni Ewropea, u tikser il-prinċipju tal-ugwaljanza taċ-ċittadini tal-Unjoni kif imnaqqax fl-Artikolu 9 TUE;

30.  Iqis li fil-każ ta’ miżuri adottati skont l-Artikolu 136 TFUE jew fil-każ tal-istabbiliment ta’ kooperazzjoni msaħħa, l-assimetrija li tirriżulta mill-involviment, fuq naħa waħda, tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Kunsill li l-munita tagħhom hija l-euro (jew tar-rappreżentanti tal-pajjiżi parteċipanti), u fuq in-naħa l-oħra, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni bħala rappreżentanti taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u l-promozzjoni tal-interess ġenerali tagħha, hija kompletament koerenti mal-prinċipji ta’ differenzjazzjoni u ma tnaqqasx iżda, għall-kuntrarju, ittejjeb il-leġittimità ta’ dawk il-miżuri;

31.  Jenfasizza li r-regoli interni tal-Parlament Ewropew joffru marġini suffiċjenti ta’ manuvrar għall-organizzazzjoni ta’ forom speċifiċi ta’ differenzjazzjoni abbażi ta’ ftehim politiku fi ħdan u fost il-gruppi politiċi sabiex jiġi provdut skrutinju xieraq tal-UEM; ifakkar li l-Artikolu 3(4) tat-TUE jafferma li ‘l-Unjoni għandha tistabbilixxi unjoni ekonomika u monetarja li l-munita tagħha tkun l-euro’, u li l-Protokoll 14 dwar il-Grupp tal-euro jirreferi għall-‘bżonn li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għal djalogu msaħħaħ bejn l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, sa ma l-euro tkun saret il-munita tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni’; jirrimarka li, jekk din is-sitwazzjoni tieħu fit-tul, għad li suppost hija waħda ta' tranżizzjoni, jeħtieġ li jitqies, fi ħdan il-Parlament Ewropew, mekkaniżmu ta' responsabbiltà xierqa għaż-żona tal-euro attwali u għall-Istati Membri li ħadu l-impenn li jingħaqdu magħha;

32.  Iqis li huwa importanti li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni mal-parlamenti nazzjonali abbażi tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 1 anness mat-Trattati, u jilqa’ l-ftehim dwar l-istabbiliment ta’ konferenza interparlamentari li tiddiskuti l-politiki baġitarji u ekonomiċi; jenfasizza, madankollu li din il-kooperazzjoni ma għandhiex tkun intiża għall-istabbiliment ta' korp parlamentari konġunt sħiħ, li jkun ineffettiv u illeġittimu mill-aspett demokratiku u kostituzzjonali u jafferma mill-ġdid li ma jeżisti l-ebda sostitut għat-tisħiħ formali tal-leġittimità sħiħa tal-Parlament Ewropew, bħala korp parlamentari fil-livell tal-Unjoni bil-għan li tissaħħaħ il-governanza demokratika tal-UEM;

33.  Jenfasizza li l-Summit tal-Euro u l-Grupp tal-Euro huma korpi informali għad-diskussjoni u mhux istituzzjonijiet għat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-governanza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

34.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-Kummissjoni fil-governanza tal-UEM, kif ikkonfermat ukoll mill-Patt Fiskali u t-trattati tal-MES, f’li tiggarantixxi l-ordinament ġuridiku tat-trattati tal-UE u taqdi l-interess komuni tal-Unjoni kollha kemm hi;

D.INTEGRAZZJONI DIFFERENZJATA FI ĦDAN IT-TRATTATI EŻISTENTI: LEJN UEM ĠENWINA

35.  Jemmen li l-metodu Komunitarju għandu jintuża għall-miżuri kollha mmirati lejn it-tisħiħ tal-UEM; ifakkar fl-Artikolu 16 tat-TSKG, li jiddikjara li, fi żmien massimu ta' ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dak it-Trattat, fuq bażi ta' valutazzjoni tal-esperjenza bl-implimentazzjoni tiegħu, iridu jittieħdu l-passi neċessarji, skontit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li s-sustanza tat-Trattat tiġi inkorporata fil-qafas ġuridiku tal-Unjoni Ewropea;

36.  Jenfasizza li l-Istati Membri li jużaw l-euro bħala l-munita tagħhom u dawk impenjati biex jadottawha għandhom bżonn jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-istabbiltà u l-konformità mat-Trattat, u jżidu l-kompetittività, l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika; ifakkar li l-euro hija l-munita tal-Unjoni Ewropea u li l-Istati Membri kollha, ħlief dawk li għandhom deroga, huma mistennija jadottaw l-euro meta jasal il-waqt;

37.  Jinnota li, bil-għan li jtaffu l-kriżi u jwieġbu għan-nuqqasijiet strutturali fl-arkitettura tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-gvernijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet Ewropej implimentaw firxa wiesgħa ta' miżuri biex isalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja u jtejbu l-governanza ekonomika; jinnota li dawn id-deċiżjonijiet, bħal ċerti dispożizzjonijiet tas-Six Pack u l-ħolqien tal-MES, jikkonċernaw biss lill-Istati Membri taż-żona tal-euro;

38.  Jilqa' t-twaqqif ta' mekkaniżmu superviżorju uniku li jkopri ż-żona tal-euro u li hu miftuħ għall-Istati Membri l-oħra kollha tal-UE; jenfasizza li l-ħolqien ta' mekkaniżmu uniku għar-riżoluzzjoni tal-banek huwa pass indispensabbli fit-twaqqif ta' unjoni bankarja ġenwina; jikkunsidra li, biex jingħelbu n-nuqqasijiet strutturali inerenti fl-unjoni ekonomika u monetarja u biex jitrażżan b'mod effikaċi l-periklu morali mifrux, l-'unjoni bankarja' proposta għandha tislet mir-riforma li kienet saret aktar qabel tas-settur tas-servizzi finanzjarji tal-Unjoni, kif ukoll il-governanza ekonomika msaħħa, speċjalment fiż-żona tal-euro, u l-qafas baġitarju l-ġdid tas-Semestru Ewropew, biex jiġu żgurati reżiljenza u kompetittività akbar tas-settur bankarju tal-Unjoni, fiduċja akbar fih, u riżervi kapitali msaħħa biex jiġi evitat li, fil-futur, il-baġits pubbliċi tal-Istati Membri jkollhom iħallsu l-ispejjeż tas-salvataġġi finanzjarji tal-banek;

39.  Jinsab estremament inkwetat dwar id-dewmien biex tiġi stabbilita l-unjoni bankarja u l-modalitajiet prattiċi tar-rikapitalizzazzjoni diretta tal-attivitajiet bankarji mill-MES; jinsab allarmat, b’mod partikolari, minħabba l-frammentazzjoni li qed isseħħ bħalissa tas-sistema bankarja tal-UE; jenfasizza li unjoni bankarja robusta u ambizzjuża hija komponent ewlieni ta’ UEM aktar profonda u ġenwina, u politika ewlenija li fuqha l-Parlament ilu jinsisti għal aktar minn tliet snin, b’mod partikolari mindu ġew adottati l-pożizzjonijiet tiegħu dwar ir-regolament dwar l-Awtorità Bankarja Ewropea;

40.  Iqis id-dispożizzjoni tar-regolament MSU li tirrikjedi l-kunsens mill-Parlament Ewropew għall-ħatra tal-presidenza u l-viċi-presidenza tal-Bord Superviżorju bħala preċedent importanti għal rwol imtejjeb tal-PE fil-governanza tal-UEM ibbażata fuq id-differenzjazzjoni;

41.  Jappoġġja l-istrumenti ta' solidarjetà ġodda, bħall-"istrument ta' konverġenza u kompetittività" (CCI); iqis li l-kunċett tas-CCI jista' jsaħħaħ is-sjieda u l-effikaċja tal-politika ekonomika; jenfasizza li tali strumenti jridu jitfasslu b'tali mod li jevitaw kwalunkwe inċertezza ġuridika u t-twessigħ tad-defiċit demokratiku tal-Unjoni;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq, skont is-Semestru Ewropew, proposta għall-adozzjoni ta' kodiċi ta' konverġenza bbażat fuq l-istrateġija Ewropa 2020 u li jkun jistabbilixxi pilastru soċjali b'saħħtu; jinsisti li l-programmi ta’ implimentazzjoni nazzjonali għandhom jiżguraw li l-kodiċi ta’ konverġenza jiġi implimentat mill-Istati Membri kollha, appoġġjati minn mekkaniżmu bbażat fuq l-inċentivi;

43.  Jenfasizza li mekkaniżmu ta' inċentiv ikun isaħħaħ in-natura vinkolanti tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika;

44.  Jirrimarka li l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' infurzar ibbażat fuq l-inċentivi u mmirat biex iżid is-solidarjetà, il-koeżjoni u l-kompetittività għandu jmur id f'id ma' saffi addizzjonali tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika kif mistqarr fid-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li takkumpanja "it-two pack" sabiex jiġi rispettat il-prinċipju li skontu "l-passi lejn aktar responsabbiltà u dixxiplina ekonomika jingħaqdu flimkien ma' aktar solidarjetà";

45.  Jenfasizza li l-mekkaniżmi għall-koordinazzjoni ex-ante, u l-istrumenti tal-konverġenza u l-kompetittività, għandhom japplikaw għall-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro bil-possibbiltà li Stati Membri oħra jingħaqdu fuq bażi permanenti; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għal tali validazzjoni obbligatorja min-naħa tal-parlamenti nazzjonali fil-proposti leġiżlattivi li se jsiru dalwaqt, kif ukoll tiżgura involviment akbar taż-żewġ naħat tal-industrija fil-koordinazzjoni ekonomika;

46.  Huwa tal-opinjoni li kwalunkwe strument tas-CCI ġdid propost għandu jkun ibbażat fuq il-kondizzjonalità, is-solidarjetà u l-konverġenza. jemmen li tali strument għandu jiġi varat biss wara li jkunu ġew identifikati l-isbilanċi soċjali u l-ħtieġa ta’ riformi strutturali maġġuri u fit-tul għat-tisħiħ ta' tkabbir sostenibbli abbażi ta’ valutazzjoni tal-koerenza bejn il-kodiċi ta' konverġenza u l-pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali bl-involviment formali xieraq tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-parlamenti nazzjonali;

47.  Huwa tal-fehma li s-CCI għandu jservi ta' vettura għal żieda fil-kapaċità baġitarja u jkun immirat lejn appoġġ kundizzjonali tar-riformi strutturali, u b'hekk iżid il-kompetittività, it-tkabbir u l-koeżjoni soċjali, filwaqt li jiżgura koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostenuta tal-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri, u jindirizza l-iżbilanċi u d-diverġenzi strutturali; huwa tal-fehma li tali strumenti jservu ta' pedamenti lejn kapaċità fiskali ġenwina;

48.  Iqis l-istabbiliment ta’ dan l-istrument bħala fażi inizjali fit-tisħiħ tal-kapaċità fiskali tal-UEM, u jenfasizza li r-riżorsi finanzjarji tas-CCI għandhom ikunu parti integrali mill-baġit tal-UE, iżda lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, biex jiġu rrispettati t-Trattati u d-dritt tal-UE u jiġi żgurat li l-Parlament Ewropew huwa involut b’mod sħiħ bħala awtorità baġitarja billi, fost l-oħrajn, jippermetti l-adozzjoni każ każ tal-approprjazzjonijiet baġitarji rilevanti;

49.  Jitlob l-inklużjoni ta' riżors proprju ġdid iffinanzjat minn kontribuzzjonijiet imħallsa minn Stati Membri li qed jipparteċipaw fis-CCI taħt Deċiżjoni ta’ Riżorsi Proprji modifikata u billi jiġi assenjat id-dħul ta’ dan ir-riżors proprju ġdid għan-nefqa tas-CCI, u jitlob l-emenda tad-Deċiżjonijiet tar-Riżorsi Proprji jew, jekk dan mhux possibbli, għall-użu tad-dħul tat-Taxxa fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji bħala dħul ieħor sabiex jiġu kkumpensati tali kontribuzzjonijiet diretti;

50.  Jinsisti li fil-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħa l-President tal-Parlament għandu jippreżenta l-fehmiet tal-Parlament dwar L-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir; hu tal-fehma li għandu jiġi nnegozjat ftehim interistituzzjonali sabiex il-Parlament jiġi involut fl-approvazzjoni tal-istħarriġ annwali dwar it-tkabbir u tal-linji gwida għall-politika ekonomika u l-impjiegi;

51.  Itenni l-ħtieġa li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UEM filwaqt li jafferma mill-ġdid li l-politika tal-impjiegi u l-politika soċjali huma politiki tal-Unjoni;

52.  Itenni li skont it-Trattati, il-promozzjoni ta’ rata għolja ta’ impjiegi u l-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata għandhom ikunu kkunsidrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tal-Unjoni ; jitlob l-istabbiliment ta' rati ta' referenza għall-impjiegi u soċjali li jikkumplementaw l-indikaturi fiskali u makroekonomiċi, kif ukoll rapporti ta' progress dwar ir-riformi strutturali, l-għan ikun li jkun żgurat livell xieraq u effiċjenti ta' investiment soċjali u għalhekk is-sostenibilità ta' Unjoni Ewropea soċjali f'perspettiva fit-tul.

53.  Jilqa’ l-fatt li, fit-2 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti, wara l-ftehimiet “2-Pack”, taħt il-presidenza tas-Sinjura Gertrude Trumpel-Gugerell, li għandu l-kompitu li jivvaluta bir-reqqa l-karatteristiċi ewlenin ta’ fond ta’ tifdija potenzjali u eurokambjali, inkluż kwalunkwe dispożizzjoni legali, arkitettura finanzjarja u oqfsa baġitarji kumplementari, u bi ħsiebu jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar dawn il-kwistjonijiet wara li jitressaq ir-rapport tal-grupp ta' esperti;

54.  Iqis li l-operazzjonijiet tal-EFSF/MES u kull struttura simili fil-ġejjieni għandhom ikunu soġġetti għal kontroll u sorveljanza demokratika regolari mill-Parlament Ewropew; Iqis li l-operazzjonijiet tal-EFSF/MES u kull struttura simili fil-ġejjieni għandhom ikunu soġġetti għal kontroll u sorveljanza demokratika regolari mill-Parlament Ewropew;

55.  Jindika li t-trojka għandha tkun responsabbli b'mod xieraq; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tirrapporta b'mod regolari f'isem it-Trojka quddiem il-Parlament Ewropew, permezz ta' rappurtar regolari; ifakkar li l-parteċipazzjoni tal-UE fis-sistema tat-‘trojka’ għandha tkun soġġetta għall-iskrutinju demokratiku mill-Parlament u għall-obbligu ta' għoti ta’ rendikont quddiemu;

E.INTEGRAZZJONI DIFFERENZJATA U BIDLIET FIT-TRATTATI

56.  Iqis li kwalunkwe tibdil futur fit-trattati għandu jafferma integrazzjoni differenzjata bħala għodda li tikseb integrazzjoni akbar filwaqt li ssalvagwardja l-unità tal-Unjoni;

57.  Huwa tal-fehma li bidla futura fit-trattati tista’ tintroduċi livell ġdid ta’ sħubija assoċjata, inkluża integrazzjoni parzjali f’oqsma speċifiċi tal-politika tal-Unjoni bħala mezz sabiex tissaħħaħ il-Politika Ewropea tal-Viċinat;

58.  Iqis li bidla futura fit-Trattati għandha tafferma l-Eurosummit bħala konfigurazzjoni informali tal-Kunsill Ewropew, kif stipulat fit-Titolu V tat-TSKG;

59.  Jissuġġerixxi li l-Grupp tal-Euro jsir konfigurazzjoni informali tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji;

60.  Jitlob li l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jkun Ministru tat-Teżor u Viċi President tal-Kummissjoni permanenti;

61.  Jitlob bidla, b’eċċezzjonijiet limitati, fil-proċeduri ta’ votazzjoni fil-Kunsill li jirrikjedu unanimità għal maġġoranza kwalifikata, u li l-proċeduri leġiżlattivi speċjali eżistenti jiġu konvertiti fi proċeduri leġiżlattivi ordinarji;

62.  Jitlob l-introduzzjoni ta’ bażi legali sabiex jiġu stabbiliti aġenziji tal-Unjoni li jistgħu jwettqu funzjonijiet eżekuttivi u implimentattivi speċifiċi mogħtija lilhom mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

63.  Iqis il-votazzjoni permezz ta’ maġġoranza kwalifikata bil-maqlub fil-Patt Fiskali aktar bħala dikjarazzjoni politika milli strument effettiv ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u jitlob għalhekk l-integrazzjoni tal-RQM fit-Trattati, speċjalment fl-Artikoli 121, 126 u 136 TFUE, b’tali mod li l-proposti jew ir-rakkomandazzjonijiet sottomessi mill-Kummissjoni jkunu jistgħu jidħlu fis-seħħ jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament jew mill-Kunsill fi żmien ċertu perjodu definit minn qabel, sabiex tiġi żgurata ċertezza tad-dritt sħiħa;

64.  Jitlob li jiġi emendat l-Artikolu 136 TFUE sabiex l-ambitu tiegħu jitwessa’ għall-parteċipazzjoni volontarja minn Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro, filwaqt illi jipprovdi għal drittijiet tal-vot sħaħ f’konformità mal-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa, u jitlob it-tneħħija tar-restrizzjonijiet taħt l-Artikolu 136 TFUE u l-aġġornament ta’ dan l-artikolu fi klawżola ġenerali għall-adozzjoni ta’ atti legali li jikkonċernaw il-koordinazzjoni u l-istabbiliment ta’ standards minimi legalment vinkolanti fir-rigward ta’ politika ekonomika, tal-impjiegi u soċjali;

65.  Jitlob l-estensjoni tal-bażi legali fl-Artikolu 127(6) TFUE għall-istituzzjonijiet finanzjarji kollha inklużi l-impriżi tal-assigurazzjoni stabbiliti fis-suq intern;

66.  Jitlob l-inklużjoni tal-Parlament fil-proċedura ta’ ħatra tal-President, il-Viċi-President u membri oħra tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE fl-Artikolu 283 TFUE, billi jirrkjedi l-kunsens tiegħu għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill;

67.  Jistieden lill-Konvenzjoni jmiss li teżamina l-possibilità li tkun introdotta proċedura leġiżlattiva speċjali li tirrikjedi erbgħa minn kull ħames voti fil-Kunsill u maġġoranza tal-membri komponenti tal-Parlament taħt l-Artikolu 312 TFUE għall-adozzjoni tar-regolament li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali;

68.  Jistieden lill-Konvenzjoni li jmiss teżamina l-possibilità li tkun introdotta proċedura leġiżlattiva speċjali li tirrikjedi erbgħa minn kull ħames voti fil-Kunsill u maġġoranza tal-membri komponenti tal-Parlament taħt l-Artikolu 311(3) TFUE għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji;

69.  Jistieden lill-Konvenzjoni li jmiss teżamina l-possibilità li dawk l-Istati Membri li għandhom l-Euro bħala l-munita tagħhom u dawk l-Istati Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw fil-politiki komuni l-ġodda jipprovdu għar-riżorsi speċifiċi proprji fil-qafas tal-baġit tal-UE;

70.  Huwa tal-fehma li l-mezzi finanzjarji tal-aġenziji tal-Unjoni għandhom ikunu parti integrali mill-baġit tal-Unjoni;

71.  Jitlob li l-kunsens tal-Parlament Ewropew għandu jkun rekwiżit fl-emendi tat-Trattati, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri komponenti tiegħu;

72.  Jinsisti li l-Konvenzjoni futura għandu jkollha l-akbar leġittimità demokratika possibbli billi tinvolvi wkoll l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra; tasal għad-deċiżjonijiet tagħha in plenum skont regoli demokratiċi sħaħ; ikollha ħin adegwat għal deliberazzjoni serja u bir-reqqa; topera bi trasparenza sħiħa u l-laqgħat kollha tagħha jkunu miftuħin għall-pubbliku;

73.  Iħeġġeġ l-estensjoni tal-klawżola “passerelle” fl-Artikolu 48(7) TUE għat-Trattati kollha;

o
o   o

74.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Treaty Establishing the European Stability Mechanism (ESM)
(2) Treaty on Stability, Coordination and Governance in the Economic and Monetary Union
(3) ĠU L 306, 23.11.2011.
(4) ĠU L 140, 27.5.2013.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0372.
(7) https://www.ecb.europa.eu/ssm/pdf/4preport/fourpresidentsreport2012-12-05EN.pdf
(8) Testi adottati, P7_TA(2012)0430.
(9) Test adottat, P7_TA(2013)0222.
(10) Test adottat, P7_TA(2013)0269.

Avviż legali - Politika tal-privatezza