Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2012 (2013/2076(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2012,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 123, 282 u 284(3) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b'mod partikolari l-Artikoli 15 u 21 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 1998 dwar ir-responsabbiltà demokratika fit-tielet fażi tal-UEM(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2013 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2011(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "ir-Regolament MSU",
– wara li kkunsidra t-83 Rapport Annwali 2012/2013 tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, ippubblikat fit-23 ta' Ġunju 2013,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 119(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0382/2013),
A. billi, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-PDG fiż-żona tal-euro naqas b'0,6 % fl-2012, wara żieda ta' 1,4 % fl-2011, u ser jonqos b'0,4 % fl-2013 qabel jiżdied b'1,2 % fl-2014;
B. billi, skont l-istess tbassir, il-qgħad fiż-żona tal-euro żdied minn 10,2 % fi tmiem l-2011 għal 11,4 % fi tmiem l-2012, u jista' jkompli jiżdied għal 12,2 % fl-2013 qabel jerġa' jonqos ftit fl-2014, u ġew osservati differenzi kbar bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro li ċ-ċifri tal-qgħad tagħhom ivarjaw bejn 4,3 % u 25 %, b'perċentwali saħansitra ogħla reġistrati fil-qgħad fost iż-żgħażagħ li żdied b'mod sinifikanti matul l-istess perjodu;
C. billi fl-2012 il-BĊE naqqas ir-rati tal-imgħax darba, f'Lulju (25 punt bażi), u kompla naqqashom għal-livell ta' 0,5 % f'Mejju 2013, li huwa l-aktar baxx fl-istorja;
D. billi, skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, ir-rata medja tal-inflazzjoni fiż-żona tal-euro kienet ta' 2,5 % fl-2012, minn 2,7 % fl-2011, u t-tkabbir M3 kien ta' 1,5 % fl-2011, minn 1,7 % fl-2010;
E. billi d-dikjarazzjoni finanzjarja kkonsolidata tal-Eurosistema laħqet EUR 3 000 biljun fl-aħħar tal-2012, ammont li jirrappreżenta żieda ta' madwar 12 % matul l-2012;
F. billi l-assi mhux negozjabbli rrappreżentaw l-akbar komponent ta' assi miġjuba bħala kollateral għall-Eurosistema matul l-2012, u jammontaw għal madwar 25 % tat-total; billi t-titoli mhux negozjabbli, flimkien ma' titoli appoġġjati mill-assi, jirrappreżentaw aktar minn 40 % tal-assi totali miġjuba bħala kollateral;
G. billi l-fatturat aggregat tal-istrumenti kollha fis-suq tal-flus f'euro naqas b'14 % fit-tieni kwart tal-2012 meta mqabbel mat-tieni kwart tas-sena ta' qabel;
H. billi l-linji ta' Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità mogħtija mill-banek ċentrali nazzjonali kif rappreżentati taħt l-entrata "klejms oħrajn kontra istituzzjonijiet ta' kreditu taż-żona euro denominati f'euro" tad-dikjarazzjoni finanzjarja kkonsolidata tal-Eurosistema laħqu livelli mingħajr preċedent matul l-2012 u ammontaw għal EUR 206 biljun fl-aħħar tal-2012;
I. billi l-operazzjonijiet ta' rifinanzjament fit-tul tal-BĊE ta' Frar 2012 ipprovdew EUR 529,5 biljun lill-istituzzjonijiet finanzjarji bbażati fiż-żona tal-euro f'self b'maturità ta' tliet snin u rata tal-imgħax inizjali ta' 1 %;
J. billi r-rata ta' tkabbir tal-kreditu mill-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (MFI) lir-residenti taż-żona tal-euro naqset b'mod sinifikanti bejn Diċembru 2011 u Diċembru 2012, minn 1 % f'Diċembru 2011 għal 0,4 % f'Diċembru 2012, u l-kreditu lis-settur privat naqas b'0,7 % f'Diċembru 2012;
K. billi, għal darb'oħra skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2013 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-dejn gross medju tal-gvernijiet fiż-żona tal-euro żdied minn 88 % fl-2011 għal 92,7 % tal-PDG fl-2012, u d-defiċit aggregat ġenerali tal-gvernijiet naqas minn 4,2 % għal 3,7 % tal-PDG;
L. billi l-operazzjonijiet ta' rifinanzjament fit-tul tal-BĊE ta' Diċembru 2011 u Frar 2012 taw aktar minn EUR 1 000 biljun – EUR 489 biljun u EUR 529.5 biljun rispettivament – lill-banek Ewropej permezz ta' self b'imgħax ikkollateralizzat fuq perjodu massimu ta' tliet snin u b'rata tal-imgħax indiċizzata għar-rata medja tal-operazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid tal-BĊE matul il-maturitá tal-operazzjonijiet;
M. billi l-Previżjoni Ekonomika Ewropea fir-Rebbiegħa 2012 indikat livelli baxxi ta' fiduċja mill-impriżi u l-konsumaturi, rata għolja ta' qgħad li tillimita l-konsum privat u tnaqqis fl-esportazzjoni mill-2010, li wasslu għal waqfien fit-tkabbir tal-PDG matul l-2011 u l-2012;
N. billi l-intrapriżi żgħar u u ta' daqs medju (SMEs) jibqgħu s-sinsla tal-ekonomija taż-żona tal-euro, fejn jirrappreżentaw madwar 98 % tal-kumpaniji kollha taż-żona tal-euro, jimpjegaw madwar tliet kwarti tal-impjegati fiż-żona tal-euro u jiġġeneraw madwar 60 % tal-valur miżjud;
O. billi l-affidabbiltà tal-kreditu u s-saħħa finanzjarja tal-SMEs iddeterjoraw aktar malajr minn dawk tal-kumpaniji kbar, u ż-żmien imtawwal tal-kundizzjonijiet ekonomiċi dgħajfa kompla jaggrava l-isfidi ta' informazzjoni asimmetrika tal-SMEs;
P. billi, skont informazzjoni mogħtija fl-Istħarriġ dwar l-Aċċess għall-Finanzi tal-Intrapriżi (SAFE), il-profitti, il-likwidità, il-bafers u l-kapital tal-SMEs żviluppaw b'mod inqas favorevoli minn dawk tal-kumpaniji l-kbar waqt il-kriżi;
Q. billi l-Artikolu 282 tat-TFUE jafferma li l-objettiv primarju tal-BĊE huwa li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet; billi l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) jaħdem taħt l-awspiċji tal-BĊE fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja;
R. billi l-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) innota fir-Rapport Annwali tiegħu li, permezz tal-politika dwar ir-rati baxxi tal-imgħax fiż-żona tal-euro, l-isforzi għar-riforma fl-Istati Membri naqsu b'mod sinifikanti ;
S. billi l-Artikolu 123 tat-TFUE u l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew jipprojbixxu l-iffinanzjar monetarju tal-gvernijiet;
T. billi ambjent ta' inflazzjoni baxxa huwa l-aħjar kontribuzzjoni li l-politika monetarja tista' tagħti biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta' impjiegi, il-koeżjoni soċjali u l-istabbiltà finanzjarja;
U. billi l-azzjonijiet tal-awtoritajiet makroprudenzjali nazzjonali għandhom jieħdu kont tar-responsabbiltà tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku għas-superviżjoni makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-UE;
V. billi ż-żamma ta' fluss ta' kreditu għall-SMEs hi partikolarment importanti peress li jimpjegaw 72 % tal-forza tax-xogħol taż-żona tal-euro u għandhom rati gross ogħla ta' ħolqien (u l-qerda) ta' impjiegi meta mqabbla ma' kumpaniji kbar;
W. billi r-rakkomandazzjonijiet imressqa fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-rapporti annwali tal-BĊE, rigward it-trasparenza tal-votazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-minuti fil-qosor, għadhom ma ġewx ikkunsidrati;
X. billi l-faċilità ta' depożitu kien fiha EUR 315,754 miljun fit-28 ta' Settembru 2012;
Y. billi l-kreditu fiż-żona tal-euro globalment qed jonqos bi 2 % kull sena, bi tnaqqis akbar f'ċerti pajjiżi, fosthom Spanja li rat tnaqqis annwali ta' 8 % fl-2012;
Z. billi l-SMEs ikollhom iħallsu spejjeż ta' self ħafna ogħla skont il-pajjiż taż-żona tal-euro li fih jinsabu, u b'hekk jinħoloq tgħawwiġ fis-suq uniku;
AA. billi l-kriżi tal-kreditu li qed taffettwa lill-SMEs f'xi partijiet taż-żona tal-euro hija waħda mill-problemi fundamentali li qed idewmu l-irkupru ekonomiku;
Politika monetarja
1. Jilqa' l-miżuri kuraġġużi meħuda mill-BĊE fl-2012, li kkontribwew b'mod deċiżiv biex jiġi stabbilizzat is-settur bankarju u għenu biex jinqata' l-irbit bejn il-banek u s-sovran;
2. Jinsab imħasseb profondament dwar il-fatt li kundizzjonijiet ekonomiċi ħżiena qegħdin isiru n-norma f'partijiet mill-UE, u dan joħloq instabbiltà għaż-żona tal-euro kollha u jhedded l-appoġġ popolari u politiku għall-proġett Ewropew kollu;
3. Jinnota li r-rikors għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament ewlenin, l-operazzjonijiet ta' rifinanzjament fuq żmien medju u twil b'allokazzjoni sħiħa b'rati fissi, u għall-faċilità ta' self marġinali, l-Assistenza ta' Emerġenza fil-Likwidità (ELA) u l-faċilità ta' depożitu baqgħu kollha fuq livelli għoljin sew matul l-2012, u dan huwa sinjal ta' indeboliment qawwi tal-mekkaniżmu ta' trażmissjoni monetarja u tas-suq tas-self interbankarju taż-żona tal-euro, għalkemm is-sitwazzjoni tjiebet b'mod sinifikanti hekk kif ġiet osservata stabbilizzazzjoni tal-firxiet u tal-iżbilanċi fit-TARGET II matul it-tieni nofs tas-sena;
4. Jemmen li l-effetti pożittivi tad-deċiżjonijiet ta' Lulju 2012 li jitnaqqsu r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE huma limitati, peress li f'ħafna partijiet taż-żona tal-euro l-kanal ta' trażmissjoni monetarja ma jaħdimx jew huwa mdgħajjef ferm; ifakkar li, fuq medda twila ta' żmien, rati tal-imgħax baxxi ħafna jistgħu joħolqu tgħawwiġ fis-settur tan-negozju u jagħmlu ħsara lill-pjanijiet ta' tfaddil u ta' pensjoni privati;
5. Jinnota li l-President tal-BĊE, meta indirizza lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew fit-8 ta' Lulju 2013, ħabbar li r-rati tal-imgħax ewlenin tal-BĊE kienu mistennija li jibqgħu fil-livelli attwali jew f'livelli aktar baxxi għal perjodu estiż ta' żmien fid-dawl ta' previżjoni ġeneralment imrażżna tal-inflazzjoni li testendi għal perjodu medju, minħabba d-dgħufija wiesgħa tal-ekonomija u dinamiċi monetarji mrażżna;
6. Jinnota bi tħassib li d-domanda tas-sistema bankarja għal-likwidità mill-Eurosistema żdiedet fl-2012, u b'hekk saħħet id-dipendenza tas-sistema bankarja fuq l-intervent tal-Eurosistema, u jwissi dwar ir-riskji ta' tali dipendenza;
7. Iqis li l-operazzjoni ta' rifinanzjament fit-tul (LTRO) ta' tliet snin imnedija f'Marzu 2012 ikkontribwiet biex tiġi stabbilizzata s-sistema bankarja, iżda li din għandha tkun miżura temporanja; jinnota li, minkejja l-likwidità introdotta fis-sistema bankarja mil-LTRO, il-kreditu disponibbli għall-ekonomija reali xorta huwa taħt il-livelli ta' qabel il-kriżi; jifhem li d-domanda għall-krediti min-negozji hija attwalment ta' livell baxx ħafna, u dan jagħmilha diffiċli għall-banek biex isellfu;
8. Jinsab imħasseb ħafna dwar it-trasferiment tar-riskji minn banek u gvernijiet f'diffikultajiet għall-karta tal-bilanċ tal-BĊE b'riżultat tad-deċiżjoni tal-BĊE li jixtri ammonti 'illimitati' ta' dejn tal-gvern fuq perjodu ta' żmien qasir; jenfasizza li l-LTROs ma jipprovdux soluzzjoni fundamentali għall-kriżi;
9. Iqis li l-funzjonijiet ta' bank ċentrali nazzjonali għandhom jitwettqu b'mod li huwa kompatibbli bis-sħiħ mal-indipendenza funzjonali, istituzzjonali u finanzjarja biex tiġi salvagwardjata l-prestazzjoni xierqa tal-kompiti tiegħu skont it-Trattat u l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-BĊE;
10. Jenfasizza li tkabbir insuffiċjenti fis-settur tan-negozju Ewropew mhuwiex dovut prinċipalment minħabba nuqqas fid-disponibbiltà ta' kreditu offrut mis-settur bankarju;
11. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-restrizzjoni fil-kreditu tidher li hija severa ħafna għall-SMEs, minħabba l-fatt li l-perċezzjoni tal-banek hi li dawn għandhom probabbiltà ta' inadempjenza ogħla minn ta' kumpaniji ikbar u li l-SMEs ħafna drabi ma jkunux jistgħu jbiddlu mill-kreditu bankarju għal sorsi oħra ta' finanzjament estern;
12. Jenfasizza t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-frammentazzjoni konsiderevoli tal-kundizzjonijiet ta' self għall-SMEs fil-pajjiżi taż-żona tal-euro;
13. Jenfasizza r-rwol importanti – għalkemm limitat – li kellu l-Programm tas-Swieq tat-Titoli (SMP) sa Settembru 2012 fl-indirizzar tan-nuqqasijiet f'ċerti segmenti tas-suq tat-titoli tad-dejn sovran fiż-żona tal-euro;
14. Jilqa' l-istabbiliment tat-Tranżizzjonijiet Monetarji Definittivi (OMTs), mingħajr limiti kwantitattivi ex ante, sabiex tiġi salvagwardjata t-trażmissjoni tal-politika monetarja, iżda jiddeplora d-deċiżjoni li l-attivazzjoni tal-OMT tkun kollegata mal-kundizzjonalitajiet stretti marbutin mal-programm tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja/Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (EFSF/MES);
15. Jifhem it-twissijiet tal-BĦI dwar perjodu twil iżżejjed ta' politika monetarja akkomodattiva; isegwi b'interess id-diskussjonijiet f'ħafna mill-banek ċentrali ewlenin dwar l-aħjar skeda ta' żmien biex jiġu likwidati l-politiki monetarji laxki tagħhom; jinnota li, fost oħrajn, il-Federal Reserve Board għandu l-intenzjoni li jabbanduna l-politiki attwali malajr kemm jista' jkun; jifhem li l-BĊE ser iżomm pożizzjoni ta' politika akkomodattiva sakemm is-settur bankarju ma jiġix stabbilizzat b'mod sħiħ, u sakemm ir-riperkussjonijiet fis-settur pubbliku jibqgħu ta' theddida, politika li hija possibbli minħabba r-rati ta' inflazzjoni baxxi mistennija fuq żmien medju;
16. Iqis li huwa meħtieġ li l-programmi tal-BĊE għall-forniment ta' likwidità jindirizzaw ukoll b'mod xieraq it-tħassib relatat mal-inflazzjoni, pereżempju permezz tal-isterilizzazzjoni;
17. Iqis li, fid-dawl tal-iżviluppi reċenti fl-Istati Uniti, l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir ogħla fl-ekonomija jirrappreżentaw bażi b'saħħitha u soda għat-tneħħija progressiva tal-miżuri ta' politika ta' tnaqqis kwantitattiv;
18. Ifakkar li l-miżuri mhux standard tal-politika monetarjatal-BĊE kellhom l-intenzjoni li jkunu ta' natura tranżitorja u, għalhekk, m'għandhom b'ebda mod jiġu kkunsidrati mis-settur bankarju bħala strument permanenti;
19. Iħeġġeġ lill-BĊE biex jibgħat sinjali ċari lis-suq fir-rigward tal-perjodu ta' attivazzjoni stmat tal-miżuri mhux standard tal-politika monetarja tagħha, u biex jibda t-tneħħija gradwali ta' tali miżuri malli tonqos it-tensjoni fis-settur bankarju, malli r-rabta bejn il-banek u s-sovran tkun tista' tinqata', u malli l-indikaturi ekonomiċi relatati mat-tkabbir u l-inflazzjoni jiġġustifikaw deċiżjoni bħal din;
20. Iqis li l-għodod ta' politika monetarja li l-BĊE uża sa mill-bidu tal-kriżi, filwaqt li pprovdew solliev li ntlaqa' tajjeb fi swieq finanzjarji f'diffikultà, urew il-limiti tagħhom fir-rigward tal-istimolu tat-tkabbir u tat-titjib tas-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol; iqis, għalhekk, li l-BĊE jista' jesplora miżuri ulterjuri;
21. Jinsab imħasseb dwar il-livelli għoljin ħafna tal-ELA pprovduta minn banek ċentrali nazzjonali matul l-2011, u jitlob żvelar ulterjuri ta', u informazzjoni komplimentari dwar, il-firxa preċiża u l-operazzjonijiet sottostanti ta' tali linji u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom;
22. Jirrikonoxxi li peress li l-mekkaniżmu ta' trażmissjoni monetarja mhux qed jaħdem sew, il-BĊE għandu jfittex modi kif jindirizza l-SMEs b'mod aktar dirett; jindika li fil-preżent SMEs simili miż-żona tal-euro kollha m'għandhomx aċċess simili għal self minkejja li għandhom prospetti u riskji ekonomiċi simili; jistieden lill-BĊE jimplimenta politika ta' xiri ta' self titolizzat ta' kwalità għolja tal-SMEs, partikolarment minn xi Stati Membri fejn il-mekkaniżmu ta' trażmissjoni monetarja ma jaħdimx; jenfasizza li din il-politika għandha tkun limitata fl-ammont u fiż-żmien, totalment sterilizzata u indirizzata biex tevita riskji għall-karta tal-bilanċ tal-BĊE;
23. Jemmen li l-BĊE għandu jikkunsidra b'mod serju ħafna l-possibbiltà li jniedi programm speċifiku biex jgħin lill-SMEs ikollhom aċċess għall-kreditu fuq il-linji tal-iskema tal-finanzjament għas-self tal-Bank of England;
24. Iqis li s-sistema ta' pagament TARGET II kellha rwol importanti biex tissalvagwardja l-integrità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro; jinnota, madankollu, li l-iżbilanċi sinifikanti tat-TARGET II jiżvelaw il-frammentazzjoni inkwetanti tas-swieq finanzjarji fiż-żona tal-euro, kif ukoll id-delokalizzazzjoni kontinwa tal-kapital fi Stati Membri li qed jesperjenzaw jew li huma mhedda minn diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom;
25. Jistieden lill-BĊE jippubblika d-deċiżjoni legali rigward il-programm OMT sabiex id-dettalji u l-implikazzjonijiet tagħha jkunu jistgħu jiġu analizzati aktar fil-fond;
26. Jenfasizza li l-linji tal-ELA huma rrappurtati fil-karti tal-bilanċ ikkonsolidata tal-Eurosistema taħt il-kategorija "klejms oħrajn kontra istituzzjonijiet ta' kreditu taż-żona euro denominati f'euro" mingħajr ma hi pprovduta ebda divulgazzjoni ulterjuri u informazzjoni granulari oħra dwar tali linji, jew dwar l-operazzjonijiet u l-kundizzjonijiet sottostanti marbuta magħhom; jitlob lill-BĊE jtejjeb ir-rappurtar dwar l-iżviluppi tal-ELA ipprovdut fuq is-sit elettroniku tiegħu għal kull pajjiż;
27. Iqis bħala inkoraġġanti l-istabbilizzazzjoni tal-livelli tal-iżbilanċi tat-TARGET II matul it-tieni nofs tal-2012; jenfasizza li s-sistema ta' pagament TARGET II kellha rwol importanti biex tissalvagwardja l-integrità tas-sistema finanzjarja taż-żona tal-euro; jibqa', madankollu, imħasseb dwar il-frammentazzjoni attwali tas-swieq finanzjarji fiż-żona tal-euro;
28. Ifakkar l-indipendenza tal-BĊE fit-tmexxija tal-politika monetarja tiegħu, kif stabbilit fit-Trattati; jargumenta li t-tmexxija tal-politika monetarja għandha tkun demokratika u għandha tirriżulta minn diskussjoni ta' perspettivi u approċċi differenti sabiex it-trasparenza, u b'hekk ir-responsabbiltà demokratika, jkunu jistgħu jissaħħu; ifakkar, f'dan ir-rigward, l-importanza tad-djalogu monetarju u tal-mistoqsijiet imressqa bil-miktub mill-Membri tal-PE;
29. Jinsab imħasseb dwar l-effetti sekondarji possibbli ta' politika monetarja straordinarjament akkomodattiva fit-tul, bħal teħid aggressiv ta' riskji, l-akkumulazzjoni ta' żbilanċi finanzjarji, tgħawwiġ fl-ipprezzar fis-swieq finanzjarji u inċentivi għad-dewmien tal-korrezzjoni tal-karta tal-bilanċ u tar-riformi meħtieġa; iħeġġeġ lill-BĊE jikseb il-bilanċ ġust bejn ir-riskji li jabbanduna b'mod prematur il-politika monetarja straordinarjament akkomodattiva tiegħu u r-riskji assoċjati mad-dewmien ulterjuri ta' tali deċiżjoni;
30. Jenfasizza li l-BĊE għandu jkun lest jikkonforma mal-ogħla standards ta' responsabbiltà meta jwettaq il-kompiti ta' politika monetarja tiegħu u l-kompiti superviżorji tiegħu fil-konfront tal-Parlament, u jfakkar, f'dan ir-rigward, l-importanza tad-djalogu monetarju u tal-mistoqsijiet bil-miktub imressqa mill-Membri tal-PE; ifakkar li għadu qed jintalab li jkun hemm aktar trasparenza fil-BĊE, xi ħaġa li tissarraf f'aktar kredibbiltà u prevedibbiltà, u japprezza t-titjib li diġà ġie implimentat f'dan il-qasam;
31. Iqis li r-rata tal-kambju hija fattur varjabbli kruċjali tal-politika ekonomika li għandu impatt fuq il-kompetittività taż-żona tal-euro; jenfasizza l-importanza li l-euro jingħata appoġġ bħala munita internazzjonali;
32. Jistieden lill-BĊE biex, f'kooperazzjoni mal-banek ċentrali nazzjonali, jispjega l-politiki tiegħu f'termini ta' ftehimiet ta' skambju ta' muniti mfassla biex jgħinu biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja;
Unjoni bankarja
33. Jinnota li s-Sistema Bankarja Ewropea għadha fraġli u teħtieġ tiġi riformata f'termini strutturali u kkonsolidata permezz tal-iżvilupp ta' unjoni bankarja reali;
34. Jilqa' l-progress miksub fin-negozjati dwar ir-regolament dwar il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) li jagħti lill-BĊE s-setgħa ta' superviżjoni fuq istituzzjonijiet ta' kreditu taż-żona tal-euro u dawk li jixtiequ jissieħbu; jemmen li l-istabbiliment tal-MSU se jikkontribwixxi biex jinqatgħu r-rabtiet bejn il-banek u l-gvernijiet u se jgħin fl-iżvilupp ta' approċċ Ewropew komuni għall-ġestjoni tal-kriżi;
35. Jilqa' b'mod partikolari l-involviment tiegħu fil-ħatra tal-President u l-Viċi President tal-Bord Superviżorju;
36. Iqis li l-istabbiliment tal-MSU għandu jikkontribwixxi biex tiġi restitwita l-fiduċja fis-settur bankarju u biex terġa' tingħata l-ħajja lis-self interbankarju u l-flussi ta' kreditu transfruntieri permezz ta' superviżjoni integrata indipendenti għall-Istati Membri kollha li jipparteċipaw;
37. Jistieden lill-MSU jopera b'aderenza sħiħa mal-ġabra unika ta' regoli għas-servizzi finanzjarji u b'mod li huwa konsistenti għalkollox mal-prinċipji li jirfdu s-suq uniku fis-servizzi finanzjarji;
38. Iqis li l-BĊE għandu jilqa' l-possibbiltà li jinvolvi fl-MSU lill-Istati Membri li mhumiex parti miż-żona tal-euro biex jiżgura armonizzazzjoni akbar ta' prattiki superviżorji fl-UE;
39. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni produttiva bejn il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qafas tal-MSU, sabiex tiġi żgurata superviżjoni effettiva u bla xkiel;
40. Jilqa' t-tħejjija ta' analiżi dettaljata tal-kwalità tal-assi għall-banek kollha li se jiġu taħt is-superviżjoni diretta tal-MSU u li se tikkontribwixxi għall-istress test ġenerali li se jsir mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), f'kooperazzjoni mal-MSU, fit-tieni kwart tal-2014;
41. Jinnota li t-tisħiħ tal-BĊE li jirriżulta mill-istabbiliment tal-MSU jeħtieġ jiġi bbilanċjat minn responsabbiltà akbar fil-konfront tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew;
42. Iqis li t-trasparenza fil-qasam tas-superviżjoni bankarja hija essenzjali, kif maqbul fil-ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew;
43. Jinnota li l-allokazzjoni ta' kompiti superviżorji lill-BĊE ġġib magħha sfidi ġodda f'termini ta' kunflitt ta' interess, u jilqa' d-dispożizzjonijiet f'dan ir-rigward previsti fil-ftehim interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-BĊE; ifakkar li, sabiex jimplimenta bis-sħiħ dawn id-dispożizzjonijiet, il-BĊE mistenni jintroduċi regoli aktar preċiżi li jinkludu, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet dwar perjodi ta' riflessjoni (cooling-off periods) għall-persunal f'karigi għoljin tal-maniġment involut fis-superviżjoni bankarja;
44. Ifakkar li huwa ta' importanza kbira li l-BĊE jiżgura s-separazzjoni fl-operat tal-unitajiet ċentrali li jħejju l-abbozzi tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika monetarja u tal-politika superviżorja; jenfasizza l-ħtieġa kruċjali għall-ftehim negozjat bejn il-BĊE u l-Parlament Ewropew fir-rigward ta' miżuri prattiċi li jiżguraw ir-responsabbiltà demokratika;
45. Iqis bħala urġenti l-approvazzjoni tal-istabbiliment ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni sabiex ikunu protetti l-kontribwenti u jiġu evitati kriżijiet bankarji ulterjuri;
46. Jenfasizza li, bil-għan li titjieb ir-reżiljenza tas-sistema bankarja, huwa essenzjali li tissaħħaħ id-diversità tagħha billi jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta' banek lokali żgħar u ta' daqs medju;
Kwistjonijiet istituzzjonali
47. Jirrimarka li r-regolament dwar l-MSU jipprevedi arranġamenti interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-BĊE dwar ir-responsabbiltà demokratika li jenfasizzaw ir-rwol tal-Parlament; iħeġġeġ lill-BĊE jissodisfa l-obbligi l-ġodda, b’mod partikolari fir-rigward tar-responsabbiltà demokratika u t-trasparenza fl-attivitajiet superviżorji tiegħu;
48. Jistieden lill-BĊE jissottometti kull aspett tal-attività tiegħu għal awtovalutazzjoni kritika, inkluż l-impatt tal-programmi ta' aġġustament li huwa għen biex jitfasslu, u l-adegwatezza ex post tal-assunzjonijiet u x-xenarji makroekonomiċi li fuqhom huma bbażati dawn il-programmi;
50. Jinsab imħasseb dwar id-disprezz muri mill-Kunsill lejn ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-ħatra ta' Membru ġdid fuq il-bord eżekuttiv tal-BĊE(3) , u jinnota li għandha tingħata l-konsiderazzjoni dovuta kemm lill-kompetenza kif ukoll lis-sess tal-membri fil-ħatra tal-maniġment superjuri tal-BĊE; huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-BĊE, għandhom jagħtu l-eżempju fil-qasam tal-bilanċ bejn is-sessi u li huwa essenzjali li tittejjeb ir-rappreżentazzjoni tas-sessi fil-pożizzjonijiet ewlenin fil-BĊE; jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri injoraw il-vot negattiv fil-Parlament, kemm fil-Kumitat ECON kif ukoll fis-seduta plenarja, minħabba n-nuqqas ta' perspettiva ta' bilanċ bejn is-sessi fil-ħatra ta' Yves Mersch; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinkorporaw perspettiva ta' bilanċ bejn is-sessi, bil-possibbiltà ta' azzjoni pożittiva bbażata fuq ir-rappreżentazzjoni tas-sessi bilanċjata, fil-ħatra tal-membri fuq il-Bord Eżekuttiv;
51. Ifakkar li, skont l-Artikolu 10.4 tal-Protokoll Nru 4 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, filwaqt li l-proċeduri tal-laqgħat tal-Kunsill Governattiv għandhom ikunu kunfidenzjali, dan jista' jiddeċiedi li jippubblika r-riżultat tad-deliberazzjonijiet tiegħu; jitlob lill-BĊE jipprovdi tweġiba motivata, fir-rapporti annwali suċċessivi tiegħu, għar-rapport annwali tal-Parlament dwar il-BĊE ;
o o o
52. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.