Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar it-tneħħija tal-organi fiċ-Ċina (2013/2981(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006(1) u tal-14 ta' Marzu 2013(2) dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-rapport annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2011 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(3), tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2009 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(4), u tad-19 ta' Mejju 2010 dwar il-'Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Pjan ta’ azzjoni dwar id-Donazzjoni tal-Organi u t-Trapjanti (2009-2015): Kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri(5),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha dwar id-dritt tal-integrità tal-persuna,
– wara li kkunsdira s-seduti ta' smigħ tal-21 ta' Novembru 2009, tas-6 ta' Diċembru 2012 u tat-2 ta' Diċembru 2013 mis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem u x-xhieda rispettiva tas-Segretarju preċedenti tal-Istat tal-Asja u l-Paċifiku David Kilgour u tal-avukat tad-drittijiet tal-bniedem David Matas dwar tneħħija tal-organi fuq skala kbira mwettqa fuq prattikanti tal-Falun Gong fiċ-Ċina sa mill-2000,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-tortura u t-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, ratifikata miċ-Ċina fl-4 ta' Ottubru 1988,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Repubblika Popolari taċ-Ċina twettaq aktar minn 10 000 trapjant tal-organi kull sena u 165 ċentru Ċiniż ta' trapjant tal-organi jirriklama li organi li jaqblu jistgħu jinstabu fi żmien ġimagħtejn jew erba' ġimgħat, imma kif inhuma l-affarijiet iċ-Ċina ma għandhiex sistema pubblika organizzata jew effettiva ta' donazzjoni jew ta' distribuzzjoni ta' organi; billi s-sistema tat-trapjant tal-organi fiċ-Ċina ma tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa rigward trasparenza u traċċabbiltà fil-modi tal-akkwist tal-organi, u billi l-Gvern Ċiniż irresista skrutinju indipendenti tas-sistema; billi l-kunsens volontarju u infurmat hu prekundizzjoni għal donazzjoni etika tal-organi;
B. billi r-Repubblika Popolari taċ-Ċina għandha rati estremament baxxi ta' donazzjoni volontarja ta' organi minħabba twemmin tradizzjonali; billi fl-1984 iċ-Ċina implimentat regolamenti li jippermettu t-tneħħija tal-organi minn priġunieri li ngħataw sentenza ta' mewt;
C. billi l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina naqas milli jagħti rendikont adegwat tas-sorsi eċċessivi ta' organi meta ntalab informazzjoni mir-Rapporteur Speċjali preċedenti tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-tortura u t-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, Manfred Nowak, u mir-riċerkaturi Kanadiżi David Matas, avukat dwar id-drittijiet tal-bniedem, u David Kilgour, Segretarju preċedenti tal-Istat tal-Asja u l-Paċifiku;
D. billi Huang Jiefu, Direttur tal-Kumitat Ċiniż dwar id-Donazzjoni tal-Organi u Viċi Ministru preċedenti tas-Saħħa, iddikkjara, fil-Konferenza ta' Madrid dwar id-Donazzjoni u t-Trapjant tal-Organi fl-2010, li aktar minn 90% ta' organi trapjantati fiċ-Ċina li ttieħdu minn donaturi mejta ġew minn priġunieri li ngħataw is-sentenza tal-mewt, u qal li sa nofs l-2014 l-isptarijiet kollha liċenzjati għat-trapjant tal-organi se jkunu mitluba li jieqfu milli jużaw organi minn priġunieri li ngħataw is-sentenza tal-mewt u li jużaw biss dawk mogħtija b'mod volontarju u allokati mis-sistema nazzjonali li għadha kif bdiet tiffunzjona;
E. billi r-Repubblika Popolari taċ-Ċina ħabbret l-intenzjoni tagħha li twaqqqaf b'mod gradwali t-tneħħija tal-organi minn priġunieri li ngħataw is-sentenza tal-mewt sal-2015, kif ukoll tintroduċi sistema komputerizzata ta' allokazzjoni ta' organi magħrufa bħala Sistema ta' Rispons ta' Trapjant tal-Organi Ċiniża (COTRS), b'hekk tikkontradixxi l-impenn li ħadet li l-isptarijiet kollha liċenzjati għat-trapjant tal-organi se jkunu mitluba jieqfu jużaw organi minn priġunieri li ngħataw is-sentenza tal-mewt sa nofs l-2014;
F. billi f'Lulju 1999 il-Partit Komunist Ċiniż nieda kampanja intensiva ta' persekuzzjoni mal-pajjiż kollu, maħsuba biex teqred il-prattika spiritwali tal-Falun Gong u twassal għall-arrest u d-detenzjoni ta' mijiet ta' eluf ta' prattikanti tal-Falun Gong; billi hemm rapporti li priġunieri tal-Uyghur u tat-Tibet ukoll kienu suġġetti għal trapjanti furzati tal-organi;
G. billi l-Kumitat tan-NU kontra t-Tortura u r-Rapporteur Speċjali tan-NU kontra t-tortura u t-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti oħra esprimew tħassib dwar l-allegazzjonijiet ta' tneħħija ta' organi minn priġunieri, u sejħu lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex iżid ir-responsabbiltà u t-trasparenza tas-sistema ta' trapjant tal-organi u jikkastiga lil dawk responsabbli għal abbużi; billi l-qtil ta' priġunieri reliġjużi jew politiċi għal iskop ta' bejgħ tal-organi tagħhom għat-trapjant hija vjolazzjoni ferm ħażina u intolerabbli tad-dritt fundamentali għall-ħajja;
H. billi fit-12 ta' Novembru 2013 l-Assemblea Ġenerali tan-NU għażlet liċ-Ċina biex isservi fuq il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għal perjodu ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2014;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar rapporti persistenti u kredibbli ta' tneħħija sistematika ta' organi approvata mill-istat minn priġunieri ta' kuxjenza li ma jkunux taw il-kunsens tagħhom fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, inkluż minn għadd kbir ta' prattikanti tal-Falun Gong mitfugħa l-ħabs għat-twemmin reliġjuż tagħhom, kif ukoll minn membri ta' gruppi reliġjużi, etniċi jew ta' minoranza oħra;
2. Jenfasizza li l-waqfien gradwali tat-tneħħija tal-organi minn priġunieri li ngħataw is-sentenza tal-mewt sal-2015 mhijiex aċċetabbli; jitlob lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina biex itemm immedjatament il-prattika ta' tneħħija ta' organi minn priġunieri ta' kuxjenza u membri ta' gruppi reliġjużi u ta' minorità etnika;
3. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha iqajmu l-kwistjoni tat-tneħħija tal-organi fiċ-Ċina; jirrakkomanda li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkundannaw pubblikament l-abbużi ta' trapjant tal-organi fiċ-Ċina u jqajmu kuxjenza dwar din il-kwistjoni fost iċ-ċittadini tagħhom li jkunu qed jivvjaġġaw lejn iċ-Ċina; jitlob għal investigazzjoni sħiħa u trasparenti mill-UE dwar il-prattiki ta' trapjant tal-organi fiċ-Ċina, u biex jitressqu quddiem il-qorti dawk li jinstabu li jkunu pparteċipaw fi prattiki mhux etiċi bħal dawn;
4. Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jirrispondu b'mod adegwat għat-talbiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU kontra t-tortura u t-trattament jew il-pieni krudili, inumani jew degradanti oħra u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew twemmin li qed jitolbu lill-Gvern Ċiniż jispjega s-sorsi żejda ta' organi wara li żdied l-għadd ta' operazzjonijiet ta' trapjant ta' organi, u li jippermettulhom iwettqu investigazzjoni dwar il-prattiki tat-trapjant tal-organi fiċ-Ċina;
5. Jitlob il-ħelsien immedjat tal-priġunieri kollha ta' kuxjenza fiċ-Ċina, inkluż il-prattikanti tal-Falun Gong;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu Ċiniż.