Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2982(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0563/2013

Dibattiti :

PV 12/12/2013 - 17.3
CRE 12/12/2013 - 17.3

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2013 - 18.3
CRE 12/12/2013 - 18.3

Testi adottati :

P7_TA(2013)0604

Testi adottati
PDF 222kWORD 57k
Il-Ħamis, 12 ta' Diċembru 2013 - Strasburgu
Is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka
P7_TA(2013)0604RC-B7-0563/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka (2013/2982(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2009(1) u tat-12 ta' Mejju 2011(2) dwar is-sitwazzjoni fis-Sri Lanka,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni għat-Tagħlimiet Miksuba u r-Rikonċiljazzjoni tas-Sri Lanka ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Marzu 2013 u t-22 ta' Marzu 2012 dwar il-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni u l-obbligu ta' rendikont fis-Sri Lanka,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Panel ta' Studju Intern tas-Segretarju Ġenerali tan-NU ta' Novembru 2012 dwar l-azzjonijiet tan-NU fis-Sri Lanka matul l-istadji finali tal-gwerra fis-Sri Lanka u wara li din intemmet, li jinvestiga n-nuqqas min-naħa tal-komunità internazzjonali li tipproteġi ċ-ċivili mill-ksur fuq skala kbira tad-dritt umanitarju u tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, tal-31 ta' Awwissu 2013, u r-rapport tagħha għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-25 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-organizzazzjoni karitattiva Franċiża 'Action against Hunger' dwar l-eżekuzzjoni, fl-2006, ta' 17-il membru tal-personal lokali tagħha fil-belt tat-tramuntana ta' Muttur,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-Unjoni Ewropea tal-5 ta' Diċembru 2012 dwar l-istat tad-dritt fis-Sri Lanka(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Jannar 2013 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, f'isem l-UE, dwar id-denunzja tal-eks Prim Imħallef Sri Lankjan, Shirani Bandaranayake,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa reċenti tal-kapijiet ta' gvern tal-Commonwealth f'Kolombo, u t-talba tal-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron biex issir investigazzjoni indipendenti tal-allegazzjonijiet ta' delitti tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet li s-Sri Lanka hija firmatarja għalihom, partikolarment il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, il-Konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-kastig tad-delitt ta' ġenoċidju, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni kontra l-Korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) u l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'Mejju 2009, il-kunflitt li ilu għaddej għexieren ta' snin bejn il-Gvern tas-Sri Lanka u l-grupp separatist tat-Tigri għal-Liberazzjoni tat-Tamil Eelam (LTTE) fit-tramuntana tal-pajjiż intemm bit-telfa u ċ-ċediment tal-LTTE u l-mewta tal-kap tagħhom;

B.  billi fl-aħħar xhur tal-kunflitt, ġlied qalil f'żoni ċivili wassal għal dak li hu stmat li hu għexieren ta' eluf ta' mwiet u korrimenti ta' persuni ċivili u madwar 6 000 każ ta' għajbien;

C.  billi fit-23 ta' Mejju 2009, is-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, u l-President tas-Sri Lanka, Mahinda Rajapaksa, iffirmaw dikjarazzjoni konġunta li fiha l-Gvern tas-Sri Lanka qabel li jieħu miżuri biex jiggarantixxi r-responsabilità għall-allegazzjonijiet ta' delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità matul l-istadji finali tal-kunflitt intern li dam għaddej 26 sena;

D.  billi fil-15 ta' Mejju 2010, il-President Rajapaksa ħatar LLRC (Kummissjoni dwar il-Lezzjonijiet Miksuba r-Rikonċiljazzjoni); billi l-għadd kbir ta' persuni li huwa rrappurtat li ħadu l-inizjattiva li jkellmu lil-LLRC juri x-xewqa u l-bżonn qawwijin ta' djalogu nazzjonali dwar il-kunflitt;

E.  billi r-rapport tal-panel ta' esperti tan-NU tas-26 ta' April 2011 sab li kien hemm rapporti kredibbli li kemm il-forzi tal-gvern kif ukoll il-LTTE wettqu delitti tal-gwerra fix-xhur ta' qabel Mejju 2009, meta l-forzi tal-gvern iddikjaraw rebħa fuq is-separatisti;

F.  billi n-natura serja tal-allegazzjonijiet f'dak ir-rapport u l-kampanja internazzjonali li baqgħet titwettaq b'talba għal evalwazzjoni preċiża tal-avvenimenti, inkluż fil-marġni tas-samit reċenti tal-Commonwealth, jenfasizzaw il-bżonn li din il-kwistjoni tissolva biex ikun possibbli li tinkiseb rikonċiljazzjoni dejjiema fis-Sri Lanka;

G.  billi ċensiment madwar il-pajjiż inbeda fis-Sri Lanka biex jiġu aċċertati fil-pajjiż stess l-iskala u ċ-ċirkostanzi tal-imwiet u t-tidrib ta' ċivili, kif ukoll id-dannu lill-proprejtajiet, li twettqu matul il-kunflitt, bi qbil ma' rakkomandazzjoni ewlenija tar-rapport tal-LLRC;

H.  billi, f'Awwissu 2013, ġiet stabbilita Kummissjoni Presidenzjali ta' Inkjesta biex tinvestiga u tirrapporta dwar il-każijiet ta' għajbien fil-provinċji tat-tramuntana u tal-lvant bejn l-1990 u l-2009;

I.  billi fil-25 ta' Settembru 2013, Navi Pillay talbet lill-Gvern tas-Sri Lanka juża ż-żmien li kien fadallu qabel ma tressaq ir-rapport dwar il-pajjiż lill-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-laqgħa tiegħu ta' Marzu 2014, biex jibda proċess nazzjonali kredibbli b'riżultati tanġibbli, inkluża l-prosekuzzjoni tal-ħatja individwali, inkella l-komunità internazzjonali se jkollha d-dmir li tistabbilixxi mekkaniżmi ta' inkjesta proprji;

J.  billi l-panel ta' studju interndwar il-ħidma tan-NU fis-Sri Lanka matul il-fażi finali tal-gwerra wasal għall-konklużjoni li n-nuqqas tal-istituzzjonijiet tan-NU li jipproteġu d-drittijiet tal-persuni li kellhom jassistu kollettivament jammonta għal nuqqas min-NU li taġixxi fl-ambitu tal-mandati istituzzjonali tagħha biex twettaq id-dmirijiet tagħha ta' protezzjoni;

1.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu tar-ristawr tal-paċi fis-Sri Lanka, li jikkostitwixxi serħan tal-moħħ qawwi għall-popolazzjoni kollha kemm hi, u jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Gvern tas-Sri Lanka, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, biex tinbena mill-ġdid l-infrastruttura u jiġu ssetiljati mill-ġdid madwar 400,000 persuna spustjati internament;

2.  Jinnota l-progress li nkiseb fl-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, il-politika trilingwi – notevolment it-tagħlim tas-Sinhala, Tamil u Ingliż lill-uffiċjali pubbliċi – u ċ-ċensiment nazzjonali deċiż riċentement biex jingħaddu 'd-danni umani u tal-proprjetà' li saru waqt il-gwerra ċivili;

3.  Jilqa' l-ewwel elezzjonijiet għall-Kunsill Provinċjali fil-Provinċja tat-Tramuntana, li saru fil-21 ta' Settembru 2013, li l-partit tal-Alleanza Nazzjonali Tamil (TNA) rebaħ b'maġġoranza kbira ħafna;

4.  Jittama li d-dividend ta' paċi se jħalli l-frott, itejjeb aktar l-aġenda tal-iżvilupp tal-pajjiż u jippermetti liċ-ċittadini tiegħu u għadd dejjem akbar ta' viżitaturi barranin jgawdu bis-sħiħ il-potenzjal naturali u kulturali li joffri; jenfasizza li stabilità fit-tul titlob rikonċiljazzjoni ġenwina bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-popolazzjonijiet lokali;

5.  Jinnota bi tħassib li l-preżenza tal-forzi militari tal-gvern fiż-żoni fejn qabel kien hemm il-kunflitt għadha konsiderevoli, qed twassal għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem inkluż il-ħtif tal-art, b'aktar minn elf kawża pendenti fil-qrati li jinvolvu sidien ta' art li tilfu l-proprjetà tagħhom, u għadd inkwetanti ta' attakki sesswali rappurtati u abbużi oħra kontra n-nisa, filwaqt li nqisu l-vulnerabilità partikolari tal-għexieren ta' eluf ta' romol tal-gwerra;

6.  Ifaħħar il-pjan ta' azzjoni nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għat-Tagħlimiet Miksuba u r-Rikonċiljazzjoni (LLRC), u jistieden lill-gvern jintensifika l-isforzi tiegħu biex jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet, jiġifieri billi jwettaq investigazzjonijiet kredibbli tal-allegazzjonijiet ta' qtil extraġudizzjarju u għajbien furzat, ikompli jiddemilitarizza t-Tramuntana tas-Sri Lanka, joħloq mekkaniżmi imparzjali kompluti ta' tilwim dwar l-artijiet, jerġa' jevalwa l-politiki tad-detenzjoni, isaħħaħ istituzzjonijiet ċivili li qabel kienu indipendenti bħall-forza tal-pulizija, il-ġudikatura u l-Kumissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, u jasal għal riżoluzzjoni politika fit-tul dwar id-devoluzzjoni ulterjuri tal-poter lill-provinċji; jitlob lill-Kummissjoni ta' Inkjesta Presidenzjali tkopri l-għajbien mhux biss fil-Provinċji tat-Tramuntana u tal-Lvant, iżda wkoll fil-bqija tal-pajjiż;

7.  Jesprimi tħassib konsiderevoli dwar ir-rapporti kontinwi ta' intimidazzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem (fosthom mill-forzi tas-sigurtà), qril extraġudizzjarju, tortura u ksur tal-libertà tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika, flimkien ma' rappreżelji kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, membri tas-soċjetà ċivili u ġurnalisti, theddid għall-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt, u d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew twemmin; jistieden lill-Gvern tas-Sri Lanka jieħu l-miżuri neċessarji;

8.  Jilqa' l-passi riċenti min-naħa tal-amministrazzjoni biex tinvestiga l-qtil allegat mill-forzi tal-gvern ta' 17-il ħaddiem lokali li jipprovdu l-għajnuna tal-organizzazzjoni karitattiva Franċiża 'Action for Hunger' fil-belt tat-Tramuntana ta' Muttur, flimkien mal-qtil ta' ħames żgħażagħ fi Trincomalee fl-2006; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħmlu kulma jistgħu biex dawk li wettqu dawn il-massakri jiġu proċessati;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka jaġixxi fuq it-talbiet għal responsabbilizzazzjoni għall-allegat ksur waqt il-gwerra tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dak umanitarju billi tinfetaħ investigazzjoni indipendenti u kredibbli dwar l-allegat ksur sa Marzu 2014, u jqis li inkella n-NU għandha tiftaħ investigazzjoni internazzjonali;

10.  Iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka jabbozza liġi effettiva dwar il-protezzjoni tax-xhieda sabiex ix-xhieda ta' tali reati jingħataw protezzjoni suffiċjenti;

11.  Ifaħħar l-attivitajiet ta' tneħħija ta' mini tal-armata tas-Sri Lanka u l-NGOs internazzjonali bħal Halo Trust, u jirrikonoxxi l-finanzjament konsiderevoli li ngħata mill-UE u l-finanzjament addizzjonali mħabbar mir-Renju Unit; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sri Lanka u l-forzi armati, flimkien mal-UE u l-Istati Membri tagħha, ikomplu jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għal iktar tindif tal-mini tal-art, li huma ostakolu serju għar-rijabilitazzjoni u r-riġenerazzjoni ekonomika; jerġa' jitlob lis-Sri Lanka tissieħeb fit-Trattat ta' Ottawa ta' Projbizzjoni tal-Mini;

12.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-'Rapport tax-Xejriet u s-Sitwazzjoni tat-Terroriżmu tal-UE' reċenti tal-Europol, il-LTTE, li fil-passat wettqu attakki terroristi indiskriminati, għadhom attivi fil-livell internazzjonali;

13.  Jistieden lin-NU u lill-Istati Membri tagħha janalizzaw bir-reqqa n-nuqqasijiet tal-komunità internazzjonali fis-Sri Lanka u jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw li, jekk tinsab f'sitwazzjoni simili fil-futur, in-NU tkun tista' tilħaq standards ħafna ogħla f'termini ta' ssodisfar tar-responsabbilitajiet ta' protezzjoni u umanitarji tagħa;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Sri Lanka.

(1) ĠU C 265 E, 30.9.2010, p. 29.
(2) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 156.
(3) http://eeas.europa.eu/delegations/sri_lanka/documents/press_corner/20121205_en.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza