Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 4 ta' Lulju 2013 - Strasburgu
Assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja ***III
 Attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u revoka tad-Decizjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/GAI Rapport ***I
 Il-programmi ta' sorveljanza tal-ANS tal-Istati Uniti, l-involviment tal-kumpaniji tal-IT, is-servizzi tal-intelligence nazzjonali u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE
 It-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta' organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014
 Esportazzjoni ta' armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK
 Il-bidu ta' negozjati dwar Ftehim Plurilaterali dwar is-Servizz
 Żieda fid-dazji imposti fin-Norveġja fuq prodotti agrikoli
 L-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali
 L-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli
 TV Konness
 Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2013 - Nefqa marbuta mal-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE
 Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali, biex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' nfiq li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
 Tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2014
 Is-sitwazzjoni fl-Eġittu
 Is-sitwazzjoni f'Ġibuti
 Is-sitwazzjoni fin-Niġerja

Assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja ***III
PDF 342kWORD 91k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar it-test konġunt, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni, għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja (PE-CONS 00038/2013 – C7-0168/2013 – 2010/0390(COD))
P7_TA(2013)0320A7-0244/2013

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tielet qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-test konġunt approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni u d-dikjarazzjoni rilevanti tal-Parlament u l-Kunsill (PE-CONS 00038/2013 – C7–0168/2013),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2010)0804) ,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fit-tieni qari(2) dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-emendi tal-Parlament għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (COM(2013)0067),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fit-tieni qari,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(13) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 69 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni tiegħu għall-Kumitat ta' Konċiljazzjoni (A7-0244/2013),

1.  Japprova t-test konġunt;

2.  Jikkonferma d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament u tal-Kunsill annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att, flimkien mad-dikjarazzjoni tal-Parlament u tal-Kunsill, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata flimkien mad-deċiżjoni li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

—  jaqblu fuq il-fatt li l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja għandha titqies fil-kuntest usa' tal-bżonn ta' qafas li jiggarantixxi deċiżjonijiet korretti u effikaċi dwar il-konċessjoni ta' assistenza makrofinanzjarja lill-pajjiżi terzi;

—  jaqblu fuq il-fatt li l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-operazzjonijiet futuri ta' assistenza makrofinanzjarja għandha tissejjes fuq il-kunsiderazzjonijiet u l-prinċipji mħabbra hawn taħt għall-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lill-pajjiżi u lit-territorji terzi eleġibbli, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva u l-forma ġuridika li jista' eventwalment jassumi strument ta' formalizzazzjoni ġdid ta' tali kunsiderazzjonijiet u prinċipji;

—  jintrabtu li jirriflettu totalment tali kunsiderazzjonijiet u prinċipji fid-deċiżjonijiet individwali futuri dwar il-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.

PARTI A - KUNSIDERAZZJONIJIET

(1)  L-Unjoni hija wieħed mill-fornituri prinċipali ta' assistenza ekonomika, finanzjarja u teknika lill-pajjiżi terzi. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni ("assistenza makrofinanzjarja") uriet li hija strument effiċjenti għall-istabbilizzazzjoni ekonomika, u mutur għar-riformi strutturali fil-pajjiżi u fit-territorji li jibbenefikaw minn tali assistenza ("benefiċjarji"). Skont il-politika ġenerali fir-rigward tal-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati u tal-pajjiżi tal-viċinat, l-Unjoni għandha tkun f'pożizzjoni li tikkonċedi assistenza makrofinanzjarja lil dawn il-pajjiżi bl-iskop li tiżviluppa żona ta' stabilità, sigurtà u prosperità kondiviżi.

(2)  L-assistenza makrofinanzjarja għandha tissejjes fuq deċiżjonijiet ad hoc speċifiċi għal pajjiż tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawn il-prinċipji jimmiraw li jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jwassal għal tali deċiżjonijiet u għall-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll li jsaħħu l-applikazzjoni min-naħa tal-benefiċjarju tal-prekundizzjonijiet politiċi biex jikseb il-konċessjoni ta' assistenza makrofinanzjarja u jtejbu t-trasparenza u l-kontroll demokratiku ta' tali assistenza.

(3)  Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi terzi tat-3 ta' Ġunju 2003, il-Parlament Ewropew għamel appell għal regolament qafas għall-assistenza makrofinanzjarja bil-għan li jitħaffef il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jingħata dan l-istrument finanzjarju b'bażi formali u trasparenti.

(4)  Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2002, il-Kunsill stabbilixxa l-kriterji (l-hekk imsejħa kriterji ta' Genval) li jirregolaw l-operazzjonijiet ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Ikun xieraq li dawn il-kriterji jiġu aġġornati u ċċarati, fost affarijiet oħra fir-rigward tal-kriterji għad-determinazzjoni tal-forma xierqa ta' assistenza (self, għotja jew kombinazzjoni tagħhom).

(5)  Dawn il-prinċipji għandhom jippermettu lill-Unjoni tagħmel mod li l-assistenza makrofinanzjarja ssir disponibbli fi żmien qasir, partikolarment meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu azzjoni immedjata, u żżid iċ-ċarezza u t-trasparenza tal-kriterji applikabbli għall-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja.

(6)  Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tkun konformi mal-prinċipji, mal-objettivi u mal-miżuri fundamentali adottati fi ħdan id-diversi setturi ta' azzjoni esterna u fil-qafas ta' politiki rilevanti oħrajn tal-Unjoni.

(7)  L-assistenza makrofinanzjarja għandha tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom jaħdmu mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bil-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u jiggarantixxu l-konsistenza tagħha.

(8)  L-assistenza makrofinanzjarja għandha tappoġġa l-impenn tal-benefiċjarji fil-konfront tal-valuri komuni kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, u l-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli u ġust.

(9)  Ikun xieraq li l-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tkun suġġetta għall-istabbiliment min-naħa tal-pajjiż eleġibbli ta' mekkaniżmi demokratiċi effikaċi, ibbażati partikolarment fuq sistemi parlamentari multipartitiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Tali prerekwiżiti għandhom ikunu sorveljati regolarment mill-Kummissjoni.

(10)  L-objettivi speċifiċi tad-deċiżjonijiet individwali ta' assistenza makrofinanzjarja għandhom jinkludu anki t-tisħiħ tal-effiċjenza, tat-trasparenza u tar-responsabilità fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-pajjiżi benefiċjarji. Il-ksib ta' dawn l-objettivi għandu jkun regolarment sorveljat mill-Kummissjoni.

(11)  L-assistenza makrofinanzjarja għandha timmira li tappoġġa r-ristabbiliment tas-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-pajjiżi u tat-territorji terzi li jinsabu quddiem skarsezza ta' valuta barranija u d-diffikultajiet relatati tal-finanzjament estern. L-assistenza makrofinanzjarja la għandha tagħti appoġġ finanzjarju regolari u lanqas ikollha bħala objettiv primarju l-appoġġ tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal- benefiċjarji.

(12)  L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun komplementari għar-riżorsi konċessi mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u minn istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali oħrajn u għandu jkun hemm qsim ġust tal-piżijiet bejn l-Unjoni u d-donaturi l-oħrajn. L-assistenza makrofinanzjarja għandha tiżgura l-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni.

(13)  Biex ikun żgurat li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni konnessi mal-assistenza makrofinanzjarja jiġu mħarsa b'mod effiċjenti, il-benefiċjarji għandhom jieħdu miżuri xierqa fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra fir-rigward ta' din l-assistenza, u għandu jsir provvediment biex jitwettqu kontrolli mill-Kummissjoni u verifiki mill-Qorti tal-Awdituri.

(14)  L-għażla tal-proċedura għall-adozzjoni tal-memoranda ta' qbil għandha tkun deċiża f'konformità mal-kriterji msemmija fir-Regolament (UE) Nru 182/2011. F'dan il-kuntest, bħala regola ġenerali għandha tapplika l-proċedura konsultattiva, iżda, fid-dawl tal-impatt potenzjalment importanti tal-operazzjonijiet li l-ammont tagħhom jaqbeż il-livell limitu stabbilit fil-parti B, għal dawn l-operazzjonijiet ikun xieraq li tintuża l-proċedura ta' eżami.

PARTI B - PRINĊIPJI

1.  Għan tal-assistenza

(a)  L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' appoġġ mhux vinkolat u mhux speċifiku għall-bilanċ tal-pagamenti tal-pajjiżi u tat-territorji terzi eleġibbli. Għandha timmira lejn ir-ristabbiliment tas-sostenibilità tas-sitwazzjoni finanzjarja esterna tal-pajjiżi u tat-territorji eleġibbli li jinsabu quddiem diffikultajiet ta' finanzjament estern. Għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li jkun fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom intiżi li jtejbu s-sitwazzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti, partikolarment fil-perjodu ta' applikazzjoni tal-programm, u jsaħħu l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u tal-programmi rilevanti mal-Unjoni.

(b)  L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun subordinata għall-eżistenza ta' bżonn sinifikanti ta' finanzjament estern residwu, definit mill-Kummissjoni f'koopereazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali, superjuri għar-riżorsi konċessi mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, minkejja l-implimentazzjoni ta' programmi ta' riforma u stabbilizzazzjoni ekonomika rigorużi min-naħa tal-pajjiż jew tat-territorju rilevanti.

(c)  L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun għal terminu qasir u għandha tieqaf malli s-sitwazzjoni finanzjarja esterna terġa' ssir sostenibbli.

2.  Pajjiżi u territorji eleġibbli

Il-pajjiżi u t-territorji terzi eleġibbli biex jibbenefikaw mill-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom ikunu s-segwenti:

—  il-pajjiżi kandidati u potenzjalment kandidati;

—  il-pajjiżi u t-territorji koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat;

—  f'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, pajjiżi terzi oħrajn li jiżvolġu rwol determinanti għall-istabilità reġjonali, li huma ta' importanza strateġika għall-Unjoni, u li huma politikament, ekonomikament u ġeografikament viċin l-Unjoni.

3.  Forma tal-assistenza

(a)  L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun konċessa ġeneralment fil-forma ta' self. F'każijiet eċċezzjonali, madankollu, l-assistenza tista' tingħata fil-forma ta' għotja jew ta' kombinazzjoni ta' self u ta' għotja. Hija u tiddetermina s-sehem xieraq ta' element possibbli ta' għotja, il-Kummissjoni, fit-tħejjija tal-proposta tagħha, għandha tqis il-livell ta' żvilupp ekonomiku tal-benefiċjarju, imkejjel skont l-introjtu per capita u l-indiċijiet tal-faqar, kif ukoll il-kapaċità tiegħu li jħallas lura bbażata fuq analiżi tas-sostenibilità tad-dejn, filwaqt li jiġi garantit ir-rispett tal-prinċipju ta' qsim ġust tal-piżijiet bejn l-Unjoni u d-donaturi l-oħrajn. Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll sa liema punt l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u d-donaturi l-oħrajn japplikaw kundizzjonijiet aġevolati lill-pajjiż inkwistjoni.

(b)  Jekk l-assistenza makrofinanzjarja tiġi konċessa fil-forma ta' self, il-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni, għandu jkollha s-setgħa li tissellef il-fondi neċessarji fuq is-swieq tal-kapital jew minn istituzzjonjiet finanzjarji, biex imbagħad tislef min-naħa tagħha l-fondi mislufa lill-pajjiż benefiċjarju.

(c)  L-operazzjonijiet ta' għoti u teħid b'self għandhom isiru f'euro bl-applikazzjoni tal-istess data tal-valur, u ma għandhom jinvolvu lill-Unjoni la fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet u lanqas fi kwalunkwe riskju ta' kambju jew ta' rata tal-imgħax.

(d)  L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni għall-operazzjonijiet ta' għoti jew teħid b'self għandhom jitħallsu mill-benefiċjarju.

(e)  Fuq talba tal-benefiċjarju, u jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib tar-rata tal-imgħax fuq is-self, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tipproċedi bir-rifinanzjament tat-totalità jew parti mis-self li inizjalment tkun ħadet jew bir-ristrutturar tal-kundizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' rifinanzjament u ta' ristrutturar għandhom jitwettqu skont il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 3(d) u la għandu jkollhom l-effett ta' proroga tal-maturità medja tas-self meħud u lanqas żieda tal-ammont tal-kapital pendenti fid-data tal-operazzjonijiet ta' rifinanzjament u ta' ristrutturar.

4.  Dispożizzjonijiet finanzjarji

(a)  L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja konċessa fil-forma ta' għotjiet għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(b)  Għall-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja konċessa fil-forma ta' self għandha tkun prevista allokazzjoni skont ir-Regolament li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni. L-ammonti tal-allokazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-approprjazzjonijiet baġitarji definiti fil-qafas finanzjarju pluriennali.

(c)  L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fi ħdan il-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali.

5.  Ammont tal-assistenza

(a)  Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza għandha tissejjes fuq il-bżonn ta' finanzjament estern residwu tal-pajjiż jew tat-territorju eleġibbli, u għandha tqis il-kapaċità tiegħu ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, u partikolarment ir-riservi internazzjonali għad-dispożizzjoni tiegħu. Dan il-bżonn ta' finanzjament għandu jkun determinat mill-Kummissjoni f'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, fuq il-bażi ta' valutazzjoni kwantitattiva kompleta u ta' dokumentazzjoni ġustifikattiva trasparenti. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tagħmel riferiment għall-aħħar previżjonijiet tal-bilanċ tal-pagamenti tal-FMI tal-pajjiż jew tat-territorju relevanti u tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali, kif ukoll l-attwazzjoni preeżistenti ta' strumenti finanzjarji esterni oħrajn tal-Unjoni f'dak il-pajjiż jew territorju eleġibbli.

(b)  Id-dokumentazzjoni tal-Kummissjoni għandu jkun fiha informazzjoni dwar l-istokk previst ta' riservi ta' valuta barranija fl-assenza ta' assistenza makrofinanzjarja meta mqabbla mal-livelli meqjusa adegwati, imkejjel skont indikaturi rilevanti bħall-proporzjon bejn riservi u dejn estern f'terminu qasir u l-proporzjon bejn riservi u importazzjonijiet tal-pajjiż benefiċjarju.

(c)  Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja konċessa għandha tqis ukoll il-bżonn ta' garanzija tal-qsim ġust tal-piżijiet bejn l-Unjoni u d-donaturi l-oħrajn u tal-valur miżjud tal-involviment kumplessiv tal-Unjoni.

(d)  Jekk il-bżonn ta' finanzjament tal-benefiċjarju jonqos konsiderevolment matul il-perjodu ta' żborż tal-assistenza makrofinanzjarja meta mqabbel mal-previżjonijiet inizjali, il-Kummissjoni għandha, skont il-proċedura konsultattiva meta l-assistenza tkun ugwali għal, jew inqas minn, EUR 90 miljun, u skont il-proċedura ta' eżami meta l-assistenza tkun ogħla minn EUR 90 miljun, tnaqqas l-ammont ta' tali assistenza jew tissospendi jew tħassar l-assistenza.

6.  Kundizzjonalità

(a)  Il-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun subordinata għar-rispett min-naħa tal-pajjiż jew tat-territorju eliġibbli ta' mekkaniżmi demokratiċi effikaċi, inklużi sistema parlamentari multipartitika u l-istat tad-dritt, kif ukoll għall-garanzij tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni għandha tforni valutazzjoni pubblikament disponibbli tar-rispett ta' din il-prerekwiżit u tissorveljah matul iċ-ċiklu kollu tal-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja. Dan il-punt għandu jiġi applikata f'konformità mad-Deċiżjoni l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-SEAE.

(b)  L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun subordinata għall-eżistenza ta' ftehim ta' kreditu mhux prekawzjonarju bejn il-pajjiż jew it-territorju eleġibbli u l-FMI, li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

—  l-objettiv tal-ftehim ikun konsistenti mal-iskop tal-assistenza makrofinanzjarja, jiġifieri li jittaffew id-diffikultajiet f'terminu qasir fil-livell tal-bilanċ tal-pagamenti;

—  l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' aġġustament b'saħħithom konsistenti mal-assistenza makrofinanzjarja, kif definit fil-punt 1(a).

(c)  L-iżborż tal-assistenza għandu jkun subordinat għat-twettiq kostantement sodisfaċenti fir-rigward ta' programm ta' politika appoġġat mill-FMI u għar-rispett tal-prerekwiżit imsemmi fl-ittra (a) ta' dan il-punt. Huwa għandu wkoll ikun subordinat għall-implimentazzjoni, skont kalendarju speċifiku, ta' sensiela ta' miżuri ta' politika ekonomika definiti biċ-ċar u fokalizzati fuq ir-riformi strutturali u fuq is-solidità tal-finanzi pubbliċi, maqbula bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarju u stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil.

(d)  Bil-għan li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u li tissaħħaħ il-governanza tal-benefiċjarji, il-Memorandum ta' Qbil għandu jinkludi miżuri mmirati lejn it-titjib tal-effiċjenza, it-trasparenza u ir-responsabilità fis-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.

(e)  Id-determinazzjoni tal-miżuri politiċi msemmija għandha tqis ukoll il-progress li jsir fil-qasam tal-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta' kummerċ ibbażat fuq regoli u ġust kif ukoll prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni.

(f)  Il-miżuri ta' politika għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet ta' sħubija, ta' kooperazzjoni jew ta' assoċjazzjoni fis-seħħ konklużi bejn l-Unjoni u l-benefiċjarju, kif ukoll mal-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mill-benefiċjarju bl-appoġġ tal-FMI.

7.  Proċedura

(a)  Pajjiż jew territorju li biħsiebu jibbenefika mill-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jippreżenta talba bil-miktub lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 1, 2, 4 u 6 humiex issodisfati u, jekk ikun il-każ, tista' tippreżenta proposta għal deċiżjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(b)  Id-deċiżjoni ta' konċessjoni ta' self għandha tispeċifika l-ammont, il-maturità medja massima u n-numru massimu ta' pagamenti akkont tal-assistenza makrofinanzjarja. Jekk id-deċiżjoni tinkludi element ta' għotja, għandha tindika wkoll l-ammont tagħha u n-numru massimu ta' pagamenti akkont. Id-deċiżjoni ta' konċessjoni ta' għotja għandha tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni tal-għotja (jew tal-element ta' għotja) ta' assistenza. Fiż-żewġ każijiet għandu jkun definit il-perjodu ta' disponibilità tal-assistenza makrofinanzjarja. Dak il-perjodu ta' disponibbilta', bħala norma, ma għandux jaqbeż it-tliet snin. Fil-preżentazzjoni ta' proposta għal deċiżjoni ġdida ta' konċessjoni ta' assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni għandha tforni l-informazzjoni msemmija fil-punt 12(c).

(c)  B'segwitu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni, hija u tiddelibera skont il-proċedura konsultattiva meta l-assistenza tkun ugwali għal, jew inqas minn, EUR 90 miljun, u skont il-proċedura ta' eżami meta l-assistenza tkun ogħla minn EUR 90 miljun, għandha taqbel mal-benefiċjarju, fil-Memorandum ta' Qbil, dwar il-miżuri ta' politika msemmijin fil-punt 6(c), (d), (e) u (f).

(d)  B'segwitu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta' konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni għandha taqbel mal-benefiċjarju dwar il-kundizzjonijiet finanzjarji dettaljati tal-assistenza. Dawk it-termini finanzjarji dettaljati għandhom ikunu speċifikati fil-Ftehim ta' Għotja jew ta' Self.

(e)  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżvilupp, inkluż l-iżborż, tal-assistenza speċifika għal pajjiż u tforni lil dawk l-istituzzjonijiet id-dokumenti rilevanti fi żmien debitu.

8.  Implimentazzjoni u ġestjoni finanzjarja

(a)  Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-assistenza makrofinanzjarja skont ir-regoli finanzjarji tal-Unjoni.

(b)  L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun suġġetta għall-ġestjoni ċentralizzata diretta.

(c)  L-impenji baġitarji għandhom jittieħdu fuq il-bażi ta' deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont dan il-punt. Meta l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tinfirex fuq diversi snin finanzjarji, l-impenji baġitarji marbuta ma' tali assistenza jistgħu jinqasmu f'pagamenti akkont annwali.

9.  Żborż tal-assistenza

(a)  L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun żborżata lill-bank ċentrali tal-benefiċjarju.

(b)  L-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun żborżata f'pagamenti akkont suċċessivi, suġġett għar-rispett tal-prerekwiżit imsemmi fil-punt 6(a) u tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 6(b) u (c).

(c)  F'intervalli regolari l-Kummissjoni għandha tivverifika jekk għadhomx sodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 6(b) u (c).

(d)  Fejn il-prerekwiżit imsemmi fil-punt 6(a), u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 6(b) u (c) mhumiex sodisfatti, il-Kummissjoni għandha temporanjament tissospendi jew tħassar l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja. F'tali każijiet, għandha tikkomunika r-raġunijiet għas-sospensjoni jew it-tħassir lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

10.  Miżuri ta' appoġġ

Il-fondi baġitarji tal-Unjoni jistgħu jintużaw biex ikopru n-nefqa neċessarja għall-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja.

11.  Ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

(a)  Il-ftehimiet konklużi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż għandu jkun fihom dispożizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu li l-benefiċjarji jivverifikaw regolarment li l-finanzjamenti li ġejjin mill-baġit tal-Unjoni jkunu ntużaw b'mod korrett, jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu irregolaritajiet u frodi, u, jekk ikun meħtieġ, jieħdu azzjoni legali għall-irkupru tal-fondi konċessi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż li kienu suġġetti għal approprjazzjoni indebita.

(b)  Il-ftehimiet konklużi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż għandu jkun fihom dispożizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu l-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, partikolarment għal dak li għandu x'jaqsam mal-frodi, mal-korruzzjoni u ma' kwalunkwe irregolarità oħra, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

(c)  Il-Memorandum ta' Qbil imsemmi fil-punt 6(c) għandu jagħti espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri d-dritt li jwettqu awditjar matul u wara l-perjodu ta' disponibilità tal-assistenza makrofinanzjarja, inkluż awditjar ta' dokumenti u awditjar fuq il-post bħal pereżempju valutazzjonijiet operattivi. Il-Memorandum għandu wkoll jawtorizza espressament lill-Kummissjoni jew lir-rappreżentanti tagħha li jwettqu aċċertamenti u ispezzjonijiet in situ.

(d)  Matul l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, il-Kummissjoni għandha tissorvelja, permezz ta' valutazzjonijiet operattivi, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji, tal-proċeduri amministrattivi u tal-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni tal-benefiċjarju li huma rilevanti għall-finijiet tal-assistenza.

(e)  Il-ftehimiet konklużi fil-qafas ta' kull deċiżjoni speċifika għal pajjiż għandu jkun fihom dispożizzjonijiet intiżi li jiggarantixxu li, jekk jinstab li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja, benefiċjarju jkun imdaħħal f'atti ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew f'attivitajiet illegali għad-dannu tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, din tal-aħħar ikollha d-dritt għar-ripagament totali tal-għotja u/jew għar-ripagament bikri tas-self.

12.  Rapport annwali

(a)  Il-Kummissjoni għandha teżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja u għandha tressaq rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena.

(b)  Ir-rapport annwali għandu jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tal-benefiċjarji, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fil-punt 6(c).

(c)  Ir-rapport annwali għandu wkoll iforni informazzjoni aġġornata dwar ir-riżorsi baġitarji disponibbli fil-forma ta' self u għotjiet, fid-dawl tal-operazzjonijiet li qed jiġu previsti.

13.  Valutazzjoni

(a)  Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapporti ta' valutazzjoni ex post li jivvalutaw ir-riżultati u l-effiċjenza tal-operazzjonijiet ta' assistenza makrofinanzjarja kkompletati reċentement u sa liema punt dawn tal-aħħar ikkontribwew għall-objettivi tal-assistenza.

(b)  Il-Kummissjoni għandha tivvaluta perjodikament, u tal-anqas kull erba' snin, il-konċessjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, billi tforni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'rassenja dettaljata tal-assistenza makrofinanzjarja. L-iskop ta' tali valutazzjoniet għandu jkun dak li taċċerta jekk l-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni ntlaħqux u jekk il-kundizzjonijiet tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż il-livell limitu stabbilit fil-punt 7(c), għadhomx sodisfatti, kif ukoll li tippermetti lill-Kummissjoni tifformula rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-operazzjonijiet futuri. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll il-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej jew multilaterali meta tipprovdi assistenza makrofinanzjarja.

(1) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 211.
(2) Testi adottati 11.12.2012, P7_TA(2012)0472.
(3) ĠU C 291 E, 10.5.2012, p. 1.


Attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u revoka tad-Decizjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/GAI Rapport ***I
PDF 288kWORD 62k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tirrevoka d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI (COM(2010)0517 – C7-0293/2010 – 2010/0273(COD))
P7_TA(2013)0321A7-0224/2013

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2010)0517),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 83(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0293/2010),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew tas-4 ta' Mejju 2011(1),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill fl-ittra tal-21 ta’Ġunju 2013 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0224/2013),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta’ Lulju 2013 bil-ħsieb ta’ l-adozzjoni tad-Direttiva 2013/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI

P7_TC1-COD(2010)0273


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Direttiva Nru 2013/40/UE.)

(1) ĠU C 218, 23.7.2011, p. 130.


Il-programmi ta' sorveljanza tal-ANS tal-Istati Uniti, l-involviment tal-kumpaniji tal-IT, is-servizzi tal-intelligence nazzjonali u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE
PDF 236kWORD 69k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-programm ta’ sorveljanza tan-National Security Agency tal-Istati Uniti tal-Amerika, korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u l-impatt fuq il-privatezza taċ-ċittadini tal-UE (2013/2682(RSP))
P7_TA(2013)0322RC-B7-0336/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 tat-28 ta' Jannar 1981 għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali flimkien mal-protokoll addizzjonali tagħha tat-8 ta' Novembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data,

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni għal regolament u għal direttiva dwar ir-riforma tar-reġim tal-protezzjoni tad-data fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Assistenza Legali Reċiproka li jippermetti skambju tad-data għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ attivitajiet kriminali, il-Konvenzjoni dwar il-Kriminalità Ċibernetika (CETS Nru 185), il-Ftehim Safe Harbour bejn l-UE u l-Istati Uniti (2000/520/KE) u r-reviżjoni attwali tal-iskema Safe Harbour,

–  wara li kkunsidra l-Patriot Act tal-Istati Uniti u l-Foreign Intelligence Surveillance Act (FISA), inkluża s-Sezzjoni 702 tal-FIS Amendment Act (FISAAA) tal-2008,

–  wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin dwar ftehim qafas bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tiġi ttrasferita u pproċessata għal finijiet ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari dik tal-5 ta’ Settembru 2001 dwar l-eżistenza ta’ sistema globali għall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjonijiet privati u kummerċjali (sistema ta’ interċettazzjoni Echelon)(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazjzonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew, Herman van Rompuy, tal-President tal-Parlament, Martin Schulz, tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Kummissarju għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza, Viviane Reding, u tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-politika ta’ Sigurtà, Catherine Ashton,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sħubija trans-Atlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti trid tkun ibbażata fuq fiduċja u rispett reċiproċi, kooperazzjoni leali u reċiproka, u rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

B.  billi l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jirrispettaw il-valuri fundamentali minquxin fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

C.  billi attwalment tqajmu dubji dwar kemm dawn il-prinċipji qed jiġu rrispettati, wara li rapporti li dehru fl-istampa internazzjonali f’Ġunju 2013 kixfu evidenza li, permezz ta’ programmi bħal PRISM, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti qegħdin, fuq skala kbira, jiksbu u jipproċessaw id-data personali taċ-ċittadini tal-UE meta dawn tal-aħħar jużaw fornituri Amerikani ta’ servizzi online;

D.  billi dan id-dubju jikkonċerna mhux biss l-azzjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, imma wkoll dawk ta’ bosta Stati Membri tal-UE, li skont l-istampa internazzjonali kkooperaw ma’ PRISM u ma’ programmi oħra simili, jew inkella kisbu aċċess għad-databasesli nħolqu;

E.  billi, barra minn hekk, bosta Stati Membri għandhom programmi ta’ sorveljanza ta’ natura simili għal PRISM jew qed jiddiskutu t-twaqqif ta’ tali programmi;

F.  billi tqajmu mistoqsijiet partikolari rigward kemm hija kompatibbli mad-dritt tal-UE il-prattika, fi ħdan programm bl-isem ta’ kodiċi Tempora, tal-aġenzija tal-intelligence tar-Renju Unit Government Communications Headquarters (GCHQ) li taċċedi direttament fil-cables ta' qiegħ il-baħar li jġorru l-komunikazzjoni elettronika trans-Atlantika; billi huwa rrappurtat li Stati Membri oħra jaċċedu komunikazzjonijiet elettroniċi transnazzjonali bla mandat ġudizzjajru regolari, imma abbażi ta’ qrati speċjali, jikkondividu d-data ma’ pajjiżi oħra (l-Isvezja), u jistgħu jtejbu l-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tagħhom (il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi); billi fi Stati Membri oħra ġew espressi preokkupazzjonijiet bi rbit mal-poteri ta’ interċezzjoni tas-servizzi sigrieti (il-Polonja);

G.  billi hemm indikazzjonijiet li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati u r-rappreżentanzi tal-Istati Membri ġew issoġġettati għal attivitajiet ta’ sorveljanza u spjunaġġ tal-Istati Uniti;

H.  billi l-Kummissarju Reding kitbet ittra lill-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Eric Holder, li fiha qajmet preokupazzjonijiet Ewropej u talbet kjarifiki u spjegazzjonijiet dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir u t-tiftix tad-data, kif ukoll dwar il-liġijiet li jistgħu jawtorizzaw l-użu ta’ tali programmi; billi tweġiba sħiħa mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għadha pendenti, minkejja d-diskussjonijiet li saru fil-laqgħa tal-Ministri għall-Ġustizzja tal-UE u l-Istati Uniti f’Dublin fl-14 ta’ Ġunju 2013;

I.  billi, skont il-Ftehim Safe Harbour, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma fdati bid-dmir li jiggarantixxu s-sigurtà u l-integrità tad-data personali; billi l-kumpaniji involuti fil-każ PRISM, kif rappurtat fl-istampa internazzjonali, huma kollha partijiet fil-Ftehim Safe Harbour; billi, skont l-Artikolu 3 ta’ dak il-ftehim, il-Kummissjoni għandha dmir li, jekk id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ma jkunux rispettati, treġġa’ lura jew tissospendi l-ftehim;

J.  billi l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-Assistenza Legali Reċiproka, kif ratifikat mill-Unjoni u mill-Kungress tal-Istati Uniti, jistipula l-modalitajiet għall-ġbir u l-iskambju tal-informazzjoni, kif ukoll għat-talba u l-għoti ta’ assistenza fil-ksib ta’ evidenza li tkun tinsab f’pajjiż wieħed bħala għajnuna f’investigazzjonijiet jew proċedimenti li jkunu qed isiru f’pajjiż ieħor;

K.  billi tkun ħaġa ta’ dispjaċir li kieku l-isforzi għall-konklużjoni ta’ Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u Investiment (TTIP), li turi l-impenn favur tisħiħ ulterjuri tas-sħubija bejn l-UE u l-Istati Uniti, kellhom ikunu affettwati mill-allegazzjonijiet reċenti;

L.  billi fl-14 ta' Ġunju 2013 il-Kummissarju Malmström ħabbret it-twaqqif ta’ grupp ta’ esperti miż-żewġ naħat tal-Atlantiku;

M.  billi l-Kummissarju Reding kitbet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit biex tesprimi tħassib dwar rapporti fil-midja dwar il-programm Tempora u biex titlob kjarifika dwar l-ambitu u l-operat tal-programm; billi l-awtoriajiet tar-Renju Unit iddefendew l-attivitajiet ta’ sorveljanza ta’ GCHQ, u sostnew li l-aġenzija topera skont linji gwida stretti u legali;

N.  billi fil-livell tal-UE qed issir riforma tal-protezzjoni tad-data, permezz tar-rieżami tad-Direttiva 95/46/KE u s-sostituzzjoni tagħha bir-Regolament Ġenerali propost dwar il-Protezzjoni tad-Data u bid-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet ta’ prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u l-moviment liberu ta’ dik id-data;

1.  Jesprimi, filwaqt li jikkonferma s-sostenn kontinwu tiegħu għall-isforzi trans-Atlantiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, tħassib serju rigward PRISM u programmi oħra simili, minħabba li, jekk l-informazzjoni disponibbli sal-lum tkun ikkonfermata, dawn jistgħu jfissru vjolazzjoni serja tad-dritt taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll għad-dritt ta’ ħajja privata u tal-familja, il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni, u l-libertà tan-negozju;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-ispjunaġġ fuq rappreżentanzi tal-UE, minħabba li, jekk l-informazzjoni disponibbli sal-lum tkun ikkonfermata, dan jimplika vjolazzjoni serja tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, minbarra l-impatt potenzjali tiegħu fuq ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi; jitlob kjarifika immedjata mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti dwar dan;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex, mingħajr dewmien bla bżonn, jagħtu lill-UE informazzjoni kompluta dwar il-programm PRISM u programmi oħrajn simili li jinvolvu l-ġbir tad-data, b’mod partikolari rigward il-bażi legali, in-neċessità u l-proporzjonalità tagħhom u s-salvagwardji implimentati għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE, bħalma huma limitazzjonijiet tal-ambitu u d-durata, kundizzjonijiet għall-aċċess, u superviżjoni indipendenti, kif previsti skont il-Konvenzjoni dwar il-Kriminalità Ċibernetika u kif mitlub mill-Kummissarju Reding fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Ġunju 2013 lill-Avukat Ġenerali Eric Holder; jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jissospendu u jirrevedu kwalunkwe liġi u programm ta’ sorveljanza li jiksru d-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, is-sovranità u l-ġurisdizzjoni tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, u l-Konvenzjoni dwar il-Kriminalità Ċibernetika;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom fid-diskussjonijiet u n-negozjati mal-Istati Uniti, sew fil-livell politiku kif ukoll f’dak tal-esperti, ħalli jilħqu l-objettivi msemmija hawn fuq, inkluża s-sospensjoni possibbli tal-ftehim dwar reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) u dwar programm għar-rintraċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu (TFTP);

5.  Jesiġi li l-grupp ta’ esperti miż-żewġ naħat tal-Atlantiku, kif imħabbar mill-Kummissarju Malmström u li fih se jieħu sehem il-Parlament, jingħata livell xieraq ta’ awtorizzazzjoni tas-sigurtà u aċċess għad-dokumenti rilevanti kollha biex ikun jista’ jaqdi l-kompitu tiegħu sewwa u fi żmien definit; jitlob ukoll li l-Parlament ikun rappreżentat b'mod adegwat f'dan il-grupp ta' esperti;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jissuktaw, mingħajr dewmien, in-negozjati rigward il-ftehim qafas dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tiġi ttrasferita u pproċessata għal finijiet ta’ kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja; jiltob li l-Kummissjoni, tul dawn in-negozjati, tiżgura li l-ftehim jissodisfa tal-anqas il-kriterji li ġejjin:

   (a) li jagħti liċ-ċittadini tal-UE d-dritt għall-informazzjoni meta d-data tagħhom tiġi pproċessata fl-Istati Uniti;
   (b) li jiggarantixxi li l-aċċess taċ-ċittadini tal-UE għas-sistema ġudizzjarja tal-Istati Uniti ikun ugwali għal dak li jgwadu ċ-ċittadini tal-Istati Uniti;
   (c) li jagħti d-dritt għal rimedju, b’mod partikolari;

7.  Jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li la l-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE u lanqas in-negozjati dwar il-pakkett attwali ta’ protezzjoni tad-data ma jiddgħajfu b’riżultat tas-Sħubija Trans-Atlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (TTIP) mal-Istati Uniti;

8.  Jitlob li l-Kummissjoni twettaq rieżami sħiħ tal-Ftehim Safe Habour fid-dawl tar-rivelazzjonijiet reċenti, skont l-Artikolu 3 ta’ dak il-ftehim;

9.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-rivelazzjonjiet relatati mal-allegati programmi ta’ sorveljanza operati mill-Istati Membri, jew bl-għajnuna tan-National Security Agency tal-Istati Uniti jew inkella unilateralment; jitlob li l-Istati Membri kollha jeżaminaw il-kompatibbiltà ta’ dawn il-programmi mad-dritt primarju u sekondarju tal-UE, b’mod partikolari l-Artikolu 16 tat-TFUE dwar il-protezzjoni tad-data, u mal-obbligi tal-UE rigward id-drittijiet fundamentali derivati mill-KEDB u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri;

10.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kumpaniji kollha li jipprovdu servizzi fl-UE jeħtiġilhom ikunu konformi mad-dritt tal-UE bla eċċezzjoni, u li huma responsabbli għal kwalunkwe vjolazzjoni;

11.  Jenfasizza li l-kumpaniji li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż terz lill-utenti li jinsabu fl-UE għandhom jagħtuhom twissija ċara u li tingħaraf dwar il-possibbiltà li d-data personali tiġi pproċessata, fuq ordnijiet jew inġunzjonijiet sigrieti, minn awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-intelligence;

12.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni waqqgħet dak li kien l-Artikolu 42 tal-verżjoni tar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data li nħarġet fil-pubbliku bla awtorizzazzjoni; jitlob li l-Kummissjoni tikkjarifika l-għala ddeċidiet li tagħmel hekk; jitlob li l-Kunsill isegwi l-approċċ tal-Parlament u jerġa’ jdaħħal dispożizzjoni tali;

13.  Jenfasizza li, fi stati miftuħa u bbażati fuq l-istat tad-dritt, iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jsiru jafu dwar vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet fundamentali tagħhom u li jikkundannaw dawk il-vjolazzjonijiet, inklużi dawk li jinvolvu lill-gvern proprju tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ proċeduri li jippermettu li whistleblowers jikxfu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll fuq il-ħtieġa li dawn il-persuni jingħataw il-protezzjoni neċessarja, inkluż fil-livell internazzjonali; jesprimi s-sostenn kontinwu tiegħu għall-ġurnaliżmu investigattiv u għall-libertà tal-midja;

14.  Jitlob li l-Kunsill, b’urġenza, iħaffef fil-ħidma tiegħu rigward il-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data kollu kemm hu, u b'mod speċifiku rigward id-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitwaqqaf ekwivalent Ewropew tal-kumitati mħallta parlamentari/ġudizzjarji ta' kontroll u inkjesta dwar is-servizzi tal-intelligence li jeżistu attwalment f'uħud mill-Istati Membri;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex iwettaq inkjesta fil-fond dwar il-materja, f’kollaborazzjoni ma’ parlamenti nazzjonali u mal-grupp ta’ esperti UE-Stati Uniti mwaqqaf mill-Kummissjoni, kif ukoll biex jagħmel rapport sal-aħar tas-sena, billi:

   (a) jiġbor l-informazzjoni u l-evidenza kollha relevanti minn sorsi sew fl-UE kif ukoll fl-Istati Uniti (kostatazzjoni tal-fatti);
   (b) jinvestiga l-allegati attivitajiet ta’ sorveljanza min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti kif ukoll kwalunkwe attività simili mwettqa minn ċerti Stati Membri (assenjazzjoni tar-responsabbiltajiet)
   (c) jivvaluta l-impatt tal-programmi ta’ sorveljanza rigward: id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE (b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-komunikazzjonijiet privati, il-libertà tal-espressjoni, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt ta’ rimedju effikaċi); protezzjoni reali tad-data sew fi ħdan l-UE u għaċ-ċittadini tal-Unjoni barra mill-UE, b’attenzjoni partikolari fuq l-effikaċja tad-dritt tal-UE rigward mekkaniżmi ta' extraterritorjalità; is-sikurezz tal-UE fl-era tal-cloud computing; il-valur miżjud u l-proporzjonalità ta’ tali programmi fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; id-dimensjoni esterna taż-żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (valutazjzoni tal-validità ta’ deċiżjonijiet ta’ aegwatezza għal trasferimenti tal-UE lil pajjiżi terzi, bħal dawk li jsiru skont il-Ftehim Safe Harbour, ftehimiet internazzjonali u strumenti legali oħra li jipprevedu assistenza u kooperazzjoni legali) (analiżi tar-riskju u tal-ħsara);
   (d) jesplora l-aktar mekkaniżmi f’lokhom għal rimedju fil-każ ta’ vjolazzjonijiet konfermati (rimedju amministrattiv u ġudizzjarju u skemi ta’ kumpens);
   (e) jagħmel rakkomandazzjonijiet maħsuba biex jipprevjenu vjolazzjonijiet ulterjuri, u li jiżguraw protezzjoni kredibbli u ta’ livell għoli tad-data personali taċ-ċittadini tal-UE b’mezzi adegwati, b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ pakkett sħiħ dwar il-protezzjoni tad-data (rakkomandazzjonijiet ta’ politika u leġiferazzjoni);
   (f) jagħmel rakkomandazzjonijiet intiżi biex isaħħu s-sigurtà tal-IT fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE permezz ta’ regoli tajba tas-sigurtà għal sistemi ta’ komunikazzjoni, għall-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' aċċess mhux awtorizzat u tal-kxif jew it-telf ta’ informazzjoni u data personali (korrezzjoni ta’ lakuni tas-sigurtà);

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Istati Uniti, lis-Senat u lill-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti u lis-Segretarji tal-Istati Uniti għas-Sigurtà Interna u għall-Ġustizzja.

(1) ĠU C 72 E, 21.3.2002, p. 221.


It-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta' organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014
PDF 210kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar it-titjib tal-modalitajiet prattiċi ta' organizzazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 (2013/2102(INI))
P7_TA(2013)0323A7-0219/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 17(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 22(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunisidra l-Artikoli 11, 12(2) u 39 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett universali anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Settembru 1976, kif emendata(1),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni 11 annessa mat-Trattat ta' Lisbona dwar l-Artikoli 17(6) u (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 93/109/KE u d-Direttiva 2013/1/UE li temendaha, dwar ċeri arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 bl-isem 'Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar titjib tat-twettiq demokratiku u effiċjenti tagħhom’ (COM(2013)0126),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2013 dwar it-tisħiħ tal-kondotta demokratika u effiċjenti tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, indirizzata lill-Istati Membri u lill-partiti politiċi Ewropej u nazzjonali (C(2013)1303),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2014(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar l-għamla tal-Parlament fir-rigward tal-elezzjonijiet fl-2014(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 41, 48 u 105 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A7-0219/2013),

A.  billi ġie miftiehem li l-ġranet tal-votazzjoni tal-elezzjoni jinġiebu 'l quddiem, u jkunu bejn it-22 u l-25 ta' Mejju 2014, u, għalhekk, li s-sessjoni kostitwenti tal-Parlament il-ġdid issir nhar l-1 ta' Lulju 2014;

B.  billi fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew;

C.  billi kull cittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

D.  billi l-partiti politiċi fil-livell Ewropew huma atturi fl-isfera politika Ewropea; billi jikkontribwixxu għall-formazzjoni tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni;

E.  billi l-elezzjonijiet tal-2014 se jkunu l-ewwel li se jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona – li jsaħħaħ b'mod sinifikanti s-setgħat tal-Parlament Ewropew, inkluż ir-rwol tiegħu fl-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni – , u b’hekk jagħtu opportunità importanti ħafna għall-adozzjoni ta’ miżuri għaż-żieda tat-trasparenza tal-imsemmijin elezzjonijiet u t-tisħiħ tad-dimensjoni Ewropea tagħhom;

F.  billi jidher li l-partiti politiċi Ewropej ewlenin jinnominaw il-kandidati tagħhom stess għall-Presidenza tal-Kummissjoni, bl-aspettattiva li dawk il-kandidati jkollhom rwol ewlieni fil-kampanja elettorali tal-Parlament, b'mod partikulari billi personalment jippreżentaw il-programm politiku tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-UE;

G.  billi d-demokrazija partitika interna u standards għoljin ta' ftuħ u integrità min-naħa tal-partiti politiċi huma bażi essenzjali biex tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fis-sistema politika;

H.  billi s-sejba ta' soluzzjoni għall-kriżi attwali tal-governanza fl-UE tirrikjedi leġittimazzjoni demokratika ikbar tal-proċess ta' integrazzjoni;

I.  billi ċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt li joħorġu għall-elezzjonijiet u li jivvutaw fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ukoll meta jkunu jgħixu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta' oriġini tagħhom;

J.  billi l-kampanji elettorali għadhom bil-fokus primarju tagħhom fuq il-kwestjonijiet nazzjonali, u jimbuttaw lura fl-isfond id-dibattitu fuq kwestjonijiet prettament Ewropej, u dan għandu impatt negattiv fuq il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

K.  billi l-għadd ta' vutanti fl-elezzjonijiet jista' jiżdied permezz ta' kampanja politika attiva, fejn il-partiti politiċi u l-kandidati tagħhom jikkompetu għal voti u siġġijiet abbażi ta' programmi alternattivi li jindirizzaw id-dimensjoni Ewropea tal-politika;

L.  billi l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika jissuġġerixxi li maġġoranza kbira lesta li tivvota jekk tkun informata aħjar dwar il-Parlament Ewropew, il-partiti politiċi, il-programmi u l-kandidati tagħhom; billi l-mezzi kollha tal-midja huma mħeġġa għalhekk jagħtu attenzjoni massima lill-elezzjonijiet;

M.  billi l-President tal-Kummissjoni Ewropea jiġi elett mill-Parlament fuq proposta mill-Kunsill Ewropew, li għandu jqis ir-riżultati tal-elezzjonijiet u għandu jikkonsulta lill-Parlament il-ġdid qabel ma jagħmel in-nomina/i tiegħu;

N.  billi l-arranġamenti dettaljati għall-konsultazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew dwar l-elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni jistgħu, skont id-Dikjarazzjoni 11 annessa mat-Trattat ta' Lisbona, jiġu determinati ‘b’komuni akkordju’;

1.  Jitlob lill-partiti politiċi jiżguraw li l-ismijiet tal-kandidati magħżula biex joħorġu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ikunu ppubblikati mill-inqas sitt ġimgħat qabel il-bidu tal-perjodu elettorali;

2.  Jistenna li l-kandidati jimpenjaw ruħhom, jekk jiġu eletti, li jaċċettaw il-mandat tagħhom li jservu bħala Membri tal-Parlament Ewropew, sakemm ma jinħatrux f'pożizzjoni li tagħmilhom ineliġibbli skont l-Artikolu 7 tal-Att dwar l-elezzjoni diretta tal-Parlament Ewropew (1976);

3.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-partijiet politiċi jippressaw għal proporzjon ogħla ta' nisa fil-listi tal-kandidati u, safejn ikun possibbli, li jħeġġu listi b'rappreżentanza ugwali;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-partiti politiċi jaraw li l-ismijiet u, fejn xieraq, l-emblemi tal-partiti politiċi Ewropej jidhru fuq il-karta tal-vot;

5.  Jitlob lill-partiti politiċi Ewropej jaħtru l-kandidati tagħhom għall-presidenza tal-Kummissjoni biżżejjed qabel iż-żmien tal-elezzjoni, sabiex dawn ikunu jistgħu jibnu kampanja sinifikanti, madwar l-Ewropa, li tkun tikkonċentra fuq kwestjonijiet Ewropej imsejsin fuq il-pjattaforma tal-partit u fuq il-programm tal-kandidat tagħhom għall-presidenza tal-Kummissjoni;

6.  Jinsisti li l-partiti politiċi fil-livelli kollha jadottaw proċeduri demokratiċi u trasparenti għall-għażla tal-kandidati għall-Parlament Ewropew u għall-Presidenza tal-Kummissjoni;

7.  Jitlob lill-partiti nazzjonali jinfurmaw liċ-ċittadini, qabel u matul il-kampanja elettorali, dwar l-affiljazzjoni tagħhom ma' partit politiku Ewropew u l-appoġġ tagħhom għall-kandidat tiegħu għall-presidenza tal-Kummissjoni u għall-programm politiku tiegħu jew tagħha;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippermettu x-xandiriet politiċi min-naħa tal-partiti politiċi Ewropej;

9.  Jinkoraġġixxi lill-partiti politiċi Ewropej jorganizzaw diversi dibattiti pubbliċi bejn il-kandidati maħtura għall-Presidenza tal-Kummissjoni;

10.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jimplimentaw b'mod effettiv il-miżuri miftiehma ta' assistenza liċ-ċittadini li jkunu jixtiequ jivvutaw jew joħorġu għall-elezzjoni fi Stati Membri li ma jkunux l-Istati Membri ta' oriġini tagħhom;

11.  Jitlob lill-Istati Membri jorganizzaw kampanja pubblika b'appoġġ għall-ħruġ tal-votanti bl-iskop li ma jkomplix it-tnaqqis fir-rata ta' parteċipazzjoni;

12.  Iħeġġeġ lill-partiti politiċi nazzjonali jinkludu fil-listi tagħhom tal-kandidati lil ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stati Membri li mhumiex ċittadini tagħhom;

13.  Jinsisti li, bi qbil mal-Artikolu 10(2) tal-Att dwar l-elezzjoni diretta tal-Parlament Ewropew, ma jiġi ppubblikat l-ebda riżultat uffiċjali tal-elezzjonijiet fl-ebda Stat Membru sa qabel għeluq il-votazzjoni fl-Istat Membru li l-eletturi tiegħu ikunu l-aħħar li vvotaw nhar il-Ħadd 25 ta' Mejju 2014;

14.  Jipproponi li l-arranġamenti għall-konsultazzjonijiet bejn il-Parlament u l-Kunsill Ewropew dwar l-elezzjoni tal-President il-ġdid tal-Kummissjoni jkunu miftiehma bi qbil reċiproku sew qabel l-elezzjonijiet;

15.  Jistenna li f’dan il-proċess, il-kandidat għal President tal-Kummissjoni li jkun tressaq mill-partit politiku Ewropew li jkun rebaħ l-akbar għadd ta’ siġġijiet fil-Parlament ikun dak li jitqies l-ewwel minħabba fl-aċċertament tal-abilità tiegħu/tagħha li jikseb l-appoġġ tal-maġġoranza assoluta neċessarja fil-Parlament;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partiti politiċi Ewropej.

(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom (ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1.) kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/81/Euratom, KEFA, KEE, (ĠU L 33, 9.2.1993, p. 15.) u b’Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1.).
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0462.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0082.


Esportazzjoni ta' armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK
PDF 214kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-esportazzjoni tal-armi: implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2013/2657(RSP))
P7_TA(2013)0324RC-B7-0260/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari(1),

–  wara li kkunsidra l-proċess ta' rieżami tal-Pożizzjoni Komuni li għaddej bħalissa fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Esportazzjoni ta' Armi Konvenzjonali (COARM), li skont l-Artikolu 15 tagħha għandha tiġi riveduta tliet snin wara l-adozzjoni tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar is-simplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet tat-trasferimenti ta’ prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità(2),

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid ta’ armi żgħar u r-revokazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 1999/34/PESK(3), kif ukoll l-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tal-SALW u tal-munizzjon tagħhom, li ġiet adottata mill-Kunsill Ewropew fil-15 u s-16 ta’ Diċembru 2005(4),

–  wara li kkunsidra t-Tlettax(5) u l-Erbatax-il(6) Rapport Annwali tal-COARM,

–  wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ tal-Armi li jistabbilixxi standards komuni vinkolanti għall-kummerċ globali tal-armi konvenzjonali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 rigward in-negozjati dwar it-Trattat tan-NU dwar il-Kummerċ tal-Armi(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 346 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-esportazzjoni tal-armi jista' jkollha impatt mhux biss fuq is-sigurtà, iżda wkoll fuq l-iżvilupp, b’tali mod li huwa importanti li l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tat-teknoloġija u t-tagħmir militari tissaħħaħ;

B.  billi l-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK tirrappreżenta qafas vinkolanti li jistabbilixxi tmien kriterji, u billi jekk ma jkunux issodisfati liċenzja għall-esportazzjoni għandha jew tiġi miċħuda (Kriterji 1-4) jew inkella tal-anqas għandu jiġu kkunisdrat jekk għandhiex tiġi miċħuda (Kriterji 5-8);

C.  billi, skont l-Artikolu 3 tal-Pożizzjoni Komuni, it-tmien kriterji jiddefinixxu biss standards minimi, u huma bla preġudizzju għal miżuri aktar restrittivi tal-Istati Membri għall-kontroll tal-armi; billi d-deċiżjonijiet dwar jekk jinħarġux liċenzji għall-esportazzjoni tal-armi jew le bi qbil mal-kriterji huma, f'kull każ, kompetenza tal-Istati Membri individwali;

D.  billi l-Artikolu 10 tal-Pożizzjoni Komuni jiddikjara biċ-ċar li l-Istati Membri, fejn meħtieġ, jistgħu wkoll jikkunsidraw l-effett tal-esportazzjonijiet proposti fuq l-interessi ekonomiċi, soċjali, kummerċjali u industrijali tagħhom, u billi jeħtieġ li dawn il-fatturi ma jaffettwawx l-applikazzjoni tat-tmien kriterji;

E.  billi skont l-Istitut Internazzjonali ta’ Riċerka dwar il-Paċi ta’ Stokkolma (SIPRI), l-Istati Membri tal-UE, meta jitqiesu flimkien, huma t-tieni l-akbar esportatur tal-armi fid-dinja, ftit biss wara l-Istati Uniti, u billi l-proporzjon ta’ armi li qed jintbagħtu lejn pajjiżi barra l-UE qiegħda tikber;

F.  billi d-destinazzjonijiet ewlenin barra l-UE tat-trasferimenti tal-armi mill-Istati Membri huma l-Lvant Nofsani, l-Amerika ta’ Fuq u l-Asja; billi l-pajjiżi benefiċjarji ewlenin huma l-Arabja Sawdija, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Emirati Għarab Magħquda;

G.  billi l-industrija Ewropea tipprova tpatti għat-tnaqqis tad-domanda tad-difiża Ewropea billi tfittex li tingħatha aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi, u billi f’dan għandha l-appoġġ ta’ diversi politiċi u partiti politiċi, li jqisu li dan jgħin biex isaħħaħ l-industrija tad-difiża Ewropea, l-għarfien teknoloġiku, is-sigurtà tal-provvista u ż-żamma ta’ stat ta’ tħejjija; billi r-riċerka u l-iżvilupp fl-industriji tad-difiża għandhom effett konsegwenzjali importanti li jikkontribwixxi għal bosta applikazzjonijiet ċivili;

H.  billi sar progress sinifikanti lejn l-ilħiq ta' ftehim bejn l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tat-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni, prinċipalment permezz tal-Gwida għall-Utenti tal-Pożizzjoni Komuni, imfassla mill-COARM, li tagħti definizzjonijiet dettaljati tal-aħjar prattiki rigward l-applikazzjoni tal-kriterji;

1.  Jifraħ bil-fatt li l-UE għandha qafas vinkolanti, waħdieni fid-dinja, li permezz tiegħu il-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi qed jittejjeb, inkluż f’reġjuni fi kriżi u f’pajjiżi b'rekords problematiċi ta’ drittijiet tal-bniedem, u jilqa' li fatt li, f'dan ir-rigward, pajjiżi terzi Ewropej u mhux Ewropej ingħaqdu fis-sistema ta' kontroll għall-esportazzjoni tal-armi abbażi tal-Pożizzjoni Komuni; jinnota, madankollu, li l-livell ta' rigorożità li bih it-tmien kriterji jiġu applikati u interpretati fl-Istati Membri tal-UE jvarja; jitlob, għaldaqstant, interpretazzjoni u implimentazzjoni aktar uniformi tal-Pożizzjoni Komuni bl-obbligi kollha tagħha, u jiddispjaċih li l-UE għad m’għandhiex politika komuni dwar it-trasferiment tal-armi lil pajjiżi terzi;

2.  Jinsisti li m’għandux ikun hemm diskrepanzi bejn il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE u l-Pożizzjoni Komuni; iqis li huwa f'idejn l-Istati Membri u r-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni li jiżguraw il-koerenza tal-Pożizzjoni Komuni u tal-politika estera;

3.  Jenfasizza d-dritt tal-Istati Membri li jimxu skont il-politiki nazzjonali tagħhom, filwaqt li jottemperaw ruħhom bis-sħiħ mad-dritt u mal-ftehimiet internazzjonali, kif ukoll mar-regoli u mal-krieterji maqbula b’mod komuni, filwaqt li din l-ottemperanza tkun ikkontrollata bi qbil mar-regolamenti nazzjonali;

4.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali jew korpi parlamentari speċifiċi jiżguraw kontroll effikaċi fuq l-applikazzjoni u l-infurzar tal-istandards maqbula tal-Pożizzjoni Komuni fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE, kif ukoll fuq l-istabbiliment ta’ sistema ta’ kontroll trasparenti u responsabbli;

5.  Huwa tal-fehma li d-diċitura tal-Gwida għall-Utenti għandha tkun aktar akkurata u anqas soġġetta għall-interpretazzjoni, u li għandha tibqa' tiġi aġġornata meta jkun hemm bżonn;

6.  Jappella biex il-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni jiġu applikati aħjar qabel jiġu ssuġġeriti oħrajn ġodda;

7.  Jirrikonoxxi r-rwol koerenti u konsistenti tal-Istati Membri tal-UE favur proċess internazzjonali biex jiġu stabbiliti regoli vinkolanti li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali tal-armi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiffukaw l-isforzi tagħhom fuq dawk il-pajjiżi li għadhom ma aderixxewx mal-ftehimiet internazzjonali;

8.  Jinnota li r-rapporti annwali tal-COARM l-esportazzjonijiet tal-armi tal-Istati Membri għamluhom aktar trasparenti; jiddispjaċih, madankollu, li settijiet tad-data mhumiex kompluti u jvarjaw minħabba l-proċeduri differenti fl-Istati Membri individwali rigward il-ġbir u l-preżentazzjoni tad-data; ifakkar lill-Istati Membri biex jippreżentaw informazzjoni kompluta kull sena dwar it-trasferimenti tal-armi tagħhom lill-COARM, kif maqbul u stabbilit fil-Pożizzjoni Komuni;

9.  Jappella li ssir analiżi dwar kif il-Pożizzjoni Komuni qed tiġi implimentata fis-sistemi nazzjonali; huwa tal-fehma li l-kapaċità tal-COARM li janalizza l-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi għandha tissaħħaħ;

10.  Huwa tal-fehma li l-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi akkumpanjata minn lista aġġornata regolarment u disponibbli għall-pubbliku li tipprovdi informazzjoni dwar sa liema punt l-esportazzjoni lejn pajjiżi benefiċjarji partikolari tkun jew ma tkunx konformi mat-tmien kriterji;

11.  Huwa tal-fehma li għandha tiġi stabbilita sistema mtejba li tippermetti skambji regolari u aġġornati ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar it-trasferimenti tal-armi lil stati li qabel kienu taħt embargo;

12.  Jappella li jsir dibattitu kull sena fil-Parlament, flimkien ma’ rapport annwali, dwar l-implimentazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, sabiex ikun żgurat il-grad xieraq ta' sorveljanza parlamentari u ta’ trasparenza fil-livell Ewropew;

13.  Jilqa’ l-konklużjoni, taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti, ta’ Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (ATT) vinkolanti dwar il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali, li joħloq sistema internazzjonali effikaċi ta’ kontroll tal-armi permezz ta' aktar trasparenza u responsabbiltà, u li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali, biex b'hekk l-użu irresponsabbli u illeċitu tal-armi konvenzjonali jsir dejjem aktar diffiċli; jirrikonoxxi r-rwol koerenti u konsistenti tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-appoġġ għall-proċess internazzjonali tal-ħolqien ta’ regoli vinkolanti li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali tal-armi;

14.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm implimentazzjoni effikaċi u kredibbli tal-ATT, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffukaw l-isforzi internazzjonali tagħhom fuq ħidma favur l-iffirmar universali u d-dħul fis-seħħ bikri tiegħu;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU L 335, 13.12.2008, p.99.
(2) ĠU L 146, 10.6.2009, p.1.
(3) ĠU L 191, 19.7.2002, p. 1.
(4) Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 05319/2006, 13.1.2006.
(5) ĠU C 382, 30.12.2011, p.1.
(6) ĠU C 386, 14.12.2012, p. 1.
(7) P7_TA(2012)0251.


Il-bidu ta' negozjati dwar Ftehim Plurilaterali dwar is-Servizz
PDF 289kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-bidu ta' negozjati dwar Ftehim Plurilaterali dwar is-Servizzi (2013/2583(RSP))
P7_TA(2013)0325B7-0314/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport preċedenti tiegħu dwar is-servizzi, partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar il-kummerċ fis-servzzi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-istat tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA) u dwar il-futur tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), partikolarment ir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2009 dwar il-prospetti għall-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp wara s-Seba' Konferenza Ministerjali tad-WTO(2) u tal-14 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakoli għall-kummerċ u l-investiment(4),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar is-servizzi ta' interess ġenerali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1995; wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Marzu 2003 dwar il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) fl-ambitu tad-WTO, inkluża d-diversità kulturali(5),

–  wara li kkunsidra l-abbozzi tad-direttivi ta' negozjati għal ftehim plurilaterali dwar il-kummerċ fis-servizzi, imressqa mill-Kummissjoni fil-15 ta' Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ, Tkabbir u Affarijiet Dinjija – Il-Politika tal-Kummerċ bħala element prinċipali mill-Istrategija tal-UE 2020"(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew bit-titolu "Ir-Rapport tal-2012 dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment"(7),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-21 ta' April 2011 tal-President tal-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi tad-WTO, l-Ambaxxatur Fernando de Mateo, lill-Kumitat tan-Negozjati Kummerċjali tiegħu rigward is-sessjoni speċjali tan-negozjati dwar il-kummerċ fis-servizzi(8),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-grupp "Really Good Friends of Services" (RGF) fil-5 ta' Lulju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-servizzi jirrappreżentaw kważi tliet kwarti tal-PDG u tal-impjiegi tal-UE u huma fundamentali biex tinżamm u tissaħħaħ il-kompetittività tagħha;

B.  billi s-servizzi rrappreżentaw 28 % tal-esportazzjonijiet tal-UE fl-2011 u aktar minn nofs l-investiment dirett barrani tagħha fil-pajjiżi terzi mill-2011;

C.  billi l-UE tiżvolġi rwol importanti fil-kummerċ fis-servizzi bħala l-akbar esportatur ta' servizzi fid-dinja kollha, u mill-2011 tirrappreżenta 25.65 % tal-esportazzjonijiet totali ta' servizzi fid-dinja;

D.  billi l-pajjiżi kollha għandhom ikunu f’pożizzjoni li jiżviluppaw, iżommu u jirregolaw servizzi pubbliċi fl-interess ġenerali;

E.  billi 129 membru tad-WTO assumew impenji fl-ambitu tal-GATS, iżda billi l-maġġoranza ta' tali pajjiżi ma assumewx impenji fis-setturi kollha;

F.  billi s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja attwali enfasizzat iżjed minn qatt qabel ir-rwol fundamentali tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni Ewropea; billi f’oqsma bħalma huma l-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal, il-kura tal-anzjani, l-għajnuna lill-persuni b’diżabilità jew l-akkomodazzjoni soċjali, dawn is-servizzi jipprovdu xibka ta’ sigurtà essenzjali għaċ-ċittadini u jgħinu l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali; billi s-servizzi pubbliċi fil-qasam tal-edukazzjoni, it-taħriġ u s-servizzi tal-impjiegi jwettqu rwol ewlieni fl-aġenda tat-tkabbir u l-impjiegi;

G.  billi, fl-okkażjoni tas-sitt Konferenza Ministerjali tad-WTO li saret f'Ħong Kong fl-2005, bilkemm 30 pajjiż ressqu offerti ġodda ta' servizzi, u billi n-negozjati multilaterali dwar is-servizzi ftit li xejn għamlu progress minn Lulju 2008;

H.  billi, b'riżultat tal-kriżi ekonomika tal-2008 u tal-2009, ġew introdotti miżuri protezzjonistiċi ġodda biex jiġi limitat il-kummerċ fis-servizzi;

I.  billi fost il-membri tal-grupp RGF fl-2012 saru t-taħditiet preliminari dwar il-format u l-istruttura tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (Trade In Services Agreement - TISA);

J.  billi l-21 membru tad-WTO(9) li qegħdin jinnegozjaw mal-UE fil-biċċa l-kbira huma pajjiżi tal-OECD u jirrappreżentaw 70 % tal-kummerċ fis-servizzi transfruntieri globali (bl-esklużjoni tal-kummerċ fis-servizzi intra-UE) u 58 % tal-kummerċ tal-UE fis-servizzi kummerċjali; billi l-partijiet ta' dawn in-negozjati sal-lum ma jinkludu l-ebda pajjiż BRICS, l-ebda membru tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) u l-ebda pajjiż tal-Afrika, tal-Karibew jew tal-Paċifiku;

K.  billi l-Kummissjoni ppreżentat l-abbozzi tad-direttivi ta' negozjati lill-Kunsill fil-15 ta' Frar 2013 u rċeviet mandat fit-18 ta' Marzu 2013 biex tieħu sehem fin-negozjati tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi;

1.  Iqis li s-sistema kummerċjali multilaterali, irrappreżentata mid-WTO, għadha l-aktar qafas effikaċi biex jinkiseb kummerċ miftuħ u ġust fid-dinja kollha; jaqbel, madankollu, li kienu neċessarji, fid-dawl ta' stall rikonoxxut matul it-8 Konferenza Ministerjali tad-WTO ta' Diċembru 2011, inizjattivi bilaterali u plurilaterali ġodda bil-għan li jagħtu impetu lin-negozjati kummerċjali f'Ġinevra; jisħaq fuq in-neċessità, madankollu, li l-inizjattivi l-ġodda kollha jibqgħu ankrati fil-qafas tad-WTO;

2.  Jiddispjaċih għall-fatt li ngħatat attenzjoni skarsa lill-kummerċ fis-servizzi mill-bidu taċ-Ċiklu ta' Doha; jenfasizza li s-servizzi jirrappreżentaw is-sinsla tal-ekonomiji u tal-kummerċ fis-seklu 21, peress li n-nibta ta' katini ta' valur globali tiddependi fuq il-provvista tas-servizzi; jenfasizza l-importanza ta' servizzi ta' interess ġenerali sabiex jiġu offruti xbieki ta' protezzjoni fundamentali għaċ-ċittadini u għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali fil-livell muniċipali, reġjonali, statali u tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jiddeplora l-fatt li l-listi ta' impenji tal-GATS meħuda mill-partijiet kontraenti fid-WTO saru antikwati u ma jirriflettux il-livell effettiv ta' restrizzjonijiet għall-kummerċ fis-servizzi f'dawn il-pajjiżi, speċjalment dawk li wettqu liberalizzazzjoni awtonoma sostanzjali, u li l-membri tad-WTO għadhom juru livelli differenti ħafna u ftit ċari ta' liberalizzazzjoni u ta' dixxiplina fl-impenji tagħhom rigward il-kummerċ fis-servizzi;

4.  Jilqa' pożittivamnet il-ftuħ tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi u l-parteċipazzjoni tal-Unjoni Ewropea f'dawn it-taħditiet sa mill-bidu biex tkun tista' tippromwovi l-interessi tal-UE u tiddefendi l-pożizzjonijiet tagħha dwar il-format u l-istruttura tal-ftehim; jemmen li l-parteċipazzjoni tal-UE tista' trawwem il-koerenza bejn il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi u s-sistema multilaterali kif ukoll tikkontribwixxi għas-salvagwardja tal-iskrutinju parlamentari adegwat tal-proċess tan-negozjati;

5.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-Kunsill ta mandat mingħajr ma qies l-pożizzjoni tal-Parlament;

6.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha li żżomm lill-Parlament informat immedjatament u totalment fil-fażijiet kollha tan-negozjati (qabel u wara ċ-ċikli ta' negozjati);

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-negozjati tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi jitmexxew skont ir-regoli tad-WTO dwar it-trasparenza u jiġu kkomunikati lill-membri kollha tad-WTO b’mod li jkun f’waqtu u informattiv għal kollox;

8.  Jemmen li għadha ma ntlaħqitx massa kritika li tkun tippermetti l-estensjoni tal-benefiċċji ta' dan il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tal-futur lill-membri kollha tad-WTO u li konsegwentement il-klawsola tan-nazzjon l-aktar iffavorit tal-GATS(10) ma għandhiex tapplika għat-TISA;

9.  Josserva madankollu bi tħassib li fost il-partijiet tan-negozjati ma hemmx is-swieq emerġenti (għajr għat-Turkija), partikolarment il-pajjiżi BRICS, fejn qegħdin jiżdiedu l-kummerċ u l-investimenti fil-qasam tas-servizzi u fejn jinsabu l-ostakli maġġuri, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam mal-investimenti barranin; jistieden, għalhekk, liċ-Ċina u lill-ekonomiji emerġenti l-oħra jipparteċipaw fin-negozjati;

10.  Huwa tal-fehma li jekk tinżamm miftuħa l-possibilità li pajjiżi oħrajn, inklużi l-ekonomiji emerġenti, jipparteċipaw f'dawn in-negozjati, dan ma għandux jikkawża tnaqqis tal-livell ta' ambizzjoni ta' dan il-ftehim, billi grad għoli ta' liberalizzazzjoni u ta' konverġenza tad-dixxiplini biss ikun jista' jikkonvinċi lil dawn il-pajjiżi jieħdu sehem fin-negozjati;

11.  Jirrakkomanda li, bil-għan li tinżamm miftuħa l-possibilità li l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tal-futur isir multilaterali, il-konfigurazzjoni tiegħu għandha ssegwi l-format u l-istruttura GATS, inkluż il-kunċett tal-lista pożittiva tal-impenji, u tadotta d-definizzjonijiet u l-prinċipji fundamentali stabbiliti fil-GATS, kif ukoll ir-regoli tiegħu dwar it-trattament nazzjonali, l-aċċess għas-swieq u d-dixxiplini;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tifformula proposta tal-bidu simili għall-aħħar proposta ta' lista tal-GATS u timmira għal dawn l-objettivi li ġejjin fin-negozjati dwar l-impenji fil-qasam tal-aċċess għas-suq:

   tiżgura kundizzjonijiet ta' parità aħjar billi tnaqqas l-iżbilanċi tal-impenji fil-GATS bejn il-partijiet, is-setturi u l-metodi;
   tippromwovi aġenda ambizzjuża għall-interessi offensivi tal-UE, partikolarment fir-rigward tas-servizzi lill-impriżi, tas-servizzi ICT, tas-servizzi finanzjarji u ġuridiċi, tal-kummerċ elettroniku, tas-servizzi tat-trasport marittimu u bl-ajru, tas-servizzi ambjentali u tal-kostruzzjoni; tiddefendi l-interessi tal-UE fis-swieq tal-pajjiżi terzi filwaqt li fil-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tiddaħħal l-konċessjoni prudenzjali tal-GATS li tippermetti lill-pajjiżi parteċipanti jwettqu regolamentazzjoni nazzjonali tas-swieq finanzjarji u tal-prodotti għal skopijiet prudenzjali; tagħmel appell li l-konċessjoni prudenzjali tal-GATS għas-servizzi finanzjarji tiddaħħal fil-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi bil-għan li l-partijiet tal-ftehim ikunu jistgħu jieħdu miżuri minħabba raġunijiet prudenzjali, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi;
   tiddefendi s-sensittivitajiet Ewropej rigward is-servizzi pubbliċi u s-servizzi ta' interess ġenerali (kif definit fit-Trattati tal-UE), fl-oqsma tal-edukazzjoni pubblika, tas-saħħa pubblika, tal-provvista tal-ilma u tal-ġestjoni tal-iskart u ma tkomplix, bħal fil-każ tal-GATS u tal-ftehimiet bilaterali ta' kummerċ ħieles, tassumi impenji fir-rigward tas-servizzi awdjoviżivi jew tas-servizzi kulturali;
   tipprevjeni l-impenji u r-regoli dwar is-servizzi finanzjarji li jkunu jikkontradixxu miżuri reċenti biex jiġu rregolati s-swieq u l-prodotti finanzjarji;
   tadotta approċċ kawt għall-offerti skambjati fil-"Modalità 4", filwaqt li żżomm quddiem għajnejha li l-UE għandha interessi offensivi fil-ħaddiema b’ħiliet ta’ livell għoli u li l-UE, l-ewwel u qabel kollox, għandha tafferma mill-ġdid, fil-qafas tat-TISA, li l-moviment temporanju ta’ persuni fiżiċi bil-għan li joffru servizz skont il-Modalità 4 jrid ikun konformi mad-drittijiet nazzjonali fil-qasam tax-xogħol u dak soċjali u mal-ftehimiet kollettivi, u li, bħal fil-qafas tal-GATS, l-ebda Parti m’għandha tinżamm milli tapplika miżuri biex tirregola d-dħul ta’ persuni fiżiċi fit-territorju tagħha, dment li tali miżuri ma jġibux fix-xejn il-benefiċċji li jirriżultaw mill-impenji tal-Partijiet;
   iżżomm pożizzjoni newtrali dwar in-natura pubblika jew privata tal-proprjetà tal-operaturi ekonomiċi koperti mill-impenji;
   tiggarantixxi li kwalunkwe liberalizzazzjoni tal-flussi ta' data tkun totalment konsistenti mal-acquis tal-UE fir-rigward tal-privatezza u tal-protezzjoni tad-data;

13.  Jinnota li l-UE diġà kkonkudiet, jew qiegħda fil-proċess li tinnegozja, ftehimiet kummerċjali bilaterali ma' wħud mis-sħab fin-negozjati tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (inkluż il-Ġappun u dalwaqt anki l-Istati Uniti), li jinkludu kapitoli importanti dwar is-servizzi, li fihom jiġu ttrattati aħjar il-kwistjonijiet bilaterali speċifiċi ta' kull pajjiż; jemmen li, f'termini ta' aċċess għas-suq, l-interess tal-UE f'dawn in-negozjati jikkorrispondi għal dak tas-sħab l-oħra (eż. l-Awstralja, in-New Zealand, il-Messiku, it-Tajwan u t-Turkija);

14.  Jisħaq fuq il-fatt li l-inklużjoni tal-prinċipji ta' "standstill" u "ratchet" fil-listi għandha tippermetti li l-impenji tal-partijiet jiġu vinkolati mal-livelli attwali u tippermetti ftuħ progressiv ulterjuri;

15.  Jemmen li l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi għandu jinvolvi dixxiplini regolatorji aktar inċiżivi fl-oqsma tat-trasparenza, tal-kompetizzjoni, tar-rekwiżiti għall-ħruġ tal-liċenzji u tar-regolamentazzjonijiet settorjali, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kull pajjiż li jadotta regolamenti debitament ġustifikati minħabba raġunijiet ta' politika pubblika(11);

16.  Iqis bħala essenzjali li l-UE u l-Istati Membri tagħha jżommu l-possibilità li jippreservaw u jiżviluppaw il-politiki kulturali u awdjoviżivi tagħhom, u li jagħmlu dan fil-qafas tal-liġijiet, l-istandards u l-ftehimiet tagħhom; jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, l-esklużjoni min-naħa tal-Kunsill tas-servizzi kulturali u awdjoviżivi mill-mandat tan-negozjar;

17.  Jenfasizza li dan in-negozjat jirrappreżenta opportunità biex jitjiebu r-regoli fil-qasam tal-akkwist pubbliku(12) u tas-sussidji(13) fis-settur tas-servizzi, li fuqhom in-negozjati GATS qegħdin f'fażi ta' stall;

18.  Huwa tal-fehma li l-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi għandu jinkludi klawsola ta' adeżjoni, dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet u l-proċeduri għall-"multilateralizzazzjoni" tal-ftehim għall-membri kollha tad-WTO, kif ukoll mekkaniżmu speċifiku għas-soluzzjoni tat-tilwim, mingħajr preġudizzju għall-possibilità ta' rikors għall-mekkaniżmu ġenerali għas-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO;

19.  Josserva li l-mandat għan-negozjar tal-UE ġie propost mill-Kummissjoni u adottat mill-Kunsill mingħajr l-ebda valutazzjoni tal-impatt; jinsisti li l-Kummissjoni ssegwi l-intenzjoni tagħha li tħejji valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibilità u li teħtieġ li tagħmel dan f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti fir-rigward tat-tħassib soċjali, ambjentali u ta' xorta oħra; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika l-valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibilità bil-għan li tikkunsidra l-konklużjonijiet tagħha fin-negozjati;

20.  Iqis li t-terminu ta' sentejn għall-konklużjoni ta' negozjati bħal dawn huwa ferm ambizzjuż iżda jikkondividi l-opinjoni li tali ftehim għandu jintlaħaq mill-aktar fis possibbli, bil-patt li jintlaħqu l-objettivi msemmijin hawn fuq; jenfasizza li l-kwalità għandha tkun prevalenti fuq iż-żmien, u jinsisti li n-negozjati għandhom ikunu trasparenti u għandhom jipprovdu l-ispazju u ż-żmien meħtieġa għal dibattitu pubbliku u parlamentari infurmat;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 67.
(2) ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 1.
(3) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 84.
(4) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 1.
(5) ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 289.
(6) COM(2010)0612.
(7) COM(2012)0070.
(8) TN/S/36.
(9) Awstralja, Ċilì, Ċina, Ġappun, Ħong Kong, Iżrael, Kanada, Kolombja, Korea, Kosta Rika, Messiku, New Zealand, Norveġja, Pakistan, Panama, Paragwaj, Perù, Stati Uniti, Svizzera, Tajwan u Turkija.
(10) Artikolu II tal-GATS.
(11) Artikoli XIV u XIV bis tal-GATS.
(12) Artikolu XIII tal-GATS.
(13) Artikolu XV tal-GATS.


Żieda fid-dazji imposti fin-Norveġja fuq prodotti agrikoli
PDF 211kWORD 45k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar iż-żieda fid-dazji imposti fin-Norveġja fuq prodotti agrikoli (2013/2547(RSP))
P7_TA(2013)0326B7-0327/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim fil-forma tal-Iskambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar preferenzi kummerċjali addizzjonali għal prodotti agrikoli milħuq abbażi tal-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim Bilaterali)(1),

–  wara li kkunsidra pożizzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar preferenzi kummerċjali addizzjonali għal prodotti agrikoli milħuq abbażi tal-Artikolu 19 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra l-ittra tad-9 ta' Marzu 2011 mingħand il-Ministru tal-Kummerċ u l-Industrija tan-Norveġja indirizzata lill-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, dwar l-Att dwar is-Suq Uniku,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-38 laqgħa tal-Kunsill ŻEE tas-26 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar ‘Żieda sinifikanti fid-dazji imposti fin-Norveġja fuq prodotti agrikoli’ (O-000048/2013 – B7‑0210/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim ŻEE, ‘Il-partijiet kontraenti jintrabtu li jissoktaw bl-isforzi tagħhom bil-għan li jiksbu liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ agrikolu ta’ bejniethom’;

B.  billi l-Ftehim ŻEE jagħti l-bażi għal aċċess indaqs għas-suq intern lin-Norveġja u billi l-partijiet tal-Ftehim ŻEE sabu li l-Ftehim joffri vantaġġ reċiproku;

C.  billi, ġeneralment, ir-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi bejn l-UE u n-Norveġja huma fi stat eċċellenti; billi d-differenzi emerġenti fost is-sħab għandhom ikunu ttrattati fil-forma ta' djalogu;

D.  billi l-Ftehim Bilaterali fis-seħħ minn Jannar 2012 ġedded il-qafas ġuridiku preferenzjali, reċiproku u li joħloq benefiċċju reċiproku għal preferenzi kummerċjali fir-rigward ta’ prodotti agrikolu, inklużi l-laħam u l-prodotti tal-ħalib;

E.  billi permezz ta’ dak il-ftehim, l-UE u r-Renju tan-Norveġja estendew il-liberalizzazzjoni reċiproka tal-kummerċ fil-prodotti agrikolu, billi jipprovdu aċċess għal eżenzjoni mid-dazju, joħloq kwoti tariffarji u jnaqqas id-dazji fuq l-importazzjoni għal varjetà kbira ta’ prodotti agrikoli;

F.  billi mill-1 ta’ Jannar 2013, l-esportaturi Ewropej ta’ ċerti ġobnijiet u laħam tal-ħaruf u taċ-ċanga ħabbtu wiċċhom ma’ dazji ad valorem ta’ 277 %, 429 % u 344 % rispettivament fis-suq Norveġiż; billi din il-miżura segwiet l-impożizzjoni ta’ dazju ġdid ta’ 72 % fuq l-importazzjoni għall-fjuri hydrangea (hortensia);

G.  billi dawn il-miżuri, minkejja li huma permessi fl-iskeda Norveġiża tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, imorru kontra l-kunċett u l-ispirtu tal-Ftehim Bilaterali, b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu, li jiddikjara li ‘Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-benefiċċji li huma jagħtu lil xulxin ma jkunux ipperikolati minn miżuri ta’ importazzjoni restrittivi oħra’;

H.  billi t-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-indikaturi tal-inflazzjoni ma juru l-ebda ħjiel ta’ impatt negattiv tal-kriżi ekonomika jew finanzjarja globali fuq l-ekonomija Norveġiża;

1.  Jiddeplora l-miżuri reċenti imposti mill-Gvern Norveġiż, li jqis bħala protezzjonisti u projbittivi għall-kummerċ, u evidentement imorru kontra l-kunċett u l-ispirtu tal-Ftehim Bilaterali;

2.  Jenfasizza li dawn il-miżuri ġew proposti mill-Gvern Norveġiż mingħajr konsultazzjoni preċedenti mal-kontropartijiet tal-UE li kienet tkun xierqa fil-kuntest tar-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom eżistenti bejn l-UE u n-Norveġja;

3.  Jiddubita l-loġika ekonomika bħala bażi ta’ dawn il-miżuri, li jista’ jkollha effetti ta’ tnaqqis fil-kummerċ, ħsara għall-partijiet involuti kollha u speċjalment għall-konsumaturi Norveġiżi, u fuq terminu twil għall-bdiewa Norveġiżi wkoll; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-effetti potenzjalment negattivi ta’ żieda fit-tariffi fuq l-esportaturi u l-bdiew tal-UE;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament Norveġiż jirtiraw il-miżuri;

5.  Jistieden lill-Gvern Norveġiż u lill-Kummissjoni biex jieħdu nota tal-passi ambizzjużi li ħadet l-Islanda reċentement biex tilliberalizza l-kummerċ agrikolu tagħha mal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Gvern Norveġiż biex isegwi l-eżempju tagħha;

6.  Jitlob lill-Gvern Norveġiż biex jaċċetta rieżami tal-Protokoll 3 tal-Ftehim ŻEE, rigward il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli proċessati, sabiex jiġi valutat jekk id-dazji fuq il-prodotti msemmija hawn fuq humiex ġusti u ġustifikati;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli bin-negozjati mal-awtoritajiet Norveġiżi sabiex taħdem għal soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku għall-importazzjoni/esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tispeċifika l-miżuri li biħsiebha tieħu fil-każ li n-Norveġja tirrifjuta li treġġa’ lura d-deċiżjoni tagħha, b’mod partikolari fid-dawl tal-protezzjoni tal-impjiegi u l-kontribut fis-settur agrikolu tal-Unjoni, jekk ikun meħtieġ;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li tipproponi iktar azzjoni fil-każ ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni, bl-għan li jitneħħew il-miżuri;

10.  Ifakkar fl-impenn li sar min-Norveġja lejn is-suq intern, partikolarment fil-kuntest tal-inizjattivi reċenti bħal-Att tas-Suq Uniku I u II; jindika li l-Gvern Norveġiż stess irrikonoxxa li suq uniku effiċjenti huwa s-sisien għat-tkabbir u għall-ħolqien ta' impjiegi fil-ġejjieni u li l-kriżi attwali ma għandhiex tintuża bħala skuża biex nirrikorru għal miżuri protezzjonisti u ta' distorsjoni tal-kummerċ;

11.  Jesprimi t-tama tiegħu li n-Norveġja tibqa' parti integranti tas-suq intern u ma tirrikorrix għal miżuri unilaterali diżintegrattivi ulterjuri;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Gvern u l-Parlament Norveġiż u lill-istituzzjonijiet taż-Żona Ekonomika Ewropea.

(1) ĠU L 327, 9.12.2011, p. 2.
(2) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 168.


L-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali
PDF 447kWORD 125k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali (2013/2655(RSP))
P7_TA(2013)0327B7-0331/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3(3) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 12, 14, 26, 114(3) u 169(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur bl-isem 'Aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur', adottat fil-25 ta' April 2013 (A7‑0163/2013),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2013 bl-isem ‘E‑commerce Action plan 2012-2015 – State of play 2013’ (Pjan ta' Azzjoni dwar il-kummerċ elettroniku 2012-2015 – Sitwazzjoni fl-2013) (SWD(2013)0153),

–  wara li kkunsidra l-Istrument ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Kummissjoni Nru 26 tat-18 ta' Frar 2013,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2012 bl-isem "Commission staff working document: The Consumer Markets Scoreboard - Making markets work for consumers - Eighth edition Part 1 — November 2012" (Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: L-Istrument ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumaturi - Nagħmlu s-swieq jaħdmu għall-konsumatur - It-tmien edizzjoni Parti 1 1 — Novembru 2012) (SWD(2012)0432),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-18 ta’ April 2013 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-Memorandum ta' Qbil dwar il-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati fuq l-internet (COM(2013)0209),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar "L-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar Suq Uniku għall-Ewropej(2), dwar Suq Uniku għall-impriżi u t-tkabbir(3) u dwar il-Governanza u s-Sħubija fis-Suq Uniku(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta' Ottubru 2010 bl-isem "Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin’ (COM(2010)0608),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem "Att dwar is-Suq Uniku II - Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tat-13 ta' April 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem "L-Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja" (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ġunju 2012 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern (COM(2012)0238),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar strateġija għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi vulnerabbli(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tat-22 ta' Mejju 2012 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem "Aġenda għall-Konsumaturi Ewropej: Spinta lill-fiduċja u lit-tkabbir" (COM(2012)0225),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2012 bl-isem ‘Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal’ (COM(2012)0196),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2012 bl-isem ‘Strateġija għall-akkwist elettroniku’ (COM(2012)0179),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-25 ta' Jannar 2012 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-ejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta' Dejta Ġenerali) (COM (2012) 0011),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2012 bl-isem "Suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE" (COM(2012)0698),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2012 bl-isem "Qafas koerenti għall-bini ta’ fiduċja fis-Suq Uniku Diġitali tal-kummerċ elettroniku u tas-servizzi online" (COM(2011)0942),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar strateġija ġdida għall-politika tal-konsumatur(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tad-9 ta' Novembru 2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar programm tal-konsumaturi 2014-2020 (COM(2011)0707) u d-dokumenti relatati (SEC(2011)1320 u SEC(2011)1321),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-3 ta' Diċembru 2012 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibilità tas-siti elettroniċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku (COM(2012)0721),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(8),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għal direttiva dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (COM(2013)0048),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tas-7 ta' Frar 2013 mill-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà bl-isem "Strateġija ta' Sigurtà Ċibernetika tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju miftuħ mogħni b’sigurtà u sikurezza" (JOIN(2013)0001),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tas-27 ta' Settembru 2012 bl-isem "L-Isfruttar tal-potenzjal tal-Cloud Computing fl-Ewropa" (COM(2012)0529),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-14 ta' Novembru 2011 li tistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar l-impatt tar-riklamar fuq l-imġiba tal-konsumatur(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/45/UE tat-13 ta' Lulju 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni(11),

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja rigward Google (Kawżi Magħquda C-236/08 sa C-238/08, sentenza tat-23 ta' Marzu 2010) u BergSpechte (Kawża C-278/08, sentenza tal-25 ta' Marzu 2010), li jiddefinixxu l-kunċett "tal-utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent" bħala l-konsumatur tal-internet standard,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummisjsoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem “Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-rapport Monti tad-9 ta' Mejju 2010 dwar strateġija ġdida għas-suq uniku,

–  wara li kkunsidra r-rapport analitiku dwar l-attitudnijiet lejn il-bejgħ transkonfinali u l-ħarsien tal-konsumaturi, ippubblikat mill-Kummissjoni f’Marzu 2000 (Flash Eurobarometer Nru 282),

–  wara li kkunsidra ‘Valutazzjoni tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE permezz ta’ xiri bil-moħbi’, studju mwettaq f’isem DG SANCO tal-Kummissjoni mill-YouGovPsychonomics u ppubblikat fl-20 ta’ Ottubru 2009,

–  wara li jikkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 dwar l-infurzar tal-acquis tal-konsumatur (COM(2009)0330),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Lulju 2009 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar il-kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumatur) (COM(2009)0336),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009 dwar it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv(13),

–  Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(14),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-użu tal-potenzjal sħiħ tas-suq uniku diġitali huwa kruċjali biex l-Ue ssir ekonomija bbażata fuq l-għarfien iktar kompetittiva u dinamika, għall-benefiċċju kemm taċ-ċittadini kif ukoll tan-negozji tagħha; billi l-Ue għandha taġixxi mingħajr dewmien biex iżżomm il-vantaġġ kompetittiv globali tagħha, b'mod partikolari b'rabta mas-setturi ta' tkabbir għoli bħall-pjattaforma tal-Internet u l-industrija tal-applikazzjonijiet tas-softwer;

B.  billi l-konnettività kullimkien, permezz ta' aċċess mingħajr ostakli għal netwerks tal-Internet broadband b'veloċità għolja, aċċess universali u ekwu għas-servizzi tal-Internet għaċ-ċittadini kollha u d-disponibilità ta' spettru ta' servizzi tal-broadband mingħajr fili, huma prerekwiżiti essenzjali għall-iżvilupp tas-suq uniku diġitali; billi żviluppi teknoloġiċi ġodda, bħall-apparat mobbli u applikazzjonijiet u ġenerazzjonijiet ġodda ta' standards mobbli, jirrikjedu netwerks ta' infrastruttura affidabbli u veloċi biex jipprovdu l-benefiċċji tagħhom liċ-ċittadini u lin-negozji;

C.  billi applikazzjonijiet 'big data' huma dejjem iktar importanti għall-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni, bi dħul globali mistenni ta' EUR 16-il biljun u ħolqien mistenni ta' 4,4 miljun impjieg addizzjonali sal-2016;

D.  billi l-'cloud computing' għandu potenzjal ekonomiku, soċjali u kulturali kbir f'termini ta' tifdil tal-flus, qsim ta' kontenut u informazzjoni, żieda fil-kompetittività, aċċess għal informazzjoni, innovazzjoni u ħolqien tal-impjiegi; billi f'dan il-kuntest, il-ħolqien ta' servizzi mingħajr ostakli tal-gvern elettroniku, aċċessibbli permezz ta' bosta apparati, huwa ta' importanza partikolari;

E.  billi l-ekonomija tal-UE għaddejja minn tibdil strutturali sinifikanti, li qed ikollu impatt fuq il-kompetittività globali u fuq is-swieq tagħha; billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 jitlob li tittieħed azzjoni determinata biex jiżdied il-ħolqien tal-impjiegi; billi swieq tax-xogħol dinamiċi u inklużivi huma essenzjali għall-irkupru u l-kompetittività tal-ekonomija tal-UE;

F.  billi l-midja soċjali, il-kontenut ġenerat mill-utent, ir-"remix culture" u l-kollaborazzjoni tal-utenti qed ikollhom rwol dejjem iktar importanti fl-ekonomija diġitali; billi l-konsumeturi dejjem lesti li jħallsu iktar għal kontenut diġitali professjonali ta' kwalità għolja, sakemm ikun bi prezz raġonevoli, aċċessibbli permezz ta' bosta apparati u jista' jinġarr tul il-fruntieri;

G.  billi l-aċċess għall-kontenut bi prezzijiet raġonevoli, permezz ta' faċilitajiet ta' ħlas sodi u affidabbli, għandu jżid il-fiduċja tal-konsumaturi meta dawn jaċċedu għal servizzi transkonfinali;

H.  billi 99 % tan-negozji kollha tal-UE huma intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li jikkostitwixxu 85 % tal-impjieg fl-UE; billi l-SMEs huma għalhekk il-forza mexxejja fl-ekonomija tal-UE, b'responsabilità ewlenija għall-ħolqien tal-għana, l-impjieg u t-tkabbir, kif ukoll l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp;

I.  billi ċ-ċittadini tal-UE għandhom rwol kruċjali fil-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli, u billi r-rwol tal-konsumaturi għandu, għaldaqstant, ikun rikonoxxut bħala parti mill-politika ekonomika tal-UE; billi jeħtieġ li jintlaħaq il-bilanċ ideali, billi tingħata spinta lill-kompetittività tan-negozji tal-Unjoni filwaqt li jiġu mħarsa l-interessi tal-konsumaturi;

J.  billi l-frammentazzjoni tas-suq uniku diġitali tipperikola l-għażla tal-konsumaturi; billi jeħtieġ li jiġu promossi l-fiduċja tal-konsumaturi, il-fiduċja tagħhom fis-suq u l-għarfien tad-drittijiet tagħhom, b'attenzjoni speċjali għall-konsumaturi vulnerabbli; billi huwa essenzjali li l-konsumaturi fl-Unjoni jiġu offruti protezzjoni aħjar f'dan li jikkonċerna l-prodotti u s-servizzi li jistgħu jipperikolawlhom is-saħħa jew is-sikurezza tagħhom;

K.  billi l-iskrijning tal-Kummissjoni madwar l-UE tas-siti tal-Internet li jbiegħu kontenut diġitali bħal logħob, vidjos u tniżżil ta' mużika juri li 'l fuq minn 75 % ta' dawn is-siti ma jidhrux konformi mar-regoli ta' ħarsien tal-konsumaturi; billi d-Direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur (2001/83/UE) għall-ewwel darba tistabbilixxi regoli speċifiċi għall-kontenut diġitali; billi l-Kummissjoni għandha tiġi mħeġġa tkompli tintegra regoli bħal dawn meta twettaq rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar il-konsumatur jew meta tipproponi leġiżlazzjoni ġdida f'dan il-qasam;

L.  billi 15 % tal-popolazzjoni tal-UE f'età li taħdem (80 miljun ruħ) għandhom limiti funzjonali jew diżabilitajiet; billi l-għadd ta' siti li jipprovdu servizzi tal-gvern elettroniku u l-għadd ta' siti tas-settur pubbliku qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla; billi s-suq tal-UE tal-prodotti u l-prodotti u servizzi marbutin mal-aċċessibbiltà tal-internet huwa stmat li jammonta għal EUR 2 biljun; billi dan is-suq għadu prinċipalment frammentat u mhux żviluppat, għad-detriment mhux biss tal-konsumaturi potenzjali iżda wkoll tal-ekonomija b'mod ġenerali;

M.  billi l-konsumaturi mhumiex grupp omoġenju, peress li juru differenzi konsiderevoli f'termini ta' għarfien diġitali, għarfien tad-drittijiet tal-konsumatur, determinazzjoni u rieda li jfittxu kumpens; billi n-non-diskriminazzjoni u l-aċċessibilità għandhom ukoll jitqiesu biex jingħeleb id-distakk diġitali;

L-użu tal-potenzjal sħiħ tas-suq uniku diġitali

1.  Jenfasizza li l-isfruttar tas-suq intern permezz tad-Direttiva dwar is-Servizzi u suq uniku diġitali jista' jżid EUR 800 biljun(15) fl-ekonomija tal-UE, li huwa l-ekwivalenti ta' kważi EUR 4 200 għal kull familja(16); jitlob lill-Istato Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-impenn li jiżviluppaw is-suq uniku diġitali bħala prijorità politika ġenerali, u jfasslu approċċ olistiku u strateġija ambizzjuża li tinkludi inizjattivi kemm leġiżlattivi kif ukoll politiċi sabiex jitqiesu l-iżviluppi ġodda u imminenti, biex is-suq uniku diġitali jsir realtà fil-prattika; jenfasizza li dan se jirrikjedi tmexxija politika, approċċ deċiżiv, twaqqif ta' prijoritajiet u finanzjament pubbliku fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali; jenfasizza b'mod partikolari li tmexxija soda min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u sjieda politika ċara min-naħa tal-Istati Membri huma meħtieġa biex jiġu implimentati u infurzati bis-sħiħ u b'mod effettiv id-direttivi u r-regolamenti b'rabta mas-suq uniku;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza l-ostakli eżistenti għas-suq uniku diġitali b'mod urġenti, inkluż permezz tas-simplifikazzjoni tal-qafas legali għall-VAT, l-iżgurar tal-aċċess għal servizzi pan-Ewropej siguri ta' ħlas elettroniku, irċevuti elettroniċi u fornitura elettronika, u r-reviżjoni tad-drittijiet tal-awtur sabiex jitrawwem l-aċċess għall-kontenut diġitali legali madwar l-UE; jenfasizza l-importanza li jitwaqqfu regoli ekwi għall-moviment liberu tal-prodotti u tas-servizzi, kemm fiżikament kif ukoll diġitalment;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-governanza tas-suq uniku diġitali, jiżguraw in-newtralità tal-internet u l-effiċjenza u l-użu intelliġenti tal-ICT bl-għan li jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq iċ-ċittadini u n-negozji; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-għodod ta' governanza eżistenti u jfasslu approċċ koerenti għall-promozzjoni tal-użu tagħhom, inkluża s-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), Solvit, L-Ewropa tiegħek u l-punti uniċi ta' kuntatt (PSCs) stabbiliti taħt id-Direttiva dwar is-Servizzi;

4.  Jenfasizza l-importanza ta' strateġija ta' cloud computing Ewropea minħabba l-potenzjal tagħha għall-kompetittività tal-UE, għat-tkabbir u għall-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza li l-cloud computing, peress li jinvolvi spejjeż minimi għad-dħul u rekwiżiti infrastrutturali baxxi, jirrappreżenta opportunità għall-industrija tal-IT tal-UE, u, b'mod partikolari, għall-SMEs, biex jiżviluppaw u jsiru mexxejja f'oqsma bħall-esternalizzazzjoni, servizzi diġitali ġodda u ċentri tad-data;

5.  Jirrikonoxxi li l-'big data' u l-għarfien huma l-magna li se tmexxi l-ekonomija futura tal-UE; jilqa' l-pakkett propost tal-protezzjoni tad-data bħala mezz biex jiżdiedu l-fiduċja u t-trasparenza; jenfasizza l-bżonn li wieħed jikkunsidra l-isfidi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni u mill-użu ta' teknoloġiji ġodda, u l-importanza li jiġi żgurat li skema modernizzata tal-UE għall-protezzjoni tad-data ssaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini, u tqiegħed lill-UE fuq quddiem bħala mudell fil-qasam tal-protezzjoni tad-data, biex b'hekk jikber is-suq intern u tinħoloq sitwazzjoni ekwa għan-negozji kollha attivi fl-UE;

6.  Jenfasizza l-bżonn li jitħeġġu servizzi ġodda tal-gvern elettroniku ta' kwalità għolja billi jiġu adottati soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi bħall-akkwist elettroniku, u tiġi faċilitata b'hekk il-provvista ta' informazzjoni u servizzi; jenfasizza l-importanza tal-abbozz ta' regolament propost mill-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi elettroniċi ta' trust, meta jitqies il-kontribut tiegħu għas-suq uniku diġitali permezz tal-ħolqien ta' kundizzjonijiet adegwati għar-rikonoxximent reċiproku ta, u livell għoli ta' sigurtà għal protagonisti ewlenin lil hinn mill-fruntieri, pereżempju permezz ta' servizzi identifikazzjoni elettronika, dokumenti elettroniċi, firem elettroniċi u forniment elettroniku, u għal servizzi interoperabbli tal-gvern elettrpniku madwar l-Unjoni;

7.  Iqis li jenħtieġu sforzi addizzjonali fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku u l-promozzjoni tal-gvern elettroniku;

8.  Jenfasizza l-importanza ta' trawwim tal-innovazzjoni u l-investiment bil-kompetenzi diġitali; jenfasizza r-rwol essenzjali tal-SMEs fil-ġlieda kontra l-qgħad, b'mod partikolari l-qgħad taż-żgħażagħ; jitlob għal aċċess imtejjeb għall-finanzjamenti permezz ta' programmi ta' finanzjament bħal Orizzont 2020 u COSME, u għall-iżvilupp ta' vetturi u garanzija ġodda għall-investiment; jinnota b'mod partikolari li jeħtieġ li l-UE tikseb mill-ġdid ir-rwoll ta' mexxejja globali tagħha fl-oqsma tat-teknoloġija mobbli u tal-apparat intelliġenti (smart devices);

9.  Jenfasizza l-bżonn li jitħeġġu investimenti fuq skala kbira f'netwerks fissi u mobbli biex l-UE titqiegħed fuq quddiem nett fl-iżvilupp tat-teknoloġija globali, u ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-opportunitajiet offruti mir-revoluzzjoni diġitali;

10.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li bosta Stati Membri ma rnexxielhomx jilħqu l-iskadenza tal-1 ta' Jannar 2013 biex jallokaw l-ispettru tad-'dividend diġitali' fil-medda ta' 800MHz lis-servizzi broadband mobbli, kif stipulat fil-Programm tal-politika tal-ispettru tar-radju; jenfasizza li dan id-dewmien ostakola l-ħruġ ta' netwerks 4G fl-UE; jitlob għalhekk lill-Istati Membri biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-medda ta' 800 MHz issir disponibbli għas-servizzi broadband mobbli, u lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħat kollha tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni veloċi;

11.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq pakkett ġdid dwar it-telekomunikazzjonijiet sabiex tindirizza l-frammentazzjoni tas-suq fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet, inklużi miżuri biex jiġu eliminati t-tariffi roaming fil-futur qarib; jenfasizza l-bżonn ta' approċċ proattiv għat-tariffi roaming biex jinħoloq suq uniku diġitali reali li jinkludi wkoll l-użu ta' apparat mobbli;

L-investiment fil-kapital uman – nindirizzaw l-iskarsezza ta' ħiliet

12.  Jinnota bi tħassib li r-rata ta' impjieg fl-UE qed tonqos; jitlob li ssir enfasi mill-ġdid fuq politiki ta' ħolqien ta' impjieg f'oqsma b'potenzjal kbir ta' tkabbir, bħall-ekonomija ekoloġika, is-servizzi tas-saħħa u s-settur tal-ICT; jemmen li l-ħolqien ta' suq uniku diġitali jista' jgħin biex jingħelbu d-differenzi bejn l-Istati Membri u r-reġjuni f'termini ta' impjieg, inklużjoni soċjali u l-ġlieda biex jinqered il-faqar;

13.  Jenfasizza li s-suq uniku diġitali għandu jgħin lin-nies jibqgħu attivi u b'saħħithom fuq il-post tax-xogħol huma u jikbru fl-età, filwaqt li jipprovdi bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali; jenfasizza li l-għodod ta' ICT jistgħu wkoll jiżguraw sistemi ta' kura tas-saħħa sostenibbli u ta' suċċess;

14.  Jirrikonoxxi li s-suq tax-xogħol Ewropew qed jinbidel radikalment u li se jkunu jenħtieġu ħiliet ġodda għall-impjiegi tal-futur; jitlob lill-Istati Membri jagħmlu l-investimenti meħtieġa fil-kapital uman u fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli, inter alia billi jagħmlu użu tajjeb mill-fondi tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-għarfien diġitali u l-ħiliet elettroniċi fl-inizjattiva ewlenija "Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda";

15.  Jenfasizza l-bżonn li jittejbu l-ħiliet ta' għarfien tal-midja u diġitali, b'mod partikolari fost it-tfal u l-minorenni, sabiex jinkiseb suq uniku diġitali reali u biex jitwettaq it-tkabbir potenzjali ta' dan is-settur dinamiku; jinnota b'mod partikolari l-importanza li tiġi indirizzata d-differenza mistennija fil-provvista tal-professjonisti tal-ICT; jilqa' l-"Gran Koalizzjoni għal Impjiegi Diġitali" u jenfasizza l-importanza li jkun hemm koerenza bejn it-taħriġ fl-ICT u r-rekwiżiti tan-negozji;

16.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi attivat ulterjorment l-użu tal-EURES (Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol); jappoġġa l-użu tal-EURES mill-Istati Membri kemm bħala mezz ta' għoti ta' pariri lill-ħaddiema u lil min qed ifittex l-impjieg dwar id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, kif ukoll bħala strument ta' impjieg f'iffokar speċjali fuq is-sejba ta' impjiegi u l-bżonnijiet ta' min iħaddem, sabiex jikkontribwixxi b'mod effettiv għall-irkupru u t-tkabbir fit-tul;

Fiduċja, sigurtà u kunfidenza tal-konsumatur

17.  Jilqa' l-adozzjoni tal-kodiċi tad-drittijiet onlajn fl-UE jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jxerrdu dan il-kodiċi b'mod wiesa' sabiex jinkiseb l-effett mixtieq;

18.  Jenfasizza li l-iżvilupp dejjem iktar rapidu ta’ kummerċ elettroniku huwa ta’ importanza kbira f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsumaturi, peress li joffri għażla usa’, speċjalment għal dawk li jgħixu f’żoni inqas aċċessibbli, imbiegħda u dawk li ma jkollhomx aċċess għal għażla wiesgħa ta’ prodotti u servizzi;

19.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat aċċess sħiħ għas-suq uniku diġitali għall-konsumaturi, irrispettivament mill-post ta' residenza u miċ-ċittadinanza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri kontra t-trattament mhux ugwali tal-konsumaturi fis-suq uniku li jirriżultaw mir-restrizzjonijiet transkonfinali attwali applikati minn kumpaniji involuti fil-bejgħ mill-bogħod;

20.  Jirrimarka l-fatt li l-fiduċja tal-konsumatur hija essenzjali għall-kummerċ elettroniku, kemm dak domestiku kif ukoll dak transkonfinali; il-kummerċ l-bżonn li tiġi żgurata l-kwalità, is-sikurezza, it-traċċabilità u l-awtentiċità tal-prodotti, li jiġu evitati prattiki kriminali jew żleali, u li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali;

21.  Jenfasizza r-rwol tas-suq uniku diġitali fil-ħolqien ta' suq uniku sikur u li jaħdem kif xieraq għall-prodotti u s-servizzi; jenfasizza b'rabta ma' dan l-importanza ta' promozzjoni effettiva u ta' sistemi ta' ġestjoni tar-riskju kkoordinati fil-kuntest tal-proposti dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq;

22.  Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni bikrija tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar is-Soluzzjoni Online tat-Tilwim, sabiex il-konsumaturi jkollhom aċċess faċli għal soluzzjoni online effikaċi tat-tilwim; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li jiġi garantit finanzjament adegwat għall-pjattaforma tas-Soluzzjoni Online tat-Tilwim;

23.  Jenfasizza l-importanza tal-marki ta' fiduċja għat-tħaddim effikaċi tas-suq uniku diġitali, kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi; jitlob li jiġi adottat standard Ewropew tas-servizzi għall-marki ta' fiduċja, abbażi ta' standards ta' kwalità ta' livell għoli, biex jgħin il-konsolidazzjoni tas-suq tal-UE għalihom;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tadotta linji gwida tal-UE dwar standards minimi għal siti ta' tqabbil, strutturati madwar il-prinċipji ewlenin tat-trasparenza, l-imparzjalità, informazzjoni ta' kwalità, kumpens effettiv, komprensività u faċilità ta' użu għall-utenti; jissuġġerixxi li dawn il-linji gwida jkunu akkumpanjati minn skema ta' akkreditazzjoni madwar l-UE kif ukoll minn superviżjoni effettiva u miżuri ta' infurzar;

25.  Jistenna li l-Kummissjoni, fir-rieżami tagħha tad-Direttiva dwar il-Pakkett tal-Ivvjaġġar, teżamina bis-sħiħ l-impatt tal-kummerċ elettroniku u tas-swieq diġitali fuq l-imġiba tal-konsumatur fis-settur tat-turiżmu tal-UE, u biex iżżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-kwalità, il-kontenut u l-affidabilità tal-informazzjoni pprovduta lit-turisti;

26.  Jenfasizza li l-passiġġieri għandhom ikunu kapaċi jiddifferenzjaw b'mod ċar, fil-kuntest tas-sistemi ta' prenotazzjoni bil-kompjuter, bejn spejjeż operattivi obbligatorji inklużi fit-tariffi u elementi li wieħed jista' jagħżel li jipprenota, bl-għan li l-prezzijiet isiru iktar trasparenti meta l-passiġġieri jkunu qed jipprenotaw il-biljetti fuq l-internet;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni jissorvelja mill-qrib billi tuża s-setgħat kollha tagħha biex tiggarantixxi l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretta ta' dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, fir-rigward ta' regoli modernizzati biex jiġu miġġielda prattiki kummerċjali żleali, inkluż onlajn, b'mod partikolari l-abbuż potenzjali tas-setgħa tas-suq f'oqsma bħar-reklamar ibbażat fuq l-imġiba, politiki ta' ipprezzar personalizzat u servizzi ta' tiftix bl-internet; jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Il-protezzjoni ta’ negozji kontra prattiki qarrieqa ta’ kummerċjalizzazzjoni u biex jiġi garantit infurzar effettiv: Analiżi tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv" (COM(2012)0702);

28.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza termini żleali fil-kuntratti tat-trasport bl-ajru, biex tiżgura monitoraġġ iktar mill-qrib tas-siti tal-internet u biex tinnotifika lill-korpi nazzjonali ta' infurzar dwar każijiet ta' applikazzjoni ħażina tar-regoli eżistenti;

29.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa formoli elettroniċi standardizzati għat-tressiq ta' lmenti min-naħa tal-passiġġieri b'rabta mal-mezzi kollha tat-trasport u biex tippromwovi linji gwida għas-soluzzjoni ta' dawn l-ilmenti mingħajr dewmien permezz ta' proċeduri simplifikati;

30.  Jenfasizza l-bżonn ta' ħidma lejn servizzi 'cloud' affidabbli; jitlob li jiġu adottati mudelli ta' kuntratti ċari u trasparenti li jkopru kwistjonijiet bħaż-żamma ta' data wara t-tmien tal-kuntratti, żvelar tad-data u integrità, post fejn tinżamm id-data u trasferiment ta' din id-data, sjieda tad-data u responsabilità diretta/indiretta;

31.  Jirrimarka dwar il-bosta kwistjonijiet u sfidi legali mqajma mill-użu tal-cloud computing, bħad-diffikultajiet fid-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, il-konformità u kwistjonijiet ta' responsabilità, salvagwardji dwar il-protezzjoni tad-data (inkluż id-dritt għall-privatezza), il-portabilità tad-data u l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet tal-prorpjetà intellettwali; iqis li huwa essenzjali li l-konsegwenzi tal-cloud computing ikunu ċari u prevedibbli fl-oqsma kollha rilevanti tad-dritt;

32.  Jenfasizza l-importanza kruċjali li jiġu infurzati d-drittijiet tal-konsumatur fi trażazzjonijiet onlajn; jinnota li 'sweeps' tal-UE kkoordinati mill-Kummissjoni u eżegwiti b'mod simultanju mill-awtoritajiet nazzjonali rielvanti wrew li kienu għodda utli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-suq uniku fl-Istati Membri permezz ta' azzjoni konġunta, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni toffri użu iktar estensiv tas-'sweeps' tal-UE u tqis li tikkoordina din l-azzjoni f'oqsma oħra offlajn ukoll; jitlob lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-Netwerk ta' Kooperazzjoni għall-Ħarsien tal-Konsumatur;

33.  Jirrimarka li servizzi ta' forniment aċċessibbli, bi prezz raġonevoli u ta' kwalità għolja huma element essenzjali fix-xiri onlajn ta' prodotti, u jiġu promossi bl-aħjar mod permezz ta' kompetizzjoni ħielsa u ġusta; jinnota madankolli li bosta konsumaturi jeżitaw li jixtru onlajn, speċjalment xiri transkonfinali, minħabba l-inċertezzi b'rabta mal-forniment aħħari, l-ispejjeż u l-affidabilità; jilqa' għalhekk il-konsultazzjoni pubblika mnedija mill-Kummissjoni bl-għan li jiġu identifikati n-nuqqasijiet possibbli u li tittieħed l-azzjoni adegwata biex dawn jiġu indirizzati b'mod li jippermetti kemm lin-negozji kif ukoll lill-konsumaturi li jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq uniku diġitali;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta riveduta għad-Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament u proposta leġiżlattiva dwar it-tariffi ta' interkambju multilaterali sabiex jintlaħqu standardizzazzjoni u interoperabilità fil-provvista ta' pagamenti bil-cards, bl-internet u mobbli fl-UE u biex tiġi indirizzata l-problema ta' tariffi mhux trasparenti u eċċessivi b'rabta mal-pagamenti;

35.  Jenfasizza li livell għoli ta' sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni huwa essenzjali biex jiġi garantit il-funzjonament tas-suq uniku u l-fiduċja tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali; jinnota l-iżvilupp mhux indaqs tal-ħiliet u l-kapaċità ċibernetiċi għar-rispons għal theddid u attakki, kif ukoll in-nuqqas ta' approċċ armonizzat għas-sigurtà ċibernetika fi ħdan l-Unjoni; jitlob li jsiru sforzi kkonċertati u kooperazzjoni iktar mill-qrib, meta titqies in-natura globali tal-internet u l-livell għoli ta' interkonnessjoni tas-sistemi ta' netwerks u informazzjoni madwar l-Unjoni;

36.  Jenfasizza li l-aċċessibilità tas-siti tal-internet tal-korpi tas-settur pubbliku hija parti importanti mill-Aġenda Diġitali, li tgħin in-non-diskriminazzjoni kif ukoll toħloq opportunitajiet ta' negozju; jitlob lill-Kummissjoni tadotta approċċ iktar ambizzjuż fin-negozji li għaddejjin bħalissa dwar is-suġġett u biex, fl-aħħar nett, tressaq inizjattiva leġiżlattiva eċċezzjonali fil-forma ta' Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità, li jmur lil hinn mis-settur pubbliku;

Il-ħolqien ta' ambjent kummerċjali favorevoli

37.  Jenfasizza l-importanza li jinħoloq ambjent kummerċjali diġitali ġenerali favorevoli; jinnota l-bżonn li jiġi simplifikat il-qafas legali għall-VAT u li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja; jitlob lill-Istati Membri jimplimentaw malajr il-one-stop-shops żgħar għat-telekomunikazzjonijiet, ix-xandir bit-televiżjoni u s-servizzi elettroniċi sal-2015; jitlob lill-Kummissjoni twessa' l-ambitu tal-one-stop-shops għal prodotti u servizzi oħra mill-iktar fis;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li tittratta d-diskriminazzjoni kontra l-konsumaturi tal-UE abbażi tal-post ta' residenza jew nazzjonalità, u b'mod partikolari t-tipi ta' prattiki kummerċjali li jitqiesu li jikkostitwixxu diskriminazzjoni mhux ġustifikata skont dik id-direttiva; jenfasizza l-bżonn li jiġu indirizzati l-ostakli sottostanti - inkluża l-frammentazzjoni legali kontinwa u l-inċertezza legali li tirriżulta minnha fil-kuntest tal-applikabilità tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumtur - li jżommu lin-negozji milli jespandu fi ħdan is-suq uniku diġitali;

39.  Iqis li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ li ġiet proposta hija inizjattiva innovattiva tal-importanza ewlenija għall-konsumaturi u n-negozji fis-suq intern; jemmen li set wieħed fakultattiv ta' regoli madwar l-UE jkun ta' benefiċċju partikolari għas-settur tal-internet li qed jikber b'mod veloċi; huwa tal-fehma li l-proposta għandha wkoll potenzjal interessanti fir-rigward tal-'cloud computing' u l-kontenut diġitali;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tibqa' taħdem lejn adattament tal-qafas legali dwar il-kuntratti għal sfidi ġodda ppreżentati mis-suq uniku diġitali; iqis b'mod partikolari li l-ħidma akkumpanjanti dwar termini kuntrattwali standards madwar l-UE, disponibbli faċilment għan-negozji u l-konsumaturi, hija kruċjali f'dan il-qasam;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja bir-reqqa l-istat ta' kompetizzjoni fis-suq uniku diġitali u biex tindirizza kwalunkwe abbuż ta' pożizzjoni dominanti minnufih; jenfasizza b'mod partikolari l-bżonn li tiġi monitorjata l-applikazzjoni korretta tal-linji gwida dwar il-ftehimiet ta' distribuzzjoni selettiva u biex jiġi żgurat li dawn jibqgħu rilaventi fil-kuntest diġitali;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi aċċess għal kapital ta' riskju u clusters tal-ICT biex tagħti spinta lil proġetti prekummerċjali innovattivi u biex trawwem l-innovazzjoni bikrija fis-swieq tal-ICT; jenfasizza l-potenzjal tas-sħubiji pubbliċi-privati u tar-regoli imminenti tal-akkwist pubbliku dwar it-twaqqif ta' sħubiji innovattivi; iħeġġeġ l-adozzjoni bikrija ta' għodda onlajn tal-akkwist pubbliku bħala mezz biex jittieħed benefiċċju mir-riformi imminenti ta' akkwist pubbliku;

43.  Jenfasizza l-importanza tan-newtralità tal-internet, u tad-dħul mingħajr ostakli fis-suq ta' SMEs tal-UE fis-settur tal-ICT; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva mill-iktar fis sabiex jonqsu t-tariffi roaming mobbli fi ħdan l-UE;

Offerti legali attraenti tal-kontenut diġitali

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibqa' għaddejja bl-isforzi tagħha fil-qasam tal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali, bl-għan li toħloq qafas modern tad-drittijiet tal-awtur għas-suq uniku diġitali; jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tħeġġeġ l-iżvilupp ta' kontenut diġitali li jkun aċċessibbli fis-suq uniku diġitali kollu; jenfasizza li skema riveduta tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandha tkun ibbażata fuq innovazzjoni inkoraġġanti, mudelli ġodda ta' servizz u kontenut ġenerat mill-utent u kollaborattiv biex jitrawwem l-iżvilupp ta' suq kompetittiv tal-ICT fl-UE, filwaqt li jiġi żgurat li min ikollu d-drittijiet ikun protett u kkumpensat adegwatament;

45.  Jinnota li l-Unjoni diġà għamlet xi progress fit-tnaqqis fl-impatt tat-territorjalità tad-drittijiet tal-awtur, b'mod partikolari permezz tal-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar il-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi u l-liċenzjar multiterritorjali fis-settur onlajn tal-mużika, li bħalissa qed jiġi kkunsidrat mil-leġiżlatur; jemmen li żieda fit-trasparenza, titjib fil-governanza u iktar responsabilità tas-soċjetajiet ta' ġestjoni tad-drittijiet kollettivi huma meħtieġa; iqis li d-direttiva proposta tinkoraġġixxi liċenzjar multiterritorjali tad-drittijiet u tiffaċilita l-liċenzjar ta' drittijiet għal użu onlajn;

46.  Jenfasizza li s-segmenti kollha rilevanti tas-soċjetà għandhom ikunu inklużi fid-djalogu attwali tal-Kummissjoni dwar "Il-liċezji fl-Ewropa" u fir-reviżjoni tal-qafas legali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li s-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-konsumtur jiġu rappreżentati b'mod adegwat; jitlob lill-Kummissjoni tressaq rispons strateġiku ambizzjuż fl-2014, li jinkludi kemm soluzzjonijiet prattiċi tas-suq u risponsi politiċi u, meta jkun meħtieġ, leġiżlattivi; jitlob lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament dwar ir-riżultatta' dan il-proċess;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq miżuri biex iżżid iċ-ċirkolazzjoni transkonfinali u l-portabilità tal-kontenut awdjoviżiv, inkluż fuq pjattaformi "video on demand"; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jressqu miżuri b'appoġġ għall-industrija awdjoviżiva tal-UE sabiex jingħelbu l-ostakli kurrenti għas-suq uniku diġitali f'dak is-settur; jemmen li miżuri bħal dawn għandu jkollhom l-għan li joħolqu iktar domanda mill-konsumatur ta' films Ewropej mhux nazzjonali, jiffaċilitaw id-distribuzzjoni transkonfinali, inkluż permezz ta' appoġġ għas-sottotitoli u l-interpretazzjoni (dubbing) ta' xogħol awdjoviżiv, u jnaqqsu l-ispejjeż relatati tat-traduzzjoni b'rabta mal-ġestjoni tad-drittijiet;

48.  Iqis li jeħtieġ li s-servizzi tal-kontenut kulturali u kreattiv, b'mod partikolari x-xogħol awdjoviżiv u pjattaformi ġodda ta' tqassim ta' kontenut transkonfinali, ikun iktar aċċessibbli madwar l-Unjoni, partikolarment għall-anzjani u l-persuni b'diżabilità, sabiex titrawwem il-parteċipazzjoni fil-ħajja soċjali u kulturali tal-Unjoni;

49.  Jenfasizza l-importanza tal-UE u servizzi jew pjattaformi oħra fit-trawwim tad-diġitzzjoni u l-aċċess onlajn għall-wirt u l-kontenut kulturali tal-Unjoni;

50.  Jilqa' t-tkabbir tas-suq tal-kotba elettroniċi fl-Ewropa u jemmem li dan jista' jkun ta' benefiċċju importanti kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; jenfasizza li huwa importanti li jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiltaqgħux ma' ostakoli meta jkunu jixtiequ jakkwistaw kotba elettroniċi tul il-fruntieri, pjattaformi u apparat; jenfasizza li huwa importanti li tiġi żgurata l-interoperabilità bejn l-apparat u s-sistemi differenti ta' kotba elettroniċi;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tallinja r-rati ta' VAT applikabbli għall-prodotti u s-servizzi ta' natura simili; jitlob, fid-dawl tal-bidla li se sseħħ fl-2015 fil-prinċipju tal-'pajjiż ta' residenza tal-konsumatur', biex ikun hemm definizzjoni dinamika fil-livell tal-UE ta' 'kotba elettroniċi', sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali;

52.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tiżgura li r-rati tal-VAT jiġu applikati b'mod ġust għal kontenut kreattiv, kulturali, xjentifiku u edukattiv, irrispettivament mill-mod kif jaċċedi għalih l-utent; jemmen li rati mnaqqsa tal-VAT li jeżistu għal kontenut imxerred f'forma fiżika għandhom japplikaw ukoll għall-ekwivalenti diġitali, biex b'hekk jiżdied l-element attraenti tal-pjattaformi diġitali u jiġu stimulati s-servizzi ta' kontenut innovattiv u mezzi ġodda ta' aċċess ta' kontenut onlejn għall-utenti;

53.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq proposta konkreta biex tiċċara, tipprovdi interpretazzjoni ċara ta', u toffri gwida dwar il-funzjonament ta' proċedimenti ta' avviż u ta' azzjoni;

Lejn servizzi ta' mobilità intelliġenti u interoperabbli fl-UE

54.  Jitlob għat-tħaddim ulterjuri ta' sistemi tal-mobilità intelliġenti żviluppati permezz ta' riċerka ffinanzjata mill-UE, bħas-sistema tal-immaniġġjar tat-traffku tal-ajru tal-futur (SESAR), is-sistema tal-immaniġġjar tat-traffiku ferrovjarju (ERTMS) u sistemi ta' informzzjoni ferrovjarja, sistemi ta' sorveljanza marittima (SafeSeaNet), Sistemi ta' Informazzjoni għax-Xmajjar (River Information Services (RIS), sistemi ta' trasport inteliġenti (ITS), u soluzzjonijiet interkonnessi inteoperabbli għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' mmaniġġjar u sistemi multimodali ta' ġestjoni tat-traffiku;

55.  Jenfasizza li l-għodod tat-teknoloġija informatika għandhom jiġu użati sew fi ħdan in-netwerk TEN-T biex jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi, jipprovdu għal-lokalizzar u l-ittraċċar tal-merkanzija, u jottimizzaw l-iskedi tal-flussi tat-traffiku;

Id-dimensjoni internazzjonali tas-suq uniku diġitali

56.  Iqis li hija meħtieġa aktar kooperazzjoni globali biex jiġu appoġġati u modernizzati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-ġejjieni, peress li din hija vitali għall-innovazzjoni, l-impjiegi u l-kummerċ dinji miftuħ;

57.  Jilqa' l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni, iżda jenfasizza l-bżonn ta' ikkompletar ta' qafas regolatorju għall-infurzar tad-drittijiet tal-awtur fl-ambjent diġitali, li għandu jkun imfassal abbażi ta' rekwiżiti attwali, sabiex inkunu nistgħu nikkonkludu ftehimiet mal-imsieħba kummerċjali tagħna abbażi ta' leġiżlazzjoni Ewropea moderna;

58.  Jinnota li l-kummerċ elettroniku żviluppa barra l-oqfsa regolatorji tradizzjonali u standard tal-kummerċ; jisħaq fuq kemm hu importanti li jkun hemm kooperazzjoni internazzjonali akbar fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intelletwali (WIPO) biex jitħares is-suq diġitali globali u jiġi żgurat l-iżvilupp tiegħu. jitlob li fid-WTO jsiru reviżjoni u aġġornament tal-Ftehim dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni (ITA) li hemm fis-seħħ attwalment u li l-UE tesplora l-possibilitajiet ta’ Ftehim dwar Ekonomija Diġitali Internazzjonali (FEDI);

59.  Iqis li r-restrizzjoni tal-aċċess tan-negozji tal-UE għas-swieq diġitali u l-konsumaturi online permezz, fost affarijiet oħra, ta' ċensura statali tal-massa jew aċċess ristrett għas-suq għall-fornituri Ewropej tas-servizzi online f’pajjiżi terzi tikkostitwixxi ostakolu għall-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jinkludu mekkaniżmu ta’ salvagwardja fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-futur, u speċjalment dawk li jkun fihom dispożizzjonijiet li jaffettwaw is-servizzi onlajn u l-komunitajiet ta' utenti onlajn li jaqsmu l-informazzjoni, bil-għan li jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-ICT tal-UE ma jkunux meħtieġa minn partijiet terzi li jirrestrinġu l-aċċess għall-websajts, ineħħu kontenut maħluq mill-utent jew jipprovdu tagħrif personali b’modi li jikkontravjenu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jistieden barra minn hekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżviluppaw strateġija biex tisfida l-miżuri meħuda minn pajjiżi terzi li jirrestrinġu l-aċċess tal-kumpaniji tal-UE għas-swieq onlajn globali;

o
o   o

60.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0468.
(2) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 59.
(3) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 70.
(4) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 51.
(5) Testi adottati, P7_TA(2012)0209.
(6) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 25.
(7) ĠUL 304, 22.11.2011, p. 64.
(8) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 9.
(9) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 58.
(10) ĠU C 50 E, 21.2.2012, p. 1.
(11) ĠUL 189, 22.7.2010, p. 1.
(12) ĠUL 95, 15.4.2010, p. 1.
(13) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 26.
(14) ĠUL 281, 23.11.1995, p. 31.
(15) UK Department for Business Innovation and Skills, Economics Paper No 11: ‘The economic consequences for the UK and the EU of completing the Single Market’ (Il-konsegwenzi ekonomiċi għar-Renju Unit u għall-UE tal-ikkompletar tas-Suq Uniku), February 2011.
(16) UK Department for Business Innovation and Skills, Economics Paper No 11: ‘The economic consequences for the UK and the EU of completing the Single Market’ (Il-konsegwenzi ekonomiċi għar-Renju Unit u l-UE tal-ikkompletar tas-Suq Uniku), February 2011, u d-data tal-Eurostat dwar il-PDG tal-UE għall-2010 u n-numru ta' familji fl-UE.


L-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli
PDF 297kWORD 137k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli (2013/2044(INI))
P7_TA(2013)0328A7-0221/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 9, 151, 153 u 168 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari l-Artikoli 1, 21, 23, 24, 25, 34 u 35 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta, b'mod partikolari l-Artikolu 30 (dwar id-dritt għall-protezzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali) u l-Artikolu 16 tagħha (dwar id-dritt tal-familja għal protezzjoni soċjali, legali u ekonomika),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 (COM(2011)0607),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu “Is-Solidarjetà fis-Saħħa: It-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa fl-UE" (COM(2009)0567),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020: Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli” (COM(2010)0636),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ''Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-Koeżjoni soċjali u territorjali'' (COM(2010)0758),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020" (COM(2011)0173),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Il-Progress tal-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu” (COM(2012)0083),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummisjoni intitolat “Żviluppi fl-Impjieg u Soċjali fl-Ewropa 2012”,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-UE 2020(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2010 dwar aspetti rigward il-ġeneru fil-kuntest tar-reċessjoni ekonomika u l-kriżi finanzjarja(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istejtus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport ta' nofs il-perjodu)(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar skema tat-tqassim ta’ ikel lill-persuni l-aktar imċaħħda fl-Unjoni(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa fl-UE(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-Istrateġija tal-UE għal Persuni Mingħajr Dar(13),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-Mobilità u l-Inklużjoni ta’ persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-7 ta' Frar 2013 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika, Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013(15)

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tiegħu tat-22 ta’ April 2008 dwar l-eliminazzjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar(16) u tas-16 ta' Diċembru 2010 dwar Strateġija tal-UE għall-persuni bla dar(17),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-2011 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali “Migrants in an irregular situation: access to healthcare in 10 European Union Member States” (Migranti f'sitwazzjoni irregolari: aċċess għas-servizzi tas-saħħa f'10 Stati Membri Ewropej)(18) u “Fundamental rights of migrants in an irregular situation in the European Union” (Drittijiet fundamentali tal-migranti f'qagħda irregolari fl-Unjoni Ewropea),

–  wara li kkunsidra t-tielet rapport tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ta’ Marzu 2012 bit-titolu "The social impact of the economic crisis and ongoing fiscal consolidation” (L-impatt soċjali tal-kriżi ekonomika u konsolidament fiskali kontinwu),

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta’ Doctors of the World bit-titolu “Access to health care for vulnerable groups in the European Union in 2012” (Aċċess għall-Kura tas-Saħħa għal Gruppi Vulnerabbli fl-Unjoni Ewropea fl-2012),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound dwar "Third European Quality of Life Survey - Quality of life in Europe: Impacts of the crisis” (It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja - Kwalità tal-ħajja fl-Ewropa: Impatti tal-kriżijiet)(19),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound dwar “Household debt advisory services in the European Union” (Servizzi ta' konsulenza dwar id-dejn tal-familji fl-Unjoni Ewropea)(20),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Eurofound, “Living conditions of the Roma: Substandard housing and health” (Il-kundizzjonijiet ta' għajxien tar-Roma: livell baxx ta akkomodazzjoni u saħħa)(21),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Eurofound, “Active inclusion of young people with disabilities or health problems” (Inklużjoni attiva taż-żgħażagħ b'diżabilità jew problemi tas-saħħa)(22),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-OECD bit-titolu “Health at a glance - Europe 2012” (Is-Saħħa mal-Ewwel Daqqa t’Għajn – Ewropa 2012),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-ILO bit-titolu “Social security for all – Addressing inequities in access to health care for vulnerable groups in countries of Europe and Central Asia” (Sigurtà Soċjali għal Kulħadd – Nindirizzaw l-Inugwaljanzi fl-Aċċess għall-Kura tas-Saħħa għal Grupp Vulnerabbli f’Pajjiżi tal-Ewropa u tal-Asja Ċentrali),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0221/2013),

A.  billi l-bnedmin kollha jitwieldu liberi, b’dinjità u drittijiet indaqs, u hija r-responsabilità tal-Istati Membri li jippromwovu u jiggarantixxu dawn id-drittijiet permezz tal-kostituzzjonijiet tagħhom u tas-sistemi tas-saħħa pubblika tagħhom; billi l-inugwaljanzi tal-ġeneru fl-aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-indikaturi tas-saħħa jeżistu fl-UE kollha;

B.  billi l-valuri fundamentali tal-UE jridu jkunu rrispettati anke f’sitwazzjoni ta’ kriżi u l-aċċess għall-kura, l-kura tas-saħħa u l-għajnuna soċjali għandu jitqies dritt fundamentali għal kulħadd fl-UE; billi għall-kuntrarju, tnaqqsu s-servizzi tas-saħħa, tal-kura u dawk soċjali fil-maġġoranza tal-Istati Membri u dan kien ikkawżat mill-implimentazzjoni tal-politiki ta' awsterità, u b'hekk kienu ta' tfixkil għall-aċċess universali u l-kwalità tas-servizzi.

C.  billi s-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-UE qed jaffaċċjaw sfidi sinifikanti u dawn jinkludu l-kriżi persistenti tad-dejn sovran fiż-żona tal-euro u l-pressjoni riżultanti fuq il-finanzi pubbliċi, popolazzjoni li qed tixjieħ, in-natura li qed tinbidel tas-servizzi tas-saħħa u ż-żieda fl-ispejjeż tas-saħħa li jindikaw b'mod ċar il-bżonn urġenti għal riforma;

D.  billi l-UE għandha l-aktar sistema ta’ protezzjoni soċjali avvanzata fid-dinja, bl-ogħla kontribuzzjonijiet għall-benefiċċji soċjali għaċ-ċittadini; jenfasizza li ż-żamma u l-iżvilupp ulterjuri tal-mudell soċjali Ewropew jeħtieġ li jkunu prijorità politika;

E.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tinnota fil-Karta ta' Tallinn li s-saħħa hija fattur ewlieni li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità;

F.  billi l-inugwaljanza qed tikber f’numru ta’ Stati Membri peress li dawk l-aktar foqra u l-aktar fil-bżonn f'dawk l-istati qed isiru aktar foqra; billi fl-2011, madwar 24.2% tal-popolazzjoni tal-UE kienet tinsab f’risklju ta’ faqar jew esklużjoni; billi, barra minn hekk, abbażi ta’ dak li ddikjaraw dawk b’introjtu baxx, is-saħħa tagħhom marret għall-agħar, b'differenza dejjem akbar fis-saħħa meta mqabbla mal-25% tal-popolazzjoni bl-ogħla introjtu;

G.  billi r-rati ta' qgħad fuq perjodu twil qed jikbru, li qed iħallu ħafna ċittadini mingħajr kopertura tal-assikurazzjoni, u b'hekk qed jillimitaw l-aċċess tagħhom għas-servizzi tas-saħħa,

H.  billi l-gruppi l-aktar vulnerabbli qed jintlaqtu sproporzjonalment fil-kriżi kurrenti inkwantu huwa jsofru l-impatt doppju ta' telf ta' introjtu u ta’ tnaqqis fis-servizzi tal-kura;

I.  billi l-foqra kroniċi, li ta’ spiss huma persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil jew impjegati b’salarju baxx, persuni single li jgħixu waħedhom ma' tfal li m'għandhomx impjieg jew li jaħdmu għal ftit sigħat u anzjani fl-Ewropa ċentrali u tal-Lvant huma identifikati b'mod konsistenti bħala l-aktar vulnerabbli;

J.  billi l-istudji l-aktar riċenti jikkonfermaw id-deher ta' grupp ġdid ta' nies vulnerabbli, li qabel kienu relattivament benestanti, imma issa jinsabu fil-bżonn minħabba l-livelli ta' dejn personali: il-persuni fil-grupp 'foqra ġodda' jaf ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-ħajja, u jibdew ma jħallsux il-kontijiet u l-pagamenti relatati mad-dejn jew ma jkunux jistgħu jħallsu aktar għal servizzi tal-kura meħtieġa u jibdew jibżgħu li se jkollhom jitliqu mill-akkomodazzjoni tagħhom;

K.  billi s-servizzi pubbliċi għandhom rwol importanti - li huma ta’ proprjetà pubblika u ta’ ġestjoni pubblika, b’involviment demokratiku tal-utenti tagħhom – f’oqsma essenzjali għall-benessri, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni, il-ġustizzja, l-ilma, l-akkomodazzjoni, it-trasport, u l-kura tat-tfal u tal-anzjani;

L.  billi l-frammentazzjoni tas-sistemi tal-kura tas-saħħa jistgħu jwasslu għas-sitwazzjoni fejn ħafna pazjenti ma jirċevux kura medika neċessarja filwaqt li oħrajn jirċievu kura li taf ma tkunx neċessarja jew anki taf tkun dannuża;

M.  billi l-kriżi żiedet ir-riskju ta’ esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol partikolarment għaż-żgħażagħ, li huma l-aktar vulnerabbli għall-konsegwenzi tagħha fir-rigward tal-parteċipazzjoni futura fix-xogħol u d-dħul;

N.  billi aktar u aktar persuni fl-UE qed jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar statutorja, parti minħabba l-bżonn finanzjarju, fid-dawl tal-fatt tal-pressjoni fuq is-sorsi oħra ta' dħul tal-familji wara l-irtirar;

O.  billi l-ispejjeż tas-servizzi għall-utenti tas-servizz qed jogħlew f’ċerti Stati Membri, li jfisser li ħafna nies m’għadhomx jistgħu jaffordjaw livell ta’ servizz adegwat biex jissodisfaw il-bżonnijiet definiti tagħhom, u dan jirriżulta f’nuqqas ta’ indipendenza, f’aktar stress fiċ-ċirkustanzi domestiċi jew tal-impjieg tagħhom jew potenzjalment f’effetti ta’ ħsara fuq saħħithom li jwasslu għall-esklużjoni soċjali tagħhom;

P.  billi s-sistemi tal-kura tas-saħħa jistgħu (mhux b'mod intenzjonat) joħolqu ostakli għall-aċċess għall-kura tas-saħħa jew jipprovdu kura tas-saħħa ta' kwalità differenti lil persuni li jaqsmu bejniethom aktar minn karatteristika protetta waħda, bħas-sess, l-età jew is-sħubija ma' grupp ta' minoranza;

Q.  billi qed isir tibdil f’ċerti sistemi ta’ sigurtà soċjali biex jitneħħa jew jiġi limitat l-aċċess għall-kura tas-saħħa għal ċerti gruppi, u għar-rimbors għal ċerti trattamenti u mediċini(23), u dan qed joħloq riskji addizzjonali għas-saħħa personali u pubblika kif ukoll għas-sostenibilità fit-tul ta' dawn is-sistemi;

R.  billi huwa stmat li l-maġġoranza tal-kura fl-UE qiegħda attwalment tiġi provduta minn nies li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod informali u mingħajr ħlas; billi dan ir-riżors enormi jinsab mhedded minħabba numru ta' żviluppi demografiċi kif ukoll il-piż dejjem jiżdied tal-kura;

S.  billi d-dritt għal għadd ta’ servizzi ta’ appoġġ fid-djar, residenzjali jew ibbażati fuq il-komunità, inkluża l-assistenza personali, huwa stabbilit fl-Artikolu 19 u l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità;

T.  billi r-raġunijiet li jwasslu biex it-tfal jingħataw arranġamenti tal-kura alternattivi huma kumplessi u multidimensjonali imma ta' spiss jidhru direttament jew indirettament relatati mal-faqar u l-esklużjoni soċjali;

U.  billi nuqqas ta' informazzjoni preċiża u aċċessibbli jista' jikkontribwixxi għall-fatt li gruppi vulnerabbli li ma jkunux jistgħu jaċċedu l-kura neċessarja li huma intitolati għaliha;

V.  billi r-rapporti jikkonstataw id-diffikultajiet dejjem akbar li qed jaffrontaw xi ċittadini tal-UE u oħrajn li huma intitolati għad-dritt ta’ kura f’sitwazzjoni transkonfinali li jaċċedu għal dan id-dritt;

W.  billi l-problemi tad-demografija medika (livelli baxxi fl-għoti tal-kura f'ċerti żoni ġeografiċi) f'numru ta' Stati membri jagħmluha aktar iebsa għall-gruppi vulnerabbli biex jaċċedu għall-kura;

X.  billi rapporti ta’ żieda ta’ diviżjoni soċjali u aggressività, li qed iwasslu f’attakki verbali u fiżiċi kontra l-minoritajiet u persuni qegħdin jiżdiedu; billi tali inċidenti għandhom jiġu rapportati fid-dettall;

Y.  billi f’xi Stati Membri rigressjoni fil-politika fir-rigward tal-persuni b’diżabilità, diffikultà fit-tagħlim jew mard psikjatriku qed twassal għal ċaqliq lil hinn minn approċċ ibbażat fuq drittijiet ta’ inklużjoni li jfittex l-inklużjoni sħiħa fil-komunità lejn approċċ aktar istituzzjonali u li joħloq is-segregazzjoni tal-passat;

Z.  jisħaq fuq il-potenzjal ta’ ħafna impjiegi tas-settur tal-kura tas-saħħa u dik soċjali fl-UE kollha;

AA.  billi ħafna impjiegi fis-settur tal-kura tas-saħħa u s-settur tal-asssistenza f'ċerti Stati Membri joffru remunerazzjoni baxxa, ta’ spiss ma joffrux kuntratti formali u d-drittijiet ta’ xogħol bażiċi oħra u mhumiex attraenti minħabba r-riskju għoli ta' stress fiżiku u emozzjonali, it-theddida ta' eżawriment, u nuqqas ta' opportunitajiet ta’ żvilupp fil-karriera; billi s-settur joffri ftit taħriġ u, barra minn hekk, l-impjegati tiegħu huma b'mod predominanti anzjani, nisa u ħaddiema migranti; billi l-kura fl-UE hija ta' spiss provduta minn nies li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod informali mingħajr ħlas, li huma stess jistgħu jitqiesu grupp vulnerabbli minħabba l-pressjonijiet dejjem akbar sabiex jipprovdu livelli ta' kura aktar sofistikati u tekniċi; billi numru ta' Stati Membri huma neqsin minn servizz ta’ kura ta' kwalità, disponibbli għal kulħadd, indipendenti mid-dħul;

AB.  billi t-tranżizzjoni minn forom ta’ kura istituzzjonali għal forom ta’ kura bbażati fuq il-komunità teħtieġ żieda fl-appoġġ relatat mal-akkomodazzjoni sabiex il-persuni vulnerabbli jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti;

AC.  billi ż-żgħażagħ li jitilqu mill-ambjent ta’ kura residenzjali għal ħajja indipendenti huma partikularment esposti għal faqar u esklużjoni soċjali;

AD.  billi numru dejjem jikber ta' anzjani jrid jiġi klassifikat bħala vulnerabbli;

AE.  billi ċittadini tal-UE fqar li huma ċittadini ta' Stati Membri oħrajn u ċittadini ta' pajjiżi terzi koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali ta' Stat Membru ieħor jistgħu jesperjenzaw ukoll diffikultajiet kbar biex jaċċedu l-kura;

AF.  billi kull persuna hija intitolata għal standard tal-għajxien li tippermetti lilha u lil qrabatha li jgawdu minn saħħa u benessri;

AG.  billi importanti li jiġi enfasizzat is-sinifikat tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tagħha, li għandhom rwol vitali li jgħinu lil gruppi esklużi;

AH.  billi l-ħarsien tas-saħħa għandu effetti importanti fuq il-kwalità, it-tul u d-dinjità tal-ħajja tal-bniedem;

AI.  billi madwar 10% tat-trabi li jitwieldu fl-UE f’sena partikolari jitwieldu prematuri (qabel is-37 ġimgħa tqala), u billi l-ommijiet ta’ trabi prematuri sikwit ma jkollhomx aċċess għal servizzi tas-saħħa meħtieġa tal-istandard rekwiżit, u dan huwa fatt li jinħass saħansitra aktar f’termini tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja;

AJ.  billi l-faqar, l-edukazzjoni inadegwata u livell aktar baxx ta’ integrazzjoni soċjali jirriżultaw f’livell ta’ saħħa baxx; billi l-ostakoli ewlenin għall-kura tas-saħħa ta' gruppi vulnerabbli huma n-nuqqas ta' għarfien u ta’ komprensjoni tas-sistema tas-saħħa, il-problemi amministrattivi, in-nuqqas ta' għarfien dwar il-prevenzjoni tal-mard, u n-nuqqas ta’ aċċess fiżiku għas-servizzi;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar il-miżuri ta’ awsterità li qed jiġu implimentati u jwettqu valutazzjonijiet tal-impatt soċjali tal-miżuri ta’ awsterità u jinkludu rakkomandazzjonijiet li jitrattaw l-impatt soċjali u ekonomiku fuq terminu medju u terminu twil ta’ miżuri ta’ dan it-tip fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta’ pajjiżhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproduċi rapporti sommarji regolari ta' valutazzjonijiet bħal dawn u tressaqhom quddiem il-Parlament; jitlob li l-proċess tas-Semestru Ewropew ma jiffukax biss fuq is-sostenibilità finanzjarja tas-sistemi tas-sigurtà soċjali imma jieħu kont ukoll tal-impatt possibbli fuq l-aċċessibilità u d-dimensjoni tal-kwalità tas-servizzi ta’ kura;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu u jippromwovu l-investiment soċjali fis-servizzi soċjali bħas-settur ta’ saħħa, is-settur ta’ assistenza u dak soċjali, li huma setturi li huma essenzjali fil-dawl tat-tibdil demografiku u tal-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u għandhom potenzjal kbir fil-qasam tal-ħolqien ta' impjiegi;

3.  Jinsab konvint li r-riformi neċessarji għandhom jindirizzaw il-kwalità u l-effiċjenza tal-kura tas-saħħa, għandhom itejbu l-aċċess għall-kura t-tajba fil-mument it-tajjeb fl-ambjent it-tajjeb u għandhom iżommu lin-nies b'saħħithom u jiżguraw li kemm jista’ jkun jiġu evitati kumplikazzjonijiet tal-mard komuni u li jistgħu jiġu evitati;

4.  Ifakkar li l-Istati Membri qablu li jadottaw approċċ li jċaqlaq l-attenzjoni minn miżuri "kurattivi” li jindirizzaw s-sintomi ta’ esklużjoni u nuqqas ta’ saħħa “lejn miżuri preventivi bħala strateġija li sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja u jitnaqqas il-piż ta’ mard kroniku, fraġilità u diżabilità”(24); jenfasizza, f’dan ir-rigward, l-ispejjeż fuq terminu twil ta’ nuqqas ta’ azzjoni;

5.  Jikkunsidra l-fatt li individwi vulnerabbli jitħallew mingħajr aċċess għall-kura tas-saħħa jew għas-servizzi ta’ assistenza bħala ekonomija falza għax dan jista' jkollu impatt negattiv fit-tul kemm fuq l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa kif ukoll fuq is-saħħa individwali u pubblika;

6.  Jikkunsidra li ħafna miżuri ta’ tnaqqis fl-ispejjeż għal terminu qasir, li qegħdin ikunu implimentati bħalissa, bħall-introduzzjoni ta’ tariffi ta’ aċċess għall-kura ta’ saħħa li għandhom jitħallsu minn qabel, iż-żieda fl-ispejjeż li ma jistgħux jiġu rimborsati jew l-esklużjoni tal-aċċess għall-kura ta’ gruppi vulnerabbli, ma ġewx evalwati bis-sħiħ għal dak li jikkonċerna l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi wiesgħa jew l-effetti potenzjalment diskriminatorji u l-implikazzjonijiet fuq terminu twil tagħhom u l-konsegwenzi eventwali għall-medja ta' għomor; jenfasizza l-fatt li tali miżuri għandhom impatti negattivi sproporzjonati fuq gruppi vulnerabbli;

7.  Jikkunsidra b’dispjaċir li l-istigma soċjali ta’ ċerti kundizzjonijiet mediċi tiskoraġġixxi l-individwi milli jfittxu l-kura neċessarja, u dan jista’ jħalli mard li jittieħed, pereżempju, mhux ikkurat, bir-riskju li dan iġib miegħu għas-saħħa pubblika;

8.  Jiddispjaċih dwar l-impatt sproporzjonat li l-prattiki tal-arrest tal-pajjiżi u l-obbligi ta' rappurtar marbuta mal-infurzar tal-liġi tal-immigrazzjoni għandhom fuq il-kapaċità tal-migranti mhux dokumentati li jirċievu attenzjoni medika(25);

9.  Jirrikonoxxi li hemm relazzjonijiet stretti bejn serje ta’ vulnerabilitajiet, esperjenza ta’ kura istituzzjonalizzata, nuqqas ta’ aċċess għal assistenza ta’ kwalità bbażata fuq il-komunità u l-konsegwenza ta’ nuqqas ta’ akkomodazzjoni; ifakkar li s-servizzi tas-saħħa u l-kura jista' jkollhom rwol importanti fil-prevenzjoni u t-trattament tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, inklużi forom estremi bħal nuqqas ta' akkomodazzjoni; jenfasizza li l-gruppi li għandhom diversi fatturi ta’ vulnerabilità, bħar-Roma, persuni mingħajr permess ta’ residenza validu jew persuni mingħajr dar, jinsabu f'riskju akbar li jitħallew barra minn kampanji ta' prevenzjoni ta’ riskji, dijanjosi u trattament;

10.  Jindika l-effetti negattivi fit-tul ta’ tnaqqis fil-miżuri ta’ kura preventiva fi żminijiet ta’ kriżi; jikkunsidra li l-miżuri preventivi, jekk hemm bżonn li jitnaqqsu, tal-anqas għandhom jittellgħu lura fil-livell preċedenti, sabiex tibqa’ l-kontinwità u ma tkunx distrutta l-infrastruttura; jenfasizza li l-kriżi ekonomika u finanzjarja u l-hekk imsejħa politiki ta' awsterità imposti minn ċerti Stati Membri ma jkunux il-kawża ta' nuqqas ta' investiment fis-servizzzi ta' saħħa nazzjonali iżda li, fid-dawl tal-importanza u n-natura essenzjali tagħhom, għandhom isiru sforzi sabiex jiġu konsolidati dawn is-servizzi ħalli jissodisfaw il-bżonnijiet tas-soċjetà, b’mod partikolari l-gruppi l-aktar vulnerabbli tagħha;

11.  Jikkunsidra li miżuri ta’ awsterità ma għandhom taħt l-ebda ċirkustanza jipprivaw liċ-ċittadini mill-aċċess tagħhom għal servizzi soċjali u ta’ saħħa jew mill-innovazzjoni u l-kwalità fil-provvista ta’ servizzi soċjali u ma għandhomx ireġġgħu lura xejriet pożittivi fl-iżvilupp tal-politika;

12.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu r-reklutaġġ fis-servizzi tal-kura soċjali u jaħdmu biex iżidu l-attraenza tas-settur bħala għażla ta' karriera vijabbli għaż-żgħażagħ;

13.  Jenfasizza li numru ta’ ċittadini tal-UE li qed jgħixu f’pajjiż tal-UE ieħor li mhumiex tagħhom u li ma għandhomx assikurazzjoni tas-saħħa, minħabba qgħad jew nuqqas ta’ permess ta’ residenza, qed jiżdied; jenfasizza li l-fatt li ċ-ċittadini tal-UE koperti minn assikurazzjoni tas-saħħa f'pajjiż ieħor tal-UE għandhom ta' spiss diffikultà biex jeċċedu l-kura għax jridu jħallsu minn qabel;

14.  Jitħasseb li persuni b’diżabilità fl-UE qed ikunu affetwati sproporzjonalment bit-tnaqqis fl-ispiża pubblika, u bħala riżultat ta’ dan qed jitilfu servizzi ta’ appoġġ li jippermettulhom jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità;

15.  Jikkunsidra li dan qed iwassal għal żieda fin-numru ta’ persuni li qed jgħixu taħt kura istituzzjonalizzata għal perijodu twil u għal aktar esklużjoni soċjali tal-persuni b’diżabilità fl-UE, li huwa ksur dirett tal-impenji tal-UE taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilitajiet u l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020;

16.  Jenfasizza li l-kura li trid tiġi rċevuta min-nies b'diżabilità għandha tiġi provduta b'mod aċċessibbli, mhux biss f'termini ta' infrastruttura, imma wkoll komunikazzjoni, li hija speċjalment importanti fil-każ ta' persuni b'diżabilitajiet intellettwali (diffikultajiet fit-tagħlim); jenfasizza l-bżonn li jitħeġġeġ it-taħriġ tal-fornituri tal-kura u t-tobba mhux speċjalisti biex joffru kura b'mod aċċessibbli;

17.  Jikkunsidra li kull tnaqqis fis-servizzi tal-kura u tal-appoġġ għaż-żgħażagħ jew gruppi oħra vulnerabbli huma soġġetti li jxejnu l-politika eżistenti tal-UE dwar l-inklużjoni attiva; jenfasizza li r-rati għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ipoġġu pressjoni addizzjonali fuq it-tipi kollha ta' servizzi soċjali u li azzjoni mmirata tista' tgħin;

18.  Jinnota li, minħabba l-qgħad li qed jiżdied u l-qgħad fuq perjodu twil minħabba l-kriżi, proporzjon kbir taċ-ċittadini bħalna – il-persuni mingħajr impjieg fuq perjodu twil u d-dipendenti tagħhom – huwa mċaħħad mill-aċċess għas-sistema tas-saħħa pubblika, is-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa; jistieden lill-Istati Membri, u speċjalment dawk bl-ogħla rati ta' qgħad, biex jindirizzaw b'mod effettiv u mgħaġġel din il-kwistjoni ewlenija permezz tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji;

19.  Jilqa' r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2013 dwar "Investiment fit-Tfal: it-tkissir taċ-ċiklu tal-iżvantaġġ"; jirrikonoxxi l-importanza u l-effiċjenza tal-ispiża tal-investiment fis-snin bikrija tat-tfulija, għal dak li jikkonċerna l-iżvilupp tal-potenzjal sħiħ tagħhom; jirrikonoxxi li l-investiment f'servizzi soċjali ta’ kwalità għolja huwa essenzjali għall-iżvilupp ta’ servizzi ta’ protezzjoni tat-tfal adegwati u effettivi u għal biex ikunu stabbiliti strateġiji ta’ prevenzjoni komprensivi; ifakkar fl-importanza li tiġi adottata perspettiva ta' tul il-ħajja kollha u l-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni u dijanjosi bikrija; jenfasizza li l-pandemija reċenti tal-ħosba wriet kemm huwa importanti għas-saħħa pubblika t-tilqim b'xejn għat-tfal;

20.  Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni soċjali u ekonomiċi kbar tal-membri tal-familja li jaġixxu bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor u l-voluntiera (kura informali) u r-responsabbiltajiet li qed jiżdiedu fuqhom bit-tnaqqis fil-provvista tas-servizzi jew biż-żeda fl-ispejjeż tagħhom; iqis li l-miżuri ta' awsterità m'għandhomx iwasslu biex itaqqlu żżejjed b'mod ulterjuri nies li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod informali; jisħaq fuq l-importanza li tiġi rikonoxxuta l-kompetenza esperta tal-persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor u li jiġi garantit xogħol ta' kwalità għolja; jitlob għal appoġġ u għajnuna xierqa għall-membri tal-familja li jaġixxu bħala persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor f'sens li jingħaqdu flimkien il-kura u l-karriera u jqis li l-ħin li tkun qattgħet persuna bħala waħda li tieħu ħsieb ħaddieħor irid jiġi kkalkulat fl-eliġibilità għall-pensjoni; Jenfasizza li l-maġġoranza tal-għoti tal-kura fl-UE hija provduta fuq bażi informali, jiġifieri minn membri tal-familja u voluntiera, u jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab soċjali biex iżidu l-apprezzament ta' dan il-kontribut u l-premji finanzjarji għalih;

21.  Jirrikonoxxi li aktar u aktar nisa huma involuti f'xogħol imħallas (għalkemm qed jitħallsu 18% anqas mill-irġiel), u li fl-istess ħin in-nisa għadhom relattivament ta' spiss persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor (78% minnhom huma nisa), li jirriżulta fi sfida biex ikollhom bilanċ sodisfaċenti bejn ix-xogħol u l-ħajja. jemmen li, b'mod ġenerali, il-fakultà ta' xogħol flessibbli hija importanti biex tgħin lin-nies jikkombinaw ix-xogħol u l-kura; jinsab imħasseb dwar l-impatt negattiv li t-tnaqqis tas-servizzi jew l-ispejjeż dejjem għola tagħhom għandhom fuq il-livelli ta’ impjieg fost in-nisa, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tixjiħ b'saħħtu;

22.  Ifakkar li s-settur tal-kura ġie identifikat mill-UE bħala qasam ta' tkabbir potenzjali fl-impjieg u l-PE identifika l-bżonn ta' paga u taħriġ aħjar sabiex dan isir għażla ta' karriera attraenti u jtejjeb il-kwalità tas-servizz; Jinnota n-nuqqas ċar ta' ħaddiema f'partijiet mis-settur tas-saħħa u l-għoti tal-kura u jistieden lill-Istati Membri jippromwovu t-taħriġ tal-kura fost iż-żgħażagħ, kif ukoll miżuri ta’ taħriġ li jistgħu jgħinu lil dawk li jagħtiu u jipprovdu kura jifhmu aktar il-bżonnijiet ta’ dawk li jirċievu l-kura;

23.  Jisħaq fuq l-importanza dejjem tiżdied tal-għoti tas-servizz mobbli sabiex is-servizzi jitwasslu għand dawk li jeħtiġuhom, f'żoni urbani kif ukoll rurali;

24.  Jenfasizza l-kontribut utli tas-settur tal-voluntiera għall-kura ta’ anzjani li għandhom bżonn ta’ kura u, fejn neċessarju, ta’ individwi iżolati li qed jgħixu weħedhom;

25.  Japprezza l-fatt li ntgħażlet is-Sħubija Ewropea għal Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b'Saħħtu (EIP) biex jiġu affrontati l-isfidi li jirriżultaw mit-tixjiħ demografiku; dan jinkludi l-objettiv li, sal-2020, jiżdied b'sentejn it-tul tal-ħajja b'saħħitha taċ-ċittadini tal-UE; dan ifittex ukoll sitwazzjoni ta' suċċess triplu għall-Ewropa billi:

   i) tiżdied is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja ta' persuni mdaħħlin fiż-żmien;
   ii) jitjiebu s-sostenibilità u l-effiċjenza tas-sistemi tal-kura;
   iii) jinħolqu opportunitajiet ta' tkabbir u tas-suq għan-negozji;

26.  Jirrikonoxxi x-xogħol magħmul minn organizzazzjonijiet tat-tielet settur u volontarji, imma jikkunsidra li dan m’għandux jissostitwixxi r-responsabbiltà tal-Istat li jiżgura servizzi ta’ kwalità għolja, effikaċi u għall-but ta’ kulħadd li huma aċċessibbli għal kulħadd bħala pubbliċi, b’appoġġ finanzjarju mir-riżorsi pubbliċi;

27.  Jenfasizza l-"Qafas Ewropew tal-Kwalità għal Kura fuq Perjodu Twil", li jipprovdi prinċipji u linji gwida għad-dinjità u l-benessri ta' anzjani fi bżonn ta' kura u ġie ppubblikat bħala parti mill-proġett WeDO tal-Kummissjoni(26);

28.  Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-għarfien dwar is-saħħa u jipprovdu informazzjoni xierqa dwar is-servizzi disponibbli għal gruppi vulnerabbli li ta' spiss għandhom diffikultà biex jaċċedu s-servizzi li għandhom bżonn; ta' importanza ugwali huwa l-involviment ta' dawk li jirċievu l-kura u dawk li jagħtu l-kura fil-proċessi ta' deċiżjoni li jaffettwawhom;

Rakkomandazzjonijiet

29.  Jistieden lill-Kummissjoni biex takkwista data kumparabbli u kurrenti fil-forma ta' analiżi fundamentali dwar l-aċċess għall-kura;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-partijiet interssati relevanti kollha, jimmonitorjaw u jindirizzaw fil-pjani nazzjonali ta' riforma l-politiki nazzjonali li jmorru kontra l-mira ta’ tnaqqis tal-faqar tal-2020; jistieden lill-Istati Membri jiffokaw speċjalment fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli u jneħħu l-ostakoli għall-aċċess, itejbu u jsaħħu l-miżuri ta’ assimilazzjoni u ta’ prevenzjoni fi stadju bikri sabiex jirritornaw lejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u jevitaw ħsara fit-tul u spejjeż li jirriżultaw min-nuqqas ta’ azzjoni;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni, is-sħab soċjali u l-Istati Membri biex jaġixxu fuq is-sejbiet ta' analiżi dwar il-punti b'saħħithom u dgħajfa tas-Sena Ewropea tax-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet tal-2012;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw bl-għan li jiġi implimentat għadd massimu ta’ programmi għal titjib fl-istandards tas-saħħa fost il-gruppi l-aktar vulnerabbli, b’mod partikolari t-tfal u ż-żgħażagħ, fil-kuntest tal-mobilità, li hija rikonoxxuta bħala dritt fundamentali fl-UE;

33.  Jistieden lill-Kummisjoni teżamina t-tensjonijiet li jistgħu jirriżultaw bejn id-drittijiet tas-sigurtà soċjali taħt ir-Regolament (KE) Nru 883/2004(27) u t-tħaddim tad-Direttiva 2004/38/KE(28), bil-ħsieb li tirrakkomanda xi bdil neċessarju biex jitnaqqas id-divarju fil-kopertura;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu l-prijoritijiet, jeliminaw id-distakk bejn l-irġiel u n-nisa u jiżguraw aċċess effettiv għas-servizzi tas-saħħa u tal-ippjanar tal-familja, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċjali lil gruppi vulnerabbli u żvantaġġati oħra li jeħtieġu ħarsien tas-saħħa soċjali;

35.  Jistieden lill-Kummisjoni tinkludi salvagwardja soċjali li tipproteġi l-kura u s-servizzi soċjali u sistemi ta’ protezzjoni soċjali fi qbil mal-pajjiżi li jirċievu assistenza finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżviluppaw l-użu ta' teknoloġiji ġodda bħat-telemediċina sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kura;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ aċċess ugwali għall-edukazzjoni u l-kura tat-tfal minn età bikrija, u tipprovdi appoġġ finanzjarju adegwat għal dawn is-servizzi;

37.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu servizzi bbażati fuq il-komunità għal tfal b'diżabilitajiet;

38.  Jistieden lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jeliminaw ostakli u xkiel rigward l-aċċess ta' nies b'diżabilità għat-trasport pubbliku, is-servizzi u l-informazzjoni;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iwaqqfu prijoritajiet ħalli jeliminaw id-differenzi u jipprovdu aċċess effettiv għas-servizzi tas-saħħa għal gruppi vulnerabbli li jinkludu n-nisa fqar, il-migranti u r-Roma fil-protezzjoni tas-saħħa soċjali billi jiġi żgurat li l-kura tas-saħħa tkun għall-but ta’ kulħadd, disponibbli u ta’ kwalità, li l-organizzazzjoni tkun effiċjenti u effikaċi u li l-finanzjament ikun adegwat fiż-żoni ġeografiċi kollha;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw politiki li jippromwovu s-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard billi jiżguraw kura tas-saħħa bla ħlas, universali u ta' kwalità lill-gruppi l-aktar żvantaġġati, b'attenzjoni partikolari fuq l-iżgurar tal-kura tas-saħħa primarja, mediċina preventiva, aċċess għad-dijanjosi, it-trattament u r-rijabilitazzjoni; jitlob li jiġu provduti l-mezzi meħtieġa biex ikunu miġġielda l-problemi ewlenin tas-saħħa li jiffaċċaw in-nisa u jkun żgurat id-dritt għas-saħħa sesswali u riproduttiva, servizzi tas-saħħa għan-nisa vittmi tal-vjolenza, u kura tas-saħħa għat-trabi;

41.  Jistieden lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex iqisu b'mod sħiħ ir-rabta bejn is-saħħa fiżika u mentali fuq naħa u l-qgħad u l-insigurtà tal-impjieg fuq l-oħra – li l-kriżi żvelat bħala fenomeni ewlenin – sabiex ikun hemm pjanar xieraq stabbilit ħalli jiġu evitati u indirizzati l-konsegwenzi dannużi ta' dan it-tip;

42.  Jirrakkomanda bil-qawwa li l-Istati Membri jsaħħu s-servizzi tas-saħħa tagħhom fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-kura primarja, filwaqt li jiffukaw fuq titjib tas-saħħa u fl-aċċess għall-kura għan-nisa, b’mod partikolari għan-nisa li jgħixu f’żoni remoti ’l bogħod miċ-ċentri urbani, kif ukoll fuq miżuri għall-aktar gruppi żvantaġġati– it-tfal u ż-żgħażagħ, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità, qiegħda jew bla dar – li jiggarantixxu d-dritt ta’ monitoraġġ mediku regolari għal kulħadd;

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jitrattaw il-kura tal-omm u tat-trabi li jkun għadhom kemm twieldu, speċjalment f’każijiet ta’ twelid prematur, bħala prijorità tas-saħħa pubblika u jinkorporawha fl-istrateġiji tas-saħħa Ewropej u nazzjonali;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jorganizzaw l-edukazzjoni u l-korsijiet ta’ taħriġ meħtieġa għall-professjonijiet tas-saħħa kollha li jaħdmu fl-unitajiet tal-kura ta' qabel il-konċepiment, tal-maternità u tat-trabi li jkun għadhom kemm twieldu, bl-għan li ji jkun prevenut it-twelid prematur u jitnaqqas l-għadd ta’ mard kroniku li jolqot lit-trabi li jitwieldu b’mod prematur;

45.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li tingħata għajnuna xierqa lin-nisa waqt u wara tqala u t-treddigħ, billi joffru servizzi ta’ indukrar/konsultazzjoni bla ħlas meta jkun meħtieġ, u nutriment adegwat, speċjalment lil dawk li jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali minħabba l-kriżi ekonomika attwali;

46.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strutturi xierqa li joffru lin-nies appuntamenti mediko-soċjali sabiex jitqiesu aħjar il-kundizzjonijiet li jgħixu fihom l-ifqar nies;

47.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni aċċessibbli u ċara dwar id-drittijiet tal-migranti fil-lingwi relevanti kollha, inkluża dik tar-Roma;

48.  Jinkoraġġixi l-Istati Membri jieħdu azzjoni kontra r-reat ta’ mibegħda u jippromwovu politiki kontra d-diskriminazzjoni, jekk hemm bżonn billi jsaħħu l-entitajiet ta’ kontra d-diskriminazzjoni nazzjonali tagħhom u jippromwovu taħriġ fl-awtoritajiet pubbliċi;

49.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw l-Artikolu 19 tat-TFUE u jadottaw d-Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali sabiex tiġi pprojbita d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali(29) u japplikaw il-prinċipju tat-trattament ugwali fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi u l-forniment tagħhom li huma kummerċjalment disponibbli għall-pubbliku, inkluża l-akkomodazzjoni;

50.  Jistieden lill-Istati Membri biex iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt biex jiżguraw li l-miżuri meħuda li jista' jkollhom impatt fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli jkunu f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u f'konformità mad-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(30);

51.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jevitaw il-problema ta' nies mingħajr dar, jipprovdu l-kura neċessarja għal nies mingħajr dar, u biex ma jagħmlux in-nuqqas ta' akkomodazzjoni reat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

52.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li kull politika jew programm ta’ finanzjament maħsuba biex jappoġġaw l-innovazzjoni soċjali u/jew servizzi relatati mal-kura jimmiraw lejn dawk is-servizzi li jilħqu l-aħjar il-bżonnijiet soċjali u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies, u li huma żviluppati f’kooperazzjoni mill-qrib u konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet li jiddefendu u jirrappreżentaw gruppi vulnerabbli;

53.  Jinnota l-kamp ta' applikazzjoni tal-Inizjattiva għan-Negozju Soċjali tal-Parlament u jisħaq fuq l-importanza tal-ekonomija soċjali, li tista', flimkien man-negozji soċjali, issaħħaħ b'mod effikaċi l-qasam li qed jikber malajr tal-kura tas-saħħa u dak soċjali;

54.  Jinkoraġġixxi lill-Kummisjoni u lill-Kunsill jaħdmu mal-Parlament biex jerġgħu jinfurzaw finanzjament lill-programmi li jimmiraw gruppi vulnerabbli; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha disponibbli għaliha biex tiżgura t-teħid sħiħ u l-ħlas massimu tal-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn u strumenti oħra rilevanti li jindirizzaw il-bżonnijiet tan-persuni li huma vulnerabbli jew fir-riskju ta’ esklużjoni, u li tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex jilħqu l-mira ta’ faqar tal-Ewropa 2020 u jippromwovu innovazzjoni u l-kwalità fis-setturi tas-saħħa u tal-kura; jenfasizza l-importanza ta’ strumenti ta’ finanzjament relatati bħall-Programm tal-UE għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali u l-Fond ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropew;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni jiżviluppa pakkett ta’ indikaturi oġġettivi u suġġettivi bil-ħsieb li jiġu mkejla l-komponenti materjali u mhux materjali tal-benessri, inklużi l-indikaturi soċjali, u li tiġi ppubblikata regolarment data dwar dan, sabiex jiġu integrati l-indikaturi Ewropej u nazzjonali dwar il-PDG u l-qgħad u b’hekk jiġi mkejjel il-progress fuq il-livell tas-soċjetà u mhux biss l-iżvilupp ekonomiku;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jirrikonoxxu b'mod ċar il-kontribut utli magħmul minn dawk li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod informali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jżommu miżuri ta’ appoġġ immirati għal dawk li jieħdu ħsieb ħaddieħor u għas-settur tal-volontarjat, ħalli jipprovdu aktar miżuri personali, ta’ kwalità u kosteffikaċi, pereżempju miżuri li jippermettu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, li jiffaċilitaw aktar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn dawk li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod informali u dawk li jieħdu ħsieb ħaddieħor b'mod formali, u li jiżguraw politiki tas-sigurtà soċjali u taħriġ għal dawk li jieħdu ħsieb ħaddieħor; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw qafas koerenti għat-tipi kollha ta' liv għall-kura; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi direttiva tal-UE dwar il-liv tal-persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor, b’mod koerenti mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fit-Trattat;

57.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni preċiża u li tinftiehem faċilment fil-lingwi u l-formats relevanti, dwar id-dritt għall-kura, u biex din tkun aċċessibbli b'mod wiesa';

58.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jabbozzaw definizzjonijiet ċari tal-profili professjonali fis-settur tal-kura li jippermettu delimitazzjoni preċiża tad-drittijiet u l-obbligi;

59.  Jistieden lill-Istati Membri biex jintegraw l-atturi potenzjali kollha fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, u anki s-sħab soċjali, f'inizjattivi li jirrigwardaw is-servizzi tal-prevenzjoni, tas-saħħa u dawk soċjali;

60.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-programmi ta’ taħriġ meħtieġa mis-setturi tal-kura u tal-appoġġ, u joffru gotjiet lin-nies li jagħmlu studji relevanti;

61.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi kampanja bil-għan li tirrekluta ż-żgħażagħ u ttejjeb l-immaġini pubblika tas-settur tal-kura bħala settur li jimpjega;

62.  Jitlob li d-drittijiet tax-xogħol ta’ dawk li qed jaħdmu fis-settur tal-kura jiġu rispettati, inkluż id-dritt għal introjtu dinjituż u kundizzjonijiet dinjitużi u d-dritt li wieħed jingħaqad ma’ trejdjunjins u jifforma trejdjunjins u d-dritt għal negozjar kollettiv;

63.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex iwaqqfu skemi ta' finanzjament sostenibbli għas-servizzi tal-kura u biex jiżviluppaw skemi ta' taħriġ u taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema bl-għajnuna tal-finanzjament tal-FSE;

64.  Jinkoraġġixxi s-sħab soċjali jiżviluppaw djalogu soċjali formali dwar is-settur tal-kura;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(2) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12.
(3) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 11.
(4) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.
(5) ĠU C 76 E, 25.3.2013, p. 16.
(6) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.
(7) ĠU C236 E, 12.8.2011, p. 79.
(8) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
(9) ĠU C70 E, 8.3.2012, p. 19.
(10) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p.188.
(11) ĠU C199 E, 7.7.2012, p.112.
(12) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 25.
(13) ĠU C 51 E, 22.02.2013, p.101.
(14) ĠU C 131 E, 8.05.2013, p. 9.
(15) Testi adottati, P7_TA(2013)0053.
(16) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 19.
(17) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 139.
(18) FRA ‘Migrants in an irregular situation: access to healthcare in 10 European Union Member States’, Ottubru 2011 - http://fra.europa.eu/en/publication/2012/migrants-irregular-situation-access-healthcare-10-european-union-member-states
(19) Eurofound (2012), Third European Quality of Life Survey - Quality of life in Europe: Impacts of the crisis, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu - http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1264.htm
(20) Eurofound (2012) Household debt advisory services in the European Union, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu (http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1189.htm ).
(21) Eurofound (2012), Living conditions of the Roma: Substandard housing and health, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu (http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2012/02/en/1/EF1202EN.pdf).
(22) Eurofound (2012) Active inclusion of young people with disabilities or health problems, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu (http://www.eurofound.europa.eu/areas/socialcohesion/illnessdisabilityyoung.htm).
(23) Ara per eżempju l-Artikolu 5 tad-Digriet Reali Spanjol Nru.16/2012, tal-20 ta' April 2012, li daħal fis-seħħ fit-28 ta' Diċembru 2012. Disponibbli fuq: http://noticias.juridicas.com/base_datos/Admin/rdl16-2012.html#a5.
(24) Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar tixjiħ b'saħħtu u b'dinjità, adottati fl-2980 Laqgħa tal-Kunsill dwar Impjieg, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur , Novembru 2009.
(25) Il-linji gwida FRA “Apprehension of migrants in an irregular situation – fundamental rights considerations” jipproponu prinċipji ewlenin għall-Istati Membri dwar prattiki ta' identifikazzjoni u rappurtar f'faċilitajiet mediċi u ħdejhom: http://fra.europa.eu/sites/default/files/document-on-apprehensions_1.pdf
(26) WeDO, proġett appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea (2010-2012), imexxi minn grupp ta’ tmexxija kompost minn 18-il organizzazzjoni f’12-il Stat Membru. L-interess komuni tal-organizzazzjonijiet sħab kollha kien u jibqa' li tittejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' anzjani fi bżonn ta' kura.
(27) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(28) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(29) COM (2008)0426.
(30) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.


TV Konness
PDF 256kWORD 96k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar it-TV Konness (“Connected TV”) (2012/2300(INI))
P7_TA(2013)0329A7-0212/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri annessi mat-Trattat ta’ Amsterdam li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti relatati,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta’ Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru)(2) kif emendata mid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 20093,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali)(3), kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess)(5) kif emendata mid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni)(6) kif emendata mid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(9), kif emendata mid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-istat għax-xandir tas-servizz pubbliku(10),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 98/560/KE tal-24 ta' Settembru 1998 dwar l-iżvilupp tal-kompetittività tal-industrija Ewropea tas-servizzi awdjoviżivi u ta' informazzjoni permezz tal-promozzjoni ta' oqfsa nazzjonali immirati lejn l-kisba ta' livelli komparabbli u effettiv ta' protezzjoni ta' minuri u tad-dinjità umana(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0212/2013),

A.  billi s-settijiet televiżivi kienu ġew żviluppati oriġinarjament biex jirċievu sinjali ta’ xandir lineari, billi fl-ambjent diġitali l-kontenut awdjoviżiv, minħabba l-kapaċità suġġestiva tiegħu, ntlaqa’ b’interess kbir min-naħa tal-pubbliku meta mqabbel ma’ servizzi tal-midja elettroniċi oħrajn u għalhekk dan għad għandu rwol prominenti fl-iffurmar tal-opinjoni individwali u pubblika;

B.  billi s-servizzi tal-midja awdjożiviżi, li huma servizzi kulturali daqs kemm huma servizzi ekonomiċi, huma ta’ importanza kbira għas-soċjetà u d-demokrazija bħala vetturi ta’ identitajiet, valuri u opinjonijiet u għalhekk jeħtieġu, f’dinja dejjem aktar konverġenti, regolazzjoni speċifika;

C.  billi l-konverġenza teknika tant mistennija tal-midja, partikolarment għax-xandir u l-internet, issa saret realtà, u billi l-politika Ewropea dwar il-midja, il-kultura u n-networks trid tadatta l-kwadru normattiv għall-kundizzjonijiet il-ġodda li nħolqu u tiżgura li jiġi stabbilit u nfurzat livell uniformi ta’ regolamentazzjoni, anki għall-operaturi ġodda tas-suq mill-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi;

D.  billi l-internet żviluppa b’mod mgħaġġel matul dawn l-aħħar 25 sena u billi t-tagħmir intelliġenti qed ibiddel id-drawwiet u l-mod ta’ kif wieħed jara t-televiżjoni;

E.  billi, filwaqt li l-użu ta’ tagħmir konness mal-internet qed jiżdied, is-servizzi tradizzjonali xorta għadhom popolari;

F.  billi s-servizzi awdjoviżivi lineari u mhux lineari u għadd numeruż ta' servizzi ta' komunikazzjoni oħra jistgħu diġà jintużaw fuq l-istess skrin, ikkombinati bla ebda xkiel u kkunsmati fl-istess ħin;

G.  billi minħabba s-sinifikat soċjali partikolari tas-servizzi lineari tat-televiżjoni u s-servizzi tal-midja, fil-ġejjieni xorta se jkun meħtieġ qafas regolatorju indipendenti għall-midja, peress li dan huwa l-uniku mod li jiġi kkunsidrat b’mod xieraq dan ir-rwol importanti u li tiġi żgurata d-diversità tal-opinjoni u l-midja fl-Istati Membri;

H.  billi l-miġja tat-TV Konness ittrasformat radikalment il-katina tradizzjonali tal-valur, u wasslet għall-ħtieġa li titfassal strateġija ġdida;

I.  billi filwaqt li l-iżviluppi teknoloġiċi jwasslu inevitabbilment għal awtonomija akbar, għalkemm dan jidher biss b’mod parzjali, u li għalhekk dejjem qed tikber il-ħtieġa tal-iżgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet esklussivi u tal-integrità tal-kontenut;

J.  billi qed jiżdiedu l-possibiltajiet ta’ tixrid ta’ offerti onlajn (interattivi) li japprofittaw mill-varjetà ta’ offerti televiżivi, u huwa kruċjali li jkun hemm kopertura broadband ta’ 100 % biex ikun hemm żieda fl-interess tal-konsumaturi f’sistemi ibridi li jirċievu;

K.  billi fid-dawl tal-konverġenza dejjem tikber tal-midja, il-kunċett ta’ 'TV konness' qed ikun interpretat b’mod dinamiku, teknoloġikament newtrali u wiesa’ biex ikopri t-tagħmir kollu, inkluż it-tagħmir mobbli, li jiffaċilita l-aċċess għall-kontenut lineari u nonlineari tal-midja, is-servizzi "over-the-top" u applikazzjonijiet oħra fl-istess tagħmir jew skrin, filwaqt li b’hekk jgħaqqdu flimkien id-dinja tax-xandir u d-dinja tal-internet;

L.  billi f’dinja ta’ midja konverġenti, l-operaturi, aktar milli jikkompetu għall-kapaċità ta’ trażmissjoni, qegħdin jikkompetu għall-attenzjoni tal-utenti u hekk kif jiżdied in-numru ta’ offerti, isir aktar diffiċli li jintlaħqu l-utenti u l-aċċess u l-kapaċità li jinstabu l-offerti, kif ukoll l-elenkar u r-rakkomandazzjoni tagħhom se jiddeterminaw is-suċċess tagħhom;

M.  billi d-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli stabbiliti mil-liġi u regoli amministrattivi fl-Istati Membri rigward il-provvista ta’ servizzi awdjoviżivi tal-midja (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) jibbażaw fuq il-prinċipju tan-newtralità tat-teknoloġija, s’issa ma jirreflettux il-fużjoni teknika kontinwa u b’mod partikolari, ir-regolamentazzjoni bi gradazzjoni, li tagħmel distinzjoni bejn il-programmi televiżivi (inklużi webcasting u live streaming) u s-servizzi awdjoviżivi tal-media on demand, tista’ ssir anqas importanti fil-forma eżistenti, għalkemm l-informazzjoni u s-servizzi tal-komunikazzjoni rregolati b’mod differenti huma disponibbli fuq l-istess tagħmir, inklużi s-servizzi li ma jaqgħux fl-ambitu tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, iżda tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku jew, fil-każ ta’ offerti extra-Ewropej, ma huma koperti minn ebda regolament tal-UE li jirregola l-midja, li jista’ joħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ugwali u diskrepanzi inaċċettabbli fil-protezzjoni tal-utenti kif ukoll joħloq dubji ġodda rigward l-aċċess, it-tip ta’ distribuzzjoni u l-aċċessibbiltà tal-kontenut, indipendentement mit-tip ta’ midja involuta;

N.  billi dawn il-fornituri ta’ servizzi ġodda se jikkompetu direttament ma’ atturi tradizzjonali fis-settur, fejn min-naħa jakkwistaw kontenut esklussiv anki fis-suq Ewropew u min-naħa l-oħra huma stess joffru servizzi ġodda;

O.  billi l-objettivi regolatorji tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva ‑ partikolarment dawk li tiġi ggarantita u promossa d-diversità tal-opinjoni u tal-midja, il-ħarsien tad-dinjità umana u t-tfal, u l-promozzjoni tal-aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità tas-smigħ jew problemi tal-viżjoni fost il-fornituri tas-servizzi tal-midja, u li tiġi salvagwardjata l-kompetizzjoni ġusta, kif ukoll ir-regolamentazzjoni tar-reklamar ibbażata fuq il-kwalità u l-kontenut ‑ fil-prinċipju jippreservaw l-importanza tagħhom għas-soċjetà u l-ġustifikazzjoni regolatorja tagħhom, iżda fl-istess ħin il-limiti tal-effikaċja u l-infurzar ta’ dawn id-dispożizzjonijiet protettivi qed jispikkaw dejjem aktar minħabba l-metodi ta’ użu li saru possibbli permezz ta’ sistemi ibridi li jirċievu;

P.  billi s-servizzi ta’ TV konness ta’ kwalità għolja jistgħu jiġu pprovduti biss jekk l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet joffru konnessjonijiet b’veloċità għolja biżżejjed bejn is-servers tax-xandir u l-abbonati;

Q.  billi l-firxa tal-possibilitajiet ġodda ta’ użu offruti mit-tagħmir ibridu iqajmu dubju dwar il-prinċipji fundamentali tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, bħall-obbligu ta’ distinzjoni bejn ir-reklamar u l-programmi, u r-regoli dwar il-waqfiet pubbliċitarji;

R.  billi l-fatt uniku u każwali li jeżistu diversi servizzi ma jwassalx awtomatikament għall-ilħuq tal-objettivi regolatorji u għalhekk għandu jiġi evalwat jekk huwiex se jibqa’ jkun hemm il-ħtieġa ta’ qafas regolatorju speċifiku għall-ilħuq tal-miri u jekk dan il-qafas jistax jimpedixxi mill-bidu nett żviluppi ħżiena eventwali;

S.  billi hekk kif it-TV konness isir aktar stabbilit, it-TV konvenzjonali u l-internet jistgħu eventwalment jingħaqdu, hekk kif it-telefonija ċellulari u l-internet ingħaqdu flimkien xi ftit snin ilu;

T.  billi għandu jkun inkoraġġit kwalunkwe mezz ta’ adattament tas-suq li jiffavorixxi l-kreazzjoni u l-innovazzjoni fl-Ewropa;

U.  billi l-iżvilupp ta’ sistemi ibridi li jikkombinaw it-TV u l-internet se jippermettu l-utenti jinnavigaw bla distinzjoni bejn l-istazzjonijiet televiżivi u s-servizzi tal-interent, inklużi l-websajts li joffru kontenut awdjoviżiv b'mod illegali;

V.  billi qed jirriżulta li n-newtralità tan-network mhijiex salvagwardjata biżżejjed bit-trasparenza l-kompetizzjoni;

W.  billi l-prinċipju tal-pajjiż li jxandar stabbilit fid-direttiva oriġinali, id-Direttiva dwar it-“televiżjoni mingħajr fruntieri”, jirrappreżenta l-ewwel pass għal-libertà tal-informazzjoni u l-iżvilupp ta’ suq komuni tas-servizzi, peress li l-Istati Membri impenjaw ruħhom għal standards minimi bbażati fuq il-kwalità u, bi skambju għal dan, introduċew il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini fil-forma tal-prinċipju tal-pajjiż li jxandar.

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa sa liema punt ikun meħtieġ li tiġi riveduta d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u rekwiżiti oħra stabbiliti fir-regolamenti tan-networks u tal-midja (e.ż. il-pakkett tat-telekomunikazzjonijiet) fir-rigward tar-regoli dwar il-kapaċità ta’ tisjib u l-aċċess non-diskriminatorju għall-pjattaformi, għall-fornituri tal-kontenut u għal min jiżviluppa l-kontenut kif ukoll għall-utenti, filwaqt li jiġi estiż il-kunċett ta’ pjattaformi, u sabiex l-istrumenti eżistenti jiġu adatti għall-kundizzjonijiet li nħolqu ġodda; billi b'dan għandu jiġi żgurat li l-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw mill-għażla u l-aċċess miżjuda għas-servizi ta’ midja awdjoviżiva u li l-fornituri tal-kontenut ikunu jistgħu jibbenefikaw minn aktar għażla fil-mod kif jiġi distribwit il-kontenut tagħhom, filwaqt li jżommu kuntatt mal-udjenza tagħhom;

2.  jikkunsidra li, fil-każ ta’ miżuri regolatorji għal operaturi ta’ pjattaformi, għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat aċċess nondiskriminatorju għall-pjattaformi biex jagħti l-permess lill-korpi tax-xandir u lil fornituri oħra, li spiss ikunu żgħar, jipparteċipaw fis-suq fuq bażi ugwali;

3.  jitlob lill-Kummissjoni timplementa l-kunċett ta’ servizzi tal-midja li ġie ddefinit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMD-RL) b’mod li l-ħtieġa ta’ dispożizzjonijiet regolatorji mill-Istati Membri tkun marbuta aktar mal-impatt soċjo-politiku potenzjali tas-servizzi u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak l-impatt, partikolarment mar-relevanza tagħhom għall-formazzjoni tal-opinjonijiet u għad-diversità, kif ukoll abbażi tar-responsabbiltà editorjali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tikkunsidra l-funzjoni differenti li għandhom is-servizzi tal-midja li huma suġġetti għal responsabbiltà editorjali u l-kontenut l-ieħor, tevalwa jekk għadux opportun u meħtieġ li jkun hemm regolazzjoni aktar stretta tal-pjattaformi televiżivi, jew jekk tkunx suffiċjenti projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest ta’ reviżjoni possibbli tad-Direttiva 2010/13/UE, jew kwalunkwe leġiżlazzjoni futura, tkompli l-isforzi tagħha biex tissalvagwardja l-libertà tal-istampa.

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tindika, abbażi tar-riżultati tal-proċedura ta’ konsultazzjoni tagħha "It-tħejjija għal Dinja Awdjoviżiva Konverġenti bis-Sħiħ: tkabbir, ħolqien u valuri", liema mekkaniżmi ta’ regolazzjoni għadhom meħtieġa u opportuni fil-kuntest tal-konverġenza u liema minnhom għandhom eventwalment jiġu sostitwiti biex jinħolqu kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni għall-fornituri kollha ta’ kontenut u servizzi, filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti minimi sussegwenti u jinżammu l-miri globali ta’ regolazzjoni attwali, sabiex jiżguraw kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri ta’ kontenut u biex jiżguraw lill-utenti l-akbar benefiċċji possibbli kif ukoll il-possibbiltà ta’ għażla ġusta, totalment trasparenti u bla diskriminazzjoni fost firxa wiesgħa ta’ offerti ta’ kwalità, fejn għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-fatt li jinżammu l-offerti b’xejn u dawk ta’ servizz għall-pubbliku;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, f’każ ta’ rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri kollha tal-kontenut;

8.  unterstreicht, dass die Entwicklungsstrategie dieser neuen Akteure einen Zuwachs im Angebot nach sich ziehen wird, das sich gleichzeitig aus auf herkömmlichen Fernsehkanälen verfügbaren Inhalten und dem Angebot, das im Internet dargeboten wird, zusammensetzt;

9.  Jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-riskju li l-poter ekonomiku u l-preżenza internazzjonali ta’ dawn l-atturi ġodda tas-suq jistgħu jgħawwġu dan l-ambjent kompetittiv ġdid għad-detriment ta’ plejers tradizzjonali Ewropej;

10.  Jenfasizza li għandu jiġi kkunsidrat qafas regolatorju progressiv għas-servizzi tal-midja, li mhuwiex ibbażat biss fuq id-distinzjoni bejn is-servizzi lineari u nonlineari iżda primarjament fuq l-impatt potenzjali ta’ diversi servizzi tal-midja u fuq ir-responsabilità editorjali għal tali servizzi tal-midja u li fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jingħataw marġni ta’ manuvrar adegwat biex huma stess jieħdu tali deċiżjonijiet;

11.  Jistaqsi jekk, fl-isfond ta' konverġenza teknoloġika dejjem tikber, id-dispożizzjonijiet stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuniet mill-Istat għas-servizz pubbliku tax-xandir, li jipprevedu proċeduri ta’ valutazzjoni u ta’ verifika kumplessi għas-servizzi awdjoviżivi offruti minn fornituri pubbliċi li jmorru lil hinn mill-iskop ta’ attivitajiet normali tax-xandir u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fuq pjattaformi ġodda għadhomx adegwati, partikolarment minħabba li qed isir dejjem aktar diffiċli għall-utenti li jgħidu jekk is-servizz ikkonċernat huwiex servizz ta’ xandir lineari konvenzjonali, servizz on-demand jew tip ieħor ta’ servizz awdjoviżiv;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lill-isfidi futuri tat-TV Konness, fir-rigward tal-kompetittività fis-settur, billi titħalla li jkun hemm aktar flessibilità fir-regoli kwantitattivi dwar ir-reklamar u sabiex jiġu enfasizzati l-vantaġġi u l-iżvantaġġi relevanti;

13.  Jenfasizza li, fl-interess ta’ ħarsien uniformi tal-konsumaturi fil-livell Ewropew, tat-tfal, taż-żgħażagħ u tal-minoranzi, għandhom jiġu rieżaminati r-restrizzjonijiet kwalitattivi imposti fuq is-servizzi tal-midja awdjoviżiva u għandhom jitfasslu f’livell għoli għall-mezzi kollha tax-xandir;

14.  Jitlob, f’din il-konnessjoni, li l-projbizzjoni tal-ksur tad-dinjità umana, il-projbizzjoni tal-inċitazzjoni tal-mibegħda, il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ aċċess ħieles minn barrieri jkunu japplikaw bl-istess mod għall-forom kollha ta’ kontenut tal-midja;

15.  Jistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk il-prinċipju tad-distinzjoni bejn ir-reklamar u l-kontenut tal-programm jistax jinżamm għat-tipi kollha ta’ midja jew jekk l-objettiv li tingħata protezzjoni jistax jiġi akkwistat aħjar billi r-reklamar u l-kontenut tal-programm ikunu rikonoxxibli b'mod ċar u li jistgħu jkunu distinti faċilment, fit-tipi kollha ta’ midja;

16.  Huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta’ projbizzjonijiet pubbliċitarji ġodda jew miżuri oħra li għandhom impatt fuq ir-reklamar bħala strument ta’ finanzjament, jew l-estensjoni tagħhom, għandhom ikunu evitati, sabiex mudelli kummerċjali ġodda jkunu jistgħu jintużaw ukoll fis-settur tat-TV diġitali;

17.  Jenfasizza li huwa vitali li s-settur pubbliku ma jiddipendix biss minn finanzjament mir-reklamar sabiex iżomm l-indipendenza tiegħu, u jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi maħsuba biex jipprovdu finanzjament għal tali settur;

18.  Jenfasizza li strateġiji pubbliċitarji ġodda li jużaw teknoloġiji ġodda biex iżidu l-effikaċja tagħhom (screenshots, profiling tal-konsumaturi, strateġiji multi-screen) iqajmu l-kwistjoni tal-ħarsien tal-konsumaturi, u tal-ħajjiet privati u d-dejta personali tagħhom; jenfasizza, b'kunsiderazzjoni ta' dan, li jeħtieġ li jitwaqqfu sett ta’ regoli konsistenti bil-għan li jiġu applikati dawn l-istrateġiji;

19.  Jinkoraġġixxi l-industrija awdjoviżiva Ewropea tkompli tiżviluppa servizzi koerenti u attraenti, speċjalment online, sabiex tiżdied l-offerta Ewropea ta’ kontenut awdjoviżiv;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk u kif jista’ jingħata status privileġġjat xieraq lill-fornituri ta’ kontenut, fir-rigward tat-traċċabilità fuq apparat tal-ewwel ġenerazzjoni ta' skrins, bħas-settijiet tat-televiżjoni li jikkonnettjaw mal-internet, li l-Istati Membri jagħtuhom kuntratt ta’ xandir pubbliku jew li jgħinu jippromwovu l-objettivi fl-interess pubbliku, bħal li jiżguraw il-pluraliżmu fil-midja u d-diversità kulturali, jew li jikkommettu ruħhom li jwettqu dmirijiet li jippreservaw il-kwalità u l-indipendenza tar-rappurtar u jippromwovu d-diversità tal-opinjonijiet;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, biex minbarra r-regoli ‘Must be found’, jikkunsidraw sa liema punt ir-riforma tar-regolazzjoni tal-midja lejn skemi ta’ inċentiva u ta’ ċertifikazzjoni u tisħiħ ta’ approċċi koregolatorji u awtoregolatorji, tista’ tippermetti li l-objettivi regolatorji msemmija qabel tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, partikolarment rigward il-ħarsien taż-żgħażagħ u tad-dinjità umana, jintlaħqu b’mod sostenibbli u fl-istess ħin tinżamm il-flessibbiltà meħtieġa għal kompetizzjoni ġusta fost il-fornituri tas-servizzi tal-midja; jenfasizza li kwalunkwe miżura koregolatorja u awtoregolatorja tista’ tissupplementa d-dispożizzjonijiet ġuridiċi u li l-konformità magħha għandha tiġi ssorveljata u l-valutazzjoni tal-effikaċja tagħha għandha ssir minn korp pubbliku indipendenti;

22.  Jirrakkomanda, għalhekk, sabiex jiġi evitat li jkun hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni, li l-istess regoli għandhom japplikaw għall-istess servizzi, irrispettivament mill-mezz ta' trażmissjoni;

23.  Huwa mħasseb ukoll, f’dan il-kuntest, biż-żieda fil-livell ta’ kompetizzjoni li tirriżulta mill-preżenza ta’ atturi internazzjonali li mhumiex suġġetti għar-regoli u l-obbligi Ewropej;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-pjattaformi jitħaddmu b’mod konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq u mal-interess ġenerali fl-ambitu ta' kompetizzjoni ġusta, u abbażi ta’ standards miftuħa u interoperabbli li jkunu konformi mad-domanda tal-konsumaturi, b'mod li jiġi evitat li fornitur wieħed jew aktar jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom;

25.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-iżvilupp ta' qafas regolatorju, il-modi kif jiġi rregolat it-TV konness u s-sistemi ta' referenza tal-kontenut;

26.  Jappella għal regolazzjoni tal-pjattaforma tat-TV konness li tiżgura aċċess u integrità għall-kontenut tax-xandara, trasparenza għall-konsumaturi u l-applikazzjoni ta' kodiċi ta' etika bażiku (pereżempju l-ħarsien tal-minorenni u tal-ħajja privata);

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri javvanzaw il-litteriżmu midjatiku taċ-ċittadini kollha tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' inizjattivi u azzjonijiet koordinati bil-għan li jżidu l-fehim tas-servizzi tal-midja lineari u nonlineari;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jittieħdu miżuri partikolarment min-naħa ta' manifatturi tat-tagħmir u fornituri tas-servizz, biex tittejjeb l-aċċessibilità għal servizzi tal-midja lineari u nonlineari għall-persuni anzjani u dawk b'diżabilità bħal dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ jew b'diffikultajiet ta' vista;

29.  Huwa tal-fehma li s-servizzi ta’ pjattaforma u s-servizzi ta’ portal għandhom ikunu interoperattivi sabiex jagħtu l-opportunità lil partijiet terzi, mingħajr diskriminazzjoni, li jipproduċu u jikkumerċjalizzaw l-applikazzjonijiet tagħhom stess, irrispettivament mill-mezz ta’ trażmissjoni;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura b’mod legalment vinkolanti li l-kontenut kollu bħala prinċipju jitqiegħed għad-dispożizzjoni f’netwerks u pjattaformi skont l-istess standard ta’ kwalità;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri legalment vinkolanti biex tiżgura li l-operaturi tan-netwerk b'mod sistematiku jittrattaw il-pakketti tad-data kollha ugwalment meta jgħadduhom mingħand l-emittenti għad-destinatarji, jiġifieri li huma ma jagħtux prijorità lil ċerti pakketti abbażi pereżempju tal-oriġini, il-kontenut, l-użu jew it-tariffa imposta fuq l-utenti, billi dan inkella jmur kontra l-għan li jkun żgurat aċċess universali u ġust għas-servizzi, kontra r-regoli dwar il-ħarsien tad-data, il-projbizzjoni fuq il-manipulazzjoni tad-data, il-priniċipju tal-integrità tal-kontenut u l-għan li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ġusti għall-kompetizzjoni;

32.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-effetti tad-disparitajiet bejn is-sistemi tal-VAT fil-livell Ewropewli se jiġu enfasizzati aktar bil-miġja tat-TV konness, ;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tiżgura n-newtralità tal-internet;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tissalvagwardja bil-liġi l-integrità tas-servizzi lineari u nonlineari fuq pjattaformi ibridi u partikolarment tipprojbixxi s-sovrapożizzjoni jew l-amplifikazzjoni ta’ dawn is-servizzi minn fornituri tal-pjattaformi jew partijiet terzi b’kontenut jew servizzi oħra, sakemm dawn tal-aħħar ma jkunux inbdew b’mod espliċitu mill-utent u, fil-każ ta' kontenut li mhuwiex kopert mid-definizzjoni ta' komunikazzjoni individwali, ikunu ġew awtorizzati mill-fornitur tal-kontenut; jinnota li l-interferenza mhux awtorizzata minn partijiet terzi fil-kontenut jew is-sinjali tax-xandir ta’ fornitur u d-deċifrar, l-użu jew it-tixrid mhux awtorizzat tagħhom għandhom jiġu evitati bl-istess mod;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri sabiex jiġi kkunsidrat ir-riskju li fuq il-portali u l-magni ta' tiftix ikun hemm referenza għal siti mhux awtorizzati;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-livell ta' ħarsien fir-rigward tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva stabbiliti permezz ta' rekwiżiti regolatorji speċjali tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva ma jiddgħajjifx minn forniment mhux awtorizzat ta' aċċess għal pjattaformi oħrajn;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-tnedija ta' applikazzjonijiet ma tkunx awtomatika hekk kif ikun hemm aċċess għal portal, iżda li għandha tkun f'idejn l-utent, li r-ritorn lejn servizz li ntuża qabel għandu dejjem ikun sempliċi u jirrikjedi biss għafsa ta' buttuna (pereżempju l-funzjoni tal-buttuna l-ħamra), li għandu jkun ċar għall-utenti, u li meta applikazzjoni tintemm, is-servizz li jkun intuża qabel għandu jidher mill-ġdid fi kwalità awdjoviżiva sħiħa;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fornitur tal-kontenut jista' jieħu azzjoni legali kontra tali applikazzjonijiet fuq pjattaformi ibridi li jippermettu jew iħeġġu t-tixrid mhux awtorizzat ta' kontenut li sar disponibbli mill-fornitur tal-kontenut;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni, fejn xieraq għal raġunijiet ta' drittijiet tal-awtur, taħdem għall-istabbiliment ta' sistemi sempliċi li jikklerjaw id-drittijiet, li jippermettu li s-servizzi nonlineari li jsiru disponibbli minn fornituri tas-servizzi tal-midja jidhru mingħajr tibdil u bis-sħiħ fuq pjattaformi terzi;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-użu anonimu tat-TV u tas-servizzi onlajn permezz ta’ tagħmir li jirċievi ibridu li jinbigħu jew jiġu impurtati fl-UE jkun iggarantit fil-prinċipju u li jkun konformi bis-sħiħ mar-regoli tal-UE dwar il-privatezza u l-ħarsien tad-data;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni teskludi s-servizzi tal-midja awdjoviżiva mill-miżuri ta’ liberalizzazzjoni nnegozjati bħala parti minn ftehimiet ta’ kummerċ internazzjonali, fid-dawl tan-natura duwali tagħhom u s-sinifikat tagħhom għas-soċjetà u, fl-istess waqt, tiżgura li l-kunċett ta’ ‘servizz tal-midja awdjoviżiva’ ikun żviluppat sabiex jirrifletti l-proċess kontinwu tad-diġitilizzazzjoni u l-konverġenza tal-midja;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-servizzi tat-TV ibridu futuri jikkonformaw ukoll mal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-ħarsien tat-tfal, dwar il-projbizzjoni ta’ ċerti tipi ta’ reklamar għal raġunijiet ta’ saħħa, dwar il-projbizzjoni tat-tixwix għall-mibgħeda abbażi tar-razza, dwar is-separazzjoni bejn l-aħbarijiet u messaġġi ta’ reklamar, dwar it-trasparenza tas-sjieda, il-privatezza, eċċ, billi dawn huma regoli li saru parti mill-acquis komunitarju u li ma jistgħux jiġu evitati bl-iskuża tal-iżviluppi teknoloġiċi; jappella, b’mod partikolari, sabiex il-fornituri tas-servizzi u l-fornituri ta’ tagħmir ta’ TV ibridu minn barra l-UE jkunu infurmati li l-liġi applikabbli hija dik tal-pajjiż fejn jiġi pprovdut is-servizz u mhux dik fejn il-fornituri għandhom l-uffiċċju rregistrat tagħhom;

43.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex fin-negozjati tal-qafas finanzjarju pluriennali, jikkunsidraw mill-ġdid it-tnaqqis fil-finanzjament, miċ-ċifra proposta oriġinarjament ta’ EUR 9.2 biljun għal EUR 1 biljun, għad-Direttorat Ġenerali għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija (DĠ Connect, CNECT) sabiex jiġi kopert l-iżvilupp ulterjuri tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-attenzjoni dovuta lil kwistjonijiet importanti dwar il-ħarsien tal-udjenza bħal pereżempju l-ħarsien tal-minorenni, u jemmen li Gwidi għall-Programm Elettroniċi jistgħu jkunu pjattaforma possibbli fejn jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet;

45.  Jiddispjaċih għall-fatt li għad hemm żoni vasti tal-Ewropa b’infrastruttura tal-internet limitata, u jfakkar lill-Kummissjoni li, sabiex joħroġ il-potenzjal tat-TV Konness huwa essenzjali għall-konsumaturi li jkollhom aċċess għal internet b'veloċità għolja;

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(2) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.
(3) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.
(4) ĠU L 337, 18.12.2009, p.11
(5) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.
(6) ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.
(7) ĠU L 204, 21.7.1998, p.37.
(8) ĠU L 178, 17.7.2000, p.1.
(9) ĠU L 201, 31.7.2002, p.37.
(10) ĠU C 257, 27.10.2009, p. 1.
(11) ĠU L 270, 7.10.1998, p. 48.
(12) ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 24.


Abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2013 - Nefqa marbuta mal-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE
PDF 214kWORD 46k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2013 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima III – Il-Kummissjoni (11607/2013 – C7-0199/2013 – 2013/2054(BUD))
P7_TA(2013)0330A7-0246/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, adottat b'mod definittiv fl-12 ta' Diċembru 2012(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod(3) (minn hawn ’il quddiem “FII tas-17 ta' Mejju 2006”), u b’mod partikolari l-punt 29 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali, biex iqisu l-ħtiġijiet ta’ nfiq li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0157),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2013 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, adottat mill-Kummissjoni fit-18 ta’ Marzu 2013 (COM(2013)0156),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2013 adottata mill-Kunsill fl-26 ta' Ġunju 2013 (11607/2013 – C7-0199/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 75(b) u (e) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0246/2013),

A.  billi l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2013 għandu l-għan li jinkorpora fil-baġit 2013 l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament meħtieġa biex ikopru n-nefqa marbuta mal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni sa mill-1 ta’ Lulju 2013;

B.  billi fl-istess ħin, il-Kummissjoni, bi qbil mal-Punt 29 tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006, ressqet proposta għall-aġġustament tal-qafas finanzjarju pluriennali biex takkomoda dawn il-bidliet;

C.  billi ż-żieda proposta ta’ EUR 655,1 miljun f’impenji u ta’ EUR 374 miljun f’pagamenti tirrifletti l-qbil dwar il-pakkett finanzjarju fil-Konferenza ta’ Adeżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2011, għajr l-intestatura 5, peress li n-nefqa amministrattiva marbuta mal-adeżjoni tal-Kroazja hija diġà inkluża fil-baġit tal-2013;

1.  Jieħu nota tal-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2013 kif ippreżentat mill-Kummissjoni u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwaru;

2.  Jenfasizza n-natura purament teknika ta’ dan il-baġit emendatorju li huwa sempliċement il-konsegwenza ta’ ftehim unanimu dwar it-Trattat li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea bħala t-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li dan il-baġit emendatorju nżamm separat mid-dibattitu politiku interistituzzjonali li għaddej bħalissa dwar kif għandha tiġi solvuta l-kwistjoni ta’ pagamenti pendenti mill-2012 u min-negozjati dwar l-Abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 2/2013;

3.  Ifakkar li, skont il-punt 29 tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006, ir-riżorsi li jiffinanzjaw dan il-baġit emendatorju għandhom jiġu koperti permezz ta’ aġġustament tal-qafas finanzjarju, jiġifieri reviżjoni tal-limiti massimi għall-2013 f’impenji u pagamenti;

4.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-perjodu ta’ tmien ġimgħat previst mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex il-parlamenti nazzjonali jiġu nfurmati dwar kull abbozz ta’ att leġiżlattiv ma għandux japplika għal kwistjonijiet baġitarji; jiddispjaċih, għalhekk, li minkejja t-terminu ta’ żmien ristrett ħafna għad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-baġit emendatorju, il-Kunsill xorta waħda ħalla dan il-perjodu jiskadi qabel ma adotta l-pożizzjoni tiegħu, u b’hekk naqqas iż-żmien għall-adozzjoni mill-Parlament kif provdut mit-Trattat;

5.  Jiddispaċih ukoll għad-diffikoltà li biha, saħansitra wara li skada t-terminu ta’ tmien ġimgħat, il-Kunsill laħaq qbil dwar dan il-baġit emendatorju, liema fatt wassal għal dewmien fid-disponibbiltà tal-finanzjament għall-Kroazja dovut sa mill-1 ta’ Lulju 2013; iwissi li dan ma jridx isir preċedent għal adeżjonijiet ulterjuri;

6.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill eventwalment seta' jaqbel mar-reviżjoni, mingħajr ebda kumpens, tal-limiti tal-pagamenti għall-2013 bl-ammont meħtieġ ta' EUR 374 miljun; iqis li, meta wieħed jikkunsidra l-ammont limitat ikkonċernat u n-nuqqas attwali ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-baġit 2013, dan huwa l-mod xieraq kif jiġi ssodisfat l-obbligu li ħadu l-Istati Membri huma u jiffirmaw it-Trattat ta’ Adeżjoni u kif jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tal-punt 29 tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006;

7.  Jiddeplora, madankollu, il-fatt li, fir-rigward tar-reviżjoni fl-impenji, il-Kunsill iddeċieda li ma jagħtix kas l-importanza politika tal-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni bħala tali, u minflok għażel li l-approprjazzjonijiet meħtieġa jiġu kkumpensati; jqis li dik il-pożizzjoni tikkontradixxi l-ispirtu tad-deċiżjoni unanima meħuda bl-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni kif ukoll tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006; jenfasizza li dik id-deċiżjoni tibgħat messaġġ politiku żbaljat mhux biss lill-Kroazja iżda wkoll lill-pajjiżi kandidati l-oħrajn; jenfasizza li dik id-deċiżjoni hija aċċettata biss għax tikkonċerna l-aħħar sitt xhur tal-QFP attwali (2007-2013); jinnota li dan m'għandux jikkostitwixxi preċedent għat-tkabbir futur li jista' jseħħ taħt il-QFP li jmiss (2014-2020);

8.  Jiddispjaċih li l-intestatura 5 ġiet identifikata bħala s-sors ewlieni għall-kumpens tal-impenji, peress li dan jaf iwassal għan-nuqqas ta’ riżorsi neċessarji biex ikopru l-aġġustamenti tas-salarji kkontestati fil-każ li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tingħata fl-2013;

9.  Madankollu, minħabba l-importanza politika u l-urġenza ġuridika li jiġi żgurat il-finanzjament neċessarju tal-Kroazja, jiddeċiedi li japprova, mingħajr emendi, il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta’ baġit emendatorju Nru 1/2013;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 1/2013 ġie adottat b’mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 66, 8.3.2013.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali, biex jitqiesu l-ħtiġijiet ta' nfiq li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
PDF 302kWORD 49k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali, biex iqisu l-ħtiġijiet ta’ nfiq li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (COM(2013)0157 – C7-0074/2013 – 2013/2055(ACI))
P7_TA(2013)0331A7-0247/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0157),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod (1) (FII tas-17 ta' Mejju 2006), u b'mod partikulari l-punt 29 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, kif adottat fit-12 ta’ Diċembru 2012(2),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2013 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, li l-Kummissjoni adottat fit-18 ta' Marzu 2013 (COM(2013)0156),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 1/2013, li l-Kunsill adotta fis-26 ta' Ġunju 2013 (11607/2013 – C7-0199/2013),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0247/2013),

A.  billi l-Kummissjoni, f’konformità mal-punt 29 tal-FII tas-17 ta’ Mejju 2006, b’mod parallel mal-baġit emendatorju Nru 1/2013, ressqet proposta lill-awtorità baġitarja li għandha l-għan li taġġusta l-qafas finanzjarju pluriennali sabiex fil-baġit 2013 jiġu inkorporati l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament meħieġa biex ikopru n-nefqa marbuta mal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni sa mill-1 ta' Lulju 2013,

B.  billi ż-żieda proposta ta’ EUR 666 miljun f’impenji u EUR 374 miljun f’pagamenti tirrifletti l-qbil dwar il-pakkett finanzjarju fil-Konferenza tal-Adeżjoni tat-30 ta' Ġunju 2011, għajr l-intestatura 5, peress li n-nefqa amministrattiva marbuta mal-adeżjoni tal-Kroazja hija diġà inkluża fil-baġit 2013,

1.  Jieħu nota tal-proposta għal deċiżjoni li temenda l-FII tas-17 ta’ Mejju 2006 kif imressqa mill-Kummissjoni, u tal-pożizzjoni tal-Kunsill dwar din il-proposta;

2.  Jenfasizza n-natura purament teknika ta’ din ir-reviżjoni, li sempliċement hija l-konsegwenza tal-ftehim unanimu dwar it-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (it-Trattat tal-Adeżjoni) bħala t-28 Stat Membru tal-Unjoni; jenfasizza li minħabba f'hekk ir-reviżjoni tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006 li jakkumpanja l-baġit emendatorju Nru 1/2013 inżammet separata mid-dibattitu politiku interistituzzjonali li għaddej bħalissa dwar kif għandha tkun solvuta l-kwistjoni tal-pagamenti pendenti mill-2012 u min-negozjati dwar il-baġit emendatorju Nru 2/2013;

3.  Ifakkar li, skont il-punt 29 tal-FII tas-17 ta’ Mejju 2006, ir-riżorsi li jiffinanzjaw l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid mal-Unjoni għandhom jiġu koperti permezz ta’ aġġustament tal-qafas finanzjarju, jiġifieri reviżjoni tal-limiti massimi tal-impenji u l-pagamenti għall-2013;

4.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-perjodu ta’ tmien ġimgħat stipulat fl-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 1) dwar ir-Rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea biex il-parlamenti nazzjonali jiġu infurmati dwar kull att leġiżlattiv ma għandux japplika għal kwistjonijiet baġitarji; jiddispjaċih, għalhekk, li minkejja t-terminu ta’ żmien ristrett ħafna għad-dħul fis-seħħ ta' dan l-aġġustament u tal-baġit emendatorju Nru 1/2013il-Kunsill xorta waħda ħalla dan il-perjodu jiskadi qabel ma adotta l-pożizzjoni tiegħu, u b’hekk naqqas iż-żmien għall-adozzjoni mill-Parlament kif provdut mit-Trattat;

5.  Jiddispaċih ukoll għad-diffikoltà li biha, saħansitra wara li skada t-terminu ta’ tmien ġimgħat, il-Kunsill laħaq qbil dwar din ir-reviżjoni, liema fatt wassal għal dewmien fid-disponibbiltà tal-finanzjament għall-Kroazja dovut sa mill-1 ta’ Lulju 2013; iwissi li dan jeħtieġ ma joħloqx preċedent għal tkabbir futur;

6.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill seta´ eventwalment jaqbel mar-reviżjoni, mingħajr ebda kumpens, tal-limiti tal-pagamenti għall-2013 bl-ammont meħtieġ ta' EUR 374 miljun; iqis li, meta wieħed jikkunsidra l-ammont limitat ikkonċernat u n-nuqqas attwali ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-baġit 2013, dan huwa l-mod xieraq kif jiġi ssodisfat l-obbligu li ħadu l-Istati Membri huma u jiffirmaw it-Trattat ta’ Adeżjoni u kif jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet tal-punt 29 tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006;

7.  Jiddeplora, madankollu, il-fatt li, fir-rigward tar-reviżjoni fl-impenji, il-Kunsill iddeċieda li ma jagħtix kas l-importanza politika tal-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni bħala tali, u minflok għażel li jikkumpensa l-approprjazzjonijiet meħtieġa; jikkonsidra l-fatt li dik il-pożizzjoni tikkontradixxi l-ispirtu tad-deċiżjoni unanima meħuda bl-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni kif ukoll tal-FII tas-17 ta' Mejju 2006; jenfasizza li tali deċiżjoni tibgħat messaġġ politiku żbaljat mhux biss lill-Kroazja iżda wkoll lill-pajjiżi kandidati l-oħrajn; jenfasizza li dik id-deċiżjoni hija aċċettata biss għaliex tikkonċerna l-aħħar sitt xhur tal-QFP attwali (2007-2013); jindika li dan m'għandux jikkostitwixxi preċedent għal tkabbir futur li jista' jseħħ taħt il-QFP li jmiss (2014-2020);

8.  Jiddispjaċih li l-intestatura 5 ġiet identifikata bħala s-sors ewlieni għall-kumpens tal-impenji, peress li dan jaf iwassal għan-nuqqas ta’ riżorsi neċessarji biex ikopru l-aġġustamenti tas-salarji kkontestati fil-każ li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tasal qabel tmiem l-2013;

9.  Madankollu, minkejja l-importanza politika u l-urġenza ġuridika biex ikun żgurat il-finanzjament meħtieġ għall-Kroazja, jiddeċiedi li japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni hekk kif emendata mill-Kunsill;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, inklużi l-annessi, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda l-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja fis-sod fir-rigward tal-qafas finanzjarju pluriennali, biex iqisu l-ħtiġijiet ta’ nfiq li jirriżultaw mill-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2013/419/UE.)

(1) ĠU C 139, 14.6.2006, p.1.
(2) ĠU L 66, 8.3.2013.


Tħejjija tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2014
PDF 356kWORD 116k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-prijoritajiet tal-Parlament Ewropew għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni 2014 (2013/2679(RSP))
P7_TA(2013)0332RC-B7-0315/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2013 (COM(2012)0629),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropa 2020,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta’ Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-aħħar Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni(1), b'mod partikolari l-Anness IV tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 35(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi twila mhix se tingħeleb mingħajr approfondiment akbar tal-integrazzjoni Ewropea, u l-kriżijiet finanzjarji, ekonomiċi u tad-dejn enfasizzaw il-ħtieġa għal kontroll demokratiku u responsabbiltà msaħħa;

B.  billi l-Kummissjoni għandha tressaq miżuri biex iżżomm u ssaħħaħ il-mudelli soċjali tal-ekonomija tas-suq Ewropej, bl-għan li ssewwi l-ħsara li saret mir-riċessjoni twila u tirkupra tkabbir tal-impjiegi u sostenibbli sħiħ;

C.  billi l-fraġilità tas-sistema bankarja, id-dejn kontinwu u l-problemi tad-defiċit li jaffaċċjaw l-Istati Membri, it-telf tal-kompetittività Ewropea fl-ekonomija globali, ir-rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u t-tbatija soċjali li tirriżulta mit-tnaqqis ekonomiku jippreżentaw sfidi mingħajr preċedent għall-UE;

D.  billi l-għażliet baġitarji fil-livell tal-Unjoni għandhom jissodisfaw il-prijoritajiet politiċi tal-UE, mhux biss fir-rigward tal-ammont iżda wkoll fir-rigward ta’ flessibilità u bilanċ;

E.  billi l-Kummissjoni għandha r-rwol li tippromwovi l-interess ġenerali tal-UE, tieħu inizjattivi adegwati għal dan il-għan, tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati, tissorvelja l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, teżerċita l-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni, eżekuttivi u ta’ ġestjoni, u tniedi l-leġiżlazzjoni,

F.  billi fi tmiem il-mandat elettorali attwali, il-proċeduri kollha li għadhom għaddejjin jintemmu sakemm il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ma jagħmlux talba motivata biex punti speċifiċi li għamlu progress sinifikanti fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja jitkomplew mill-Parlament elett ġdid,

L-EWWEL PARTI

1.  Jitlob għal proċess demokratiku aktar profond fil-qasam tal-governanza ekonomika, li jinvolvi lill-Parlament Ewropew aktar mill-qrib, li se jikkontribwixxi għat-titjib tal-fiduċja taċ-ċittadini fil-ġestjoni tal-kriżi mill-UE; iqis, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni Ewropea għandha tissodisfa r-rwol tagħha stipulat fit-Trattat, li mhuwiex kompatibbli mad-delegazzjoni ta’ rwol tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-governanza ekonomika tal-UE lil korpi mhux responsabbli; huwa mħasseb b’mod partikolari dwar it-titjib tar-responsabbiltà tal-Kummissjoni meta taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala membru tat-Trojka;

2.  Iqis li, wara l-konklużjoni tan-negozjati politiċi dwar il-QFP 2014-2020, il-Kummissjoni għandha tiżgura bħala kwistjoni ta’ urġenza l-funzjonament mingħajr xkiel tal-qafas finanzjarju l-ġdid, inklużi r-regoli l-ġodda dwar il-flessibilità miftiehma fil-qafas ta’ dawn in-negozjati; jistenna li l-Kummissjoni l-ġdida fil-mument tal-investitura tagħha se tagħmel impenn formali għat-twettiq tar-reviżjoni tal-QFP sal-aħħar tal-2016, li se jippermetti wkoll lill-Parlament il-ġdid jerġa' jevalwa l-prijoritajiet tal-UE;

3.  Jinsab partikolarment imħasseb minħabba s-sitwazzjoni tal-pagamenti fl-2014 u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq baġits emendati matul is-sena, kull meta jkun hemm il-ħtieġa;

4.  Jenfasizza l-importanza li huwa jagħti lill-kwistjoni tar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Grupp ta’ livell għoli dwar ir-riżorsi proprji jiltaqa’ u jibda jaħdem malajr kemm jista’ jkun, sabiex jiżgura li l-ewwel sett ta’ riżultati jkun disponibbli sal-aħħar tal-2014, kif provdut fid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Riżorsi Proprji miftiehma bħala parti mill-ftehim QFP;

5.  Ifakkar li l-baġit tal-UE jeħtieġ li jirrifletti l-politiki ta' prijorità tal-UE; jenfasizza li l-baġit tal-UE hu baġit ta' investiment b'effett ta' lieva qawwi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddefendi l-baġit tal-UE biex tagħti spinta lill-investiment strateġiku permezz tal-valur miżjud Ewropew u sabiex l-ekonomija Ewropea terġa’ taqbad it-triq it-tajba;

6.  Jemmen li l-impjiegi huma l-ogħla prijorità u li għandhom jintużaw l-imposti disponibbli kollha fil-livell Ewropew biex jippreservaw l-impjiegi eżistenti u joħolqu impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ fl-oqsma tas-servizzi, l-industrija u l-ekonomija diġitali; jemmen, għalhekk, li l-investimenti biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE se jkollhom rwol ewlieni s-sena d-dieħla u fis-snin li ġejjin;

7.  Jilqa’ l-impenn tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta’ Ġunju 2013 għat-tlestija tal-bini ta’ Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina, li tinvolvi l-elementi kollha tal-Unjoni Bankarja, koordinament aktar effettiv tal-politiki ekonomiċi, l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ solidarjetà finanzjarja u t-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas fir-rigward ta' progress aktar rapidu; jistieden lill-Kummissjoni tressaq komunikazzjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-UEM;

8.  Jinsisti dwar it-tlestija bikrija tal-leġiżlazzjoni kollha meħtieġa biex jidħol fis-seħħ mekkaniżmu superviżorju msejjes fuq il-Bank Ċentrali Ewropew;

9.  Jappoġġa l-istrateġija għat-tkabbir Ewropa 2020, li l-objettiv tagħha hu li tistabbilixxi l-qafas politiku tajjeb għall-inkoraġġiment tal-intraprenditorija, il-ħolqien tal-impjiegi, iż-żieda tal-istandards tal-għajxien u l-iżvilupp ta’ ekonomija sostenibbli;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb l-ambjent makroekonomiku għall-industrija, filwaqt li jitjieb l-aċċess għall-kapital, tiġi provduta infrastruttura aħjar, jiġu protetti d-drittijiet tal-proprjetà u appoġġati l-SMEs b’mod partikolari, sabiex tiżdied il-kompetittività tagħhom u l-aċċess tagħhom għal swieq ġodda;

11.  Jitlob li tittieħed azzjoni biex jitlesta l-programm ta’ ħidma attwali tal-Kummissjoni, qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu, partikolarment fir-rigward tas-suq uniku tas-servizzi, l-aġenda diġitali, is-suq intern tal-enerġija u l-estensjoni ta’ ftehimiet ta’ kummerċ globali profond, ħieles u ġust;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintensifika u ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE, iħeġġiġha tressaq proposta dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju ta’ Prosekutur Pubbliku Ewropew u tlesti r-riforma li ġiet posposta tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi;

13.  Jipproponi li jinvolvi ruħu f’negozjati intensivi mal-Kunsill u l-Kummissjoni qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu biex ilesti kemm jista’ jkun dossiers possibbli, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ il-proċeduri leġiżlattivi kif stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona; itenni li ma jistax jaċċetta aktar elementi intergovernattivi relatati mal-UEM;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu nota b’mod xieraq tal-pożizzjonijiet speċifiċi għas-setturi tal-Parlament kif stipulati fit-Tieni Parti ta’ din ir-riżoluzzjoni;

IT-TIENI PARTI

Implimentazzjoni

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb il-koerenza tal-programm leġiżlattiv tagħha, tgħolli l-kwalità tal-abbozzi leġiżlattivi tagħha, issaħħaħ il-valutazzjoni tal-impatt tal-abbozz tal-liġijiet, tipproponi fejn xieraq l-użu ta' tabelli ta' korrelazzjoni bl-għan li ttejjeb it-traspożizzjoni tal-liġi tal-UE, u tappoġġa lill-Parlament fin-negozjati tiegħu mal-Kunsill dwar l-użu ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni, li għandhom riskju li jimblukkaw b'mod sinifikanti l-proċess leġiżlattiv;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' ġestjoni nazzjonali xierqa, iffirmati fil-livell politiku xieraq, li jkopru l-fondi tal-UE taħt ġestjoni kondiviża; jenfasizza l-ħtieġa li jinżamm skrutinju strett u kredibbli permezz ta’ kontrolli mill-qrib tal-finanzjament u li jitwettaq monitoraġġ tal-kosteffettività tal-finanzjament u l-amministrazzjoni tal-UE, biex b'hekk ikun żgurat valur għoli għall-prezz tal-azzjoni tal-UE, iżda jkun żgurat ukoll li d-dħul jinġabar skont ir-regoli applikabbli;

17.  Jemmen li l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE għandha tittejjeb u tiġi modernizzata sabiex issir aktar effikaċi u tippermetti skrutinju demokratiku aktar profond tas-setgħat eżekuttivi fil-livell tal-UE; jinnota li l-Ftehim Interistituzzjonali 2010 jeħtieġ li jiġi rivedut; jitlob koordinazzjoni aħjar mal-Kunsill, b’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona; jenfasizza li l-metodu Komunitarju, li jippermetti dibattiti pubbliċi permezz tal-involviment demokratiku tal-Parlament, dejjem għandu jkun ippreferut; jemmen, madankollu, li leġiżlazzjoni kumplessa, speċjalment fil-qasam tas-servizzi finanzjarji, tiggarantixxi dibattitu pubbliku u parlamentari suffiċjenti;

18.  Jiddispjaċih li, minkejja l-wegħdiet suċċessivi magħmula mill-Kummissjoni, diversi għanijiet imħabbra ma seħħewx fir-realtà, kemm f'termini kwantitattivi u kemm kwalitattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha maż-żewġ koleġiżlaturi fi djalogu intensiv dwar it-tressiq u l-adozzjoni tal-proposti leġiżlattivi mħabbra li fadal;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita t-tlestija rapida tat-trilogu dwar l-istatut dwar il-partiti politiċi f’livell Ewropew qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

Is-Suq Uniku

20.  Ifakkar fir-rwol ewlieni li jaqdi s-suq uniku bħala mutur għall-integrazzjoni tal-UE, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u bħala pilastru tal-ekonomija reali tal-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiffoka fuq il-Governanza tas-Suq Uniku sabiex tissemplifika l-adozzjoni u l-infurzar tal-prijoritajiet leġiżlattivi u ta' politika u tiżviluppa valutazzjoni regolari tal-integrazzjoni tas-suq uniku – abbażi ta' rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku li jakkumpanja l-istħarriġ tat-tkabbir annwali (AGSs) u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiż – fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiffoka fuq it-titjib tal-governanza tas-suq uniku, iġġedded l-impetu tagħha biex tikseb simplifikazzjoni amministrattiva, tagħti importanza dovuta lill-kunsiderazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri proposti, u tissorvelja l-progress fid-dawl tal-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis tas-suq uniku, speċjalment fis-settur tas-servizzi,

22.  Jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-Att dwar is-Suq Uniku II għal azzjonijiet ta' prijorità sabiex jagħtu spinta lit-tkabbir, l-impjiegi u l-fiduċja fis-suq uniku;

23.  Iħeġġeġ l-applikazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jitlob lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri fil-promozzjoni ta’ aċċess għas-suq uniku għas-servizzi; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi prattiki restrittivi fis-seħħ, bħal ma hu t-'test tal-ħtiġijiet ekonomiċi';

24.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ b'attenzjoni u bir-reqqa tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-Aġenda dwar il-Konsumatur, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-fiduċja fis-suq uniku; jitlob lill-Kummissjoni biex, minħabba li l-fiduċja u l-kunfidenza tal-konsumatur huma l-bażi ta' suq uniku li jiffunzjona sew, issegwi b'mod attiv, flimkien mal-Istati Membri, l-implimentazzjoni veloċi tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur, id-Direttiva ta’ Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u r-Regolament dwar is-Soluzzjoni Online għat-Tilwim, u li tirrevedi l-funzjonament tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali;

25.  Jilqa’ r-Regolament il-ġdid dwar is-Sigurtà tal-Prodotti għall-Konsumatur, li jiggarantixxi s-saħħa u s-sigurtà għall-konsumaturi iżda jiffaċilita wkoll il-kummerċ ta' oġġetti, speċjalment għall-SMEs;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta Kodiċi Doganali Modernizzat billi tiżviluppa b'mod sħiħ prattiki tad-dwana elettroniċi armonizzati;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun iktar sistematika fil-valutazzjoni tal-impatt tal-proposti tagħha dwar l-SMEs, li l-Ewropa tiddependi fuqhom għal ħafna impjiegi ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiskoraġġixxi b'mod attiv ir-regolamentazzjoni żejda (‘gold-plating’) fil-leġiżlazzjoni tal-UE fil-livell nazzjonali, ħaġa li tfixkel il-kundizzjonijiet kompetittivi ugwali fis-suq uniku;

28.  Jenfasizza l-importanza li jittieħdu miżuri biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ u timplimenta l-miżuri previsti fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Intraprenditorija u tħaffef l-adozzjoni ta' inizjattiva għal intraprenditorija ; jitlob li titnieda ‘SME Window’ fil-faċilità ta' finanzjament taħt il-Programmi COSME u Orizzont 2020 tal-ġejjieni, li tkun tinvolvi lill-FEI u lill-BEI, b'mod li tiffaċilita l-investimenti minn fondi pubbliċi u privati f'attivitajiet kummerċjali ġodda innovattivi u sostenibbli, inklużi SMEs orjentati lejn it-tkabbir;

29.  Jitlob li l-Kummissjoni tinforza l-ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet biex iwettqu l-impenji ta’ tiswir ta’ liġijiet aħjar, inklużi l-Istati Membri, li kollha għandhom ikunu inkoraġġiti mill-Kummissjoni biex iwettqu t-testijiet tagħhom stess tal-SMEs u tas-suq uniku; f'dan ir-rigward, jinnota li l-Kunsill għandu jwaqqaf l-unità tal-valutazzjoni tal-impatt tiegħu biex jipproduċi valutazzjonijiet tal-impatt fuq l-emendi tiegħu; jenfasizza l-importanza ta' kontrolli ta' adegwatezza fl-aġenda ta' Regolamentazzjoni aħjar;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-interessi tal-SMEs u l-intrapriżi mikro billi jiġi żgurat aċċess eħfef għas-suq uniku fl-Ewropa; jilqa’ l-passi li diġà ħadet il-Kummissjoni biex tnaqqas il-piżijiet regolatorji fuq l-SMEs u l-mikrointrapriżi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-governanza aħjar tas-suq uniku, abbażi ta’ rapport ta’ inizjattiva leġiżlattiva dwarha, fid-dawl tal-kontribut ewlieni li s-suq uniku jista’ jkollu għat-tkabbir fl-Unjoni Ewropea.

32.  Jilqa’ l-ftehim politiku dwar l-akkwist pubbliku u l-pakkett dwar il-konċessjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew implimentazzjoni veloċi u komprensiva tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tiegħu; jitlob, b’mod partikolari, għall-iżvilupp ta’ strateġija ta' komunikazzjoni u taħriġ biex tippromwovi ħiliet u kapaċitajiet ġodda f’akkwist innovattiv u bbażat fuq ir-riżultati;

33.  Jinnota l-ftehim li issa ġie kkonfermat mal-Kunsill dwar riformi tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta’ Kwalifiki Professjonali; jitlob għal implimentazzjoni bikrija tad-dispożizzjonijiet il-ġodda u biex il-professjonijiet il-ġodda jiġu mħeġġa jistabbilixxu oqfsa ta’ kwalifiki Ewropej;

34.  Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Parlament u mal-Kunsill biex tintlaħaq konklużjoni sal-bidu tal-2014;

35.  Itenni t-talba tiegħu għal proposta għall-erbatax -il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment transkonfinali tas-sedi tal-kumpaniji;

36.  Jitlob li l-industrija Ewropea tingħata ħajja ġdida, bl-għan li jinħolqu impjiegi ġodda u deċenti, li jiġi appoġġat it-tkabbir sostenibbli u jiġu żgurati kundizzjoni tal-impjieg tajbin għall-Ewropej kollha;

37.  Jitlob li l-Kummissjoni tippromwovi inizjattiva ulterjuri dwar is-suq uniku billi tressaq proposti għall-iżvilupp, it-tlestija u l-implimentazzjoni tas-suq uniku diġitali, bħal qafas strateġiku ġdid li jiġbor fih id-disponibbiltà u l-portabbiltà transkonfinali tal-kontenut diġitali tal-UE, u b’mod partikolari, inizjattivi biex titrawwem aktar il-fiduċja tal-konsumaturi, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw il-pagamenti online u jtejbu t-twassil tal-informazzjoni diġitali u l-infrastrutturi;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli bir-riforma dwar id-dritt tal-awtur, biex tiżgura li tkun adatta għall-ambjent tal-internet; itenni l-ħtieġa li tkun finalizzata r-riforma dwar id-drittijiet tal-proprjetà industrijali biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa;

39.  Iqis li huwa essenzjali għall-istabbiltà tal-ekonomija tal-UE, u għal ritorn lejn tkabbir ekonomiku sostenibbli, li tiġi stabbilita b’suċċess Unjoni Bankarja permezz tat-twaqqif ta’ mekkaniżmu superviżorju uniku flimkien ma’ mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni uniku għall-banek u qafas tal-UE għall-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti; jitlob lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tippreżenta mingħajr dewmien il-proposti kollha neċessarji, flimkien mal-istandards tekniċi regolatorji meħtieġa għall-implimentazzjoni xierqa tal-pakkett CRD IV;

40.  Jenfasizza li fl-interessi ta' aktar tisħiħ tal-effiċjenza u s-saħħa tas-swieq finanzjarji tal-UE malajr kemm jista’ jkun, il-proposti pendenti tal-Kummissjoni dwar is-servizzi finanzjarji għandhom jiġu adottati malajr, b'hekk jiġi evitat dewmien fid-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta malajr kemm jista' jkun il-proposti tagħha dwar abbozz ta' regolament li jistabbilixxi Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u dwar is-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet dwar ir-riforma strutturali tal-banek; jenfasizza l-importanza tal-koleġiżlaturi li jindirizzaw malajr dawn il-proposti, biex jippermettu d-dħul fis-seħħ veloċi tagħhom;

42.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li r-riċerka u l-innovazzjoni huma kruċjali għall-kompetittività tal-UE, permezz tat-twaqqif ta’ programmi ta’ riċerka u innovazzjoni, is-simplifikzzjoni tal-proċeduri, il-ġbir u l-koordinament tal-iffinanzjar fil-livelli relevanti kollha (UE/Stat Membru/reġjun) u t-twaqqif ta’ sinerġiji bejn il-programmi Ewropej, u jistieden lill-Kummissjoni timplementa dawn il-prinċipji;

43.  Jinnota l-ftehim dwar Orizzont 2020 li jippermetti tranżizzjoni bla xkiel mill-Seba’ Programm Kwadru (FP7) u li jiżgura l-kontinwità tal-politika prinċipali ta' riċerka u innovazzjoni tal-UE, li sofriet fil-programmi tal-passat bħala riżultat ta' ftehimiet tal-aħħar minuta li ġew konklużi bejn il-Kunsill u l-Parlament;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta adegwata għal definizzjoni komuni tal-UE ta’ rifuġji fiskali u tintroduċi lista sewda ta’ pajjiżi terzi u ġuriżdizzjonijiet li ma jikkooperawx. iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu bl-impenji tagħhom biex jimplementaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar miżuri maħsuba biex jinkoraġġixxu lil pajjiżi terzi japplikaw standards minimi ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali u ppjanar fiskali aggressiv, u jieħdu l-miżuri neċessarji biex isaħħu l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa;

Il-klima, l-ambjent, l-enerġija u t-trasport

45.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li jkun implementat pjan direzzjonali għal Ewropa effiċjenti fir-riżorsi biex jinħolqu inċentivi għall-iżvilupp ta’ ekonomija ekoloġika, it-trawwim tal-bijodiversità u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluża l-integrazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza fir-riżorsi fis-Semestru Ewropew, kif previst fl-Ewropa 2020;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni biex mingħajr dewmien tressaq proposti biex tindirizza d-dgħufijiet strutturali tas-Sistema attwali għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet;

47.  Jistenna lill-Kummissjoni tressaq mingħajr aktar dewmien proposti leġiżlattivi biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja, sabiex tipprovdi protezzjoni msaħħa mill-aspetti negattivi tat-tniġġis tal-arja fuq is-saħħa tal-bniedem;

48.  Jenfasizza li l-ilħuq ta’ ftehim komprensiv tan-NU dwar il-klima fl-2015, skont l-objettiv tal-UE ta’ 2°C, huwa tal-akbar prijorità, u jirrikonoxxi li fl-2014 se jkun jeħtieġ li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-qafas tal-UE rigward il-klima u l-politika tal-enerġija, biex jixprunaw l-impetu fin-negozjati internazzjonali għall-ilħuq ta’ dak l-għan;

49.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef ix-xogħol dwar ir-reviżjoni tal-pakkett dwar l-iġjene, minħabba dak li ġara reċentement fir-rigward ta' prattiki frawdolenti relatati ma' prodotti tal-laħam fl-UE;

50.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rieżami ġenerali tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, inklużi l-miri tal-acquis tal-iskart u l-miri ta’ tneħħija tar-rimi fil-miżbliet tad-Direttiva dwar ir-Rimi ta’ Skart f’Terraferma.

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni dettaljat ta' miżuri mfassla biex jinkiseb suq uniku integrat bis-sħiħ u interkonness fl-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu pprovduti bi prezzijiet trasparenti u komparabbli tal-enerġija;

52.  Jissottolinja għal darba oħra li l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija huma l-irħas mod biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija u titnaqqas l-importazzjoni ta' fjuwils fossili u għandhom għalhekk ikunu fil-qalba ta' kwalunkwe miżura politika dwar l-enerġija li tiġi proposta;

53.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi kkompletat is-suq uniku għall-mezzi kollha tat-trasport, inkluża l-liberalizzazzjoni ulterjuri tas-suq tat-trasport bl-art, sabiex il-moviment liberu tal-prodotti u s-servizzi jiġi garantit b'regoli ċari u infurzabbli faċilment, għal kompetizzjoni libera u ġusta u tnaqqis fil-piż amministrattiv fuq l-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal rapport dwar is-sitwazzjoni tas-suq tat-trasport bl-art tal-UE sa tmiem l-2013, u biex tlesti l-analiżi kollha meħtieġa qabel tressaq proposti leġiżlattivi;

54.  Jikkunsidra l-Ajru Uniku Ewropew (SES), li tfassal aktar minn għaxar snin ilu, bħala proġett importanti ħafna; jibża’ li jekk l-Unjoni Ewropea ma tiħux azzjoni fis-snin li ġejjin, l-ispazju tal-ajru ċentrali tal-Ewropa tant se jkun laħaq il-limiti tiegħu li ma jkunx hemm aktar il-possibilità ta’ tkabbir; jitlob, għalhekk, riforma fl-ispazju tal-ajru, idea li diġà ġiet adottata minn Stati Membri permezz ta’ riforma ta’ sistemi eżistenti ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru bl-introduzzjoni ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (FABs); jilqa’ l-fatt li SESAR, l-element tat-teknoloġija tal-SES, qed jiżviluppa tajjeb; jenfasizza li s-sistema l-ġdida se tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd, partikolarment għal-linji tal-ajru Ewropej; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex l-FABs kollha jkunu operattivi; jappella sabiex jitħeġġeġ l-użu akbar tal-ajruporti reġjonali;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm mal-impenn tagħha li tiggarantixxi t-tlestija sħiħa taż-żona ferrovjarja unika Ewropea u testendi l-kompetenzi tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea fil-qasam taċ-ċertifikazzjoni u s-sikurezza, kif ukoll l-omologazzjoni ta’ vetturi ferrovjarji;

56.  Jitlob proposti għat-twettiq tas-suq uniku Ewropew tat-telekomunikazzjonijiet, inklużi miżuri biex jitneħħew il-ħlasijiet tar-roaming sa mhux aktar tard mill-2015;

Soċjetajiet Koeżivi u inklużivi - Ewropa taċ-Ċittadini

57.  Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni Ewropea qed tipprovdi investiment għal tkabbir sostenibbli u impjiegi kif ukoll għal kompetittività mtejba fl-Ewropa, skont l-objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-UE; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hi l-għodda ewlenija ta' investiment biex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tieħu azzjoni xierqa u malajr, sabiex tiggarantixxi bidu f'waqtu, kif ukoll biex tistabbilixxi kundizzjonijiet ċari li jippermettu implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali 2014-2020 fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq immedjatament abbozz revedut tar-Regolament (KE) 2012/2002 dwar il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

58.  Jenfasizza li l-pakkett leġiżlattiv komprensiv tar-regolamenti dwar il-politika ta’ koeżjoni fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020 li jmiss huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni adegwata tal-baġit pluriennali; jinnota li dawn ir-regolamenti għandhom jiġu ssupplimentati bl-adozzjoni ta' atti ta' implimentazzjoni u atti ddelegati;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi miżuri bħar-riforma tas-swieq tax-xogħol fejn problemi strutturali qed ixekklu d-dħul taż-żgħażagħ, u biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ bil-għan li ż-żgħażagħ jiġu megħjuna jsibu impjieg jew għall-edukazzjoni;

60.  Jinnota li hemm domanda kbira u li għadha ma ntlaħqitx għal persunal kwalifikat fit-teknoloġija tal-informatika u l-iżvilupp tas-sistema; jissuġġerixxi li dan is-settur għandu jkun wieħed mill-prijoritajiet għall-appoġġ tat-taħriġ u l-iżvilupp fl-Inizjattiva Ewropea favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

61.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal direttiva dwar mard muskoluskeletali (MSD) marbut max-xogħol u reviżjoni tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-karċinoġeni u l-mutaġeni fuq il-post tax-xogħol;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li permezz tar-reviżjoni tal-linji gwida tal-impjiegi fl-2014, il-politiki tal-impjiegi u soċjali jkollhom rwol attiv fir-reazzjoni għall-kriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tgħin lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji għall-bini ta’ ħiliet ġodda u tgħin persuni qiegħda jsibu triqithom lura mill-aktar fis lejn is-suq tax-xogħol; ifakkar, madankollu, li għandu jkun hemm sforz ewlieni, permezz tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, biex din tipprovdi appoġġ fir-reġjuni affettwati l-aktar serjament fl-Unjoni lill-gruppi vulnerabbli u liż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), li huma qiegħda jew inattivi, billi taċċelera l-kunsinna ta’ attivitajiet appoġġati minn finanzjament tal-FSE;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproduċi rapport annwali dwar ir-riforma ta’ sistemi ta’ taħriġ vokazzjonali fl-Istati Membri, biex b’hekk tagħti kontribut strutturali fit-tul għat-titjib fl-impjegabbiltà taż-żgħażagħ;

64.  Jappoġġa inizjattivi fil-livell tal-UE biex jikkomplementaw l-isforzi nazzjonali għaż-żieda tal-mikrokrediti u għat-tisħiħ tal-intraprenditorija soċjali billi jipprovdu servizzi li mhumiex pprovduti biżżejjed mis-settur pubbliku jew privat;

65.  Itenni t-talba tiegħu għal rieżami tad-Direttiva dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali ta' valur ugwali; jappella għal sforzi rinnovati min-naħa tal-Kummissjoni biex tiżblokka d-Direttiva dwar il-liv tal-maternità kif ukoll biex ssegwi t-tħejjija tal-istudju tal-kostijiet u l-benefiċċji fir-rigward tal-liv tal-paternità;

66.  Jinsisti li l-Kummissjoni għandha tippreżenta strateġija dwar il-qerda tal-vjolenza fuq in-nisa kif mitlub mill-Parlament f'bosta riżoluzzjonijiet, u li l-UE ssir parti mill-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, li tagħti impetu qawwi lis-26 Stat Membru li għadhom ma ffirmawx u rratifikaw il-Konvenzjoni;

67.  Ifakkar li politika kontra d-diskriminazzjoni għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi pjan direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li jiġu żviluppati u implimentati b’mod effikaċi strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri, u li d-diskriminazzjoni tiġi kkundannata u titqajjem fi djalogi ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tkun inkorporata fi programmi ta’ kooperazzjoni;

68.  Jenfasizza l-importanza li għandha tingħata lis-setturi tal-edukazzjoni, il-kultura, dawk awdjoviżivi, taż-żgħażagħ, l-isport u ċ-ċittadinanza u biex ikun żgurat li dawn ikollhom baġits adegwati u effiċjenti;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-problemi sottostanti ta' rikonoxximent inkomplut tal-korsijiet li jsiru u ta' punti ECTS (Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti) akkumulati f'universitajiet lokali għal studenti li jlestu perjodi ta' studju f'universitajiet oħra taħt il-programm Erasmus;

70.  Iħeġġeġ li jintlaħaq ftehim komprensiv dwar il-pakkett tal-protezzjoni tad-data li jiżgura livell għoli u uniformi ta’ protezzjoni għas-suġġetti tad-data kif ukoll kundizzjonijiet ekwi għan-negozju;

71.  Jikkunsidra, li fl-interess tas-salvagwardja tas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej, il-ġlieda li qed tkompli kontra t-terroriżmu hija ta’ importanza kbira għall-Unjoni Ewropea u jitlob bil-qawwa reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar iż-żamma tad-data;

72.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli b'urġenza l-ħidma tagħha fuq il-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-data personali u jtenni b'urġenza l-konklużjoni rapida tiegħu;

73.  Jissuġġerixxi li proposti għal rikonoxximent reċiproku tal-effetti ta’ ċerti dokumenti ta’ status ċivili, flimkien ma’ standards minimi għal proċeduri ċivili, jistgħu jindikaw pass importanti ’l quddiem fil-ħolqien ta’ żona tal-ġustizzja, bi proċeduri aktar faċli, ċari u aċċessibbli għaċ-ċittadini, u aktar fiduċja fir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ ġustizzja ċivili;

74.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-aqwa użu possibbli tal-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016 biex tegħleb il-problema tat-traffikar tal-bnedmin;

75.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-tkabbir tat-tabella ta’ valutazzjoni dwar il-ġustizzja biex tkopri wkoll l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali;

76.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati f'livell transkonfinali, il-kriminalità organizzata, il-ħasil ta' flus, il-frodi u l-korruzzjoni kontra interessi finanzjarji tal-UE;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-pjan direzzjonali dwar id-drittijiet proċedurali u timmonitorja t-traspożizzjoni tad-direttivi adottati biex tiżgura li d-drittijiet bażiċi tal-persuni suspettati u akkużati jkunu protetti biżżejjed permezz ta’ standards minimi komuni ta' drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali u biex il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jsir effettiv;

78.  Jappoġġa lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha dwar id-drittijiet tal-vittmi, u jitlob lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni sħiħa u adegwata sas-16 ta' Novembru 2015, tad-direttiva li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;

79.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar kundizzjonijiet ta' dħul u ta' residenza għal riċerkaturi, studenti, skambju ta' studenti, apprendisti u voluntiera; jitlob għal aktar proposti sostantivi dwar il-migrazzjoni legali;

80.  Jitlob li l-Kummissjoni toħroġ linji gwida biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw ir-regoli ta’ Schengen b’mod korrett sabiex il-libertà ta’ moviment tal-persuni tkun rispettata bis-sħiħ u biex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin jew abbuż tal-possibbiltà li jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni;

81.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil tiġi implimentata tajjeb madwar l-UE, filwaqt li jiġi rispettat l-impenn fit-Trattat;

82.  Jistenna li l-Kummissjoni tressaq proposti ġodda jew teżamina aktar ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-liġi sostantiva u proċedurali, b'mod partikolari Ruma II u Brussell II;

83.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tar-regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u sabiex temendah fejn xieraq;

L-Agrikoltura u s-sajd

84.  Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi implimentazzjoni rapida u korretta tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) li se tirriżulta f’PAK b’saħħitha, sostenibbli u ġusta li taqdi lill-bdiewa u l-konsumaturi Ewropej, tippromowovi l-iżvilupp rurali u tipproteġi l-ambjent;

85.  Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni se tkun l-enfasi ewlenija tal-attivitajiet fl-2014; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-ftehimiet finali tar-riforma tal-PAK li jimminimizzaw il-piż fuq il-bdiewa u fuq il-korpi amministrattivi tal-Istati Membri filwaqt li jkun żgurat li r-regoli l-ġodda jiġu implimentati b'mod effettiv, bir-reqqa u b'mod trasparenti;

86.  Jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi leġiżlazzjoni dwar l-użu ta' tekniki ta' ikklonjar tal-annimali għall-produzzjoni tal-ikel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex fit-tfassil tal-proposta, tikkunsidra t-tħassib reċenti dwar l-ittikkettar u l-applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni relatata mal-katina alimentari tal-UE, filwaqt li jiġu applikati l-aktar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi reċenti f'dan il-qasam;

87.  Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal strateġija ġdida għas-saħħa tal-annimali, kif ukoll l-impenn tagħha biex tkun żgurata konsistenza fost il-prinċipji orizzontali tal-leġiżlazzjoni fl-oqsma tas-saħħa tal-annimali, il-benessri tal-annimali u s-sikurezza tal-ikel; jitlob allinjament mill-qrib tal-istrateġija għas-saħħa tal-annimali mal-istrateġija Ewropa 2020 sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern fir-rigward tal-annimali u l-prodotti tal-annimali filwaqt li fl-istess ħin, titjieb is-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-agrikoltura Ewropea;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw il-Politika dwar is-Sajd Komuni li għadha kif ġiet adottata f'konformità mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd futur; jistenna l-Kummissjoni tiżgura li l-Artikolu 43(2) TFUE jifforma l-bażi ġuridika tal-proposti tiegħu u li tillimita l-użu tal-Artikolu 43(3) għal proposti strettament konnessi mal-istabbiliment u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd; għal dan il-għan, jistenna li l-Kummissjoni tgħin biex titwaqqaf taskforce interistituzzjonali magħmula minn rappreżentanti mit-tliet istituzzjonijiet kollha biex tidentifika l-aħjar modi ta' proċedura;

89.  Jenfasizza li l-Fond ġdid Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għandu jtejjeb il-miżuri mmirati biex inaqqsu l-kapaċità tal-flotta; jinsisti li l-Poltika Komuni tas-Sajd il-ġdida għandha tkun imsejsa fuq miżuri ta' kontroll imsaħħa;

90.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli ssaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra s-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat (IUU);

Il-politika barranija u l-politika ta' żvilupp

91.  Jistenna lill-Kummissjoni tkompli tappoġġa l-politika tradizzjonali ta’ tkabbir tal-UE; jemmen li l-UE tista’ titlef l-kredibbiltà politika fid-dinja jekk tagħlaq il-bibien tagħha għall-ġirien tagħha;

92.  Ifakkar li l-Viċinat tal-Lvant u dak tan-Nofsinhar jibqa' prijorità, u jenfasizza li l-istrateġija l-ġdida tal-UE u l-prinċipju Aktar għal Aktar għad jeħtieġ li jiġi definit biċ-ċar u implimentat;

93.  Jenfasizza l-importanza li terġa tiġi affermata, b'determinazzjoni akbar, il-perspettiva ta' tkabbir għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u jikkondividi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jibdew taħdidiet ta' adeżjoni mal-UE mas-Serbja u ma' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM); jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-impenn tagħha mat-Turkija bħala pajjiż kandidat, u jilqa' b'mod speċjali l-ftuħ ta' kapitolu 22 tal-adeżjoni dwar il-politika reġjonali;

94.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-attivitajiet tagħha mmirati lejn l-iżvilupp tas-Sħubija tal-Lvant, speċjalment fil-qasam tal-mobilità u tal-kooperazzjoni edukattiva;

95.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkontribwixxi b’mod kostruttiv għar-rieżami tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bil-għan li taħdem mal-Kunsill u l-Parlament biex tappoġġa inizjattivi koordinati tajjeb fil-qasam tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni jitlob aktar flessibiltà fl-għoti ta’ għajnuna finanzjarja f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi;

96.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li ttejjeb l-evalwazzjoni tagħha tal-implimentazzjoni tal-Kunsens dwar l-għajnuna umanitarja, il-kumplimentarjetà tagħha mal-Istati Membri u d-donaturi u l-ħtieġa ta' rieżami tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1996;

97.  Jitlob li s-SEAE jġib ‘il quddiem il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-kunċett tar-'Responsabbiltà ta’ Protezzjoni' (R2P), skont ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament tat-18 ta' April 2013(2) lill-Kunsill dwar il-prinċipju tan-NU bil-ħsieb li jiġi stabbilit kunsens Ewropew dwar l-R2P;

98.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-kwantità u l-effiċjenza tal-għajnuna umanitarja u tal-għoti ta' assistenza tal-UE li qed titwassal lill-popolazzjonijiet fil-bżonn ta' ħtiġijiet u servizzi bażiċi fis-Sirja u fost ir-rifuġjati mis-Sirja fil-pajjiżi ġirien;

99.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta li tistabbilixxi mekkaniżmu, iffinanzjat mill-istrument finanzjarju rilevanti tal-azzjoni esterna tal-UE u magħmul minn tim ta' investigaturi, prosekuturi, avukati u esperti oħra nazzjonali u internazzjonali mill-Istati Membri tal-UE, kif ukoll minn pajjiżi oħra kkonċernati (l-Isvizzera, il-Kanada u l-Istati Uniti), bl-għan li tiġi pprovduta konsulenza u assistenza legali u teknika lill-awtoritajiet tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija dwar l-irkupru ta' assi misapproprjati u misruqa mid-dittaturi preċedenti, il-familji u r-reġimi tagħhom;

100.  Jistieden lill-Kummissjoni tibdel l-enfasi tagħha minn politika ta' żvilupp orjentata lejn l-input, li hija prevalenti, lejn politika ta' żvilupp orjentata lejn ir-riżultati, b'ċifri annwali preċiżi dwar il-kisbiet fil-qasam tal-iżvilupp, u biex tiżgura li l-isforzi għall-iżvilupp tal-UE jkollhom impatt dejjiemi fuq il-qerda tal-faqar;

101.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza b'mod prammatiku l-kwistjoni tad-drittijiet ta' proprjetà fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex tfassal approċċ koerenti flimkien ma' imsieħba internazzjonali oħra għall-iżvilupp, sabiex jingħata bidu għal proċess ta' għoti tas-setgħa lill-komunitajiet lokali u lill-individwi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrimarka li dan huwa proċess li jikkostitwixxi wieħed mill-pilastri ewlenin tal-iżvilupp u wieħed li jista' jgħolli nazzjonijiet sħaħ mill-faqar u jintensifika l-attivitajiet ekonomiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

102.  Jirrimarka li, sabiex tiżdied l-effikaċja tal-għajnuna, huwa wkoll kruċjali li tiġi garantita koerenza politika ikbar, fejn l-oqsma politiċi kollha tal-UE - speċjalment dawk b'impatt sinifikanti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-ġid fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrimarka li huwa meħtieġ ukoll li tiżdied il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri;

103.  Jinnota li l-indirizzar tal-malnutrizzjoni tat-tfal u tas-sikurezza tal-ikel, il-ġlieda kontra l-qtil skont il-ġeneru, li timplika l-għażla persistenti, prattikata fuq skala enormi, tal-irġiel fuq in-nisa, kif ukoll il-promozzjoni tal-provvista tal-assigurazzjoni tas-saħħa u tal-pensjonijiet f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, jibqgħu prijoritajiet kbar;

104.  Jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri huwa wkoll strateġija importanti li jeħtieġ li titjieb;

105.  Jappella għat-titjib fl-effikaċja tal-għajnuna għall-iżvilupp billi jissaħħu il-koordinazzjoni u l-kumplementarjetajiet u billi jiġu vvalutati b’mod regolari l-outputs, ir-riżultati u l-impatt ta’ tali għajnuna;

Il-kummerċ

106.  Jibqa' impenjat lejn approċċ multilaterali għall-kummerċ internazzjonali u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-inizjattivi attwali tad-WTO; iħeġġeġ il-faċilitazzjoni tal-adeżjoni taċ-Ċina fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi; jirrikonoxxi l-ħtieġa għat-tkomplija fil-progress biex jinkisbu ftehimiet bilaterali ta’ kummerċ ħieles ma’ sħab sinifikanti, b’mod partikolari l-Istati Uniti; jitlob lill-Kummissjoni għaldaqstant tikkonċentra r-riżorsi umani u l-isforzi politiċi fuq in-negozjati dwar il-kummerċ li għadhom għaddejjin ma’ pajjiżi terzi u, b’mod partikolari, ma’ sħab strateġiċi, bil-għan li jsir progress sostanzjali lejn ftehim finali bilanċjat; jitlob lill-Kummissjoni tinvolvi l-Parlament b’mod sħiħ f’dan il-proċess, skont id-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

107.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi proċess ta’ riflessjoni profonda, bl-involviment tal-Parlament, dwar l-istrateġija futura tal-kummerċ internazzjonali, inkluż riforma possibbli tal-funzjonament tad-WTO; jenfasizza li din il-valutazzjoni għandha tieħu kont sħiħ tar-riżultati għall-ekonomija tal-UE tal-istrateġija tal-kummerċ internazzjonali reċenti;

o
o   o

108.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0180


Is-sitwazzjoni fl-Eġittu
PDF 195kWORD 36k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-kriżi fl-Eġittu (2013/2697(RSP))
P7_TA(2013)0333RC-B7-0362/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Ġeneral Abdul Fatah Khalil Al-Sisi, President tal-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati tal-Eġittu, tal-4 ta’ Lulju 2013 ,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.  Billi, fl-istqarrija tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013, Il-Kunsill Suprem tal-Forzi Armati ħabbar is-sospensjoni tal-kostituzzjoni, it-trasferiment tal-poter lill-kap tal-Qorti Kostituzzjonali Għolja sakemm isiru elezzjonijiet presidenzjali bikrin, li għandhom jiġu segwiti minn elezzjonijiet parlamentari, u it-tiswir ta' gvern ta' koalizzjoni nazzjonali u kumitat li jieħu ħsieb emendi fil-kostituzzjoni; billi is-Sur Adly Mansour ingħata l-ġurament bħala President interim;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu wara l-intervent militari; jisħaq li s-setgħa għandha tiġi trasferita lil awtoritajiet ċivili eletti demokratikament malajr kemm jista' jkun; jesprimi s-solidarjetà fundamentali tiegħu ma' dawk l-Eġizzjoni kollha li għandhom għal qalbhom aspirazzjonijiet demokratiċi għal pajjiżhom u jsejjaħ għal ritorn mgħaġġel lejn il-proċess demokratiku, inkluż li jsiru elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari ħielsa u ġusti fi proċess inklussiv bis-sħiħ bis-sehem tal-partijiet demokratiċi kollha;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u Parlament u lill-Gvern tal-Eġittu.


Is-sitwazzjoni f'Ġibuti
PDF 226kWORD 58k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni f’Ġibuti
P7_TA(2013)0334RC-B7-0347/2013

(2013/2690(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2009(1) dwar is-sitwazzjoni fil-Qarn tal-Afrika u dik tat-18 ta’ Diċembru 1997 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’Ġibuti(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta li saret f’Ġibuti fl-24 ta’ Frar 2013 mill-missjonijiet ta’ osservazzjoni internazzjonali (mill-Unjoni Afrikana (UA), il-Lega Għarbija, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC) u l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD)), li mmonitorjaw l-elezzjonijiet parlamentari li seħħew fir-Repubblika ta’ Ġibuti fit-22 ta’ Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li Ġibuti rratifika,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou ffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2000 u rivedut fit-22 ta’ Ġunju 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Marzu 2013 mill-kelliem ta’ Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-UE, dwar is-sitwazzjoni wara l-elezzjonijiet parlamentari f’Ġibuti,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi, bis-saħħa tal-pożizzjoni tiegħu fit-tarf tal-Qarn tal-Afrika u fid-daħla tal-Baħar l-Aħmar, Ġibuti u l-infrastruttura strateġika (il-portijiet u ż-żoni liberi) tiegħu huma importanti għar-reġjun kollu kemm hu;

B.  billi Ġibuti żvolġa rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-piraterija u t-terroriżmu fir-reġjun;

C.  billi Ġibuti kellu sistema monopartitika minn żmien l-indipendenza tiegħu fl-1977 sal-2003;

D.  billi l-pajjiż inħakem minn kriżi politika serja mill-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013 ’l hawn;

E.  billi Ismail Omar Guelleh, li wasal fil-poter fl-1999, ġie rielett fl-2005 b’100  % tal-voti u ħabbar li mhux se jikkontesta l-elezzjoni mill-ġdid fl-2016; billi l-President Guelleh ġie rielett f’April 2011 bi kważi 80 % tal-voti f’elezzjonijiet li kienu soġġetti għal bojkott minn taqsima wiesgħa tal-oppożizzjoni wara li l-Parlament ta’ Ġibuti emenda l-kostituzzjoni sabiex jippermetti lill-President Guelleh jikseb mandat ġdid;

F.  billi, għall-ewwel darba minn mindu l-President Guelleh wasal fil-poter, il-partiti tal-oppożizzjoni, bit-tama li l-pluraliżmu demokratiku jipprevali, iddeċidew li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013, wara li ddaħħlet sistema ta’ votazzjoni ġdida, parzjalment proporzjonali, li tippermetti lill-partiti fil-minoranza jirħbu siġġijiet fil-parlament;

G.  billi dawk l-elezzjonijiet ġew monitorjati minn osservaturi tal-Unjoni Afrikana, il-Lega Għarbija, l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika (OIC) u l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), li ssorveljaw l-operazzjonijiet f’154 post ta’ votazzjoni u fi 12-il ċentru ta’ għadd tal-voti u rrappurtaw li l-elezzjonijiet kienu trasparenti u li ma identifikaw l-ebda każ ta’ frodi jew tfigħ ta’ voti żejda;

H.  billi, skont ir-riżultati mħabbra mill-Kunsill Kostituzzjonali, l-Unjoni għall-Maġġoranza Presidenzjali (UMP) kisbet 68 % tal-voti;

I.  billi l-oppożizzjoni, li għall-ewwel darba mill-indipendenza tal-pajjiż ’l hawn rebħet siġġijiet fil-parlament, qalet li kien hemm frodi massiva u sostniet li hija kienet rebħet l-elezzjonijiet; billi l-Kunsill Kostituzzjonali ċaħad l-appell imressaq mill-oppożizzjoni kontra r-riżultat tal-elezzjonijiet;

J.  billi l-oppożizzjoni qed tibbojkottja l-parlament li rriżulta minn dawn l-elezzjonijiet; billi l-awtoritajiet akkużaw lil parti mill-oppożizzjoni li kkostitwiet “Assemblea Nazzjonali Leġittima” (ANL), fil-marġini tal-parlament nazzjonali, wara l-elezzjonijiet kontroversjali ta’ Frar 2013; billi l-ANL hija preseduta mill-kap tal-lista ta’ kandidati tal-Unjoni għas-Salvazzjoni Nazzjonali (USN) għall-kostitwenza tal-Belt ta’ Ġibuti, Ismail Guedi Hared;

K.  billi r-riżultati tal-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013 għadhom ma ġewx ippubblikati għal kull post ta’ votazzjoni, minkejja l-appelli magħmula mill-UE, u billi dan qed iqajjem suspetti ta’ frodi;

L.  billi l-għadd ta’ votanti reġistrati fil-kostitwenza tal-Belt ta’ Ġibuti nbidel kull darba li tħabbru ċifri uffiċjali;

M.  billi huwa rrappurtat li r-repressjoni, bl-użu sproporzjonat tal-forza, tad-dimostrazzjonijiet mill-partiti tal-oppożizzjoni li jikkontestaw ir-regolarità tal-elezzjonijiet parlamentari wasslet għal minn tal-anqas 10 każijiet ta’ mewt ikkaġunati minn sparar min-naħa tal-forzi tal-ordni;

N.  billi saru arresti tal-massa fuq id-dimostranti tal-oppożizzjoni; billi l-NGOs qed jiddenunzjaw każijiet ta’ mewt dubjużi, ta’ tortura u ta’ għajbien;

O.  billi, wara l-elezzjonijiet tat-22 ta’ Frar 2013, ’il fuq minn elf membru tal-oppożizzjoni jingħad li sfaw priġunieri għal perjodi itwal jew iqsar;

P.  billi huwa maħsub li madwar 60 priġunier politiku bħalissa jinsabu f’qagħda ta’ detenzjoni; billi min-naħa tal-awtoritajiet qed tiġi eżerċitata repressjoni kontinwa tal-militanti politiċi tal-oppożizzjoni;

Q.  billi saru prosekuzzjonijiet kontra l-biċċa l-kbira tal-mexxejja tal-oppożizzjoni u kontra ħafna ġurnalisti;

R.  billi l-ġurnalista Mydaneh Abdallah Okieh, li huwa wkoll responsabbli għall-komunikazzjoni mill-koalizzjoni tal-oppożizzjoni USN, huwa mixli b’diffamazzjoni tal-pulizija talli fuq in-netwerk soċjali Facebook ippubblika ritratti ta’ dimostranti li kienu vittmi ta’ repressjoni; billi fis-26 ta’ Ġunju 2013 l-Qorti tal-Appell ħarrxet is-sentenza tiegħu minn 45 jum għal ħames xhur;

S.  billi f’April 2013 it-tliet mexxejja tal-koalizzjoni tal-oppożizzjoni USN ingħataw sentenza ta’ sentejn priġunerija u ġew miċħuda mid-drittijiet ċiviċi u ċivili tagħhom; billi s-smigħ tal-appell tagħhom ġie pospost għall-25 ta’ Novembru 2013;

T.  billi f’dan il-kuntest il-kelliem tal-oppożizzjoni tal-USN, Daher Ahmed Farah, ġie arrestat fl-4 ta’ Marzu 2013; billi nstab ħati li appella għal ribelljoni wara l-elezzjonijiet parlamentari ta’ Frar 2013; billi tnejn min-nies oħra kienu akkużati fl-istess każ, fejn wieħed irċieva sentenza sospiża ta’ priġunerija filwaqt li l-ieħor ġie lliberat; billi fis-26 ta’ Ġunju 2013 l-Qorti tal-Appell mill-ġdid ikkundannat lil Daher Ahmed Farah għal xahrejn priġunerija inkondizzjonata;

U.  billi l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni fil-ħabsijiet ta’ Ġibuti huma preokkupanti immens;

V.  billi l-Kostituzzjoni tal-1992 tiirikonoxxi l-libertajiet fundamentali u l-prinċipji bażiċi tal-governanza tajba;

W.  billi l-Artikolu 10 tal-Kostituzzjoni jistabbilixxi li d-dritt għad-difiża, inkluż id-dritt li dak li jkun jiġi assistit mill-avukat tal-għażla tiegħu, għandu jiġi ggarantit fil-fażijiet kollha tal-proċedura;

X.  billi Ġibuti ffirma l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

Y.  billi n-nisa ta’ Ġibuti jiffaċċjaw diversi forom ta’ vjolenza – inklużi stupru, mutilazzjoni ġenitali femminili, vjolenza domestika, fastidju sesswali u żwieġ bikri – li għandhom konsegwenzi negattivi ta’ portata kbira għall-benesseri fiżiku u psikoloġiku tan-nisa;

Z.  billi Ġibuti huwa klassifikat fil-169 pożizzjoni (minn 179 pajjiż) fl-indiċi dinji tal-libertajiet tal-istampa 2013 kkompilat minn Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri; billi l-ġurnalisti barranin huma pprojbiti milli jivvjaġġaw lejn Ġibuti u billi dan qed joħloq diffikultajiet biex tinkiseb informazzjoni affidabbli dwar dak li qed jiġri fil-pajjiż;

AA.  billi f’Marzu 2012, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikolutura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) stmat li 180 000 ruħ f’Ġibuti kienu jeħtieġu għajnuna għall-ikel;

AB.  billi f’dawn l-aħħar għoxrin sena, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kienu l-fornituri ewlenin tal-appoġġ finanzjarju għal Ġibuti; billi l-pagamenti magħmula mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Ġappun u minn Franza għall-okkupazzjoni tal-bażijiet militari tagħhom jippreżentaw sors ta’ dħul li jiżgura tkabbir kontinwu għal Ġibuti;

AC.  billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt huma l-pedament innifsu tas-sħubija AKP-UE u jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Cotonou;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni f’Ġibutui mill-elezzjonijiet parlamentari tat-22 ta’ Frar 2013 ’l hawn u l-klima ta’ tensjoni politika fil-pajjiż; jinsab partikolarment imħasseb dwar ir-rapporti ta’ arresti tal-massa kontra l-membri tal-oppożizzjoni, ta’ repressjoni tad-dimostrazzjonijiet organizzati bi protesta kontra l-irregolaritajiet fl-elezzjonijiet, u ta’ attakki kontra l-libertà tal-midja;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet ta’ Ġibuti jtemmu r-repressjoni tal-avversarji politiċi u jirrilaxxaw lil kull min jinsab detenut minħabba raġunijiet politiċi;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet ta’ Ġibuti jiggarantixxu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti fil-ftehimiet nazzjonali u internazzjonali ffirmati minn Ġibuti u jissalvagwardaw id-drittijiet u l-libertajiet ċivili u politiċi, inklużi d-dritt ta’ dimostrazzjoni paċifika u l-libertà tal-istampa;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta’ vjolenza sesswali kontra n-nisa u jindika li l-Gvern ta’ Ġibuti għandu r-responsabbiltà li jtemm l-impunità billi jieħu passi legali kontra dawk responsabbli għall-vjolenza sesswali kontra n-nisa;

5.  Jappella sabiex id-drittijiet tad-difiża jiġu rispettati, b’mod partikolari d-dritt li l-persuni akkużati jkollhom aċċess għal avukati tal-għażla tagħhom fil-fażijiet kollha tal-proċedimenti kontrihom; jistieden lill-awtoritajiet iħallu lill-familji tal-persuni detenuti jagħtuhom għajnuna materjali, b’mod partikolari fil-qasam tas-saħħa;

6.  Jistieden lill-Gvern ta’ Ġibuti biex, bl-għajnuna tal-istituzzjonijet li vvalidaw ir-riżultati tal-elezzjoni, b’mod partikolari l-Unjoni Afrikana, iniedi proċess ta’ djalogu politiku mal-oppożizzjoni, bi qbil mat-tħabbira li għamel il-Kap ta’ Stat fis-27 ta’ Ġunju 2013 fl-okkażjoni tal-anniversarju tal-indipendenza ta’ Ġibuti; jistieden lill-Unjoni Ewropea tappoġġa l-ħidma tal-organizzazzjonijiet reġjonali u tikkontribwixxi għall-isforzi biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali;

7.  Jappella sabiex tinfetaħ minnufih investigazzjoni ġudizzjarja bil-għan li jinxteħet dawl fuq l-azzjonijiet tal-pulizija u l-armata waqt id-dimostrazzjonijiet u li jiġu kkastigati dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jilqa’ l-fatt li l-elezzjoni tat-22 ta’ Frar 2013 saret b’mod paċifiku, kif saħqu diversi rappreżentanti tal-komunità internazzjonali, inklużi l-Viċi President / Rappreżentant Għoli u l-kapijiet tal-erba’ missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali mibgħutin f’Ġibuti; jilqa’ l-impenn lejn il-ġejjieni ta’ pajjiżhom muri min-nies ta’ Ġibuti u mill-partiti politiċi kollha permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjoni;

9.  Jilqa’ l-fatt li fl-elezzjoni tat-22 ta’ Frar 2013 il-forzi tal-oppożizzjoni, jiġifieri l-Unjoni għas-Salvazzjoni Nazzjonali (USN), ħadu sehem għall-ewwel darba minn mindu Ġibuti kiseb l-indipendenza fl-1977;

10.  Itenni l-appell tal-Unjoni Ewropea sabiex ir-riżultati għal kull post ta’ votazzjoni li ntuża fl-elezzjoni tat-22 ta’ Frar 2013 jiġu ppubblikati;

11.  Jistieden lill-forzi politiċi ta’ Ġibuti biex jirrispettaw l-istat tad-dritt, inkluż id-dritt għal dimostrazzjoni paċifika, u biex la jużaw il-vjolenza u lanqas jieħdu miżuri repressivi;

12.  Jiddikjara r-rieda tiegħu li jimmonitorja s-sitwazzjoni f’Ġibuti mill-qrib u li jipproponi miżuri ristrettivi f’każ ta’ ksur tal-Ftehim ta’ Cotonou (2000), u b’mod partikolari tal-Artikoli 8 u 9 tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja hija wkoll is-sitwazzjoni mill-qrib;

13.  Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lil sħabhom biex jaħdmu flimkien man-nies ta’ Ġibuti fuq riforma politika fit-tul, liema ħidma għandha tkun iffaċilitata permezz tar-relazzjoni qawwija li diġà teżisti, meta wieħed iqis li Ġibuti kien komponent ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li r-reġjun ospita l-bażijiet militari;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern ta’ Ġibuti, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Lega Għarbija, lill-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 102.
(2) ĠU C 14 E, 19.1.1998, p. 207.


Is-sitwazzjoni fin-Niġerja
PDF 244kWORD 78k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja (2013/2691(RSP))
P7_TA(2013)0335RC-B7-0344/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(1), tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar strateġija dwar il-libertà diġitali fil-politika barranija tal-UE(2), tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-vjolenza kontra l-leżbjani u d-drittijiet tal-persuni LGBT fl-Afrika(3), u tal-15 ta' Marzu 2012 dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, fit-22 ta' Jannar 2012 dwar l-bumbardamenti f'Kano, fil-11 ta' Marzu 2013 dwar il-qtil ta' ostaġġi, fit-2 ta' Ġunju 2013 dwar il-liġi fin-Niġerja li tikkriminalizza ż-żwieġ u r-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, u fil-25 ta' Ġunju 2013 dwar eżekuzzjonijiet fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem UE-Niġerja li sar f'Abuja f'Marzu 2013 u l-Laqgħa Ministerjali Niġerja-UE tas-16 ta' Mejju 2013 fi Brussell, li stabbilixxew il-ħtieġa li t-telf ta' ħajjiet ċivili u l-qerda tal-infrastruttura pubblika jiġu bbilanċjati b'miżuri kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, imlaqqgħa f'Mejju 2013 f'Horsens (id-Danimarka), dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Gay, Bisesswali, Transġeneru u Intersesswali (LGBTI),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou tal-2000 u r-reviżjonijiet tiegħu tal-2005 u l-2010 (din tal-aħħar ratifikata min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010), u b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu dwar id-djalogu politiku u d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon fis-16 ta' Mejju 2013 dwar il-persistenza tal-vjolenza u s-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora fil-Grigal tan-Niġerja, u fit-22 ta' April 2013 dwar l-għadd kbir ta' ċivili li nqatlu u djar li nqerdu fin-Niġerja minħabba ġlied bejn il-forzi militari u l-grupp ribelli Boko Haram,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, fit-3 ta' Mejju 2013 b'reazzjoni għall-ġlied vjolenti ta' April 2013, li fihom fakkar lill-aġenti tas-sigurtà fin-Niġerja biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u jevitaw l-użu eċċessiv tal-forza fl-operazzjonijiet tagħhom, u fis-17 ta' Mejju 2013 dwar il-possibilità li l-membri tal-Boko Haram jistgħu jiffaċċjaw akkużi ta' delitti tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-27 ta' Diċembru 2011 dwar attakki mis-setta terroristika Boko Haram fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar it-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskri$minazzjoni bbażati fuq Reliġjon u Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' April 2012 tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-G8 dwar il-vjolenza persistenti fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, ratifikata min-Niġerja fis-16 ta' Mejju 2003, u l-Protokoll addizzjonali ta' magħha, ratifikat min-Niġerja fit-22 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissarju għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, Lamamra Ramtane, fl-14 ta' Lulju 2012, li fiha kkundanna l-attivitajiet u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-Boko Haram, ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tgħin lin-Niġerja tirreżisti lis-setta terroristika, u enfasizza t-theddida li din toħloq għas-sigurtà reġjonali u internazzjonali,

–  wara li kkunsidra s-summit tal-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-Golf tal-Ginea dwar is-sigurtà u s-sikurezza marittimi, li sar f'Yaoundé (il-Kamerun) fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja adottata fid-29 ta' Mejju 1999, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja, id-dritt għal smigħ ġust, id-dritt għad-dinjità tal-persuna umana, u l-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, ratifikati min-Niġerja fl-20 ta' Ġunju 1961, u l-Protokoll II tagħhom, ratifikat min-Niġerja fl-10 ta' Ottubru 1988, li t-tnejn li huma jistabbilixxu l-applikazzjoni tad-dritt internazzjonali fir-rigward ta' kunflitti armati mhux internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, ratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, ratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-President Niġerjan, Goodluck Jonathan, iddikjara stat ta' emerġenza fl-istati ta' Borno, Yobe u Adamawa fl-14 u l-15 ta' Mejju 2013 b'reazzjoni għall-attivitajiet tal-Boko Haram, filwaqt li mmobilizza forzi militari addizzjonali;

B.  billi f'April 2013 il-belt ta' Baga nqerdet bil-ġlied bejn il-forzi militari Niġerjani u militanti tal-Boko Haram, li rriżulta fil-qerda ta' eluf ta' djar u l-mewt ta' mijiet ta' ċivili, skont il-mexxejja tal-komunitajiet; billi investigazzjoni indipendenti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Niġerja se tikkonkludi dwar id-delitti f'Baga sal-aħħar ta' Lulju;

C.  billi l-gvern federali klassifika l-Boko Haram taħt l-Att dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tal-2011 sabiex jippermetti l-prosekuzzjoni ta' kull individwu assoċjat ma' dan il-grupp jew li jappoġġah;

D.  billi l-Boko Haram kien responsabbli għal 4 000 mewt mill-2009; billi aktar minn 700 Niġerjan inqatlu s'issa f'aktar minn 80 attakk assoċjat mal-Boko Haram, li rapport reċenti tal-Istati Uniti klassifika fit-tieni post forst il-gruppi terroristiċi l-aktar qattiela fid-dinja; billi l-konnessjoni bejn il-Boko Haram u l-AQIM (Al-Qaida fil-Magreb Iżlamiku) jirrappreżenta theddida serja għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun vast ta' Sahel u tal-Afrika tal-Punent inġenerali; billi l-uffiċjali tas-sigurtà qed ikomplu jkunu fil-mira tal-Boko Haram, bħal fil-każ tat-tfittixija għal għarrieda li għamlet fis-7 ta' Mejju 2013 f'ħabs f'Bama, li fih madwar 55 persuna nqatlu u kważi 105 detenut inħelsu;

E.  billi l-Human Rights Watch, Amnesty International, Freedom House u l-organizzazzjonijiet l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw l-involviment tal-Boko Haram f'attakki fuq għases tal-pulizija, faċilitajiet militari, knejjes, skejjel, irziezet u banek; billi l-Boko Haram espanda l-miri tiegħu taċ-ċivili, inkluż attakki fuq żewġt iskejjel sekondarji fl-istati ta' Borno u ta' Yobe fis-16 u s-17 ta' Ġunju 2013, li fihom inqatlu 16-il student u żewġ għalliema; billi dawn l-attakki ġiegħlu lil bosta eluf ta' tfal tal-iskola jabbandunaw l-edukazzjoni formali; billi t-theddid liċ-ċivili ġiegħel lil 19 000 bidwi jaħarbu mill-irziezet tagħhom u jabbandunaw ir-raba' tagħhom, li wassal għal telf fil-produttività agrikola u kkontribwixxa għall-iskarsezzi tal-ikel;

F.  filwaqt li enfasizza t-tħassib dejjem jikber tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Boko Haram biex jisraq nisa u tfal bħala parti mill-kampanja vjolenti tal-gwerilja; billi fin-Niġerja nserqu, ġew attakkati u maqtula wkoll ħaddiema barranin mir-ribelli;

G.  billi l-uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli tan-NU għar-Rifuġjati wissa dwar kriżi tar-rifuġjati; billi f'dawn l-aħħar ġimgħat, madwar 6 000 Niġerjan waslu fin-Niġer u bejn il-11 u t-13 ta' Ġunju 2013, madwar 3 000 Niġerjan qasmu għall-Kamerun; billi r-rifuġjati qed jaqsmu wkoll il-fruntiera maċ-Ċad; billi tali spostamenti kkawżaw tensjonijiet kbar għar-riżorsi lokali limitati ħafna tal-ikel u tal-ilma, speċjalment fin-Niġer, li huwa stess qed jiġġieled ma' insigurtà tal-ikel minħabba snin ta' nixfa; billi l-ebda ġar tan-Niġerja ma għandu l-kapaċità li jassorbi n-numru ta' nies li se jkunu spostati f'każ ta' diżastru umanitarju ta' skala kbira wara vjolenza tal-massa;

H.  billi l-Kristjani, il-Musulmani moderati u l-gruppi reliġjużi oħra qed ikomplu jkunu fil-mira tal-Boko Haram u qed jipprova jkeċċihom mit-Tramuntana tal-pajjiż b'maġġoranza Musulmana;

I.  billi bi tweġiba għall-vjolenza tal-Boko Haram, il-pulizija u l-armata tan-Niġerja ħatfu u wettqu eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji ta' bosta membri suspettati tal-grupp, partikolarment billi ħatfu ġuvintur minn villaġġi fit-Tramuntana; billi ħafna mid-detenuti nżammu incommunicado mingħajr akkuża jew proċess, f'xi każijiet f'kundizzjonijiet diżumani, u billi xi wħud ġew abbużati fiżikament, filwaqt li oħrajn sparixxew jew mietu waqt li kienu fid-detenzjoni; billi l-Gvern Niġerjan u l-uffiċjali tal-armata pprovdew stimi mhux affidabbli tal-vittmi ċivili u tal-ħsara li saret lid-djar; billi Human Rights Watch, Freedom House u l-organizzazzjonijiet l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem iddeskrivew ir-reazzjoni tal-forzi Niġerjani fix-xhur reċenti bħala dejjem aktar brutali u indiskriminata u ċ-ċittadini qed jitħallew iġarrbu l-piż tal-vjolenza bejn iż-żewġ gruppi b'mod sporpozjonat;

J.  billi l-libertajiet tal-espressjoni u tal-istampa qed jiddgħajfu minħabba t-theddid ta' arrest, intimidazzjoni, vjolenza u saħansitra mewt kontra dawk li jirrapportaw il-problemi b'mod li jikkritikaw l-awtoritajiet Niġerjani; billi l-Boko Haram heddet ripetutament li jattakka l-faċilitajiet tal-midja li rrapportaw b'mod negattiv dwarha;

K.  billi minħabba d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza, partijiet kbar tal-istati tal-Grigal saru inaċċessibbli għall-aġenziji tal-għajnuna, il-ġurnalisti u għall-korrispondenti; billi l-gvern imblokka s-servizzi ta' telefonija mobbli f'diversi żoni biex iwaqqaf il-komunikazzjoni tal-militanti;

L.  billi l-Gvern Niġerjan dan l-aħħar kiser il-moratorja ta' seba' snin tiegħu dwar il-piena tal-mewt billi wettaq l-eżekuzzjoni ta' erba' priġunieri fl-istat ta' Edu li ġew ikkundannati meta n-Niġerja kienet għadha mmexxija minn dittatura militari; billi fis-26 ta' Ġunju 2013, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Christof Heyns, stieden lill-awtoritajiet Niġerjani jwaqqfu l-eżekuzzjoni imminenti tal-ħames priġunier; billi skont ir-rapporti mill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, fl-2012 in-Niġerja kkundannat 56 persuna għall-mewt u billi madwar 1 000 persuna huma rappurtati li qed jistennew il-piena tal-mewt fil-pajjiż.

M.  billi l-Kamra tar-Rappreżentanti Niġerjana adottat l-liġi dwar il-projbizzjoni ta' żwieġ bejn persuni tal-istess sess (Same-Gender Marriage (Prohibition) Bill) fit-30 ta' Mejju 2013, li jintroduċi sentenza ta' priġunerija ta' erbatax-il sena lil kull min jiżżewweġ jew ikun miżżewweġ ma' persuna tal-istess sess, li japplika mhux biss għan-Niġerjani iżda wkoll għat-turisti, il-ħaddiema barranin u d-diplomatiċi, kif ukoll sentenza ta' għaxar snin għar-reġistrazzjoni jew għall-operazzjoni ta' faċilitajiet soċjali jew NGOs li jappoġġaw d-drittijiet tal-bniedem ta' persuni LGBTI;

N.  billi l-problemi fin-Niġerja jinbtu min-nuqqas ta' żvilupp ekonomiku u t-tensjonijiet għandhom l-għeruq tagħhom f'għexieren ta' snin ta' riżentiment bejn il-gruppi indiġeni, l-aktar Insara jew animisti, li qegħdin jikkontendu għall-kontroll ta' artijiet agrikoli għammiela kontra migranti u residenti ġodda mit-Tramuntana, li huma Musulmani u ta' lsien Hausa; billi l-kunflitti qed jikbru minħabba tibdil fil-klima u l-progressjoni tad-deżert; billi l-kunflitt armat li qed jaggrava u l-isfidi soċjali u ekonomiċi persistenti x'aktarx iżidu r-radikalizzazzjoni, inkluż il-manipulazzjoni u r-reklutaġġ mill-gruppi fundamentalisti Iżlamiċi bħall-Boko Haram;

O.  billi l-UE hija l-akbar donatur finanzjarju tan-Niġerja; billi, fit-12 ta' Novembru 2009, il-Kummissjoni u l-Gvern Federali tan-Niġerja ffirmaw id-Dokument ta' Strateġija għall-Pajjiż Niġerja-Komunità Ewropea u l-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-perjodu 2008-2013, skont liema dokumenti l-UE se tiffinanzja proġetti bl-għanijiet tal-paċi, is-sigurtà u d-drittijiet tal-bniedem; billi l-assistenza tal-UE lin-Niġerja tul dan il-perjodu tammonta għal EUR 700 miljun, li ċertu ammont minnhom ġie devjat biex jindirizzaw is-sitwazzjoni ta' sigurtà dejjem aktar problematika fit-Tramuntana tan-Niġerja;

P.  billi, skont l-Artikoli 8 u 9 tal-Ftehim ta' Cotonou rivedut, l-UE timpenja ruħha fi djalogu politiku regolari man-Niġerja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li jinkludu d-diskriminazzjoni etnika, reliġjuża u razzjali;

Q.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, wissa li l-attakki tal-Boko Haram jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; billi l-prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, Fatou Bensouda, għamlet żjara f'Abuja f'Lulju 2012 u billi l-uffiċju tagħha ppubblika rapport f'Novembru 2012 li jiddikjara li jeżistu bażijiet raġonevoli biex dak li jkun iqis li l-Boko Haram ikkommetta atti li jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità;

R.  billi għalkemm in-Niġerja hija waħda mill-akbar produtturi taż-żejt fid-dinja, kważi 60 % tal-popolazzjoni jgħixu b'anqas minn dollaru kuljum; billi s-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti timplika wkoll l-aċċess ġust għar-riżorsi u r-ridistribuzzjoni ġusta tad-dħul peremzz tal-baġit statali;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-eskalazzjoni tal-vjolenza min-naħa tal-Boko Haram u t-telf traġiku ta' ħajjiet innoċenti fir-reġjuni milquta tan-Niġerja, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji ta' dawk li tilfu ħajjithom u lil dawk midruba; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tensjonijiet li għaddejjin li fihom il-komunitajiet kienu atturi u vittmi;

2.  Iħeġġeġ lill-gvern Niġerjan jiggarantixxi s-sigurtà u l-protezzjoni tal-popolazzjoni tiegħu kontra l-vjolenza tal-Boko Haram u jżomm lura milli jwettaq aktar attakki jew qtil bi tpattija, filwaqt li jirrispetta l-obbligi tiegħu taħt standards tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u jaġixxi b'mod konformi mal-istat tad-dritt;

3.  Jikkundanna l-forzi militari Niġerjani talli użaw forza sproporzjonata fil-kuntatti vjolenti mal-Boko Haram, b'mod partikolari fit-tfittxijiet għal għarrieda tagħhom f'Baga fis-16 u s-17 ta' April 2013;

4.  Iħeġġeġ kemm il-gvern kif ukoll l-atturi fil-livell substatali biex joqogħdu lura u jfittxu soluzzjonijiet paċifiċi biex isolvu d-differenzi ta' bejn il-gruppi reliġjużi u etniċi fin-Niġerja; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' sistema ġudizzjarja indipendenti, imparzjali aċċessibbli u li tiffunzjona, b'mod partikolari waqt il-kunflitti armati, sabiex titwaqqaf l-impunità, jissaħħaħ ir-rispett għall-istat tad-dritt u jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-popolazzjoni;

5.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan jevita l-eskalazzjoni ulterjuri tal-kunflitt, b'kunsiderazzjoni partikolari għas-sikurezza u l-benessri taċ-ċivili, u jfakkar li l-qerda u l-ħsara għad-djar, l-infrastruttura pubblika u l-art agrikola kkawżati waqt il-kunflitt qed ikollhom impatt detrimentali fuq il-popolazzjoni;

6.  Iħeġġeġ kemm lill-Gvern Niġerjan kif ukoll lill-Boko Haram jirrikonoxxu u jirrispettaw il-libertà tal-istampa u l-midja u jippermettu l-ġurnalisti u l-korrispondenti aċċess għall-linji ta' quddiem tal-kunflitti, peress li l-istampa u l-midja jistgħu jkollhom rwol importanti fit-tisħiħ tar-rendikont u fir-reġistrazzjoni tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

7.  Jikkundanna l-eżekuzzjoni ta' Daniel Nsofor mill-awtoritajiet Niġerjani għal reati mwettqa meta hu kien għadu taħt l-età ta' 18-il sena; jirrakkomanda li l-awtoritajiet jieħdu l-passi neċessarji sabiex jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-osservazzjonijiet finali tal-2010 fuq in-Niġerja, b'mod partikolari billi jiżguraw li d-definizzjoni ta' tfal fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u fil-livell ta' stat hija kompletament konformi ma' dik stabbilita fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, sabiex jirrevedu l-fajls tal-priġunieri kollha kkundannati għall-mewt għal reati mwettqa qabel ma għalqu t-18-il sena, u sabiex jabolixxu l-piena tal-mewt għall-persuni kollha taħt l-età ta' 18-il sena fil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-eżekuzzjoni ta' erba' priġunieri fin-Niġerja f'Ġunju 2013; jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jirrispettaw l-impenji reċenti tagħhom, kif espressi fil-qafas ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u n-Niġerja, biex iżommu moratorja de facto fuq l-eżekuzzjonijiet, u jħeġġeġ lill-pajjiż jabolixxi l-piena tal-mewt billi jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea u l-UNICEF, sabiex iħaffu l-isforzi tagħhom għal riformi b'mod konformi tal-Konvenzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b'mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-ġustizzja għat-tfal u s-sistemi ta' reġistrazzjoni tat-twelid; jirrakkomanda li n-Niġerja tkompli bl-isforzi tagħha u ssaħħaħhom sabiex tiżgura reġistrazzjoni bla ħlas u obbligatorja għat-tfal kollha u żżid is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku fir-rigward tal-importanza tar-reġistrazzjoni tat-twelid u tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ;

10.  Jirrikonoxxi li l-mowbajls jirrappreżentaw forma importanti ta' komunikazzjoni għall-militanti, iżda jħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex ma jirrikorrix għall-imblokk tan-netwerk sħiħ, peress li dan jagħmilha impossibbli għaċ-ċittadini li jikkomunikaw;

11.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni reġjonali għall-iffaċċjar tat-theddida kkawżata mill-konnessjoni bejn il-Boko Haram u l-AQMI; jinkoraġġixxi l-pajjiżi fir-reġjun isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, inkluż mal-pajjiżi tas-Sahel, sabiex jiġu evitati aktar sinerġiji bejn il-Boko Haram, l-AQMI u l-Moviment għat-Twaħħid u l-Ġiħad fl-Afrika tal-Punent (MOJWA); jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, kif ukoll in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), jappoġġaw tali sforzi reġjonali u jindirizzaw it-theddid li jġibu magħhom it-terroriżmu, il-proliferazzjoni ta' armi ta' kalibru żgħir u l-kriminalità transkonfinali;

12.  Jieħu att bi tħassib tat-theddida dejjem akbar tal-piraterija 'l barra mill-Golf tal-Ginea u l-bżonn għal azzjoni aktar koordinata; jilqa' f'dan ir-rigward, l-isforzi reġjonali li sar qbil fuqhom sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-piraterija fis-summit tal-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-Golf tal-Ginea dwar is-sigurtà u s-sikurezza marittima, li sar f'Yaoundé (il-Kamerun) fl-24 ta' Ġunju 2013;

13.  Jitlob eżami usa' tal-kawżi li jinsabu fl-għeruq ta' dan il-kunflitt inklużi t-tensjonijiet soċjali, ekonomiċi u etniċi, filwaqt li jiġu evitati spjegazzjonijiet ġeneriċi u sempliċistiċi bbażati fuq ir-reliġjon biss, li ma jistgħux jipprovdu l-bażi għal soluzzjoni fit-tul u dewwiema għall-problemi tar-reġjun; iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jaħdem għal soluzzjoni paċifika billi jindirizza l-kawżi primarji tal-kunflitt, u jiżgura aċċess ġust għar-riżorsi, żvilupp sostenibbli fil-livell tar-reġjuni u ridistribuzzjoni tad-dħul permezz tal-baġit tal-istat;

14.  Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u li dawk responsabbli jidhru quddiem qorti b'konformità mal-istandards internazzjonali għal proċess ġust;

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li eskalazzjoni tal-kunflitt fin-Niġerja se taggrava aktar il-kriżi tar-rifuġjati fil-pajjiż viċini ta' Niġer u l-Kamerun; jinkoraġġixxi l-uffiċjali tal-Gvern Niġerjan jikkollaboraw mal-kapijiet tal-pajjiżi viċini sabiex jikkoordinaw ir-rispons għall-influss ta' rifuġjati;

16.  Jitlob lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, tħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jeżerċita r-rispett għall-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet kontra t-terroriżmu; jesprimi d-disponibbiltà tiegħu sabiex isegwi mill-qrib l-iżvilupp tas-sitwazzjoni fin-Niġerja, u jipproponi miżuri restrettivi fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-Ftehim ta' Cotonou, b'mod partikolari l-Artikoli 8 u 9 tiegħu; jitlob lill-Kummissjoni sabiex anki hi timmonitorja s-sitwazzjoni;

17.  Jesprimi d-dispjaċir profond tiegħu dwar l-adozzjoni tal-liġi dwar il-projbizzjoni ta' żwieġ bejn persuni tal-istess sess, li abbażi tagħha relazzjoni bejn persuni tal-istess sess, l-appoġġ għad-drittijiet tal-persuni LGBT, il-ġestjoni ta' postijiet favur l-omosesswalità jew it-turija ta' affezzjoni bejn żewġ persuni tal-istess sess jikkostitwixxu reat; jistieden lill-President tan-Niġerja, għalhekk, biex ma jiffirmax il-liġi approvata mill-Kamra tar-Rappreżentanti, li tqiegħed persuni LGBT – kemm Niġerjani kif ukoll barranin – f'riskju gravi ta' vjolenza u arrest;

18.  L-awtoritajiet Niġerjani jitħeġġew jiddepenalizzaw l-omosesswalità sabiex jiġu protetti l-persuni LGBTI u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali tan-Niġerja, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u tal-ECOWAS, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-AKP-UE u lill-Parlament PAN-Afrikan (PAP).

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0274.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
(3) Testi adottati, P7_TA(2012)0299.
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0090.

Avviż legali - Politika tal-privatezza