Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 10 ta' Ottubru 2013 - Strasburgu
Il-parteċipazzjoni tal-Ġordan fil-programmi tal-Unjoni ***
 L-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) ***I
 Batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju ***I
 L-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA
 It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-infurzar tal-liġi fl-UE
 Diskriminazzjoni abbażi tal-kasti
 Rapport Annwali tal-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2012
 Każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra Nsara, partikolarment f'Maaloula (Sirja) u Peshawar (Pakistan) u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (Iran)
 Ġlied fis-Sudan u ċensura sussegwenti tal-midja
 Il-vjolenza reċenti fl-Iraq

Il-parteċipazzjoni tal-Ġordan fil-programmi tal-Unjoni ***
PDF 210kWORD 20k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fil-programmi tal-Unjoni (12138/2012 – C7-0008/2013 – 2012/0108(NLE))
P7_TA(2013)0415A7-0305/2013

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12138/2012),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fil-programmi tal-Unjoni (12135/2012),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 flimkien mat-tieni subparagrafu, punt (a) tal-Artikolu 218(6) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0008/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0305/2013),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-protokol;

2.  Jenfasizza l-importanza li jitkomplew jiġu promossi l-kooperazzjoni u d-djalogu mill-qrib mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat kif ukoll li jsir aktar progress fid-djalogu politiku u ekonomiku bejn l-Unjoni u l-Ġordan;

3.  Ifakkar li, skont stimi mill-awtoritajiet tal-Ġordan, iżjed minn 500 000 rifuġjat mis-Sirja fittxew rifuġju fil-Ġordan u li l-kriżi Sirjana qed ikollha konsegwenzi gravi fuq l-ekonomija u fuq il-baġit tal-Ġordan minħabba r-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex tingħata assistenza umanitarja lir-rifuġjati; jiddispjaċih tal-fatt, madankollu, li minn Awwissu 2012 il-fruntiera tal-Ġordan ingħalqet lir-rifuġjati Palestinjani li jkunu ġejjin mis-Sirja;

4.  Jenfasizza għalhekk l-importanza li jingħata sostenn finanzjarju, tekniku u umanitarju adegwat lil-Ġordan;

5.  Jesprimi apprezzament kbir għall-impenn muri mill-M.T. ir-Re Abdullah II tal-Ġordan fil-promozzjoni ta' proċess ta' riformi estensiv ħafna għall-benefiċċju tal-Ġordan u tal-poplu tiegħu; jenfasizza l-importanza li jinkisbu riżultati sostenibbli permezz ta' dawn ir-riformi, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġustizzja soċjali;

6.  Jilqa' pożittivament u jsostni wkoll ir-rwol proattiv u kostruttiv ta' medjazzjoni li żvolġa l-Ġordan, fl-ambitu tal-isforzi mmirati biex jinstabu soluzzjonijiet dejjiema għad-diversi kunflitti fil-Lvant Nofsani;

7.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan.


L-istabbiliment tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) ***I
PDF 296kWORD 42k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) (COM(2011)0873 – C7-0506/2011 – 2011/0427(COD))
P7_TA(2013)0416A7-0232/2013

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2011)0873),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2)(d) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0506/2011),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni motivata preżentata mil-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-14 ta' Ġunju 2013, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0232/2013),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova l-istqarrija tiegħu annessa ma’ din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tirreferi l-kwistjoni għal darb’oħra lill-Parlament jekk hija għandha l-intenzjoni li temenda l-proposta tagħha sostanzjalment jew tissostitwiha b’test ieħor;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-10 ta' Ottubru 2013 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi s-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (Eurosur)

P7_TC1-COD(2011)0427


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 1052/2013.)

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Dikjarazzjoni mill-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew jisħaq li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħmlu ħilithom u jużaw terminoloġija xierqa u newtra fit-testi leġiżlattivi meta jindirizzaw il-kwestjoni ta’ nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li l-preżenza tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri ma tkunx ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew ma tkunx għadha awtorizzata. F'każijiet bħal dawn, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jevitaw li jużaw it-terminu "illegali" fejn ikun possibbli li jinstabu kliem oħra, u fi kwalunkwe każ, meta jirreferu għal persuni, għandha tintuża "migranti irregolari".


Batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju ***I
PDF 290kWORD 21k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil (COM(2012)0136 – C7-0087/2012 – 2012/0066(COD))
P7_TA(2013)0417A7-0131/2013

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0136),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikoli 192(1) u 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0087/2012),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar l-użu tal-atti delegati u fuq il-bażi legali proposta,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-24 ta' Mejju 2012(1),

–  wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-14 ta' Ġunju 2013, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunisdra l-Artikoli 55 u 37 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0131/2013),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari tal-10 ta' Ottubru 2013 bil-ħsieb li tadotta d-Direttiva 2013/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli li jkun fihom il-kadmju maħsuba għall-użu f’għodda mingħajr fil imħaddma bl-enerġija, u ta’ ċelluli buttuna li fihom kontenut baxx ta’ merkurju, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/603/KE

P7_TC1-COD(2012)0066


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Direttiva 2013/56/UE.)

(1) ĠU C 229, 31.7.2012, p. 140.


L-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA
PDF 330kWORD 33k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta’ priġunieri f’pajjiżi Ewropej mis-CIA (2013/2702(RSP))
P7_TA(2013)0418RC-B7-0378/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tat-13 ta' Diċembru 2012 li tikkundanna lil Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) għas-‘serjetà estrema’ tal-ksur tagħha tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (Artikoli 3, 5, 8 u 13) matul il-konsenja straordinarja ta' Khaled El-Masri,

–  wara li kkunsidra l-każijiet pendenti tal-QEDB li ġejjin: Al-Nashiri v il-Polonja, Abu Zubaydah v il-Litwanja, Abu Zubaydah v il-Polonja u Nasr u Ghali v l-Italja; wara li kkunsidra l-applikazzjoni ppreżentata mis-Sur Al-Nashiri kontra r-Rumanija f'Awwissu 2012 u l-applikazzjoni ppreżentata f'Diċembru 2012 mill-Istitut tal-Monitoraġġ tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRMI) u l-Inizjattiva tal-Ġustizzja għal Soċjetà Miftuħa kontra l-Litwanja għall-ksur tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni u d-dritt għal rimedju effettiv,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Suprema Taljana ta' Settembru 2012 li sostniet il-kundanna ta' 23 ċittadin tal-Istati Uniti b’konnessjoni mal-ħtif fl-2003 ta' Abu Omar, u fosthom l-ex-Kap tal-uffiċju tas-CIA f'Milan, Robert Seldon Lady, li ġie kkundannat għal disa' snin ħabs,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ta' Milan ta' Frar 2013 li kkundannat tliet aġenti oħra tas-CIA(1), preċedentement ikkunsidrati bħala koperti mill-immunità diplomatika, għal bejn sitta u seba' snin ħabs; wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-istess qorti li tikkundanna wkoll lil Nicolò Pollari, ex Kap tas-Servizz Taljan tal-Intelligence Militari u s-Sigurtà (SISMI), għal għaxar snin ħabs, lil Marco Mancini, ex Viċi Kap tas-SISMI, għal disa' snin ħabs, u tliet aġenti tas-SISMI għal sitt snin kull wieħed,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-President Taljan tal-5 ta' April 2013 li jaħfer lill-Kurunell tal-Istati Uniti Joseph Romano, li ġie kkundannat fl-Italja għar-responsabilità tiegħu fil-ħtif ta' Abu Omar f'dak il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar ‘l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu tar-rapport tal-Kumitat tat-TDIP tal-Parlament Ewropew"(2),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti mgħoddija lir-rapporteur mill-Kummissjoni, inklużi ittri mhux speċifiċi għal pajjiż, mibgħuta f'Marzu 2013 lill-Istati Membri kollha, li weġbuhom biss ftit Stati Membri (il-Finlandja, l-Ungerija, Spanja u l-Litwanja),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar Guantánamo, l-aktar riċenti minnhom hija dik tat-23 ta’ Mejju 2013 dwar ‘Guantanamo: strajk tal-ġuħ tal-priġunieri"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010-2011)(4),

–  wara li kkunsidra d-data tat-titjiriet mibgħuta mill-Eurocontrol sa Settembru 2012,

–  wara li kkunsidra t-talba mibgħuta f'April 2013 mir-rapporteur lill-Aġenzija għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni fl-Ajru fl-Afrika u l-Madagaskar (ASECNA) għall-kooperazzjoni dwar l-iżvelar tad-data tat-titjiriet u għar-risposta pożittiva li waslet f'Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt u dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2012 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Lussemburgu, 6 u 7 ta' Ġunju 2013),

–  wara li kkunsidra ‘l-Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (2010-2014)’,

–  wara li kkunsidra l-bosta rapporti tal-midja u atti ta' ġurnaliżmu investigattiv, b’mod partikolari – iżda mhux b’mod eżawrjenti – ix-xogħol investigattiv imxandar fuq l-istazzjon televiżiv Rumen Antena 1 f'April 2013,

–  wara li kkunsidra r-riċerka u l-investigazzjonijiet imwettqa speċjalment minn Interights, Redress u Reprieve, u r-rapporti li nħarġu sa mill-adozzjoni tal-imsemmija riżoluzzjoni tal-Parlament tal-11 ta' Settembru 2012, minn riċerkaturi indipendenti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet mhux governattivi nazzjonali u internazzjonali, b'mod partikolari r-rapport tal-‘Justice Initiative’ tal-fondazzjoni ‘Open Society’ dwar il-globalizzazzjoni tat-tortura: id-Detenzjoni u l-Konsenji Straordinarji Sigrieti tas-CIA (Globalising Torture: CIA Secret Detention and Extraordinary Rendition) (Frar 2013), l-istudju indipendenti, bl-involviment taż-żewġ partiti politiċi ewlenin, li sar fl-Istati Uniti tal-Amerika mit-Task Force dwar it-Trattament tad-Detenuti (Task Force on Detainee Treatment) tal-grupp ta’ riflessjoni ‘The Constitution Project (April 2013), il-Bażi tad-Data dwar it-Titjiriet ta' Konsenja ppubblikata mis-sit elettroniku akkademiku Brittaniku (The Rendition Project) (Mejju 2013), ir-rapport tal-organizzazzjoni Amnesty International ‘Unlock the truth: Poland’s involvement in CIA secret detention’ (Ġunju 2013) u l-ittra mibgħuta mill-organizzazzjoni Human Rights Watch lill-awtoritajiet Litwani (Ġunju 2013),

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet imressqa mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (O-000079/2013 – B7–0215/2013 u O-000080/2013 – B7–0216/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali tal-politiki kontra t-terroriżmu;

B.  billi l-Parlament ikkundanna l-programm ta' konsenja u detenzjoni sigrieta tas-CIA mmexxija mill-Istati Uniti li jinvolvi ksur multiplu tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-detenzjoni illegali u arbitrarja, it-tortura u maltrattament ieħor, il-ksur tal-prinċipju ta’ non-refoulement u l-għajbien imġiegħel bl-użu mis-CIA tal-ispazju tal-ajru u t-territorju Ewropew; billi l-Parlament kemm-il darba talab li jsiru investigazzjonijiet sħaħ dwar il-kollaborazzjoni mill-gvernijiet u aġenziji nazzjonali mal-programmi tas-CIA;

C.  billi l-Parlament impenja ruħu li jkompli jwettaq il-mandat mogħti lilu mill-Kumitat Temporanju, skont l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u ta istruzzjonijiet lill-kumitati relevanti tiegħu biex jindirizzaw lill-Parlament fil-plenarja dwar il-kwistjoni sena wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-11 ta' Settembru 2012, peress li jqis li huwa essenzjali li jiġi vvalutat il-punt sa fejn ġew implimentati r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Parlament;

D.  billi l-obbligu ta’ rendikont għall-konsenji hu essenzjali biex jiġu protetti u promossi b'mod effettiv id-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tal-UE, u biex jiġu żgurati politiki tas-sigurtà leġittimi u effettivi msejsa fuq l-istat tad-dritt; billi riċentement l-istituzzjonijiet tal-UE pparteċipaw f'dibattitu dwar kif l-UE tista' tipproteġi u tippromwovi aħjar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

E.  billi ma kien hemm l-ebda risposta sostantiva mill-Kunsill u l-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament;

F.  billi l-awtoritajiet Litwani tennew l-impenn tagħhom li jerġgħu jiftħu l-investigazzjoni kriminali dwar l-involviment tal-Litwanja fil-programm tas-CIA jekk joħorġu elementi ġodda, iżda s’issa għadhom m'għamlux dan; billi fl-osservazzjonijiet tagħhom lill-QEDB fil-każ ta' Abu Zubaydah, l-awtoritajiet Litwani wrew nuqqasijiet gravi fl-investigazzjonijiet tagħhom, u nuqqas ta’ komprensjoni tat-tifsira tal-informazzjoni ġdida; billi l-Litwanja għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-tieni nofs tal-2013; billi, fit-13 ta' Settembru 2013, tressaq ilment lill-Prosekutur Ġenerali Litwan li jsejjaħ għal investigazzjoni tal-allegazzjonijiet li Mustafa al-Hawsawi, li attwalment qed jgħaddi ġuri mill-kummissjoni militari fil-Bajja ta' Guantánamo, ġie illegalment trasferit, u b'mod sigriet miżmum u ttorturat fil-Litwanja bħala parti minn programm immexxi mis-CIA;

G.  billi x-xogħol investigattiv profond imxandar fuq l-istazzjon televiżiv Antena 1 f'April 2013 ipprovda indikazzjonijiet ulterjuri tar-rwol ċentrali tar-Rumanija fin-netwerk ta’ ħabsijiet; billi l-ex konsulent tas-sigurtà nazzjonali Ioan Talpeş iddikjara li r-Rumanija pprovdiet appoġġ loġistiku lis-CIA; billi ex senatur Rumen ammetta l-limitazzjonijiet tal-inkjesta parlamentari preċedenti u talab lill-prosekuturi biex jibdew proċedimenti ġudizzjarji;

H.  billi ġiet ippreżentata talba mal-prosekuturi Pollakki fil-11 ta' Ġunju 2013 sabiex it-tielet raġel, il-Jemenita Walid Mohammed Bin Attash, jiġi uffiċjalment rikonoxxut bħala vittma wara li ġie arrestat illegalment fil-Pakistan fl-2003, miżmum f'ħabs sigriet fil-Polonja minn Ġunju sa Settembru 2003 u konsegwentement mibgħut fi Guantánamo, fejn jinsab attwalment; billi l-prosekuturi Polakki estendew sa Ottubru 2013 investigazzjoni kriminali li għaddejja bħalissa;

I.  billi l-awtoritajiet Britanniċi qed iżidu ostakli proċedurali għat-talba ċivili mressqa fir-Renju Unit mil-Libjan Abdel Hakim Belhadj, li allegatament ingħata t-tortura fil-Libja mis-CIA bl-għajnuna Britannika, u esprimew l-intenzjoni tagħhom li jfittxu li x-xhieda tinstema' fi proċedimenti sigrieti;

J.  billi f'Diċembru 2012 l-Italja ħarġet mandat ta' arrest internazzjonali kontra Robert Seldon Lady, li ġie arrestat fil-Panama f'Lulju 2013; billi t-talba ta' estradizzjoni sussegwentement magħmula mill-Italja ma ġietx aċċettata mill-Panama, u Robert Seldon Lady ġie rritornat lill-Istati Uniti f'Lulju 2013; billi l-President Taljan iddeċieda, fil-5 ta' April 2013, li jaħfer lill-Kurunell tal-Istati Uniti Joseph Romano, li ġie kkundannat minn Qorti Taljana għar-responsabilità tiegħu fil-ħtif ta' Abu Omar fl-Italja;

K.  billi f'Novembru 2012, l-Ombudsman Parlamentari tal-Finlandja beda investigazzjoni dwar l-użu tat-territorju, l-ispazju tal-ajru u s-sistemi ta' rekords tat-titjir tal-Finlandja fil-programm ta' konsenja tas-CIA, bagħat talbiet bil-miktub u dettaljati għal informazzjoni lil 15-il aġenzija tal-gvern u talab lill-awtoritajiet Litwani għal informazzjoni speċifika dwar titjiriet relatati;

L.  billi l-inkjesta mwettqa mid-Danimarka sa Mejju 2012 ma tikkostitwixxix investigazzjoni indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u effettiva kif meħtieġ mid-dritt u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba n-nuqqas ta’ setgħat suffiċjenti u l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tagħha;

M.  billi żewġ Stati Membri biss (il-Ġermanja u r-Renju Unit) irrispondew għall-ittri ta' segwitu mibgħuta minn tmien Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija, l-Isveżja u r-Renju Unit) permezz tal-Proċeduri Speċjali tan-NU, fejn talbu informazzjoni addizzjonali wara l-Istudju Konġunt tan-NU dwar il-prattiki globali fir-rigward tad-detenzjoni sigrieta fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu(5);

N.  billi l-President Obama tal-Istati Uniti tenna l-impenn tiegħu li jagħlaq il-ħabs ta’ Guantánamo, u ħabbar fit-23 ta' Mejju 2013 li se jerġa' jibda l-ħelsien tad-detenuti u li jneħħi moratorju fuq il-ħelsien ta’ priġunieri Jemeniti li diġa' kien meqjus li hu sikuri li jiġu trasferiti lura lejn il-Jemen, minkejja reżistenza fil-Kungress tal-Istati Uniti; billi l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jridu jonoraw l-obbligi internazzjonali tagħhom billi jipproċessaw legalment lil Robert Seldon Lady;

O.  billi, fid-dikjarazzjoni ta' ftuħ li hi tat fit-23 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (Ġinevra, Mejju 2013), il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Navi Pillay, ikkwotatat ir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament tal-11 ta' Settembru 2012 u talbet għal 'investigazzjonijiet kredibbli u indipendenti' bħala 'l-ewwel pass vitali lejn ir-responsabilità' u ‘[talbet] lill-Istati jagħmlu dan prijorità tagħhom';

P.  billi, fir-rapport annwali tal-2013(6) tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu, Ben Emmerson, ikkwota l-ħidma tal-Parlament u approva wħud mir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-riżoluzzjoni msemmija qabel tal-11 ta' Settembru 2012;

1.  Jiddeplora profondament in-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2012, partikolarment mill-Kunsill, il-Kummissjoni, il-gvernijiet tal-Istati Membri, l-istati kandidati u l-pajjiżi assoċjati, in-NATO u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti, speċjalment fid-dawl tal-ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-vittmi tal-programmi tas-CIA;

2.  Iqis li l-klima ta’ impunità fir-rigward tal-programmi tas-CIA ippermettiet li jkompli l-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-politiki ta' kontra t-terroriżmu tal-UE u tal-Istati Uniti, kif żvelat b’mod ulterjuri mill-attivitajiet ta’ spjunaġġ tal-massa tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Aġenzija tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti u l-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri, li bħalissa qed jiġu investigati mill-Parlament;

Il-proċess ta’ obbligu ta’ rendikont fl-Istati Membri

3.  Itenni t-talba tiegħu lil dawk l-Istati Membri li ma wettqux l-obbligu pożittiv tagħhom li jagħmlu inkjesti indipendenti u effettivi biex jinvestigaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jqisu l-evidenza ġdida kollha li ħarġet fid-deher, u li jiżvelaw l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar l-ajruplani kollha assoċjati mas-CIA u t-territorju tagħhom li jqajmu suspett; jitlob b’mod partikolari lill-Istati Membri biex jinvestigaw jekk sarux operazzjonijiet li fihom persuni nżammu taħt il-programmi tas-CIA f’faċilitajiet sigrieti fit-territorju tagħhom; jistieden lill-Istati Membri konċernati (Franza, l-Italja, il-Litwanja, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Isvezja) jwieġbu l-ittri mibgħuta mill-Proċeduri Speċjali tan-NU;

4.  Iħeġġeġ lil-Litwanja terġa' tiftaħ l-investigazzjonijiet kriminali tagħha dwar il-faċilitajiet ta' detenzjoni sigrieta tas-CIA u twettaq investigazzjoni rigoruża filwaqt li tqis l-evidenza fattwali kollha li ġiet żvelata, l-aktar dwar il-każ tal-QEBD ta' Abu Zubaydah v il-Litwanja; jistieden lil-Litwanja tippermetti lill-investigaturi jwettqu eżami komprensiv tan-netwerk ta’ titjiriet ta’ konsenja u l-persuni ta’ kuntatt li huma magħrufa pubblikament li organizzaw jew ipparteċipaw fit-titjiriet konċernati; jistieden lill-awtoritajiet Litwani jwettqu eżami forensiku tas-sit tal-ħabs u analiżi tar-reġistri tat-telefonati; iħeġġiġhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-QEDB fil-każijiet ta' Abu Zubaydah v il-Litwanja u HRMI v il-Litwanja; jistieden lil-Litwanja, fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni kriminali, tikkunsidra l-applikazzjonijiet għal status/parteċipazzjoni fl-investigazzjoni minn vittmi possibbli oħra; iħeġġeġ lil-Litwanja twieġeb bis-sħiħ għat-talbiet għal informazzjoni minn Stati Membri oħra tal-UE, b'mod partikolari t-talba għall-informazzjoni mill-Ombudsman Finlandiż dwar titjira jew titjiriet li jistgħu jistabbilixxu rabta tal-Finlandja u l-Litwanja bħala rotta possibbli ta' konsenja; iħeġġeġ lill-Prosekutur Ġenerali Litwan iwettaq investigazzjonijiet kriminali dwar l-ilment ta' Mustafa al-Hawsawi;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Rumeni biex mingħajr telf ta' żmien jiftħu investigazzjoni indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u effettiva, biex isibu d-dokumenti ta' inkjesta parlamentari nieqsa u biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-QEBD fil-każ ta' Al Nashiri v ir-Rumanija; jistieden lir-Rumanija tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali tagħha;

6.  Jistieden lill-Polonja tkompli l-investigazzjoni tagħha b’mod aktar trasparenti, partikolarment billi toffri evidenza ta’ żviluppi konkreti meħuda, billi tippermetti lir-rappreżentanti tal-vittmi sabiex dawn jirrappreżentaw verament lill-klijenti tagħhom billi tippermettilhom li jkollhom aċċess bi dritt għall-materjal klassifikat relevanti kollu u billi taġixxi fuq il-materjal li jkun inġabar; jitlob lill-awtoritajiet Pollakki biex jibdew il-prosekuzzjonijiet kontra kull attur statali implikat; iħeġġeġ lill-Prosekutur Ġenerali Pollakk biex bħala kwistjoni ta' urġenza jagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta' Walid Bin Attash u jieħu deċiżjoni dwarha; jitlob lill-Polonja tikkoopera bis-sħiħ mal-QEDB dwar il-każijiet ta' Al-Nashiri v il-Polonja u Abu Zubaydah v il-Polonja ;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Britanniċi jikkooperaw bis-sħiħ ma' investigazzjonijiet kriminali li għaddejjin bħalissa u biex iħallu talbiet ċivili jkomplu bi trasparenza sħiħa sabiex jiġu konklużi dawk l-investigazzjonijiet u t-talbiet dwar il-konsenja ta' ċittadini barranin li jinsabu barra 'l pajjiż; jitlob lill-awtoritajiet Britanniċi jistabbilixxu inkjesta konformi mad-drittijiet tal-bniedem dwar il-konsenja, it-tortura u t-trattament ħażin ta' priġunieri barra 'l pajjiż;

8.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Taljani jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiksbu ġustizzja dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mis-CIA fit-territorju Taljan, billi jinsistu li Robert Seldon Lady jiġi estradit u jitolbu l-estradizzjoni ta' 22 ċittadin ieħor tal-Istati Uniti kkundannati fl-Italja;

9.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman Finlandiż biex ilesti l-investigazzjoni tiegħu fuq bażi ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont u, għal dan l-għan, iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jikkooperaw bis-sħiħ; jitlob lill-Finlandja ssegwi kull informazzjoni li timplika lill-atturi statali Finlandiżi fil-programm ta' konsenja;

Rispons tal-istituzzjonijiet tal-UE

10.  Jinsab diżappuntat ħafna dwar il-fatt li l-Kummissjoni rrifjutat li tirreaġixxi fis-sustanza għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament, u jqis li l-ittri mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Istati Membri mhumiex biżżejjed għat-twettiq tal-obbligu ta’ rendikont, għax huma ta’ natura ġenerika;

11.  Itenni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Kummissjoni:

   li tinvestiga jekk id-dispożizzjonijiet tal-UE, b'mod partikolari dawk dwar l-asil u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, ġewx miksura permezz ta’ kollaborazzjoni mal-programm tas-CIA,
   li tiffaċilita u tappoġġa għajnuna legali reċiproka konformi mad-drittijiet tal-bniedem u kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-awtoritajiet investigattivi u kooperazzjoni bejn l-avukati involuti fil-ħidma relatata mal-obbligu ta’ rendikont fl-Istati Membri,
   li tadotta qafas, inklużi rekwiżiti ta' rappurtar għall-Istati Membri, għall-monitoraġġ u l-appoġġ ta' proċessi nazzjonali ta' obbligu ta' rendikont,
   li tadotta miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-UE li tipprevjeni u tipprovdi rimedju għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE u biex tipprovdi għat-tisħiħ tal-irwol tal-Parlament,
   li tressaq proposti għall-iżvilupp ta' arranġamenti għas-sorveljanza demokratika tal-attivitajiet ta' intelligenza transkonfinali fil-kuntest tal-politiki tal-UE kontra t-terroriżmu;

12.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Litwani jaħtfu l-opportunità tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport tal-Parlament u għaldaqstant biex ipoġġu l-kwistjoni fuq l-aġenda tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) qabel tmiem il-presidenza Litwana;

13.  Itenni r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tiegħu lill-Kunsill:

   li jiskuża ruħu talli kiser il-prinċipju stabbilit fit-Trattati ta' kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, meta b’mod inkorrett ipprova jipperswadi lill-Parlament jaċċetta verżjonijiet deliberatament imqassra tal-minuti tal-laqgħat tal-grupp ta' ħidma dwar id-dritt internazzjonali pubbliku (COJUR) u dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi (COTRA) ma' uffiċjali għolja tal-Istati Uniti,
   li joħroġ dikjarazzjoni li fiha jagħraf l-involviment tal-Istati Membri fil-programm tas-CIA u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-Istati Membri fil-kuntest tal-inkjesti,
   li jagħti l-appoġġ kollu tiegħu lill-proċessi tas-sejba tal-verità u tal-obbligu ta’ rendikont fl-Istati Membri billi jindirizza l-kwistjoni formalment fil-laqgħat tal-ĠAI, jaqsam l-informazzjoni kollha, jipprovdi assistenza fl-inkjesti u, b’mod partikolari, jilqa’ talbiet ta’ aċċess għad-dokumenti,
   li jorganizza seduti ta' smigħ ma' aġenziji tas-sigurtà relevanti tal-UE biex jistabbilixxi biċ-ċar x’jafu dwar l-involviment tal-Istati Membri fil-programm tas-CIA u r-rispons tal-UE,
   li jipproponi salvagwardji sabiex ikun żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-kondiviżjoni tal-intelligence, u delimitazzjoni stretta tar-rwoli bejn attivitajiet għall-ġbir tal-intelligence u l-infurzar tal-liġi, sabiex l-aġenziji tal-intelligence ma jitħallewx jieħdu setgħat ta' arrest u detenzjoni;

14.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jinkludu, fil-programmi pluriennali rispettivi tagħhom ta’ wara l-programm ta’ Stokkolma, miżuri speċifiċi biex ikunu żgurati l-istat tad-dritt u l-obbligu ta’ rendikont f'każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, speċjalment minn servizzi tal-intelligence u awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-kwistjoni tal-obbligu ta’ rendikont fuq l-aġenda tal-‘Assises de la Justice’ f'Novembru 2013;

15.  Ifakkar li hu essenzjali, biex tkun żgurata l-kredibilità tal-Parlament, li jissaħħu sostanzjalment id-drittijiet tiegħu ta’ inkjesta biex jinvestiga każi ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-UE, li għandhom jinkludu s-setgħa kollha li jisma' x-xhieda bil-ġurament tal-persuni involuti, inklużi ministri governattivi(7);

16.  Jitlob lil Eurocontrol tirrikonoxxi, bħalma tagħmel l-Awtorità Federali Amerikana tal-Avjazzjoni, li data dwar ir-rotot tat-titjiriet m’għandhiex tkun meqjusa li hi konfidenzjali, u tirrilaxxa tali data meħtieġa bl-iskop li l-investigazzjonijiet li jsiru jkunu effettivi;

17.  Jistenna l-inkjesta tiegħu dwar il-programm ta' sorveljanza tal-Aġenzija tal-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti u s-sorveljanza tal-korpi f'diversi Stati Membri tipproponi miżuri għal sorveljanza parlamentari demokratika u effettiva tas-servizzi tal-intelligence, filwaqt li jikkunsidra li l-iskrutinju demokratiku ta' dawk il-korpi u l-attivitajiet tagħhom permezz ta' superviżjoni interna, eżekuttiva, indipendenti, ġudizzjarja u parlamentari hi essenzjali;

18.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu dwar in-nuqqas ta’ progress li sar mill-Istati Membri tal-UE lejn l-adeżjoni mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tal-Persuni minn Għajbien Imġiegħel, bl-eċċezzjoni tal-Litwanja li rratifikatha f’Awwissu 2013; jistieden lill-21 Stat Membru li għadhom ma rratifikawx dik il-konvenzjoni biex jagħmlu dan bħala kwistjoni ta’ urġenza;

19.  Jistieden lill-Belġju, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja u s-Slovakkja jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura (OPCAT) bħala kwistjoni prijoritarja; jiddispjaċih dwar l-appoġġ limitat provdut mill-Fond Speċjali tal-OPCAT ġestit min-NU, u jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni jappoġġaw il-ħidma tal-Fond Speċjali permezz ta' kontribuzzjonijiet volontarji sostanzjali; iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jiffaċilitaw it-twaqqif u l-funzjonament ta’ Mekkaniżmi ta’ Prevenzjoni Nazzjonali taħt l-OPCAT f’pajjiżi terzi;

20.  Jistieden lill-UE tagħmel rieżami bir-reqqa tal-progress tal-FYROM fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-QEDB fil-każ ta’ El-Masri v Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li l-Kumitat tal-Ministri issa ssuġġetta għal proċedura mtejba fil-kuntest tat-talba għall-adeżjoni tal-FYROM; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-FYROM jiftħu investigazzjoni kriminali dwar il-kumpliċità ta’ atturi statali fil-każ ta’ El-Masri u jaraw li l-persuni responsabbli jwieġbu għal għemilhom;

21.  Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jikkoopera mat-talbiet kollha magħmula mill-Istati Membri tal-UE għal informazzjoni jew estradizzjoni b’konnessjoni mal-programm tas-CIA; iħeġġu jieqaf juża ordnijiet protettivi ħorox li jżommu lill-avukati tad-detenuti ta' Guantánamo milli jiżvelaw informazzjoni rigward kwalunkwe dettall tad-detenzjoni sigrieta tagħhom fl-Ewropa; iħeġġu jwettaq sat-tmiem il-pjan tiegħu li jagħlaq il-ħabs ta' Guantánamo malajr kemm jista’ jkun;

22.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE sabiex iżidu l-isforzi għar-risistemazzjoni tad-detenuti mhux Ewropej rilaxxati minn Guantánamo li ma jistgħux jiġu ripatrijati lejn l-istati tagħhom minħabba li huma mhedda bil-mewt, it-tortura jew trattament krudili u diżuman(8); jistieden lill-UE terġa’ tqajjem l-inizjattivi konġunti tal-2009 billi tipprovdi qafas għar-risistemazzjoni ta’ detenuti minn Guantánamo fl-Istati Membri tal-UE u biex timpenja ruħha fi djalogu dwar pjanijiet konkreti għall-kooperazzjoni ma’ Clifford Sloan, il-Mibgħut Speċjali tal-Istati Uniti dwar it-trasferimenti tad-detenuti minn Guantánamo;

23.  Jistieden lill-Aġenzija għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u l-Madagaskar biex tibda tikkoopera mal-Parlament mill-aktar fis billi tipprovdi l-informazzjoni mitluba dwar data ta’ titjiriet;

24.  Jistieden lill-Parlament li jmiss (2014-2019) ikompli jwettaq u jimplimenta l-mandat tal-Kumitat Temporanju u konsegwentement jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet tiegħu jiġu segwiti, jistudja l-elementi ġodda li jistgħu jfeġġu u jagħmel użu sħiħ tad-drittijiet ta' inkjesta tiegħu, u jiżviluppahom;

o
o   o

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Inkluż Jeffrey W. Castelli, ex Kap tal-uffiċċju tas-CIA f'Ruma.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0309.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0231.
(4) Testi adottati, P7_TA(2012)0500.
(5) A/HRC/13/42.
(6) Prinċipji qafas għall-iżgurar tar-responsabilità tal-uffiċjali pubbliċi għall-ksur gravi jew sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa fil-kuntest tal-inizjattivi kontra t-terroriżmu tal-Istat, A/HRC/22/52, 1 ta' Marzu 2013.
(7) Ara: Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew li jħassar id-Deċiżjoni 95/167/EC, Euratom, ECSC tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU C 264 E 13.9.2013, p. 41).
(8) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 8.


It-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-infurzar tal-liġi fl-UE
PDF 216kWORD 22k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-infurzar tal-liġi fl-UE: l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Prüm u l-Mudell Ewropew ta' Skambju ta' Informazzjoni (EIXM) (2013/2586(RSP))
P7_TA(2013)0419B7-0433/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2012 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-infurzar tal-liġi fl-UE: il-mudell Ewropew għall-Iskambju tal-Informazzjoni (EIXM) (COM(2012)0735),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2012 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (id-“Deċiżjoni ta’ Prüm”) (COM(2012)0732),

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Stokkolma, l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna u l-Istrateġija ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għas-sigurtà interna tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2012 dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 87 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar l-infurzar transkonfinali tal-liġi fl-UE permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Prüm u l-Mudell Ewropew għall-Iskambju ta' Informazzjoni (EIXM) (O-000067/2013 – B7–0501/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Programm ta’ Stokkolma għaraf il-ħtieġa għal aktar koerenza u konsolidazzjoni fis-sett ta' għodod disponibbli għall-ġbir, l-ipproċessar u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fl-UE sabiex titjieb is-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE;

B.  billi l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna irrakkomandat l-iżvilupp ta' mudell komprensiv għall-iskambju ta' informazzjoni;

C.  billi l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-attivitajiet kriminali bejn il-fruntieri hu l-bażi għall-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fl-UE u hu partikolarment rilevanti f'zona mingħajr kontrolli interni tal-fruntieri; billi l-kriminalità transkonfinali qed tiżdied fl-UE, u b'hekk qed tqiegħed aktar enfasi fuq il-ħtieġa ta' skambju effiċjenti u sigur ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi li jirrispetta l-protezzjoni tad-data u d-drittijiet fundamentali;

1.  Jinnota li l-Komunikazzjonijiet wiżnu l-istrumenti, il-kanali u l-għodod transkonfinali differenti eżistenti għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi fl-UE; jemmen li l-'panorama' attwali tal-istrumenti, il-kanali u l-għodod differenti hi kkumplikata u mferrxa, u twassal għal użu ineffiċjenti tal-istrumenti u superviżjoni demokratika inadegwata fil-livell tal-UE, kif ukoll f'xi każijiet għal twessigħ tal-funzjoni u tal-aċċess ('function and access creep');

2.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq eżerċizzju ta' mmappjar tal-leġiżazzjoni tal-UE u nazzjonali, inklużi ftehimiet internazzjonali (bilaterali), li jirregolaw l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi; jaqbel mal-Kummissjoni li hija meħtieġa statistika aktar rilevanti biex jitkejjel il-valur reali tal-istrumenti u jitlob li ssir evalwazzjoni indipendenti u esterna tal-istrumenti eżistenti għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi fl-UE sabiex jiġi vvalutat l-impatt tagħhom li jista' jitkejjel;

3.  Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni li jkun razzjonalizzat l-użu tal-istrumenti u l-kanali eżistenti (bħalma hu l-użu awtomatiku tal-kanal tal-Europol u l-ħolqien ta' Punti Uniċi ta' Kuntatt nazzjonali integrati) u jittejbu t-taħriġ u l-kuxjenza dwar l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni; huwa ddiżappuntat, madankollu, li l-Kummissjoni ma ħejjietx viżjoni aktar ambizzjuża li tħares lejn il-futur, kif intalab fil-Programm ta' Stokkolma u fl-Istrateġija ta' Sigurtà Interna, li tista' tkun il-punt tat-tluq għal dibattitu politiku dwar kif tissawwar u tkun ottimizzata l-kondiviżjoni tad-data dwar l-infurzar tal-liġi fl-UE, filwaqt li jkun iggarantit livell robust ta’ protezzjoni tad-data u privatezza; iħeġġeġ bil-kbir lill-Kummissjoni biex tressaq din il-viżjoni u tistabbilixxi qafas imħejji tajjeb għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi fl-UE li jkun imsejjes fuq prinċipji bħalma huma n-neċessità, il-kwalità, il-proporzjonalità, l-effiċjenza u r-responsabilità politika u jkun jinkludi valutazzjoni xierqa tal-prinċipju tad-disponibilità u l-kunċett tal-konformità trasversali;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistudja l-possibilità li jiġu awtomatizzati l-proċessi manwali għall-implimentazzjoni tal-istrumenti eżistenti sabiex tiġi żgurata effikaċja akbar skont il-prinċipji stabbiliti fl-istudju tad-DAPIX imwettaq minn xi Stati Membri, u tipprevedi l-implimentazzjoni ta' format universali tal-iskambju ta' informazzjoni biex jiġi aċċelerat l-ipproċessar tat-talbiet approvati;

5.  Jirrimarka li l-istrumenti differenti ta' skambju ta' informazzjoni transkofinali dwar l-infurzar tal-liġi, inkluż l-għoti ta' aċċess transkonfinali għall-bażijiet ta' data nazzjonali, iwasslu għal reġim ta' protezzjoni tad-data mferrex u mhux ċar, li hu ta' spiss imsejjes fuq l-iżgħar denominatur komuni u jsegwi approċċ frammentat; f'dan ir-rigward, itenni l-pożizzjoni tiegħu li d-Direttiva proposta dwar il-Protezzjoni tad-Data għandha tkun adottata malajr kemm jista' jkun;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, bil-għan li tikkonsolida u ttejjeb is-sistema ta' skambju ta' informazzjoni, tieħu miżuri maħsuba biex jirfdu sistema effettiva li sservi wkoll biex tkun żgurata l-protezzjoni tad-data, kif imsemmi fl-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD), billi tuża l-qafas ta' referenza pprovdut mill-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Europol u li jħassar id-Deċiżjoni 2009/371/ĠAI;

7.  Jieħu nota tal-fatt li għal grupp dejjem jikber ta' Stati Membri, Prüm saret għodda ta' rutina fil-kooperazzjoni bejn il-pulizija u fl-investigazzjonijiet kriminali transkonfinali; jiddeplora d-dewmien konsiderevoli fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Prüm f'diversi Stati Membri; jaqbel mal-Kummissjoni li ma għandux jitqies aktar żvilupp tal-istrument qabel ma tkun inkisbet implimentazzjoni sħiħa; jistieden lill-Istati Membri kkonċernati jimplimentaw id-Deċiżjoni ta' Prüm bis-sħiħ u kif xieraq sabiex ikun jista' jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tagħha;

8.  Jirrimarka li d-Deċiżjoni ta' Prüm ġiet adottata skont dak li kien it-tielet pilastru u li l-implimentazzjoni tagħha hija nieqsa mis-superviżjoni u l-kontroll demokratiċi xierqa mill-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tressaq malajr il-proposti li jġibu lill-istrumenti ta' kooperazzjoni transkonfinali bejn il-pulizija adottati skont dak li kien it-tielet pilastru – bħalma huma d-Deċiżjoni ta' Prüm u l-Inizjattiva Svediża – fil-qafas ġuridiku tat-Trattat ta' Lisbona;

9.  Jirrimarka li t-taħriġ tal-pulizija Ewropea għandu jgħin biex tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn il-pulizija u b'hekk isaħħaħ l-iskambju tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni transkonfinali, u għaldaqstant jeħtieġ ikun preservat u msaħħaħ;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 1.


Diskriminazzjoni abbażi tal-kasti
PDF 228kWORD 25k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta (2013/2676(RSP))
P7_TA(2013)0420B7-0434/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-kasta fl-Indja(1), tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-vjolenza fuq in-nisa fl-Indja(2), tal-1 ta' Frar 2007 dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem tad-Daliti fl-Indja(3), tat-18 ta' April 2012 dwar ir-Rapporti Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem(4),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (CERD) u r-Rakkomandazzjoni Ġenerali XXIX tal-Kumitat għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Eliminazzjoni Effikaċi tad-Diskriminazzjoni bbażata fuq ix-Xogħol u d-Dixxendenza(5), ppubblikat mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra t-tħassib serju, l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet reċenti mill-korpi tat-trattati tan-NU u d-detenturi tal-mandati tal-Proċeduri Speċjali tan-NU dwar is-suġġett ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-24 ta' Mejju 2011 tar-Rapporteur Speċjali dwar il-forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata(6), u r-rapporti tal-Eżamijiet Perjodiċi Universali tal-pajjiżi kkonċernati mis-sistema tal-kasti,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Parlament Ewropew intitolat ‘A human rights and poverty review: EU action in addressing caste-based discrimination’ (Analiżi dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-faqar: Azzjoni tal-UE biex tittratta d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija orali lill-Kummissjoni dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta (O-000091/2013 – B7-0507/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kasta tindika kuntest soċjo-reliġjuż, bħal fl-Asja, fejn dawk li jaqgħu barra s-sistema tal-kasti huma meqjusa fin-natura tagħhom mhux puri u m'għandhomx jintmessu, iżda wkoll, b’mod usa', sistema ta’ stratifikazzjoni soċjali riġida fi gruppi kklassifikati definiti mid-dixxendenza u l-okkupazzjoni; billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq ix-xogħol u d-dixxendenza, bħala t-terminu l-aktar komprensiv ippreferut min-NU, hija forma ta’ diskriminazzjoni projbita mil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ipproklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, fil-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u fil-Konvenzjoni Nru 111 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

B.  billi f’Ġunju 2011, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar ir-razziżmu Githu Muigai enfasizza li huwa essenzjali li jiġi evitat l-istabbiliment ta' kwalunkwe ġerarkija fost il-manifestazzjonijiet differenti ta’ diskriminazzjoni, anke jekk jistgħu jvarjaw fin-natura u l-grad skont il-kuntesti storiċi, ġeografiċi u kulturali, inkluża l-'Komunità Rom fl-Ewropa u l-vittmi tas-sistemi tal-kasti fl-Afrika, l-Asja u l-Lvant Nofsani';

C.  billi minkejja l-miżuri li ħadu l-gvernijiet ta' ċerti pajjiżi li tikkonċernahom is-sistema tal-kasti biex jagħtu protezzjoni kostituzzjonali u leġiżlattiva u jintroduċu miżuri speċjali kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta u l-prattika li ċerti persuni m'għandhomx jintmessu, id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta għadha mifruxa u persistenti u tolqot madwar 260 miljun ruħ fid-dinja kollha;

D.  billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta teżisti f'bosta pajjiżi madwar id-dinja kollha, filwaqt li l-ogħla numru ta' vittmi jinsab fl-Asja tan-Nofsinhar; billi, madankollu, hemm konċentrazzjonijiet kbar ta' vittmi f'inħawi oħra, fosthom l-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-komunità tad-dijaspora;

E.  billi n-nuqqas ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki u n-nuqqas ta' rimedji effikaċi u ta' istituzzjonijiet statali li jiffunzjonaw b'mod effettiv, inkluża l-ġudikatura u l-pulizija, għadhom ostakli kbar biex tinqered id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta;

F.  billi l-forniment ta' data diżaggregata u ħtieġa ta' leġiżlazzjoni u miżuri speċjali ta' protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta għadhom mhux qed jiġu trattati f'ħafna pajjiżi konċernati;

G.  billi minkejja l-isforzi tal-gvernijiet u, dejjem aktar, ta’ xi aġenziji internazzjonali, ċerti kasti għadhom iġarrbu forom gravi ta’ esklużjoni soċjali, faqar, vjolenza, segregazzjoni, u abbużi fiżiċi u verbali marbuta mal-preġudizzji u kunċett ta’ safa u ta' tniġġis;

H.  billi l-prattiki li ċerti persuni ma jistgħux jintmessu għadhom mifruxa u qed jieħdu forom moderni; billi l-komunitajiet milquta jħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet fil-parteċipazzjoni politika u diskriminazzjoni serja fis-suq tax-xogħol;

I.  billi fi ftit pajjiżi, bħal pereżempju l-Indja, l-azzjoni affermattiva mandatorja għenet, sa ċertu punt, l-inklużjoni ta’ Daliti fis-settur pubbliku, iżda billi n-nuqqas ta’ miżuri protettivi kontra d-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u s-settur privat ikompli jżid l-esklużjoni u l-inugwaljanzi li dejjem jiżdiedu;

J.  billi skont l-estimi tal-ILO, il-maġġoranza enormi tal-vittmi tax-xogħol skjavizzat fl-Asja tan-Nofsinhar ġejjin minn Kasti Skedati u Tribujiet Skedati; billi x-xogħol furzat u skjavizzat huwa partikolarment mifrux fis-setturi tal-agrikoltura, il-minjieri u l-industriji tal-produzzjoni tal-ħwejjeġ, li jfornu l-prodotti lil għadd ta' kumpaniji multinazzjonali u Ewropej;

K.  billi n-nondiskriminazzjoni fl-impjiegi hija wieħed mill-erba' drittijiet fundamentali tax-xogħol u hija inkluża wkoll fil-linji gwida u fl-oqfsa internazzjonali għall-impriżi bħal-Prinċipji Gwida dwar l-Impriżi u d-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-Linji Gwida tal-OECD u l-Gwida dwar ir-Responsabilità Soċjali ISO 26000, fejn id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta tissemma b'mod speċifiku bħala forma serja ta' diskriminazzjoni;

L.  billi l-gvernijiet u l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati huma mħeġġa jieħdu nota tal-abbozz tal-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Eliminazzjoni Effikaċi tad-Diskriminazzjoni bbażata fuq ix-Xogħol u fuq id-Dixxendenza, jieħdu kull miżura neċessarja biex jeliminaw u jipprevjenu d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, jindirizzaw il-lakuni fl-implimentazzjoni fil-livell federali, statali, reġjonali u lokali u li jimplimentaw, jemendaw jew jintroduċu leġiżlazzjoni speċjali u miżuri tal-politika għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tad-Daliti u gruppi oħra milquta mis-sistema tal-kasti;

1.  Jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li għadu għaddej kontra persuni li jsofru minħabba ġerarkiji tal-kasti u diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasti, inkluż iċ-ċaħda tal-ugwaljanza u ta' aċċess għas-sistema legali u għax-xogħol, is-segregazzjoni li għadha għaddejja u l-ostakli indotti mill-kasti għall-kisba tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem u l-iżvilupp;

2.  Iqis li l-karti tal-identità għandhom jevitaw referenzi għall-kasta, peress li dawn imorru kontra l-prinċipji tal-ugwaljanza u tal-mobilità soċjali;

3.  Jilqa’ r-rapport minn Githu Muigai, ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar ir-razziżmu, u jenfasizza li l-vittmi kollha tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta madwar id-dinja għandhom jirċievu l-istess attenzjoni u protezzjoni; b’mod usa', jenfasizza li kull forma ta’ razziżmu u diskriminazzjoni għandha tiġi indirizzata bl-istess enfasi u determinazzjoni, inkluż fl-Ewropa;

4.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-esklużjoni soċjali tad-Daliti u ta' komunitajiet milquta bl-istess mod twassal għal livelli għoljin ta' faqar fost il-gruppi tal-popolazzjoni milquta u għall-esklużjoni, jew għal inqas benefiċċji, mill-proċessi tal-iżvilupp; Jenfasizza, barra minn hekk, li din tkompli tipprekludi l-involviment tagħhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fil-governanza u fil-parteċipazzjoni sinifikattiva tagħhom fil-ħajja pubblika u ċivili;

5.  Għadu allarmat bin-numru dejjem kbir ta' każijiet, rapportati u mhumiex, ta' atroċitajiet u ta' prattiki li ċerti persuni ma jistgħux jintmessu fil-pajjiżi milquta mis-sistema tal-kasti, inkluża l-Indja, u l-impunità mifruxa li jgawdu minnha dawk responsabbli ta' delitti kontra d-Daliti u vittmi oħra tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem ibbażat fuq il-kasta; ifakkar li f’ċerti pajjiżi, dawk responsabbli ta’ diskriminazzjoni bħal din għandhom pożizzjonijiet governattivi għolja;

6.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar il-vjolenza mwettqa kontra n-nisa Daliti u nisa oħra minn komunitajiet milquta bl-istess mod f'soċjetajiet b'sistemi tal-kasti, li sikwit ma jirrapportawx il-vjolenza ta' dan it-tip minħabba l-biża' ta' theddidiet kontra s-sikurezza personali tagħhom jew ta' esklużjoni soċjali, u dwar il-forom multipli u interkonnessi ta' diskriminazzjoni bbażati fuq il-kasta, il-ġeneru u r-reliġjon li jolqtu n-nisa Daliti u n-nisa minn komunitajiet minoritarji, li jwasslu għal konverżjonijiet furzati, ħtif, prostituzzjoni furzata, u abbużi sesswali minn membri tal-kasti dominanti;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu ma' persuni milquta minn diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom u jevitaw kwalunkwe impediment, stigmatizzjoni jew restrizzjoni tax-xogħol tagħhom; Jenfasizza li ambjent ta' dan it-tip għandu jinkludi aċċess għall-finanzjament, kooperazzjoni mal-entitajiet tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u akkreditazzjoni tal-Kunsil Ekonomiku u Soċjali (Ecosoc);

8.  Jistieden lill-UE tippromwovi l-abbozz tal-Prinċipji u l-Linji Gwida tan-NU dwar l-Eliminazzjoni Effikaċi tad-Diskriminazzjoni bbażata fuq ix-Xogħol u fuq id-Dixxendenza bħala qafas ta' riferiment għall-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, u tippromwovi l-approvazzjoni tagħhom min-naħa tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-kasti bħala forma distinta ta' diskriminazzjoni li għandha l-għeruq tagħha fil-kuntest soċjali u/jew reliġjuż, li trid tiġi indirizzata flimkien ma' raġunijiet l-oħra għad-diskiminazzjoni, bħall-etniċità, ir-razza, id-dixxendenza, ir-reliġjon, il-ġeneru u s-sesswalità, fl-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni; jistieden lill-UE biex fil-politiki u l-programmi tagħha tqis lill-persuni milquta minn diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta bħala grupp identifikabbli;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jintegraw il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta fil-leġiżlazzjoni, fil-politiki u fid-dokumenti tal-ipprogrammar tal-UE u jadottaw linji gwida operattivi għall-implimentazzjoni tagħha; jistieden lis-SEAE jsaħħaħ il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u valutazzjoni biex jivvalutaw b'mod effikaċi l-impatt tal-azzjoni tal-UE fuq il-qagħda tal-persuni milquta minn din il-forma ta' diskriminazzjoni;

11.  Jirrakkomanda li l-UE tagħmel valutazzjoni sistematika tal-impatt tal-ftehimiet kummerċjali u/jew ta' investiment fuq il-gruppi milquta mid-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta, u tittratta dawn il-kwistjonijiet mar-rappreżentanti industrijali, l-awtoritajiet governattivi u l-organizzazzjonijiet relevanti tas-soċjetà ċivili;

12.  Jitlob li d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta tiġi inkluża bħala kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki, fl-istrateġiji u fil-pjanijiet ta' azzjoni tal-ġejjieni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti sostenn aktar qawwi lill-proġetti ta' żvilupp li jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta bħala ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li jaggrava l-faqar u tqis din il-forma ta' diskriminazzjoni fil-proġetti kollha b'enfasi fuq l-edukazzjoni, in-nisa, l-aċċess għall-ġustizzja, il-parteċipazzjoni politika u x-xogħol fil-pajjiżi relevanti;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u tapplika approċċi sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-kasti fi żminijiet ta' kriżi umanitarja u tiżgura li l-għajnuna umanitarja tasal għand il-gruppi emarġinati kollha, fosthom il-persuni li jġarrbu diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta;

15.  Iħeġġeġ lill-UE tqajjem il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta fl-ogħla livell mal-gvernijiet tal-pajjiżi milquta matul samits bilaterali u laqgħat internazzjonali oħrajn;

16.  Jinkoraġġixxi lis-SEAE jsaħħaħ id-djalogi tal-politika u tad-drittijiet tal-bniedem u jippromwovi inizjattivi konġunti bil-għan li tinqered id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta mal-gvernijiet ta' stati bħall-Indja, in-Nepal, il-Pakistan, il-Bangladexx u s-Sri Lanka, fejn il-komunitajiet milquta mill-kasti huma soġġetti għal hekk imsejħa “prattiki ta’ persuni li ma għandhomx jintmessu”, u b’mod usa', biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq ix-xogħol u d-dixxendenza, li sseħħ f’diversi pajjiżi, fosthom il-Jemen, il-Mawritanja, in-Niġerja, is-Senegal u s-Somalja; ifakkar li d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta ma ssemmietx fil-ftehimiet ma’ ħafna minn dawn l-istati;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkludu, f'każ li jkun relevanti, "klawżola dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta" fil-ftehimiet kollha kummerċjali u ta' assoċjazzjoni;

18.  Jirrakkomanda li l-UE tippromwovi politiki u proċeduri nondiskriminatorji u inklużivi f’operazzjonijiet kummerċjali ma’ pajjiżi milquta mill-kasti, fosthom azzjoni affermattiva għad-Daliti u l-persuni milquta b’mod simili fis-suq tax-xogħol u fis-settur privat;

19.  Jistieden lill-UE tippromwovi konsultazzjoni regolari u estiża mas-soċjetà ċivili dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta u talloka riżorsi adegwati lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta;

20.  Jistieden lill-UE tippromwovi aġenda ta' żvilupp għall-wara l-2015 li tkun sensittiva għall-kwistjonijiet tal-kasta, li tkun tinkludi t-tnaqqis tal-inugwaljanzi bbażati fuq il-kasta jew aggravati minħabba fiha bħala għan kruċjali u li jista' jitkejjel, li jiggarantixxi li d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-kasta tiġi indirizzata espliċitament bħala fattur strutturali ewlieni fil-bażi tal-faqar, u bħala kawża primarja tal-inugwaljanzi strutturali;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0512.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0031.
(3) ĠU C 250 E, 25.10.2007, p. 87.
(4) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 8.
(5) A/HRC/11/CRP.3.
(6) A/HRC/17/40.


Rapport Annwali tal-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2012
PDF 271kWORD 35k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2012 (2013/2013(INI))
P7_TA(2013)0421A7-0299/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-riżultat tad-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TEU)

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 24, 227, 228, 258 u 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 202(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0299/2013),

A.  billi, soġġett għal Protokoll 30 tat-Trattat, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea saret legalment vinkolanti mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona; ; billi l-istess Trattat jistabbilixxi wkoll il-bażi legali għall-UE biex taderixxi mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll tintroduċi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropea;

B.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu d-dmir li jagħmel reviżjoni kostanti u, fejn hu possibbli, itejjeb ir-rwol tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ prinċipji demokratiċi, bħal ma hija l-parteċipazzjoni miżjuda taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u ż-żieda fit-trasparenza u responsabilità; billi fl-attività regolari tiegħu, il-Kumitat jaħdem mill-qrib mal-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-Ombudsman Ewropew u korpi oħra sabiex jiżgura li l-liġi tal-UE tkun għal kollox rispettata kemm fil-prattika kif ukoll fl-ispirtu;

C.  billi fl-2012 il-Kumitat għall-Petizzjonijiet irreġistra 1986 petizzjoni, li l-maġġorparti tagħhom jirreferu għat-temi tad-drittijiet fundamentali, l-ambjent, is-suq intern u l-kriżi ekonomika u soċjali; billi 1406 petizzjonijiet ġew iddikjarati ammissibbli, u minn dawk 853 tressqu quddiem il-Kummissjoni għal aktar investigazzjoni skont l-Artikoli 258 u 260 tat-Trattat, u 580 petizzjoni ġew dikjarati inammissibbli; billi s-suġġetti ta' mill-inqas 5 petizzjonijiet imressqa fl-2012 tressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikoli 258 u 260 tat-Trattat; billi s-Sentenza tal-14 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-308/07 iċċarat li anke d-deċiżjonijiet proċedurali tal-Parlament fi kwistjonijiet tal-petizzjonijiet huma soġġetti għal reviżjoni legali; billi, fir-rigward tal-analiżi statistika li tinsab f’dan ir-rapport, l-ogħla numru ta’ petizzjonijiet jirreferi għall-każijiet fl-UE kollha (27.3 %), segwit mill-każijiet Spanjoli (15.0 %), Ġermaniżi (12.5 %) u Taljani (8.6 %);

D.  billi, fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, il-Kumitat ta ħafna attenzjoni fl-2012 lid-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet, drittijiet tat-tfal, drittijiet tal-konsumaturi, drittijiet ta’ proprjetà, drittijiet ta’ moviment liberu mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta’ kwalunkwe kriterju, il-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni u l-privatezza, u d-dritt għall-aċċess għad-dokumenti u t-tagħrif, id-drittijiet relatati mal-libertà ta’ assoċjazzjoni politika u industrijali; billi s-sitwazzjoni tal-kriżi ekonomika qanqlet għadd ta’ petizzjonijiet dwar problemi soċjali, bħall-akkomodazzjoni, l-impjieg u prattiki ħżiena fis-settur bankarju fir-rigward ta' min ifaddal;

E.  billi l-petizzjonijiet sottomessi miċ-ċittadini jagħtu evidenza li hemm diskriminazzjoni persistenti kontra ċittadini bħala riżultat tad-diżabilità, l-appartenenza għal grupp ta’ minoranza jew etniku, il-ġeneru, l-età jew l-orjentament sesswali;

F.  billi l-inizjattivi tal-UE għat-taqbida kontra d-diskriminazzjoni, bħalma kien l-Qafas tal-UE dwar l-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma, iridu jiġu adottati minnufih fl-istrateġiji nazzjonali u jiġu rieżaminati u monitorjati kontinwament fid-dawl tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali li qed jevolvu;

G.  billi, b’rabta mal-ħarsien tal-ambjent, it-theddid tat-tniġġis u tal-prattiki ambjentali ħżiena qatt ma jistgħu jissemmew biżżejjed, minħabba fir-riskji dejjiema għall-bijodiversità u l-ekosistemi, kif ukoll ir-riskji għas-saħħa pubblika, li kollha kemm huma jibqgħu jippersistu fit-tul u huma ta’ sikwit ta’ periklu għall-ħajja; billi fir-rigward tal-bijodiversità xi Stati Membri għadhom ma stabbilewx it-totalità taż-żoni ta’ protezzjoni minimi ta’ Natura 2000 u lanqas implimentaw bis-sħiħ il-protezzjoni effettiva tagħhom; billi jitqiesu l-miri tal-ġlieda kontra t-tniġġis u t-tibdil fil-klima; billi fl-2012 il-Kumitat ta ħafna attenzjoni għall-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u l-ilma, kif ukoll għall-valutazzjoni tal-impatt tal-proġetti u l-attivitajiet fuq l-ambjent u fuq is-saħħa pubblika;

H.  billi titqies il-ħtieġa li jiġu ppreservati r-riżorsi naturali sabiex jiġu evitati r-riskji dwar il-futur tal-pjaneta; billi titqies il-ħtieġa li jiġu ppreservati r-riżorsi naturali sabiex jiġu evitati r-riskji dwar il-futur tal-pjaneta;

I.  billi fil-kwistjoni dwar il-ġestjoni tal-iskart, iż-żjara fl-Italja għas-sejbien tal-fatti enfasizzat il-ħtieġa urġenti għall-awtoritajiet Taljani kollha involuti biex isibu soluzzjoni sostenibbli għall-ħtiġijiet tal-ġestjoni tal-iskart fil-provinċja ta’ Ruma biex jiġi żgurat ir-rispett għas-saħħa u d-dinjità taċ-ċittadini; billi, minkejja t-tmiem tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-belt ta’ Napli, għad baqa’ ħafna sfidi għal approċċ komprensiv għall-ġestjoni tal-iskart fir-reġjun ta’ Campania mal-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE (Id-Direttiva ta' Qafas dwar l-Iskart) u s-sentenza tal-QĠUE ta’ Marzu 2010;

J.  billi, minkejja li l-Kummissjoni ma tistax tivverifika l-konformità mal-liġi Ewropea qabel ma tittieħed deċiżjoni finali mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa importanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjonijiet ambjentali, li minn stadju bikri jiġi vverifikat li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali japplikaw b’mod korrett ir-rekwiżiti proċedurali relevanti kollha skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, u anke li japplikaw il-prinċipju tal-prekawzjoni;

K.  billi l-ħidma tal-kumitat wasslet biex l-ilma jiġi ddikjarat bħala beni pubbliku mill-Parlament; billi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Id-Dritt għall-Ilma” kienet l-ewwel waħda li laħqet il-miljun firma ta’ ċittadini Ewropej;

L.  billi għandhom jiġu evitati telfiet ulterjuri irreparabbli fil-bijodiversità, partikolarment f'siti maħtura bħala siti ta' Natura 2000; billi l-Istati Membri ħadu l-impenn li jiżguraw il-protezzjoni taż-żoni speċjali ta' konservazzjoni skont id-Direttiva 92/43/KEE (id-Direttiva dwar il-Ħabitats) u d-Direttiva 79/409/KEE (id-Direttiva dwar l-Għasafar);

M.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar industrija tal-azzar ġdida sostenibbli u kompetittiva, abbażi ta' petizzjoni rċevuta(1), il-Parlament appoġġa l-prinċipju ta' "min iniġġes, iħallas";

N.  billi minkejja l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, tal-aħħar donnha riluttanti li tagħti tagħrif mill-ewwel dwar in-natura tad-deliberi tagħha, kif ukoll dwar id-deċiżjonijiet meħuda, fi proċedimenti ta’ ksur relatati mal-petizzjonijiet u marbutin mal-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali; billi dan hu għajn ewlieni ta’ preokkupazzjoni minħabba fil-ħsara u l-qirda irreversibbli li jistgħu jkunu inflitti fuq l-ekosistemi tagħna u saħħitna; billi l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jipprovdu aktar informazzjoni u jkunu aktar trasparenti fir-relazzjonijiet tagħhom maċ-ċittadini Ewropej;

O.  billi l-2013 inħatret bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, u huma sewwasew iċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, individwalment jew f’tisħib ma’ oħrajn, li huma f’qagħda tajba biex jivvalutaw l-effikaċja tal-leġiżlazzjoni Ewropea kif inhi applikata, u biex jidentifikaw lakuni possibbli li jistgħu jimpedixxu l-implementazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni u l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet; billi jitqies il-kontenut tal-“Aġenda tal-Konsumatur Ewropew sabiex jissaħħu l-fiduċja u t-tkabbir”; billi rekwiżit bażiku għal dan huwa l-provvista prattikabbli liċ-ċittadini tal-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni Ewropea;

P.  billi, għal dik ir-raġuni, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet ta ħafna ħin u għamel sforz kbir fl-2012 għad-diskussjoni ta’ tifsir iċ-ċittadinanza Ewropea, li hi tassew marbuta mill-qrib mal-libertà tal-moviment u tar-residenza totali fl-UE, kif definit fil-Parti III TFUE, iżda wkoll tikkonċerna ammont ta’ drittijiet oħra u hija ta’ benefiċċju għal kull ċittadin li ma jitlaqx mill-pajjiż nattiv tiegħu; billi l-petizzjonijiet jagħtu xhieda li ċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ xkiel mifrux u tanġibbli għall-eżerċizzju partikolarment ta’ drittijiethom bejn il-fruntieri, sitwazzjoni din li għandha impatt dirett u ta’ kuljum fuq ħajjet eluf ta’ familji u l-benessri tagħhom;

Q.  billi l-proċess tal-petizzjonijiet jista’ jikkumplimenta strumenti oħra Ewropej li huma disponibbli għaċ-ċittadini, bħall- possibilità li jippreżentaw l-ilmenti lill-Ombudsman Ewropew jew lill-Kummissjoni; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jaħdem id f’id mal-Ombudsman Ewropew, kumitati parlamentari oħra tal-Parlament, korpi u aġenti u netwerks Ewropej, kif ukoll mal-Istati Membri;

R.  billi l-proċess tal-petizzjonijiet jista’, u għandu, jibqa’ komplementari għal mekkaniżmi oħra ta’ rimedju disponibbli għaċ-ċittadini, bħalma hi l-preżentazzjoni tal-ilmenti mal-Kummissjoni jew l-Ombudsman Ewropew; filwaqt li SOLVIT, b’mod partikolari, hu għodda importanti li jista’ jintuża miċ-ċittadini tal-UE ħalli jinstabu soluzzjonijiet malajr għall-problemi kkawżati mill-applikazzjoni ħażina tad-dritt tas-suq intern min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi; billi għandhom isiru avvanzi f’azzjonijiet kollettivi ta’ riżoluzzjoni ta’ ilmenti mill-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom; billi l-portal web singolu ‘Ħaddem drittijietek' fih tagħrif siewi għaċ-ċittadini li jixtiequ jdaħħlu ilment dwar l-applikazzjoni tajba tad-dritt tal-UE;

S.  billi l-qasam ta’ azzjoni, u l-modus operandi, tad-dritt għal petizzjoni mogħti liċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE, skont it-termini tat-Trattat, ivarjaw minn rimedji oħra disponibbli għaċ-ċittadini, bħal pereżempju t-tressiq ta’ lmenti lill-Kummissjoni jew lill-Ombudsman;

T.  billi jeħtieġ li tikber il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea bl-għan li tissaħħaħ il-leġittimità u r-responsabbiltà tagħha;

U.  billi strument ġdid għal demokrazija parteċipattiva, l-’Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej’, daħal fis-seħħ nhar l-1 ta’ April 2012 u ġie iskritt total ta’ sittax-il (16) inizjattiva matul il-kors tas-sena; billi tqajjem tħassib rilevanti minn inizjaturi differenti tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-ostakli tekniċi li ltaqgħu magħhom għall-ġbir attwali tal-firem; billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet se jkollu rwol primordjali fl-organizzazzjoni tas-smigħ pubbliku għall-inizjattivi li jirnexxu;

V.  billi għadu evidenti li hemm kemm nuqqas ta’ tagħrif kjarament strutturat u ampjament pubbliċizzat, kif ukoll nuqqas ta’ kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-UE dwar drittijiethom; billi dawn jikkostitwixxu xkiel deċiżiv għall-eżerċizzjoni taċ-ċittadini attiva tal-UE; billi, b'rabta ma' dan, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw b'mod iktar komprensiv mal-obbligu tagħhom li jipprovdu informazzjoni u jrawmu s-sensibilizzazzjoni;

W.  billi ċ-ċittadini u r-residenti Ewropej huma leġittimament intitolati li jistennew li l-kwestjonijiet li jqajmu mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistgħu jsibu soluzzjoni mingħajr dewmien żejjed fi ħdan il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, li huma jistennew minnu li jirrispetta d-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-Unjoni, u b’mod partikolari li l-Membri tal-kumitat jiddefendu l-ambjent naturali, is-saħħa, il-moviment ħieles, id-dinjità u l-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-petizzjonant; billi l-effiċjenza tal-ħidma tal-kumitat hija, fil-parti l-kbira tagħha, ir-riżultat tar-ritmu tal-operazzjonijiet u r-reqqa tas-Segretarjat, u dan jista’ jkompli jitjieb b’mod partikolari billi jiġi ottimizzat it-tul ta’ żmien tal-proċess tal-petizzjonijiet, kif ukoll permezz ta’ sistematizzazzjoni tal-proċeduri għall-valutazzjoni tagħhom; billi, minħabba n-numru dejjem jikber ta’ petizzjonijiet riċevuti kull sena, għandhom jiġu ddedikati aktar riżorsi u ħin għal-laqgħat tal-kumitat għal dan l-iskop; billi għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa ta’ kontinwità fl-ipproċessar tal-petizzjonijiet waqt il-perjodi differenti tal-leġiżlaturi u l-konsegwentement bidla tal-persunal wkoll; billi jitqiesu l-petizzjonijiet numerużi li tqajmu fir-rigward tal-vittmi tal-Frankiżmu u tat-tfal misruqa fi Spanja;

X.  billi ċerti petizzjonijiet għadhom pendenti bejn il-Kummissjoni, il-Parlament, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u l-awtoritajiet nazzjonali mingħajr ma nstabet soluzzjoni, u b’mod li ħallew lill-petizzjonanti f’qagħdiet inċerti mingħajr ħjiel ta’ konklużjoni;

Y.  billi kien hemm żieda konsiderevoli fl-għadd ta’ petizzjonijiet b'rabta mal-ksur tal-prinċipji tad-drittijiet demokratiċi fundamentali u l-istat tad-dritt protetti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fl-Istati Membri, u dan juri li ċ-ċittadini Ewropej qed ikollhom aktar fiduċja fl-istituzzjonijiet Komunitarji sabiex jitħarsu d-drittijiet fundamentali tagħhom;

Z.  billi individwi u komunitajiet lokali, kif ukoll għaqdiet volontarji u negozji, qegħdin f’pożizzjoni tajba biex jivvalutaw l-effettività tal-leġiżlazzjoni Ewropea ta’ kif tapplika għalihom, u biex jissenjalaw lakuni possibbli li jeħtieġu li jiġu analizzati sabiex tkun żgurata implimentazzjoni aħjar, iktar uniformi u kumparabbli tal-liġi tal-UE fl-Istati Membri kollha;

1.  Jieħu nota li l-petizzjonijiet riċevuti fl-2012 miċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni Ewropea jiffokaw fuq l-allegat ksur tad-Dritt tal-UE fl-oqsma tad-drittijiet fundamentali, l-ambjent, is-suq intern u d-drittijiet ta’ proprjetà; iqis li l-petizzjonijiet jagħtu xhieda li għad hemm ħafna każijiet spissi u mifruxin ta’ traspożizzjoni inkompleta tad-dritt tal-UE jew ta’ applikazzjoni ħażina tiegħu;

2.  Jinnota li d-drittijiet fundamentali għadhom suġġett ewlieni tal-petizzjonijiet sottomessi, l-aktar billi jqanqlu kwistjonijiet marbutin mad-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet, id-drittijiet tat-tfal, drittijiet ta’ proprjetà, id-dritt tal-libertà tal-moviment, inkluża l-portabbiltà ta’ benefiċċji soċjali mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni fuq l-ebda bażi, il-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni u l-privatezza, il-libertà tal-assoċjazzjoni, u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti u għat-tagħrif; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b’mod korrett u jirrispettaw dawk id-drittijiet kif iddelineati fit-Trattati u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji ħalli tobbliga lill-Istati Membri non-ottemperanti ħalli ma jħallux aktar l-avarija bejn il-liġijiet nazzjonali u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lid-dritt għall-memorja storika u d-drittijiet għall-verità, il-ġustizzja u r-rimedju għal familji li batew taħt id-dittatorjat ta' Franco, kif ukoll id-dritt tat-tfal sekwestrati fi Spanja li jkunu jafu l-identità tal-ġenituri bijoloġiċi tagħhom;

3.  Jemmen li gwida interattiva, aċċessibbli fuq is-sit tal-internet tal-Parlament Ewropew, bi qbil ma' dik fuq is-sit tal-internet tal-Ombudsman Ewropew, tista’ tnaqqas l-għadd ta’petizzjonijiet imressqa dwar suġġetti li ma jaqgħux fl-ambitu tal-attività tal-UE;

4.  Jikkonferma lir-rwol ewlieni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jidentifika rimedji mhux ġudizzjarji għaċ-ċittadini, li permezz tagħhom joħroġ fid-deher il-mod kif in-nies tal-Ewropa jaraw l-Unjoni Ewropea, u wara jippermetti konklużjonijiet rigward jekk fil-fatt il-leġiżlazzjoni Ewropea tagħtix ir-riżultat mistenni u tirrispondix għal dak li jistennew in-nies mill-Unjoni;

5.  Jitlob lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex jeżamina l-effetti tal-ġurisprudenza ERT tal-QĠUE fuq l-affidabbiltà tal-petizzjonijiet, li anke f'każijiet purament ta' liġi nazzjonali, tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni livell ogħla ta' protezzjoni f'każ li sentenza tal-qorti nazzjonali jkollha effetti fuq l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE; Jitlob li ssir investigazzjoni dwar l-ostakli li jeżistu attwalment għaċ-ċittadini tal-Unjoni sabiex dawn jiksbu interpretazzjoni affidabbli tal-leġiżlazzjoni Ewropea f'każijiet li jinsabu quddiem qrati nazzjonali permezz tal-applikazzjoni għal sentenza preliminari mill-Qorti;

6.  Jitlob li, sabiex tittejjeb il-ħidma tal-kumitat, issir proċedura skont il-missjonijiet għal ġbir ta’ informazzjoni li, fuq naħa waħda, tiżgura d-dritt li kull membru tal-missjoni għal ġbir ta’ informazzjoni jista’ jippreżenta l-fatti skont il-fehma tiegħu, u fuq in-naħa l-oħra tiżgura li kull membru tal-kumitat ikollu l-opportunità li jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fid-dawl tal-konklużjonijiet li jittieħdu mill-kumitat għall-Petizzjonijiet;

7.  Huwa deċiż li l-proċedura tal-petizzjonijiet għandha tiġi organizzata b’mod iktar effiċjenti, trasparenti, imparzjali u b’mod li jiġu rrispettati d-drittijiet parteċipatorji tal-membri tal-PETI b’tali mod, li t-trattament tal-petizzjonijiet ikun jista’ jiflaħ għar-reviżjonijiet ġudizzjarji anke fil-passi proċedurali;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diskriminazzjoni persistenti kontra ċittadini abbażi tar-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-appartenenza għal grupp ta’ minoranza, l-età jew l-orjentament sesswali tagħhom; iwissi, b’mod partikolari, li l-popolazzjoni Roma fil-pajjiżi tal-UE għadha tħabbat wiċċha max-xkiel għall-inklużjoni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tiffaċilita l-kooperazzjoni intergovernattivi f’dan il-qasam, ħalli tagħti finanzjament adegwat għall-implementazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-inklużjoni tar-Roma, u għall-monitoraġġ attiv ta’ jekk dawn l-istrateġiji jkunux qed jiġu implementati b’mod effettiv fl-Istati Membri;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi proposta għal leġiżlazzjoni ħalli fl-aħħar jissolvew il-problemi marbutin mar-rikonoxximent reċiproku min-naħa tal-Istati Membri tad-dokumenti tal-istat ċivili u l-effetti tagħhom u konsegwentement fl-istess waqt tirrispetta, fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, it-tradizzjoni politika komunitarja tal-Istati Membri individwali;

10.  Itenni t-talbiet preċedenti li għamel lill-Istati Membri sabiex jiżguraw il-moviment liberu għaċ-ċittadini kollha tal-UE u tal-familji tagħhom, mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali jew tan-nazzjonalità tagħhom; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod sħiħ id-drittijiet mogħtija skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38/KE, mhux biss lill-konjuġi ta’ sess differenti, imma wkoll lil sieħeb/sieħba reġistrati, membru li jgħix fl-istess dar jew sieħeb/sieħba li magħha/miegħu ċittadin tal-UE għandu/ha relazzjoni stabbli u attestata b’mod xieraq, inklużi koppji tal-istess sess, fuq bażi tal-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, id-dinjità, ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tiżgura li d-Direttiva tiġi applikata strettament u eventwalment riveduta għal dan l-iskop, jekk ikun hemm bżonn, u biex tibda proċeduri ta’ ksur tat-Trattat kontra l-Istati Membri li ma japplikawh, jekk dan ikun meħtieġ;

11.  Josserva li l-ambjent għadu tema ewlenija oħra tal-petizzjonijiet, u jagħti xhieda li l-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri ripetutament ma żgurawx la l-preżervazzjoni tal-bijodiversità, ir-riżorsi naturali u l-ekosistemi, u lanqas li l-ogħla standards tas-saħħa pubblika jkunu ggarantiti; jirrimarka, b’mod partikolari, l-għadd kbir ta’ petizzjonijiet imressqin dwar il-ġestjoni tal-iskart, dwar l-ilma, il-perikli potenzjali tal-enerġija nukleari u l-inġinerija ġenetika, dwar l-ispeċijiet protetti u dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-proġetti u tal-attivitajiet fuq l-ambjent u fuq is-saħħa pubblika, bħall-estrazzjoni tal-gass tax-shale permezz tat-tkissir idrawliku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-qafas leġiżlattiv dwar l-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u, b’mod speċifiku, l-implementazzjoni korretta tiegħu; jiddispjaċih li xi Stati Membri, minkejja l-isforzi tagħhom, ma rnexxielhomx isibu soluzzjonijiet sostenibbli għall-problemi marbutin mal-ġestjoni tal-iskart;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tieħu l-miżuri xierqa sabiex l-Istati Membri jintegraw il-kunsiderazzjoni tal-ilma bħala ġid komuni; iqis li l-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu jiġi applikat b’mod strett fl-użu tal-bijoteknoloġija u n-nanoteknoloġija fil-prodotti li jistgħu jaffettwaw serjament saħħet il-konsumaturi;

13.  Jistenna li d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, li tirrevedi d-Direttiva 2011/92/UE, mhux biss ser tissaħħaħ bil-provvediment ta’ parametri aktar ċari iżda, fuq kollox, se tiġi implimentata b’mod xieraq mill-Istati Membri,

14.  Jemmen li b’urġenza għandhom jiġu żviluppati proċeduri għall-petizzjonijiet, fejn il-missjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni jkunu possibbli wkoll fil-ħin twil ta’ mingħajr laqgħat waqt l-elezzjonijiet tal-Ewropa u saħansitra, jekk in-natura tal-petizzjoni tippermetti dan, waqt il-ħin li fih ma jsirux laqgħat fis-sajf (pereżempju f’Damüls, fejn il-perjodu ta’ missjoni ta’ ġbir ta’ informazzjoni kien illimitat għax-xhur tas-sajf);

15.  Jilqa’ t-tmiem tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-belt ta’ Napli u l-inizjattivi l-ġodda dwar il-ġestjoni tal-iskart u jistenna li l-isfidi persistenti fir-reġjun ta’ Campania se jiġu indirizzati kif xieraq, jiġifieri permezz ta’ impjant tal-immaniġġjar tal-iskart reġjonali u komprensiv skont id-Direttiva Qafas dwar il-ġerarkija tal-iskart tal-UE u s-sentenza tal-QĠUE tal-2010; għad għandu tħassib serju dwar l-approċċ għall-ġestjoni tal-iskart fir-reġjun ta’ Lazio, partikolarment is-segwitu wara l-għeluq tal-miżbla Malagrotta;

16.  Jinnota, barra minn hekk, li ċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea jkomplu jiffaċċjaw ostakli fis-suq intern, l-aktar huma u jeżerċitaw il-libertà ta’ moviment tagħhom bħala individwi, fornituri u konsumaturi ta’ oġġetti u servizzi u bħala ħaddiema, bħal, pereżempju, il-każ ta’ ħaddiema Rumeni u Bulgari li jkomplu jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq is-suq tax-xogħol f’xi Stati Membri; jindika, b’mod partikolari, li l-kooperazzjoni u effikaċja ġudizzjarja bejn il-fruntieri għadha qasam ta’ tħassib primarju; jikkonludi, kollox ma’ kollox, li l-kooperazzjoni u l-armonizzazzjoni msaħħin bejn il-fruntieri jkunu ta' benefiċċju kbir għall-ħarsien ta' drittijiet iċ-ċittadini u l-istimolu ekonomiku;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tiffaċilita l-aċċess tal-konsumaturi għat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, bil-garanziji xierqa ta’ sigurtà u trasparenza, u b’mod partikolari, tiffaċilita l-aċċessibilità tal-websajts tal-korpi tas-settur pubbliku;

18.  Jindika l-isforzi magħmulin minn dan il-Kumitat għal biex titwassal it-talba ta’ bosta ċittadini għal qafas legali tal-UE li jkun joffri ħarsien isħaħ u titjib fil-benessri tal-annimali, inklużi dawk domestiċi u dawk li jiġġerrew fit-toroq;

19.  Jisħaq dwar l-importanza tal-ħolqien tal-Grupp ta’ Ħidma Spanjol għal-Liġi Kostiera, li tista’ sservi bħala preċedent għal esperjenzi simili oħra, li kien qed jistudja mill-qrib il-petizzjonijiet relattivi u l-modifika tal-liġi; itenni s-siwi tal-kuntatt dirett mal-awtoritajiet nazzjonali Spanjoli f’dan is-sens u jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta’ aktar kooperazzjoni msaħħa ħalli jinstab ekwilibriju aħjar bejn id-drittijiet ta’ proprjetà u l-funzjoni soċjali tagħhom, u soluzzjonijiet imtejba meta l-għan aħħari tal-ħarsien tal-ambjent ikun jirrikjedi esproprjazzjoni; jesprimi l-biżgħat tiegħu li l-liġi l-ġdida tal-kosta approvata mill-Parlament Spanjol mhix qed jirnexxielha ssolvi t-tħassib tal-petizzjonanti, u lanqas hemm pjanijiet għal aktar protezzjoni ambjentali taż-żoni kostali fi Spanja;

20.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi rregolata b’mod effettiv il-protezzjoni tal-kosta, iżda jinnota li l-liġi kostiera mhix koerenti mal-objettivi mfittxija, peress li qiegħda taffettwa l-patrimonju storiku u l-popolazzjoni tradizzjonali, u qed ikollha impatt negattiv fuq l-abitanti ta’ bliet kostali żgħar li dejjem għexu b’mod sostenibbli mal-baħar u l-ekosistemi tiegħu;

21.  Jilqa’ l-konklużjonijiet tal-Kumitat miż-żjara għas-sejbien tal-fatti f’Berlin dwar kwistjonijiet taż-żgħażagħ u l-benessri tal-familja, l-aktar fil-każijiet ta’ kustodja bejn il-fruntieri; jinnota, b’danakollu, abbażi tal-fluss dieħel b’mod kontinwu ta’ petizzjonijiet ta’ din ix-xorta, li hu ċar li l-kwistjoni tal-każijiet ta’ kustodja transkonfinali għadha għaddejja, u li każijiet simili tressqu għall-attenzjoni tal-Kumitat ukoll minn Stati Membri oħrajn, l-aktar id-Danimarka; jagħraf ukoll li fir-rigward tad-Danimarka , każijiet tal-barranin li jgħixu fil-pajjiżhuma kkonċernati wkoll , f’liema pajjiżisir il-ħtif tat-tfal (anke minn barra l-pajjiż);

22.  Huwa tal-fehma li hemm rabta diretta bejn il-governanza aħjar u l-mekkaniżmi aktar effiċjenti ta’ rimedju minn banda, u t-trasparenza u l-aċċess għat-tagħrif mill-banda l-oħra skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

23.  Jikkunsidra l-importanza li tittejjeb il-kooperazzjoni mal-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, fuq bażi ta’ reċiproċità, u, fejn hu meħtieġ, li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiġu inkoraġġiti sabiex jittrasponu u japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE bi trasparenza sħiħa; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-Istati Membri u jiddeplora d-dewmien żejjed min-naħa ta’ ċerti Stati Membri fir-rigward tal-traspożizzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-ambjent;

24.  Jiġbed l-attenzjoni, f’dan is-sens, għall-Ewrobarometru tal-opinjoni pubblika li jindika li huma biss 36% taċ-ċittadini tal-UE li jqisu lilhom infushom infurmati tajjeb dwar drittijiet u 24% biss dawk li jħossuhom infurmati tajjeb dwar x’jistgħu jagħmlu jekk drittijiethom ma jkunux rispettati; jisħaq, għalhekk, dwar il-ħtieġa urġenti ta’ aċċess imtejjeb għat-tagħrif u għal distinzjoni aktar ċara bejn il-funzjonijiet tal-varji istituzzjonijiet nazzjonali u Ewropej, ħalli l-petizzjonijiet u l-ilmenti jiġu indirizzati mill-korpi t-tajbin;

25.  Jitlob b’mod speċifiku lill-Kummissjoni tagħmel lill-portal web "Eżerċita drittijietek" eħfef biex jintuża mill-utenti u tqanqal kuxjenza fost iċ-ċittadini tal-UE dwar l-eżistenza ta' dak il-portal;

26.  Hu determinat li jħaddem portal web għall-petizzjonijiet li jkun aktar prattiku u aktar viżibbli sa tmiem l-2013, ħalli jiffaċilita l-aċċess għall-proċess tal-petizzjonijiet u jagħti tagħrif siewi dwar il-petizzjonijiet, it-tixrid pubbliku tiegħu u approċċ interattiv għall-proċess tal-petizzjonijiet kif ukoll dwar mekkaniżmi oħrajn ta’ rimedju; jitlob li d-dritt ta’ petizzjoni jingħata aktar viżibilità fil-homepage tal-websajt tal-Parlament;

27.  Jagħmel enfasti li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, flimkien ma’ istituzzjonijiet, korpi u strumenti oħrajn bħalma hi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, l-Ombudsman Ewropew, il-Kummissjoni, u l-kumitati ta’ inkjesta, għandhom rwol importanti u kjarament definit bħala punti ta’ kuntatt għal kull ċittadin individwali; inoltre jissottolinja li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irid jissokta jkun punt ta’ riferiment għaċ-ċittadini li drittijiethom qed ikunu allegatament miksurin;

28.  Jilqa’ l-koperazzjoni kostruttiva bejn il-Kumitat u l-Ombudsman Ewropew, bħal pereżempju fil-każ tar-Rapport Speċjali tal-Ombudsman dwar l-Ajruport ta’ Vjenna, f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar l-Impatt Ambjentali; jappoġġa l-attivitajiet tal-Ombudsman li jirrigwardaw każijiet ta’ amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-UE; jistenna li dan il-kompitu jitkompla fuq il-bażi ta’ indipendenza sħiħa, kif kien il-każ sa issa;

29.  Jiddikjara li c-ċittadini tal-Unjoni, mhux kollha għandhom Ombudsman fil-livell nazzjonali li gġandu setgħat wiesgħa, u dan ifisser li ċ-ċittadini tal-Unjoni mhux kollha għnadhom l-istess possibilitajiet ta’ rimedji; jemmen li permezz ta’ Ombudsman nazzjonali f’kull Stat Membru, in-netwerk Ewropew tal-Ombudsman jista’ jagħti għajnuna mhux negliġibbli lill-Ombudsman Ewropew;

30.  Jilqa’ l-koperazzjoni kontinwata mal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżami tal-petizzjonijiet fil-qasam tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE mill-Istati Membri; jisħaq, b’danakollu, li l-Kumitat jistenna li jinżamm infurmat tajjeb u minnufih dwar l-iżvilupp konċernanti l-proċedimenti ta’ ksur; jitlob lill-Kummissjoni tagħti kundiserazzjoni ndaqs lill-petizzjonijiet u lmenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-funzjonament tal-proċedimenti ta’ ksur; jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni illi lill-Kumitat tagħtih ukoll id-dettalji u l-analiżi statistika għall-ilmenti kollha li tkun qed tinvestiga; jenfasizza li, biex id-dritt ta’ petizzjoni jiġi rrispettat b’mod sħiħ, hija fundamentali l-analiżi bir-reqqa u t-tweġiba mill-Kummissjoni meta dawn jintalbu, fejn tiġi pprovduta valutazzjoni mhux biss dwar il-kwistjonijiet formali jew proċedurali iżda wkoll dwar il-kontenut essenzjali tas-suġġett;

31.  Jagħmel enfasi li l-aċċess għat-tagħrif miżmum mill-istituzzjonijiet tal-UE, kif speċifikat mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, hu ta’ interess primarju għaċ-ċittadini li jkunu jridu jifhmu aħjar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b'mod partikolari meta jkun jittratta proġetti b'impatt fuq l-ambjent; huwa tal-fehma li li aċċess akbar għall-informazzjoni dwar il-fajls ta’ investigazzjoni u ta’ ksur jista’ jingħata mill-Kummissjoni mingħajr ma jiġi pperikolat l-għan tal-investigazzjoni u li interess pubbliku prevalenti jista’ jiġġustifika l-aċċess għal dawn il-fajls, partikularment fil-każijiet fejn id-drittijiet fundamentali, is-saħħa tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent kontra ħsara irreparabbli jew fejn il-proċedimenti jkunu għaddejjin dwar diskriminazzjoni kontra minoranza jew vjolazzjonijiet tad-dinjità tal-bniedem, jistgħu jkunu f’riskju sakemm il-ħarsien ta’ sigrieti kummerċjali u informazzjoni sensittiva relatata ma' każijiet fil-qrati, każijiet relatati mal-kompetizzjoni u l-fajls tal-persunal jiġu salvagwardjati;

32.  Jitlob għal approċċ ta’ prekawzjoni u prevenzjoni mill-Kummissjoni meta tivvaluta proġetti b’impatt negattiv potenzjali fuq l-ambjent jew is-saħħa pubblika, f’kooperazzjoni bikrija mal-Istati Membri kkonċernati; jinnota l-possibbiltà ta’ miżuri ta’ inibizzjoni li għandhom jiġu stabbiliti waqt id-deliberi f’każijiet fejn hija antiċipata ħsara irriversibbli;

33.  Jieħu nota, b’mod partikolari, tal-kontribut siewi tan-netwerk SOLVIT fil-kxif u r-riżoluzzjoni tal-kwestjonijiet marbutin mal-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni interna tas-suq; jikoraġġixxi t-titjib ta’ din l-għodda tal-UE billi jkun żgurat li l-Istati Membri jagħtu persunal adegwat liċ-Ċentri Nazzjonali ta’ SOLVIT; għandhom jiġu żviluppati wkoll l-azzjonijiet kollettivi ta’ riżoluzzjoni tal-kunflitti mill-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom;

34.  Jissottolinja li, kif ikkonfermat mis-Servizz Legali fl-Opinjoni tiegħu tad-29 ta’ Frar 2012, l-oqsma ta’ attività tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, kif jinsabu fit-Trattat, huma usa’ mill-mera somma tal-kompetenzi eżerċitati mill-Unjoni; iqis ukoll l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Parlament li l-Parlament huwa intitolat li jadotta deċiżjonijiet amministrattivi interni li għandhom l-għan li jistabbilixxu proċedura għall-ipproċessar ta’ sottomissjonijiet miċ-ċittadini; jiddispjaċih f’dan ir-rigward bin-nuqqas mis-servizz xieraq tal-Parlament li jsegwi r-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2011(2),; finalment, jieħu nota tad-deċiżjoni legali mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Kawża T-280/09), li tispeċifika li petizzjoni għandha titfassal b’mod ċar u preċiż b’tali mod li tinftiehem sew, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 227 tat-TFUE;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu u japplikaw l-leġiżlazzjoni tal-UE bi trasparenza sħiħa u, b’dak l-objettiv miżmum amment, iqis li hu indispensabbli li titjieb il-koperazzjoni bikrija tal-Kummissjoni mal-parlament u l-gvernijiet tal-Istati Membri, fuq bażi reċiproka;

36.  Jiddeplora l-ostakli burokratiċi li jikkonċernaw l-inizzjattivi taċ-ċittadini Ewropej minħabba nuqqas ta’ appoġġ tal-informatika ; jiddispjaċih l-aktar li jeżisti kuntrast tant kbir f’tali strument f’idejn iċ-ċittadini bejn l-amministrazzjonijiet u l-proċessi ta’ funzjonament differenti tal-Istati Membri ;

37.  Jilqa’ s-Sena taċ-Ċittadinanza Ewropea fl-2013; jistieden lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha kemm tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Istati Membri li jtejbu u jikkommunikaw b’mod iktar sħiħ is-servizz tagħhom liċ-ċittadini u r-residenti Ewropej matul din is-sena, fid-dawl tal-prinċipji li jinsabu fit-Trattati u l-fatti rivelati f’dan ir-rapport;

38.  Jinnota li l-mekkaniżmu tal-petizzjonijiet mhux biss servizz, imma dritt għaċ-ċittadini u residenti Ewropej kollha; jieħu l-impenn li jagħmel il-proċedura tal-petizzjonijiet aktar effiċjenti, trasparenti u imparzjali, filwaqt li jinżammu d-drittijiet parteċipattivi tal-Membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, ħalli t-trattament tal-petizzjonijiet jgħaddi mill-eżami ġudizzjarju wkoll f’livell ta’ proċedura;

39.  Jagħmel enfasi fuq ir-rwol essenzjali taż-żjarat għas-sejbien tal-fatti fil-proċedura tal-petizzjonijiet, mhux biss bħala dritt parlamentari ta’ parteċipazzjoni, imma wkoll bħala obbligu relattiv għall-petizzjonanti; jafferma mill-ġdid, kif ġa ngħad fir-rapport preċedenti tal-Kumitat, il-ħtieġa għal regoli ta' proċedura aktar preċiżi u bil-miktub b’rabta mal-preparazzjoni, l-implementazzjoni u l-valutazzjoni taż-żjarat, billi jkun żgurat min-naħa l-waħda li l-membri kollha taż-żjara għas-sejbien tal-fatti jkollhom id-dritt jippreżentaw il-fatti mill-puntodivista tagħhom filwaqt li, min-naħa l-oħra, ikun iggarantit lill-Membri kollha tal-Kumitat li jipparteċipaw fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu redatti mill-Kumitat dwar il-Petizzjonijiet;

40.  Jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament issaħħaħ ir-rwol investigattiv tal-Kumitat;

41.  Iqis l-organizzazzjoni tas-smigħ pubbliku bħala mezz utli għall-istudju fil-fond tal-kwistjonijiet imqanqlin mill-petizzjonanti; jixtieq jiġbed l-attenzjoni, pereżempju, għas-smigħ pubbliku li sar dwar l-esplorazzjoni u l-isfruttament ta’ sorsi mhux konvenzjonali tal-enerġija, li ħa nota tat-tħassib imqanqal f’dan ir-rigward miċ-ċittadini tal-UE permezz tal-petizzjonijiet tagħhom; jirrikonoxxi d-dritt tal-Istati Membri li jagħżlu t-taħlita tal-enerġija tagħhom u l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni aħjar fl-UE, fil-kisba tat-tliet għanijiet tal-politika tal-enerġija kollha kemm hi tal-UE, jiġifieri l-kompetittività, is-sostenibbiltà u s-sigurtà tal-provvista;

42.  Jistenna b’ħerqa l-organizzazzjoni tas-smigħ pubbliku għall-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej li jkunu rnexxew, flimkien mal-Kumitat leġiżlattiv responsabbli skont ir-Regola 197A tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew; jafferma mill-ġdid it-twemmin tiegħu li din l-għodda l-ġdida se ssaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Unjoni u tagħti tifsir lin-nozzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea;

43.  Madankollu, huwa mħasseb dwar l-ostakli tekniċi u burokratiċi għaċ-ċittadini mmanifestati fl-ewwel xhur tal-applikazzjoni prattika tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħseb serjament biex tressaq reviżjoni deskritta skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 211/2011;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa għal reviżjoni regolari tal-qagħda preżenti fir-rigward tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, bil-għan li tittejjeb il-proċedura u tippermetti li jinstabu soluzzjonijiet effikaċi malajr kemm jista’ jkun malajr għal kwalunkwe ostaklu f’kull stadju tal-proċedura;

45.  Jemmen li r-rwol u r-responsabilitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet ikunu mwettqin l-aħjar, u l-viżibilità, l-effiċjenza, ir-responsabilità politika u t-trasparenza tiegħu mtejbin l-aħjar, bit-titjib tal-mezzi tiegħu biex iressaq il-kwestjonijiet ta’ importanza liċ-ċittadini Ewropej quddiem il-plenarja, u jgħolli l-livell tal-abilitajiet tiegħu li jsejjaħ ix-xhieda, imexxi l-investigazzjonijiet u jorganizza smigħ;

46.  Jiddeċiedi li jikkunsidra kemm titqies xierqa l-emendi għar-Regoli ta’ Proċedura sabiex jiġu implementati dawn ir-rekwiżiti formali għall-proċedura tal-petizzjonijiet imsemmijin aktar ’il fuq dwar iż-żjarat għas-sejbien tal-fatti u r-riżoluzzjonijiet tal-plenarja skont l-Artikolu 202 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-kumitati għall-petizzjonijiet tagħhom u lill-ombudsmen tagħhom jew lil entitajiet simili kompetenti.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0510.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0445.


Każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra Nsara, partikolarment f'Maaloula (Sirja) u Peshawar (Pakistan) u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (Iran)
PDF 306kWORD 27k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra Nsara, partikolarment f'Maaloula (Sirja) u Peshawar (Pakistan) u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (Iran) (2013/2872(RSP))
P7_TA(2013)0422RC-B7-0449/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar ġrajjiet serji li jikkompromettu l-eżistenza ta' komunitajiet Kristjani u dik ta' komunitajiet reliġjużi oħra(1), tal-21 ta' Jannar 2010 dwar l-attakki reċenti fuq komunitajiet Insara(2), tas-6 ta' Mejju 2010 dwar l-atroċitajiet tal-massa f'Jos, fin-Niġerja(3), tal-20 ta' Mejju 2010 dwar il-libertà reliġjuża fil-Pakistan(4), tal-25 ta' Novembru 2010 dwar l-Iraq: il-piena kapitali (speċifikament il-każ ta' Tariq Aziz) u l-attakki kontra l-komunitajiet Insara(5), tal-20 ta' Jannar 2011 dwar is-sitwazzjoni tal-Insara fil-kuntest tal-libertà reliġjuża(6), tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu u s-Sirja, b'mod partikolari dik tal-Komunitajiet Insara(7), u tat-13 ta' Diċembru 2012 dwar ir-Rapport Annwali tal-2011 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-UE dwar il-kwistjoni(8),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin(9),

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà ta' Reliġjon jew ta' Twemmin,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta’ Settembru 2013 ta' Catherine Ashton, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà /  Viċi President tal-Kummissjoni, li tikkundanna l-attakk fuq il-komunità Nisranija f'Peshawar, il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Frar 2011 dwar l-intolleranza, id-diskriminazzjoni u l-vjolenza abbażi tar-reliġjon jew it-twemmin, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2009 li jissottolinjaw l-importanza strateġika tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u li tiġi miġġielda l-intolleranza reliġjuża,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Unjoni Ewropea ripetutament esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tar-reliġjon, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tal-ħsieb, u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir li jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha; billi l-mexxejja politiċi u reliġjużi għandhom id-dmir f'kull livell li jiġġieldu kontra l-estremiżmu u jippromwovu r-rispett reċiproku bejn l-individwi u l-gruppi reliġjużi; billi l-iżvilupp tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-libertajiet ċivili huwa l-bażi komuni li fuqha l-Unjoni Ewropea tibni r-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, u ġie previst mill-klawżola dwar id-demokrazija fil-ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi;

B.  billi, skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed jidbel ir-reliġjon jew it-twemmin, u l-libertà li b'mod individwali jew f'komunità ma' oħrajn u fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-qima, it-tagħlim, il-prattika u l-osservanza; billi skont il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tkopri t-twemmin kollu, inkluż it-twemmin teistiku, nonteistiku u ateistiku;

C.  billi bosta riżoluzzjonijiet tal-UNHRC jistiednu "lill-Istati kollha biex, fi ħdan il-qafas legali nazzjonali tagħhom, f'konformità ma' strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jieħdu l-miżuri kollha f'lokhom ħalli jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni, l-intolleranza, u l-atti ta' vjolenza, intimidazzjoni u ġegħil motivati mill-intolleranza reliġjuża, inklużi attakki fuq il-postijiet reliġjużi, u biex jinkoraġġixxu l-fehim, it-tolleranza u r-rispett fi kwistjonijiet rigward il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin";

D.  billi skont diversi rapporti, ir-repressjoni tal-gvernijiet u l-ostilità soċjali kontra individwi u gruppi li jappartjenu għal reliġjonijiet jew twemmin differenti qed jiżdiedu, b'mod partikolari fil-Pakistan, fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija u f'partijiet tal-Afrika; billi f'xi każijiet is-sitwazzjoni li qed jaffaċċjaw il-komunitajiet Insara hija tali li tipperikola l-eżistenza tagħhom fil-ġejjieni u, jekk kellhom jgħibu, dan jimplika t-telf ta' parti sinifikanti mill-wirt reliġjuż tal-pajjiżi kkonċernati;

Maaloula, is-Sirja

E.  billi fl-4 ta' Settembru 2013, militanti minn Jabhat al-Nusra, grupp b'rabtiet ma' al-Qaeda, nedew attakk fuq ir-raħal Sirjan ta' Maaloula;

F.  billi Maaloula hija simbolu tal-preżenza Nisranija fis-Sirja u ospitat lil komunitajiet reliġjużi differenti li għal sekli għexu f'koeżistenza paċifika; billi f'Settembru ta' kull sena Sirjani ta' kull reliġjon ipparteċipaw fil-festival ta' Jum is-Salib f'dan ir-raħal; billi Maaloula hija waħda mit-tlett irħula fil-pajjiż fejn l-Aramajk għadu mitkellem mill-popolazzjoni lokali;

G.  billi l-attakki vjolenti f'Maaloula huma l-ewwel attakki li kellhom fil-mira tagħhom speċifikament lill-komunità Nisranija mill-bidu tal-kriżi vjolenti fis-Sirja; billi tal-anqas erba' persuni – Michael Thaalab, Antoine Thaalab, Sarkis Zakem u Zaki Jabra – inqatlu f'dan il-ġlied filwaqt li oħrajn – Shadi Thaalab, Jihad Thaalab, Moussa Shannis, Ghassan Shannis, Daoud Milaneh u Atef Kalloumeh – inħatfu jew għebu; billi minn mindu beda l-ġlied fir-raħal, il-biċċa l-kbira tal-5 000 resident tagħha ħarbu lejn irħula tal-viċinat jew lejn Damasku; billi avvenimenti f'Maaloula huma evidenza tas-settarjanizzazzjoni ulterjuri tal-kunflitt Sirjan;

H.  billi l-Kunvent ta' Santa Tekla (Mar Takla) storikament ospita lil sorijiet u orfni kemm tar-reliġjon Nisranija kif ukoll ta' dik Musulmana; billi madwar 40 soru u orfni baqgħu f'Maaloula minkejja l-ġlied kbir u jinsabu maqbudin fil-kunvent f'kundizzjonijiet li qed jiddeterjoraw minħabba n-nuqqas ta' ilma u provvisti oħra;

Peshawar, il-Pakistan

I.  billi fit-22 ta' Settembru 2013, f'attakk bomba suwiċida doppju fuq il-Knisja tal-Qaddisin Kollha f'Kohati Gate, subborg ta' Peshawar, tal-anqas 82 ruħ inqatlu u aktar minn 120 indarbu;

J.  billi l-grupp Iżlamist Jundullah b'rabtiet ma' Tehrik-i-Talibaan Pakistan assuma r-responsabbiltà għall-attakk, u qal li se jissokta bl-attakki fuq l-Insara u fuq dawk li mhumiex Musulmani għaliex huma għedewwa tal-Iżlam u li mhuwiex se jieqaf sakemm jieqfu l-attakki bid-drones Amerikani fil-Pakistan; billi Tehrik-i-Talibaan Pakistan ċaħad kull involviment fl-isplużjoni u kull rabta ma' Jundullah;

K.  billi l-Prim Ministru tal-Pakistan, Nawaz Sharif, ikkundanna l-attakk, u qal li l-attakki fuq persuni innoċenti huma kontra t-tagħlim tal-Iżlam;

L.  billi l-Insara, li jirrappreżentaw madwar 1.6 % tal-popolazzjoni fir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan, ibatu minħabba preġudizzju u attakki sporadiċi ta' vjolenza tal-massa;

M.  billi l-biċċa l-kbira tal-Insara Pakistani kellhom eżistenza prekarja, spiss imbeżża' minħabba allegazzjonijiet ta' dagħa, suġġett li jista' jwassal għal tifqigħat ta' vjolenza pubblika;

N.  billi fid-9 ta' Marzu 2013, Musulmani f'Lahore taw in-nar lil aktar minn 150 dar Nisranija u lil żewġ knejjes b'reazzjoni għal allegazzjoni ta' dagħa;

O.  billi l-liġijiet tal-Pakistan dwar id-dagħa jagħmluha diffiċli biex minoranzi reliġjużi jesprimu ruħhom liberament jew li jorganizzaw attivitajiet reliġjużi fil-beraħ;

Il-każ tal-Pastor Saeed Abedini, l-Iran

P.  billi Saeed Abedini, pastor Iranjan-Amerikan li ilu l-ħabs fl-Iran mis-26 ta' Settembru 2012, ġie kkundannat fis-27 ta' Jannar 2013 minn qorti rivoluzzjonarja fl-Iran għal perjodu ta' tmien snin fil-ħabs fuq l-akkużi li fixkel is-sigurtà nazzjonali permezz tal-ħolqien ta' netwerk ta' knejjes Insara fi djar privati; billi huwa rrappurtat li Saeed Abedini sofra abbużi fiżiċi u psikoloġiċi fil-ħabs;

Q.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran isostni li l-Insara m'għandhomx jaffaċċjaw sanzjonijiet talli jimmanifestaw u jipprattikaw il-fidi tagħhom, u għalhekk jibqa' mħasseb dwar rapporti li l-Insara qed jiġu arrestati u pproċessati fuq il-bażi ta' reati ta' sigurtà nazzjonali miktubin b'mod vag talli jeżerċitaw it-twemmin tagħhom;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki reċenti kontra l-Insara u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi; jesprimi għal darb'oħra t-tħassib profond tiegħu dwar il-proliferazzjoni ta' episodji ta' intolleranza u repressjoni, u dwar attakki vjolenti kontra komunitajiet Insara, partikolarment fil-pajjiżi tal-Afrika, tal-Ażja u tal-Lvant Nofsani; iħeġġeġ lill-gvernijiet ikkonċernati biex jiżguraw li dawk li wettqu dawn ir-reati u dawk il-persuni kollha responsabbli għall-attakki, kif ukoll għal atti vjolenti oħra kontra l-Insara jew kontra minoranzi reliġjużi oħra, jinġiebu quddiem il-ġustizzja u jingħataw proċess ġust;

2.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' diskriminazzjoni u intolleranza abbażi tar-reliġjon u t-twemmin u atti ta' vjolenza kontra kull komunità reliġjuża; jenfasizza mill-ġdid li d-dritt tal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon huwa dritt fundamentali tal-bniedem;

3.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-eżodu tal-Insara minn diversi pajjiżi, b'mod speċjali mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, f'dawn l-aħħar snin;

Maaloula, is-Sirja

4.  Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni attwali li qed jaffaċċjaw l-Insara fis-Sirja; jikkundanna l-azzjonijiet ta' Jabhat al-Nusra u l-militanti assoċjati f'Maaloula u ż-żoni tal-madwar; jinnota li sal-lum l-Insara u l-Musulmani għexu flimkien b'mod paċifiku f'dan il-villaġġ, anke matul il-kunflitt, u qabel li l-villaġġ irid jibqa' post ta' paċi; jirrikonoxxi li l-attakk fuq Maaloula huwa biss aspett wieħed tal-gwerra ċivili Sirjana;

5.  Jenfasizza li l-monasterji ta' Maaloula jridu jiġu protetti sabiex jiġu ppreservati l-ħajja, l-attivitajiet reliġjużi u t-teżori arkitettoniċi, u biex l-Insara u l-Musulmani jkunu jistgħu jgħixu flimkien fil-paċi;

6.  Jitlob għal appoġġ u għajnuna umanitarja immedjati għas-sorijiet u l-orfni maqbudin fil-Kunvent ta' Santa Tekla (Mar Takla); jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jippermettu l-aċċess għall-kunvent lill-gruppi umanitarji;

7.  Jinsab imħasseb dwar il-konsegwenzi ta' dawn l-attakki u r-riskji possibbli għall-komunità Nisranija; huwa konxju mill-fatt li l-Insara u komunitajiet oħra qed jinqabdu bejn iż-żewġ naħat u qed jiġu sfurzati biex iżommu ma' naħa jew oħra fi gwerra li tkompli tissetterjanizza;

8.  Jenfasizza li l-atturi kollha għandhom id-dmir li jipproteġu l-minoranzi differenti kollha preżenti fis-Sirja, inklużi x-Xiti, l-Alawiti, il-Kurdi, id-Drużi u l-Insara;

Peshawar, il-Pakistan

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk fuq il-Knisja tal-Qaddisin Kollha f'Peshawar u l-attakki terroristiċi reċenti l-oħrajn;

10.  Jilqa' l-kundanna ġenerali tal-attakki mill-atturi u s-sezzjonijiet politiċi tas-soċjetà ċivili tal-Pakistan;

11.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jagħmel kull ma jista' biex iressaq il-qorti lill-awturi tal-attakk fuq il-Knisja tal-Qaddisin Kollha f'Peshawar; jitlob għal azzjoni aktar b'saħħitha ħalli tiġi żgurata l-protezzjoni taċ-ċittadini Pakistani kollha – irrispettivament mir-reliġjon jew mit-twemmin tagħhom – u ħalli l-gruppi u l-individwi responsabbli kollha għat-tixwix u t-twettiq ta' atti ta' terrur jitressqu l-qorti;

12.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jieħu azzjoni ħalli jipproteġi l-vittmi ta' vjolenza tal-massa motivata mir-reliġjon, biex jindirizza b'mod attiv l-ostilità reliġjuża mill-atturi tas-soċjetà, biex jiġġieled kontra l-intolleranza reliġjuża, l-atti ta' vjolenza u l-intimidazzjoni, u biex jaġixxi kontra l-perċezzjoni tal-impunità;

13.  Jinsab imħasseb sew dwar il-periklu dejjem jikber għall-Insara fil-Pakistan, meta titqies iż-żieda reċenti fl-attakki fuq dawn il-minoranzi, bħall-persekuzzjoni tal-mijiet ta' Nsara mill-fanatiċi Islamisti f'Marzu f'Lahore minħabba l-allegazzjonijiet ta' dagħa kontra l-Iżlam;

14.  Jinsab imħasseb sew dwar is-sitwazzjoni ġenerali li qed jaffaċċjaw il-minoranzi reliġjużi fil-Pakistan u speċjalment il-knejjes Insara, li rċevew theddid mit-Taliban u minn gruppi estremisti oħra;

15.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu li l-liġijiet kontroversjali kontra d-dagħa jistgħu jintużaw ħażin u jistgħu jaffettwaw in-nies ta' kull tip ta' fidi fil-Pakistan; jesprimi t-tħassib partikolari tiegħu li l-użu tal-liġijiet tad-dagħa, li kienu pubblikament opposti mill-mejjet ex Ministru Shahbaz Bhattiand u mill-mejjet ex Gvernatur Salman Taseer, qiegħed attwalment jiżdied biex jolqot l-Insara fil-Pakistan;

16.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex iwettaq rieżami dettaljat tal-liġijiet tad-dagħa u l-applikazzjoni attwali tagħhom, b'mod partikolari it-Taqsimiet 295 B u C tal-Kodiċi Penali, li jippreskrivu s-sentenzi obbligatorji ta' għomor il-ħabs (295 B u C) jew anki l-piena tal-mewt (295 C) għal atti allegati ta' dagħa;

17.  Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon u d-drittijiet tal-minoranzi huma ggarantiti mill-kostituzzjoni tal-Pakistan; iħeġġeġ lill-Pakistani kollha biex jaħdmu flimkien biex jippromwovu u jiżguraw it-tolleranza u l-fehim reċiproku;

18.  Jilqa' l-miżuri meħuda fl-interess tal-minoranzi reliġjużi mill-Gvern tal-Pakistan minn Novembru 2008 'l hawn, bħalma huwa t-twaqqif ta' kwota ta' ħamsa fil-mija għall-minoranzi fis-settur tal-impjiegi federali, ir-rikonoxximent tal-vaganzi pubbliċi mhux Musulmani u d-dikjarazzjoni ta' Jum Nazzjonali tal-Minoranzi;

Il-każ tal-Pastor Saeed Abedini, l-Iran

19.  Jinsab imħasseb sew dwar id-destin tal-Pastor Saeed Abedini, li ilu l-ħabs għal aktar minn sena u ġie kkundannat għal tmien snin ħabs fl-Iran fuq akkużi relatati mat-twemmin reliġjuż tiegħu;

20.  Jistieden lill-Gvern tal-Iran biex jiskaġuna u jeħles minnufih lil Saeed Abedini u lill-individwi l-oħra kollha miżmuma jew akkużati abbażi tar-reliġjon tagħhom;

21.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Iran biex jieħu passi ħalli jiżgura li jintwera r-rispett sħiħ għad-dritt tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, fosthom billi jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni u l-prattiki tiegħu jikkonformaw għalkollox mal-Artikolu 18 tal-ICCPR; jirrimarka li dan jeħtieġ ukoll li d-dritt ta' kull min ibiddel ir-reliġjon tiegħu jew tagħha, jekk huwa jew hija tagħżel li jagħmel/tagħmel dan, jiġi garantit b'mod sħiħ u inkundizzjonat;

22.  Jilqa' d-diskors ta' moderazzjoni u tolleranza mill-President il-ġdid tal-Iran, Hassan Rouhani; jemmen li l-UE għandha tniedi djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-Iran;

23.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex jagħtu aktar attenzjoni għas-suġġett tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u għas-sitwazzjoni tal-komunitajiet reliġjużi, inklużi l-Insara, fil-ftehimiet u fl-arranġamenti ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, kif ukoll fir-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

24.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013 tal-Linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ dawn il-linji gwida u jużaw bis-sħiħ kwalunkwe għodda u suġġeriment li jinsabu fihom;

25.  Jappoġġa l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet; jistieden lill-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;

o
o   o

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-UN Women, lill-Gvern tas-Sirja, lill-Kunsill Nazzjonali tas-Sirja, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Pakistan, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iran.

(1) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 474.
(2) ĠU C 305 E, 11.11.2010, p. 7.
(3) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 143.
(4) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 147.
(5) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 115.
(6) ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 53.
(7) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 108.
(8) Testi adottati, P7_TA(2012)0503.
(9) Testi adottati, P7_TA(2013)0279.


Ġlied fis-Sudan u ċensura sussegwenti tal-midja
PDF 235kWORD 27k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar konflitti fis-Sudan u ċ-ċensura sussegwenti tal-midja (2013/2873(RSP))
P7_TA(2013)0423RC-B7-0444/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Settembru 2013 mill-Kelliem għall-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-vjolenza fil-protesti attwali fis-Sudan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Settembru 2013 mill-Kelliem għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li tħeġġeġ kontroll minħabba li l-għadd ta' mwiet fis-Sudan qiegħed iwassal biex jiżdiedu l-protesti,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Espert Indipendenti tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan, tat-18 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-6 ta' Settembru 2013 mill-Kelliem għall-Viċi-President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Summit bejn il-Presidenti tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel f'Khartoum fis-Sudan,

–  wara li kkunsidra l-eżitu maqbul tal-laqgħa bejn il-Gvern tas-Sudan, l-Unjoni Afrikana u l-Mekkaniżmu ta' Koordinazzjoni Tripartitika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-UNAMID, li saret fit-28 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Pjan direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel stabbilit fil-komunikat maħruġ mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fl-24 ta' April 2012, li hu appoġġat kompletament mill-UE,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Johannesburg dwar is-Sigurtà Nazzjonali, il-Libertà tal-Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni, U.N. Doc. E/CN.4/1996/39 (1996),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Sudaniż ta' Paċi Komprensiv (CPA) tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq l-oħra, iffirmat f'Cotonou (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u suċċessivament rivedut fl-2005 u fl-2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar Strateġija dwar il-Libertà Diġitali fil-Politika Barranija tal-UE(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar il-libertà tal-istampa u tal-midja fid-dinja(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-Sudan għaddej minn mewġiet li qed jiżdiedu ta' protesti popolari u s-sitwazzjoni politika fil-pajjiż hi fraġli;

B.  billi fit-23 ta' Settembru 2013 bdew dimostrazzjonijiet u protesti mas-Sudan kollu wara li l-President Omar Al-Bashir ħabbar qtugħ fis-sussidji tal-fjuwil f'tentattiv biex jirriforma l-ekonomija, li wassal għal żieda qawwija ta' 75 % fil-prezz tal-petrol u tal-gass;

C.  billi fil-protesti eluf ta' dimostranti ħarġu fit-toroq tal-bliet tal-pajjiż inkluż Wad Madani, Khartoum, Omdurman, Port Sudan, Atbara, Gedarif, Nyala, Kosti, u Sinnar, minħabba li l-miżuri ta' awsterità introdotti mill-gvern flimkien mal-prezzijiet kważi rduppjati tal-fjuwil laqtu l-aktar lill-fqar;

D.  billi s-sitwazzjoni ekonomika tas-Sudan tibqa' estremament diffiċli, ikkaratterizzata b'żieda fl-inflazzjoni, b'munita mdgħajfa u nuqqas kbir ta' dollari biex titħallas l-importazzjoni minħabba li s-Sudan t'Isfel ħa l-indipendenza sentejn ilu, u ħa miegħu kważi 75 % tal-produzzjoni taż-żejt mhux maħdum tal-pajjiż;

E.  billi n-nuqqas ta' ftehim dwar arranġamenti ekonomiċi tranżitorji bejn is-Sudan u s-Sudan t'isfel, inkluż dwar l-użu taż-żejt, kien użat bħala theddida miż-żewġ partijiet, u dan ikkontribwixxa sew għall-kriżi attwali; billi n-nuqqas ta' fiduċja bejn iż-żewġ pajjiżi ġirien dwar id-diviżjoni tad-dejn nazzjonali u dwar kemm il-parti t'Isfel tas-Sudan, li hi mdawra bl-art, għandha tħallas għat-trasport taż-żejt tagħha mis-Sudan hi waħda mill-kwistjonijiet mhux solvuti;

F.  billi skont rapporti, tal-inqas 800 attivist, inklużi membri tal-partiti tal-oppożizzjoni u ġurnalisti ġew arrestati waqt dimostrazzjonijiet li kienu għaddejjin, li fihom sa 100 persuna kienu rrappurtati maqtula mill-forzi tas-sigurtà, ammont li wassal lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tan-NU biex jistieden għal "l-akbar kontroll" mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi; billi skont rapporti l-maġġoranza ta' persuni maqtula kienu bejn l-età ta' 15 u 25 sena, imma kien hemm saħansitra tfal ta' bejn 10 u 12-il sena li ntlaqtu minn tiri mill-forzi tas-sigurtà;

G.  billi l-ministeru tal-edukazzjoni ddikkjara li l-iskejjel se jibqgħu magħluqa sal-20 ta' Ottubru 2013;

H.  billi t-trażżin vjolenti mill-gvern Sudaniż jinkludi l-użu ta' munizzjon attiv kontra dimostranti paċifiċi u detenzjonijiet fuq skala kbira; billi għadd ta' attivisti, membri tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u mexxejja tas-soċjetà ċivili, inklużi għalliema, u studenti kienu arrestati fi djarhom, jew miżmuma incommunicado, bi tfittix fid-djar tagħhom mill-aġenti tal-Intelligence Nazzjonali u tas-servizzi tas-Sigurtà (NISS); billi kien hemm proċessi sommarji, bħal dak li seħħ wara l-arrest ta' Majdi Saleem, difensur ferm magħruf tad-drittijiet tal-bniedem, u billi minn tmiem Settembru, kien hemm qtugħ komplet tal-informazzjoni permezz ta' ċensura qawwija tal-istampa u l-għeluq tal-internet;

I.  billi s-Sudan hu meqjus fost l-agħar pajjiżi fid-dinja fir-rigward tar-rispett għal-libertà tal-informazzjoni; billi fil-25 ta' Settembru 2013 l-NISS marru pass ieħor lura billi pprojbixxew lill-edituri tal-gazzetti ewlenin milli jippubblikaw kwalunkwe informazzjoni dwar il-protesti li ma tkunx ġejja minn sorsi tal-gvern;

J.  billi kien hemm għadd kbir ta' każi ta' ksur tal-libertà tal-istampa, bħall-qtugħ tal-internet, il-ħtif ta' gazzetti, fastidju ta' ġurnalisti u ċ-ċensura tal-aħbarijiet fuq il-websajts; billi l-uffiċċji ta' Al-Arabiya u l-istazzjonijiet tat-televiżjoni tas-Servizz Għarbi tal-iSky News ġew magħluqa; billi l-gazzetti ta' kuljum bħall-Al-Sudani, Al-Meghar, Al Gareeda, Almash’had Alaan, Al-Siyasi u dik favur il-gvern Al-Intibaha kienu pprojbiti mill-pubblikazzjoni fid-19 ta' Settembru 2013, u l-edizzjonijiet ta' tliet gazzetti, inkluża Al-Intibaha, inħatfu hekk kif ġew stampati;

K.  billi aċċess bla ċensura għal internet miftuħ, telefowns ċellulari u l-ICT għandhom impatt pożittiv fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, billi jespandu l-kamp ta' applikazzjoni għal-libertà tal-espressjoni, għall-aċċess għal informazzjoni u l-libertà tal-assemblea fid-dinja kollha; billi l-ġabra u d-disseminazzjoni diġitali tal-evidenza tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda globali kontra l-impunità;

L.  billi l-aċċess għall-internet hu dritt fundamentali, ugwali għal drittijiet bażiċi tal-bniedem oħrajn, rikonoxxut mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), u għandu jiġi difiż u miżmum kif xieraq;

M.  billi l-awtorità regolatorja tal-istat stabbiliet unità speċjali biex timmonitorja u timplimenta filtering, u l-awtoritajiet Sudaniżi jagħrfu b'mod miftuħ li huma jiffilterjaw kontenut li jmur kontra l-moralità u l-etika pubblika, jew li jkun ta' theddida għall-ordni;

N.  billi fil-25 ta' Settembru 2013 l-awtoritajiet skonnettjaw l-internet fil-pajjiż kollu għal aktar minn 24 siegħa fi qtugħ komplet fuq skala li qatt ma kien hemm bħalha sa mill-irvellijiet tal-Eġittu fl-2011; billi l-qawwa tal-internet tnaqqset drastikament f'Ġunju 2012 matul għadd ta' protesti;

O.  billi, fir-rapport ta' Freedom House '2013 Freedom on the Net' ('Libertà tal-Internet 2013') li ħareġ fit-3 ta' Ottubru 2013, is-Sudan kien kwalifikat bħala "mhux liberu" u kien jinsab fit-63 post minn 100 pajjiż; billi s-Sudan hu klassifikat il-170 minn 179 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tal-Korrispondenti mingħajr fruntieri 2013; billi l-Korrispondenti Mingħajr Fruntieri kkundannaw il-miżuri meħuda mill-gvern;

P.  billi ħafna mill-attivisti jużaw l-internet biex jikkomunikaw ma' xulxin, jitrasferixxu informazzjoni 'l barra mill-pajjiż u juru l-opinjonijiet u t-tħassib tagħhom; billi ċ-ċittadini rrappurtaw li anke s-servizz tat-text-messaging kien interrot matul il-qtugħ komplet;

Q.  billi l-elezzjonijiet ġenerali li saru f'April 2010 - l-ewwel elezzjoni b'diversi partiti li saret fis-Sudan sa mill-1986 - Omar al-Bashir reġa' ġie elett President tas-Sudan; billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-UE, li sabet ħafna irregolaritajiet u nuqqasijiet fil-proċess elettorali, qalet li l-elezzjoni ma laħqetx l-istandards internazzjonali;

R.  billi nħarġu żewġ mandati ta' arrest għall-President al-Bashir fl-2009 u l-2010 mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), li akkużawh b'responsabbiltà għal reati tal-gwerra, reati kontra l-umanità u atti ta' ġenoċidju, u billi, għalkemm is-Sudan mhuwiex parti mill-Istatut ta' Ruma, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1593 (2005) titolbu jikkoopera mal-ICC, u s-Sudan għandu għalhekk jikkonforma mal-mandat ta' arrest tal-ICC;

S.  billi skont l-estimi tan-NU 50 % tal-popolazzjoni tas-Sudan (total ta' 34 miljun) huma iżgħar minn 15-il sena, u madwar 46 % tal-popolazzjoni tgħix taħt is-soll tal-faqar;

T.  billi l-konflitt f'żoni tranżitorji tas-Sudan affettwa 'l fuq minn 900 000 persuna, inkluż aktar minn 220 000 li sabu rifuġju fl-Etjopja u fis-Sudan t'Isfel, u billi sa mill-bidu tal-2013 madwar 300 000 persuna kienu spustati mill-ġdid bħala riżultat tal-ġlied fost it-tribujiet ta' Darfur;

U.  billi fl-2012-2013 l-UE allokat aktar minn EUR 76 miljun f'għajnuna umanitarja għas-Sudan (ċifra sal-20 ta' Awissu 2013); billi s-Sudan ma rratifikax il-Ftehim ta' Cotonou rivedut fl-2005 u għalhekk ma jistax jirċievi appoġġ finanzjarju permezz tal-Għaxar Fond ta' Żvilupp Ewropew;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għas-sitwazzjoni politika, ekonomika u soċjali li qed teħżien fis-Sudan, ikkaratterizzata minn vjolenza u telf tal-ħajja matul il-protesti li reċentement seħħew fil-pajjiż kollu;

2.  Jikkundanna l-qtil, il-vjolenza kontra d-dimostranti, iċ-ċensura tal-midja, l-intimidazzjoni politika u l-fastidju u l-arrest arbitrarju tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u dawk politiċi u tal-ġurnalisti;

3.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan itemm il-fastidju u immedjatament jeħles lid-dimostranti paċifiċi kollha, lill-attivisti politiċi, lill-membri tal-oppożizzjoni, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, lill-persunal mediku, lill-bloggers u ġurnalisti arrestati waqt li kienu qed jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-libertà tal-kelma u tal-assemblea; jenfasizza li d-detenuti kollha għandhom jingħataw l-opportunità għal proċess ġust fuq investigazzjoni kredibbli, id-dritt għal avukat u rispett għall-preżunzjoni tal-innoċenza, u li l-gvern għandu jippermetti lid-detenuti aċċess għall-familji tagħhom u għall-kura medika;

4.  Jiddeplora l-użu ta' munizzjon attiv kontra d-dimostranti, li wassal għal qtil illegali, għall-użu ta' forza sproporzjonata u għal allegazzjonijiet ta' qtil intenzjonat tad-dimostranti mill-forzi tas-sigurtà; iħeġġeġ lill-Gvern Sudaniż biex immedjatament iwaqqaf ir-repressjoni u jtemm l-impunità li jgawdu l-membri tal-NISS; jitlob biex jitneħħa l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 li hu ferm aħrax;

5.  Jistieden lill-forzi tas-sigurtà Sudaniżi biex jirrispettaw il-Prinċipji Bażiċi tan-NU dwar l-Użu tal-Forza u tal-Armi tan-Nar mill-Uffiċjali tal-Infurzar tal-Liġi, li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom tista' tintuża l-forza b'mod legali mingħajr ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt għall-ħajja;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jirrestawraw u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skont il-liġi internazzjonali, inkluż il-libertà tal-espressjoni, kemm online u kemm offline, il-libertà tal-assemblea, il-libertà tar-reliġjon, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u biex immedjatament itemmu r-restrizzjonijiet kollha fuq l-aċċess għat-tekonoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Sudaniż iwaqqaf il-forom kollha ta' repressjoni kontra dawk li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, kemm online u offline, u jipproteġi lill-ġurnalisti; jenfasizza r-rwol li għandha l-midja biex tipprovdi liċ-ċittadini b'informazzjoni u pjattaforma biex jitressaq it-tħassib leġittimu tagħhom, u għalhekk jikkundanna bil-qawwa l-qtugħ komplet tat-22 ta' Settembru 2013 u l-operazzjoni ta' intimidazzjoni mmexxija mill-NISS;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern Sudaniż jippermetti lill-popolazzjoni tiegħu aċċess liberu għall-internet f'kull ħin; jenfasizza li l-aċċess għall-internet hu dritt fundamentali, rikonoxxut mill-UNHRC, li għandu jinżamm u jiġi difiż bħal kull dritt tal-bniedem ieħor;

9.  Jistieden lill-Gvern Sudaniż ikompli jimplimenta r-riformi politiċi meħtieġa biex jipprovdi soluzzjonijiet għat-tmexxija ħażina u kronika tal-ekonomija, għall-faqar, għal-livelli ta' korruzzjoni u insigurtà li qed jogħlew fil-Punent u fin-Nofsinhar, u jirrakkomanda li l-awtoritajiet Sudaniżi u s-sħab reġjonali u internazzjonali kollha jimplimentaw il-programmi għaż-żgħażagħ sabiex jippromwovu l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjiegi;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jimpenjaw lilhom infushom fi proċess ġenwin ta' djalogu nazzjonali komprensiv mal-oppożizzjoni, speċjalment f'Darfur; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Gvernijiet tas-Sudan u tas-Sudan t'Isfel jilħqu ftehim bejn iż-żewġ pajjiżi dwar l-arranġamenti ekonomiċi tranżizzjonali li mhumiex solvuti, inkluż l-użu taż-żejt, li kkontribwixxa għall-irvellijiet attwali fis-Sudan;

11.  Ifakkar fil-konklużjonijiet tal-GAERC ta' Ġunju 2008 li jindirizzaw il-falliment kontinwu tal-Gvern tas-Sudan li jikkoopera mal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) u jirrimarka li l-Gvern tas-Sudan hu obbligat, u kapaċi, jikkoopera u li kull mandat ta' arrest maħruġ mill-ICC għandu jkun rispettat; iħeġġeġ lill-Omar al-Bashir jikkonforma mad-dritt internazzjonali u jidher quddiem l-ICC għal reati tal-gwerra, reati kontra l-umanità u ġenoċidju;

12.  Jistieden lill-Gvern tas-Sudan jirrevedi l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali, li jippermetti d-detenzjoni ta' persuni suspetti sa erba' xhur u nofs mingħajr ebda forma ta' stħarriġ ġudizzjarju u jistieden ukoll lill-Gvern tas-Sudan jirriforma s-sistema legali tiegħu bi qbil mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

13.  Jistieden lill-Gvern Sudaniż ineħħi l-piena tal-mewt, li għadha fis-seħħ, u li jbiddel sentenzi ta' mewt f'sanzjonijiet alternattivi xierqa;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet, filwaqt li jilqa' d-deċiżjoni tagħhom biex jistabilixxu kumitat investigattiv sabiex iressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli għal qtil, biex jipproċedu b'investigazzjoni komprensiva u indipendenti dwar il-każi kollha ta' qtil rappurtati;

15.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-proċeduri speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, biex tibgħat b'mod urġenti kummissjoni ta' inkjesta ħalli tinvestiga allegazzjonijiet ta' użu eċċessiv u intenzjonali ta' forza letali mill-awtoritajiet Sudaniżi u ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-mewt tad-dimostranti, inklużi ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala każ ta' urġenza, biex tirrestrinġi legalment l-esportazzjoni ta' teknoloġiji tas-sorveljanza tal-massa mill-UE lejn pajjiżi fejn hemm possibbiltà li jintużaw biex jiksru drittijiet diġitali u drittijiet tal-bniedem oħrajn;

17.  Jiddispjaċih mid-deċiżjoni meħuda mir-Rappreżentant Għoli tal-UE li ttemm il-mandat tarRappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan/Sudan t-Isfel, minħabba l-irvellijiet politiċi fis-Sudan u l-konflitti armati li matulhom il-forzi Sudaniżi u tal-milizzji sponsorjati mill-gvern ikompli jwettqu reati tal-gwerra b'impunità; iqis li mingħajr Rappreżentant Speċjali tal-UE maħtur għas-Sudan/Sudan t'Isfel l-UE se titħalla fil-ġenb fin-negozjati u l-isforzi internazzjonali, speċjalment minħabba l-fatt li l-Istati Uniti, ir-Russja u ċ-Ċina kollha għandhom mibgħuta speċjali fis-Sudan; jitlob, għalhekk lir-Rappreżentant Għoli tbiddel id-deċiżjoni tagħha u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali għas-Sudan/Sudan t'Isfel;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari tal-AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0470.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0274.


Il-vjolenza reċenti fl-Iraq
PDF 296kWORD 24k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar il-vjolenza reċenti fl-Iraq (2013/2874(RSP))
P7_TA(2013)0424RC-B7-0446/2013

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Marzu 2013 dwar "l-Iraq: il-qagħda mwiegħra tal-gruppi ta' minornza, partikolarment it-Turkmen Iraqini"(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq(2),

–  wara li kkunsidra d-Dokument Strateġiku Konġunt tal-Kummissjonigħall-Iraq (2011-2013),

–  wara li kkunsidra r-"Rapport dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fl-Iraq: minn Jannar sa Ġunju 2012", ippreżentat b'mod konġunt mill-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq (UNAMI) u l-Uffiċċju tan-NU tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem fid-19 ta' Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Lvant Nofsani tal-Grupp ta' Kriżi Internazzjonali Nru 144 tal-14 ta' Awwissu 2013, bit-titolu "Make or Break: Iraq’s Sunnis and the State",

–  wara li kkunsidra ċ-ċifri ta' diżgrazzji tan-NU għal Settembru, li nħarġu fl-1 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' Lulju 2013 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon, li jħeġġeġ lill-mexxejja jiġbdu lill-Iraq "lura mix-xifer",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Settembru 2013 mis-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar il-ġrajjiet traġiċi fil-Kamp ta' Ashraf li qatlu 52 persuna,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1981 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu firmatarju tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-5 ta’ Settembru 2013 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, dwar il-vjolenza reċenti fl-Iraq,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

A.  billi l-Iraq għadu qed jaffaċċja sfidi politiċi, tas-sigurtà u soċjoekonomiċi serji, u billi x-xena politika tiegħu hija frammentata immens u kkaratterizzata mill-vjolenza u l-politika tas-setet, għad-detriment serju tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Iraq għall-paċi, il-prosperità u għal tranżizzjoni ġenwina għad-demokrazija;

B.  billi, skont iċ-ċifri tad-diżgrazzji ppubblikati mill-UNAMI, b'kollox kienu 979 iċ-ċittadini Iraqini li nqatlu, u 2 133 oħra sfaw midruba, f'atti ta' terroriżmu u vjolenza f'Settembru 2013; billi Bagdad kien il-governorat li ntlaqat bl-agħar mod f'Settembru 2013, fejn kien hemm 1 429 vittma ċivili (418 maqtula u 1011 midruba), segwit minn Ninewa, Diyala, Salahuddin u Anbar; billi Kirkuk, Erbil, Babil, Wasit, Dhi-Qar u Basra wkoll irrapportaw imwiet;

C.  billi l-impatt tal-vjolenza fuq il-popolazzjoni ċivili baqa' qawwi b'mod inkwetanti u għadu qed jikber, hekk kif inqatlu sa 5 000 persuna u sa 10 000 sfaw midruba sa mill-bidu tal-2013, li huwa l-ogħla numru f'dawn l-aħħar ħames snin;

D.  billi l-problemi soċjali u ekonomiċi – faqar mifrux, rata tal-qgħad għolja, staġnar ekonomiku, degradazzjoni ambjentali u nuqqas ta' servizzi pubbliċi bażiċi – qed ikomplu jaffettwaw parti kbira mill-popolazzjoni; billi għadd ta' protesti paċifiċi favur aktar drittijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi għadhom qed jirriżultaw f'repressjoni sistematika ħafna mill-forzi tas-sigurtà, li qed titwettaq b'impunità;

E.  billi l-kostituzzjoni Iraqina tiggarantixxi l-ugwaljanza quddiem il-liġi għaċ-ċittadini kollha, flimkien mad-"drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet";

F.  billi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iraq, u b'mod partikolari l-klawżola tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem, jenfasizza li d-djalogu politiku bejn l-UE u l-Iraq għandu jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti reċenti ta' terroriżmu u l-vjolenza intensifikata bejn is-setet, li ġġib magħha l-periklu li l-pajjiż jerġa' jaqa' lura għal konflitti bejn is-setet u jiġġeneraw biża' ta' konflitti aktar mifruxa bejn is-setet fir-reġjun kollu; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li għalkemm il-vjolenza sseħħ abbażi ta' setet, il-kawżi tagħha huma aktar politiċi milli reliġjużi;

2.  Jestendi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u l-ħbieb ta' dawk li mietu jew li sfaw midruba;

3.  Jikkundanna l-attakki reċenti li saru f'dawn id-dati: it-3 ta' Settembru 2013, meta nqatlu mill-inqas 60 persuna, prinċipalment fid-distretti tax-Xiti ta' Bagdad; il-15 ta' Settembru 2013 meta nqatlu aktar minn 40 persuna fi splużjonijiet fl-Iraq, l-aktar dawk li kellhom fil-mira żoni tax-Xiti; il-21 ta' Settembru 2013, meta nqatlu mill-inqas 60 persuna waqt funeral f'SadrCity, Bagdad; it-30 ta' Settembru 2013, meta mietu 54 persuna minħabba splużjonijiet minn karozza bomba l-aktar f'żoni tax-Xiti ta' Bagdad; il-5 ta' Ottubru 2013, meta nqatlu mill-inqas 51 persuna u aktar minn 70 persuna sfaw midruba f'attakk suwiċida f'Bagdad li kellu fil-mira pellegrini Xiti fid-distrett ta' al-Adhamiya, filwaqt li mill-inqas 12-il persuna nqatlu u mill-inqas 25 oħrajn sfaw midruba waqt attakk suwiċida f'kafetterija f'Balad, fit-Tramuntana ta' Bagdad; is-6 ta' Ottubru 2013, meta mill-inqas 12-il tifel u tifla ta' bejn is-sitta u t-tnax-il sena nqatlu, u ħafna aktar tfal sfaw midruba minħabba attakk suwiċida maġenb l-iskola primarja tal-villaġġ tax-Xiti Turkmen ta' Qabak; is-7 ta' Ottubru 2013, meta nqatlu mill-inqas 22 persuna f'mewġa ġdida ta' splużjonijiet f'Bagdad; u t-8 ta' Ottubru 2013, meta nqatlu mill-inqas 9 persuni minħabba karozza bomba f'Bagdad u attakki fuq il-forzi tas-sigurtà fit-Tramuntana tal-pajjiż;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk fuq il-Kamp Ashraf tal-1 ta' Settembru 2013 mill-forzi tal-Iraq, li ħalla 52 refuġjat Iraqi mejta u wassal għas-sekwestru ta' 7 residenti, inklużi 6 nisa li, kif iddikjarat mill-Viċi-President/Rappreżentant Għoli, Catherine Ashton, huwa mifhum li qed jinżammu Bagdad, u jitlob għall-ħelsien immedjat u mhux kondizzjonat tagħhom; jesprimi l-appoġġ tiegħu għax-xogħol tal-UNAMI, li qed tipprova tirriloka madwar 3 000 resident barra mill-Iraq;

5.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-mewġa ġdida ta' instabbiltà u jistieden lill-mexxejja politiċi kollha fl-Iraq, mill-isfondi etniċi u reliġjużi kollha, jaħdmu flimkien biex itemmu l-vjolenza bejn is-setet u n-nuqqas ta' fiduċja u joħolqu għaqda fost il-poplu tal-Iraq;

6.  Jistieden kemm lill-Gvern tal-Iraq kif ukoll lill-gvernijiet reġjonali biex jikkundannaw l-attakki u jiffaċilitaw l-investigazzjoni internazzjonali indipendenti sħiħa u mgħaġġla dwar l-attakki terroristi reċenti fir-reġjun, u jistieden lill-Gvern tal-Iraq jikkoopera bis-sħiħ f'dik l-investigazzjoni biex iressaq lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja;

7.  Jinsab imħasseb dwar l-effetti konsegwenzjali li qed iġarrab l-Iraq minħabba l-vjolenza mill-konflitt fis-Sirja, fejn ribelli ġiħadisti b'rabtiet mal-Istat Islamiku tal-Iraq, grupp militanti Sunni li jinkludi diversi movimenti, inkluż l-al-Qaeda, kisbu prominenza;

8.  Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, lil mexxejja politiċi, reliġjużi u ċivili u lill-forzi tas-sigurtà biex jibdew jaħdmu flimkien sabiex itemmu t-tixrid ta' demm u jiżguraw li ċ-ċittadini kollha tal-Iraq iħossuhom protetti b'mod ugwali;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Iraq u lill-mexxejja politiċi kollha jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni għall-persuni kollha fl-Iraq u b'mod partikolari għall-membri ta' minoranzi vulnerabbli; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jiżgura li l-forzi tas-sigurtà jikkonformaw mal-istat tad-dritt u mal-istandards internazzjonali;

10.  Jistieden lill-Komunità Internazzjonali u lill-UE jappoġġaw lill-Gvern tal-Iraq billi jippromwovu inizjattivi għal djalogu nazzjonali, il-konsolidament tal-istat tad-dritt u l-forniment ta' servizzi bażiċi, bl-għan li joħolqu Iraq sikur, stabbli, unifikat, prosperu u demokratiku, fejn jiġu mħarsa d-drittijiet tal-bniedem u dawk politiċi ta' kulħadd;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Iraq, biex peress li s-sitwazzjoni ta' sigurtà kompliet taggrava l-problemi għall-aktar gruppi vulnerabbli bħan-nisa, iż-żgħażagħ jew l-attivisti tad-drittijiet fundamentali, inklużi l-membri tat-trade unions, jieħdu azzjoni urġenti biex jallokaw aktar riżorsi għal programmi u jtejbu s-sitwazzjoni;

12.  Iħeġġeġ id-djalogu reliġjuż bejn ir-reliġjużi Sunni u dawk Xiti bħala għodda meħtieġa għar-riżoluzzjoni tal-konflitti; iqis li t-taħditiet reċenti bejn l-Istati Uniti u l-Iran iservu wkoll bħala opportunità għall-Iraq biex jaġixxi bħala pont, peress li huwa wieħed mill-ftit pajjiżi li għandu relazzjonijiet b'saħħithom mat-tnejn li huma; jitlob lill-mexxejja Iranjani jaħdmu b'mod kostruttiv fl-istabbilizzazzjoni tar-reġjun;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u l-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati P7_TA(2013)0101.
(2) Testi adottati P7_TA(2013)0022.

Avviż legali - Politika tal-privatezza