Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar ir-rapport ta’ implimentazzjoni 2013: l-iżvilupp u l-applikazzjoni tat-teknoloġija tal-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju fl-Ewropa (2013/2079(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-diossidu tal-karbonju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, id-Direttivi tal-Parlment Ewropew u tal-Kunsill 2000/60/KE, 2001/80/KE, 2004/35/KE, 2006/12/KE, 2008/1/KE u r-Regolament (KE) Nru 1013/2006(1) (id-Direttiva tas-CCS),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 dwar il-Futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa (COM(2013)0180),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 bl-isem ‘Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030’ (COM(2013)0169),
– wara li kkunsidra l-pakkett tal-UE dwar il-klima u l-enerġija ta’ Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0430/2013),
A. billi l-Ġbir u Ħżin tad-Diossidu tal-Karbonju (CCS) huwa teknoloġija promettenti li tista' tkun l-uniku mezz biex jintlaħaq tnaqqis sinifikanti ta' CO2 minn sorsi industrijali u għandu l-potenzjal li jnaqqas b'mod sinifikanti l-emissjonijiet tas-CO2 minn impjanti tal-enerġija b'karburanti fossili, li jeħtieġ madankollu investiment u dimostrazzjoni fuq skala industrijali biex tiġi promossa l-innovazzjoni, jiġi żgurat it-tnaqqis tal-ispejjeż u tiġi kkonfermata s-sigurtà ambjentali tiegħu;
B. billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tbassar li l-karburanti fossili se jkomplu jipprovdu 75 % tat-taħlita tal-enerġija globali sal-2030, jissuġġerixxi li s-CCS huwa meħtieġ biex iwassal għal kważi 20 % ta' tnaqqis tas-CO2 meħtieġ sal-2050, u jsostni li jekk is-CCS ma jintużax, ikun jeħtieġ investiment addizzjonali ta' 40 % fl-elettriku biex tiġi evitata żieda fit-temperatura ta' iktar minn 2°C;
C. billi s-CCS huwa l-unika teknoloġija li kapaċi tipprovdi tnaqqis qawwi tas-CO2 mis-setturi industrijali ewlenin inklużi dawk tal-azzar, tas-siment u tal-kimiċi u mir-raffineriji taż-żejt, u flimkien mal-użu tal-bijomassa għall-ġenerazzjoni tal-elettriku għandu l-potenzjal li jippromwovi tnaqqis nett fl-emissjonijiet tas-CO2;
D. billi abbażi tal-livelli ta' użu attwali tal-karburanti fossili u l-projezzjonijiet futuri dwar l-użu tal-istess karburanti fossili, is-CCS jidher li huwa fundamentali biex jinkiseb l-għan li ż-żieda tat-temperatura globali tinżamm inqas minn 2°C;
E. billi l-iżvilupp tas-CCS għandu jitqies bħala strateġija komplementari għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju;
F. billi fl-2007 il-Kapijiet ta’ Gvern tal-UE aspiraw li jkollhom sa 12-il impjant ta’ dimostrazzjoni tas-CCS li jkunu qed jopweraw sal-2015, iżda minħabba li l-vijabbiltà finanzjarja tagħhom kienet tiddependi fuq il-fatt li jkun hemm prezz għoli tal-karbonju, issa dawn l-ambizzjonijiet ma jistgħux jintlaħqu;
G. billi l-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija m’għandux iservi ta' inċentiv biex jiżdied il-proporzjon tal-impjanti tal-enerġija b'karburanti fossili;
H. billi l-UE qed titlef it-tmexxija teknoloġika tagħha fis-CCS u – bi proġett wieħed biss li għadu qed jiġi kkunsidrat għall-iffinanzjar tal-istrument NER300, u l-proġetti tal-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru twaqqfu jew ġew sospiżi – issa m’għandha l-ebda politika effettiva biex tippromwovi l-iżvilupp tal-proġetti emblematiċi tas-CCS;
I. billi l-pubbliku ġenerali għandu dejjem jirċievi stampa sħiħa u ċara tal-vantaġġi tas-CCS u tat-theddid possibbli mis-CCS qabel ma jiġi żviluppat kwalunkwe proġett fuq skala kummerċjali;
Żieda fl-ambizzjonijiet
1. Jirrikonoxxi li t-tħaddim tas-CCS għandu l-potenzjal li jippermetti lill-UE tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha ta’ livell baxx tal-karbonju fl-2050 bl-anqas spejjeż possibbli u li huwa meħtieġ partikolarment għad-dekarbonizzazzjoni tal-industriji li jarmu ħafna CO2; jemmen li jista' jikkontribwixxi wkoll għad-diversità u s-sigurtà tal-provvisti tal-enerġija filwaqt li jżomm u joħloq opportunitajiet ta' xogħol; jafferma l-bżonn urġenti li tkun żviluppata firxa ta’ katina sħiħa ta’ proġetti ewlenin tas-CCS sabiex jiġu identifikati l-aqwa u l-aktar soluzzjonijiet ekonomikament vantaġġużi, u jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi għanijiet biex jintlaħaq dan l-objettiv; japprezza li, minħabba l-investiment sostanzjali neċessarju, jinħtieġu strumenti addizzjonali għas-sistema għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS) tal-UE biex titħeġġeġ ir-riċerka u l-applikazzjoni teknika u sikura tas-CCS;
2. Jemmen li minkejja li s-CCS jista’ joffri parti mis-soluzzjoni biex jintlaħqu l-għanijiet sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet ta' gassijiet b’effett ta’ serra, ikun aħjar jekk l-Istati Membri jirnexxielhom jilħqu dawn l-għanijiet mingħajr l-użu tas-CCS;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi t-tħaddim tas-CCS mhux biss b'rabta mal-ġenerazzjoni tal-enerġija tal-faħam u l-gass iżda b'rabta wkoll ma' firxa ta' setturi industrijali bħall-kimiċi, il-metallurġija, il-ħadid u l-azzar, is-siment u r-raffineriji; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tindirizza l-kwistjoni tat-tnedija tas-CCS fi ħdan il-qafas tal-klima u l-enerġija 2030, u għandha tressaq proposti għall-promozzjoni tal-kostruzzjoni bikrija ta' proġetti ewlenin tas-CCS;
4. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri b'effetti mifruxa biex iħeġġu l-kooperazzjoni internazzjonali u biex jippromwovu l-użu tat-teknoloġiji li jtaffu l-effetti tat-tibdil fil-klima, sabiex jiggwidaw lill-ekonomiji li qed jespandu fid-direzzjoni ta’ alternattivi ta’ żvilupp, li jinkludu pereżempju s-CCS, b'livell baxx ta' karbnonju;
5. Jemmen li l-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Azzar għandu jagħmel referenza speċifika għall-ħtieġa li jiġu żviluppati proġetti ewlenin tas-CCS f’dan is-settur;
Ir-rwol prinċipali tal-Istati Membri
6. Jirrikonoxxi li t-tħaddim tas-CCS ma jistax isir mingħajr l-appoġġ mill-Istati Membri u investituri privati, u li l-Membri għandhom dritt assolut u sovran biex jinkoraġġixxu jew jipprevjenu l-applikazzjoni tiegħu; jinnota li filwaqt li ċerti Stati Membri indikaw li ma jistennewx li s-CCS jintuża fl-istrateġiji ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tagħhom, dan m'għandux jiskoraġġixxi inizjattivi minn dawk li jikkunsidraw li t-teknoloġija jista' jkollha rwol effettiv fit-tranżizzjoni tagħhom lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju;
7. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament sejjaħ għal leġiżlazzjoni li teżiġi li kull Stat Membru jipproduċi strateġija għal livell baxx ta’ karbonju sal-2050; jissuġġerixxi li dawn il-pjanijiet direzzjonali nazzjonali għandhom ikunu aġġornati kull ħames snin; jistenna li jindikaw jekk u kif is-CCS għandu jintuża mill-Istati Membri kkonċernati;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jħejju u jippubblikaw pjanijiet direzzjonali nazzjonali lejn livell baxx ta' karbonju qabel il-konferenza tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima fl-2015;
9. Jenfasizza li, fl-assenza ta' prezz għoli tal-karbonju, l-Istati Membri li jixtiequ jipprovmovu t-tħaddim tas-CCS għandhom ir-rwol prinċipali li jipprovdu flussi ta' dħul trasparenti u tali appoġġ finanzjarju ieħor skont kif ikun meħtieġ biex jassiguraw il-kostruzzjoni u l-operazzjoni ta' proġetti ewlenin, filwaqt li jippermettu lill-operaturi li jaffaċċjaw spejjeż għoljin tal-innovatur biex jassiguraw ritorn fuq l-investiment tagħhom; jinnota li jistgħu jinħtieġu arranġamenti regolatorji xierqa jekk is-CCS għandu jitħaddem fuq bazi kummerċjali; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jintlaħqu l-istandards tas-sigurtà ambjentali;
Ir-regolament u l-iffinanzjar tal-UE
10. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-ħolqien ta’ fond ta’ investiment għall-innovazzjoni industrijali tal-UE sabiex tappoġġja l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi li ma jagħmlux ħsara lill-klima, inkluż il-proġetti ewlenin tas-CCS, teknoloġiji innovattivi oħra b'livell baxx ta’ karbonju, u miżuri sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn industriji intensivi fl-enerġija u l-proċessi tagħhom; jissuġġerixxi li dan ikun iffinanzjat mill-bejgħ tal-kwoti mill-ETS tal-UE; jenfasizza li dan m'għandux iwassal għal domanda ġdida fuq il-baġit tal-UE; jirrikonoxxi li fit-tfassil tal-parametri għall-użu ta’ tali fondi għandhom jiġu kkunsidrati l-lezzjonijiet meħuda mil-limitazzjonijiet u n-nuqqas ta’ flessibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament eżistenti tan-NER300;
11. Jemmen li l-istrateġiji u l-politiki tas-CCS għandhom jitfasslu biss abbażi ta’ evidenza soda tal-impatt pożittiv li se jkollhom fuq l-ambjent, fuq l-istabbiltà tal-industrija tal-UE, fuq l-impjiegi fl-UE u fuq l-affordabilità tal-prezzijiet tal-enerġija għall-pubbliku u għall-industrija;
12. Jemmen li l-appoġġ għas-CCS fuq terminu itwal għandu prinċipalment jiġi minn sinjal tal-prezz tas-CO2 xieraq; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita d-dibattitu dwar l-għażliet possibbli biex tagħmel analiżi tas-sistemi li jeħtieġu x-xiri taċ-ċertifikati tas-CCS li jixhdu l-emissjonijiet tas-CO2 evitati, permezz ta' ħżin jew trattament, proporzjonalment mas-CO2 li jifforma parti mill-karburanti fossili mqiegħda fis-suq;
13. Jitlob lill-Kummissjoni tipprepara linji gwida għall-Istati Membri fir-rigward tal-bosta mekkaniżmi finanzjarji u oħrajn li jistgħu jużaw biex jappoġġjaw u jinċentivaw l-iżvilupp tas-CCS, u biex ikollhom aċċess għall-fondi ta' appoġġ fi ħdan il-baġit tal-UE;
14. Jinnota d-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jipprojbixxi s-self għall-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija bil-faħam li jarmu aktar minn 550g CO2/kWh; jenfasizza li mingħajr appoġġ finanzjarju biex jiġu żviluppati s-CCS, huwa importanti li jkun hemm introduzzjoni ta’ standards strinġenti ta’ rendiment għall-emissjonijiet;
15. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra kif jista’ jsir użu mill-Fond għar-Riċerka dwar il-Faħam u l-Azzar tal-UE biex tappoġġja d-dimostrazzjoni prekummerċjali tas-CCS f’dawn is-setturi industrijali;
16. Japprezza l-inkoraġġiment mogħti mill-gvern Norveġiż għal proġetti tas-CCS fl-UE u jesprimi x-xewqa li fin-negozjar tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, issir talba għall-appoġġ finanzjarju għall-proġetti ewlenin tas-CCS;
17. Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta l-benefiċċji tal-adozzjoni u l-iżvilupp tal-proġett pilota tas-CCS ta' Ciuden, fi Spanja, li rċieva madwar EUR 100 miljun bħala appoġġ finanzjarju minn sorsi tal-UE, bħala faċilità Ewropea għall-ittestjar tat-teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tas-CO2 intern;
It-trasport u s-siti għall-ħżin
18. Jirrikonoxxi li jista’ jsir iffrankar finanzjarju sinifikanti jekk jiġu stabbiliti gruppi ta’ installazzjonijiet industrijali ta’ CCS moqdija mill-istess pipelines jew sistemi oħra tat-trasport tas-CO2; jissuġġerixxi li l-operaturi tal-impjanti ma jistgħux ikunu mistennija li jqisu r-rekwiżiti futuri ta’ installazzjonijiet oħra, u li investimenti prinċipali bħal trunk pipelines li eventwalment għandhom l-għan li jġorru s-CO2 minn diversi sorsi jistgħu jkunu żviluppati permezz ta' sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat; jenfasizza li l-Istati Membri li qed ifittxu t-tħaddim tas-CCS jista' jkollhom rwol dirett sabiex jiżguraw il-provvediment ta’ trasport tas-CCS u jiddeterminaw id-disponibbiltà ta’ infrastruttura ta’ ħżin;
19. Jitlob kooperazzjoni eqreb mal-Istati Uniti u l-Kanada, fil-forma ta’ skambju ta’ kompetenzi u l-aħjar prattiki fid-dawl tal-attivitajiet imwettqa fir-rigward tas-CCS fil-kuntest tad-Djalogu Bilaterali bejn il-Kanada u l-Istati Uniti dwar l-enerġija nadifa;
20. Jinsisti li teknoloġiji b'livell baxx ta' karbonju għandhom jitqiesu bħala komplementari u mhux bħallikieku qed jikkompetu ma' xulxin; jenfasizza l-fatt li kemm l-enerġija rinnovabbli kif ukoll is-CCS għandhom rwol fil-futur tat-taħlita tal-enerġija tal-UE u li s-CCS m'għandux isir għad-detriment biex jintlaħaq l-għan obbligatorju tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli; jitlob li l-miżuri jippromwovu l-użu taż-żewġ teknoloġiji proposti fi ħdan il-qafas dwar il-klima u l-enerġija 2030;
21. Jinnota li l-ġeoloġija tal-Ewropa tista' tipprovdi abbundanza ta' siti potenzjali għas-sekwestru permanenti ta' kwantitajiet kbar ta' CO2, partikolarment taħt il-Baħar tat-Tramuntana 'l bogħod mill-abitazzjoni mill-bniedem; jappoġġja l-miżuri u l-finanzjament mill-UE sabiex tiġi stabbilita definizzjoni komuni tal-karattru ta’ sit ta’ ħżin, jiġu identifikati l-postijiet ta’ ħżin xierqa fl-Ewropa, jiġu żviluppati l-proġetti pilota u jkunu ppreparati s-siti ta’ ħżin fuq skala kummerċjali fit-teritorju ta' Stati Membri li jagħtu l-appoġġ tagħhom;
22. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-produzzjoni ta’ atlas Ewropew ta’ siti ta’ ħżin potenzjali tas-CO2;
23. Jirrikonoxxi li l-Artikolu 6 tal-Protokoll ta' Londra ġie emendat b'mod li m'għadx għandu bżonn jipprovdi barriera għat-trasportazzjoni transkonfinali tas-CO2 għas-sekwestru; jinnota, madankollu, li r-ratifika ta' din il-bidla tista' tieħu ħafna snin; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara jekk hemmx ċirkustanzi fejn tippermetti t-trasferiment transkonfinali tas-CO2 qabel ir-ratifika tal-Protokoll;
Ir-responsabbiltajiet tal-ħżin
24. Jinnota t-tħassib ta' xi żviluppaturi potenzjali tas-CCS li r-rekwiżiti u l-obbligazzjonijiet imposti fuqhom għall-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 f'siti approvati minn Stati Membri m'humiex ikkwantifikati u huma eċċessivi; ifakkar, madankollu, ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-ħżin tas-CO2 stabbiliti fid-Direttiva dwar il-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 (id-Direttiva tas-CCS) u l-obbligi tad-detenturi ta’ permess tal-ħżin.
25. Jaċċetta bis-sħiħ li kwalunkwe rilaxx aċċidentali tas-CO2 minn sit ta' ħżin għandu jkun evitat u li l-integrità ambjentali tal-proġett għandha tkun protetta skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tas-CCS; jistieden lill-Kummissjoni toffri gwida fir-rigward tal-livell sa fejn id-dettalji tal-arranġamenti ta' konformità għandhom ikunu ddeterminati minn qabel permezz ta' negozjati bejn l-operaturi potenzjali u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati;
26. Jinnota li d-Direttiva tas-CCS tagħti lill-Istati Membri flessibbiltà wiesgħa sabiex jiddeterminaw is-sigurtà finanzjarja li għandha tkun ipprovduta mill-operaturi tas-CCS u l-perjodu li qablu r-responsabbiltà għal sit ta’ ħżin magħluq tiġi ttrasferita lill-awtorità kompetenti; jissuġġerixxi li l-Istati Membri li qed ifittxu li jippromwovu l-iżvilupp tas-CCS irid ikollhom rwol intraprenditorjali akbar u jaċċettaw sehem akbar tar-responsabbiltajiet milli huwa mifhum bħalissa;
27. Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-dokumenti ta’ gwida tagħha dwar id-Direttiva CCS sabiex jiġu ċċarati dawn il-punti;
28. Jissuġġerixxi li r-rekwiżit tad-Direttiva tas-CCS, li f’każ ta’ rilaxx ta’ CO2 l-operaturi għandhom iċedu l-kwoti, ma jqisx l-isforzi ta’ rimedji għalja meħtieġa; jibża’ li dan l-obbligu jpoġġi ostakolu ieħor fit-triq għall-iżvilupp tas-CCS; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi reviżjoni għall-evalwazzjoni tagħha tad-Direttiva tas-CCS;
Status ta’ tlestija ta’ qbid u ħżin
29. Jinsisti li mhuwiex aktar aċċettabbli li jsir investiment f’impjanti tal-enerġija jew installazzjonijiet industrijali li għandhom il-probabbiltà li jarmu kwantitajiet kbar ta’ CO2 mingħajr ma jitqies il-mod ta' kif dan jista’ jitnaqqas fil-futur;
30. Jenfasizza li, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru, il-popolazzjoni Ewropea għadha ftit li xejn konxja dwar is-CCS, iżda li dawk li huma infurmati x'aktarx li jappoġġjawha; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-komunikazzjoni sabiex iqajmu kuxjenza pubblika dwar is-CCS, u jemmen li għarfien usa' tas-CCS huwa kruċjali għall-aċċettazzjoni pubblika, u għaldaqstant għall-implimentazzjoni tas-CCS;
31. Jinnota li l-Istati Membri huma awtorizzati li jevalwaw b’modi differenti d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tas-CCS li jirrikjedu evalwazzjoni tal-kapaċità tal-qbid, it-trasport u l-ħżin u li dan għandu jsir qabel ma jiġu mogħtija l-liċenzji ta’ operazzjoni għall-impjanti tal-enerġija;
32. Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tissuġġerixxi li tista’ tkun kundizzjoni tal-kostruzzjoni, fl-Istati Membri li jkunu ddeċidew li jagħmlu użu mit-teknoloġija tas-CCS, li jkun hemm preparazzjoni adegwata għall-implimentazzjoni tas-CCS, jew għal miżuri oħra biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 b'mod sinifikanti, għall-impjanti tal-enerġija b’karburanti fossili ġodda kollha u installazzjonijiet industrijali b’emissjonijiet għolja ta’ daqs miftiehem, minbarra f’każi fejn hemm tnaqqis tad-domanda għall-elettriku l-aktar intensiva jew meta Stat Membru huwa konformi ma’ rekwiżit leġiżlattiv li jippubblika pjan direzzjonali li jindika kif se jilħaq l-għanijiet ta’ tnaqqis tas-CO2 sal-2050 mingħajr l-użu tas-CCS;
33. Jitlob lill-Kummissjoni tanalizza u tippreżenta rapport dwar il-livell ta’ CCS li jkun jinħtieġ li jintuża sa ċerti dati ewlenin, pereżempju l-2030, sabiex is-CCS jagħti kontribut sinifikanti lill-miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-2050;
Il-qbid u l-użu tal-karbonju
34. Jilqa’ l-inizjattivi varji biex isir użu tas-CO2 b’modi li jitnaqqsu l-emissjonijiet globali fl-atmosfera u li jinħolqu prodotti alternattivi bħall-karburanti sostenibbli għat-trasport; jitlob, b’mod partikolari lill-Kummissjoni biex b’mod urġenti tevalwa l-potenzjal għall-użu sikur ta’ CO2 biex jitjieb l-irkupru taż-żejt u l-gass fl-UE;
o o o
35. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.