Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2091(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0434/2013

Testi mressqa :

A7-0434/2013

Dibattiti :

PV 13/01/2014 - 22
CRE 13/01/2014 - 22

Votazzjonijiet :

PV 14/01/2014 - 5.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0011

Testi adottati
PDF 418kWORD 104k
It-Tlieta, 14 ta' Jannar 2014 - Strasburgu
Il-kriżi alimentari, il-frodi fil-katina alimentari u l-kontroll tagħha
P7_TA(2014)0011A7-0434/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar il-kriżi alimentari, il-frodi fil-katina alimentari u l-kontroll tagħha (2013/2091(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta’ azzjoni b’ħames punti(1) ppreżentat mill-Kummissjoni f’Marzu tal-2013 wara l-iskoperta ta’ netwerk kbir ta’ frodi fejn il-laħam taż-żiemel kien qed jiġi mgħoddi bħala laħam taċ-ċanga,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-benessri tal-annimali,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza tal-Ikel u jistabilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, regoli dwar is-saħħa u l-benessri tal-annimal, dwar is-saħħa tal-pjanti, dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti, [u] dwar prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (COM(2013)0265),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-11 ta’ Ottubru 2012 dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess f'erba’ aġenziji tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0434/2013),

A.  billi l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE dwar l-ikel, skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002, jipprojbixxu l-kummerċjalizzazzjoni ta' ikel mhux sikur kif ukoll prattiki frodulenti, l-adulterazzjoni ta’ ikel u kwalunkwe prattika oħra li tista' tqarraq bil-konsumatur;

B.  billi r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, jistabbilixxu dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-projbizzjoni ta' reklamar u prattiki ta' tikkettar qarrieqa;

C.  billi l-qafas regolatorju fis-seħħ tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u l-katina alimentari s'issa pprovda livell għoli ta’ sikurezza tal-ikel għall-konsumaturi tal-UE; billi l-leġiżlazzjoni attwali madankollu għadha fraġli u mhux dejjem tista' torbot fuqha, u għalhekk teżisti l-ħtieġa ta' titjib prattiku;

D.  billi, fl-istess ħin, każijiet reċenti ta’ frodi alimentari dgħajfu l-fiduċja tal-konsumatur fil-katina alimentari, u dan ħalla impatt negattiv fuq is-settur agroalimentari, minħabba li dawn l-iskandli jagħmlu ħsara lid-dehra ġenerali ta’ dan is-settur ewlieni fl-ekonomija tal-UE; billi huwa importanti ħafna li tiġi akkwistata mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumatur fil-prodotti agroalimentari Ewropej, kemm fl-UE u kemm lil hinn mill-fruntieri tagħha; billi jeħtieġ li jkun enfasizzat il-fatt li l-parti l-kbira tal-prodotti agroalimentari Ewropej huma ta’ kwalità eċċellenti u għalhekk ħaqqhom li jkunu rikonoxxuti fil-livell internazzjonali;

E.  billi t-trasparenza hija komponent ewlieni tal-approċċ adottat mill-Kummissjoni u l-Istati Membri lejn il-kontrolli tas-sikurezza tal-ikel;

F.  billi s-settur agroalimentari huwa wieħed mill-ikbar setturi ekonomiċi fl-UE, li jipprovdi 48 miljun impjieg u għandu valur ta' EUR 715 biljun fis-sena;

G.  billi l-każijiet individwali ta’ frodi alimentari għandhom impatt negattiv fuq id-dehra tas-settur agroalimentari kollu;

H.  billi l-liġi tal-UE dwar l-ikel hija dettaljata ħafna fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel u tinkludi kontrolli u testijiet għal residwi u kontaminazzjonijiet oħrajn tal-ikel u l-għalf, iżda, billi ma hemm l-ebda qafas fis-seħħ li b’mod speċifiku għandu fil-mira l-frodi alimentari għajr l-istipulazzjoni ġenerali li l-konsumaturi ma jistgħux jiġu mqarrqa;

I.  billi jeżistu wkoll problemi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali u teżisti ħtieġa li jkun hemm iktar kontrolli uffiċjali effettivi fuq l-ikel miksub mill-annimali f’kull stadju tal-katina alimentari;

J.  billi ma teżisti l-ebda statistika dwar l-inċidenza ta’ frodi alimentari fl-UE, u billi l-Kummissjoni għadha kif identifikat reċentement il-frodi alimentari bħala qasam ġdid ta’ azzjoni;

K.  billi l-każijiet reċenti ta' frodi jinkludu pereżempju l-kummerċjalizzazzjoni ta' laħam taż-żiemel bħala laħam taċ-ċanga u l-kummerċjalizzazzjoni ta' laħam minn żwiemel ittrattati bil-fenilbutażon mgħoddi bħala laħam taż-żiemel tajjeb għall-ikel, il-kummerċjalizzazzjoni ta' dqiq ordinarju bħala dqiq organiku, bajd minn tiġieġ mrobbija f'batteriji bħala bajd organiku, melħ tat-triq bħala melħ tal-ikel, l-użu ta' alkoħol kontaminat mill-metanol fl-ispirti, l-użu ta' xaħam kontaminat bid-diossina fil-produzzjoni tal-għalf tal-annimali u tikettar żbaljat ta' speċi ta' ħut u prodotti tal-frott tal-baħar;

L.  billi l-frodi alimentari ġeneralment isseħħ fejn il-potenzjal li jitwettaq frodi alimentari u t-tentazzjoni għal dan huma għoljin u r-riskju li wieħed jinqabad u li jingħata sanzjonijiet huwa baxx;

M.  billi l-katina tal-provvista alimentari hija ħafna drabi twila u kumplessa u tinvolvi ħafna operaturi ta’ negozji tal-ikel u partijiet oħra; billi l-konsumaturi qed ikunu dejjem inqas konxji dwar il-mod kif qed jiġi prodott l-ikel tagħhom filwaqt li l-operaturi individwali ta' negozji tal-ikel mhux dejjem ikollhom jew jeħtiġilhom ikollhom stampa ġenerali tal-katina alimentari sħiħa;

N.  billi l-frodi fuq skala enormi tal-ikliet tal-laħam taż-żiemel fl-Ewropa kollha huwa s-sintomu ta’ sistema ta’ provvista globalizzata inkontrollabli, ta’ produzzjoni agroalimentari bi prezzijiet imnaqqsa u ta’ sistema ta' tikkettar mhux kompluta;

O.  billi l-kummerċjanti u l-intermedjarji fil-katina alimentari mhumiex dejjem reġistrati u ċċertifikati bħala operaturi ta’ negozji tal-ikel; billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri spiss ma jkunux ċerti min-numru ta’ kummerċjanti mhux reġistrati li huma attivi;

P.  billi wara każijiet ta’ frodi alimentari serji, l-operaturi frodulenti ta' negozji tal-ikel li jkunu nstabu ħatja ta’ reat ta’ frodi xi drabi ma jitħallewx ikomplu joperaw mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti; billi dawn in-negozji ftit wara jerġgħu jirreġistraw x’imkien ieħor u jkomplu n-negozju tagħhom bħal qabel; billi l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar negozji li jkunu nstabu ħatja ta’ frodi jista’ jtejjeb il-monitoraġġ ta’ dawn in-negozji sabiex ma jitħallewx iwettqu attivitajiet frodulenti ġodda;

Q.  billi r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE dwar l-ikel hija tal-Istati Membri u billi l-infurzar u l-kontroll huma għalhekk limitati l-aktar fil-livell nazzjonali, u b’riżultat ta’ dan, il-ħarsa ġenerali transfruntiera fl-UE hija limitata jew inkella lanqas biss teżisti;

R.  billi l-awtoritajiet nazzjonali għandhom it-tendenza li jiffukaw il-kontrolli tagħhom fuq is-sikurezza tal-ikel u ma jagħmlux il-frodi alimentari bħala prijorità, spiss minħabba nuqqas ta’ kapaċità u riżorsi;

S.  billi l-awtoritajiet kompetenti ta’ xi Stati Membri għandhom unitajiet tal-pulizija speċjalizzati biex jiġġieldu kontra l-frodi alimentari; billi l-kontrolli f’xi Stati Membri huma delegati parzjalment lil korpi privati tal-kontroll; billi f’xi Stati Membri oħra l-kontrolli jitwettqu kompletament mill-awtoritajiet kompetenti;

T.  billi s-Sistema ta’ Twissija Bikrija għall-Ikel u l-Għalf hija għodda utli għall-iskambju rapidu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, pereżempju fil-każ tal-frodi reċenti fil-laħam taż-żiemel;

U.  billi l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-kontroll tal-konformità mar-rekwiżiti ta’ kwalità u ta’ sikurezza tal-ikel tal-UE, u billi l-awditjar tiegħu jitħabbar tipikament bil-quddiem u jitħejja flimkien mal-awtoritajiet kompetenti; billi l-għadd ta' awditi kull sena huwa ristrett mill-kapaċità limitata tal-FVO; billi l-FVO indika li attwalment mhuwiex mgħammar jew imħarreġ biex jiffoka fuq il-frodi alimentari;

V.  billi t-twissijiet dwar iż-żieda fin-numru ta’ żwiemel maqtula f’ċerti Stati Membri kienu injorati totalment mill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari mill-FVO;

W.  billi l-Europol osserva żieda fin-numru ta’ każijiet ta’ frodi alimentari u jistenna li din it-tendenza tkompli, flimkien mal-involviment dejjem jikber ta’ organizzazzjonijiet kriminali fil-frodi alimentari;

X.  billi s-sistema ta’ informazzjoni tal-Europol tista’ tintuża mill-Istati Membri biex jikkondividu informazzjoni dwar investigazzjonijiet transfruntieri; billi l-Europol jista’ jassisti lill-Istati Membri biss bil-kompetenza, l-għodda analitika u l-bażijiet ta' data tiegħu, fuq talba tagħhom; billi fil-każ ta’ frodi fil-laħam taż-żiemel, għall-ewwel l-Istati Membri kienu qed isibuha bi tqila biex jaħdmu mal-Europol;

Y.  billi mill-2011, il-Europol wettaq b’suċċess bosta operazzjonijiet OPSON fuq prodotti tal-ikel iffalsifikati u ta’ standard baxx; billi f’dawn l-operazzjonijiet il-Europol jikkoopera mal-Interpol, l-awtoritajiet tal-Istati Membri, pajjiżi mhux tal-UE kif ukoll ma’ sħab privati;

Z.  billi t-tikkettar tal-pajjiż jew tal-post tal-oriġini tal-laħam u tal-prodotti tal-laħam fih innifsu ma jevitax il-frodi; billi l-oriġini ta’ prodott tal-ikel f’ċerti każijiet jiddetermina parzjalment il-prezz tal-prodott tal-ikel;

AA.  billi l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles attwalment previsti mill-UE tista’ twassal biex iddgħajjef il-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel;

AB.  billi għandu jsir sforz ġdid sabiex il-frodi tiġi kkunsidrata f’kuntest ekonomiku kkaratterizzat mill-kriżi finanzjarja dinjija u minn dumping soċjali kemm fl-UE u kemm lil hinn mill-fruntieri tagħha;

AC.  billi l-prattiki ta’ kummerċ iservu biex titnaqqas drastikament il-kwalità, is-sikurezza u t-trasparenza u għandhom impatt fuq il-marġini tal-qligħ tas-settur kollu;

AD.  billi l-prattiki ta’ distribuzzjoni u l-użu ta’ intermedjarji ta’ distribuzzjoni huma sorsi ta’ destabilizzazzjoni għas-swieq ta’ produzzjoni billi jnaqqsu l-marġini tal-produtturi;

Frodi alimentari: ambitu u definizzjoni

1.  Jiddeplora l-fatt li l-ġlieda kontra l-frodi alimentari hija kwistjoni relattivament ġdida fuq l-aġenda Ewropea u li fil-passat qatt ma kienet prijorità ewlenija għal-leġiżlazzjoni u l-infurzar fil-livell tal-UE u dak nazzjonali;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt potenzjali li għandha l-frodi alimentari fuq il-fiduċja tal-konsumaturi, is-sikurezza tal-ikel, il-funzjonament tal-katina alimentari u l-istabilità tal-prezzijiet agrikoli, u jenfasizza l-importanza li l-fiduċja tal-konsumaturi Ewropej terġa' tinkiseb malajr;

3.  Jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tagħti lill-frodi alimentari l-attenzjoni sħiħa li jistħoqqilha u tieħu l-passi kollha neċessarji sabiex il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi alimentari jsiru parti fundamentali mill-politika tal-UE;

4.  Jenfasizza l-bżonn li jinkiseb aktar għarfien dwar l-iskala, l-inċidenza u l-elementi ta’ każijiet ta’ frodi alimentari fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru b'mod sistematiku data dwar każijiet ta’ frodi u jiskambjaw l-aħjar prattiki sabiex jidentifikaw u jiġġieldu kontra l-frodi alimentari;

5.  Jinnota li l-liġi tal-UE attwalment ma tipprovdix definizzjoni ta’ frodi alimentari u li l-Istati Membri jadottaw metodoloġiji differenti għad-definizzjoni tagħha; jikkunsidra li definizzjoni uniformi hija essenzjali biex ikun żviluppat approċċ Ewropew fil-ġlieda kontra l-frodi alimentari; jenfasizza l-bżonn li tkun adottata b’mod rapidu definizzjoni armonizzata fil-livell tal-UE, abbażi ta' diskussjonijiet mal-Istati Membri, partijiet interessati rilevanti u esperti, li tinkludi elementi bħan-nuqqas ta’ konformità mal-liġi dwar l-ikel u/jew l-iżgwidar tal-konsumatur (inkluża l-omissjoni ta’ informazzjoni dwar il-prodott), l-intenzjoni u l-gwadann finanzjarju potenzjali u/jew il-vantaġġ kompetittiv;

6.  Jenfasizza l-fatt li, minħabba n-natura tas-suq uniku tal-UE, f’ħafna każijiet il-frodi alimentari testendi lil hinn mill-fruntieri tal-Istati Membri u ssir theddida għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej kollha;

7.  Jinnota li l-każijiet reċenti ta' frodi alimentari esponew tipi differenti ta' frodi alimentari, bħas-sostituzzjoni ta' ingredjenti ewlenin b'alternattivi orħos jew ta' kwalità aktar baxxa, it-tikkettar żbaljat b'rabta mal-piż, il-bejgħ ta' ikel ordinarju bħala ikel organiku, l-użu inġust ta' logos ta' kwalità li jindikaw l-oriġini jew il-benessri tal-annimal, it-tikettar ta' ħut tal-akkwakultura bħala ħut li nqabad fil-ħabitat naturali jew il-kummerċjalizzazzjoni ta' varjetà ta' ħut inferjuri taħt isem ta' kategorija superjuri jew ta' speċi aktar għalja, u l-falsifikazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' ikel skadut;

8.  Jindika li l-ikel li ħafna drabi huwa suġġett għal attivitajiet frodulenti jinkludi ż-żejt taż-żebbuġa, il-ħut, il-prodotti organiċi, il-qmuħ, l-għasel, il-kafè, it-tè, il-ħwawar, l-inbid, ċertu meraq tal-frott, il-ħalib u l-laħam;

9.  Jinsab imħasseb dwar sinjali li jindikaw li n-numru ta’ każijiet qed jiżdied u li l-frodi alimentari hija tendenza li qiegħda tikber li tirrifletti dgħufija strutturali fil-katina alimentari;

Fatturi li jikkontribwixxu

10.  Jinnota li l-frodi alimentari ġeneralment isseħħ fejn il-gwadann finanzjarju potenzjali jkun għoli u riskju li wieħed jinqabad ikun baxx; jikkunsidra indifendibbli l-fatt li fl-UE l-frodi alimentari tħalli l-qligħ u li l-possibbiltajiet li wieħed jinqabad huma relattivament baxxi;

11.  Jindika l-kumplessità u l-karattru transfruntier tal-katina alimentari flimkien man-natura prinċipalment nazzjonali ta’ kontrolli, sanzjonijiet u infurzar, sitwazzjoni kkunsidrata li żżid ir-riskju ta’ frodi alimentari; jemmen li traċċabilità aħjar tal-ingredjenti u l-prodotti fi ħdan il-katina alimentari sħiħa tgħin fil-ġlieda kontra l-frodi;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni kbira lill-kontrolli fuq il-prodotti impurtati minn pajjiżi terzi u l-konformità tagħhom mal-istandards tal-UE dwar is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf;

13.  Jiġbed l-attenzjoni wkoll għal fatturi oħra li ħafna drabi huma kkwotati li jikkontribwixxu għall-frodi alimentari bħall-kriżi ekonomika attwali, il-miżuri ta’ awsterità li jaffetwaw l-aġenziji ta’ kontroll u l-pressjoni mis-settur tal-bejgħ bl-imnut u setturi oħrajn biex jipproduċu ikel b’mod dejjem aktar irħis;

Tagħlimiet misluta u rakkomandazzjonijiet

Qafas istituzzjonali

14.  Jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi tim kontra l-frodi alimentari u jirrikonoxxi l-isforzi tal-Europol fil-ġlieda kontra l-frodi alimentari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-iżvilupp ta' Laboratorju ta' Referenza tal-UE (EURL) għall-awtentiċità tal-ikel;

15.  Jilqa’ l-pjan tal-Kummissjoni li torganizza konferenza dwar il-frodi alimentari fl-2014 sabiex trawwem is-sensibilizzazzjoni fost l-atturi rilevanti;

16.  Jinsab konvint li spezzjonijiet indipendenti għal għarrieda huma essenzjali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-istandards tas-sikurezza u tat-tikkettar tal-ikel; jemmen għaldaqstant li spezzjonijiet għal għarrieda għandhom ikunu r-regola;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex l-enfasi tal-awditjar tal-FVO tkun ukoll fuq il-frodi alimentari; jikkunsidra li l-FVO u l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu minn spezzjonijiet għal għarrieda regolari, indipendenti u mandatorji għall-identifikazzjoni ta’ ksur intenzjonali biex tiġi żgurata l-osservanza tal-ogħla standards ta’ sikurezza tal-ikel; jemmen li sabiex terġa’ tinkiseb u tinżamm il-fiduċja tal-konsumatur, huwa importanti li jkun hemm approċċ trasparenti għal mod kif jitwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet uffiċjali u li r-rapporti u r-riżultati tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet dwar l-operaturi tal-ikel isiru pubbliċi;

18.  Jiddispjaċih dwar l-użu u l-viżibbiltà limitati tar-rapporti u l-awditjar tal-FVO mill-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi b’iktar ħeġġa r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tal-FVO;

19.  Jistieden lill-awtorità tal-baġit iżżid il-kapaċità u r-riżorsi tal-FVO u tat-tim tal-Kummissjoni kontra l-frodi alimentari;

20.  Jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fil-finanzjament fl-UE għall-korpi li jwettqu dawn il-kompiti essenzjali ta’ monitoraġġ;

21.  Jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni Ewropej jipprovdu lill-korpi ta’ kontroll biżżejjed riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi;

22.  Jenfasizza l-fatt li l-kontrolli u l-ispezzjonijiet effiċjenti għandhom jitwettqu b'tali mod li ma joħolqux piż amministrattiv żejjed għall-SMEs;

23.  Jissuġġerixxi li ssir seduta annwali tal-FVO fil-Kumitat tal-ENVI tiegħu biex jiġi diskuss l-awditjar li jkun tlesta u li għandu jsir fil-futur qabel ma l-FVO jadotta l-programm ta’ ħidma tiegħu għas-sena li ġejja;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li tittieħed azzjoni adegwata rigward il-kwistjonijiet imqajma mill-FVO u li dawn jiġu indirizzati tajjeb;

25.  Jinnota li kwalunkwe tibdil fil-proċess għar-rieżami u l-prijoritizzazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-FVO m’għandux jibdel il-proċess legali għall-adozzjoni tal-programmi ta’ ħidma tal-FVO;

26.  B’mod iżjed speċifiku, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu azzjoni fir-rigward tas-sejbiet tal-awditjar tal-FVO b'rabta ma' rekords frodulenti ta’ trattament mediku tal-annimali destinati għall-qatla għall-esportazzjoni lejn l-UE, u biex jeskludu mill-introduzzjoni fis-suq tal-UE laħam u prodotti oħra tal-annimali minn pajjiżi terzi li fil-każ tagħhom ma jistax ikun hemm garanzija ta’ konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel tal-UE;

27.  Jinnota li l-Istati Membri ħafna drabi jbatu biex iħarrku b’suċċess operaturi frodulenti ta’ negozji tal-ikel li joperaw fil-fruntieri tal-UE minħabba kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni; jiddispjaċih li l-Istati Membri ma jikkooperawx b’mod sistematiku mal-Europol f’każijiet transfruntieri ta’ frodi alimentari iżda jaħdmu b’mod bilaterali;

28.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-informaturi biex jikxfu prattiċi frodulenti fis-settur alimentari; jistieden lill-Istati Membri joħolqu l-aħjar kundizzjonijiet sabiex l-informaturi jkunu jistgħu jiddenunzjaw prattiki malizzjużi b’mod sikur u anonimu;

29.  Jemmen li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku, sakemm ikun possibbli u xieraq, bis-sejħa lura ta’ prodotti u miżuri oħra meħuda mill-awtoritajiet kompetenti f’każijiet ta’ frodi alimentari;

Qafas leġislattiv

30.  Jikkunsidra li l-kontrolli uffiċjali m’għandhomx jiffukaw biss fuq kwistjonijiet ta’ sikurezza tal-ikel iżda wkoll fuq il-prevenzjoni tal-frodi u r-riskju li l-konsumaturi jiġu mqarrqa; jilqa’ l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għal rieżami tal-kontrolli uffiċjali tinkorpora kontrolli addizzjonali fir-rigward ta’ frodi alimentari f'każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti jkollhom raġuni għalfejn jissuspettaw aġir frodulenti min-naħa ta' operatur;

31.  Josserva li xi Stati Membri jiddelegaw parzjalment il-kontrolli lil korpi privati tal-kontroll; jenfasizza li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru għandhom dejjem jissorveljaw is-sistemi ta’ kontroll u jivverifikaw, jiċċertifikaw u jiskrutinizzaw is-sistemi kollha ta’ kontroll privat biex jiżguraw li huma konformi mal-istandards nazzjonali u internazzjonali bil-ħsieb li jagħmlu l-iskoperti tagħhom aċċessibbli għall-aġenziji pubbliċi;

32.  Jirrifjuta kull pjan sabiex il-kompiti ta' spezzjoni jiġu ddelegati mill-awtoritajiet pubbliċi għall-operaturi ekonomiċi;

33.  Jemmen li r-rwol tal-kummerċjanti u l-qafas leġiżlattiv applikabbli għal bejgħ bejn in-negozji għandhom ikunu ċċarati;

34.  Jemmen li l-operaturi kummerċjali kollha li jipproċessaw, jinnegozjaw jew jaħżnu materja prima, ingredjenti tal-ikel jew prodotti tal-ikel fil-katina alimentari tal-bniedem, inklużi kummerċjanti u sidien ta’ mħażen tal-friża, għandhom ikunu reġistrati bħala operaturi ta’ negozji tal-ikel u jkunu suġġetti għal kontrolli;

35.  Jemmen li l-operaturi ta' negozji tal-ikel għandhom ikunu kapaċi jindikaw is-sors minn fejn l-ikel jew l-ingredjenti jkunu joriġinaw, li jfisser li kull operatur ta' negozju tal-ikel fil-katina tal-produzzjoni għandu jerfa’ s-sehem ta’ responsabbiltà tiegħu għall-prodott finali;

36.  Jirrikonoxxi l-importanza ta’ tikkettar ċar u trasparenti bejn in-negozji, u bejn in-negozji u l-konsumaturi u jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-liġi tal-UE dwar l-ikel f'dan il-qasam, bil-ħsieb li jitnaqqas ir-riskju ta’ frodi alimentari;

37.  Jitlob iktar sensibilizzazzjoni u sorveljanza aħjar tat-tikkettar tal-ikel iffriżat bejn in-negozji, u bejn in-negozji u l-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar it-tikkettar obbligatorju tal-laħam u l-ħut li jindika jekk il-laħam u l-ħut kienx iffriżat, id-drabi li ġie ffriżat u għal kemm żmien;

38.  Jemmen li għalkemm it-tikettar tal-pajjiż tal-oriġini mhuwiex minnu nnifsu mezz għall-ġlieda kontra l-frodi alimentari, dan jista' jgħin jiżgura traċċabilità aħjar tul il-katina tal-provvista alimentari, aktar relazzjonijiet stabbli bejn il-fornituri tal-laħam u dawk li jipproċessawh, aktar diliġenza fl-għażla tal-operaturi ta' negozji tal-ikel tal-fornituri u l-prodotti tagħhom, u aktar informazzjoni ta' min jorbot fuqha għall-konsumaturi, bir-riżultat li terġa' tiġi akkwistata l-fiduċja tal-konsumaturi;

39.  Ifakkar li r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistipula li l-Kummissjoni se tadotta, sa Diċembru 2013, atti ta’ implimentazzjoni dwar it-tikkettar mandatorju tal-pajjiż tal-oriġini, it-tikettar għal-laħam tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur kif ukoll it-tikkettar volontarju ta' ikel wara valutazzjoni tal-impatt;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta malajr dawn l-atti ta' implimentazzjoni dwar it-tikettar ta' laħam frisk tal-majjal, tan-nagħaġ, tal-mogħoż u tat-tjur, bi spunt mir-regoli diġà applikabbli għaċ-ċanga u l-vitella mhux ipproċessati, filwaqt li tiżgura li l-konsumaturi jkunu infurmati dwar il-post tat-twelid, tat-trobbija u tal-qatla tal-annimali, b'kunsiderazzjoni għas-sistemi nazzjonali u reġjonali eżistenti għall-indikazzjoni tal-oriġini tal-laħam;

41.  Ifakkar barra minn hekk li l-Parlament diġà talab li jsir it-tikkettar tal-oriġini għal-laħam fil-prodotti tal-ikel ipproċessati, u li l-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq rapport dwar it-tikkettar mandatorju tal-oriġini għall-prodotti li fihom il-laħam; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta malajr ir-rapport tagħha u tkompli bi proposti leġiżlattivi, filwaqt li tagħmel mandatorju l-indikazzjoni tal-oriġini tal-laħam f'ikel proċessat, b'kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt tagħha u filwaqt li tevita spejjeż eċċessivi u piżijiet amministrattivi;

42.  Jappella għal tikkettar aħjar tal-prodotti proċessati li fihom il-ħut, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-oriġini tal-ħut u t-tekniki tas-sajd użati;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, flimkien mal-partijiet interessati u l-Istati Membri, iżżid l-isforzi tagħha biex tesplora l-ambitu u l-bżonn għall-introduzzjoni ta’ sistemi elettroniċi ta’ ċertifikazzjoni fil-katina alimentari li jistgħu jnaqqsu l-probabbiltà ta’ frodi abbażi ta’ ċertifikati stampati;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi reġistru Ewropew ċentralizzat għall-passaporti taż-żwiemel sabiex jiġi evitat il-ħruġ frodulenti ta’ passaporti doppji;

45.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ qafas leġiżlattiv Ewropew li jirregola l-laħam li ġej minn annimali kklonjati;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodu ta’ traċċabilità u ta’ identifikazzjoni tal-laħam li ġej minn annimali kklonjati, pereżempju billi tiġi stabbilita bażi ta' data internazzjonali li jkun fiha informazzjoni ġenetika dwar l-annimali kklonjati;

Responsabbiltà korporattiva

47.  Iqis siewi li s-settur innifsu jiżviluppa b'mod proattiv u jutilizza l-inizjattivi kontra l-frodi tas-settur privat bħal pereżempju l-kontrolli għall-integrità tal-prodott, il-monitoraġġ proprju, l-analiżi, il-pjanijiet ta' traċċar tal-prodott, l-awditjar u ċ-ċertifikazzjoni, u jilqa' l-inizjattivi attwali bħall-Global Food Safety Initiative u l-Food Fraud Initiative fl-Università tal-Istat tal-Michigan; dan għandu jsir b'mod addizzjonali għas-sistema ta' kontrolli uffiċjali għas-settur alimentari u mhux bħala sostituzzjoni għaliha;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw li jimponu obbligu legali fuq l-operaturi ta’ negozji tal-ikel biex jirrappurtaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-inċidenza ta’ każijiet ta’ frodi alimentari;

49.  Jemmen li s-settur tal-bejgħ bl-imnut għandu responsabbiltà speċjali biex jiggarantixxi l-integrità tal-prodotti alimentari u biex jitlob mill-fornituri tiegħu katina ta’ provvista sikura; jemmen li hija fir-responsabbiltà tal-bejjiegħ bl-imnut li jiċċekja tal-anqas il-konformità formali mar-regoli dwar it-tikettar; jikkundanna l-pressjoni fuq il-produtturi primarji minn operaturi tal-bejgħ bl-imnut u operaturi oħra ta’ negozji tal-ikel biex jipproduċu b’mod dejjem aktar irħis, spiss askapitu tal-kwalità tal-oġġetti tal-ikel jew tal-ingredjenti;

50.  Jinnota li l-operaturi ta’ negozji tal-ikel mhux dejjem ikunu jafu s-sors minn fejn joriġinaw l-ingredjenti li jużaw; jinnota f'dan ir-rigward li ktajjen tal-provvista qosra (lokali u reġjonali) jistgħu jiżguraw iżjed trasparenza u jistgħu jieħdu post il-ktajjen ta' provvista twal u kkumplikati li kellhom rwol ewlieni fil-kriżi tal-frodi alimentari;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti leġiżlattivi skont ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, għal tikketta tal-“kummerċjalizzazzjoni lokali u bejgħ dirett” biex tgħin fil-promozzjoni tas-swieq ikkonċernati u tgħin lill-bdiewa jżidu l-valur tal-prodotti tagħhom;

Infurzar u kontrolli

52.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, skont id-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 7 u 17 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, issegwi u timpedixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jibqgħu fis-suq taħt isem intenzjonalment żbaljat jew qarrieqi, billi dan ukoll għandu jitqies tip ta’ frodi alimentari;

53.  Huwa konvint li hemm bżonn ta’ bidla fl-attitudni fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti, minn approċċ amministrattiv u veterinarju għal approċċ tal-pulizija, ibbażat fuq l-esperjenza tal-flying squad tal-Amministrazzjoni Alimentari Daniża u tal-Arma dei Carabinieri u l-Guardia di Finanza fl-Italja; jenfasizza li tali approċċ jiddependi mill-fatt li l-qrati indikati jkunu mogħnija b'imħallfin li għandhom kompetenza fil-liġi dwar l-ikel;

54.  Jenfasizza li t-twettiq tal-kontrolli għandu jkun ibbażat fuq ir-riskju u jinkludi l-iżvilupp ta’ profili ta’ riskju u l-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà għal kull katina tal-provvista u prodott tal-ikel, bi spunt mill-istudji kontinwi akkademiċi li jikkombinaw l-għarfien fl-oqsma tal-awtentiċità alimentari u l-kriminoloġija, bħar-riċerka mill-Università ta’ VU f’Amsterdam u l-Università ta’ Wageningen;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jistimulaw il-programmi ta’ riċerka u żvilupp Ewropej u nazzjonali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji u metodi użati għall-identifikazzjoni ta’ frodi alimentari, bħat-teknoloġija tas-sensers, l-analiżi tad-data u t-teħid tal-marki tas-swaba’ tal-prodotti, u biex jiffaċilitaw id-dispożizzjoni kummerċjali tat-testijiet fuq perjodu ta' żmien qasir; jirrikonoxxi l-proġetti ta' riċerka Ewropej eżistenti dwar l-integrità u l-awtentiċità tal-ikel, bħal TRACE u AuthenticFood;

56.  Jirrakkomanda li l-FVO u l-awtoritajiet nazzjonali jinkludu fl-awditjar tagħhom l-hekk imsejħa kontrolli tal-bilanċ tal-massa fuq il-flussi tad-dħul, tal-ħruġ u tal-iskart;

57.  Iħeġġeġ it-titjib fil-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli li jinvestigaw il-frodi alimentari, b'hekk jgħinu lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra din il-problema; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi b'urġenza sistema elettronika, ibbażata fuq is-Sistema ta’ Twissija Bikrija għall-Ikel u l-Għalf (RASFF) eżistenti kif suġġerit mill-Kummissjoni, biex tippermetti l-iskambju rapidu ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'każijiet ta' frodi alimentari; jappella għall-pubblikazzjoni ta' rapporti annwali li jelenkaw każijiet ta' frodi alimentari li jkunu ġew żvelati, b'analoġija mar-rapporti tal-RASFF;

58.  Jappella għat-twaqqif ta' netwerk kontra l-frodi alimentari bħala mezz li jtejjeb il-koordinazzjoni bejn il-korpi Ewropej kompetenti (Europol, Eurojust, FVO), għal aktar prevenzjoni u identifikazzjoni effikaċi tal-frodi alimentari;

59.  Jissuġġerixxi l-introduzzjoni tal-ittestjar tad-DNA bħala proċedura standard f'kontrolli għal għarrieda għad-determinazzjoni tal-ispeċi, b’mod speċjali fir-rigward ta' prodotti tal-laħam u l-ħut, u li tiġi stabbilita bażi ta' data ċentralizzata tad-DNA għal dan il-fini;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-lakuni fir-regoli eżistenti dwar is-sikurezza u t-traċċabbiltà tal-ikel marbuta mal-importazzjoni ta’ ikel minn pajjiżi terzi, li jkollhom riskju ogħla ta’ frodi alimentari;

61.  Jinsisti li l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles innegozjati mill-UE m'għandhomx jagħtu lok għal modifiki fil-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tas-sikurezza u tas-sigurtà alimentari jew għal tnaqqis fl-isforzi għall-infurzar ta’ din il-leġiżlazzjoni;

62.  Jemmen li r-riżultati tal-kontrolli għandhom isiru pubbliċi b’mod li jkun aċċessibbli għall-konsumaturi u li jistgħu jifhmuhom, pereżempju fil-forma ta’ skema ta’ klassifikazzjoni; huwa konvint li dan jaf jgħin lill-konsumaturi fit-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll jagħti inċentivi biex l-operaturi ta' negozji tal-ikel joperaw tajjeb;

Sanzjonijiet

63.  Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-pieni sabiex tal-anqas tikkumpensa għall-vantaġġ ekonomiku stmat imfittex permezz tal-ksur, iżda jqis li din mhijiex dissważiva biżżejjed; jemmen li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pieni għall-frodi alimentari li jammontaw tal-anqas id-doppju tal-istima tal-ammont ta' vantaġġ ekonomiku mfittex permezz tal-attività frodulenti; iqis neċessarju, bħala deterrent żejjed, li l-Istati Membri jistabbilixxu pieni saħansitra ogħla, inklużi pieni tad-dritt kriminali, għal każijiet frodulenti fejn is-saħħa pubblika tiġi pperikolata intenzjonalment, jew f'każijiet ta' frodi li jinvolvu prodotti mmirati lejn konsumaturi vulnerabbli; jipproponi, barra minn hekk, li fl-eventwalità ta’ offiżi ripetuti, ir-reġistrazzjoni tal-operatur ta’ negozju tal-ikel tiġi rtirata;

64.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni m’għandhiex stampa ġenerali tas-sistemi nazzjonali differenti tas-sanzjonijiet għar-reati ta’ frodi alimentari u tal-funzjonament ta’ dawn ir-reġimi ta’ sanzjonijiet ibbażati fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tikseb din l-istampa ġenerali mill-aktar fis possibbli;

65.  Jappella għal kunsiderazzjoni tal-benessri tal-annimali u għal pieni aktar stretti f’każ li ma jiġux rispettati r-regoli rilevanti;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor data mill-Istati Membri u tirraporta dwar ir-reġimi differenti fl-Istati Membri fir-rigward tat-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet għal reati ta’ frodi alimentari u l-funzjonament tar-reġimi ta’ sanzjonijiet;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw ukoll metodi oħra li jkollhom l-għan li jevitaw u jiskoraġġixxu l-frodi alimentari, bħat-tismija u l-għoti ta’ fama ħażina permezz ta’ reġistru Ewropew ta’ operaturi ta’ negozji tal-ikel li jkunu nstabu ħatja ta’ frodi alimentari;

68.  Jappella għall-estensjoni tar-reġimi attwali ta' traċċabilità u l-implimentazzjoni sistematika tal-possibilità ta' traċċabilità kontinwa prevista fir-Regolament bażiku (UE) 178/2002, li tikkonċerna l-ikel u l-għalf, l-annimali li jservu għall-produzzjoni tal-ikel u s-sustanzi kollha l-oħra li jintużaw għal dan il-għan jew li huma intenzjonati li jinħadmu għall-produzzjoni tal-ikel jew l-għalf; jitlob li l-katina alimentari kollha fl-Ewropa, inklużi l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar, il-bejgħ u d-distribuzzjoni tkun trasparenti u kompletament miftuħa għall-iskrutinju mill-kontrolluri, bil-ħsieb li jkun żgurat li l-prodotti tal-ikel frodulenti jkunu jistgħu jiġu identifikati malajr;

69.  Jipproponi l-introduzzjoni ta' obbligu għal-laboratorji ta’ riċerka kollha u l-persunal tagħhom li jirrappurtaw lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti r-riżultati kollha tal-analiżi dwar l-ikel u l-għalf li jqajmu suspetti ta’ frodi jew li huma rilevanti għall-ġlieda kontra l-frodi;

o
o   o

70.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://ec.europa.eu/food/food/horsemeat/plan_en.htm.

Avviż legali - Politika tal-privatezza