Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fir-rikavat tal-kumpaniji (2013/2127(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bl-isem ‘Ewropa 2020: strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2012 bl-isem ‘Pjan ta’ Azzjoni: Id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva – qafas legali modern għal azzjonisti aktar impenjati u kumpaniji sostenibbli’ (COM(2012)0740),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Lulju 2002 dwar qafas għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati (COM(2002)0364) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta’ Ġunju 2003 dwarha(1),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fl-Ewropa(2),
– wara li kkunsidra l-istudju mitlub mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament dwar il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fir-rikavat tal-kumpaniji(3), li ġie ppubblikat f’Settembru 2012,
– wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER IV, bl-isem ‘Benchmarking of employee participation in profits and enterprise results in the member and candidate Countries of the European Union’ (Parametru referenzjarju tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi fil-pajjiżi membri u kandidati tal-Unjoni Ewropea), li ġie ppubblikat f’Ottubru 2009 mill-Università Ħielsa ta’ Berlin,
– wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER IIII, bl-isem ‘Promotion of employee participation in profits and enterprise results in the New Member and Candidate Countries of the European Union’ (Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi fil-pajjiżi membri u kandidati tal-Unjoni Ewropea), li ġie ppubblikat f’Ottubru 2006 mill-Università Ħielsa ta’ Berlin,
– wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER II tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Jannar 1997 bl-isem ‘Promotion of participation by employed persons in profits and enterprise results (including equity participation) in Member States’ (Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ persuni impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi (inkluża l-parteċipazzjoni fil-kapital) (COM(1996/0697),
– wara li kkunsidra r-Rapport PEPPER I, bl-isem ‘Promotion of employee participation in profits and enterprise results’ (Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-profitti u r-riżultati tal-intrapriżi), li ġie ppubblikat f’Marzu 1991 mill-Kummissjoni u l-Istitut Universitarju Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proġett pilota tal-Kummissjoni dwar il-promozzjoni tas-sjieda u l-parteċipazzjoni tal-impjegati(4),
– wara li kkunsidra r-Rapport tat-18 ta’ Diċembru 2003 tal-grupp ta’ livell għoli ta’ esperti indipendenti dwar ostakoli transnazzjonali għat-tkabbir tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati f’intrapriżi transnazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu ‘Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid’ (COM(2012)0573),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “L-Implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta’ Liżbona għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi: Trasferiment tan-Negozju - Kontinwità bis-saħħa ta’ bidu ġdid”, tal-14 ta’ Marzu 2006 (KUMM(2006) 0117 finali);,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema, l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0465/2013),
A. billi l-iskemi ta’ parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati (PFI) jistgħu joffru benefiċċji finanzjarji diretti li jmorru lil hinn mill-istrutturi ta’ remunerazzjoni bażiċi maqbulin, permezz ta’:
–
kondiviżjoni tas-sjieda, li toffri lill-impjegati d-dritt li jgawdu l-benefiċċji tas-suċċess tal-kumpanija filwaqt li jipparteċipaw fir-responsabbiltà u r-riskji marbuta ma’ deċiżjonijiet strateġiċi;
–
kondiviżjoni tal-profitti, kemm jekk fil-forma ta’ flus kontanti, ishma jew benefiċċji, li tista’ tippremja s-suċċess jew il-prestazzjoni eċċezzjonali, iżżid l-introjtu tal-ħaddiema u tagħti spinta lill-kapaċità tal-infiq tagħhom, b’effett konsekwenzjali ekonomiku dirett fuq l-ekonomija lokali;
B. billi l-impjegati jħabbtu wiċċhom ma' riskju doppju meta l-impjegatur jintlaqat minn kriżi: min-naħa, ir-riskju li jitilfu l-impjieg u l-introjtu tagħhom u, min-naħa l-oħra, ir-riskju li jitilfu l-kapital investit fil-kumpanija;
C. billi hemm tliet mudelli ewlenin tal-PFI li kumpanija tista’ tagħżel minnhom: kondiviżjoni tal-profitt (fi flus kontanti, differita jew f’ishma), sjieda ta’ ishma individwali mill-impjegati (ishma tal-impjegati jew opzjonijiet fuq l-ishma) u pjanijiet ta’ sjieda ta’ ishma għall-impjegati (ESOPs); billi l-PFI tista’ tkun fil-forma ta’ ishma jew flus kontanti;
D. billi l-mudell PFI l-aktar adattat se jiddependi ta’ spiss fuq id-daqs u l-istat tal-kumpanija, b’mod partikolari fuq jekk hijiex ikkwotata jew le;
E. billi l-PFI, partikolarment fil-forma ta’ ESOPs jew sjieda parzjali, tista’ sservi bħala ammortizzatur, billi tippermetti li bonuses jew forom oħra ta’ ħlas jew premju supplementari jkunu amministrati fi trusts minn partijiet terzi, u b’hekk tifrex ir-riskju tal-investiment fost l-azzjonisti prinċipali tal-kumpanija u tiżgura wkoll li l-ħaddiema jkollhom portafoll ta’ ishma mfaddla;
F. billi l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fil-kumpanija tagħhom timplika għadd ta' riskji potenzjali għall-ħaddiema; billi l-parteċipazzjoni finanzjarja ma għandhiex tintuża biex tevita l-konformità mal-liġi tax-xogħol, jew bħala mezz biex jitnaqqsu d-drittijiet soċjali u tax-xogħol miksuba jew biex tkun applikata pressjoni bil-ħsieb li tiżdied il-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol;
G. billi jekk l-impjegati jakkwistaw mis-sidien tal-kumpanija tagħhom id-dritt ta’ prijorità ta’ akkwiżizzjoni maġġoritarja, u għalhekk jistgħu jieħdu f’idejhom kumpaniji f’diffikultà finanzjarja, huma jistgħu jfittxu li jissalvagwardjaw l-impjiegi tagħhom stess u din il-proċedura tista’ tnaqqas l-inċertezza dwar l-impjieg kontinwu tagħhom meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ akkwiżizzjoni maġġoritarja minn kumpaniji oħra; billi s-sjieda tal-impjegat tista’ tindirizza problemi ta’ suċċessjoni tal-kumpaniji, minħabba li kumpanija ta’ spiss tingħalaq jew tinbiegħ għal razzjonalizzazzjoni jew għeluq possibbli meta s-suċċessjoni ma tkunx possibbli; billi din il-proċedura tista’ tkun ta’ għajnuna b’mod partikolari għall-SMEs u l-mikrointrapriżi fl-iżgurar tal-kontinwazzjoni tal-operazzjonijiet kummerċjali sostenibbli; billi dawn il-vantaġġi jistgħu jiġu żgurati biss bil-parteċipazzjoni tal-ħaddiema;
H. billi l-ESOP huwa eżempju ta’ mudell effettiv ta’ akkwiżizzjoni maġġoritarja mill-impjegati għal kumpaniji mhux ikkwotati fejn entità intermedjarja tintuża sabiex ikunu akkwistati l-ishma f’isem l-impjegati; billi l-impjegati mhumiex esposti għal riskji addizzjonali peress li l-akkwist huwa ffinanzjat minn kondiviżjoni tal-profitt, jew self li jitħallas lura mill-kondiviżjonijiet tal-profitt, li huwa apparti mis-salarji tal-impjegati;
I. billi l-kunċett Spanjol ta’ sociedades Laborales huwa eżempju tal-aħjar prattika ta’ skema tal-PFI għall-mikrointrapriżi; billi jippermetti wkoll li l-persuni qiegħda jagħżlu li jirċievu l-benefiċċji tal-qgħad tagħhom bħala somma sħiħa sabiex ikunu jistgħu jibdew kumpanija ġdida jew jirrikapitalizzaw waħda eżistenti;
J. billi l-PFI tnaqqas il-perspettiva għal żmien qasir, tippromwovi s-sostenibbiltà u l-perspettiva għal żmien twil f'teħid tad-deċiżjonijiet strateġiku mill-meniġers u tista' żżid l-interess tal-impjegati f'impenn fit-tul u li jfittxu soluzzjonijiet innovattivi fil-proċess ta' produzzjoni; billi l-PFI jista' għalhekk iwassal stabbilità, żvilupp u tkabbir waqt li jitnaqqsu r-riskji ta' espansjoni żejda li jwasslu għat-telf ta' impjiegi; jikkunsidra li dawn l-effetti jistgħu jissaħħu b'istituzzjonijiet ta' involviment tal-ħaddiema stabbli u operattivi;
K. billi l-iskemi ta’ parteċipazzjoni finanzjarja jinkoraġġixxu investiment fit-taħriġ, billi dawn iżidu l-probabbiltà ta’ kumpaniji li jżommu fit-tul lill-ħaddiema li jkollhom il-kompetenzi;
L. billi l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fir-rikavat tal-kumpanija tagħhom u, fejn xieraq, il-parteċipazzjoni assoċjata tal-ħaddiema fit-teħid tad-deċiżjonijiet, tista' tikkontribwixxi għal titjib fis-sodisfazzjon tax-xogħol kif ukoll fil-prestazzjoni u l-motivazzjoni ġenerali tal-ħaddiema; billi din tista' wkoll tħeġġeġ impjegati biex jiżviluppaw sens ta' sjieda u fehim aħjar tal-kumpanija tagħhom kif ukoll issaħħaħ ir-rispett reċiproku bejn l-impjegati u l-impjegaturi;
M. billi l-fatt li l-impjegati jiġu inkoraġġati jiżviluppaw sens ta’ sjieda u responsabbiltà jżid is-sens ta’ inklużjoni tagħhom u l-probabbiltà li l-impjegaturi tagħhom joqorbu lejhom u jifhmu t-tħassib, il-perspettivi u l-ideat tagħhom;
N. billi l-istabbiliment tal-PFI jista’ jgħin biex tingħata spinta lill-produttività, titjieb il-prestazzjoni, jiġi appoġġjat l-allinjament tal-interessi tal-impjegati u l-azzjonisti u jiġi attirat u jinżamm persunal fundamentali;
O. billi l-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-maniġment permezz ta’ drittijiet tal-vot, id-dritt li jkunu preżenti jew forom oħra ta’ governanza tista’ ttejjeb il-ġestjoni u l-fluss ta' informazzjoni u tgħin lill-impjegati jkollhom fehim aħjar tas-sitwazzjoni meta l-kumpanija tagħhom tiffaċċja sfidi u abbiltà akbar biex jaċċedu għal premjijiet meta l-kumpanija tkun sejra tajjeb;
P. billi fil-mudelli tal-PFI li jużaw entità intermedjarja, din l-entità tista’ teżerċita d-drittijiet tal-vot jew forom oħra ta’ governanza f’isem l-impjegati u tippermetti rappreżentanza kollettiva;
Q. billi l-iskemi tal-PFI jista’ jkollhom rwol sinifikanti fl-involviment addizzjonali tal-ħaddiema fil-proċessi ta’ informazzjoni, ta’ konsultazzjoni u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet matul ristrutturar;
R. billi l-PFI hija affettwata mir-regoli tat-tassazzjoni nazzjonali, u billi mhuwiex xieraq li jiġi żviluppat mudell komprensiv “wieħed għal kulħadd” għall-PFI fil-livell tal-UE: billi l-kumpanija individwali u l-ħaddiema tagħha jridu jiddeċiedu bir-reqqa dwar il-PFI filwaqt li jqisu l-kuntest nazzjonali u settorjali usa’; billi, ġabra ta’ linji gwida bażiċi tista’ tikseb il-fiduċja tal-pubbliku u tgħin lill-PFI tikseb ir-riżultati tagħha;
S. billi l-PFI tista’ ma tkunx adattata għall-kumpaniji jew l-impjegati kollha u għalhekk qabel ma titwettaq tali skema għandu jkun hemm konsiderazzjoni bir-reqqa;
Ostakoli għall-adozzjoni tal-PFI fl-UE
1. Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-ostakoli transnazzjonali li jiffaċċjaw kemm il-kumpaniji li joffru skemi lill-impjegati f’diversi Stati Membri, kif ukoll l-impjegati, li għalihom it-tassazzjoni doppja tista’ tirrappreżenta ksur tad-dritt tal-libertà ta’ moviment;
2. Jinnota d-differenzi fost l-Istati Membri fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali fuq id-dħul għall-parteċipazzjoni finanzjarja;
3. Jenfasizza li f’ċerti każi jista’ jkun utli li jkun hemm il-konverġenza gradwali ta’ skemi ta’ parteċipazzjoni finanzjarja eżistenti u l-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata sabiex fil-futur l-impjegaturi jkunu jistgħu joffru skemi fl-istess forma jew f’forma simili fl-Istati Membri kollha fejn għandhom l-impjegati;
4. Jinsisti li n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar skemi ta’ parteċipazzjoni finanzjarja eżistenti jista’ jiġi kkumpensat billi tiżdied il-kwantità ta’ informazzjoni li tippermetti paragun fil-livell internazzjonali, fatt li jnaqqas l-ispejjeż kemm għall-kumpaniji l-kbar kif ukoll għall-SMEs, filwaqt li jippermettilhom joffru skemi ta’ parteċipazzjoni tal-impjegati li jissodisfaw il-ħtiġijiet partikolari tagħhom;
5. Jenfasizza n-nuqqas ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ skemi tal-PFI; jinnota, f'dan ir-rigward, id-differenzi bejn il-pajjiżi tal-UE-15(6) u tal-UE-13(7) fir-rigward tal-livelli ta’ parteċipazzjoni tagħhom fi skemi tal-PFI; jirrikonoxxi r-rabta bejn l-introduzzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi fil-livell nazzjonali favur skemi tal-PFI u l-għadd ta’ impjegati li jipparteċipaw fi skemi bħal dawn;(8)
Kwistjonijiet ta' tassazzjoni
6. Jenfasizza li hi meħtieġa aktar trasparenza fl-iskemi nazzjonali għall-parteċipazzjoni tal-impjegati u speċjalment meta jiġi kkalkolat il-piż tat-taxxa effettiv fl-UE-28 sabiex jiġu evitati t-taxxa doppja u d-diskriminazzjoni;
7. Jinnota li qafas ta' mudell Ewropew għall-parteċipazzjoni tal-impjegati ma għandux ikun prevalenti fuq ir-regoli tat-tassazzjoni nazzjonali;
8. Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi ta' tassazzjoni, bi qbil mal-prinċipji tal-aħjar prattika, meta jippromovu skemi għas-sjieda tal-impjegati;
9. Jinnota li inċentivi tat-taxxa mmirati b’mod preċiż jistgħu jżidu l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati f’diversi Stati Membri u anke jgħinu fit-tkabbir ekonomiku;
10. Huwa tal-fehma, għaldaqstant, li l-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta linji gwida dwar it-tassazzjoni tal-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati;
Rakkomandazzjonijiet
11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw miżuri xierqa biex jinkoraġġixxu l-kumpaniji jiżviluppaw u joffru b'mod volontarju skemi tal-PFI, miftuħin għall-impjegati kollha fuq bażi mhux diskriminatorja, b'kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni speċifika tal-SMEs u l-mikrointrapriżi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-iskambji tal-aħjar prattika f’dan ir-rigward;
12. Huwa tal-fehma li l-Parteċipazzjoni Finanzjarja tal-Impjegati (PFI) tista’ tkun ukoll forma ta’ benefiċċju għall-impjegat, permezz ta’ parteċipazzjoni f'kapital jew bonds speċifiċi, skont il-prodott finanzjarju użat u t-tip ta’ kumpanija kkonċernata;
13. Jemmen li kwalunkwe miżura li tirrigwarda l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fl-introjtu tal-kumpanija għandha tkun sostenibbli fuq terminu twil u abbażi tal-prinċipji ta’ parteċipazzjoni volontarja, tal-ugwaljanza fost il-ħaddiema u ta' diliġenza dovuta, speċjalment għall-SMEs; jenfasizza l-fatt li, minkejja li l-UE tirrikonoxxi l-utilità ta' skemi ta' parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati, dan il-qasam mhuwiex kompetenza tal-Unjoni;
14. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu s-sħab soċjali, skont il-liġijiet nazzjonali u l-prattiki, l-organizzazzjonijiet tas-sjieda tal-impjegati u l-partijiet interessati aktar mill-qrib fi djalogu bejn dawk li jfasslu l-politika, l-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-ħaddiema, fil-livelli rispettivi filwaqt li tkun irrispettata l-awtonomija tas-sħab soċjali f’negozjar kollettiv, sabiex jiġi żgurat li eżempji eżistenti tal-aħjar prattika jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp ta’ politiki biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-PFI mill-impriżi;
15. Jantiċipa r-riżultati tal-proġett pilota, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ Ċentru Virtwali tal-PFI u l-Kalkolatur ta’ Rata Fiskali Effettiva CETREPS; jistieden lill-Kummissjoni toffri ideat lill-Istati Membri dwar il-parteċipazzjoni ta' mekkaniżmi fid-dawl ta' dan il-proġett pilota;
16. Iqis b'interess 29 reġim fakultattiv potenzjali bħala qafas legali uniku fakultattiv miftuħ għall-impjegati fl-UE kollha, li jirrispetta l-oqsma ta' kompetenza tal-Istat Membru dwar il-liġi fiskali u tax-xogħol, f'termini ta':
(a)
grupp ta’ mudelli sempliċi, elementari u bażiċi żviluppati minn eżempji tal-aħjar prattika għal kull tip u daqs ta’ kumpanija,
(b)
approċċ ibbażat fuq is-suq fejn ir-reġim uniku jużawh biss il-kumpaniji li jsibuh utli,
(c)
li jippermetti d-differenzi fil-kultura legali tal-Istati Membri billi r-reġimi nazzjonali jibqgħu jeżistu b’mod parallel,
(d)
li jtejjeb it-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni sabiex tkun iffaċilitata l-implementazzjoni ġusta fi Stati Membri differenti,
(e)
l-applikabbiltà fil-livell nazzjonali u/jew tal-UE meta jkun meħtieġ u li ma jkunx ristrett għal kumpaniji transkonfinali, b'kunsiderazzjoni għall-kwistjonijiet ta’ taxxa kif ukoll ir-riskju finanzjarju għall-impjegati;(9)
17. Jemmen li, valutazzjoni tal-impatt fuq 29 reġim għandha tgħin biex jiġu vvalutati possibbiltajiet dwar kif jinħolqu kundizzjonijiet indaqs u biex ma tiġix ostakolata l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi;
18. Jinnota li s-sjieda tal-impjegati trawwem koeżjoni soċjali tant meħtieġa u sservi ta’ addizzjoni importanti għal governanza korporattiva sostenibbli; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li tittieħed prekawzjoni fil-promozzjoni tal-iskemi ta’ parteċipazzjoni finanzjarja sabiex il-pagi ma jiġux sostitwiti minn sistemi ta’ qsim tal-profitti;
19. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati rilevanti, għalhekk, biex ikomplu jippromwovu l-adeżjoni ‘mal-approċċ modulari’;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta valutazzjoni tal-impatt indipendenti fuq '29 reġim' bħal dan għall-PFI u jantiċipa l-inklużjoni ta' informazzjoni dwarha fir-rapport interim tal-Kummissjoni;
21. Jistieden lill-Kummissjoni biex, wara l-pubblikazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt indipendenti u f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-sjieda tal-impjegati, l-Istati Membri u, fejn xieraq, is-sħab soċjali, tqis li tiżviluppa sett ta’ linji gwida bażiċi għal skemi tal-PFI ta’ suċċess li jinkludu l-elementi li ġejjin:
(a)
isegwu objettiv: il-kumpaniji għandhom jiddeterminaw l-objettivi ta’ skema tal-PFI sabiex jagħżlu liema mudell huwa l-aktar xieraq għalihom u biex ikollhom l-aħjar ċans li jiksbu r-riżultat mixtieq; qabel l-introduzzjoni, l-iskemi tal-PFI għandhom ikunu suġġetti għal konsultazzjoni mill-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom; il-ftehimiet kollettivi m’għandhomx jiddgħajfu minn ftehimiet dwar skemi tal-PFI;
(b)
flessibbli fit-tħaddim u ta’ natura volontarja: il-PFI taħdem b’mod differenti f’setturi differenti, f’kumpaniji ta’ qisien u tipi differenti, u fi Stati Membri differenti; id-deċiżjoni li tkun żviluppata u implimentata skema tal-PFI għalhekk għandha ssir fil-livell tal-kumpanija fid-dawl tad-dritt u l-prattika nazzjonali eżistenti, u b'kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija;
(c)
addizzjonali/kumplimentari għar-remunerazzjoni kuntrattwali: kwalunkwe mudell tal-PFI għandu jkun żieda mal-paga bażika u d-drittijiet kuntrattwali ta’ ħaddiem, mhux sostitut għal dawn id-drittijiet;
(d)
ta’ natura volontarja għall-impjegati: il-PFI hija mezz li bih l-impjegati huma offruti għażla dwar kif jibbenefikaw minn relazzjoni finanzjarja aktar mill-qrib mal-impjegatur tagħhom; fl-aħħar mill-aħħar din trid tkun fakultattiva għal ħaddiem individwali biex jagħżel jidħolx fiha jew le, iżda trid tkun ukoll disponibbli għall-ħaddiema kollha, inkluż il-ħaddiema part-time, tal-kumpanija mingħajr diskriminazzjoni sabiex tinkiseb inklużjoni ġenwina;
(e)
negozjati mis-sħab soċjali: meta l-prattiki u t-tradizzjonijiet nazzjonali jinkludu s-sħab soċjali fil-livell tal-kumpaniji, l-iskemi tal-PFI għandhom jiġu negozjati mis-sħab soċjali rilevanti, fuq bażi lokali, kumpanija b’kumpanija jew mifruxa fuq il-kumpanija kollha, sabiex jitfasslu skont il-kundizzjonijiet u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kumpanija u l-forza tax-xogħol tagħha; dawn l-iskemi m’għandhomx jiddiskriminaw kontra impjegati talli jappartjenu għal trejdjunijin jew għal kwalunkwe raġuni oħra ta' diskriminazzjoni elenkata fl-Artikolu 10 tat-TFUE;
(f)
informazzjoni ċara: tali informazzjoni trid tingħata lill-impjegati dwar ir-riskji u d-drittijiet marbutin mal-għażla li jidħlu fi skema tal-PFI inkluż kwalunkwe perjodu tal-vestiment: id-deċiżjoni li jissieħbu fi skema tal-PFI għandha tkun ibbażata fuq il-kunsens informat ta’ impjegat, mogħti bl-għarfien sħiħ tad-drittijiet tagħhom, l-obbligi u r-riskji sottostanti kif ukoll l-effetti tat-taxxa meta jissieħbu fi skema u l-kundizzjonijiet li japplikaw meta jħallu l-kumpanija jew l-iskema fi kwalunkwe ċirkustanza;
(g)
involviment fil-governanza: impjegatur għandu, skont l-iskema, jistieden ħaddiem jew ħaddiema biex ikunu direttament involuti fil-governanza ta' kumpanija; meta dan ikun il-każ, id-drittijiet u r-reponsabbiltajiet għandhom ikunu definiti b'mod ċar u konġunt;
(h)
jekk il-mudell miftiehem ikun il-kondiviżjoni tas-sjieda, tkun preferuta sjieda kollettiva ta’ ishma – pereżempju fi trust; f’dan il-mudell, l-ishma għandhom ikunu allokati b’tali mod li ma jiżdidux id-differenzi eżistenti fil-paga;
(i)
huwa imperattiv li tinħareġ assigurazzjoni biex tiġi mħarsa l-parteċipazzjoni tal-ħaddiem mill-insolvenza tal-kumpanija;
(j)
għandu jkun dejjem ikkunsidrat l-impatt fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi meta jintlaħaq ftehim dwar skemi tal-PFI;
(k)
trasparenza: l-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-kumpanija kkonċernata u l-informazzjoni dwar r-riskji marbuta għandhom ikunu disponibbli għall-ħaddiema kkonċernati l-ħin kollu;
22. Ifakkar li, kif indikat fil-perjodu ta’ qabel il-kriżi finanzjarja, il-politiki ta’ remunerazzjoni li jinkoraġġixxu mġiba eċċessivament riskjuża mill-impjegati jistgħu jikkompromettu l-amministrazzjoni tajba u effikaċi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, tal-fondi ta’ investiment u ta’ kumpaniji oħrajn fis-settur finanzjarju;
23. Iħeġġeġ lis-sħab soċjali jkomplu jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw opportunitajiet ġodda u innovattivi għall-PFI fil-livelli rilevanti;
24. Jemmen li, biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni finanzjarja bl-għan li tinħoloq forma ġdida ta’ finanzjament tal-kumpanija u l-impjegati jkunu jistgħu jintrabtu aktar mal-impriża li timpjegahom, l-impjegaturi għandhom jingħataw l-opportunità li joffru lill-impjegati forom ta’ sottoskrizzjonijiet tal-kapital azzjonarju jew inkella titoli ta’ dejn maħruġa speċifikament (bonds); hu tal-fehma li s-sottoskrizzjonijiet tal-kapital għandhom ikunu esegwiti b'mod volontarju mill-impjegati, li jaġixxu jew bħala individwi jew bħala grupp, kif ukoll mill-kumpanija;
25. Jirrikonixxi li s-suċċessjoni tan-negozju, il-finanzjament addizzjonali, iż-żamma tal-persunal u problemi karatteristiċi oħra tal-SMEs, jistgħu jittaffew minn pjanijiet ta’ sjieda ta' ishma tal-impjegati; huwa tal-opinjoni li l-iskemi ta' parteċipazzjoni tal-impjegati f’intrapriżi żgħar u mikro jistgħu jiġu kkumbinati ma’ miżuri tas-suq tax-xogħol, bħall-benefiċċji tal-qgħad, u għalhekk jgħinu biex jiġu riintegrati l-persuni qiegħda;
26. Jinnota li hemm nuqqas ta’ informazzjoni u edukazzjoni dwar skemi possibbli ta' parteċipazzjoni tal-impjegati, speċjalment fost l-SMEs; jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jorganizzaw aħjar il-kampanji ta’ informazzjoni u jinkoraġġixxu t-trasferibbiltà transkonfinali tal-iskemi tal-aħjar prattika fost l-Istati Membri.
27. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, mal-organizzazzjonijiet tas-sjieda tal-impjegati u mal-Kummissjoni, biex jużaw portali ta’ informazzjoni waħdanin eżistenti – one-stop shops – aċċessibbli għall-impjegaturi u l-impjegati, jew jiżviluppaw oħrajn ġodda, biex jispjegaw il-benefiċċji u l-vantaġġi kif ukoll ir-riskji tal-PFI, l-inċentivi nazzjonali disponibbli u l-mudelli differenti li jeżistu, sabiex jippermettu lill-ħaddiema u l-impjegaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-iskemi tal-PFI u jsibu l-aħjar għażla għal ftehimiet fil-livell ta’ kumpanija u jivvalutaw aħjar l-għażliet disponibbli għalihom u l-isfidi li jġib miegħu dħul fi skema tal-PFI; jissuġġerixxi li dawn il-portali ta’ informazzjoni waħdanin għandhom ikunu marbuta jew inklużi f’korpi kompetenti jew awtoritajiet eżistenti fil-livell nazzjonali;
o o o
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
“Employee financial participation in companies’ proceeds” (Il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fir-rikavat tal-kumpaniji) (PE 475.098), p. 36.
‘Employee financial participation in companies’ proceeds’ (Il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-impjegati fir-rikavat tal-kumpaniji) (PE 475.098), p. 16.