Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2111(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0459/2013

Testi mressqa :

A7-0459/2013

Dibattiti :

PV 13/01/2014 - 25
CRE 13/01/2014 - 25

Votazzjonijiet :

PV 14/01/2014 - 5.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0014

Testi adottati
PDF 333kWORD 109k
It-Tlieta, 14 ta' Jannar 2014 - Strasburgu
Protezzjoni soċjali għal kulħadd, inklużi l-persuni li jaħdmu għal rashom
P7_TA(2014)0014A7-0459/2013

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar il-protezzjoni soċjali għal kulħadd, inklużi l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom (2013/2111(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3(3) u 6(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 53 u mill-151 sal-157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5, 15, 16, 27, 31, 34, u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 2, 3, 4, 11, 12, 13, 19 u 23 tal-Karta Soċjali Ewropea (Riveduta),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 102 (1952) dwar l-Istandards Minimi tas-Sigurtà Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 117 (1962) dwar il-Politika Soċjali (għanijiet u standards bażiċi),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 121 (1964) dwar il-Benefiċċji f’Każ ta’ Korriment fuq il-Post tax-Xogħol; il-Konvenzjoni Nru 128 (1967) dwar il-Benefiċċji tal-Invalidità, l-Irtirar u s-Superstiti; il-Konvenzjoni Nru 130 (1969) dwar il-Kura Medika u l-Benefiċċji tal-Mard; il-Konvenzjoni Nru 168 (1988) dwar il-Promozzjoni tal-Impjiegi u l-Protezzjoni kontra l-Qgħad; u l-Konvenzjoni Nru 183 (2000) dwar ir-reviżjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Maternità,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-ILO tal-2012 dwar is-sistemi Nazzjonali ta' Protezzjoni Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Dinji tal-ILO dwar is-Sigurtà Soċjali (2010/11) dwar il-provvediment ta’ kopertura fi żminijiet ta’ kriżi u lil hinn(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-ILO ta’ Novembru 2003 dwar il-Protezzjoni soċjali: Investiment kontinwu tul iċ-ċiklu tal-ħajja għall-ġustizzja soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinament tas-sistemi tas-sigurtà soċjali(3)

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(5),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 1992 dwar il-kriterji komuni rigward ir-riżorsi u l-għajnuna soċjali suffiċjenti fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali (92/441/KEE)(6),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 1992 dwar il-konverġenza tal-objettivi u tal-politiki tal-protezzjoni soċjali (92/442/KEE)(7),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-modernizzazzjoni u t-titjib tal-protezzjoni soċjali(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta’ Frar 2011 tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali intitolat “SPC Assessment of the social dimension of the Europe 2020 Strategy” (il-Valutazzjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali tad-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020)(9),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Frar 2012 intitolata “White Paper – Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli” (COM(2012)0055),

–  wara li kkunsidra r-Rieżami tal-Kummisjoni tat-8 ta’ Jannar 2013 intitolata “Employment and Social Developments in Europe 2012” (l-Iżviluppi fl-Impjiegi u fis-Soċjetà fl-Ewropa 2012)(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Awwissu 2012 intitolata “Il-Protezzjoni Soċjali fil-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea” (COM(2012)0446),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Novembru 2006 li timmodernizza l-liġi dwar ix-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21 (COM(2006)0708),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-29 ta' April 2010 dwar “Tendenzi ġodda fil-qasam tal-impjieg ta' persuni li jaħdmu għal rashom: il-każ speċifiku tal-impjieg ta' persuni li jaħdmu għal rashom ekonomikament dipendenti”(11),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta’ Marzu 2013 dwar “L-abbuż mill-istatus ta’ persuna li taħdem għal rasha”(12),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol (COM(2008)0639) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol(13),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Ottubru 2009 (COM(2009)0545) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar is-sostenibilità fuq medda twila ta’ żmien tal-finanzi pubbliċi għal ekonomija li qed tirkupra(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2010 dwar kuntratti atipiċi, karrieri professjonali sikuri, flessigurtà u forom ġodda ta’ djalogu soċjali(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-rwol tad-dħul minimu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-promozzjoni ta’ soċjetà inklużiva fl-Ewropa(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar l-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ: soluzzjonijiet possibbli(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Lulju 2007 li timmodernizza l-liġi tax-xogħol biex taffaċċa l-isfidi tas-seklu 21(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-futur tas-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014–2020”(25),

–  wara li kkunsidra l-istudju kkommissjonat mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali f'Mejju 2013 intitolat “Social protection rights of economically dependent self-employed workers” (id-drittijiet tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom li huma ekonomikament dipendenti)(26),

–  wara li kkunsidra r-rapport imfassal apposta tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofund) tal-2013 intitolat “Self-employed or not self-employed? Working conditions of ‘economically dependent workers’” (Timpjega lilek innifsek jew ma timpjegax lilek innifsek? Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-“ħaddiema ekonomikament dipendenti”)(27),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofund tat-2 ta’ Marzu 2009 intitolat “Self-employed workers: industrial relations and working conditions” (il-Ħaddiema li jaħdmu għal rashom: relazzjonijiet industrijali u kundizzjonijiet tax-xogħol)(28),

–  wara li kkunsidra r-rapport komparattiv tal-Eurofund ta’ April 2013 intitolat “Social partners’ involvement in unemployment benefit regimes in Europe” (l-involviment tas-sħab soċjali fir-reġim tal-benefiċċju tal-qgħad fl-Ewropa)(29),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0459/2013),

A.  billi l-aċċess għas-sigurtà soċjali huwa dritt fundamentali li, b'konformità mad-dritt Komunitarju, mad-dritt u mal-prattiki nazzjonali, huwa element ewlieni għall-mudell soċjali Ewropew billi l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO) adottat rakkomandazzjonijiet dwar “is-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni soċjali” bil-għan li jiżguraw id-dritt fundamentali ta’ kull individwu għas-sigurtà soċjali u għal livell ta’ għixien diċenti;

B.  billi s-sigurtà soċjali hija kompetenza nazzjonali, ikkoordinata fil-livell tal-UE;

C.  billi l-protezzjoni soċjali tiffaċilita l-adattament ta' bidliet fis-suq tax-xogħol, tiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali, tiżgura l-integrazzjoni tas-suq tax-xogħol u tinvesti fir-riżorsi umani; billi s-sigurtà soċjali għandha effett ta’ stabbilizzazzjoni tal-ekonomija u għandha funzjoni kontroċiklika li tista' żżid d-domanda u l-konsum interni;

D.  billi biex tiġi megħluba l-kriżi, ċerti Stati Membri naqqsu sew il-finanzi pubbliċi tagħhom fl-istess żmien li żdiedet id-domanda għas-sigurtà soċjali tagħhom minħabba żieda fin-numru ta’ nies qiegħda; billi l-allokazzjonijiet tal-baġit nazzjonali għall-kopertura tas-sigurtà soċjali ġġebbdu aktar billi l-kontribuzzjonijiet naqsu wara t-telf ta’ impjieg li laqat lil diversi persuni jew it-tnaqqis fis-salarji, u għalhekk il-mudell soċjali Ewropew verament tqiegħed fil-periklu;

E.  billi l-kopertura tas-sigurtà soċjali f'ċerti Stati Membri tal-UE mhijiex xierqa u tista’ tittejjeb; billi l-każijiet ta’ abbuż tal-ħaddiema vulnerabbli fl-UE għadhom jiġru ta’ spissi;

F.  billi l-maġġoranza tal-mudelli tradizzjonali ta' protezzjoni soċjali, b'mod partikolari s-sigurtà soċjali u s-sistemi tal-liġi tax-xogħol, ġew ikkonċepiti biex jissalvagwardaw id-drittijiet soċjali u tax-xogħol tal-impjegati, jeżisti r-riskju li bil-forom il-ġodda tal-impjiegi li qed jiżviluppaw u biż-żieda fl-għadd ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, gruppi ġodda ta’ ħaddiema jistgħu jiffaċċjaw livell anqas ta' protezzjoni soċjali;

G.  billi n-nisa li jagħżlu li jsiru intraprendituri jindikaw, iktar ta’ spiss mill-irġiel, li l-bilanċ aħjar bejn l-impjieg u l-ħajja u/jew ħtieġa ekonomika huma l-motivazzjoni prinċipali għad-deċiżjoni tagħhom;

H.  billi n-nisa li jaħdmu għal rashom huma f’minoranza fost il-persuni li jaħdmu għal rashom, iżda huma iktar probabbli li jaqgħu fil-faqar;

I.  billi nuqqas ta’ aċċess għal drittijiet ta’ pensjoni adegwata, benefiċċju għall-mard, liv imħallas u forom oħra ta’ sigurtà soċjali jaggravaw id-diskrepanza tal-pagi bejn is-sessi għan-nisa li jaħdmu għal rashom, speċjalment wara li jirtiraw;

J.  billi numru li qed jiżdied ta’ dawk li jaħdmu għal rashom jew dawk li għandhom impjieg li jħallas ftit jew ftit li xejn, b'mod partikolari n-nisa, qed jaqgħu taħt il-linja tal-faqar iżda mhumiex uffiċjalment reġistrati bħala qiegħda;

K.  billi jkun utli li tiġi stabbilita definizzjoni ċara ta' impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom fittizju u li jiġu impediti abbużi eventwali sabiex jiġi evitat il-ksur tad-drittijiet soċjali tal-ħaddiema, it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u r-riskju ta’ dumping soċjali;

L.  billi impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom falz huwa bażikament forma ta’ evażjoni ta’ kontribuzzjoni parzjali li hija diffiċli biex tinqabad u jimmina s-sostenibbiltà u l-adegwatezza ta’ skemi ta’ pensjoni, filwaqt li jċaħħadhom minn riżorsi vitali;

M.  billi l-livelli tal-qgħad partikolarment għolja f’ħafna Stati Membri, aggravati mill-pressjoni kostanti li jitnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol (unità) qed iwasslu għal tendenzi nazzjonali u prattiċi fis-suq tax-xogħol li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ulterjuri u t-tkabbir ta’ impjiegi ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom foloz;

N.  billi t-tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom li mhumiex ekonomikament indipendenti mhuwiex radikalment differenti minn dak tal-impjegati, id-drittijiet tagħhom għas-sigurtà soċjali u għall-impjieg għandhom ikunu jixbhu aktar lil dawk tal-impjegati fejn ikun xieraq;

O.  billi hawn nuqqas ta’ informazzjoni u data affidabbli, preċiża u komparabbli dwar is-sitwazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-arranġamenti tas-sigurtà soċjali biex jiġu kkumbinati l-impjieg u l-kura fir-rigward tal-persuni li jaħdmu għal rashom;

P.  billi fl-2012, l-impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom irrappreżenta aktar minn 15 % tal-impjieg totali fl-UE, filwaqt li f'xi każijiet mhuwiex l-għażla preferuta tal-persuna kkonċernata iżda aktar neċessità minħabba nuqqas ta' opportunitajiet oħra ta' xogħol jew arranġamenti tax-xogħol flessibbli biżżejjed biex jikkumbinaw ix-xogħol u l-kura għad-dipendenti; billi f'ħafna Stati Membri huwa diffiċli għal persuna li taħdem għal rasha biex takkwista drittijiet suffiċjenti għall-pensjoni, b'hekk iżżid ir-riskju ta' faqar fil-futur għal dawk ikkonċernati; billi dawk il-ħaddiema għal rashom ekonomikament dipendenti huma rarament organizzati fi trejdjunjin jew għandhom rappreżentanza trejdjunjonistika, anke jekk huma aktar probabbli li jkunu vittmi tal-ħinijiet tax-xogħol u abbużi oħra;

Siġurtà soċjali għal kulħadd

1.  Jenfasizza l-ħtieġa li kontinwament jiġu mtejba u mmodernizzati sistemi ta’ protezzjoni soċjali fil-livell tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata protezzjoni soċjali b'saħħitha, sostenibbli u adegwata għal kulħadd, abbażi tal-prinċipji tal-aċċess universali u tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, kif ukoll il-kapaċità ta’ reazzjoni flessibbli għall-bidliet demografiċi u żviluppi fis-suq tax-xogħol;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-finanzjament responsabbli u sostenibbli fit-tul tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, b'mod partikolari f’perjodi ta’ kriżi ekonomika, kif ukoll biex jiġi żviluppat l-aspett preventiv tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u jpoġġu aktar enfasi fuq l-attivazzjoni ta' miżuri, u ma jintesiex li wieħed mill-aktar fatturi importanti tal-investimenti soċjali hu li dawn jippermettu li jitqabblu l-għanijiet soċjali ma’ dawk ekonomiċi u fuq perjodu twil jistgħu jikkontribwixxu għaż-żamma u l-iżvilupp tal-ekonomija; jikkunsidra, f'dan ir-rigward, li l-investimenti soċjali għandhom jitqiesu bħala investimenti u mhux infiq;

3.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li f'xi Stati Membri, il-popolazzjonijiet li qegħdin jixjieħu, ir-rati baxxi tat-twelid u s-swieq tax-xogħol li qegħdin jinbidlu, jistgħu jżidu l-urġenza għal ħtieġa ta' riforma fis-sistemi tas-sigurtà soċjali, inklużi l-pensjonijiet, sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà tagħom; jenfasizza l-fatt li, iktar ta’ spiss mill-irġiel, in-nisa jwaqqfu l-karrieri tagħhom jew jieħdu impjiegi part-time biex jieħdu ħsieb it-tfal jew persuni dipendenti oħra, li jista’ jirriżulta f'impatt negattiv fuq il-pensjoni tagħhom u jesponihom għal riskju akbar ta’ faqar; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, iqisu dawn il-perjodi ta’ waqfien mill-karriera bħala perjodi assigurati meta jiġu determinati d-drittijiet għall-pensjoni u l-kalkolu tagħhom; jenfasizza l-fatt li r-riformi għandhom jinvolvu s-sħab soċjali b'konformità mad-dritt u l-prattika nazzjonali, kif ukoll il-partijiet interessati rilevanti, u għandhom jiġu kkomunikati kif xieraq liċ-ċittadini;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw il-limitu nazzjonali ta’ protezzjoni soċjali li jiżgura introjtu diċenti stabbilit minn kull pajjiż u l-aċċess għal benefiċċji soċjali bażiċi, b'mod partikolari f’każ ta’ mard, qgħad, maternità, diżabbiltà u rtirar, eċċ. sabiex jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jfasslu strateġiji ta’ żvilupp tas-sigurtà soċjali skont il-proposti tal-ILO;

5.  Jenfasizza l-fatt li protezzjoni soċjali effettiva ta' kwalità għolja biżżejjed għandha tkun ibbażata fuq miżuri li jippromwovu l-parteċipazzjoni fl-impjiegi, li tikkontribwixxi għat-titjib fis-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u għat-titjib fil-produttività, li hija vantaġġ kompetittiv kbir; jisħaq fuq il-fatt li t-tnaqqis fil-livell tal-protezzjoni soċjali m'għandux jitqies bħala soluzzjoni li twassal għal żieda fil-livelli tal-impjiegi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom kollha jkollhom aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja bir-ridistribuzzjoni tal-fondi nazzjonali u tal-UE eżistenti mill-ħaddiema li għandhom kuntratti permanenti biss għall-ħaddiema kollha, inklużi l-persuni li jaħdmu għal rashom, irrispettivament mit-tip ta' kuntratt tagħhom;

7.  Jistieden lill-Istati Membru jagħmlu sforzi akbar biex jimplimentaw riformi strutturali u miżuri sabiex joħolqu impjiegi għaż-żgħażagħ u jiżguraw li dawn il-ħaddiema żgħażagħ ma jiġux diskriminati billi jiġu limitati d-drittijiet tagħhom għas-sigurtà soċjali; jistieden ukoll lill-Istati Membri, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jiżguraw il-protezzjoni soċjali adegwata għaż-żgħażagħ fi skemi ta’ taħriġ u ta’ apprendistat maħsuba biex jipprovduhom bl-esperjenza tax-xogħol;

8.  Jenfasizza li l-anzjani mhumiex piż ekonomiku u soċjali iżda, għall-kuntrarju, l-esperjenza miksuba tul ħajjithom u l-għarfien tagħhom huma ta’ valur; jissuġġerixxi li, fil-kuntest tas-solidarjetà interġenerazzjonali, l-impjegati minn 60 sena ’l fuq għandhom jitħeġġu jibqgħu disponibbli fis-suq tax-xogħol bil-għan li jittrażmettu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom lill-ġenerazzjonijiet suċċessivi;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw id-disponibbiltà ta’ faċilitajiet ta’ kura għat-tfal u tal-edukazzjoni bi prezz raġonevoli u biex jiżguraw l-aċċess għal persuni li jaħdmu għal rashom għal servizzi pubbliċi u vantaġġi tat-taxxa jew soċjali rilevanti fil-qasam tal-kura għat-tfal;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-possibbiltà għall-ħaddiema kollha, inklużi l-persuni li jaħdmu għal rashom u kwalunkwe konjuġi jew l-imsieħba tagħhom li jipparteċipaw fl-attivitajiet tagħhom, li jħalltu r-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-kura, inkluż billi jaċċelleraw l-applikazzjoni tal-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2010/41/UE tas-7 ta’ Lulju 2010, u billi, fuq talba tagħhom, il-ħaddiem jingħataw il-flessibbiltà rigward il-ħin tax-xogħol, it-telexogħol u xogħol part-time għall-finijiet ta' kura tal-minorenni u l-persuni dipendenti;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw opportunitajiet għal aktar taħriġ u taħriġ mill-ġdid tal-impjegati, dawk li jaħdmu għal rashom u dawk li jiċċaqalqu minn impjieg għal impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, ineħħu l-ostakoli għal aktar taħriġ u taħriġ mill-ġdid, u jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu u jiffaċilitaw l-awtoorganizzazzjoni fost il-persuni li jaħdmu għal rashom, speċjalment in-nisa, biex tiżdied il-kapaċità tagħhom biex jiddefendu l-interessi kollettivi tagħhom;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu sigurtà soċjali adegwata wkoll lill-gruppi l-aktar vulnerabbli bħal dawk qegħda, il-persuni b’diżabbiltà, il-familji b’ġenitur wieħed, il-familji żgħażagħ, iż-żgħażagħ, l-anzjani u l-pensjonanti; jistieden ukoll lill-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi soċjali jsiru aktar aċċessibbli għall-persuni l-aktar vulnerabbli kollha u l-persuni bi ħtiġijiet ta’ kura fit-tul, l-aktar fiż-żoni rurali u r-reġjuni żvantaġġjati;

14.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fil-kompetenzi tagħhom, jieħdu miżuri biex jiġġieldu kontra kull xorta ta’ diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluża dik kontra n-nisa, u biex jadottaw miżuri ta’ protezzjoni soċjali sabiex jiżguraw li s-salarji tan-nisa u l-benefiċċji soċjali tagħhom, inkluż il-pensjonijiet, ma jkunux anqas minn dawk tal-irġiel li għandhom l-istess impjieg, u biex id-drittijiet tal-maternità jkunu żgurati, jieħdu miżuri biex jipprevjenu s-sensja inġusta ta’ impjegati waqt it-tqala u biex jipproteġu lin-nisa u lill-irġiel b'responsabbiltajiet tal-kura minn sensja inġusta; jistieden lill-Kunsill biex iħaffef l-adozzjoni tad-direttiva dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri li jinkoraġġixxu t-titjib fis-sikurezza u s-saħħa tal-impjegati waqt it-tqala, impjegati li welldu reċentament, u nisa li qed ireddgħu;

15.  Jenfasizza li d-Direttiva 2010/41/UE dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom tirrikjedi li l-Istati Membri jindirizzaw l-ostakoli kollha li jipprojbixxu lin-nisa u l-konjuġi jew l-imsieħba tagħhom rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali milli jibbenefikaw minn protezzjoni soċjali għal liema għandhom dritt taħt il-liġi nazzjonali;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni effettiva b’reazzjoni għan-nuqqas ta’ ħarsien soċjali fl-intrapriżi tal-familja żgħar u żgħar ħafna għall-membri tal-familja impjegati, inklużi l-konjuġi (l-imsieħba), bħala riżultat tat-termini ta’ impjieg mhux ċari u informali tagħhom jew li jkunu jaħdmu għal rashom;

17.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu miżuri konkreti biex jiġġieldu kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, billi jipprovdu dħul minimu xieraq u sistema ta’ sigurtà soċjali, meta jitqiesu l-komunitajiet marġinalizzati u dawk fir-riskju ta’ faqar, b'konformità ma’ diversi prattiki nazzjonali, inkluż dispożizzjonijiet stabbiliti fil-ftehimiet kollettivi jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

18.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u prekarju, inklużi impjiegi part-time foloz, u jiżguraw protezzjoni soċjali xierqa għall-ħaddiema kollha; jiddeplora, barra minn dan, l-abbuż tal-kuntratti tax-xogħol atipiċi sabiex ma tkunx meħtieġa l-konformità mal-obbligi tal-impjieg u l-protezzjoni soċjali;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-istituzzjonijiet differenti (l-ispettorati tax-xogħol, l-uffiċċji tat-taxxa, l-awtoritajiet muniċipali u s-servizzi tas-sigurtà soċjali) fuq livell nazzjonali u tal-EU, bħala mezz sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tax-xogħol tal-Unjoni, biex jitnaqqas xogħol mhux iddikjarat u jiġu solvuti b’mod aktar effettiv il-problemi kkawżati minn differenzi bejn id-dispożizzjonijiet regolatorji fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri differenti;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-leġiżlazzjoni u tissorvelja l-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, fejn meħtieġ fir-rigward tal-prinċipju ta' sussidjarjetà, u jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri għall-fatt li ma jridux jiġu applikati miżuri diskriminatorji ta’ protezzjoni soċjali għall-ħaddiema migranti tal-UE li jaħdmu fi Stat Membru ieħor; jemmen li l-ħaddiema migranti tal-UE għandhom igawdu minn drittijiet għas-sigurtà soċjali xierqa u jkollhom possibbiltà li jiġu assigurati b'mod xieraq meta jkunu jaħdmu fi Stat Membru ieħor; ħaddiema stazzjonati b’konnessjoni mal-moviment liberu tas-servizzi għandhom, qabel il-kollokament tagħhom, ikunu infurmati minn min iħaddimhom dwar il-paga u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, b'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/71/KE;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiksbu bilanċ xieraq bejn is-sigurtà u l-flessibbiltà fis-suq tax-xogħol, pereżempju permezz tal-implimentazzjoni globali tal-prinċipji ta’ flessigurtà, u jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol billi jipprovdu kopertura soċjali adegwata għal dawk li qegħdin fi tranżizzjoni jew li huma impjegati b’kuntratt temporanju jew part-time, filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw aċċess għal opportunitajiet ta’ taħriġ; jirrimarka li n-nuqqas ta' żgurar ta' flessigurtà jxekkel is-sostennibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, il-kwalità tal-benefiċċji, il-qligħ u l-produttività tal-ħaddiema, l-ekonomija reali u l-koeżjoni soċjali u, riżultat ta' dan, jimmina l-Istrateġija UE 2020 għaż-żamma u ż-żieda tal-livelli tal-impjiegi;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina, mill-perspettiva tal-Unjoni Ewropea, jekk, wara t-tibdiliet reċenti fil-liġijiet tax-xogħol fl-Istati Membri li riedu jżidu l-flessibbiltà tas-suq tax-xogħol, tnaqqsitx is-sigurtà soċjali tal-impjegati u nkisrux il-prinċipji ta’ flessibbiltà u ta’ sigurtà;

23.  Jappoġġa b'mod sħiħ l-istabbilment propost ta' tabella ta' valutazzjoni ta' indikaturi ewlenin soċjali u dawk dwar l-impjiegi, li tista' tkun l-ewwel pass fl-identifikazzjoni ta' parametri referenzjarji konkreti;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposti tagħha, fejn xieraq, l-erba’ objettivi stabbiliti fl-aġenda tal-ILO dwar ix-xogħol diċenti, u fl-eżami annwali tat-tkabbir tikkunsidra l-miri stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-ILO dwar is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, sabiex il-ħaddiema kollha fl-Ewropa jkunu jistgħu jgawdu protezzjoni soċjali;

Is-sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom

25.  Jenfasizza li l-impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom jeħtieġ jiġi rikonoxxut bħala forma ta’ impjieg li jippromwovi l-ħolqien ta’ impjiegi u t-tnaqqis tal-qgħad, u li t-twessigħ tiegħu għandu jkollu miżuri xierqa ta’ protezzjoni soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw it-taħlita ta’ impjiegi u r-responsabbiltajiet ta’ kura billi l-ħaddiema jingħataw il-flessibbiltà fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol u l-post tax-xogħol sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn dawn ma jkollhom l-ebda għażla oħra għall-flessibbiltà ħlief li jagħżlu li jaħdmu għal rashom iżda jkunu dipendenti;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun disponibbli informazzjoni statistika aktar dettaljata u aġġornata minn dik disponibbli bħalissa, bil-għan li tkun tista’ tintuża f’diversi aspetti ta' evalwazzjoni tal-importanza ekonomika tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u tal-gruppi differenti tagħhom; jitlob ukoll l-inklużjoni ta’ mistoqsijiet dwar l-impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom fl-isħarriġ dwar il-forza tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea;

28.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta’ definizzjoni nazzjonali ċara ta’ impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom iżid ir-riskju ta’ impjiegi ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom foloz fost il-ħaddiema tal-UE u jista' jfixkel l-aċċess tagħhom għal sigurtà soċjali adegwata; josserva li l-istati differenti attribwiti mal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom fost l-Istati Membri jeħtieġu soluzzjonijiet li jwasslu għal koordinazzjoni aħjar tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom sabiex ma jiġix limitat il-moviment ħieles tal-ħaddiema;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambji bejn l-Istati Membri sabiex tipprovdi gwida dwar il-forom differenti tal-impjieg atipiku, inkluż tal-impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom, sabiex l-Istati Membri japplikaw tajjeb il-liġijiet relevanti dwar ix-xogħol u l-miżuri ta’ protezzjoni soċjali għall-ħaddiema li jiġu impjegati b’dan il-mod; iqis li huwa meħtieġ li l-Istati Membri għandhom jidentifikaw ukoll b’mod ċar l-impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom falz, u jiġu mmultati dawk li jimpjegaw jekk jiġu identifikati u evidenzjati każijiet bħal dawn; jenfasizza, madankollu, li għandha tibqa' responsabbiltà legali tal-Istat Membru ospitanti li din l-attività tax-xogħol issir fit-territorju tiegħu biex jiddetermina l-istat tal-impjieg;

30.  Jistieden lill-imsieħba soċjali Ewropej, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistudjaw il-kwistjoni ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li jkunu dipendenti u jsibu soluzzjonijiet prattiċi għal dan, b'mod partikolari f’dawk is-setturi fejn l-attivitajiet transkonfinali għandhom rwol importanti u fost gruppi vulnerabbli bħall-ħaddiema domestiċi u l-ħaddiema b'paga baxxa;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom ma jsirx mezz li jimpedixxi lill-ħaddiema milli jibbenefikaw mis-sigurtà soċjali u tal-impjieg jew mezz għal min iħaddem biex jevita l-liġi tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali; jitlob ukoll li l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom m'għandhomx jiġu ragruppati mal-impjegati sabiex jinżammu l-vantaġġi tal-impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom u tal-attività ekonomika ta’ din in-natura, u biex dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ispirtu imprenditorjali u tal-kwalità tas-servizzi;

32.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw, fejn meħtieġ, protezzjoni soċjali fir-rigward tal-irtirar, diżabbiltà, liv tal-maternità/paternità u qgħad sabiex dispożizzjonijiet ta' protezzjoni soċjali għall-impjegati li jaħdmu għal rashom jiġu adattati aħjar għall-ħtiġijiet ta' dawk il-ħaddiema;

33.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu u jappoġġaw l-assigurazzjoni kollettiva għal inċidenti u mard marbuta max-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-aċċess għal assigurazzjoni kollettiva u bbażata fuq is-solidarjetà u għal skemi ta' pensjoni għal persuni li jaħdmu għal rashom;

34.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-informazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini kollha dwar id-drittijiet tagħhom għall-protezzjoni soċjali kif ukoll biex jipprovdu informazzjoni xierqa għal dawk li jixtiequ jsiru ħaddiema li jaħdmu għal rashom dwar il-bidliet fil-protezzjoni soċjali tagħhom u l-liġi tax-xogħol applikabbli li tirriżulta minħabba din il-bidla fl-istat, kif ukoll bidliet fi drittijiet oħra u obbligi relatati mal-attività ekonomika; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u ħaddiema mobbli fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom f'konnessjoni mal-migrazzjoni, l-immigrazzjoni u xogħol transkonfinali;

35.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jlaqqgħu lis-sħab soċjali, b'konformità mal-prattiki nazzjonali, fi proċess ta’ żvilupp u ta’ modernizzazzjoni tal-protezzjoni soċjali u jiżviluppaw id-djalogu soċjali fil-livell tal-UE u nazzjonali; jistieden ukoll lis-sħab soċjali biex iqiegħdu l-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom fuq l-aġenda, sabiex jintroduċu dispożizzjonijiet adegwati għall-qafas dwar il-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, ibbażati fuq ir-reċiproċità u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, u janalizzaw jekk il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom għandhomx ikunu inklużi fin-negozjar kollettiv u kif għandu jsir dan , inklużi strateġiji speċifiċi dwar kif jiġi inkluż it-tħassib tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom f'każijiet fejn il-liġi nazzjonali ma tippermettix rappreżentanza trejdjunistika tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom; iħeġġeġ lill-imsieħba soċjali jagħmlu skambu tal-prattiki tajba bejn it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet professjonali dwar is-servizzi pprovduti lil ħaddiema li jaħdmu għal rashom, il-ġlieda kontra l-impjieg ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom falz, u l-organizzazzjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom awtonomi;

o
o   o

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) http://www.ilo.org/global/publications/books/WCMS_142209/lang--en/index.htm
(2) http://www.ilo.org/public/english/protection/download/lifecycl/lifecycle.pdf
(3) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(4) ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.
(5) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(6) ĠU L 245, 26.8.1992, p. 46.
(7) ĠU L 245, 26.8.1992, p. 49.
(8) ĠU C 8, 12.1.2000, p. 7.
(9) http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/11/st06/st06655-re07.en11.pdf
(10) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=7315
(11) ĠU C 18, 19.1.2011, p. 44.
(12) ĠU C 161, 6.6.2013, p. 14.
(13) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 23.
(14) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 112.
(15) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 39.
(16) ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 304.
(17) ĠU C 70 E, 8.3.2012, p. 8.
(18) Testi adottati, P7_TA(2013)0365.
(19) ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 1.
(20) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.
(21) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 401.
(22) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 65.
(23) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57.
(24) Testi adottati, P7_TA(2013)0204.
(25) Testi adottati, P7_TA(2013)0266.
(26) http://www.europarl.europa.eu/committees/en/studiesdownload.html?languageDocument=EN&file=92570
(27) http://www.eurofound.europa.eu/publications/htmlfiles/ef1366.htm
(28) http://www.eurofound.europa.eu/comparative/tn0801018s/tn0801018s.htm
(29) http://www.eurofound.europa.eu/eiro/studies/tn1206018s/tn1206018s_3.htm

Avviż legali - Politika tal-privatezza