Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2095(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0007/2014

Testi mressqa :

A7-0007/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/01/2014 - 5.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0015

Testi adottati
PDF 475kWORD 97k
It-Tlieta, 14 ta' Jannar 2014 - Strasburgu
Il-perjodu l-ġdid ta’ Programmazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni
P7_TA(2014)0015A7-0007/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f’waqtu tal-perjodu l-ġdid ta’ Programmazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni (2013/2095(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 et seq. tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (COM(2013) 0246),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Lulju 2011 dwar il-Ħames Rapport ta’ Koeżjoni tal-Kummissjoni u l-istrateġija għall-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ġunju 2011 dwar is-sitwazzjoni attwali u sinerġiji futuri għal effikaċja akbar bejn il-FEŻR u Fondi Strutturali oħra(4),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-futur tal-Fond Soċjali Ewropew(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta1-14 ta’ Diċembru 2010 dwar governanza tajba fir-rigward tal-politika reġjonali tal-UE: proċeduri ta’ assistenza u kontroll mill-Kummissjoni Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-27 ta’ Settembru 2011 dwar l-assorbiment tal-Fondi Strutturali u ta’ Koeżjoni: tagħlimiet meħuda għall-politika ta’ koeżjoni futura tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2011 bl-isem “Politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020” (COM(2011)0017) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jmur magħha (SEC(2011)0092),

–  wara li kkunsidra t-tmien rapport ta’ progress tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tas-26 ta’ Ġunju 2013 (COM(2013)0463),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta’ April 2013 bit-titolu ‘Politika ta’ Koeżjoni: Rapport Strateġiku 2013 dwar programm ta’ implimentazzjoni 2007-2013’, (COM(2013) 0210), u u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jmur miegħu (SWD(2013) 0129),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ Ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2012 dwar ‘Il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Fondi Komuni tal-Qafas Strateġiku - elementi għall-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija’ (SWD(2012)0106),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar ‘Elementi għal Qafas Strateġiku Komuni 2014 sal-2020 - il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd’, (SWD(2012)0061), il-partijiet I u II),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar ir-rwol u l-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni fi ħdan l-istrateġija UE 2020 (CESE 994/2011 - ECO/291),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni - elementi għal Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sħubija (CESE 1396/2012 - ECO/330),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tat-22 ta’ Mejju 2013 il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni - inkluż l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020 (CESE 1557/2013 - SOC/481),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-31 ta’ Jannar sal-1 ta’ Frar 2013 dwar ‘Pakkett leġislattiv dwar il-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2013’ (2013/C 62/01),

–  wara li kkunsidra l- abbozz ta’ opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7-9 ta’ Ottubru 2013 dwar ir-rakkomandazzjonijiet għall-infiq aħjar (COTER-V-040)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0007/2014),

A.  billi l-Istati Membri huma fil-proċess ta’ tħejjija għall-Ftehimiet ta’ Sħubija tagħhom (PAs) u għall-Programmi Operattivi (POs) għall-perjodu ġdid ta’ programmar 2014-2020;

B.  billi l-ftehim finali dwar il-qafas legali għall-Fondi Strutturali u l-Investiment Ewropew huwa mistenni li jintlaħaq qabel tmiem l-2013;

C.  billi r-Regolament għad-Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) jistipula regoli komuni għall-ħames Fondi tal-Unjoni Ewropea: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd;

D.  billi l-politika ta’ koeżjoni hija mmirata lejn tnaqqis tal-iżbilanċi li jeżistu bejn ir-reġjuni tal-UE permezz tal-finanzjament iffokat fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

E.  billi l-politika ta' koeżjoni tikkontribwixxi għall-kisba tal-miri Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

F.  billi l-politika ta’ koeżjoni, li tikkostitwixxi l-politika prinċipali għall-iżvilupp tal-UE, tikkontribwixxi biex għall-maġġoranza tal-Istati Membri tingħeleb il-kriżi ekonomika;

G.  billi kull sforz possibbli għandu jsir biex jiżgura li l-konsenja u l-implimentazzjoni ta’ programmi tal-Politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 jiġu simplifikati kemm jista’ jkun għall-awtoritajiet kollha u l-benefiċjarji;

L-iżgurar ta’ bidu effettiv u f'waqtu għall-perjodu ta’ Programmazzjoni l-ġdid tal-Politika ta' Koeżjoni

1.  Jirrikonoxxi li l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni b’suċċess investa biljuni ta’ euro fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, appoġja n-negozji innovattivi u żviluppa l-konnessjonijiet tat-trasport madwar l-UE matul l-aħħar snin;

2.  Jenfasizza, madankollu, il-fatt li d-differenzi bejn ir-reġjuni tal-UE għadhom jeżistu, u f’xi każijiet qed jikbru, u li l-investiment kontinwu fil-finanzjament tal-UE fuq livell lokali u reġjonali huwa importanti ħafna biex jiġi żgurat li l-appoġġ ikompli jilħaq żoni li huma fil-bżonn ta' riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali;

3.  Jenfasizza l-fatt li l-politika ta' koeżjoni għandha, fost affarijiet oħra, tindirizza l-problema li qed tikber tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea;

4.  Jenfasizza li fil-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali għaddejja bħalissa, il-finanzjament mill-politika ta' koeżjoni f'bosta Stati Membri huwa sors ewlieni ta' investiment pubbliku u dik hi sitwazzjoni li tista' teħtieġ il-flessibbiltà mill-parti tal-Istati Membri kkonċernati sabiex jerġgħu jħaddmu l-ekonomiji tagħhom. jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jiġi żgurat li l-Istati Membri u r-reġjuni huma f’pożizzjoni li jibdew jimplimentaw s-serje ġdida ta’ finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni malajr kemm jista’ jkun mal-bidu tal-2014;

5.  Jilqa' l-adozzjoni tal-QFP għall-2014-2020 kif ukoll il-qafas ġuridiku għall-politika ta' koeżjoni; jenfasizza li nkiseb eżitu sodisfaċenti bil-ħsieb li tiġi żgurata tnedija rapida u effikaċi tal-politika ta' koeżjoni l-ġdida;

6.   Ifakkar li l-livell ta' "impenji pendenti" (jew RAL, mill-Fraċiż "reste à liquider") ammonta għal żewġ terzi ammonta tal-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni fl-aħħar tal-QFP 2007-2013; jinsisti fuq in-neċessità li tinsab soluzzjoni stabbli, li tippermetti li jiġi mmitigat ir-riskju li tiġi ostakolata l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni Ewropea minħabba nuqqas ta’ pagamenti; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-regola N+3, filwaqt li hija essenzjali biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tal-proġetti appoġġati mill-politika ta’ koeżjoni, se jkollha impatt fuq l-akkumulazzjoni tar-RAL fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari fil-każ ta’ dewmien fit-tnedija tal-programmi l-ġodda;

7.  Jinnota wkoll li apparti l-bidu effettiv u f'waqtu tal-perjodu ta’ Programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni l-ġdid, l-iżgurar tal-kwalità tal-PAs u Programmi Operattivi jrid jingħata l-ikbar importanza biex ikun żgurat li l-fondi qed jintużaw sal-potenzjal sħiħ tagħhom fuq tul ta' żmien;

8.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar l-importanza tar-rieżami u tar-reviżjoni obbligatorji tal-QFP li jmiss qabel it-tmiem tas-sena 2016, bil-għan li l-Kummissjoni u l-Parlament li jmiss ikunu jistgħu jerġgħu jivvalutaw il-prijoritajiet politiċi tal-UE, jadattaw il-QFP, jekk hemm bżonn, għall-isfidi l-ġodda u jqisu bis-sħiħ il-projezzjonijiet makroekonomiċi l-aktar reċenti

Ir-Regolament għad-dispożizzjonijiet Komuni

9.  Jilqa’ t-titjib li sar għar-regolament li se jintroduċi approċċ aktar b’saħħtu u aktar integrat għall-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni permezz tal-Qafas Strateġiku Komuni; jirrikonoxxi li dan huwa vitali biex ikun żgurat li l-proġetti jkollhom effett akbar u jipproduċu riżultati tanġibbli; jistieden lill-Istati Membri jintroduċi saħansitra iktar miżuri li jissimplifikaw il-burokrazija u l-amministrazzjoni tal-programmi; jemmen li dan għandu jwassal għal implimentazzjoni bla xkiel ta' dawn il-programmi u użu effiċjenti tal-fondi;

10.  Jilqa’ l-proposti sabiex jintroduċi miżuri ta’ simplifikazzjoni matul iċ-CPR bil-ħsieb li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi; iqis li kieku l-proċess isir aktar sempliċi għall-applikanti, il-benefiċjarji u l-awtoritajiet amministrattivi jitjieb il-valur miżjud għall-finanzjament tal-UE;

11.  Jirrikonoxxi li l-politika ta’ koeżjoni tista’ tagħti kontribut vitali biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 u għalhekk jenfasizza l-importanza tal-allinjament tal-politika ta’ koeżjoni mal-miri tal-Ewropa 2020 permezz tal-konċentrazzjoni tematika fuq numru limitat ta’ objettivi; jenfasizza li dan l-approċċ iħalli biżżejjed flessibbiltà sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet lokali u reġjonali;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-Istrateġija ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti bħala mod biex jikkomplementaw l-għanijiet tal-istrateġija tat-tkabbir tal-Ewropa 2020 billi jiffoka fuq l-identifikazzjoni u l-massimizzazzjoni tal-oqsma ta' saħħa kompetittiva, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u l-integrazzjoni tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni permezz ta’ sħubijiet fl-UE kollha;

13.  Jenfasizza l-fatt li, filwaqt li miżuri ta’ kondizzjonalità diġà jeżistu fil-politika ta’ koeżjoni, il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss se jkun immirat li jtejjeb l-effettività tal-finanzjament billi jagħmel il-finanzjament kundizzjonali fuq il-konformità ma’ ċerti kriterji; hu tal-opinjoni li l-politika ta' koeżjoni hija politika li tappoġġa l-koeżjoni bejn ir-reġjuni li m'għandhiex tkun garanzija għal politiki tal-UE oħrajn immirati lejn riformi makroekonomiċi fl-Istati Membri;

14.  Jirrimarka li sakemm wieħed jadatta għall-bidliet introdotti miċ-CPR jista’ jikkawża xi dewmien fit-tħejjija tal-PAs u l-POs;

Progress fl-Istati Membri

15.  Jenfasizza l-fatt li huwa ċar li l-Istati Membri fit-tħejjijiet tagħhom huma fi stadji differenti ħafna; jirrikonoxxi li, filwaqt li xi Stati Membri qed jagħmlu progress tajjeb u ssottomettew l-abbozz PAs tagħhom lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni, oħrajn għadhom aktar lura f’dan il-proċess;

16.  Jirrimarka li, b’mod ġenerali, dawk l-Istati Membri l-ġodda (UE12) li esperjenzaw parti mill-programmi 2000-2006 u kull programm tal-2007-2013 huma avvanzati sew fit-tħejjijiet meta mqabbla ma’ wħud mill-UE15;

17.  Jenfasizza l-fatt li xi Stati Membri qed jaffaċhaw tnaqqis sinifikanti fil-baġits tagħhom tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss filwaqt li f’oħrajn hemm dibattitu kontinwu dwar id-distribuzzjoni tal-baġits fl-Istati Membri; jirrikonoxxi li dawn iż-żewġ kwistjonijiet jistgħu jikkawżaw dewmien fit-tħejjijiet;

18.  Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri li qegħdin jagħmlu progress tajjeb bi preparazzjonijiet għall-fażi ta’ finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni li jmiss ressqu l-abbozz tal-PAs tagħhom u l-OPs lill-Kummissjoni għall-osservazzjonijiet informali f’Ġunju jew Lulju 2013;

19.  Jirrikonoxxi li ħafna mill-Istati Membri li jkollhom prestazzjoni tajba bdew il-proċess ta’ tħejjija mill-2010 billi stiednu partijiet interessati rilevanti biex jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet dwar il-formulazzjoni tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet; jilqa’, għalhekk, l-isforzi magħmula biex il-proċess ta’ tħejjija jibda kmieni kemm jista’ jkun u jemmen li dan iħeġġeġ b’mod ċar tħejjija akbar;

20.  Jenfasizza li l-preparazzjonijiet avvanzati huma dipendenti fuq li l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet ikollhom kapaċità biżżejjed li jinvestu ħin u flus fil-preparazzjonijiet u li joħolqu biżżejjed persunal disponibbli fi stadju bikri;

21.  Jirrikonoxxi li dawn il-preparazzjonijiet avvanzati kienu jfissru li f’xi każijiet l-evalwazzjoni ex-ante u l-valutazzjonijiet strateġiċi tal-impatt ambjentali (SEIA) saru fil-ħin, u dan jippermetti li l-abbozzi jiġu emendati f’Settembru u Ottubru 2013, abbażi tar-riżultati ta’ dawn l-evalwazzjonijiet;

22.  Jirrikonoxxi li xi Stati Membri għaddew minn bidliet fil-gvern li jistgħu jimpedixxu l-preparazzjonijiet għall-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss; jenfasizza l-fatt li, f’każijiet bħal dawn, il-vantaġġi li jkollok sistemi fis-seħħ li jiżguraw li l-ħidma kollha amministrattiva tkompli irrispettivament mill-bidliet fil-gvernijiet huma vitali għall-preparazzjonijiet kontinwi;

23.  Jirreferi wkoll għall-bżonn ta’ preparazzjonijiet għal fondi tal-politika ta’ koeżjoni biex jiġu infurzati f’livell politiku sabiex jiżguraw li l-finalizzazzjoni tal-AP hija prijorità għall-gvernijiet;

Progress ma’ Ftehimiet ta’ Sħubija u Programmi Operattivi

24.  Jirrimarka li xi Stati Membri qed jippjanaw li jibdlu l-kontenut tal-Programmi Operattivi tagħhom; jilqa' l-fatt li ċerti Stati Membri ddeċidew li jaqilbu għal programmi multifinanzjati jew inaqqsu l-għadd ta’ Programmi Operattivi fil-livell reġjonali;

25.  Jinnota li l-ammont ta’ kontroll u koordinazzjoni allokat lill-amministrazzjonijiet reġjonali mill-gvern ċentrali jvarja ħafna skont l-istruttura organizzattiva fid-diversi Stati Membri, xi reġjuni jkunu estremament attivi u li jkollhom kontroll kważi komplet ta’ bosta aspetti tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni u tar-rappreżentanza fil-PAs; jirreferi għal, f'dan ir-rigward, għall-Kodiċi ta' Kondotta, li jagħraf ir-rwol kruċjali tal-atturi lokali u reġjonali kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u li fih il-prinċipju ta' sħubija huwa salvagwardat fir-rigward tal-politika ta' koeżjoni għall-2014-2020;

26.  Jenfasizza l-fatt li d-dimensjoni lokali u reġjonali għandha titqies b'mod sħiħ; jenfasizza r-rwol importanti tar-reġjuni fl-għażla ta' oqsma ta' saħħa kompetittiva;

27.  Jenfasizza l-fatt li mod wieħed kif jiġi żgurat li l-approċċ għall-funzjonijiet tal-PAs fl-Istati Membri ma’ amministrazzjonijiet devoluti huwa li fil-PAs jinkludu kapitoli separati mfassla mill-amministrazzjonijiet reġjonali; jenfasizza li dan l-approċċ jiżgura li l-amministrazzjonijiet li għandhom setgħat devoluti għall-Programmi ta’ finanzjament Ewropew huma aktar involuti direttament fl-iżvilupp tal-PAs u li jkollhom l-għażla li jiżviluppaw l-ideat ta’ programmazzjoni u l-mekkaniżmi tagħhom stess;

28.  Jirrikonoxxi, madankollu, li dan jista’ jkollu impatt fuq l-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri kollha;

29.  Jindika li l-koordinazzjoni effiċjenti hi meħtieġa fil-livell tal-Istati Membri biex jilħqu l-iskadenzi għall-preparazzjoni tal-Programmi Operattivi li jirriflettu l-ħtiġijiet ta' żvilupp lokali u reġjonali, peress li r-responsabbiltà għall-kontenut u l-amministrazzjoni tal-Programmi Operattivi għandha tkun, fejn applikabbli, tal-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali, b'konformità mal-organizzazzjoni interna ta' kull Stat Membru, jekk il-PAs għandhom jiġu konklużi fil-ħin;

30.  Jirrikonoxxi, madankollu, li tnaqqis fil-Programmi Operattivi fil-livell reġjonali jinvolvi ġestjoni sostanzjali u l-bidla organizzattiva u jista’ jġib miegħu riskju akbar ta’ dewmien fil-bidu minħabba l-bidliet ikkawżati mill-komplessità tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operattivi flimkien mal-programmazzjoni fil-livelli nazzjonali u reġjonali differenti;

31.  Jinnota li l-Kummissjoni hija konxja dwar l-interess konsiderevoli fi programmi multifinanzjati, kif previst fir-Regolament għad-Dispożizzjonijiet Komuni, fejn ħafna Stati Membri qed jippjanaw li jkollhom tal-inqas programm multifinanzjat wieħed fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jenfasizza, d'dan ir-rigward, li dan l-approċċ għandu jittieħed bl-iktar mod effiċjenti possibbli u m'għandux iwassal għal intoppi jew dewmien; jirrikonoxxi li l-isfondi istituzzjonali differenti fl-Istati Membri huma rikonoxxuti fir-Regolament għad-Dispożizzjonijiet Komuni u huma previsti sabiex jakkomodaw każijiet speċifiċi; jenfasizza l-fatt li l-livelli reġjonali u lokali huma l-aħjar livelli biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet tal-iżvilupp u biex jiġu implimentati programmi mill-qrib taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet, l-impriżi u l-awtoritajiet konċernati;

32.  Jirrikonoxxi li l-kapaċità biex tipprepara l-PAs u l-Programmi Operattivi fi stadju avvanzat tiddependi fuq jekk l-Istati Membri jagħmlux analiżi preliminari suffiċjenti tas-sitwazzjoni tal-pajjiż u tax-xejriet futuri; jenfasizza li dan se jiżgura li l-fondi tal-UE jagħtu kontribut aktar effettiv biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti għall-pajjiż;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel pubbliku l-istat ta' tħejjija tal-Ftehimiet ta' Sħubija tal-Istati Membri, pereżempju permezz ta', sommarju għal kull Stat Membru li jkun fih informazzjoni dwar l-istat tal-preparazzjonijiet tiegħu, il-kontenut propost u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati rilevanti biex l-Istati Membri u l-awtoritajiet l-oħra jkunu jistgħu jitgħallmu minn prattiki u approċċi tajba;

Lezzjonijiet mill-2007-2013

34.  Jenfasizza l-fatt li għal ħafna Stati Membri, it-trasferiment ta’ metodi u mekkaniżmi mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 għall-perjodu ta’ wara l-2013 se jkun kwistjoni ewlenija; jenfasizza li l-iżgurar li l-proġetti li għaddejjin ikomplu jkunu effettivi filwaqt li qed jiġu żviluppati proġetti ġodda huwa wkoll sfida;

35.  Jirrikonoxxi li għal ħafna Stati Membri l-preparazzjonijiet ħadu żmien itwal milli kien mistenni fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013; jenfasizza li din hija xi ħaġa li bosta amministrazzjonijiet setgħu jirrimedjaw billi jiġi żgurat li l-PAs u l-POs ġodda huma mogħtija b’mod aktar f’waqtu;

36.  Iqis li l-eżempji pprovduti mill-Istati Membri juru biċ-ċar li l-koordinazzjoni bejn il-miżuri differenti, il-Programmi Operattivi u l-fondi jridu jiġu mtejba u li l-involviment tal-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet reġjonali u s-sħab soċjali u ekonomiċi jeħtieġ li jkunu msaħħa;

37.  Jirrikonoxxi li l-problemi komuni identifikati fil-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti kellhom inklużi prijoritajiet li kienu definiti b’mod wiesa’ wisq; jitlob, għalhekk, għal approċċ aktar strateġiku u konsistenti għall-prijoritajiet fil-futur, b’inqas prijoritajiet mmirati lejn objettivi speċifiċi;

38.  Jilqa’ l-fatt li, fuq il-bażi ta’ esperjenzi ta’ suċċess mir-rawnd ta’ finanzjament preċedenti, l-Istati Membri qed ifittxu biex itejbu l-ingranaġġ ta’ finanzjament mis-settur privat sabiex jiftħu sorsi alternattivi ta’ finanzjament biex jikkomplementaw metodi ta’ finanzjament tradizzjonali; jenfasizza li, fi żmien ta’ limitazzjoni fiskali qawwija u ta’ tnaqqis tal-kapaċità tas-self min-naħa tas-settur privat, użu akbar ta' strumenti finanzjarji innovattivi jista’ jrawwem is-sħubiji pubbliċi privati, jikseb effett ta’ multiplikatur mal-baġit tal-UE, jillibera sorsi alternattivi ta' finanzjament u jiggarantixxi fluss importanti ta' fondi għal investimenti reġjonali strateġiċi; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-istabbiliment ta' regoli ċari għall-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi, bħal self, garanziji u investimenti ta' ekwità, bħala kumplimenti għall-għotjiet biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet edukattivi;

Effikaċja tal-fondi

39.  Jindika li huwa ċar mill-esperjenzi ta’ programmi ta’ ffinanzjar preċedenti li l-iżgurar ta’ impatt pożittiv, fit-tul għall-fondi huwa importanti ħafna; jinsisti, barra minn hekk, fuq l-importanza tal-kwalità ta' programmi u l-oġġettività tal-infiq;

40.  Jenfasizza l-fatt li l-enfasi fuq approċċ immirat għal riżultati ssemma minn bosta Stati Membri bħala mira għall-preparazzjoni tal-fażi ta’ finanzjament li jmiss; jilqa’ l-eżempji mogħtija minn xi Stati Membri dwar modi kif jista’ jittieħed approċċ aktar effiċjenti biex jiddefinixxu minn qabel ir-riżultati mistennija sabiex jippermettu li l-finanzi jkunu mmirati lejn proposti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

41.  Jenfasizza li l-koordinazzjoni bejn l-oqsma ta’ politika u r-rikonoxximent tal-prijoritajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali nazzjonali u reġjonali huma kkwotati bħala importanti ħafna minn ħafna Stati Membri; hu tal-opinjoni li, fejn applikabbli, il-programmi operattivi għandhom iqisu l-objettivi ta' żvilupp fil-livell lokali u reġjonali; jindika li l-ħolqien ta' sinerġiji bejn id-diversi sorsi ta' finanzjament tal-UE u l-baġits tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jiġu mħeġġa sabiex tiżdied l-effikaċja tal-investiment fis-settur pubbliku fl-UE;

Sinerġiji ma’ politiki u strumenti oħra

42.  Iqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jirrikonoxxu l-potenzjal għall-allinjament bejn il-fondi kollha koperti miċ-CPR;

43.  Huwa mħeġġeġ mill-fatt li xi Stati Membri qed jikkunsidraw l-iżvilupp tal-użu ta’ strumenti ġodda bħall-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD), Investimenti Territorjali Integrati (ITIs) u Pjanijiet ta’ Azzjoni Konġunta (JAPs); jifhem li hemm, madankollu, l-istrumenti l-ġodda ma ntlaqgħux bl-istess mod minn kulħadd u li l-analiżi tal-pjanijiet attwali tal-Istati Membri wriet li s-CLLD se jkun implimentat b'mod usa' mill-ITIs, speċjalment l-EARDF meta mqabbel mal-FEŻR peress li s-CLLD ilu jeżisti għal żmien itwal fil-programm tal-EARDF kif ukoll minħabba l-fatt li l-ITIs huma strument ġdid li se jeħtieġ ftit żmien biex jitpoġġa fil-prattika kif jixraq; jirrikonoxxi li wieħed għad irid jara kif it-tħejjijiet tal-bidu se jissarrfu biex dawn l-istrumenti jiġu implimentati bis-sħiħ;

44.  Iqis lill-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità bħala mod eċċellenti sabiex titħeġġeġ parteċipazzjoni bottom-up minn bosta atturi fil-komunità, ibbażat fuq is-suċċess passat tal-programm LEADER fl-iżvilupp rurali; jistieden lill-Istati Membri u r-reġjuni jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mill-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità;

45.  Jirrikonoxxi l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Konġunta bħala pass pożittiv lejn il-ġestjoni msejsa fuq ir-riżultati, b’konformità ma’ waħda mill-objettivi globali tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2013;

Simplifikazzjoni

46.  Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati metodi ta’ preparazzjoni u l-implimentazzjoni aktar sempliċi għall-proġetti u mill-indikazzjonijiet huwa mħeġġeġ li dan qiegħed jintlaħaq mill-Istati Membri;

47.  Jilqa' l-enfasi fuq is-semplifikazzjoni fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni; jinnota, madankollu li fir-realtà jaf ikun diffiċli li jkun hemm semplifikazzjoni minħabba d-differenzi li għad baqa' bejn il-fondi introdotti permezz tar-regolamenti speċifiċi għall-fondi;

48.  Jilqa’ l-passi pożittivi fid-direzzjoni tas-simplifikazzjoni u aktar trasparenza fil-ġestjoni tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment; jindika li proċess ta' applikazzjoni simplifikat għall-benefiċjarji, b'informazzjoni ċara u aċċessibbli dwar il-proċesura u l-possibbiltahiet ta' finanzjament, ġie identifikat minn bosta Stati Membri bħala aspett importanti ta' preparazzjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jilqa’ dan bħala mod kif jiġi żgurat li l-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti jimxu sewwa, flimkien ma’ burokrazija mnaqqsa għall-applikanti; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jagħmlu skambju tal-aqwa prattiki bl-għan ta' simplifikazzjoni tal-proċeduri, u, filwaqt li jagħrfu li regoli strinġenti dwar il-kontrolli u l-awditjar huma meħtieġa, jiżguraw li huma proporzjonali sabiex ma jżidux piż żejjed;

49.  Jirrikonoxxi li l-e-koeżjoni tista’ tkun vitali biex jitnaqqsu l-intoppi u tiġi żgurata s-semplifikazzjoni u jilqa’ r-referenza għall-użu tagħha ta’ xi Stati Membri; jemmen li dan jista’ wkoll jagħti kontribut sinifikanti għall-preparazzjoni għal programmi ta’ finanzjament futuri;

Sħubija

50.  Jenfasizza li l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-formulazzjoni tal-PAs għandu jinvoli l-kollaborazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fl-ippjanar, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' finanzjament tal-politika ta' koeżjoni tal-UE; jemmen li l-prinċipju ta’ governanza fuq diversi livelli huwa indispensabbli għall-ġestjoni effikaċi tal-politika ta’ koeżjoni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jkunu involuti b'mod sħiħ l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-partijiet interessati fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-programmi; jenfasizza l-importanza tal-iżgurar ta’ fluss tal-informazzjoni adegwat, u l-miżuri tal-bini tal-kapaċità u appoġġ tekniku għal dawn l-awtoritajiet, sabiex tiġi ffaċilitata u titjieb il-kontribuzzjoni tagħhom fl-istadji kollha ta’ dan il-proċess;

51.  Jilqa’ l-involviment akbar tal-partijiet interessati kollha rilevanti, ir-rappreżentanti lokali u reġjonali, l-NGOs, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, in-negozji privati ​​u l-universitajiet, kif muri mill-eżempji mogħtija mill-Istati Membri; jemmen li l-iżvilupp b’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u partijiet interessati oħra li jirrappreżentaw perspettivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali differenti huwa importanti;

52.  Jenfasizza li l-iżgurar ta’ sħubija ta’ suċċess jista’ jinvolvi kemm approċċ “bottom-up” u kemm dak “top-down”; jirrimarka li l-approċċ “bottom-up”, li jinvolvi diskussjonijiet estensivi ma’ rappreżentanti mit-tielet setturi, dawk pubbliċi u privati, kien mogħti bħala eżempju minn Stat Membru wieħed li qiegħed jagħmel progress tajjeb fit-tħejjijiet tiegħu;

53.  Jenfasizza l-fatt li dawn l-approċċi “bottom-up” u “top-down” jiżguraw li l-istrateġiji nazzjonali li jindirizzaw is-sitwazzjoni soċjali, ekonomika u ambjentali inklużi flimkien mal-involviment estensiv fil-livell reġjonali u lokali; jilqa’ dan il-mod effettiv li jiggarantixxi li r-rekwiżiti strateġiċi jintlaħqu filwaqt li fl-istess ħin jinvoli kemm jista’ jkun il-partijiet interessati rilevanti fil-preparazzjonijiet;

Konklużjonijiet

54.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq dwar il-qafas ġuridiku għall-politika ta’ koeżjoni flimkien mal-konklużjoni tan-negozjati dwar ir-Regolament għad-Dispożizzjonijiet Komuni u tal-QFP;

55.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-governanza f’diversi livelli fl-istadji ta’ preparazzjoni u jinnota li xi wħud mit-tħejjijiet aktar avvanzati ġew ibbażati fuq id-djalogu vitali mal-partijiet interessati fil-livell reġjonali u lokali;

56.  Jenfasizza l-istedina tal-Kummissjoni lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jistinkaw biex jiżguraw li l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operattivi mħejjija jkunu tal-aqwa kwalità possibbli; jinnota li dan se jgħin biex jiġu ġġenerati proposti ta' proġetti ta' kwalità mmirati lejn objettivi strateġiċi biex jiżguraw li l-finanzjament tal-UE jkollu l-akbar impatt possibbli;

57.  Jirrealizza li l-amministrazzjonijiet nazzjonali u reġjonali attivi u infurmata tajjeb li jikkomunikaw mal-Kummissjoni jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq l-avvanz fil-preparazzjonijiet; jirrakkomanda bil-qaww, għalhekk, li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jkollhom fluss stabbli ta' informazzjoni, bħal dettalji ta' atti ta' implimentazzjoni futuri;

58.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri li qed ibatu minn dewmien gravi għandhom isegwu b'mod rigoruż ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni; jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni għandha żżid l-appoġġ tagħha biex tiżgura li l-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operattivi ta' dawn l-Istati Membri jiġu miftiehma mill-aktar fis possibbli; jinnota, għaldaqstant, li rieżami tal-progress tal-Istati Membri waqt l-istadji tat-tħejjija jgħin biex jonqos id-dewmien; jinnota wkoll li waqt il-fażi ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista' tgħin lil dawk l-Istati Membri li għadhom lura;

o
o   o

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.
(2) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 21.
(3) ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 39.
(4) ĠU C 390 E, 18.12.2012, p. 27.
(5) ĠU C 371 E, 20.12.2011, p. 41.
(6) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 23.
(7) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 22.

Avviż legali - Politika tal-privatezza