Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (riformulazzjoni) (COM(2013)0184 – C7-0132/2013 – 2013/0096(NLE))
(Konsultazzjoni - riformulazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2013)0184),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 128(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7-0132/2013),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu aktar strutturat tat-teknika tar-riformulazzjoni għall-atti legali(1),
– wara li kkunsidra l-ittra tas-17 ta’ Ġunju 2013 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0479/2013),
A. billi, fl-opinjoni tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, il-proposta kkkonċernata ma tinkludi ebda tibdil sustanzjali ħlief dak identifikat bħala tali fil-proposta u billi, f’dak li jikkonċerna l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula tal-atti preċedenti flimkien ma' dan it-tibdil, il-proposta tillimita ruħha għal kodifikazzjoni pura u sempliċi tal-atti eżistenti mingħajr tibdil sustanzjali;
1. Japprova l-proposta mill-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
3. Jistieden lill-Kunsill sabiex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa’ jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b’mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Emenda 1 Proposta għal regolament Premessa 4
(4) Is-sistema ta' munita unika tal-Unjoni għandha trawwem fiduċja pubblika u tinvolvi innovazzjonijiet teknoloġiċi li jiżguraw li tkun sistema fiż-żgur, affidabbli u effiċjenti.
(4) Is-sistema ta' munita unika tal-Unjoni għandha trawwem fiduċja pubblika u tinvolvi innovazzjonijiet teknoloġiċi li jiżguraw li tkun sistema fiż-żgur, affidabbli u effiċjenti. Hija għandha wkoll tgħin biex tiġġieled l-iffalsifikar.
Emenda 2 Proposta għal regolament Artikolu 10 – paragrafu 8
8. L-informazzjoni rilevanti kollha dwar disinji ġodda tal-muniti nazzjonali għaċ-ċirkolazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
8. L-informazzjoni rilevanti kollha dwar disinji ġodda tal-muniti nazzjonali għaċ-ċirkolazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew b'kull oġġezzjoni li hija tqajjem skont il-paragrafu 5.