Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2747(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0013/2014

Testi mressqa :

B7-0013/2014

Dibattiti :

PV 13/01/2014 - 18
CRE 13/01/2014 - 18

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2014 - 10.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0031

Testi adottati
PDF 319kWORD 86k
L-Erbgħa, 15 ta' Jannar 2014 - Strasburgu
Il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi
P7_TA(2014)0031B7-0013/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2014 dwar kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi (2013/2747(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' April 2013 tal-Kummissjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali, approvata mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU f’Lulju 2013, li tħeġġeġ lill-Istati Membri tan-NU biex "iqisu t-traffikar illeċitu tal-fawna u l-flora selvaġġi bħala reat serju meta jkunu involuti gruppi tal-kriminalità organizzata", sabiex b'hekk ipoġġuha fuq l-istess livell bħat-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar tad-droga,

–  wara li kkunsidra l-investigazzjoni mwettqa mill-Interpol u mill-IFAW (il-Fond Internazzjonali għall-Benessri tal-Annimali) dwar il-kummerċ onlajn tal-avorju fl-UE, li nnutat li l-infurzar tal-liġi fir-rigward tal-kriminalità onlajn marbuta mal-organiżmi selvaġġi għadu fil-bidu tiegħu u talbet l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni speċifika għall-kummerċ elettroniku li tirregola l-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi fl-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2013 dwar l-objettivi strateġiċi tal-UE għas-16-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), li se ssir f'Bangkok (it-Tajlandja) mit-3 sal-14 ta' Marzu 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa msemmija hawn fuq tal-Konferenza tal-Partijiet (CoP 16), fejn il-partijiet qablu dwar għadd ta' azzjonijiet konkreti kontra l-kaċċa illegali u t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, inklużi d-Deċiżjonijiet 16.39-16.40 u d-Deċiżjonijiet 16.78-16.83,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni CITES, implimentata fl-Unjoni Ewropea permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom(2), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97(3),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru 155 (2011) tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni ta’ Bern dwar il-qtil, il-qbid u l-kummerċ illegali tal-għasafar selvaġġi, adottata fit-2 ta’ Diċembru 2011, u l-Pjan Direzzjonali sussegwenti tal-Kummissjoni dwar l-eliminazzjoni tal-qtil, il-qbid u l-kummerċ illegali tal-għasafar (12/2012),

–  wara li kkunsidra l-inizjattivi reċenti meħuda mill-Istati Uniti, il-Filippini u l-Gabon biex jeqirdu l-ħażniet ta’ stokkijiet ta’ avorju illegali tagħhom sabiex joħolqu sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar id-domanda ikbar għall-avorju u l-livelli ikbar ta’ kummerċ u kaċċa illegali, bl-għan li jieħdu azzjoni deċiżiva kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta tas-26 ta' Settembru 2013 magħmula minn 11-il kap ta’ stat ta’ meded tal-iljunfanti Afrikani, bħala parti mill-impenn għall-azzjoni tal-Inizjattiva Globali Clinton għas-Sħubija biex jiġu Salvati l-Iljunfanti tal-Afrika, li tħeġġeġ pajjiżi oħra "jiddikjaraw jew jerġgħu jinfurzaw moratorji nazzjonali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni kummerċjali kollha u l-bejgħ u x-xiri domestiku ta’ nejbiet tal-iljunfanti u prodotti tal-avorju sakemm il-popolazzjonijiet tal-iljunfanti selvaġġi ma jibqgħux iżjed mhedda mill-kaċċa illegali",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar "il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport finali)"(4), u b.mod partikolari l-paragrafu 127 tagħha, u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar "il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport intermedju)"(5),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-sessjoni ta' ħidma dwar il-kriminalità internazzjonali marbuta mal-orġaniżmi selvaġġi li għamel il-Kumitat tiegħu għall-Ambjent, is-saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel fis-27 ta' Frar 2013 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2013 dwar il-krimimalitá marbuta mal-organiżmi selavaġġi (O‑000123/2013 – B7‑0529/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selavaġġi, inklużi l-kaċċa u t-teħid illegali ta' organiżmi selvaġġi, it-tranżitu ta' prodotti u derivattivi illegali ta' organiżmi selvaġġi, u l-bejgħ u l-użu illegali ta' dawk il-prodotti fil-pajjiżi konsumaturi issa tirrappreżenta negozju kriminali organizzat b'mod transnazzjonali b'fatturat annwali ta' mill-inqas USD 19-il biljun, u issa hija r-raba’ l-ikbar attività illegali fid-dinja, wara t-traffikar tad-droga, il-falsifikazzjoni u t-traffikar tal-bnedmin;

B.  billi t-traffikar illeċitu tal-organiżmi selvaġġi spiss jinvolvi netwerks kriminali organizzati b'mod transnazzjonali u jintuża bħala sors ta’ dħul għal dawn in-netwerks u għal gruppi ribelli militanti;

C.  billi l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi tikkostitwixxi theddida għall-benesseri tal-annimali individwali u għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet tal-annimali u l-pjanti kkonċernati, u tpoġġi f'riskju l-ekosistemi lokali b'mod ġenerali;

D.  billi l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi saret theddida serja għas-sigurtà, l-istabilità politika, l-ekonomija, l-għajxien lokali, ir-riżorsi naturali u l-wirt kulturali ta' ħafna pajjiżi; billi l-livell ta' azzjoni meħtieġ biex jiġi indirizzat b'mod effettiv dan it-theddid ta' spiss jissupera l-mandat uniku tal-aġenziji għall-infurzar tal-liġi ambjentali jew dwar l-organiżmi selvaġġi, jew ta' pajjiż jew reġjun waħdu;

E.  billi t-traffikar illeċitu tal-organiżmi selvaġġi mhux biss huwa theddida ewlenija għas-sigurtà, l-istat tad-dritt u l-iżvilupp tal-komunitajiet lokali fejn ir-riżorsi tal-organiżmi selvaġġi qed jonqsu, imma wkoll għall-paċi u s-sigurtà tan-nazzjonijiet u r-reġjuni fejn jinsabu dawk il-komunitajiet, kif ukoll għal żvilupp globali sostenibbli;

F.  billi l-indirizzar tal-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi jirrikjedi reazzjoni globali kkoordinata fl-ogħla livell politiku u bejn l-aġenziji tal-infurzar fil-livell internazzjonali u f'dak nazzjonali, kif ukoll użu effikaċi ta' għodda biex jissaħħu s-sistemi tal-ġustizzja kriminali u l-infurzar tal-liġi;

G.  billi sakemm id-domanda għall-prodotti tal-organiżmi selvaġġi tibqa’ għolja u l-isforz tal-infurzar ikun baxx, il-kummerċ legali se jkompli jservi bħala kopertura għall-kummerċ illegali u se jkompli jżid il-kaċċa illegali;

1.  Jenfasizza li l-UE hija suq sinifikanti kif ukoll rotta ta' tranżitu għall-kummerċ illegali tal-organiżmi selvaġġi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li skont l-estimi tal-Europol id-dħul iġġenerat mit-traffikar ta' speċijiet fil-periklu jammonta għal bejn EUR 18-il biljun u EUR 26 biljun kull sena, filwaqt li l-UE hija s-suq primarju ta' destinazzjoni fid-dinja;

2.  Jenfasizza li l-għan tas-CITES huwa li tiżgura li l-kummerċ internazzjonali fl-annimali u l-pjanti selvaġġi ma jkunx theddida għas-sopravivenza tal-ispeċijiet fl-ambjent naturali tagħhom;

3.  Huwa allarmat mill-fatt li l-kummerċ illegali ta' prodotti tal-organiżmi selavaġġi fuq l-internet biss ġie stmat, fir-Rapport tal-Global Financial Integrity ta' Frar 2011 bit-titolu "Transnational Crime in the Developing World", li jammonta għal USD 10 biljun fis-sena;

4.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-rabtiet dejjem jiżdiedu bejn il-persuni u l-flus marbuta mal-kummerċ tal-organiżmi selvaġġi u forom oħra ta' attività kriminali organizzata, inklużi t-traffikar tad-drogi u l-armi, il-korruzzjoni u l-frodi, kif ukoll il-militanza u t-terroriżmu;

5.  Huwa mħasseb dwar il-fatt li gruppi tal-kriminalità organizzata, speċjalment dawk b'kapaċitajiet ta' kuntrabandu, isibu t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi attraenti minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità u ta’ infurzar u implimentazzjoni tal-liġi, u minħabba l-profitti għoljin u l-penalitajiet dgħajfa;

6.  Jenfasizza li jekk l-UE u l-Istati Membri tagħha jixtiequ jkollhom rwol mexxej fil-protezzjoni tal-ispeċijiet fil-periklu, jeħtieġ li mhux biss tiġi żgurata, bħala kwistjoni ta' urġenza, il-promozzjoni attiva u ambizzjuża ta' negozjati internazzjonali, iżda jeħtieġ ukoll li jinħolqu l-qafas legali l-aktar xieraq u l-kundizzjonijiet ta' implimentazzjoni li se jiżguraw li l-lakuni kollha li jikkontribwixxu għal dan il-kummerċ illegali jintemmu mal-fruntieri tal-Unjoni;

7.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kriminalitá marbuta mal-organiżmi selvaġġi tista' tkun theddida serja għall-istat tad-dritt u għall-iżvilupp sostenibbli;

8.  Huwa konxju li l-fenomenu tal-kaċċa illegali ta’ diversi speċijiet ta’ fawna selvaġġa jseħħ anke fit-territorju tal-UE, u li attwalment għad hemm qtil, teħid, qbid u kummerċ ta’ speċijiet rari, partikolarment protetti u anke speċijiet fil-periklu elenkati fl-Anness IV tad-Direttiva 92/43/KEE (id-Direttiva dwar il-Ħabitat) u fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147/KE (id-Direttiva dwar l-Għasafar);

Azzjoni fi ħdan l-UE

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi, mingħajr dewmien, pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra l-kriminalità u t-traffikar marbuta mal-organiżmi selvaġġi, inklużi riżultati u skedi ta’ żmien ċari;

10.  Jenfasizza li l-UE hija destinazzjoni ta' tranżitu ewlenija għall-prodotti illegali tal-organiżmi selvaġġi, kif enfasizzat f’rapport reċenti maħruġ minn TRAFFIC(6), u għalhekk qiegħda f'pożizzjoni privileġġata biex tikkontrolla dan il-kummerċ;

11.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu moratorji fuq l-importazzjoni kummerċjali, l-esportazzjonijiet u l-bejgħ u x-xiri domestiku ta’ nejbiet tal-iljunfanti u tal-prodotti tal-avorju maħduma u mhux maħduma kollha sakemm il-popolazzjonijiet tal-iljunfanti selvaġġi ma jibqgħux aktar mhedda mill-kaċċa illegali;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jingħaqdu ma’ Partijiet għas-CITES oħra fl-għoti ta’ sinjal ċar kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u d-domanda għall-prodotti illegali tal-organiżmi selvaġġi billi jeqirdu l-ħażniet ta’ stokkijiet tagħhom ta’ avorju illegali;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/425/KE li tidentifika sett ta’ azzjonijiet għall-infurzar tar-Regolament (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom; jirrakkomanda li l-Istati Membri jipprovdu għall-konfiska fil-pront ta' kwalunkwe kampjun maqbud biex jimplimentaw aħjar is-CITES u jipproteġu l-benessri tal-annimali ħajjin;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tqabbad lill-Kumitat Permanenti tas-CITES rigward id-Deċiżjoni 16.47 tal-CoP 16 dwar id-dispożizzjonijiet għas-simplifikazzjoni tad-disponiment tal-kampjuni nnegozjati b’mod illegali u konfiskati biex tiżgura approċċi kkoordinati għall-iskambju tal-informazzjoni u t-treġġigħ lura d-dar malajr tal-annimali ħajjin ikkonfiskati;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-ġudikatura fl-UE permezz ta' sensibilizzazzjoni, kapaċità u riżorsi msaħħa sabiex jiġi żgurat li l-prosekuzzjonijiet ta' traffikar illeċitu ta' organiżmi selvaġġi jitwettqu b'mod effikaċi u bil-pieni massimi previsti mil-liġi, u li dawk li jwettqu reat b'rabta mal-organiżmi selvaġġi jirċievu pieni li jkunu proporżjonati mal-gravità tar-reat; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tissimplifika l-armonizzazzjoni bejn l-Istati Membri skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2007/425/KE sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri bl-anqas pieni jiġu sfruttati bħala punt ta' dħul ta' preferenza;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex timmonitorja u tissorvelja bir-reqqa l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali, minħabba li anke llum il-ġurnata, f’ċerti Stati Membri għadhom ma ġewx previsti sanzjonijiet kriminali effikaċi, li huma previsti wkoll mid-Direttiva għal min joqtol, jeqred, jippossjedi jew jieħu kampjuni ta’ speċijiet ta’ fawna u flora selvaġġi protetti;

17.  Jitlob, abbażi tal-istess tħassib espress fir-riżoluzzjoni tan-NU ta’ Mejju 2013 li tinkludi r-reati kontra l-foresti, li jiġu eżaminati l-istrumenti eżistenti tal-UE dwar il-kummerċ illegali tal-injam u atti oħra relatati mal-foresti, sabiex jiġi determinat jekk humiex adegwati u effikaċi biżżejjed biex ilaħħqu mal-għadd kbir ta’ kummerċ illegali rreġistrat attwalment fl-Unjoni;

18.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li attwalment, fl-UE, għad hemm differenzi enormi bejn id-l-Istati Membri fir-rigward tas-sistema ta' sanzjonijiet kontra min jinnegozja, jieħu, jaqbad jew jippossjedi kampjuni ta’ organiżmi selvaġġi protetti; jinnota li din id-diversità ta’ trattament fost l-Istat Membri fir-rigward tal-pieni spiss ikollha impatt negattiv fuq l-effettività tas-sistemi ta’ monitoraġġ u l-effiċjenza ta' dawk responsabbli għall-monitoraġġ f'kull Stat Membru;

19.  Jitlob sanzjonijiet xierqa għal każijiet ta' ksur tar-Regolament (KE) Nru 338/97, biex jiskoraġġixxu l-kriminalitá marbuta mal-organiżmi selvaġġi, u biex jitqies ukoll il-valur tas-suq u l-valur ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet involuti fir-reat, kif ukoll l-ispejjeż imġarrba; jitlob l-iżvilupp ta' sistema li tipprovdi għall-aġġornament u l-aġġustament regolari tal-ammonti tal-pieni;

20.  Jenfasizza l-fatt li d-Direttiva 2008/99/KE dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali tarmonizza d-definizzjonijiet ta' kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi madwar l-Unjoni kollha; jinnota, barra minn hekk, li d-direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ sanzjonijiet kriminali effikaċi, proporzjonati u dissważivi, u għalhekk iħeġġiġhom biex jistabbilixxu mingħajr dewmien livelli ta’ sanzjonijiet xierqa għall-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħtu appoġġ lit-taħriġ dedikat għall-katina kollha tal-infurzar taħt l-istrumenti finanzjarji eżistenti rilevanti;

22.  Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw l-istrumenti rilevanti kollha, kemm dawk Ewropej kif ukoll dawk domestiċi, kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, u jiżguraw il-konfiska tal-assi fil-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi;

23.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jikkonformaw mar-riżoluzzjoni ta' April 2013 tal-Kummissjoni tan-NU għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali billi jaġġornaw il-leġiżlazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li t-traffikar illeċitu ta' fawna u flora selvaġġi bl-involviment tal-gruppi tal-kriminalità organizzata jkun definit reat kriminali kastigabbli b’sentenza sa erba’ snin ħabs jew iżjed, sabiex il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali tkun tista’ tintuża bħala l-bażi għall-kooperazzjoni internazzjonali u l-assistenza legali reċiproka;

24.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-"Proġett WEB", investigazzjoni INTERPOL/IFAW fil-kummerċ onlajn tal-avorju fl-UE;

25.  Huwa konxju li l-kaċċa, mhux sostenibbli u bla etika, għat-trofej ikkaġunat tnaqqis fuq skala kbira f'dawk l-ispeċijiet fil-periklu elenkati fl-Appendiċi I u II tas-CITES, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw reviżjoni eventwali tad-dispożizzjonijiet legali tal-UE li jirregolaw l-importazzjoni ta' trofej tal-kaċċa fl-Istati Membri u jirrikjedu permessi għall-importazzjoni ta’ trofej tal-ispeċijiet kollha elenkati fl-Anness B tatat-test rilevanti;

26.  Jinnota l-problemi li ġew dokumentati ta' annimali maqbuda fis-selvaġġ li jiddaħħlu fis-sistema legali permezz tal-użu ta' dispożizzjonijiet ta' natura inqas ristrettiva dwar trobbija ta' annimali fil-magħluq; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa d-Deċiżjonijiet 16.63-16.66 tal-CoP 16 dwar kampjuni mrobbija fil-magħluq, u biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għal studju li jevalwa t-tħassib dwar speċijiet iddikjarati bħala mrobbija fil-magħluq u għall-iżvilupp ta' gwida għall-ispezzjoni tal-faċilitajiet;

27.  Jitlob li tiġi stabbilita Unità kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi fi ħdan il-Europol, li jkollha setgħat u responsabilitajiet transazzjonali kif ukoll riżorsi umani suffiċjenti u kwalifikati u finanzjament adegwat, bl-għan li l-informazzjoni u l-analiżi jiġu ċċentralizzati filwaqt li l-investigazzjonijiet jiġu kkoordinati, b'riżultat li jkun hemm iktar investigazzjonijiet konġunti u approċċ strateġiku iktar ikkoordinat; jitlob l-ottimizzazzjoni u t-tisħiħ tal-kollegament bejn il-korpi ta' spezzjoni lokali fl-Istati Membri ma’ dawk internazzjonali sabiex jitjieb l-iskambju ta’ informazzjoni u b’hekk jiżdiedu l-effettività u l-effiċjenza tal-ħidma tal-ispetturi lokali;

28.  Jistieden lill-Istati Membri, għal dan il-fini, biex jistabbilixxu t-Task Force Nazzjonali għas-Sigurtà Ambjentali (NEST) irrakkomandata mill-Interpol, u biex jidħlu f’operazzjonijiet ikkoordinati permezz tal-Unità kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi fi ħdan il-Europol;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-riżorsi dedikati għas-CITES fi ħdan is-servizzi ikunu suffiċjenti biex jippermettu li l-UE jkollha rwol ta’ tmexxija, fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tal-Emenda ta’ Gaborone fis-CITES;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jużaw l-istrumenti ta' kummerċ u żvilupp tagħhom biex jistabbilixxu programmi dedikati, biex isaħħu l-implimentazzjoni tas-CITES u jipprovdu riżorsi għall-bini ta' kapaċità kontra l-kaċċa u t-traffikar illegali, b'mod partikulari billi jappoġġaw, isaħħu u jespandu inizjattivi ta' infurzar bħalma huma l-ASEAN-WEN (ASEAN Wildlife Enforcement Network), il-HA-WEN (Horn of Africa Wildlife Enforcement Network), l-LATF (Lusaka Agreement Task Force) u l-PAPECALF (Plan d’Action sous-régional des pays de l’espace COMIFAC pour le renforcement de l’application des législations nationales sur la faune sauvage 2012 – 2017), li għandhom l-għan li jistabbilixxu ċentri reġjonali ta' kompetenza u jipprovdu mudelli għall-kooperazzjoni kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi;

31.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jaħdmu b’mod proattiv sabiex jagħmlu liċ-ċittadini Ewropej konxji mill-fatt li l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi mhix kwistjoni li tikkonċerna biss kontinenti oħra, imma iktar minn hekk hi kwistjoni urġenti li tikkonċerna l-pjaneta tagħna u l-ekosistema tagħna b’impatt politiku, ekonomiku u soċjali fuq il-komunitajiet madwar id-dinja;

Azzjoni internazzjonali

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkludu l-ġlieda kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi bħala prijorità fl-ipprogrammar tal-istrumenti finanzjarji għall-għajnuna għall-iżvilupp, kemm fl-ipprogrammar tematiku kif ukoll f'dak reġjonali;

33.  Jilqa' l-fatt li l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi ġiet "aġġornata" għall-istess livell tal-kriminalità organizzata internazzjonali serja bħat-traffikar tal-bnedmin u d-drogi wara r-Riżoluzzjoni tal-UNCCPCJ tas-26 ta' April 2013, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jużaw il-politika ta' kummerċ u żvilupp tagħhom biex jiżguraw li l-ftehim internazzjonali jiġi implimentat bis-sħiħ; jinnota li fost il-prijoritajiet tal-UE għat-68 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU adottati mill-Kunsill f’Ġunju 2013, għad hemm l-idea li jiżdiedu l-isforzi kontra l-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi u l-qtugħ illegali tas-siġar u tiġi promossa governanza mtejba;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom, fis-CITES u fid-djalogu bilaterali mal-pajjiżi konsumaturi, biex jiżguraw l-għeluq tas-swieq legali paralleli, internazzjonali u domestiċi, li qed jistimulaw id-domanda għall-ispeċijiet f’riskju sinifikanti bħall-iljunfanti, ir-rinoċeronti u t-tigri;

35.  Jinnota li hemm mekkaniżmi disponibbli taħt is-CITES għall-Partijiet mhux konformi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jużawhom sal-limitu sħiħ tagħhom, jekk dan ikun iġġustifikat;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu Fond Fiduċjarju, jew faċilità simili, skont l-Artikolu 187 tar-regolament finanzjarju rivedut applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, bl-għan li jiġu ssalvagwardjati ż-żoni protetti u jiġu miġġielda t-traffikar u l-kaċċa illegali tal-organiżmi selvaġġi, bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi;

37.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw bil-qawwi l-Konsorzju Internazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-Kriminalità marbuta mal-Organiżmi Selvaġġi (ICCWC), li jinkludi s-CITES, l-Interpol, il-UNODC (Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità), il-Bank Dinji u l-Organizzazzjoni Doganali Dinjija, inkluż permezz tal-għoti ta’ riżorsi finanzjarji u kompetenza speċjalizzata, sabiex jiġi ffaċilitat il-bini tal-kapaċità mill-gvernijiet u l-iskambju ta' informazzjoni u ta' intelligence, u jiġi appoġġat l-infurzar u l-konformità mill-membri tal-ICCWC;

38.  Jilqa’ l-fatt li fl-aħħar summit tal-G-8 (li sar f’Lough Erne, l-Irlanda ta' Fuq f'Ġunju 2013) ġie deċiż li tittieħed azzjoni biex jiġi indirizzat it-traffikar illegali tal-ispeċijiet tal-organiżmi selvaġġi protetti jew fil-periklu u jiġi offrut appoġġ politiku u prattiku lil dawk l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali li jmexxu l-isforzi biex titjieb il-kapaċità tal-pajjiżi li jimmonitorjaw u jikkontrollaw il-fruntieri tagħhom u biex jindirizzaw il-fatturi li jiffaċilitaw bħall-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u t-traffikar illeċitu, li jxekklu l-governanza u l-istat tad-dritt u f’xi każijiet jipprovdu sors importanti ta’ finanzjament għat-terroristi;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, permezz tal-ħidma tagħha mal-istati ta’ medda Afrikani u Asjatiċi, tassisti lil dawk il-pajjiżi biex isaħħu l-politiki u l-oqfsa legali tagħhom, iżidu l-kapaċità tal-infurzar tal-liġi, jiżviluppaw sistemi ġudizzjarji effikaċi u jsaħħu l-mekkaniżmi biex jindirizzaw il-korruzzjoni, sabiex jiġġieldu aħjar il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi fil-livelli lokali, nazzjonali u reġjonali, inkluż bl-appoġġ u l-finanzjament tal-applikazzjoni ta' inizjattivi bħalma hi l-ġabra ta’ strumenti tal-ICCWC;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-politiki u l-oqfsa legali, iżidu l-kapaċità għall-infurzar tal-liġi, jindirizzaw il-ħtiġijiet tat-teknoloġija tal-intelligence u jiżviluppaw sistemi ġudizzjarji effikaċi jiġġieldu aħjar il-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi fil-livelli lokali, nazzjonali u reġjonali, fost l-oħrajn billi jappoġġaw l-implimentazzjoni ta' inizjattivi bħalma hi l-ġabra ta' strumenti tal-ICCWC u t-taħriġ ta' prosekuturi speċjalizzati fil-kriminalità marbuta mal-organiżmi selvaġġi;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u timplimenta strateġiji reġjonali ta' infurzar tal-liġi fir-rigward tal-organiżmi selvaġġi u netwerks li jkunu interkonnessi permezz ta' mekkaniżmu globali ta' koordinazzjoni, inter alia billi tappoġġa l-Programm dwar il-Kriminalità Ambjentali tal-Interpol, l-istabbiliment tan-NESTs u l-integrazzjoni tagħhom mal-korpi reġjonali tal-infurzar bħat-Task Force tal-Ftehim ta’ Lusaka, il-HA-WEN, is-SAWEN (South Africa Wildlife Enforcement Network) u l-ASEAN-WEN;

42.  Jinnota d-domanda għolja u li dejjem qed tiżdied għall-prodotti illegali marbuta mal-organiżmi selvaġġi miċ-Ċina u x-Xlokk tal-Asja, u jenfasizza l-ħtieġa li din il-kwistjoni titqiegħed fuq l-aġenda tad-djalogu bejn l-UE u l-Asja, fl-ogħla livell politiku; jappoġġa, b'rabta ma' dan, bħala pass sinifikanti, il-ftehim iffirmat f’Lulju 2013, mill-Kummissarju Potocnik u l-Viċi Ministru Ċiniż għall-Amministrazzjoni tal-Forestrija tal-Istat, Zhang Jianlong, dwar sforzi komuni kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, u jixtieq jara li dan il-ftehim jiġi implimentat b'mod sħiħ;

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jesploraw il-kwistjonijiet mal-Unjoni Afrikana, in-NEPAD (is-Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp tal-Afrika), l-AMCEN (il-Konferenza Ministerjali Afrikana dwar l-Ambjent), u l-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, fil-qafas tas-Summit Afrika UE 2014 li ġej, sabiex jidentifikaw oqsma ta' azzjoni kollaborattiva dwar din l-isfida globali għall-Istrateġija Konġunta UE-Afrika 2014-2020;

44.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi l-kwistjoni tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi fil-kooperazzjoni transatlantika, bl-għan li tiżviluppa approċċ komuni li jiggarantixxi reġimi legali effikaċi li jipprevjenu l-prodotti nnegozjati illegalment milli jidħlu fis-swieq Ewropej u Amerikani u li ttejjeb il-kanali tal-komunikazzjoni għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-ġestjoni tal-organiżmi selvaġġi u r-regolamenti kummerċjali;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi fil-pajjiżi ewlenin biex jaħdmu mal-ministeri kollha biex ifasslu u jimplimentaw kampanji b’riċerka tajba dwar it-tnaqqis fid-domanda u jiżguraw investiment adegwat fit-tul għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa l-iżvilupp ta’ għajxien alternattiv għall-komunitajiet lokali l-eqreb tal-organiżmi selvaġġi kkonċernati li jikkontribwixxi b’mod evidenti għall-irkupru u ż-żamma tal-popolazzjonijiet tal-organiżmi selvaġġi u biex jinvolvu lill-komunitajiet fl-operazzjonijiet kontra l-kaċċa illegali;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw liġijiet u politiki effikaċi li jiddiswadu l-konsum ta' prodotti derivati minn speċijiet ta' organiżmi selvaġġi vulnerabbli, biex jedukaw lil-konsumaturi dwar l-impatt tal-konsum tagħhom ta' speċijiet ta' organiżmi selvaġġi, u biex jipprovdu informazzjoni adegwata dwar il-konsegwenzi u l-perikli inerenti fit-tixrid bla kontroll ta' ċerti speċijiet aljeni madwar l-ekosistemi indiġeni;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-segretarjat tas-CITES, l-Interpol, l-Europol, il-UNDOC, il-Bank Dinji u l-Organizzazzjoni Dinjina Doganali.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0047.
(2) ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1.
(3) ĠU L 166, 19.6.2006, p. 1.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0444.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0245.
(6) http://ec.europa.eu./environment/cites/pdf/Overview%20significant%20seizures.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza