Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta’ ħsara lepidopterani (2013/2974(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta’ ħsara lepidopterani (COM(2013)0758),
– wara li kkunsidra l-abbozz għal deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta’ ħsara lepidopterani (D003697/01), sottomessi għal votazzjoni fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE tal-25 ta' Frar 2009,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE(1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tagħha,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE dwar il-qamħirrum 1507, fil-25 ta' Frar 2009, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni ,
– wara li kkunsidra s-sitt opinjonijiet xjentifiċi dwar il-qamħirrum 1507 mogħtija mill-Bord tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati, mill-2005 sa Novembru 2012,
– wara li kkunsidra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 365/2013 tat-22 ta’ April 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glufosinat(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) adottati fl-4 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2011 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorju tagħhom(3),
– wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Ewrobarometru 345 dwar ir-riskji relatati mal-ikel(4)
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Is-Seba' Awla) tas-26 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni għar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent tal-qamħirrum 1507 (Każ T-164/10)(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5(5) u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni(6),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 88(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2001/18/KE jindika li deċiżjoni dwar ir-rilaxx intenzjonat ta' organiżmu ġenetikament modifikat (OĠM) għandu jkollha l-istess informazzjoni bħalma speċifikat fl-Artikolu 19(3);
B. billi l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2001/18/KE jindinka li l-kunsens bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 18 għandu, fil-każijiet kollha, jispeċifika b'mod espliċitu, inter alia, il-kundizzjonijiet għall-protezzjoni ta' ekosistemi/ambjenti u/jew żoni ġeografiċi partikolari;
C. billi din l-indikazzjoni hija nieqsa fil-proposta tal-Kummissjoni;
D. billi l-votazzjoni fil-kumitat permanenti nhar il-25 ta' Frar 2009 dwar proposta tal-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni ma tat l-ebda opinjoni; billi sitt Stati Membri biss ivvutaw favur il-proposta, filwaqt li 12 ivvutaw kontra u sebgħa astjenew;
E. billi, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), u sabiex il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni mmodifikat il-proposta b'mod sostanzjali , pereżempju fir-rigward tar-regoli tat-tikkettjar, tas-sorveljar u tal-prattiki spjegati fil-pjan ta' ġestjoni tar-reżistenza tal-insetti;
F. billi l-modifikazzjonijiet mqabbla mal-verżjoni li ġiet ivvutata fil-kumitat permanenti fil-25 ta' Frar 2009 jinkludu t-tħassir tar-referenzi għall-karatteristika tolleranti għall-glufosinat li għandu l-qamħirrum 1507 , u d-dħul tar-rekwiżit li l-operaturi jiġu infurmati biex ma jużawx il-prodott “mal-erbiċidi tal-glufosinat bi kwalunkwe mod differenti mill-prattiki konvenzjonali mal-qamħirrum li mhux tolleranti għall-glufosinat”;
G. billi l-proposta modifikata ma kinitx diskussa mal-esperti tal-Istat Membru jew ivvutata fil-kumitat permanenti, iżda ġiet riferuta direttament lill-Kunsill tal-Ministri;
H. billi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni ta' Pioneer Hi-Bred International għar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent tal-qamħirrum 1507 ma tipprevenix lill-Kummissjoni milli tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha u tippreżenta proposta ġdida lill-kumitat permanenti, flimkien ma' Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, li tirrakkomanda li l-qamħirrum 1507 ma jiġix awtorizzat;
Valutazzjoni ta' riskju tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel
I. billi, wara l-votazzjoni fil-kumitat permanenti, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, fuq talba tal-Kummissjoni, ipproduċiet tliet opinjonijiet xjentifiċi li jaġġornaw il-valutazzjonijiet tar-riskju u r-rakkomandazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju li kienet għamlet qabel;
J. billi, fl-opinjoni tagħha ta' Frar 2012, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel b'mod espliċitu ma qablitx mal-konklużjoni tal-applikant li l-istudju ċċitat mill-applikant ta evidenza adegwata li l-qamħirrum 1507 iqiegħed riskju negliġibbli għall-lepidoptera mhux fil-mira fl-UE, iżda minflok gibed l-attenzjoni għall-fatt li friefet u baħrijiet sensittivi ħafna mhux fil-mira jistgħu jkunu f'riskju meta esposti għall-għabra tad-dakra tal-qamħirrum 1507(7);
K. billi t-tossina Bt prodotta mill-qamħirrum 1507, Cry1F, hija differenti mit-tipi ta' tossina Bt tas-soltu, u wriet li għandha effetti differenti fuq il-lepidoptera mhux fil-mira; billi ftit saru studji fir-rigward tal-proteina Cry1F, u ma sar l-ebda studju dwar l-effetti tagħha fuq l-ispeċijiet akkwatiċi jew l-organiżmi tal-ħamrija; billi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tafferma li l-ammont ta' proteina Cry1F fl-għabra tad-dakra tal-qamħirrum 1507 huwa madwar 350 darba aktar mill-kontenut tal-proteina Cry1Ab li jinsab fl-għabra tad-dakra tal-qamħirrum MON 810(8);
L. billi Pioneer irrifjutat, wara talba mill-Kummissjoni, li tirrevedi l-applikazzjoni tagħha għal awtorizzazzjoni u li tippreżenta dokumenti addizzjonali fir-rigward ta' miżuri li jissorveljaw u li jtaffu r-riskji għall-organiżmi mhux fil-mira;
M. billi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tirrikonoxxi li fil-valutazzjoni tar-riskju tagħha ma kkunsidratx ir-riskji potenzjali marbuta mal- karatteristika l-oħra tal-qamħirrum 1507, jiġifieri t-tolleranza tiegħu għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju(9), minkejja li din il-karatteristika tista' tirriżulta f'żieda fl-użu tal-glufosinat;
Il-Glufosinat
N. billi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel hija meħtieġa tivvaluta “l-effetti indiretti bħall-użu ta' pestiċidi [...] bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju ambjentali” u tivvaluta “l-effetti possibbli fuq il-bijodiversità u l-organiżmi mhux fil-mira li kwalunkwe prodott individwali tar-raba' ġenetikament modifikat tolleranti għall-erbiċidi jista' jikkawża minħabba l-bidla fil-prattiki agrikoli (inklużi dawk minħabba l-użu ta' erbiċidi differenti)”(10);
O. billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni spjegati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; billi fil-każ tas-sustanzi li diġà ġew approvati, il-kriterji ta' esklużjoni japplikaw meta jkun metħieġ li l-approvazzjoni tiġġedded; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fl-2017(11); billi l-użu tal-glufosinat għalhekk fil-prinċipju għandu jieqaf fl-2017;
P. billi f'pajjiżi oħra għajr dawk tal-UE, pereżempju fl-Istati Uniti u l-Kanada, il-qamħirrum 1507 huwa mqiegħed fis-suq mill-produttur tiegħu bħala prodott tar-raba' tolleranti għall-glufosinat, filwaqt li fl-applikazzjoni fl-UE, l-applikant jargumenta li l-ġene għat-tolleranza għall-glufosinat intuża biss bħala ġene markatur;
Q. billi mhuwiex ċar kif il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni timplimenta l-projbizzjoni imminenti fuq il-glufosinat, sakemm dan jibqa' disponibbli fis-suq;
Sitwazzjoni ġenerali fir-rigward tal-OĠM fl-UE
R. billi l-ebda OĠM ma ġie awtorizzat għall-kultivazzjoni fl-UE mill-2010 ’l hawn, meta ġiet awtorizzata l-patata Amflora; billi din l-awtorizzazzjoni kienet annullata mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta' Diċembru 2013, u billi l-uniku prodott ieħor tar-raba' awtorizzat għall-kultivazzjoni huwa l-qamħirrum ta' Monsanto MON 810, li t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tiegħu ilu pendenti għal xi snin;
S. billi huwa aċċettat b'mod ġenerali – kif ikkonfermat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent tal-4 ta' Diċembru 2008 mmsemmija aktar 'il fuq – li l-effetti fit-tul tal-kultivazzjoni tal-OĠM u l-effetti fuq l-organiżmi mhux fil-mira, s'issa, għadhom ma ġewx meqjusa b'mod adegwat fil-qafas tal-valutazzjoni tar-riskju;
T. billi kemm il-Kunsill(12) u kemm il-Parlament(13) jirrikonoxxu l-ħtieġa ta’ valutazzjoni aktar stretta tal-effetti fit-tul tal-OĠM, u l-ħtieġa ta' riċerka indipendenti dwar ir-riskji potenzjali involuti fir-rilaxx intenzjonat jew fit-tqegħid fis-suq ta' OĠM, inkluża l-ħtieġa li jingħata aċċess lil riċerkaturi indipendenti għall-materjal rilevanti kollu;
U. billi l-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi tinsab ikkonċernata dwar l-ikel ġenetikament modifikat, inter alia, kif indikat fil-Ewrobarometru Speċjali 345 tal-2010; billi l-qamħirrum 1507 ġenterikament modifikat ma joffri l-ebda benefiċċju lill-konsumaturi;
1. Jopponi l-adozzjoni tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta’ ħsara lepidopterani;
2. Jikkunsidra li l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill teċċedi s-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija fl-ambitu tad-Direttiva 2001/18/KE;
3. Jistieden lill-Kunsill jiċħad din il-proposta tal-Kummissjoni;
4. Jistieden lill-Kummissjoni ma tipproponi l-awtorizzazzjoni tal-ebda varjetà ġdida ta' OĠM u ma ġġeddidx dawk qodma sakemm il-metodi tal-valutazzjoni tar-riskju jkunu ġew imtejba b'mod sinifikanti;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Ittra tal-Kummissjoni mibgħuta lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tat-8 ta' Settembru 2008, dwar il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali ta' pjanti tolleranti għall-erbiċidi.