Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2880(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B7-0006/2014

Testi mressqa :

B7-0006/2014

Dibattiti :

PV 15/01/2014 - 18
CRE 15/01/2014 - 18

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2014 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0039

Testi adottati
PDF 276kWORD 115k
Il-Ħamis, 16 ta' Jannar 2014 - Strasburgu
Rapport ta' progress 2013 dwar is-Serbja
P7_TA(2014)0039B7-0006/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress 2013 dwar is-Serbja (2013/2880(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja inkluż il-Kosovo kif definit mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 ta' l-10 ta' Ġunju 1999 u li tħassar d-Deċiżjoni 2006/56/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni għall-adeżjoni tas-Serbja mal-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208) u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 bit-titolu ''Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012" (COM(2011)0666),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar it-Tkabbir u l-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013; wara li kkunsidra t-tħejjijiet li għaddejjin għall-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li se tinvolvi lill-Parlament Ewropew u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja fi djalogu kontinwu, li se ssir f'Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Opinjoni Konsultattiva tal-QIĠ tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-kwistjoni tal-konformità tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo mad-dritt internazzjonali, u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni u laqgħet favorevolment ir-rieda tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn Belgrad u Pristina(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-seba' Laqgħa Interparlamentari UE-Serbja tat-18 u d-19 ta' Marzu 2013,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006 u li s-Serbja hija firmatarja tiegħu, u d-Deċiżjoni tal-Komunità tal-Enerġija D/2012/04/MC/EnC tat-18 ta’ Ottubru 2012 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli (RES) 2009/28/KE u li temenda l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, li jistabbilixxi miri vinkolanti,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' riammissjoni UE-Serbja tat-8 ta' Novembru 2007(3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar il-ġestjoni baġitarja tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali(5), u l-osservazzjonijiet dwar is-Serbja li jinsabu fir-riżoluzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tat-tim tan-negozjati għall-adeżjoni tas-Serbja,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni tal-2013 dwar is-Serbja (SWD(2013)0412) tas-16 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 iddeċieda li jibda negozjati dwar l-adeżjoni mas-Serbja, u li ssir l-ewwel konferenza intergovernattiva l-aktar tard sa Jannar 2014, u dan jikkonferma l-perspettiva Ewropea tas-Serbja b'konformità mal-impenji tal-UE għar-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent;

B.  billi s-Serbja għamlet passi importanti lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo li rriżultaw fl-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta' Normalizzazzjoni tad-19 ta' April 2013, u għamlet sforzi biex tissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji u l-kundizzjonijiet politiċi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; billi n-negozjati dwar l-adeżjoni jikkostitwixxu għodda ta' monitoraġġ b'saħħitha għall-implimentazzjoni tar-riformi;

C.  billi, fil-25 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni u s-Serbja nedew il-proċess ta' eżami analitiku (screening) tal-acquis, li jibda mill-Kapitolu 23 – drittijiet ġudizzjarji u fundamentali;

D.  billi s-Serbja, bħal kull pajjiż li jaspira li jingħaqad mal-UE, għandha tkun iġġudikata abbażi tal-merti proprji tagħha fit-twettiq, l-implimentazzjoni u r-rispett tal-istess sensiela ta’ kriterji;

E.  billi l-Unjoni Ewropea poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-politika ta' tkabbir tagħha;

F.  billi l-implimentazzjoni tal-qafas legali dwar il-protezzjoni tal-minoranzi jeħtieġ li jiġi żgurat bis-sħiħ, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-użu tal-lingwa, u l-aċċess għall-midja u s-servizzi reliġjużi fil-lingwi minoritarji;

G.  billi l-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

1.  Jistenna bil-ħerqa għall-bidu formali tat-taħdidiet tal-adeżjoni mas-Serbja li se jsiru fl-ewwel konferenza intergovernattiva UE-Serbja (KIG) fil-21 ta' Jannar 2014; iqis li l-KIG hija pass storiku għall-proċess tal-integrazzjoni Ewropea tas-Serbja u juri l-impenn tal-UE mal-proċess tat-tkabbir; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jintensifikaw ir-riformi relatati mal-UE fil-pajjiż fis-segwitu tal-konferenza, sabiex jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini Serbi għal proċess bla xkiel tal-adezjoni fl-UE u jissaħħaħ l-irkupru ekonomiku billi l-perspettiva tas-sħubija mal-UE ssir tanġibbli;

2.  Jilqa’ l-impenn li wera l-Gvern Serb favur il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u jħeġġeġ lis-Serbja tkompli bir-riformi sistemiċi u soċjoekonomiċi li se jippermettulha taffaċċa u timplimenta l-obbligi tas-sħubija futura b'mod effettiv; jissottolinja li l-implimentazzjoni tar-riformi tibqa' indikatur ewlieni ta' proċess ta' integrazzjoni ta' suċċess u, għalhekk, iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iżidu l-isforzi tagħhom għal riforma fl-oqsma tal-ġudikatura, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fis-settur pubbliku, fil-kontroll ċivili tas-setturi tad-difiża u s-sigurtà, fil-politika tal-enerġija fir-rigward, b'mod partikolari, tal-iffrankar tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, fil-libertà tal-midja, fil-protezzjoni tal-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli kollha, kif ukoll fid-drittijiet fundamentali tagħhom, fit-tibdil strutturali fl-ekonomija, fid-djalogu soċjali, fit-titjib tal-ambjent kummerċjali u fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

3.  Jilqa’ d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-1 ta’ Settembru 2013 kif ukoll it-tlaqqigħ tal-ewwel Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni li sar fil-21 ta’ Ottubru 2013; jisħaq fuq il-fatt li d-dħul fis-seħħ tal-FSA jirrappreżenta pass importanti fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tas-Serbja u jipprovdi l-qafas ġenerali biex is-Serbja u l-UE jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom rigward il-kriterji politiċi u l-approssimazzjoni tal-acquis, u biex jippreparaw għall-parteċipazzjoni futura tas-Serbja fis-Suq Uniku; jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha involuti jaħdmu flimkien f’mod responsabbli;

4.  Jilqa’ l-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta’ Normalizzazzjoni li ntlaħaq fid-djalogu ta’ livell għoli bejn il-Prim Ministri tas-Serbja u tal-Kosovo fid-19 ta’ April 2013, li fetaħ it-triq lejn aktar passi fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tas-Serbja u l-Kosovo; jilqa' l-passi li ttieħdu s'issa miż-żewġ naħat fl-implimentazzjoni tal-ftehim u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu jimplimentaw il-ftehimiet kollha li ntlaħqu s'issa b'rieda tajba u fi żmien xieraq; jilqa’ l-ftehimiet dwar it-telekomunikazzjoni u l-enerġija li ntlaħqu fi djalogu fit-8 ta’ Settembru 2013; jistieden, b’mod partikolari, kemm lis-Serbja kif ukoll lill-Kosovo biex jikkooperaw b’mod attiv u kostruttiv mal-EULEX fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar Assistenza Legali Reċiproka sabiex jittrattaw in-numru dejjem jikber ta’ talbiet li jikkonċernaw il-proprjetajiet fil-Kosovo; jistieden liż-żewġ naħat iżommu dan l-approċċ kostruttiv filwaqt li jaqblu fuq id-dettalji kontroversjali u sensittivi li għad iridu jiġu elaborati u jintlaħaq ftehim dwarhom; iħeġġeġ liż-żewġ naħat ikomplu jindirizzaw il-kwistjoni tal-persuni neqsin u jilqa', f’dan ir-rigward, l-ewwel riżultati li ntlaħqu fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma ppresedut mis-Salib l-Aħmar dwar il-Persuni Neqsin; jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex inaqqsu l-kummerċ klandestin bejn is-Serbja u l-Kosovo; jinnota li se jkunu meħtieġa sforzi oħra kontinwi mill-mexxejja tas-Serbja u l-Kosovo biex jintegraw il-minoranza Serba fis-soċjetà tal-Kosovo u biex iressqu lejn xulxin il-komunitajiet etniċi Albaniżi u Serbi;

5.  Jilqa' l-elezzjonijiet lokali li għall-ewwel darba fl-istorja koprew il-pajjiż kollu li saru fil-Kosovo fit-3 ta' Novembru 2013 u b’mod partikolari l-parteċipazzjoni viżibbli tal-votanti fil-muniċipalitajiet iddominati mis-Serbi fin-Nofsinhar tax-Xmara Ibar kif ukoll l-iżvolġiment ġenerali regolari tal-elezzjonijiet lokali fil-Kosovo, kif ivvalutat fid-dikjarazzjoni preliminari tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE (EU EOM), bħala parti mill-proċess ta' normalizzazzjoni; jilqa’ l-isforzi li Belgrad u Pristina investew biex jiżguraw li l-elezzjonijiet ikunu paċifiċi u skont in-normi demokratiċi; jikkundanna bis-saħħa l-vjolenza u l-intimidazzjoni persistenti li seħħew fil-muniċipalitajiet tat-Tramuntana ta’ Mitrovica u Zvečan u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jiffaċilitaw l-isforzi biex l-atturi tal-vjolenza jinġiebu f’idejn il-ġustizzja; jinnota, f'dan ir-rigward, il-wegħda tal-mexxejja Serbi li dawk responsabbli għat-tfaqqigħ tal-vjolenza se jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; jinnota li huma meħtieġa aktar sforzi attenti biex jisfaxxa n-netwerk tal-kriminalità organizzata u r-rabtiet tiegħu mal-élites politiċi lokali u jerġa' jiġi stabbilit l-istat tad-dritt fit-Tramuntana tal-Kosovo; jilqa’ l-pożizzjoni tal-mexxejja politiċi Serbi li inkoraġġixxew b’mod attiv lis-Serbi etniċi fil-Kosovo biex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet, iżda jinnota fl-istess ħin li Belgrad m’għandhiex toħnoq il-pluraliżmu politiku fil-komunità Serba fil-Kosovo billi tikkampanja f’isem kwalunkwe partit jew lista elettorali partikolari;

6.  Jenfasizza l-bżonn ta’ trasparenza akbar fil-komunikazzjoni tar-riżultati tad-djalogu Belgrad-Pristina u fl-involviment tal-parlamenti u tas-soċjetajiet ċivili kkonċernati fil-proċess ta’ implimentazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa, f’dan ir-rigward, li n-negozjaturi tas-Serbja u l-Kosovo jibnu fiduċja pubblika u biex jilħqu liċ-ċittadini, nisa u rġiel; jistieden lill-awtoritajiet Serbi f’Belgrad, Mitrovica u n-Nofsinhar tax-Xmara Ibar biex jagħmlu sforzi akbar biex iżidu l-interazzjoni komunitarja bejn is-Serbi u l-Albaniżi tal-Kosovo, b’mod partikolari billi jinkoraġġixxu l-iskejjel u ċ-ċentri tal-komunità jgħallmu l-lingwa Albaniża; jenfasizza li l-Albaniżi tal-Kosovo għandhom ukoll ikunu mħeġġa sew biex jinteraġixxu aktar mal-komunitajiet Serbi madwarhom u biex jitgħallmu l-lingwa Serba, bħala element vitali tal-integrazzjoni tal-komunità Serba fis-soċjetà tal-Kosovo, id-djalogu fil-ġejjieni u l-governanza bikomunali;

7.  Jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet kontinwi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE meta jipprovaw jidħlu s-Serbja mill-Kosovo, u meta wara jitilqu mis-Serbja għal pajjiż terz, minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent mis-Serbja tal-fruntieri esterni tal-Kosovo u l-affermazzjoni tagħha li dħul għall-ewwel darba fil-Kosovo jikkostitwixxi dħul illegali fis-Serbja; jiddispjaċih ukoll dwar it-timbri ta’ taħsir tal-pulizija tal-fruntiera Serba superimposti fuq it-timbri tal-Kosovo fil-passaporti barranin; jinkoraġġixxi lis-Serbja tirrevedi l-politiki tagħha ta' dan it-tip bħala miżura b’saħħitha għall-bini tal-fiduċja, li huwa pass meħtieġ għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, u bħala mezz konkret biex tippromwovi l-integrazzjoni ulterjuri tal-UE bi qbil mal-ispirtu tal-moviment liberu;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi u tal-pajjiżi ġirien biex ikomplu juru rieda tajba u jikkooperaw bis-sħiħ ma' u jappoġġjaw it-Task Force Investigattiva Speċjali stabbilita b'segwitu għar-rapport ta’ Diċembru 2010 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u jinkoraġġixxi t-tħaffif ulterjuri tal-ħidma tagħha;

9.  Japprezza l-approċċ kostruttiv tal-gvern Serb fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien, peress li dan ippermetta li jsiru avvanzi sostanzjali kemm fil-kooperazzjoni reġjonali kif ukoll f'relazzjonijiet eqreb mal-UE; itenni l-importanza kruċjali tal-kooperazzjoni reġjonali fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar l-enerġija, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fl-iżvilupp ta' netwerks ta' trasport, kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni u r-riżoluzzjoni b'mod gradwali tal-kwistjonijiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien, l-ewwel u qabel kollox sabiex isir progress biex jiġi ssuperat il-legat tal-kunflitt reċenti u sussegwentement għas-suċċess tal-integrazzjoni tas-Serbja mal-UE; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet biex jaħdmu mill-qrib mal-pajjiżi tal-eks Jugoslavja bil-għan li jissolvew il-problemi pendenti kollha ta’ suċċessjoni legali u biex jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehimiet bilaterali kollha mal-pajjiżi ġirien fi żmien xieraq; jappella lis-Serbja biex iżżid l-isforzi tagħha sabiex jissolvew il-kwistjonijiet pendenti kollha mal-Kroazja, b'mod partikolari l-kwistjonijiet ta' persuni neqsin, id-demarkazzjoni tal-fruntieri u l-ipproċessar tar-reati tal-gwerra, biex b'hekk ikunu jistgħu jitneħħew ostakli sabiex titwitta t-triq għall-irtirar tal-kawżi legali reċiproki quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet ta’ Belgrad biex jappoġġjaw u jiffaċilitaw b’mod attiv il-bidliet kostituzzjonali fil-BiH li għandhom l-għan li jġibu l-leġiżlazzjoni elettorali konformi mad-deċiżjoni tal-QEDB dwar il-kaważ Sejdić-Finci u jsaħħu u jissemplifikaw l-istituzzjonijiet fil-livell tal-istat tal-BiH sabiex il-pajjiż ikun jista’ jimxi ’l quddiem fit-triq tiegħu lejn l-adeżjoni mal-UE;

10.  Jirrikonoxxi l-progress reċenti fis-sejba tal-oqbra tal-massa u l-identifikazzjoni tal-persuni neqsin mill-gwerer fil-Kroazja u fil-Bosnja-Ħerzegovina, u jħeġġeġ l-awtoritajiet Serbi jwettqu investigazzjoni aktar bir-reqqa’ fl-arkivji u l-uffiċjali tal-Armata Popolari tal-eks Jugoslavja;

11.  Jistieden lis-Serbja tiżgura sorveljanza parlamentari b’saħħitha tal-proċess ta’ negozjati dwar l-adeżjoni; itenni l-importanza li l-parlament tiegħu jkun involut fi stadju bikri fl-inkorporazzjoni fil-liġi tal-impenji li saru u biex jinvolvi lis-soċjetà ċivili permezz ta' mekkaniżmu konsultattiv kostruttiv matul il-proċess kollu tal-adeżjoni peress li din għandha sehem importanti x'tiżvolġi bħala osservatur kritiku tat-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-riformi Ewropej kif ukoll biex tiżgura li d-djalogu u r-relazzjonijiet tajbin mal-ġirien tas-Serbja jiġu stabbiliti sew fis-soċjetà; jilqa’ l-kooperazzjoni mal-Kroazja u l-Montenegro permezz tal-isforzi li saru biex jikkondividu prattiki tajba bbażati fuq l-esperjenza reċenti, bil-għan li jgħinu lis-Serbja timxi b’mod mgħaġġel u mingħajr xkiel fil-proċess tal-adeżjoni;

12.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-riforma tal-ġudikatura 2013-2018, imfassla skont il-prinċipji ewlenin ta’ indipendenza, imparzjalità, kompetenza, kwalità tal-ġudikatura u libertà mill-interferenza politika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jintensifikaw din ir-riforma b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, b'mod speċjali fir-rigward tar-rwol tal-parlament fil-ħatriet ġudizzjarji u l-indipendenza tal-prosekuzzjoni, u fid-dawl tal-proċess ta' eżami tal-Kapitolu 23, li beda fil-25 ta' Settembru 2013; jisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-indipendenza tal-Kunsill Ġudizzjarju Għoli u tal-Kunsill Prosekutorjali tal-Istat u t-tnaqqis ta' kawżi pendenti, bħala kundizzjoni meħtieġa għas-sekwenzar b’suċċess tal-proċess sħiħ ta’ riforma; jistieden lill-awtoritajiet jipprovdu r-riżorsi kollha meħtieġa għall-Akkademja Ġudizzjarja li għandha tkun strumentali fil-garanzija tar-reklutaġġ ibbażat fuq il-mertu; jenfasizza l-ħtieġa għal taħriġ kontinwu tal-imħallfin u tal-prosekuturi fit-trattament ta’ kawżi finanzjarji kumplessi u reati ekonomiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli jiżguraw proċess trasparenti u bbażat fuq il-mertu għall-ħatra tal-imħallfin u tal-prosekuturi kif ukoll rekord b'saħħtu ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-persunal ġudizzjarju; jinsisti aktar fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata ġustizzja f’waqtha flimkien mal-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, il-pubblikazzjoni ta’, u l-aċċess faċli għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha immedjatament wara l-adozzjoni u l-allokazzjoni aleatorja tal-kawżi fil-qrati kollha; jinsab mħasseb dwar l-inċertezza legali minħabba l-għadd ta' mħallfin li qed iwettqu dmirijiethom bħala aġenti; itenni l-fatt li ġudikatura b’saħħitha u indipendenti hija kruċjali għall-kapaċità tas-Serbja li tissodisfa l-kriterji ta’ sħubija tal-UE;

13.  Jirrakkomanda li l-Liġi dwar ir-Restituzzjoni tiġi emendata biex jitneħħa kull ostaklu proċedurali u kull impediment legali fir-rigward tar-restituzzjoni in natura; u jistieden lill-Gvern Serb sabiex jimplimenta l-Liġi dwar ir-Riabilitazzjoni b’mod sħiħ u nondiskriminatorju; jinnota li l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi mwettqa skont il-prinċipji bażiċi tal-liġi kriminali, bħar-rispett għall-preżunzjoni tal-innoċenza;

14.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-2013-2018, u jenfasizza li hija meħtieġa ħidma kontinwa sabiex jiġu implimentati b’mod sinifikanti, bħala parti mill-kundizzjonalità tal-UE, li mingħajrha l-adeżjoni ma tirnexxix; jenfasizza l-importanza ta’ finanzjament xieraq għall-implimentazzjoni tajba tal-istrateġija; jenfasizza li r-rieda politika hija kruċjali biex jiġi stabbilit rekord b'saħħtu ta' investigazzjoni u kundanni fil-kawżi ta' korruzzjoni b'viżibbiltà għolja, inklużi l-24 kawża ta' privatizzazzjoni individwati mill-Kunsill ta' Kontra l-Korruzzjoni; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-ewwel riżultati u l-kundanni finali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza fl-istess ħin il-ħtieġa li tinbena l-kapaċità tal-istituzzjonijiet, li jissaħħu l-istat tad-dritt u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji, b'mod partikolari fil-korpi ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw każijiet kumplessi ta' korruzzjoni sistemika; iqis li l-kompetenza legali u r-riżorsi tal-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni għandhom jissaħħu; jenfasizza li l-finanzjament tal-partiti politiċi kollha jeħtieġ ikun trasparenti u konformi mal-istandards tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet jadottaw il-Liġi dwar l-Iżvelaturi (Whistleblowers) u jiżguraw l-implimentazzjoni immedjata u mingħajr xkiel tagħha bħala parti meħtieġa tal-Istrateġija ta’ Kontra l-Korruzzjoni;

15.  Jinnota li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma mifruxa fir-reġjun u jirrappreżentaw ukoll ostaklu għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tas-Serbja; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni mtejba bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun huma essenzjali biex dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati b’mod aktar effettiv;

16.  Jirrikonoxxi lin-nisa bħala aġenti importanti tal-bidla fis-soċjetà Serba; jinnota t-titjib fir-rappreżentanza tan-nisa fil-parlament wara l-elezzjoni tal-2012; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi biex jagħmlu aktar sforzi biex jiggarantixxu rappreżentazzjoni ugwali; jissottolinja l-fatt li n-nisa għadhom qed jaffaċjaw diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u f'setturi oħra tas-soċjetà, u li għadhom mhumiex irrappreżentati bis-sħiħ fil-ħajja politika tal-pajjiż, inkluż f'pożizzjonijiet governattivi; jissottolinja l-fatt li l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva għadhom sfidi ewlenin, u jħeġġeġ l-awtoritajiet Serbi jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jittrattaw dawn il-kwistjonijiet;

17.  Jistieden lill-awtoritajiet biex jiżguraw il-kredibbiltà u l-professjonalità tal-Programm tal-Protezzjoni tax-Xhieda (WPP) u biex jipprovdu riżorsi xierqa għal dan sabiex il-ġudikatura tkun tista’ tkompli b’mod effettiv il-proċedimenti tagħha dwar ir-reati tal-gwerra u l-kriminalità organizzata; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kien hemm numru ta' eks uffiċjali tal-pulizija li volontarjament għażlu li jibqgħu barra mill-WPP minħabba n-nuqqasijiet konsiderevoli tiegħu;

18.  Itenni bil-qawwa t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li tirrevoka t-22 kompetenza garantiti tal-Provinċja Awtonoma ta’ Vojvodina u tħalli numru preokkupanti ta’ kwistjonijiet mhux solvuti li jeħtieġu jiġu indirizzati; jappella, f'dan ir-rigward, li jintwera rispett għall-priċipji tal-istat tad-dritt u għas-sussidjarjetà; jerġa’ jfakkar lill-partijiet li, skont il-Kostituzzjoni, il-liġi dwar il-finanzjament tal-Provinċja Awtonoma kellha tkun adottata sa tmiem l-2008; iħeġġeġ lill-gvern, għalhekk, jissottometti din il-kwistjoni lill-parlament mingħajr aktar dewmien, peress li hija vitali għall-funzjonament tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fis-Serbja;

19.  Jissottolinja l-importanza ta’ djalogu soċjali kostruttiv għall-iżvilupp ekonomiku fis-Serbja; iħeġġeġ lill-gvern jippromwovi l-bini tal-kapaċitajiet għal unions u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi ġenwinament indipendenti u joħloq qafas u spazju politiku għal djalogu soċjali u ftehimiet kollettivi;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u l-protezzjoni fil-livelli kollha tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fuq kull bażi; jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija Kontra d-Diskriminazzjoni u jissottolinja l-fatt li l-implimentazzjoni tagħha hija kruċjali; jilqa’ l-progress li sar s’issa, iżda għadu mħasseb dwar il-livell ta’ diskriminazzjoni fil-pajjiż u jitlob għar-rispett tal-minoranzi kollha, fir-rigward tan-nazzjonalità, l-etniċità, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali u rigward is-sigurtà tad-drittijiet soċjoekonomiċi u kulturali; jinnota l-fatt li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kategoriji l-aktar esposti għad-diskriminazzjoni u l-prattiki diskriminatorji, bħar-Rom, in-nisa, il-persuni b’diżabbiltajiet u t-tfal; jitlob għall-implimentazzjoni xierqa tal-istrateġija dwar ir-Rom tas-Serbja; jitlob għal protezzjoni aħjar tad-drittijiet tan-nisa u għal politiki favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u jenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-inklużjoni ta' perspettiva dwar il-ġeneri fil-politiki kollha relevanti tal-gvern; jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-awtoritajiet li jipprojbixxu l-Parata "Gay Pride" ta’ Belgrad f’Settembru 2013 bħal ma ġara fis-sentejn preċedenti u jitlob li jingħata appoġġ politiku lid-drittijiet tal-bniedem għall-persuni LGBTI fuq l-ogħla livell politiku; jinsisti li d-dritt ta' assemblea pubblika għandu jiġi żgurat għaċ-ċittadini u għall-minoranzi kollha, inkluż il-minoranza LGBTI; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jiżviluppaw approċċ proattiv sabiex l-inklużjoni tal-popolazzjoni LGBTI tkun aktar effettiva; iħeġġeġ lill-gvern jintensifika l-isforzi matul is-sena biex jiġġieled b’mod komprensiv il-gruppi vjolenti li ppruvaw ifixklu u jattakkaw id-dimostrazzjonijiet paċifiċi tal-komunità LGBTI, sabiex jipprevjeni dawn il-gruppi milli jdgħajfu l-istat tad-dritt u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem fis-Serbja; jistieden ukoll lill-awtoritajiet Serbi jindirizzaw il-problema tal-konsegwenzi trawmatiċi tal-vjolenza tas-snin disgħin bħala parti minn strateġija fit-tul biex tipprevjeni r-rikorrenza tal-vandaliżmu u l-vjolenza u l-ksur tal-liġi;

21.  Jisħaq fuq ir-rwol ċentrali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi u indipendenti (OSĊ) għat-tisħiħ u l-konsolidament tal-proċessi politiċi demokratiċi fil-pajjiż; jirrikonoxxi x-xogħol importanti mwettaq mill-OSĊ u mill-organizzazzjonijiet tan-nisa fir-rigward tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBT, it-temma tal-vjolenza kontra n-nisa, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, l-isforzi lejn il-ħolqien tal-paċi u r-rwol tas-soċjetà ċivili bħala għassiesa; jissottolinja l-importanza ta' djalogu mal-OSĊ u jenfasizza r-rwol kruċjali tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-kontribut għal tisħiħ fil-kooperazzjoni reġjonali dwar kwistjonijiet soċjali u politiċi; jilqa’ l-kooperazzjoni mtejba tal-gvern mal-NGOs, iżda jistieden għal konsultazzjoni usa’ magħhom fit-tfassil tal-politika, inklużi l-formulazzjoni ta’ politiki u leġiżlazzjoni u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-awtoritajiet;

22.  Jitlob impenn politiku aktar b’saħħtu fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-isforzi biex tiġi stabbilita sistema bbażata fuq il-mertu, b’mod partikolari fl-iżgurar li jitlesta l-qafas leġiżlattiv u l-allinjament sħiħ tiegħu mal-istandards internazzjonali; jiddispjaċih li l-Liġi dwar l-Impjegati Ċivili ma tapplikax għall-awtoritajiet lokali;

23.  Jissottolinja l-fatt li s-Serbja rratifikat il-konvenzjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tax-xogħol tal-ILO, kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions għadhom limitati, minkejja l-garanziji kostituzzjonali, u jistieden lis-Serbja tkompli ssaħħaħ dawk id-drittijiet; huwa mħasseb dwar il-fatt li d-djalogu soċjali għadu dgħajjef u li l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali għadha irregolari; jitlob li jittieħdu aktar passi biex jissaħħaħ il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali biex jiġi żgurat li dan ikun jista’ jkollu parti attiva fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali u jiżvolġi rwol konsultattiv aktar attiv fit-tfassil tal-liġijiet;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata l-libertà tal-midja, u jilqa' f'dan ir-rigward id-depenalizzazzjoni tal-malafama; jinnota l-ħtieġa li jinżamm servizz tax-xandir pubbliku b'saħħtu u indipendenti u jiżgura l-finanzjament tiegħu b'mod stabbli u sostenibbli, kif ukoll biex jiżgura trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-midja; iħeġġeġ l-implimentazzjoni rapida tal-istrateġija dwar il-midja u l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni relatat, inkluż il-provvista bikrija ta’ aċċess wiesa' għall-internet ; jinsab imħasseb ħafna dwar it-theddid kontinwu kontra l-ġurnalisti u jtenni t-talba tiegħu li l-awtoritajiet itemmu l-investigazzjonijiet pendenti tal-ġurnalisti maqtula; iqis li għandhom jittieħdu passi oħra sabiex il-ġurnalisti jkollhom ambjent sikur biex iwettqu l-ħidma tagħhom b’mod effettiv u mingħajr awtoċensura; jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-periklu tal-użu ħażin tal-fondi pubbliċi fuq reklami li jeżerċitaw influwenza politika fuq il-fornituri tal-midja;

25.  Jistieden lill-Gvern Serb jaħdem dejjem iżjed mal-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jiżgura aċċess aħjar għall-fondi Ewropej li huma disponibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bil-għan li tiġi appoġġjata l-ħidma tagħhom bħala atturi essenzjali fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tas-Serbja;

26.  Jisħaq il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u jinkoraġġixxi l-formalizzazzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-uffiċjali u l-fornituri tas-servizzi fl-identifikazzjoni tal-vittmi u r-riferiment tagħhom lis-servizzi adattati;

27.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet biex ikomplu l-isforzi tagħhom sabiex jeliminaw l-effetti tas-servizzi sigrieti Komunisti preċedenti, bħala pass lejn id-demokratizzazzjoni tas-Serbja; jappella lis-Serbja tintensifika l-proċess ta' suċċessjoni u l-implimentazzjoni tal-obbligi relatati mad-diviżjoni ta' proprjetà, u l-ftehim dwar id-diviżjoni tal-arkivju komuni tal-eks Jugoslavja; itenni, f'dan ir-rigward, li aċċess sħiħ għall-materjali kollha tal-arkivji, b’mod speċjali dawk tas-Servizzi Sigrieti tal-eks Jugoslavja (UDBA) huwa ta’ importanza vitali; itenni l-istedina tiegħu biex l-awtoritajiet jiffaċilitaw l-aċċess għal dawk l-arkivji li jikkonċernaw l-eks repubbliki tal-Jugoslavja u biex dawn jingħataw lura lill-gvernijiet rispettivi tagħhom jekk jitolbuhom;

28.  Jistieden lill-Gvern Serb jippermetti li ssir riċerka dwar l-eks reġimi dittatorjali, jirriabilita b’mod politiku kif ukoll ġudizzjarju u jikkumpensa l-vittmi preċedenti u l-familji tagħhom li sofrew taħt dawk ir-reġimi bħala parti mill-isforzi biex isaħħaħ il-koeżjoni soċjali u jiżgura paċi u ġustizzja dejjiema fil-kuntest tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tas-Serbja;

29.  Jistieden għall-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni u tal-ftehimiet bilaterali u multilaterali dwar il-minoranzi nazzjonali u etniċi(6) b'mod ugwali, nondiskriminatorju u proporzjonali fil-pajjiż kollu; jappella lill-awtoritajiet jippromwovu klima ta' tolleranza u trattament ugwali, mingħajr diskriminazzjoni kontra minoranzi nazzjonali u etniċi, inkluż aċċess għal edukazzjoni fil-lingwa materna, u l-użu ta' lingwi fl-amministrazzjoni lokali u pubblika reġjonali; jappella wkoll għal titjib sabiex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni fil-liġijiet u fil-prattiki eżistenti li jikkonċernaw ir-restituzzjoni ta' proprjetà għal membri li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u etniċi; jissottolinja l-importanza tal-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali, ir-rwol tagħhom fl-integrazzjoni ta' minoranzi nazzjonali bħal fl-implimentazzjoni tad-drittijiet individwali u kollettivi ta' minoranzi nazzjonali, u jappella lill-awtoritajiet biex jipprovdu riżorsi finanzjarji adegwati u mingħajr interruzzjoni għall-ħidma tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw proċess elettorali mingħajr xkiel għall-elezzjoni tal-2014 għall-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-korpi indipendenti; jesprimi tħassib dwar l-interruzzjoni possibbli tax-xandir ta' programmi f'lingwi minoritarji minħabba l-privatizzazzjoni mħabbra tal-midja;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata b'aktar enerġija s-sitwazzjoni tal-irġiel u n-nisa Rom, li għadhom jaffaċċjaw kundizzjonijiet tal-għajxien diffiċli, tkeċċija bil-forza u diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jipprovdu aċċess għas-servizzi ta’ akkomodazzjoni u tal-kura tas-saħħa; jenfasizza l-ħtieġa għal armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni mal-politiki tal-UE u applikazzjoni ta’ approċċ olistiku lejn l-inklużjoni tar-Rom; jinnota wkoll il-ħtieġa għal monitoraġġ effettiv tal-miżuri ta’ inklużjoni sabiex jonqos id-distakk bejn il-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha;

31.  Jieħu nota tal-ħidma dwar l-emendar tal-Kodiċi Kriminali; jinnota, madankollu, li l-inċertezza legali tippersisti fis-settur privat wara l-emendi adottati; itenni t-tħassib tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 234 ġdid dwar abbuż ta' pożizzjonijiet responsabbli, li xorta jħalli lok għal interpretazzjoni arbitrarja, u jitlob li l-proċedimenti eżistenti mhux ġusti miġjuba taħt l-Artikolu 359 fis-settur privat jitwaqqfu minnufih, sabiex jerġa jidħol l-istat tad-dritt fil-pajjiż u tiġi introdotta ċertezza legali għall-komunità kummerċjali fis-Serbja;

32.  Jinsisti li l-istituzzjonijiet tal-istat għandhom jaġixxu f’mod trasparenti u responsabbli; ifaħħar ix-xogħol tal-korpi regolatorji indipendenti bħall-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Informazzjoni ta’ Importanza Pubblika u oħrajn, u jirrikonoxxi l-kontribut tagħhom għat-titjib tal-qafas legali u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-istat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħtu segwitu b’mod sistematiku għar-rakkomandazzjonijiet u s-sejbiet tagħhom;

33.  Jenfasizza l-benefiċċji tal-proċess tad-deċentralizzazzjoni u jħeġġeġ it-tisħiħ tal-kompetenza tal-awtoritajiet lokali; jiddispjaċih li l-Kunsill Nazzjonali għad-Deċentralizzazzjoni għadu mhux attiv; għadu partikolarment imħasseb dwar l-inċertezza legali tal-istatus ta' Vojvodina u d-dewmien fl-adozzjoni tal-Liġi dwar ir-riżorsi proprji ta' Vojvodina;

34.  Jilqa’ l-passi meħuda mill-awtoritajiet biex itejbu s-sitwazzjoni soċjoekonomika fil-Wied ta’ Preševo u Sandžak, iżda jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi għaliex dawn ir-reġjuni għadhom sottożviluppati b’mod sinifikanti u għad għandhom rata għolja ta’ qgħad; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-minoranzi etniċi Albaniżi u Bosnjaċi jkomplu jkunu sottorappreżentati fl-amministrazzjonijiet lokali; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħtu appoġġ b’saħħtu lil tali strateġiji ta’ żvilupp;

35.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva REKOM u jinkoraġġixxi bis-saħħa l-pajjiżi tal-eks Jugoslavja biex jistabbilixxu kummissjoni intergovernattiva li jkollha l-kompitu li tistabbilixxi l-fatti dwar il-vittmi u l-persuni neqsin tal-gwerer tal-1991-2001;

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni tas-Serbja mal-ICTY, li rriżultat f’konsenja tal-indagati kollha għal delitti tal-gwerra lit-Tribunal tal-Aja biex jiġu proċessati, pass importanti lejn l-integrazzjoni Ewropea; jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni mat-Tribunal u repubbliki oħra tal-eks Jugoslavja sabiex issir ġustizzja għall-vittmi u l-familji tagħhom;

37.  Jistieden lill-gvern isegwi r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport finali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari, lokali u dawk presidenzjali bikrin ta’ Mejju 2012, b’mod speċjali fir-rigward tar-riżoluzzjoni tat-tilwim elettorali, it-trasparenza tar-reġistrazzjoni tal-votanti, u l-finanzi politiċi, kif ukoll biex jikkonsolidaw u jarmonizzaw il-qafas legali għall-elezzjonijiet fis-Serbja, billi skont l-istandards internazzjonali, kull bidla għal-liġi elettorali għandha titwettaq ferm qabel kwalunkwe elezzjoni;

38.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal-liberalizzazzjoni tal-viżi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala pilastru importanti fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea għar-reġjun kollu, iżda fl-istess ħin huwa mħasseb ħafna dwar l-għadd dejjem jikber ta' persuni li qed ifittxu l-asil mingħajr bażi; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri ma jabbużawx mill-mekkaniżmu ta' sospensjoni tal-viżi adottat f'Settembru 2013, iżda minflok jindirizzaw din il-kwistjoni billi jadattaw l-oqfsa leġiżlattivi rispettivi tagħhom u s-Serbja tiġi nominata bħala "pajjiż ta' oriġini sikur", bħala l-miżura ewlenija fl-isforzi biex jitnaqqas l-għadd tal-applikanti li qed ifittxu l-asil mingħajr bażi; jitlob, fl-istess ħin, għal miżuri fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari miżuri soċjoekonomiċi mmirati għall-gruppi aktar vulnerabbli, kif ukoll għal miżuri attivi fil-ġlieda kontra n-netwerks tal-kriminalità organizzata involuti fit-traffikar;

39.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jsaħħu l-ġbir tat-taxxi u jmexxu politika fiskali responsabbli; jisħaq fuq il-fatt li r-riformi strutturali b'firxa estensiva għandhom jappoġġjaw il-konsolidazzjoni fiskali u għalhekk jinkoraġġixxi l-gvern biex iwettaq riformi strutturali ekonomiċi li suppost ilhom li saru, bħal-Liġi dwar l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni, sabiex jittejbu l-klima għall-investiment u l-kummerċ, jappoġġjaw aktar il-proliferazzjoni ta’ intrapriżi żgħar u medji, jiġġieldu l-livell għoli ta’ qgħad u faqar, b’mod speċjali fir-reġjuni li huma ppopolati l-aktar mill-minoranzi nazzjonali, u jwettqu riforma tal-pensjoni sabiex jintroduċu sistema tal-pensjoni sostenibbli; jinsisti fuq il-ħtieġa urġenti biex jiġu aboliti l-ostakoli amministrattivi għan-negozji u jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta’ ristrutturar ta' malajr tal-kumpaniji pubbliċi sabiex jonqsu t-telf u l-preżenza tal-istat fl-ekonomija; jistieden, għal dan il-għan, lill-awtoritajiet Serbi jippromwovu ekonomija tas-suq li tiffunzjona bis-sħiħ, jibnu bażi tat-taxxa b’saħħitha u jelaboraw strateġija għall-faqar bħala elementi prinċipali biex l-adeżjoni tas-Serbja mal-UE ssir vijabbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jikkonsultaw lis-soċjetà ċivili u l-komunità tan-negozju u jinkluduhom fi gruppi ta’ ħidma li jkunu qed jaħdmu fuq l-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni ġdida; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jirrestawraw il-fiduċja tan-negozju permezz ta’ riforma regolatorja u legali; jinnota li l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ riformi strutturali ekonomiċi se jgħinu jnaqqsu l-livell għoli ta’ migrazzjoni;

40.  Jilqa' l-ħidma li saret s'issa mill-Aġenzija għar-Restituzzjoni; jinkoraġġixxi r-restituzzjoni in natura kull meta din tkun meqjusa possibbli; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Ekonomija li jikkompila lista sħiħa ta’ proprjetà pubblika u tal-istat u b’hekk itemm l-akkwiżizzjoni illegali tagħha mill-interessi privati; jenfasizza li lista dettaljata ta’ proprjetà pubblika u tal-istat tibqa’ essenzjali għas-suċċess tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni sistemika minħabba l-lakuni wiesa’ bejn il-proprjetà tal-istat u pubblika reali u dik irreġistrata uffiċjalment;

41.  Jistieden lill-awtoritajiet jagħmlu kull sforz sabiex inaqqsu l-effetti ħżiena tal-politiki ekonomiċi, bħall-faqar, il-qgħad u l-esklużjoni soċjali, iżda anki biex jindirizzaw u jiġġieldu l-kawżi sottostanti tagħhom u jippromwovu l-iżvilupp;

42.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress u d-dewmien kontinwu fl-implimentazzjoni prattika tal-qafas tal-enerġija rinnovabbli; jinnota li s-Serbja għadha lura ħdejn pajjiżi applikanti oħra fl-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jesprimi t-tħassib li l-miri tal-enerġija rinnovabbli għall-2020 tas-Serbja mhux se jintlaħqu; jenfasizza l-ħtieġa għal trasparenza fil-proċessi ta’ konsultazzjoni tal-gvern u jiddispjaċih dwar in-nuqqas mill-awtoritajiet Serbi li jqisu l-fehmiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali fl-adozzjoni tal-Ftehim dwar il-Poter tal-Akkwist (PPA);

43.  Jiddispjaċih li sar ftit wisq progress fl-oqsma tal-ambjent u t-tibdil fil-klima u jistieden lill-awtoritajiet Serbi jadottaw malajr kemm jista’ jkun strateġija komprensiva dwar il-klima li tikkonforma mal-miri tal-UE;

44.  Jenfasizza li s-Serbja, kif ukoll il-bqija tal-pajjiżi fir-reġjun, fis-snin li ġejjin teħtieġ li timplimenta l-istandards ambjentali tal-UE u tadotta miri sabiex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, billi huma diġà adottaw miri għal enerġija rinnovabbli għall-2020; jinnota li fl-Istrateġija tal-Enerġija tal-Komunità tal-Enerġija adottata fl-2012, is-Serbja tindika pjanijiet sabiex iżżid il-produzzjoni tal-elettriku minn faħam f'impjanti ta' kombustjoni kbar, u jirrimarka li dan imur kontra t-tnaqqis pjanat tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Serbi jadottaw politika ta' enerġija konformi mal-miri tal-UE u, b'mod partikolari, jibbenefika mid-deċiżjoni reċenti tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) li jiffinanzja proġett ta' EUR 75 miljun imfassal sabiex jipprovdi linji ta' kreditu lill-banek lokali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex dawn jisilfuhom lil mutwatarji privati u muniċipali għal investimenti fl-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

45.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jtejbu l-politiki ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji tas-sikurezza tal-ikel ġenerali u l-istabbiliment ta’ laboratorju ta’ referenza nazzjonali; jiddispjaċih li l-liġi dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati għadha mhijiex allinjata mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

46.  Jappoġġja l-kampanja tal-awtoritajiet tal-Belt ta’ Belgrad biex Belgrad tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2020, u jinkoraġġixxi proġetti relatati bil-għan li Belgrad u s-Serbja kulturalment jitqarrbu aktar lejn l-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-koeżistenza interetnika, il-komprensjoni multikulturali u d-djalogu interreliġjuż;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.
(2) A/RES/64/298.
(3) ĠU L 334, 19.12.2007, p. 46.
(4) ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0434.
(6) Is-Serbja tirrikonoxxi l-minoranzi nazzjonali u etniċi li ġejjin: Albaniżi, Bosniaċi, Bulgari, Bunjevċi, Kroati, Ċeki, Ġermaniżi, Gorani, Ungeriżi, Maċedoni, Rom, Rumeni, Rusini, Slovakki, Ukraini, Vlaki u oħrajn.

Avviż legali - Politika tal-privatezza