Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar ir-Rapport ta' progress tal-2012 dwar l-Islanda u l-prospettivi postelettorali (2013/2932(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 li jinbdew negozjati ta' adeżjoni mal-Islanda,
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza ta' Adeżjoni mal-Islanda,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem "L-Istrateġija ta' Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2012-2013" (COM(2012)0600) u r-Rapport ta' Progress tal-2012 dwar l-Islanda adottat fl-10 ta' Ottubru 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Islanda, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea(1), ir-riżoluzzjoni tas-7 ta' April 2011 dwar ir-rapport ta' progress tal-2010 dwar l-Islanda(2) u r-riżoluzzjoni tal-14 ta' Marzu 2012 dwar ir-rapport ta' progress tal-2011 dwar l-Islanda(3),
– wara li kkunsidra l-ftehim tal-14 ta' Jannar 2013 dwar it-tmexxija tan-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea fil-fażi ta' qabel l-elezzjonijiet parlamentari, u l-pjattaforma governattiva tat-22 ta' Mejju 2013 organizzata mill-Partit Progressista u mill-Partit Indipendentista,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-13 ta' Ġunju 2013 mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Islanda, Gunnar Bragi Sveinsson, u mill-Kummissarju responsabbli għat-Tkabbir u l-Politika Ewropew tal-Viċinat, Štefan Füle,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Islanda tissodisfa l-kriterji ta’ Kopenħagen, u n-negozjati dwar l-adeżjoni mal-Islanda bdew fis-27 ta’ Lulju 2010 wara l-approvazzjoni mill-Kunsill;
B. billi nfetħu għan-negozjati 27 kapitolu, li minnhom 11 ingħalqu fuq bażi provviżorja;
C. billi l-gvern Islandiż elett reċentement issospenda l-proċess ta' adeżjoni u billi qed issir valutazzjoni tan-negozjati ta' adeżjoni u tal-iżviluppi fl-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' dibattitu fi ħdan l-Althingi dwar dawn il-kwistjonijiet;
D. billi l-Gvern tal-Islanda ddikjara li n-negozjati ta' adeżjoni mhumiex sejrin jissuktaw qabel ma jkun sar referendum pubbliku nazzjonali;
1. Jirrimarka li, konformement mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u wara votazzjoni favorevoli fi ħdan l-Althingi, il-gvern Islandiż applika għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea fis-17 ta' Lulju 2009;
2. Jilqa' l-prospett li, bħala Stat Membru ġdid tal-UE, ikollna pajjiż bi tradizzjoni demokratika li taħdem tajjeb u b'istituzzjonijiet u b'soċjetà ċivili b'saħħithom;
3. Jinnota li l-Islanda għandha kapaċità ġenerali tajba biex tadotta l-obbligi tas-sħubija, partikolarment fid-dawl tal-partiċipazzjoni tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea;
4. Jissottolinja t-tmexxija trasparenti u inklużiva tan-negozjati ta' adeżjoni u jilqa' l-ftuħ ta' 27 kapitolu tan-negozjati u l-għeluq provviżorju ta' 11 minnhom, fatt li juri l-progress pożittiv li sar fil-proċess ta' adeżjoni;
5. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bis-sħiħ li tissokta u tikkompleta l-proċess tan-negozjati ta' adeżjoni;
6. Jieħu nota li stħarriġiet reċenti tal-opinjoni pubblika juru li maġġoranza tal-Islandiżi jixtiequ li n-negozjati ta' adeżjoni jiġu kkompletati;
7. Jieħu nota li l-Island għadha kklassifikata bħala pajjiż applikant;
8. Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Gvern Islandiż li ma jistenniex tmiem in-negozjati ta' adeżjoni qabel ma jorganizza referendum; jistenna bil-ħerqa d-dibattitu parlamentari fl-Althingi dwar il-valutazzjoni tan-negozjati ta' adeżjoni u l-iżviluppi fl-Unjoni Ewropea, u r-rieżami ta' dawn il-kwistjonijiet mill-Althingi; joffri l-assistenza fit-tħejjija ta' tali valutazzjoni; jittama li l-valutazzjoni rilevanti tkun tista' tiġi ffinalizzata fil-waqt u jistenna deċiżjonijiet ulterjuri dwar it-triq li għandha tiġi segwita, inkluża deċiżjoni dwar jekk għandux isir referendum dwar l-issuktar tan-negozjati ta' adeżjoni;
9. Jittama li r-referendum jiġi organizzat fi żmien prevedibbli;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Althingi u lill-Gvern tal-Islanda.