Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar (2013/2994(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tiegħu,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 9, 14, 151, u 153 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 34 u 36 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bl-isem "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali" (COM(2010)0758),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-22 ta’ April 2008 dwar it-tmiem tal-problema ta’ persuni bla djar li jgħixu fit-toroq(2),
– wara li kkunsidra l-konferenza ta' kunsens Ewropew ta’ Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-istrateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar(3),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bl-isem "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020" (COM(2013)0083),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bl-isem “Confronting Homelessness in the European Union” (SWD(2013)0042),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(4),
– wara li kkunsidra s-sitt prinċipji li ntlaħaq ftehim dwarhom matul il-laqgħa ta' diskussjoni tal-Ministri dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar, li saret f'Leuven fl-1 ta' Marzu 2013 fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Irlandiża,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-bnedmin kollha jitwieldu liberi, b’dinjità u drittijiet indaqs, u hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jippromwovu u jiggarantixxu dawn id-drittijiet;
B. billi l-problema ta’ persuni mingħajr dar tikkostitwixxi ksur tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-akkomodazzjoni hija bżonn uman bażiku u prekundizzjoni għal ħajja diċenti u għall-inklużjoni soċjali;
C. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar saret prijorità tal-politika tal-UE dwar il-faqar fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva emblematika tagħha Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, kif ukoll fil-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-UE; billi madankollu, il-livelli attwali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali qed jipperikolaw l-ilħuq tal-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 li l-għadd ta' persuni li qed jgħixu fil-faqar u li huma soċjalment esklużi jew li jinsabu f'riskju li jispiċċaw f'dawn is-sitwazzjonijiet jonqos b'tal-anqas 20 miljun;
D. billi l-problema ta’ persuni mingħajr dar tirrappreżenta l-aktar forma estrema ta’ faqar u privazzjoni, u kompliet tikber f’dawn l-aħħar snin tista’ tgħid fl-Istati Membri kollha;
E. billi l-Istati Membri li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi ekonomika u finanzjarja qed jaraw żieda bla preċedent fil-problema ta' persuni mingħajr dar;
F. billi l-profili soċjali u familjari tal-persuni li jużaw l-akkomodazzjoni soċjali nbidlu, u billi issa hemm domanda akbar għal akkomodazzjoni ta' dan it-tip;
G. billi f'uħud mill-Istati Membri hemm nuqqas ta' faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali flimkien ma' ħtieġa dejjem tikber ta’ akkomodazzjoni finanzjarjament aċċessibbli;
H. billi għadd ta’ korpi tal-UE bħall-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO), il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Parlament appellaw lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija tal-UE dwar il-problema ta’ persuni mingħajr dar jew xi ħaġa simili;
I. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar hija min-natura tagħha stess problema b'bosta aspetti u teħtieġ rispons politiku b'bosta aspetti;
J. billi kulma jmur hemm aktar evidenza li turi li l-approċċi mmexxija mill-akkomodazzjoni fir-rigward tal-problema ta' persuni mingħajr dar huma dawk l-aktar effettivi;
K. billi l-problema ta' persuni mingħajr dar tirċievi enfasi akbar fil-qafas tas-Semestru tal-UE, fejn xi Stati Membri jinkludu l-problema ta' persuni mingħajr dar bħala prijorità ta’ kontra l-faqar fi ħdan il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom għall-2012 u l-2013;
L. billi l-qafas ta' politika attwali tal-UE u r-realtà soċjali konkreta qed iwittu t-triq lejn azzjoni msaħħa u aktar ambizzjuża dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar fil-livell tal-UE;
M. billi l-Istati Membri tal-UE għandhom l-aktar sistema ta’ protezzjoni soċjali avvanzata fid-dinja, bl-ogħla kontribuzzjonijiet għall-benefiċċji soċjali għaċ-ċittadini;
N. billi r-responsabbiltà immedjata sabiex tiġi indirizzata l-problema ta' persuni mingħajr dar hija f'idejn l-Istati Membri, u b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u billi strateġija tal-UE għandha rwol kumplementari xi twettaq;
O. billi huwa possibbli li jkun hemm rwol aktar b'saħħtu għall-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma attwali ta' kompetenza tagħha u b'rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà;
P. billi għadd dejjem jiżdied ta' Stati Membri għandhom strateġija olistika għall-problema ta' persuni mingħajr dar u jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni Ewropea sabiex jiżviluppaw ulterjorment il-politiki tagħhom;
Q. billi l-faqar mhuwiex delitt u billi l-problema ta' persuni mingħajr dar la hija delitt u lanqas għażla ta' stil ta' ħajja;
1. Jindika li bosta persuni mingħajr dar ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja u jkollhom bilfors jgħixu f'kundizzjonijiet inumani;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mingħajr aktar dewmien strateġija tal-UE għall-problema ta’ persuni mingħajr dar skont kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2011 dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar u fi proposti minn istituzzjonijiet u korpi tal-UE oħrajn;
3. Iqis li Strateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar għandha tirrispetta bis-sħiħ it-Trattat, li jistipula "r-rwol essenzjali u d-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkunu qrib kemm jista' jkun tal-ħtiġijiet tal-utenti"; iqis li r-responsabbiltà għall-ġlieda kontra l-problema ta' persuni mingħajr dar hija tal-Istati Membri u li għaldaqstant strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar għandha tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jieħdu fuqhom din ir-responsabbiltà bil-mod l-aktar effettiv possibbli filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' esperti ta' livell għoli biex jappoġġaha fit-tħejjija u l-iżvilupp ulterjuri ta' strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar;
5. Jistieden lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni dovuta lill-problema ta' persuni mingħajr dar fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri fejn teżisti ħtieġa urġenti ta’ progress fil-qasam tal-problema ta' persuni mingħajr dar; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu l-inklużjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom;
6. Jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar data komprensiva u li tista' titqabbel dwar il-problema ta’ persuni mingħajr dar mingħajr ma jiġu stigmatizzati l-persuni li jinsabu mingħajr dar; jenfasizza li l-ġbir tad-data huwa prekundizzjoni għall-iżvilupp ta’ politiki effiċjenti li finalment iwasslu għall-qerda tal-problema ta’ persuni mingħajr dar;
7. Jiqa’ d-dispożizzjonijiet fir-Regolament il-ġdid tal-Fond Soċjali Ewropew rigward l-istabbiliment ta’ indikaturi għall-monitoraġġ tal-effettività tal-investimenti fir-rigward tal-persuni mingħajr dar jew tal-persuni milquta mill-esklużjoni f’dik li hi akkomodazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal ta’ dawn l-għodod ġodda;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-programm EaSI (il-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali) bħala l-għajn ewlenija ta' finanzjament għal strateġija tal-UE għall-finanzjament ta' riċerka u skambji transnazzjonali, u biex tibni ulterjorment il-kooperazzjoni tagħha mal-partijiet interessati Ewropej ewlenin;
9. Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-problema ta’ persuni mingħajr dar fl-oqsma ta’ politika tal-UE rilevanti kollha;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq dawn it-temi ta' prijorità li ġejjin għal strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar:
–
approċċi għall-problema ta' persuni mingħajr dar immexxija mill-akkomodazzjoni jew li jkollhom l-akkomodazzjoni bħala l-ewwel prijorità;
–
il-problema ta' persuni mingħajr dar fil-livell transkonfinali;
–
il-kwalità tas-servizzi għall-persuni mingħajr dar;
–
il-prevenzjoni milli wieħed jispiċċa mingħajr dar;
–
iż-żgħażagħ mingħajr dar;
11. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar il-persuni mingħajr dar għall-elementi ewlenin ta’ strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar, u b'mod partikolari jenfasizza l-elementi li ġejjin:
–
il-monitoraġġ Ewropew fuq bażi regolari tal-problema ta' persuni mingħajr dar;
–
ir-riċerka u l-iżvilupp tal-għarfien dwar il-politiki u s-servizzi li jirrigwardaw il-problema ta' persuni mingħajr dar;
–
l-innovazzjoni soċjali fil-politiki u s-servizzi li jirrigwardaw il-problema ta' persuni mingħajr dar;
12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw akkomodazzjoni soċjali u finanzjarjament aċċessibbli adattata għall-individwi l-aktar vulnerabbli bil-ħsieb li tiġi evitata l-esklużjoni soċjali u l-problema ta' persuni mingħajr dar;
13. Jistieden lill-Istati Membri ma jiksrux it-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jirrispettaw bis-sħiħ kull ftehim li ffirmaw, inklużi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tan-NU u l-Karta Soċjali riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa;
14. Jistieden lill-Istati Membri biex immedjatament itemmu l-kriminalizzazzjoni tal-persuni mingħajr dar u jbiddlu l-prattiki diskriminatorji li jintużaw biex il-persuni mingħajr dar jiġu pprevenuti milli jkollhom aċċess għas-servizzi soċjali u għall-kenn;
15. Jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), kif ukoll programmi oħra bħalma hu l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), biex itejbu s-sitwazzjoni tal-persuni mingħajr dar u joħolqu triq għall-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol;
16. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Presidenza tal-UE jagħmlu laqgħat ta' diskussjoni Ewropej fuq bażi regolari tal-Ministri tal-UE responsabbli mill-problema ta' persuni mingħajr dar, kif ingħata bidu mill-Presidenza Irlandiża tal-UE f'Marzu 2013; jistieden lill-Kummissjoni tagħti appoġġ prattiku u finanzjarju għal din il-laqgħa;
17. Jistieden lill-Istati Membri japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom bil-għan li jsaħħu t-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki u jiżviluppaw approċċ ta’ politika komuni;
18. Jistieden lill-Istati Membri japplikaw approċċ olistiku fl-iżvilupp ta' strateġiji komprensivi dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar, strateġiji li jkunu mmexxija mill-akkomodazzjoni u li jinkludu enfasi qawwija fuq il-prevenzjoni;
19. Jemmen li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali tagħhom, b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-kerrejja, għandhom jimplimentaw politiki ta' prevenzjoni effettivi biex inaqqsu r-rata ta' żgumbramenti;
20. Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jintroduċi rakkomandazzjoni dwar garanzija li tiżgura li ħadd fl-UE ma jkun kostrett jorqod barra minħabba nuqqas ta' servizzi (ta' emerġenza);
21. Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu skont il-prattika nazzjonali mal-organizzazzjonijiet rilevanti tal-għajnuna biex jipprovdu pariri u akkomodazzjoni lill-persuni mingħajr dar;
22. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi miġġielda kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra persuni mingħajr dar u l-emarġinazzjoni ta’ komunitajiet sħaħ;
23. Jenfasizza li l-konkretizzazzjoni tad-dritt għal akkomodazzjoni huwa kritiku għat-tgawdija ta' firxa sħiħa ta' drittijiet oħra, inklużi għadd ta’ drittijiet politiċi u soċjali;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u lill-Kunsill tal-Ewropa.