Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tal-oppożizzjoni fil-Kambodja u fil-Laos (2014/2515(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja u l-Laos,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Lokali tal-UE tal-4 ta' Jannar 2014 dwar il-vjolenza li tikkaratterizza t-tilwim industrijali u tat-23 ta' Settembru 2013 dwar il-leġiżlatura l-ġdida fil-Kambodja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli Catherine Ashton wara l-elezzjonijiet fil-Kambodja fid-29 ta' Lulju 2013,
– wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tal-5 ta’ Awwissu 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2013 'Bittersweet harvest – A human rights impact assessment of the European Union’s Everything But Arms initiative in Cambodia' minn Equitable Cambodia and Inclusive Development International,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Diċembru 2012 mill-kelliem tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar l-għejbien ta' Sombath Somphone fil-Laos,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mis-Sħab għall-Iżvilupp Ewropej fid-19 ta' Novembru 2013 fil-laqgħa ta' diskussjoni organizzata mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos tal-1 ta’ Diċembru 1997,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għejbien Furzat u d-Dikjarazzjoni tan-NU tat-18 ta' Diċembru 1992 dwar il-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għejbien Furzat,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Il-Kambodja
A. billi fit-3 ta' Jannar 2014, f'dimostrazzjonijiet paċifiċi mill-ħaddiema tal-industrija tat-tessuti għaż-żieda fil-pagi li saru vjolenti, il-forzi tas-sigurtà fetħu n-nar b'munizzjoni attiv fuq dimostranti, fejn inqatlu ħames persuni u ġew midruba aktar minn tletin; billi fl-4 ta' Jannar 2014 il-forzi tas-sigurtà żgombraw b'mod furzat Freedom Park, fejn kienu miġbura l-attivisti tal-oppożizzjoni;
B. billi 23 persuna, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġew arrestati matul l-avvenimenti riċenti u allegatament issawtu u ġew ttorturati;
C. billi t-tensjoni, li eskalat bil-preżenza tal-pulizija, irriżultat f'projbizzjoni tad-dimostrazzjonijiet;
D. billi d-dritt għal-libertà ta' assemblea paċifika huwa stabbilit fil-kostituzzjoni tal-Kambodja, fl-Artikolu 20 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 21 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;
E. billi l-mexxejja tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP) Sam Rainsy u Kem Sokha ġew mitluba jidhru quddiem il-Qorti Muniċipali ta' Phnom Penh fl-14 ta' Jannar 2014 għal interrogazzjoni; billi Sam Rainsy and Kem Sokha jistgħu jinsabu ħatja ta' inċitament ta' nkwiet ċivili;
F. billi l-awtoritajiet ma ħadux il-miżuri meħtieġa kollha biex jindirizzaw uħud min-nuqqasijiet prinċipali tal-proċess elettorali bħal pereżempju t-titjib fl-affidabbiltà tal-lista tal-votanti, l-iżgurar tal-aċċess ekwu għall-midja u l-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi tal-istat, inklużi l-kampanji mill-ħaddiema taċ-ċivil u l-militar;
G. billi r-Re ta amnestija lil Sam Rainsy fl-14 ta' Lulju 2013, li ppermettietlu jirritorna lejn il-Kambodja; billi, madankollu, ma ngħatax lura d-dritt tal-vot u li joħroġ għall-elezzjonijiet;
H. billi f'Settembru 2013, wara li tħabbru r-riżultati elettorali, is-CNRP nieda tlett ijiem ta' dimostrazzjonijiet tal-massa mhux vjolenti kontra r-riżultat uffiċjali tal-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali; billi b'risposta għal dawn il-protesti paċifiċi l-gvern uża għadd kbir ta' pulizija u ġendarmi armati;
I. billi kien hemm intimidazzjoni kontinwa kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fil-forma ta' arresti arbitrarji jew kundanni fuq akkużi foloz jew esaġerati għall-eżerċizzju paċifiku tad-drittijiet tal-bniedem; billi tiddomina klima ta' impunità għal tali atti;
J. billi l-Kambodja kellha tiffaċċja sfidi serji fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tagħha, partikolarment minħabba l-esproprjazzjonijiet sistematiċi tal-art u l-korruzzjoni mill-gvern, il-partit fil-gvern u l-atturi privati b'appoġġ u protezzjoni uffiċjali;
K. billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja se jagħmel żjara uffiċjali lill-pajjiż mit-12 sas-17 ta' Jannar 2014;
L. billi l-UE hija l-uniku u l-akbar donatur ta' għajnuna lill-Kambodja;
M. billi bosta kumpaniji internazzjonali, inklużi kumpaniji Ewropej, allegatament kienu involuti fil-ksur tad-dritt tal-art, speċjalment fis-settur taz-zokkor, u billi f'Novembru 2013 il-Coca Cola wegħdet 'tolleranza żero' għall-iżgumbrament tal-art mhux ikkumpensat;
Il-Laos
N. billi Sombath Somphone, attivist tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent u kap tas-soċjetà ċivili, kopresident tad-disa' Forum tal-Poplu Asja-Ewropa li sar fi Vientiane f'Ottubru tal-2012 qabel id-disa' Summit tal-ASEM, allegatament kien vittma ta' għejbien furzat fil-15 ta' Diċembru 2012 fi Vientiane; billi l-familja ta’ Sombath Somphone ma kinitx kapaċi ssib fejn jinsab minn dakinhar, minkejja l-appelli ripetuti lill-awtoritajiet lokali u t-tiftix fiż-żona tal-madwar;
O. billi matul iż-żjara tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja u tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) fil-Laos fit-28 ta' Ottubru 2013, l-għejbien ta' Sombath Somphone kien irrappurtat lill-awtoritajiet tal-Laos;
P. billi mistoqsijiet kruċjali marbuta mal-każ, inkluż jekk saritx investigazzjoni jew le, jibqgħu mhux solvuti aktar minn sena wara l-għejbien tiegħu u l-awtoritajiet tal-Laos ma aċċettawx għajnuna minn pajjiżi barranin għall-investigazzjoni dwar l-għejbien;
Q. billi s-sħab Ewropej tal-Laos iqisu li l-għejbien mhux spjegat ta' Sombath Somphone huwa kwistjoni serja ħafna u li d-dikjarazzjonijiet li saru mill-gvern b'rabta ma' dan il-każ la huma suffiċjenti u lanqas konvinċenti;
R. billi fil-15 ta' Diċembru 2013 62 NGO talbu li ssir investigazzjoni ġdida dwar l-għejbien tiegħu; billi fis-16 ta' Diċembru 2013 il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għejbien Furzat jew Involontarju ħeġġeġ lill-Gvern tal-Laos jagħmel dak li jista' biex isib lil Sombath Somphone, ikun stabbilit x'ġara minnu u fejn jinsab, u biex dawk li għamlu r-reat jinżammu responsabbli;
S. billi hemm bosta każijiet oħra ta' għejbien furzat; billi sal-lum għadu mhux magħruf fejn jinsabu disa' persuni oħra – żewġ nisa, Kingkeo u Somchit, u sebat irġiel, Soubinh, Souane, Sinpasong, Khamsone, Nou, Somkhit u Sourigna – li nżammu arbitrarjament mill-forzi tas-sigurtà tal-Laos f'Novembru 2009 f'bosta postijiet madwar il-pajjiż;
T. billi, f'dawn l-aħħar snin, il-Laos kellu l-aktar tkabbir ekonomiku rapidu fix-Xlokk tal-Asja u l-ħidma tas-soċjetà ċivili hija fundamentali biex ikun żgurat li d-drittijiet tal-bniedem ma jingħatawx il-ġenb tul l-iżvilupp rapidu tal-Laos;
Il-Kambodja
1. Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jikkundanna l-użu sproporzjonat u eċċessiv tal-forza min-naħa tal-forzi tas-sigurtà fil-Kambodja, li wassal għal telf ta' ħajjiet u ħalla persuni midruba;
2. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kambodja jeżerċitaw trażżin fil-konfront tad-dimostranti u jfakkar li kull użu tal-forza min-naħa tal-uffiċjali għandu jkun suġġett għall-prinċipji tal-legalità, in-neċessità u l-proporzjonalità;
3. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kambodja jirrilaxxaw immedjatament it-23 persuna arrestati inġustament;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kambodja biex dawk responsabbli għall-imwiet u għall-persuni li ndarbu fost id-dimostranti paċifiċi jiġu investigati bir-reqqa u jagħtu kont ta' għemilhom;
5. Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tal-oppożizzjoni fil-Kambodja; jikkundanna l-akkużi, is-sentenzi u l-kundanni kollha motivati politikament kontra kritiċi politiċi, politiċi tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tal-art fil-Kambodja; jenfasizza li l-awtoritajiet iridu jiżguraw li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-individwi u tal-organizzazzjonijiet li jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt li wieħed jikkritika u joġġezzjona b'mod paċifiku l-politiki tal-gvern permezz ta' assemblej u strajks ta' protesta pubblika;
6. Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jsaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jirrevoka immedjatament il-projbizzjoni tal-assemblej pubbliċi;
7. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jirrikonoxxi r-rwol leġittimu li għandha l-oppożizzjoni politika biex tikkontribwixxi lejn l-iżvilupp ekonomiku u politiku ġenerali tal-Kambodja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kambodja jwaqqgħu immedjatament it-taħrikiet maħruġa għall-mexxejja tal-partit CNRP, Sam Rainsy u Kem Sokha, u l-mexxej tal-unjin Rong Chhun tal-Assoċjazzjoni Indipendenti tal-Għalliema tal-Kambodja (CITA) u l-Konfederazzjoni tal-Unjins tal-Kambodja (CCFU);
8. Jinnota bi tħassib it-tilwim li għaddej dwar allegati irregolaritajiet fil-proċess elettorali; jistieden lill-partiti politiċi jaħdmu flimkien biex jidentifikaw kull żball li kien hemm u jiftiehmu dwar miżuri li jtejbu l-proċess elettorali, b'mod partikolari riforma fil-lista tal-votanti, l-aċċess għall-midja u r-rappurtar bilanċjat, il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali, kif ukoll dwar riformi strutturali f'oqsma li se jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp fuq perjodu ta' żmien itwal fil-Kambodja, inklużi r-riforma ġudizzjarja, ir-riforma tal-Assemblea Nazzjonali u sforzi oħra li jagħtu spinta lill-governanza tajba u lid-demokrazija;
9. Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jippermetti investigazzjoni indipendenti u akkumpanjata minn għajnuna internazzjonali dwar allegazzjonijiet ta' frodi fil-votazzjonijiet u irregolaritajiet oħra fl-elezzjonijiet ta' Lulju 2013;
10. Jistieden lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kambodja jgħaddu u jimplimentaw liġijiet biex jiżguraw li s-sistema ġudizzjarja tiffunzjona b'mod indipendenti mill-kontroll politiku u l-korruzzjoni;
11. Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jistabbilixxi Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, jikkoopera bis-sħiħ mal-proċeduri speċjali tan-NU u jippermetti partikolarment żjara tar-Rapporteur Speċjali għall-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati u tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet għal-libertà ta' assemblea paċifika u ta' assoċjazzjoni;
12. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jwaqqaf l-iżgumbramenti furzati kollha u jintroduċi u jinforza moratorju dwar l-iżgumbramenti fil-Kambodja sakemm ikunu stabbiliti qafas ġuridiku trasparenti bbażat fuq għoti ta' rendikont u politiki rilevanti bil-ħsieb li jkun żgurat li l-iżgumbramenti jitwettqu biss skont l-istandards internazzjonali; jistieden lill-kumpaniji nazzjonali ma jibbenefikawx direttament minn dawn l-iżgumbramenti furzati li saru mingħajr kumpens ġust;
13. Jilqa' ż-żjara tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja mit-12 sas-17 ta' Jannar 2014 u jitlob lill-Gvern tal-Kambodja jimxi mar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti tar-Rapporteur;
14. Jilqa' inizjattivi bħall-Inizjattiva għat-Trasparenza fl-Industriji tal-Ħwejjeġ (GITI) imnedija riċentament, maħluqa bħala approċċ konġunt mill-gvernijiet, is-settur tan-negozju u s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kemm ta' produzzjoni kif ukoll ta' konsum u li għandha l-għan tilħaq ftehim dwar standards tax-xogħol komprensivi u immonitorjati b'mod konġunt;
15. Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u lill-kumpaniji Ewropej u multinazzjonali biex jappoġġjaw b'mod attiv din l-inizjattiva u oħrajn simili u biex jieħdu sehem fi prattiki korporattivi etiċi u soċjalment responsabbli, inklużi dawk li jiggarantixxu standards tax-xogħol u pagi għall-għajxien ġusti, li jirrikonoxxu d-dritt li wieħed jingħaqad f'unjin u jieħu sehem f'negozjar kollettiv, u jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol siguri u umani għall-ħaddiema kollha;
16. Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi, bħala kwistjoni ta' urġenza, dwar dak li nstab fil-valutazzjoni tal-impatt riċenti tad-drittijiet tal-bniedem dwar il-funzjonament tal-inizjattiva tal-UE Kollox ħlief Armi (EBA) fil-Kambodja u biex tikkunsidra tinkludi, fil-kriterji għall-esportaturi mill-pajjiżi l-inqas żviluppati li qed jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-privileġġi tal-EBA, obbligu li jixhed li dawn ma keċċewx nies minn arthom u djarhom mingħajr kumpens adegwat;
18. Jistieden lill-Gvern tal-Laos jikkjarifika fiex waslet l-investigazzjoni dwar fejn jinsab Sombath Somphane, iwieġeb il-bosta mistoqsijiet pendenti dwar l-għejbien ta' Sombath u jfittex u jaċċetta l-għajnuna ta' esperti forensiċi u tal-infurzar tal-liġi barranin;
19. Iqis li n-nuqqas ta' reazzjoni min-naħa tal-Gvern tal-Laos joħloq suspetti li l-awtoritajiet jistgħu jkunu involuti fir-rapiment tiegħu;
20. Itenni l-appell tiegħu lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli sabiex timmonitorja mill-qrib l-investigazzjonijiet tal-Gvern tal-Laos dwar l-għejbien ta' Sombath Somphone;
21. Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jippreżentaw il-każ ta' Sombath Somphane lill-Gvern tal-Laos; jenfasizza li l-għejbien furzat jibqa' ostakolu kbir għas-sħubija tal-Laos fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
22. Jistieden lill-Gvern tal-Laos iwettaq investigazzjoni bir-reqqa, imparzjali u effettiva dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' għejbien furzat, jindirizza r-ripressjoni li għaddejja tad-drittijiet ċivili u politiċi, inkluża l-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u ta' assemblea paċifika fil-Laos, jiżgura r-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti, il-minoranzi, u l-membri tas-soċjetà ċivili u jħares id-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin;
23. Jistieden lill-Gvern tal-Laos jirratifika mingħajr aktar dewmien il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni kollha kontra l-Għejbien Furzat, iffirmata fl-2008;
24. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Laos jiżguraw il-promozzjoni ta' riformi li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u jfakkar lil-Laos dwar l-obbligi internazzjonali li għandu skont it-trattati tad-drittijiet tal-bniedem li rratifika;
25. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-espropjazzjonijiet u l-iżgumbramenti furzati mingħajr kumpens u l-korruzzjoni fil-Laos;
o o o
26. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarjat ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Renju tal-Kambodja u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Laos.