Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2516(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B7-0034/2014

Dibattiti :

PV 16/01/2014 - 12.2
CRE 16/01/2014 - 12.2

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2014 - 13.2

Testi adottati :

P7_TA(2014)0045

Testi adottati
PDF 220kWORD 54k
Il-Ħamis, 16 ta' Jannar 2014 - Strasburgu
L-elezzjonijiet reċenti fil-Bangladexx
P7_TA(2014)0045RC-B7-0034/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar l-elezzjonijiet reċenti fil-Bangladexx (2014/2516(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-Bangladexx: id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet li jmiss(1), dik tat-23 ta' Mejju 2013 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza wara n-nirien fil-fabbriki u t-tiġrif ta' bini reċenti fil-Bangladexx(2), dik tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fil-Bangladexx(3) u dik tas-17 ta' Jannar 2013 dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-Elezzjonijiet Leġiżlattivi fil-Bangladexx fid-9 ta' Jannar 2014 u d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton f'isem dwar it-tħejjijiet għal elezzjonijiet ġenerali fil-Bangladexx fit-30 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Portavuċi tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjoni fil-Bangladexx tal-20 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, Navi Pillay, bl-isem "Manuvri politiċi ta' sogru li qed iġibu l-Bangladexx f'xifer l-irdum" tal-1 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-5 ta' Jannar 2014 fil-Bangladexx saru elezzjonijiet ġenerali taħt l-awspiċju ta' gvern interim immexxi mill-Prim Ministru ta' dari u tal-lum Sheikh Hasina, li kienet warrbet is-sistema tradizzjonali tal-Bangladexx ta' gvern newtrali u purament amministrattiv permezz tal-15-il emenda għall-Kostituzzjoni fl-2011;

B.  billi s-sena li għaddiet kienet, skont rapporti, l-aktar sena vjolenti fl-istorja tal-Bangladexx mill-indipendenza 'l hawn, u partikolarment il-fażi preelettorali u dik elettorali fil-Bangladexx kienu mgħarrqa bi vjolenza mifruxa, bi mblokki, bi strajkijiet u b'intimidazzjoni tal-votanti orkestrati primarjament mill-oppożizzjoni, u b'aktar minn 300 ruħ li sfaw maqtula mill-bidu tal-2013 'il hawn, fosthom 18-il ruħ dakinhar tal-elezzjoni, bir-riżultat li l-ekonomija fraġli tal-Bangladexx ġiet paralizzata;

C.  billi l-elezzjonijiet kienu bbojkottjati mill-alleanza tal-oppożizzjoni mmexxija mill-BNP (Bangladesh Nationalist Party), li kienet insistiet fuq li jkun hemm gvern amministrattiv "mhux partitiku", u rriżultaw f'rebħa għall-Awami League fil-gvern, fil-parti l-kbira bl-ebda oppożizzjoni, b'aktar minn nofs il-kostitwenzi mhux ikkontestati u b'parteċipazzjoni baxxa ħafna tal-votanti; billi l-Kummissjoni Elettorali rrappurtat li kellha tissospendi l-votazzjoni f'aktar minn 300 post tal-votazzjoni, minħabba l-vjolenza;

D.  billi ż-żewġ partiti ewlenin tal-Bangladexx għandhom tradizzjoni twila ta' konfrontazzjoni bla kompromessi u ta' nuqqas ta' fiduċja reċiproka, li tissogra li tipperikola l-progress impressjonanti li l-Bangladexx għamel fil-qasam soċjali u f'dak ekonomiku tul dawn l-aħħar għaxar snin,

E.  billi l-missjoni tan-NU mmexxija minn Óscar Fernández-Taranco, li kienet intiża biex tinnegozja kompromess, ikkonkludiet iż-żjara tagħha ta' ħamest ijiem fil-5 ta' Ottubru 2013 bla ma rnexxielha tavvanza;

F.  billi s-Segretarju Ġenerali Ban-Ki Moon qal li kien iddispjaċieh li l-partiti ma kinux laħqu ftehim qabel l-elezzjonijiet, u talab li n-naħat kollha jiżguraw klima paċifika "li fiha n-nies ikunu jistgħu jħarsu d-dritt tagħhom għall-għaqda u l-espressjoni";

G.  billi l-UE mal-Bangladexx għandha relazzjonijiet tajbin u li jmorru lura żmien twil, anke permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp, billi, madankollu, ma bagħtitx missjoni ta' osservazzjoni elettorali fil-pajjiż, minħabba li, fl-assenza ta' kandidati tal-oppożizzjoni, ma kinux issodisfati l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet rappreżentattivi;

H.  billi l-Kummissjoni elettorali tal-Bangladexx iddikjarat li l-elezzjonijiet kienu liberi, ġusti u kredibbli, u billi l-gvern il-ġdid assuma l-kariga, taħt it-tmexxija ta' Sheikh Hasina, Prim Ministru ta' dari u ġdida; billi l-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet ta' dan l-aħħar kienet baxxa ħafna, 40 % skont ċifri tal-gvern, 20 % skont id-diplomatiċi bbażati f'Daka, u terġa' saħansitra anqas minn hekk skont rappreżentanti tal-oppożizzjoni;

I.  billi l-libertà ta' moviment tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, Khaleda Zia, sfat ristretta, u billi membri prominenti oħra tal-BNP dan l-aħħar sfaw arrestati u bosta partitarji tal-BNP rappurtatament qed jinħbew għax jibżgħu li jkunu fil-mira ta' rappreżalji;

J.  billi l-oppożizzjoni tal-BNP qed tissokta l-kooperazzjoni tagħha mal-Jamaat-e-Islami flimkien mal-grupp estremista Hafezat-e-Islam, li jitqiesu li huma l-istigaturi ewlenin tal-vjolenza;

K.  billi, fit-12 ta' Diċembru 2013, Abdul Quader Molla, mexxej prominenti tal-Jamaat-e-Islami, kien l-ewwel individwu li ġarrab il-piena tal-mewt għal delitti tal-gwerra kommessi tul il-gwerra tal-indipendenza tal-Bangladexx, u billi l-proċedimenti tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali (TKI) tal-pajjiż kienu kwistjoni taħraq ħafna fl-elezzjoni, b'sitta mis-seba' persuni li nstabu ħatja ta' delitti tal-gwerra mogħtija s-sentenza tal-mewt;

L.  billi, tul u wara l-elezzjoni, eluf ta' ċittadini minn gruppi ta' minoranza vulnerabbli, partikolarment il-Ħindu, ġarrbu attakki vjolenti u tkeċċew minn djarhom, skont ma ġie rrappuratat l-aktar minn militanti tal-Jamaat-e-Islami, parzjalment b'rabta mal-proċessi tat-TKI, għaliex bosta mix-xhieda tal-prosekuzzjoni huma Ħindu;

M.  billi tal-anqas xhud wieħed tat-TKI, Mustafa Howlader, inqatel f'daru fl-10 ta' Diċembru 2013;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta' qtil u vjolenza li faqqgħu madwar il-pajjiż kollu fil-perjodu ta' qabel l-elezzjonijiet ta' Jannar 2014 u waqthom, speċjalment attakki fuq minoranzi reliġjużi u kulturali u gruppi vulnerabbli oħra; jesprimi tħassib gravi dwar il-paralisi tal-ħajja ta' kuljum fil-Bangaldexx minħabba strajkijiet u mblokki u l-konfrontazzjoni bejn iż-żewġ naħat politiċi;

2.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex itemm minnufih kull metodu ta' repressjoni użat mill-forzi tas-sigurtà, inkluż l-isparar indiskriminat bil-munizzjon letali u t-tortura fil-kustodja, kif ukoll biex jeħles politiċi tal-oppożizzjoni li sfaw arrestati arbitrarjament; iħeġġeġ li jsiru investigazzjonijiet fil-pront, indipendenti u trasparenti dwar il-każijiet reċenti ta' mwiet bi vjolenza qabel u wara l-elezzjonijiet u li dawk responsabbli minnhom, inklużi dawk fis-servizzi tas-sigurtà, jitressqu quddiem il-qrati;

3.  Jisħaq fuq il-fama tal-Bangladexx bħala soċjetà tolleranti fi ħdan stat sekulari, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladexx biex jagħtu aktar protezzjoni lill-minoranzi etniċi u reliġjużi li jinsabu fir-riskju u jiżguraw prosekuzzjoni effikaċi tal-istigaturi kollha tal-vjolenza bejn il-komunitajiet;

4.  Jiddispjaċih sinċerament li l-Parlament tal-Bangladexx u l-partiti politiċi ma rnexxilhomx jilħqu qbil dwar mekkaniżmu inklussiv għall-elezzjonijiet, u b'urġenza jistieden lill-gvern u lill-oppożizzjoni biex iqiegħdu l-ewwel u qabel kollox l-aqwa interessi tal-Bangladexx u jaslu għal kompromess li lill-poplu tal-Bangaldexx jagħtih ċans jesprimi l-għażla demokratika tiegħu b'mod rappreżentattiv; jemmen li għandhom jitqiesu l-għażliet kollha, inkluża elezzjoni bikrija, jekk il-partiti politiċi huma lesti joħorġu għall-elezzjoni u joffru għażla lill-votanti;

5.  Jitlob li l-UE tuża kull mezz li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tassisti proċess bħal dan jekk issirilha talba f'dan is-sens, u li tagħmel użu sħiħ mir-riżorsi tagħha, partikolarment mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Istrument għall-Istabbiltà; jitlob ukoll li d-Direttorat għas-Sostenn tad-Demokrazija tiegħu jagħmel mill-Bangladexx punt fokali għall-attivitajiet tal-Uffiċċju għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari (OPPD);

6.  Jemmen li, f'ġieħ il-ġejjieni tal-Bangladexx, il-partiti li għandhom fama demokratika jeħtiġilhom jiżviluppaw kultura ta' rispett reċiproku; iħeġġeġ lill-BNP biex jitbiegħed bla ekwivoċi mill-Jamaat-e-Islami u mill-Hafezat-e-Islam;

7.  Jenfasizza li l-partiti li jirrikorru għal atti terroristiċi għandhom jiġu pprojbiti;

8.  Jirrikonoxxi li minkejja n-nuqqasijiet kunsiderevoli tiegħu, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali kellu rwol importanti biex il-vittmi u dawk milquta mill-gwerra ta' indipendenza tal-Bangladexx jingħataw rimedju u sens li l-hemmhom issa mitmum;

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar l-għadd dejjem jiżdied ta' individwi kkundannati għall-mewt fil-Bangladexx, apparti mis-sitt individwi li nqatgħetilhom sentenza mit-TKI, partikolarment is-sentenzi ta' piena tal-mewt lil 152 suldat involuti f'ammutinament vjolenti fl-2009 u l-eżekuzzjoni reċenti ta' Abdul Quader Molla; jistieden lill-gvern u lill-parlament biex jirrevokaw il-piena tal-mewt u jikkommutaw is-sentenzi tal-mewt kollha; jitlob lill-awtoritajiet, barra minn hekk, biex b'urġenza jistabbilixxu mekkaniżmu effikaċi ħalli jipproteġu lix-xhieda f'kawżi quddiem it-TKI;

10.  Jitlob ukoll li l-gvern jirrevedi l-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni kif ukoll l-Att dwar l-Antiterroriżmu, li fi żmien l-aħħar gvern saru aktar stretti u li jistgħu jwasslu biex ċittadini jisfaw kriminalizzati arbitrarjament;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0516.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0230.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0100.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0027.

Avviż legali - Politika tal-privatezza