Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Zbigniew Ziobro (2013/2189(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Zbigniew Ziobro, imressqa mill-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Polonja nhar l-24 ta' Ġunju 2013, b'rabta mal-proċediment kriminali pendenti quddiem il-Qorti Distrettwali taċ-Ċentru tal-Belt ta' Varsavja, Dipartiment V (Kriminali) [Riferenza Nru V K199/12], u mħabbra fis-seduta plenarja 9 Settembru 2013,
– wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ ta' Zbigniew Ziobro, skont l-Artikolu 7(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, l-10 ta' Lulju 1986, il-15 u l-21 ta' Ottobru 2008, id-19 ta' Marzu 2010 u s-6 ta' Settembru 2011(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(1) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0045/2014),
A. billi l-Prosekutur Pubbliku tar-Repubblika tal-Polonja talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Zbigniew Ziobro, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta ma' azzjoni legali dwar reat allegat;
B. billi t-talba tal-Prosekutur Pubbliku hija marbuta ma' reat soġġett għal prosekuzzjoni privata skont it-termini tal-Artikolu 212(1) u (2) tal-Kodiċi Kriminali Pollakk;
C. billi, skont it-termini tal-Artikolu 8 tal-Protokoll dwar il-privileġgi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew ma għandhom ikunu soġġetti għal ebda forma ta' inkjesta, detenzjoni jew proċedimenti legali f'dak li għandu x'jaqsam ma' opinjonijiet espressi jew voti mixħutin minnhom fit-twettiq ta' dmirijiethom;
D. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-privileġgi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom l-immunitajiet mogħtijin lill-membri tal-Parlament tagħhom;
E. billi, skont l-Artikolu 105 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, "Deputat ma għandux jinżamm responsabbli tal-attività tiegħu mwettqa fl-ambitu tal-mandat ta' Deputat matul it-terminu tiegħu jew wara li jintemm l-istess mandat. Rigward tali attivitajiet, id-Deputat jista' jinżamm responsabbli biss quddiem is-Sejm u, f'każ fejn ikun kiser il-jeddijiet ta' terzi, jistgħu jinbdew proċedimenti kontra tiegħu quddiem qorti jekk kemm-il darba jkun hemm il-kunsens tas-Sejm";
F. billi jekk l-immunità titneħħiex jew le f'każ partikolari hija deċiżjoni li l-Parlament biss jista' jeħodha; billi l-Parlament jista' raġonevolment iqis il-pożizzjoni ta' Membru meta jasal għad-deċiżjoni tiegħu jekk inneħħilux jew le l-immunità(2);
G. billi l-allegat reat ma għandux konnessjoni diretta jew ovvja ma' Zbigniew Ziobro għar-rigward tal-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew, u lanqas ma jikkostitwixxi opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;
H. billi l-proċedimenti kriminali kontra Zbigniew Ziobro ma għandhom l-ebda rabta mal-pożizzjoni tiegħu ta' Membru tal-Parlament Ewropew;
I. billi fil-każ preżenti l-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett suffiċjentement gravi u preċiż li l-każ tressaq bl-intenzjoni li jkun ikkawżat dannu politiku lill-Membru kkonċernat;
J. billi t-talba tressqet b'riżultat ta' kontrotalba u billi, f'kuntest bħal dan, deċiżjoni li ma titneħħiex l-immunità ta' Membru tipprevjeni lill-parti privata l-oħra milli tmexxi l-każ quddiem il-qorti bħala parti mid-difiża tal-istess parti;
1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Zbigniew Ziobro;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat kompetenti tiegħu immedjatament lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja u lil Zbigniew Ziobro.
Sentenza tat-12 ta' Mejju 1964 fil-Kawża 101/63, Wagner vs Fohrmann u Krier (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1964, p. 381); Sentenza tal-10 ta' Lulju 1986 fil-Kawża 149/85, Wybot vs Faure et. (Ġabra tal-Ġurisprudenza 1986, p. 2391); Sentenza tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T–345/05, Mote vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. II–2849); Sentenza tal-21 ta' Ottubru 2008 fil-Kawżi Magħquda C–200/07 u C–201/07, Marra vs De Gregorio u Clemente (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2008, p. I–7929); Sentenza tad-19 ta' Marzu 2010 fil-Kawża T–42/06, Gollnisch vs Il-Parlament (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010, p. II–1135); Sentenza tas-6 ta' Settembru 2011 fil-Kawża C–163/10, Patricello (Ġabra tal-Ġurisprudenza 2011, p. I–7565).