Immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użu online fis-suq intern ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għal użu online fis-suq intern (COM(2012)0372 – C7-0183/2012 – 2012/0180(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0372),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) il-punt (g) tal-Artikolu 50(2) u l-Artikoli 53 u 62, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7–0183/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u l-Artikoli 50(1), 53(1) u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati preżentati mis-Senat Franċiż, il-Kamra tad-Deputati Lussemburgiża, is-Sejm Pollakk u l-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, li jiddikjaraw li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju tas-sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2012(1),
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill permezz ta' ittra tas-6 ta' Novembru 2013 sabiex tiġi approvata l-pożizzjoni tal-Parlament, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur kif ukoll tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0281/2013),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-4 ta' Frar 2014 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern