Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar Prattiki Kummerċjali Żleali (2013/2116(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern (Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali)(1),
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali bit-titolu “L-ewwel rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali” (COM(2013)0139),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali (COM(2013)0138),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi)(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2009dwar it-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozji mal-konsumaturi fis-suq intern u tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar l-impatt tar-riklamar fuq l-imġiba tal-konsumatur(5), u t-tweġiba ta’ segwitu tal-Kummissjoni adottata fit-30 ta' Marzu 2011,
– wara li kkunsidra l-istudju intitolat “Implimentazzjoni u applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-prattiki kummerċjali żleali (2005/29/KE) u tad-Direttiva dwar ir-riklamar qarrieqi u komparattiv (2006/114/KE)”, imwettaq fuq talba tal-Kumitat tas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur(6),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7‑0474/2013),
A. billi l-konsum huwa wieħed mill-muturi essenzjali tat-tkabbir fl-Unjoni Ewropea, u għalhekk, il-konsumaturi għandhom rwol ewlieni fl-ekonomija tal-UE;
B. billi l-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-drittijiet tagħhom hija waħda mill-valuri fundamentali tal-Unjoni;
C. billi d-Direttiva 2005/29/KE dwar il-prattiki kummerċjali żleali hija l-għodda leġiżlattiva prinċipali tal-Unjoni Ewropea li tirregola r-reklamar qarrieqi u l-prattiki żleali l-oħra fit-tranżazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-konsumaturi;
D. billi permezz tal-klawżola tas-"suq intern”, id-Direttiva għandha l-għan li tassigura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea kollha, u żżid il-fiduċja tagħhom fis-Suq Uniku, filwaqt li tiggarantixxi lill-intrapriżi sigurtà legali importanti u tnaqqis tal-ostakli għall-kummerċ transkonfinali;
E. billi kien hemm differenzi kbar fl-implimentazzjni tad-Direttiva 2005/29/KE minn Stat Membru għall-ieħor;
F. billi d-derogi temporanji, li jippermettu lill-Istati Membri jkomplu japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu iktar restrittivi jew rigorużi mill-istess Direttiva u jimplimentaw klawżoli ta’ armonizzazzjoni minimi li jinsabu fi strumenti leġiżlattivi oħra tal-UE, skadew fit-12 ta' Ġunju 2013;
G. billi l-Istati Membri li hekk jixtiequ, huma ħielsa li jestendu l-applikazzjoni tad-Direttiva għar-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi, u billi sal-llum erbgħa biss għamlu din l-għażla;
H. billi l-Kummissjoni ħabbret li dalwaqt se tipproponi reviżjoni tad-Direttiva 2006/114/KE dwar reklamar qarrieqi u komparattiv iddedikata għar-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi;
I. billi l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali u l-applikazzjonijiet teknoloġiċi kollha tagħha rrevoluzzjonaw il-modi tax-xiri u l-mod li bih l-intrapriżi jbiegħu u jirreklamaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom;
J. billi d-drittijiet li jgawdu l-konsumaturi fl-Ewropa għadhom mhux magħrufa minn xi intrapriżi, speċjalment dawk l-iktar żgħar, u minn għadd ta’ konsumaturi;
K. billi hu meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u li dawn jingħataw l-opportunità li jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom;
1. Jenfasizza l-effikaċja tal-qafas legali stabbilit mid-Direttiva, u l-importanza tiegħu biex il-konsumaturi u n-negozjanti jsiru iktar kunfidenti fir-rigward ta’ transazzjonijiet fis-suq intern (speċjalment fir-rigward ta’ transazzjonijiet transkonfinali), filwaqt li jiggarantixxi sigurtà legali akbar lill-intrapriżi u jgħin biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur fl-Unjoni; jenfasizza li applikazzjoni diverġenti tad-Direttiva tippreżenta r-riskju li tiddgħajjef l-effikaċja tagħha;
2. Jiddispjaċih li, minkejja d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/114/KE għall-ġlieda kontra l-prattiki qarrieqa fir-rigward ta’ riklamar fil-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi, uħud minn dawn il-prattiki, bħal speċjalment "scams fid-direttorji”, għadhom jippersistu; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li dalwaqt tipproponi emendi għad-Direttiva 2006/114/KE dwar ir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi, biex il-ġlieda kontra dawn il-prattiki tkun aktar effettiva; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tista’, f’dan il-kuntest, tikkunsidra, mad-Direttiva 2006/114/KE, il-meriti ta’ lista sewda speċifika dwar il-prattiki kummerċjali li huma meqjusa żleali fiċ-ċirkostanzi kollha fil-qasam tar-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi, simili għal dik li diġà teżisti għad-Direttiva 2005/29/KE; ma jqisx, madanakollu, li huwa xieraq li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE dwar ir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi u l-konsumaturi, għandu jiġi estiż immedjatament għall-prattiki kummerċjali żleali bejn l-intrapriżi;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tiċċara l-artikulazzjoni tad-Direttivi 2005/29/KE u 2006/114/KE, biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha tal-Unjoni, speċjalment għall-konsumaturi u l-SMEs, kontra prattiki frodulenti jew żleali u b’hekk issaħħaħ il-fiduċja fis-Suq Intern;
4. Hu tal-fehma li d-derogi mfassla għas-setturi tal-proprjetà immobbli u tas-servizzi finanzjarji huma ġustifikati u huwa xieraq li dawn jinżammu;
5. Jikkunsidra li ma tkunx xierqa f’dan l-istadju estensjoni tal-lista sewda tal-Anness I; madanakollu, jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal lista ta’ prattiki identifikati mill-awtoritajiet nazzjonali bħala żleali skont il-prinċipji ġenerali tad-Direttiva, bil-għan li tiġi evalwata l-opportunità eventwali ta’ tali estensjoni fil-futur;
6. Jinnota li f’ċertu forom ta’ involviment bejn il-konsumatur u l-intrapriża, il-konsumaturi jistgħu jkunu vittmi ta’ prattiki kummerċjali żleali, pereżempju meta jinbiegħ prodott lil operatur tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga problemi ta’ dan it-tip u, fejn xieraq, tesplora soluzzjonijiet speċifiċi u prattiki li fost affarijiet oħra jinkludu interpretazzjonijiet aktar flessibbli tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29/KE dwar prattiki kummerċjali żleali, u li jistgħu jkunu spjegati fl-orjentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;
7. Ifakkar li, b'effett mit-12 ta' Ġunju 2013, l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet attwalment miżmuma taħt derogi temporanji; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jikkonformaw mat-test tad-Direttiva malajr kemm jista’ jkun; fl-istess waqt, jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka dwar kif l-Istati Membri ittrasponew id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-projbizzjonijiet nazzjonali mhux inklużi fl-Anness I, u sabiex fi żmien sentejn tgħaddi lill-Parlament u lill-Kunsill rapport komprensiv dwar l-applikazzjoni tagħha, li jkun fih, b'mod partikolari, analiżi dwar il-possibbiltà ta' aktar armonizzazzjoni u simplifikazzjoni tad-dritt tal-Komunità dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi u suġġerimenti għal kwalunkwe miżura meħtieġa li trid tittieħed fil-livell Komunitarju biex jiġi żgurat li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi;
8. Itenni l-importanza u l-ħtieġa assoluta li d-Direttiva tkun applikata b'mod sħiħ u uniformi u implimentata sew mill-Istati Membri sabiex jiġu eliminati inċertezzi legali u operattivi għan-negozji li joperaw lil hinn mill-fruntieri; jinnota bi tħassib kif bejn l-2011 u l-2012 il-Kummissjoni kellha tirrikorri għas-sistema ta' konsultazzjoni "EU Pilot" fil-konfront ta' diversi Stati Membri bħala riżultat ta' traspożizzjoni ħażina tad-Direttiva; jistieden lill-Istati Membri biex fil-livell nazzjonali isostnu l-infurzar tad-Direttiva bil-mezzi kollha disponibbli, b’mod partikolari b’riżorsi suffiċjenti; jenfasizza r-rwol essenzjali tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni tad-Direttiva kif ukoll l-importanza li jkompli jinbena djalogu strutturat bejn l-uffiċjali pubbliċi ta' infurzar u partijiet interessati oħra, b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi;
9. Jinnota li mill-2007, jiġifieri tmiem l-iskadenza biex tkun implimentatat d-Direttiva, kien hemm diversi każijiet li fihom l-Istati Membri ma applikawx jew ma implimentawx b’mod korrett id-dispożizzjonijiet ewlenin, partikolarment il-lista sewda ta’ prattiki kummerċjali pprojbiti, qarrieqa u aggressivi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tkompli tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni tad-Direttiva u, fejn xieraq, tipproċedi kontra Stati Membri li jiksru, ma jimplimentawx jew ma japplikawx b’mod tajjeb id-Direttiva, bi qbil mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; jistieden partikolarment lill-Kummissjoni biex mingħajr dewmien issolvi l-kwistjonijiet pendenti fir-rigward tal-konsultazzjonijiet imnedija fl-2011, billi jew jiġu konklużi l-proċeduri ta' ksur jew jiġu riferuti lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;
10. Jappoġġja l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi lista ta’ indikaturi li jevalwaw l-effikaċja tal-mekkaniżmu li bih l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva;
11. Jilqa’ l-fatt li minn meta d-Direttiva kienet ġiet trasposta fl-Istati Membri, ix-xiri transkonfinali żdied; ifakkar, madanakollu, li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni msaħħa bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali huma essenzjali sabiex jiġu promossi prattiki konverġenti fl-implimentazzjoni, u biex jiġi provdut rispons rapidu u effiċjenti; jindika li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-ġestjoni tax-xiri onlajn transkonfinali, speċjalment meta l-websajts li jipparagunaw il-prezzijiet ma jiżvelawx b’mod ċar l-identità tal-operatur ekonomiku li qed jopera s-sit;
12. Itenni l-importanza ta' kooperazzjoni msaħħa fost l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-applikazzjoni tad-Direttiva sabiex ikun hemm applikazzjoni sħiħa u implimentazzjoni xierqa mill-Istati Membri; iħeġġeġ f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni, biex tagħmel reviżjoni bir-reqqa tal-kamp ta’ applikazzjoni, tal-effikaċja u tal-mekkaniżmi ta’ funzjonament tar-Regolament relatat mal-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi (‘Regolament KPK’), kif hi impenjata li tagħmel sal-aħħar tal-2014; jilqa’ f’dan ir-rigward il-ftuħ reċenti mill-Kummissjoni ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-reviżjoni ta’ dak ir-Regolament u d-disponibbiltà tal-konsultazzjoni fil-lingwi kollha tal-UE; jistieden lill-partijiet kollha interessati jieħdu sehem f'din il-konsultazzjoni;
13. Jenfasizza l-utilità tal-operazzjonijiet 'sweeps' imwettqa skont ir-Regolament KPK u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u ssaħħaħ aktar dawn l-operazzjonijiet u twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tissintetizza l-informazzjoni miġbura u l-lista ta’ azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u l-Istati Membri wara dawn l-operazzjonijiet u tippubblika l-analiżi tagħha filwaqt li tikkunsidra l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ ċertu informazzjoni sensittiva li tkun qed tintuża fil-qafas ta’ proċedura ġudizzjarja fil-livell nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tgħaddi rapport lill-Parlament Ewropew dwar is-sejbiet tagħha u tipproponi miżuri addizzjonali jekk meħtieġa sabiex ittejjeb il-funzjonament tas-Suq Intern;
14. Hu tal-fehma li jeħtieġ isiru aktar sforzi biex jissaħħaħ l-infurzar tad-Direttiva dwar Prattiki ta' Kummerċ Żleali fir-rigward ta' konsumaturi vulnerabbli;
15. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kunflitti ta' interess involuti u l-użu qarrieqi li xi operaturi tas-suq qed jagħmlu mill-għodod ta' valutazzjoni li ssir mill-konsumaturi u dwar is-siti elettroniċi li jqabblu l-prezzijiet; f'dan ir-rigward iqis b'mod pożittiv id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistudja soluzzjonijiet li jwasslu biex l-informazzjoni preżenti fuq tali pjattaformi tkun aktar ċara għall-konsumaturi;
16. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni xierqa tad-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Żleali rigward speċjalment riklamar tal-internet “moħbi”u qarrieqi fil-forma ta’ kummenti mqiegħda fuq netwerks soċjali, fora jew blogs, li jidhru apparentement li ġejjin mill-konsumaturi stess filwaqt li fir-realtà jkunu messaġġi ta’ natura kummerċjali jew ta’ reklamar iġġenerati jew iffinanzjati direttament jew indirettament minn operaturi ekonomiċi; jinsisti fuq l-effett dannuż li prattiki bħal dawn iħallu fuq il-fiduċja tal-konsumatur u r-regoli tal-kompetizzjoni; jitlob lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri xierqa biex jipprevjenu aktar l-iżvilupp ta’ prattiki bħal dawn, inkluż permezz tat-tnedija ta’ kampanji ta’ informazzjoni li jkollhom l-għan li jwissu lill-konsumaturi dwar dawn il-forom ta’ riklamar "moħbija", jew billi jinkoraġġixxu l-emerġenza ta’ osservaturi/moderaturi ta’ forums li jkunu mħarrġa speċifikament u li jwissu dwar il-perikli ta’ riklamar "moħbi";
17. Hu tal-fehma li fid-dawl tad-distribuzzjoni rapida ta' reklamar onlajn, jeħtieġ li jiġi żviluppat metodu li jissorvelja l-protezzjoni ta' kategoriji ta' gruppi vulnerabbli, b'mod speċjali tat-tfal kif ukoll l-aċċess ta' dawk li jirreklamaw għal dawn il-gruppi;
18. Jiddispjaċih li, minkejja l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar il-prezzijiet għat-trasport bl-ajru u l-operazzjoni “sweep” li saret fl-2007 fil-qafas tar-Regolament KPK, li kienet speċifikata għas-siti tal-internet li jbiegħu biljetti tal-ajru, il-konsumaturi għadhom qed ikunu vittmi ta’ numru ta’ prattiki qarrieqa f’dan is-settur, bħan-nuqqas ta' indikazzjoni ta' spejjeż inevitabbli bħall-imposti tal-karti tal-kreditu u tad-debitu matul il-prenotazzjoni onlajn; josserva bi tħassib in-numru dejjem ikbar ta' lmenti mressqa minn xerrejja ta' biljetti onlajn li jisfaw vittmi tal-hekk magħruf "intraċċar tal-IP", prattika li timmira li tirreġistra n-numru ta' konnessjonijiet ta' utent permezz tal-istess indirizz IP u, b'hekk, iżżid b'mod artifiċjali l-prezz ta' oġġett skont l-interess muri permezz ta' diversi tfittxijiet simili; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-frekwenza ta' din il-prattika li twassal għal kompetizzjoni inġusta u tikkostitwixxi użu ħażin tad-dejta personali tal-utenti u, jekk ikun xieraq, tissuġġerixxi leġiżlazzjoni adatta għall-protezzjoni tal-utent;
19. Jemmen li l-pieni imposti minħabba nuqqas ta’ rispett tad-Direttiva, m’għandhom qatt ikunu inqas mill-profitt miksub permezz ta’ prattika kkunsidrata żleali jew qarrieqa; ifakkar lill-Istati Membri li d-Direttiva tipprovdi li l-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi; jitlob lill-Kummissjoni tfassal u tanalizza dejta dwar pieni applikati mill-Istati Membri kif ukoll dwar l-effiċjenza ta' reġimi ta' infurzar partikolarment minħabba l-kumplessità u t-tul ta' żmien ta' proċeduri ta' infurzar; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament Ewropew bir-riżultati ta’ din l-analiżi;
20. Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea biex tassisti lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva;
21. Jilqa' b'sodisfazzjon il-bażi tad-dejta dwar leġiżlazzjoni nazzjonali u dwar il-każistika fir-rigward ta' prattiki kummerċjali żleali żviluppata mill-Kummissjoni u jirrikonoxxi li din hi mezz utli biex il-konsumaturi jkollhom aktar informazzjoni disponibbli; jiddispjaċih li din hi disponibbli biss bl-Ingliż; jitlob lill-Kummissjoni biex iżżid gradwalment in-numru ta’ lingwi li l-bażi tad-dejta tkun disponibbli fihom u li tiżviluppa l-viżibbiltà tagħha, speċjalment fost l-operaturi ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra wkoll strumenti addizzjonali ta’ sensibilizzazzjoni tal-SME rigward prattiki kummerċjali żleali;
22. Jenfasizza l-importanza ta’ dokument ta’ orjentazzjoni imħejji mill-Kummissjoni biex jakkumpanja l-applikazzjoni tad-direttiva; jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi dan id-dokument sal-2014; jinkoraġġixxi l-Kummissjoni taħdem b'mod trasparenti, billi żżomm konsultazzjonijiet wiesgħa mal-partijiet interessati matul il-proċess; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taġġorna u tikkjarifika dan id-dokument fuq bażi regolari ħafna fil-ġejjieni; jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw kemm hu possibbli dan id-dokument ta’ orjentazzjoni u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tressaq evalwazzjoni tal-problemi ta' interpretazzjoni u ta' implimentazzjoni li l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati regolarment jiltaqgħu magħhom fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, sabiex tkun tista' tistabbilixxi liema aspetti tad-dokument ta' orjentazzjoni jeħtieġ jitjiebu;
23. Jenfasizza li l-prinċipju ta’ armonizzazzjoni massima stabbilit mid-Direttiva jimplika li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tagħmel provvediment għal dispożizzjonijiet aktar stretti minn dawk previsti f’din id-Direttiva; jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dak il-prinċipju bħala li jitlob li bejgħ subordinat u promozzjonijiet kummerċjali oħra, li huma ttrattati mill-Qorti bħala prattiki kummerċjali żleali u li ma jidhrux fil-lista s-sewda fl-Anness I, jistgħu biss ikunu projbiti fuq il-bażi ta' każ b'każ; jenfasizza li għal raġunijiet ta' ċertezza legali, u biex jiġi garantit livell għoli ta' protezzjoni tal-Konsumatur, il-Kummissjoni għandha tispeċifika, bħala parti mir-reviżjoni tagħha tad-dokument ta' orjentazzjoni, f'liema każijiet preċiżi bejgħ subordinat u promozzjonijiet kummerċjali għandhom jitqiesu illegali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tirrifletti dwar il-ħtieġa ta' proposta leġiżlattiva ġdida dedikata għall-promozzjonijiet kummerċjali;
24. Jenfasizza li l-użu ta’ allegazzjonijiet ambjentali foloz huwa prattika żleali li għandha tendenza tiżviluppa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapprofondixxi t-taqsima tad-dokument ta’ orjentazzjoni li hi ddedikata għal din il-prattika sabiex tiċċara l-applikazzjoni tad-Direttiva lill-operaturi ekonomiċi; fl-istess ħin jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-inizjattivi li tista’ tieħu biex tipproteġi aħjar lill-konsumaturi minn dawn il-prattiki;
25. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissensibilizzaw l-intrapriżi dwar id-drittijiet tal-konsumaturi u b'hekk jippromwovu aktar rispett lejn il-konsumaturi mill-operaturi ekonomiċi;
26. Ifakkar li ħafna konsumaturi jżommu lura milli jitolbu rimedju meta l-ammont ikkonċernat ikun baxx; jenfasizza l-bżonn li l-konsumaturi jkunu aktar konxji mill-appoġġ li jista' jkollhom kemm mill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi kif ukoll min-netwerks ta’ ċentri Ewropej tal-konsumaturi; jenfasizza l-importanza tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fis-sensibilizzazzjoni dwar prattiki kummerċjali żleali eżistenti bħala azzjoni preventiva u dwar ir-rwol tagħhom biex jgħinu l-vittmi ta’ prattiki żleali, b'hekk jippermettu li l-konsumaturi jasserixxu sew id-drittijiet tagħhom; jitlob għal azzjonijiet koordinati bejn l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fil-livell nazzjonali u Ewropew, kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni;
27. Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jibbenifikaw minn modi ta’ rimedju effettivi, malajr u rħas; jitlob, f’dan ir-rigward, lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ id-Direttiva dwar ir-riżoluzzjoni alternattiva tal-kunflitti u r-Regolament ekstraġudizzjarju tal-kunflitti onlajn;
28. Jinnota l-importanza ta' mekkaniżmi ta' rimedju kollettiv għall-konsumaturi u jilqa' r-rakkomandazzjoni ppubblikata reċentement tal-Kummissjoni C(2013)3539 u l-komunikazzjoni tagħha COM(2013)0401; jaqbel li qafas orizzontali dwar ir-rimedju kollettiv għandu jevita r-riskju ta’ inizjattivi settorjali mhux koordinati fil-livell tal-UE; jitlob lill-Istati Membri jsegwu r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta’ prinċipji komuni orizzontali, li l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri jservi biex jiġi vvalutat jekk humiex meħtieġa miżuri leġiżlattivi addizzjonali, inkluż inizjattiva leġiżlattiva partikolari għal każijiet transkonfinali; ifakkar li l-ebda wieħed mid-diversi approċċi tal-Unjoni rigward ir-rimedju kollettiv ma għandu jagħti inċentiv ekonomiku biex isiru azzjonijiet kollettivi abbużivi u tali approċċi għandhom kollha jinkludu salvagwardji xierqa biex jiġu evitati pretensjonijiet mhux meritevoli;
29. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.