Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE – ġustizzja ċivili u amministrattiva fl-Istati Membri (2013/2117(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tas-27 ta' Marzu 2013 bit-titolu "It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE - Għodda għall-promozzjoni ta’ ġustizzja u tkabbir effettivi" (COM(2013)0160),
– wara li kkunsidra r-rapporti ta’ evalwazzjoni biennali dwar is-sistemi ġudizzjarji Ewropej imfassla mill-Kummissjoni għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ) tal-Kunsill tal-Ewropa;
– wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0442/2013),
A. billi l-Kummissjoni ppubblikat it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, li hija għodda komparattiva mhux vinkolanti li għandha l-għan li tivvaluta l-effettività tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, bil-għan li jiġu ddefiniti aħjar il-politiki dwar il-ġustizzja, u l-ambitu tagħha jiffoka fuq il-parametri tas-sistemi ġudizzjarji li jikkontribwixxu għat-titjib tal-klima tan-negozju u tal-investiment fl-Unjoni;
B. billi t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tqabbel is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali bl-użu ta’ indikaturi partikolari, iżda ma tippreżentax klassifikazzjoni ġenerali tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali;
C. billi t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-2013 tiffoka esklużivament fuq il-ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattiva;
D. billi eżerċizzju komparattiv mhux vinkolanti għandu l-merti li jidentifika t-titjib u l-passi lura, u li jirsisti favur l-iskambju tal-aqwa prattiki madwar l-Unjoni filwaqt li ma jmissx l-awtonomija tas-sistemi legali u ġudizzjarji nazzjonali;
1. Jieħu nota tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE b'interess kbir; jistieden lill-Kummissjoni biex tmexxi dan l-eżerċizzju ’l quddiem b’konformità mat-Trattati u b'konsultazzjoni mal-Istati Membri, filwaqt li żżomm f'moħħha l-ħtieġa li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni bla bżonn tax-xogħol ma’ korpi oħra;
2. Jappoġġa l-iskop tal-iskambju tal-aqwa prattiki bil-għan li tiġi żgurata sistema ġudizzjarja effiċjenti u indipendenti li tista’ tikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u żżid il-kompetittività; jenfasizza li sistema ġudizzjarja effettiva u affidabbli tinċentiva lin-negozji biex jiżviluppaw u jinvestu fil-livell nazzjonali u u dak transkonfinali;
3. Jinnota l-importanza ta’ valur referenzjarju ġudizzjarju għal fiduċja reċiproka transkonfinali, għal kooperazzjoni effettiva bejn l-istituzzjonijiet tal-ġustizzja u għall-ħolqien ta’ spazju ġudizzjarju komuni u kultura ġudizzjarja Ewropea;
4. Jemmen li kwalunkwe tqabbil ta’ sistemi ġudizzjarji nazzjonali, b’mod speċjali rigward is-sitwazzjoni preċedenti tagħhom, għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u fuq evidenza li tkun organizzata, imqabbla u analizzata b’mod oġġettiv; jindika l-importanza li jiġi vvalutat il-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji fi sħiħ, mingħajr ma jinfirdu mis-sitwazzjoni soċjali, storika u ekonomika tal-Istati Membri jew mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali li jinsiltu minnhom; jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jiġu ttrattati b’mod imparzjali, sabiex b'hekk jiġi żgurat trattament ugwali bejn l-Istati Membri kollha meta jiġu vvalutati s-sistemi ġudizzjarji tagħhom;
5. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiddiskuti l-metodu propost f'data bikrija, fi proċedura trasparenti li tinvolvi lill-Istati Membri;
6. Jindika li l-valuri referenzjarji għandhom jiġu stabbiliti qabel ma tinġabar l-informazzjoni dwar is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali sabiex jiġi żviluppat fehim komuni tal-metodoloġija u l-indikaturi;
7. Ifaħħar l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprovdi dejta miżurabbli; jinnota, madankollu, li ċerti għanijiet, bħalma huma l-kwalità u l-imparzjalità tal-ġustizzja huma diffiċli biex jitkejlu b'mod oġġettiv;
8. Jinnota li l-effettività tas-sistema ġudizzjarja ma tistax titkejjel permezz ta' parametri statistikament kwantifikabbli biss, iżda għandha tikkunsidra l-karatteristiċi strutturali u t-tradizzjonijiet soċjali differenti fl-Istati Membri; jistieden, f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni biex fil-ġejjieni tikkunsidra iktar id-differenzi bejn is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali meta tkun qed tiġbor id-dejta u tistabbilixxi l-valuri referenzjarji;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex fil-qasam tal-liġi tal-kumpaniji tikkunsidra b’mod ugwali s-sistema b’livell wieħed u dik b’żewġ livelli;
10. Jistieden lill-Istati Membri biex jeżaminaw mill-qrib ir-riżultati tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-2013 u biex jiddeterminaw jekk jeħtieġx li jitnisslu xi konsegwenzi minnhom għall-organizzazzjoni u l-progress tas-sistemi ġudizzjarji ċivili, kummerċjali u amministrattivi rispettivi tagħhom;
11. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiġbru dejta rilevanti dwar kwistjonijiet bħall-kostijiet tal-proċedimenti, il-każijiet ta’ medjazzjoni u l-proċeduri ta’ infurzar; jiddispjaċih li wħud mill-Istati Membri ma taw ebda dejta għal ċerti kategoriji indikati fit-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja; jemmen, madankollu, li l-Kummissjoni kellha tagħmel distinzjoni bejn dawk il-każijiet fejn id-dejta ma kinetx disponibbli u dawk fejn l-indikaturi ma kinux rilevanti jew applikabbli għal Stati Membri individwali;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu fehim u kooperazzjoni reċiproċi bejn is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, anki permezz ta’ netwerks ta’ mħallfin ta’ kuntatt;
13. Jitlob biex tingħata importanza akbar lill-programmi ta’ taħriġ għall-imħalfin, il-persunal tal-qorti u prattikanti legali oħra, b’mod speċjali fl-oqsma tal-liġi Ewropea u dik komparattiva; jenfasizza li l-ħtieġa li t-taħriġ fil-lingwa jkun komponent essenzjali fl-istudju tal-liġi;
14. Jiddikjara l-interess tiegħu li jirċievi d-dejta fuq każijiet transkonfinali, li spiss jinvolvu livell ikbar ta’ kumplessità minn każijiet purament domestiċi u juru l-ostakoli li ċ-ċittadini tal-UE jaffaċċaw meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li ġejjin mis-suq uniku tal-UE, b’mod partikolari fl-applikazzjoni tal-liġi tal-UE;
15. Jindika l-importanza ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim biex jitnaqqas il-piż minn fuq is-sistemi tal-qorti u biex il-partijiet interessati kollha jiffrankaw il-flus;
16. Jitlob lill-Kummissjoni biex fl-eżerċizzju li jmiss ta’ dan it-tip tikkunsidra proċeduri ta’ medjazzjoni transkonfinali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu b’mod attiv proċeduri ta’ medjazzjoni b’mod speċjali fir-rigward ta’ kwistjonijiet kummerċjali u kwistjonijiet familjari regolati fil-livell tal-UE (bħal fil-każijiet ta' Ruma III u Brussell II);
17. Jenfasizza li hemm disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri fl-iżvilupp tas-sistemi tal-ICT; jindika li l-użu ta’ teknoloġiji ġodda jista’ jikkontribwixxi b’mod effettiv biex jitnaqqsu l-kostijiet u jitħaffu l-proċeduri ġudizzjarji, b’mod partikolari permezz tal-użu ta’ applikazzjonijiet kompjuterizzati u għodod għall-ġestjoni tal-każijiet u l-komunikazzjoni;
18. Jindika li permezz tal-għodod tal-ICT proċeduri ta’ talbiet żgħar u talbiet mhux ikkontestati jistgħu jiġu ttrattati iżjed malajr;
19. Jenfasizza r-rwol tal-CEPEJ fil-ġbir u l-preżentazzjoni tad-dejta relevanti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak reġjonali; jikkunsidra li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jipprovaw jikkooperaw mal-CEPEJ, peress li din tipprovdi bażi eċċellenti għall-iskambju tal-aqwa prattiki, u jeħtieġ li tiġi evitata d-duplikazzjoni;
20. Ifakkar fir-rwol mexxej tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, kif ukoll f'dak tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika, fl-iffaċilitar tal-aċċess għall-għarfien dwar il-liġi ċivili u kummerċjali Ewropea u nazzjonali għaċ-ċittadini tal-UE;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.