Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-konsegwenzi lokali u reġjonali tal-iżvilupp ta’ grids intelliġenti (2013/2128(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 174, 175, 176, 177, 178 u 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Protokoll 26 tat-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu ‘Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ (COM(2010)2020),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-għan tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1298/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 dwar l-allokazzjoni finanzjarja għal ċerti Stati Membri mill-Fond Soċjali Ewropew(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(5),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' koperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib tal-istabbiliment u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(6),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li tħassar id-Direttiva 2003/54/KE(7),
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Komunità dwar Għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni Ambjentali(8),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE(9),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‘Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband’(10),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ April 2011 bit-titolu ‘Grilji Intelliġenti: nimxu mill-innovazzjoni għall-użu tagħhom’(COM(2011)0202),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE(11),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza tal-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u tirrevoka d-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE(12),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2011 bit-titolu ‘Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050’ (COM(2011)0112),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2012 bit-titolu ‘Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti’ (COM(2012)0663),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu ‘L-Enerġija rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija’ (COM(2012)0271),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 bit-titolu ‘Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030’ (COM(2013)0169),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-mikroġenerazzjoni – il-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana fuq skala żgħira(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2013 dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u tal-atturi tagħha fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea l-ġdida dwar l-enerġija(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Settembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-miżuri għall-effiċjenza enerġetika fil-qafas tal-Politika ta’ Koeżjoni(15),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Jannar 2012 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni ta' Dejta) (COM(2012)0011),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Novembru 2008 bit-titolu 'Regions 2020: An assessment of future challenges for EU Regions’ (Reġjuni 2020: Valutazzjoni ta’ sfidi futuri għar-Reġjuni tal-UE) (SEC(2008)2868),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 dwar "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" (COM(2010)0553),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ konsultazzjoni li fih l-abbozz ta’ Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru .../.. ta’ XXX li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A7-0019/2014),
A. billi għadd ta’ eżempji tal-aħjar prattika, bħalma huma r-reġjun ta’ Burgenland, il-proġett ‘MaReS’ (Macaronesia Research Strategy - Strateġija ta' Riċerka tal-Makaroneżja) u l-proġett tal-Ġżejjer Ħodor’, il-Wied tal-Enerġija fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-reġjun mudell riġenerattiv ta’ Harz fil-Ġermanja, Hostětín fir-Repubblika Ċeka, il-proġett Orkney Micro Renewables fl-Iskozja, kif ukoll bliet u komunitajiet li qed iservu ta' proġett pilota taħt l-inizjattiva tal-Kummissjoni CONCERTO jew l-inizjattiva CO-POWER għall-użu effiċjenti tal-enerġija u l-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija juru li komunitajiet lokali u ċittadini jistgħu jsiru ‘prosumaturi’, li jipproduċu għall-ħtiġijiet enerġetiċi tagħhom stess filwaqt li jbigħu wkoll l-enerġija lill-grid jew jirċievu kreditu għall-elettriku żejjed tagħhom u jagħmlu użu mill-metraġġ tal-konsum enerġetiku nett (net metering), irawmu l-parteċipazzjoni attiva u l-iskambju tal-informazzjoni, u jiżviluppaw approċċ olistiku billi jinkludu setturi oħra relatati mal-enerġija bħalma huma t-trasport u l-abitazzjoni, filwaqt li jużaw mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju intelliġenti u joħolqu impjiegi ġodda;
B. billi l-Parlament adotta rapporti dwar ir-rwol tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE u l-atturi tagħha fl-implimentazzjoni tal-politika Ewropea l-ġdida għall-enerġija u dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-miżuri ta’ effiċjenza enerġetika taħt il-Politika ta’ Koeżjoni;
C. billi d-dejta personali li tinġabar għall-użu ta’ sistemi intelliġenti tal-enerġija hija sensittiva ħafna, peress li din tippermetti konklużjonijiet dwar l-imġiba tal-utenti u billi għalhekk għandha tkun żgurata protezzjoni speċjali ta’ din id-dejta;
Opportunitajiet ġodda għall-ekonomija reġjonali
1. Jilqa’ bidla tal-paradigma għar-reġjuni fil-mod ta’ kif tiġi prodotta u kkunsmata l-enerġija, fejn dawn għaddew minn mudell tradizzjonali inflessibbli, li jaħdem fuq ‘loġika ta’ tagħbija bażi’, għal produzzjoni varjabbli, deċentralizzata u lokali, li tintegra sehem għoli ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira ma’ domanda flessibbli u reattiva u l-ħżin distribwit; jagħraf li bil-għan li l-iżvilupp sostenibbli jiġi ppreservat u l-ħtiġijiet tad-domandi futuri jiġu ssodisfati, għandhom jiġu promossi mudelli ġodda ta’ produzzjoni u konsum tal-enerġija bbażati fuq produzzjoni deċentralizzata u lokali; jenfasizza l-fatt li grid intelliġenti huwa essenzjali għal tali bidla tal-paradigma u li l-implimentazzjoni ta’ grid intelliġenti għandha tiġi integrata f’approċċ transsettorjali u komprensiv għall-iżvilupp reġjonali sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji u l-opportunitajiet tas-suq għar-reġjuni kif ukoll sabiex jintlaħaq stat ta' sostenibbiltà, tkabbir u innovazzjoni;
2. Jirrimarka li ħafna reġjuni Ewropej wettqu proġetti fi ħdan il-qafas eżistenti tal-UE li kemm rawmu sinerġiji f’oqsma selezzjonati u kemm ippromwovew is-sostenibbiltà enerġetika u għejun tal-enerġija rinnovabbli, u fejn sħab pubbliċi u privati jgħaqqdu flimkien l-isforzi tagħhom biex jesploraw l-opportunitajiet ta' tkabbir reġjonali fis-settur enerġetiku, permezz tal-użu bikri tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF), sħubiji b’miri partikolari fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, u strateġiji ta’ implimentazzjoni deċentralizzati għall-isfruttar tar-riżorsi enerġetiċi lokali;
3. Jenfasizza l-għadd kbir ta’ benefiċċji tal-grids intelliġenti f’dawk li huma t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, iż-żieda tas-sehem tal-enerġija rinnovabbli u l-ġenerazzjoni distribwita, l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista għall-unitajiet domestiċi, il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet għall-użu effiċjenti tal-elettriku fit-trasport, l-għoti lill-konsumaturi tal-abbiltà li jadattaw il-konsum tagħhom sabiex jibbenefikaw mill-orħos prezzijiet u fl-istess ħin jiffrankaw l-enerġija, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar tal-enerġija elettrika, it-tnaqqis tal-investimenti għalja fil-grids tal-elettriku billi l-enerġija tintuża f’sigħat kwieti, l-għoti ta’ spinta lill-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' involviment taċ-ċittadini f'kull stadju inkluż l-użu ta' infrastruttura tal-metraġġ avvanzat li tipprovdi fluss ta’ informazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet, ukoll f’attivitajiet ippjanati mill-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni (DSOs) u l-fornituri ta’ teknoloġiji tal-grids intelliġenti; jirrimarka, ukoll, li l-iżvilupp u l-użu tal-grids intelliġenti jnaqqas sew it-telf tal-enerġija waqt it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni; jenfasizza li rikonfigurazzjoni awtomatika tal-grid tista' tintuża biex tipprevjeni jew tirristawra qtugħ fil-provvista minħabba l-kapaċitajiet tagħha ta’ awtokorrezzjoni; jinnota, madankollu, li s-sistemi ta’ appoġġ nazzjonali f’diversi reġjuni spiss ma jagħtux prijorità lill-mezzi l-aktar effettivi li bihom jiġu applikati t-teknoloġiji rinnovabbli għall-unitajiet domestiċi privati;
4. Jenfasizza, f’dan il-kuntest, l-opportunitajiet għal bidliet ġeografiċi (jew territorjali) fil-grid tal-enerġija u l-promozzjoni ta’ grids intelliġenti għar-reġjuni żvantaġġati, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi, periferiċi u gżejjer, li jistgħu jiżviluppaw minn konsumaturi tal-enerġija għal produtturi tal-enerġija, u b’hekk jiksbu benefiċċji ekonomiċi u kompetittivi għolja filwaqt li jiżguraw provvista ta’ enerġija sikura u l-użu u l-operazzjoni ta’ grids intelliġenti; jinnota li l-użu u l-operazzjoni tal-grids intelliġenti, b’mod partikolari, joffru opportunitajiet lil dawn ir-reġjuni, li jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija li huma jġarrbu;
5. Jirrimarka li l-infrastruttura tal-grids, l-immaniġġjar tal-grids u r-regoli tas-suq fil-preżent huma indirizzati lejn il-ħtiġijiet u l-possibbiltajiet ta’ impjanti tal-enerġija li jaħdmu bl-enerġija nukleari jew bil-fjuwils fossili u għalhekk jirrappreżentaw żvantaġġ kompetittiv għal teknoloġiji ġodda bħalma huma l-enerġiji rinnovabbli;
6. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jinvestu kemm jista’ jkun kmieni fil-grids intelliġenti lokali billi jikkunsidraw bir-reqqa kollha li jagħtu spinta lill-investimenti billi jużaw il-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF), inklużi l-istrumenti finanzjarji għall-ingranaġġ tal-investiment privat, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ambjentali, ekonomiċi, soċjali u territorjali tar-reġjuni speċifiċi u l-ispeċifiċitajiet tagħhom, peress li m’hemm l-ebda soluzzjoni waħdanija għar-reġjuni kollha; jitlob għal approċċ flessibbli fil-livell lokali u reġjonali biex jitnaqqsu l-ostakli għall-ikkumbinar ta’ miżuri għall-produzzjoni u l-ħżin tal-enerġija, inkluż dawk transkonfinali, u għall-effiċjenza enerġetika, u biex issir ħidma ma’ setturi oħra bħat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjonijiet (ICT) u t-trasport; jenfasizza f’dan ir-rigward l-importanza ta’ ħżin ippumpjat assoċjat mal-isfruttament ta’ għejun ta’ enerġija rinnovabbli;
7. Jenfasizza li l-użu tal-grids intelliġenti jeħtieġ qafas ta’ politika fit-tul u stabbli; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġiji, politiki u miri ambizzjużi għall-2030 għall-effiċjenza enerġetika u enerġiji rinnovabbli kif ukoll għal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, sabiex tingħata ċertezza futura lill-investituri u l-industriji interkonnessi u biex tiġi ffaċilitata sistema intelliġenti tal-enerġija;
8. Ifakkar li fil-biċċa l-kbira tax-xenarji tal-Pjan Direzzjonali tal-Enerġija għall-2050 l-integrazzjoni xierqa tal-ġenerazzjoni rinnovabbli distribwita ma tkunx fattibbli mingħajr l-iżvilupp ta’ grids intelliġenti ta’ netwerks tad-distribuzzjoni lokali u reġjonali għall-elettriku, b’mod partikolari minħabba li jiġġeneraw konnessjonijiet ta’ informazzjoni u konnessjonijiet tal-provvista tal-elettriku bejn iż-żoni lokali ta’ żvilupp soċjoekonomiku, u b’hekk jippermettu l-immaniġġjar flessibbli u r-rinforz meħtieġ għal dawk l-għejun varjabbli tal-enerġija; jitlob, għalhekk, li tingħata importanza akbar lin-netwerks tad-distribuzzjoni; jisħaq, madankollu, li l-iżvilupp ta’ grids intelliġenti huwa relatat mat-trasportar effiċjenti tal-enerġija mis-sit tal-produzzjoni sas-sit tal-użu finali; jirrimarka, barra minn hekk, li l-valur miżjud tal-grids intelliġenti jsir jerġa’ akbar b’saħħtu peress li jikkomunikaw fuq skala usa’, pereżempju fil-livell nazzjonali jew anke Ewropew, u l-ikkontrollar tad-domanda għall-elettriku fuq din l-iskala, billi titferrex id-domanda, jipprovdi aktar opportunitajiet biex jiġi eliminat il-konsum (għejun tal-konsum) meta l-produzzjoni lokali hija baxxa wisq (jew b’saħħitha wisq);
9. Jitlob għal approċċ aktar flessibbli fir-regolamenti u d-direttivi tal-UE dwar is-suq intern biex jitnaqqsu l-ostakli għas-soluzzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni f’dawk li huma miżuri tal-produzzjoni, il-provvista, il-ħżin u l-effiċjenza tal-enerġija u l-kombinazzjoni ta’ miżuri bħal dawn, inklużi sħubiji pubbliċi-privati u proġetti transkonfinali;
Sistemi intelliġenti tal-enerġija
10. Jenfasizza li sabiex il-grids intelliġenti jiġu implimentati b’suċċess, għandha tiġi żviluppata strateġija għar-reġjuni u l-komunitajiet lokali mmirata lejn ‘sistemi intelliġenti tal-enerġija’, fejn il-grids intelliġenti jsiru parti mis-sistema reġjonali tal-enerġija u jintegraw sehem għoli ta’ enerġija minn għejun rinnovabbli, inkluż kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni deċentralizzati, ikkombinat ma' mmaniġġjar tan-naħa tad-domanda, miżuri ta’ effiċjenza enerġetika, iż-żieda fl-iffrankar tal-enerġija, soluzzjonijiet ta’ ħżin intelliġenti, is-settur tat-trasport (it-trasport elettroniku) u skambju akbar ma’ netwerks ġirien;
11. Jinnota r-rwol li għandhom il-miters intelliġenti f'li jippermettu l-komunikazzjoni fiż-żewġ direzzjonijiet, li jippermetti li jinħarġu kontijiet preċiżi għall-konsumaturi u jżid il-parteċipazzjoni min-naħa tad-domanda, fejn il-konsumaturi jaġġustaw id-drawwiet tagħhom skont il-livelli massimi u minimi fil-produzzjoni tal-enerġija; jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom jirċievu l-benefiċċji sħaħ ta’ sistema tal-enerġija intelliġenti u li s-sjieda taċ-ċittadini żżid l-effiċjenza tal-imġiba u b’hekk jiżdied l-iffrankar tal-enerġija b’mod globali permezz ta’ protokolli miftuħa; jenfasizza r-responsabilità tal-operaturi tas-sistemi ta' distribuzzjoni (DSOs) bħala fornituri tas-servizzi lejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali jew nazzjonali biex jiggarantixxu l-aċċess għal dan is-servizz ta’ interess ġenerali għal kulħadd billi jiżguraw is-sigurtà u l-istabilità tan-netwerks; jenfasizza li kull ċittadin għandu jkollu aċċess dirett għad-dejta tal-konsum u l-produzzjoni bil-għan li jiġu żgurati operazzjonijiet effiċjenti, sikuri u siguri tal-grid intelliġenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tiżgura li l-apparati elettriċi (b’mod partikolari l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, magni tal-ħasil tal-platti, pompi li jarmu s-sħana u giżers, eċċ.) ikunu jistgħu jaħdmu b’mod awtomatiku flimkien mal-miters intelliġenti billi jipprovdu lill-konsumaturi tariffi ekonomikament favorevoli;
12. Jistieden lill-Kummissjoni, u t-Task Force għall-Grids Intelliġenti tagħha, taġġorna u tespandi d-definizzjoni eżistenti tagħha tal-grids intelliġenti sabiex din tinkludi s-sistema intelliġenti tal-enerġija; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jimmaniġġjaw il-konsum tal-enerġija u t-tneħħija tal-piż tal-enerġija u jaħdmu fuq strateġiji reġjonali bbażati madwar sistema intelliġenti tal-enerġija u jadottawhom;
13. Jenfasizza li sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza ekonomika tal-grids intelliġenti għar-reġjuni huwa meħtieġ li jiġu kkumbinati l-vantaġġi diretti u indiretti, filwaqt li s-settur tal-enerġija jitgħaqqad ma’ għadd ta’ setturi oħra, b’mod partikolari dawk tal-abitazzjoni u t-trasport, iżda wkoll l-ambjent, l-ippjanar urban, l-inklużjoni soċjali, il-ġestjoni tal-iskart, u s-settur tal-kostruzzjoni, sabiex jintlaħqu l-miri tal-iffrankar tal-enerġija filwaqt li fl-istess ħin jiġu massimizzati l-benefiċċji ekonomiċi u jiġu bbilanċjati l-provvista u d-domanda tal-enerġija ta’ reġjun;
14. Jitlob għal innovazzjoni u investiment akbar fis-settur tal-ICT sabiex jingħelbu l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċjaw it-teknoloġiji intelliġenti, li jinkludu l-interoperabbiltà tat-teknoloġiji man-netwerk eżistenti, kif ukoll sfidi regolatorji; jistieden lill-Kummissjoni u l-atturi nazzjonali u reġjonali joħolqu oqfsa regolatorji u ta’ investiment pożittivi li jippermettu l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-ICT interoperabbli;
Impatti pożittivi fuq l-impjiegi lokali
15. Jinkoraġġixxi lir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali kollha jikkunsidraw il-vantaġġi ta’ sistemi intelliġenti ta’ enerġija u jinvestu fihom bħala għajn potenzjali ta’ impjiegi lokali ħodor u sostenibbli; jenfassiza li l-industrija tal-kostruzzjoni hija waħda mill-oqsma prinċipali fejn se jinħolqu l-impjiegi, mhux biss permezz ta’ investimenti diretti fil-grids intelliġenti tal-enerġija, imma wkoll billi tingħata spinta lill-iżvilupp tat-teknoloġija tal-UE, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-investimenti f’miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjonijiet, pereżempju fis-settur tal-abitazzjoni, u permezz tal-adattament għal soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda proposti għall-bini ta’ akkomodazzjoni enerġetikament effiċjenti;
16. Jenfasizza li l-użu tal-grids intelliġenti jipprovdi wkoll opportunità biex tiġi msaħħa l-kompetittività u t-tmexxija teknoloġika dinjija tal-fornituri tat-teknoloġija tal-UE, bħalma huma dawk fl-industrija tal-inġinerija elettrika u elettronika, li tikkonsisti l-iktar f’SMEs;
17. Jistieden lir-reġjuni kollha jikkunsidraw investimenti fil-ħiliet u t-taħriġ għal dawn l-impjiegi l-ġodda, filwaqt li jqisu li numru sinifikanti ta’ impjiegi lokali ġodda jistgħu jinħolqu wkoll fis-servizzi tal-ICT, is-settur tat-trasport u setturi li jfornu tagħmir intelliġenti, infrastruttura u servizzi, pereżempju għall-installazzjonijiet ġodda, imma wkoll biex jevitaw kull skarsezza ta’ xogħol speċjalizzat u jippermettu l-adattament għall-ħtiġijiet li jinħolqu mit-tfaċċar ta’ professjonijiet ġodda fl-oqsma rispettivi; jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jappoġġjaw l-inizjattivi ta’ taħriġ kemm fil-livell akkademiku kif ukoll fil-livell ta’ snajja’ fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, bħalma huma l-istudji tekniċi ambjentali u l-iżvilupp ta’ apprendistati ġodda, pereżempju x-xogħol ta’ installar ta’ sistemi solari (‘solateur’); jenfasizza li r-reġjuni li jimplimentaw b’suċċess sistema intelliġenti tal-enerġija jistgħu jattiraw aktar impjiegi għar-reġjun fis-sura ta’ taħriġ speċjalizzat permezz tal-istabbiliment ta’ universitajiet u kulleġġi tekniċi b’għarfien espert f’dan il-qasam; jistieden lir-reġjuni jikkooperaw fuq speċjalizzazzjoni intelliġenti u jilqa’ skemi fejn l-għarfien jinqasam bejn ir-reġjuni u b’mod transkonfinali; jiġbed l-attenzjoni lejn l-inizjattivi li l-EIT qiegħda twettaq fil-komunità tal-għarfein u l-informazzjoni InnoEnergy (KIC InnoEnergy) għar-riċerka u l-iżvilupp ta' grids intelliġenti u t-taħriġ ta’ professjonisti f’dan is-settur; jiġbed l-attenzjoni, ukoll, lejn l-ambitu ġdid biex jiġu stabbiliti Skemi ta’ Innovazzjoni Reġjonali;
18. Jenfasizza li l-investiment pubbliku fis-sistemi intelliġenti tal-enerġija, inkluż permezz tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF), jista’ jrawwem opportunitajiet ta’ impjieg lokali u sostenibbli, joħloq effetti ta’ sinerġija u effetti konsegwenzjali fuq l-impjiegi, kif ukoll benefiċċji lokali fit-tul għar-reġjuni fl-isfera ekonomika, soċjali u ambjentali, u jista’ jintuża ugwalment bħala strument biex jingħelbu l-isfidi ekonomiċi, speċjalment fir-reġjuni fil-pajjiżi milquta mill-kriżi;
Ir-rwol taċ-ċittadini
19. Jenfasizza li s-suċċess ta’ sistema intelliġenti tal-enerġija, hekk kif muri minn studji dwar l-aħjar prattiki u eżempji ewlenin, spiss huwa dovut għal sjieda lokali minn ċittadini individwali, kooperattiva, komunità lokali jew kombinazzjoni ta’ dawn l-atturi; jirrikonoxxi li dawn is-sjieda jżidu l-aċċettazzjoni tal-investimenti fl-elementi kollha tas-sistemi intelliġenti tal-enerġija; jenfasizza li ċ-ċittadini għandhom jingħataw informazzjoni aħjar, kif ukoll inċentivi bħal mekkaniżmi dinamiċi tal-ipprezzar u għodod xierqa tal-ICT sabiex ikunu jistgħu jiġu involuti fl-istadji kollha tal-infrastruttura tal-enerġija intelliġenti, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni enerġetika u tal-ippjanar tal-grid;
20. Jenfasizza kemm hu importanti, minħabba n-natura teknika tal-grids intelliġenti, li l-utenti jiġu informati u edukati biex isiru prosumaturi infurmati u li huma konxji tal-opportunitajiet li dawn il-grids joffru, partikolarment f’dak li jikkonċerna r-rabta tagħhom mal-miters intelliġenti; jenfasizza kemm hu importanti li dan it-tqajjim tal-kuxjenza jkun immirat lejn iż-żgħażagħ permezz ta’ programmi edukattivi għall-attenzjoni ta’ studenti tal-edukazzjoni sekondarja u vokazzjonali;
21. Jistieden lill-Kummissjoni tneħħi l-ostakoli, l-isfidi regolatorji u ġuridiċi għas-sjieda lokali fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, partikolarment fir-regoli tal-għajnuna statali; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw il-possibbiltajiet lokali ta’ feed-in tal-enerġija u l-qsim tal-enerġija lokali, mhux biss b’mod bidirezzjonali bejn il-grid u l-utent aħħari, iżda wkoll b’mod transkonfinali u bejn l-unitajiet tal-utenti aħħarija, b’hekk jiġu mħeġġa s-sjieda lokali tal-produzzjoni tal-enerġija u l-qsim tal-enerġija prodotta lokalment;
22. Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ sistemi intelliġenti tal-enerġija se jbiddlu b’mod sinifikanti l-isferi privati u pubbliċi, peress li l-provvista tal-elettriku se tkun marbuta mal-ġbir tad-dejta u kkomunikata f’ħin reali; jitlob, għalhekk, għal proċeduri trasparenti fil-livelli kollha, li jinvolvu l-atturi kollha, inklużi ċ-ċittadini, in-negozji, l-industrija, l-awtoritajiet lokali, l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni (DSOs), l-operaturi tas-servizz ta’ trażmissjoni (TSOs), uffiċjali lokali u reġjonali għall-protezzjoni tad-dejta jew ombudsmen u l-fornituri ta’ teknoloġiji tal-grids intelliġenti;
Protezzjoni tad-dejta u privatezza
23. Jenfasizza li s-sistemi intelliġenti tal-enerġija se jiġu operati b’ammonti kbar ta’ dejta personali u ħafna profili u se jkollhom riskju għoli ta’ ksur tas-sigurtà tad-dejta; jenfasizza l-ħtieġa ta’ standards għolja għall-miters intelliġenti f’dawk li huma l-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza tad-dejta, u l-ħtieġa li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jikkontrollaw u jiddeċiedu dwar id-dejta li tingħata lill-operaturi tan-netwerks lil hinn mill-minimu assolut ta’ dejta li huwa meħtieġ għall-forniment tal-enerġija; jinnota t-tħassib relatat speċifikament mas-sigurtà tas-sistemi ta’ grids intelliġenti u l-benefiċċji għall-konsumatur ta’ miters intelliġenti u jitlob valutazzjoni akbar ta’ dan il-qasam u aktar riċerka dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza tad-dejta tal-miters intelliġenti; jenfasizza, għalhekk, li d-dejta personali għandha tkun protetta, mingħajr eċċezzjonijiet, sabiex tibqa’ protetta u sigura; jenfasizza, barra minn hekk, li s-sigurtà tad-dejta trid tiġi integrata fl-istrateġiji tal-użu tal-grid intelliġenti;
24. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ titjib fil-protezzjoni tad-dejta u fir-regolamentazzjoni u l-prattika tal-privatezza meta jiġu installati s-sistemi ta’ miters intelliġenti; jenfasizza li l-garanzija tal-protezzjoni tad-dejta u tal-privatezza tad-dejta għall-individwi kollha u għall-unitajiet domestiċi konnessi mal-grid hija imperattiva għall-funzjonament u l-użu ta’ grids intelliġenti; jenfasizza li d-dejta miġbura għandha tintuża biss biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku; jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw regoli għall-protezzjoni tad-dejta filwaqt li jżommu u jiżviluppaw is-sinerġiji fin-netwerks kollha tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija u jiddefendu d-drittijiet tal-individwi f’dan il-qasam; jenfasizza li f’dak li hu l-ġbir tad-dejta għas-sistemi intelliġenti tal-enerġija, għandhom jiġu żviluppati standards biex jiġi żgurat li tiġi trasmessa biss id-dejta rilevanti bil-għan li tiġi ggarantita s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, biex jiġi żgurat li l-ebda dejta ma tiġi mgħoddija lil partijiet terzi, biex jiġi żgurat li l-klijenti jkollhom id-dritt jispezzjonaw u jħassru d-dejta miġbura jekk ma tkunx aktar meħtieġa għall-finijiet li għalihom tkun inġabret jew b’xi mod ieħor ipproċessati, u biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jżommu s-sjieda tad-dejta tagħhom u jkollhom kontroll fir-rigward tal-partijiet li lilhom jagħtu aċċess għal din id-dejta;
25. Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ aktar iggwidar dwar l-użu tad-dejta tal-grids intelliġenti kemm dik personali u kemm dik mhux personali fid-dawl tal-leġiżlazzjoni riveduta tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta u r-regoli miftiehma dwar is-sjieda u l-immaniġġjar ta’ din id-dejta minn DSOs, fornituri u korpi kummerċjali oħra;
Qafas għal Sistemi Intelliġenti tal-Enerġija ta’ suċċess
26. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi biex tħaffef it-tħaddim tal-grids intelliġenti u biex tiffoka fuq l-aspetti li ġejjin: l-istimular ta’ investiment u ta’ inċentivi finanzjarji f’dan il-qasam, l-iżvilupp ta’ standards tekniċi, l-iżgurar tal-protezzjoni tad-dejta għall-konsumaturi, l-istabbiliment ta’ qafas regolatorju biex jingħataw inċentivi għall-użu ta’ grids intelliġenti, li jiġi ggarantit suq bl-imnut miftuħ u kompetittiv fl-interess tal-konsumaturi u l-għoti ta’ appoġġ mingħajr waqfien għall-innovazzjoni fit-teknoloġija u s-sistemi;
27. Jenfasizza li taħt ir-regolamenti ġodda tal-ESIF għall-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri huma obbligati li jikkonċentraw ir-riżorsi tal-ESIF fuq investimenti għal Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva; jinnota li s-sehem minimu se jiġi stabbilit għar-reġjuni sabiex jikkonċentraw, skont il-livell ta’ żvilupp ekonomiku tagħhom, tal-anqas sa 20 % tar-riżorsi tal-FEŻR f’investiment fit-transizzjoni enerġetika, b'ħafna enfasi fuq il-grids intelliġenti, fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija derivata minn għejun rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar tal-enerġija, il-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-enerġija, u strateġiji b’livell baxx ta’ karbonju, b’enfasi partikolari fuq iż-żoni urbani, kif ukoll enerġija derivata mill-grids intelliġenti fil-livell ta’ distribuzzjoni; jenfasizza l-fatt li l-finanzjament pubbliku għadu qed iwettaq rwol kruċjali fl-istimular ta’ investiment privat fi proġetti ta’ riċerka u żvilupp u ta’ dimostrazzjoni ta’ grids intelliġenti; jirrimarka li l-Fond ta’ Koeżjoni jippermetti wkoll l-investiment f’dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-aħjar użu ta’ din l-opportunità ġdida; jirrimarka, fir-rigward tal-investimenti mhux koperti mill-konċentrazzjoni tematika obbligatorja, li l-FEŻR jista’ wkoll jintuża biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti għad-distribuzzjoni, il-ħżin u t-trażmissjoni tal-enerġija u biex tiġi integrata l-ġenerazzjoni ta’ enerġija distribwita ġejja minn riżorsi rinnovabbli;
28. Jenfasizza li l-Fondi ESI jservu bħala katalisti għall-investiment u li, peress li hemm għadd ta’ livelli territorjali li huma involuti fil-proċess tal-finanzjament u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-governanza fuq diversi livelli għandha rwol importanti biex tirnexxi l-implimentazzjoni; jilqa’ opportunitajiet addizzjonali ta’ finanzjament fi ħdan il-programm Enerġija Intelliġenti - Ewropa;
29. Jilqa’ l-enfasi qawwija mqiegħda fuq proġetti tal-enerġija intelliġenti ta’ interess komuni fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, filwaqt li jiddispjaċih li huma biss tnejn il-proġetti ta’ grids intelliġenti li ġew inklużi fil-lista biennali attwali; jenfasizza li l-proġetti ta’ grids intelliġenti fil-livell tas-sistemi ta' distribuzzjoni għandhom jiġu kkunsidrati; jenfasizza li l-proġetti ta’ infrastruttura għandhom jissodisfaw il-kriterji tas-sostenibbiltà u l-kompetittività u jridu jkunu bbażati fuq approċċ integrat, li għandu jiġi żgurat billi jiġu jiġu involuti l-operaturi tas-sistemi ta’ distribuzzjoni; jenfasizza wkoll l-importanza li jiġu żviluppati konnessjonijiet tal-enerġija bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar fil-Mediterran;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tnaqqas l-ostakoli għall-investiment fis-sistemi intelliġenti tal-enerġija, b’mod partikolari billi tespandi l-eżenzjoni fi ħdan il-modernizzazzjonijiet tal-għajnuna statali (SAM) biex ikun jista’ jsir sostenn pubbliku għall-elementi kollha tas-sistemi intelliġenti reġjonali u lokali tal-enerġija, inklużi l-investimenti u l-operazzjonijiet transsettorjali; iħeġġeġ li s-sistemi intelliġenti tal-enerġija jiġu inklużi bħala kategorija fir-Regolament futur tal-Kummissjoni li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern fl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (GBER) u jadatta r-regolamenti dwar kategoriji oħra ta’ eżenzjoni ta’ blokk li jinteraġixxu mal-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti tal-enerġija;
31. Jenfasizza li l-interoperabbiltà għall-infrastruttura intelliġenti hija kruċjali, peress li l-inċertezza regolatorja u standards differenti jdewmu t-tifrix tal-infrastruttura intelliġenti; jitlob, għalhekk, għal kooperazzjoni akbar bejn l-organizzazzjonijiet Ewropej differenti tali istandards tekniċi; jenfasizza li huma meħtieġa standards miftuħa biex jgħinu l-interoperabbiltà u biex jaċċeleraw l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġija;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri biex tneħħi l-ostakli ewlenin, bħalma huma n-nuqqas ta’ interoperabbiltà u standards (is-sistemi standardizzati li tqabbad u tuża - ‘plug and play’ - inaqqsu l-ispejjeż u jippermettu konnettività wkoll għar-Riżorsi tal-Enerġija Distribwiti żgħar - DERs) (jew applikazzjonijiet DR żgħar), l-inċertezza dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet f’applikazzjonijiet ġodda tal-grid intelliġenti; l-inċertezza dwar il-kondiviżjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji u konsegwentement dwar mudelli ġodda ta’ negozju; ir-reżistenza mill-konsumatur li jieħu sehem fi provi; il-firxa ta’ arranġamenti regolatorji fl-Ewropa tista’ tippreżenta ostakli sinifikanti għar-replikabilità tar-riżultati ta’ proġetti f’pajjiżi differenti;
33. Ifakkar fil-Mandat ta’ Standardizzazzjoni tal-2011 biex jingħata appoġġ lit-tqegħid tal-Grid Intelliġenti Ewropew li kellu jitlesta fl-2012; jilqa’ l-progress li sar taħt dan il-mandat iżda jisħaq li huwa meħtieġ aktar xogħol; jitlob li l-Kummissjoni timpenja ruħha mal-korpi ta’ standardizzazzjoni biex titħaffef it-tlestija tax-xogħol tagħhom u toħroġ mandat ġdid jekk tqis li dan ikun meħtieġ;
34. Jitlob lill-Istati Membri jikkooperaw aktar u jaqsmu l-aħjar prattiki fil-forum tal-Kunsill tar-Regolaturi tal-Enerġija Ewropej (CEER) dwar ir-regolamentazzjoni tad-DSOs nazzjonali; jinnota, fl-istess ħin, id-diversità tal-organizzazzjoni tad-DSOs, fejn xi Stati Membri għandhom DSO wieħed biss u oħrajn għandhom aktar minn 800; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jaħdmu flimkien aktar mill-qrib; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaqblu dwar sistema ta’ klassifikazzjoni unifikata biex jiġi determinat jekk organizzazzjoni għandhiex titqies bħala operatur ta’ trasmissjoni, operatur ta’ distribuzzjoni jew operatur kombinat;
35. Jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk huwiex meħtieġ li tressaq proposti, skont it-tielet pakkett tas-suq intern tal-enerġija, għall-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ grids intelliġenti, li jeħtieġ li jkomplu jiġu ggarantiti permezz ta' azzjoni effettiva mill-Kummissjoni, minħabba li dan jista’ jippermetti l-involviment dejjem akbar ta’ aktar parteċipanti fis-suq u jagħti spinta lis-sinerġiji potenzjali tal-użu, l-iżvilupp u l-manutenzjoni f’kull parti tan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija; jenfasizza, madankollu, li dawn il-proposti għandhom jiġu integrati f’qafas regolatorju razzjonalizzat, skont il-prinċipji stabbiliti mill-Kummissjoni;
36. Jappella għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ grids intelliġenti fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali; jemmen li l-grids intelliġenti joffru opportunità importanti biex tingħata spinta lill-innovazzjoni, lir-riċerka u l-iżvilupp, lill-ħolqien tal-impjiegi u lill-kompetittività tal-industrija Ewropea fil-livell lokali u reġjonali, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-SMEs;
37. Jistieden lir-reġjuni jagħmlu netwerking u jaqsmu l-benefiċċji, l-għarfien u l-aqwa prattiki, u jikkooperaw fir-rigward tal-analiżijiet tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji dwar is-sistemi intelliġenti tal-enerġija fl-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali tal-Fondi ESI; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi netwerk transnazzjonali għar-reġjuni li għandhom sistemi intelliġenti tal-enerġija; jistieden lir-reġjuni transkonfinali jużaw l-istrument legali ta’ Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali sabiex flimkien jistabbilixxu u jimmaniġġjaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u l-iffrankar tal-enerġija u l-infrastruttura ta’ grid intelliġenti f’netwerk bħal dan;
38. Jenfasizza l-importanza ta’ inizjattivi bħalma hu l-Patt tas-Sindki, li hu l-moviment Ewropew komuni li jinvolvi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u li huwa bbażat fuq impenn volontarju min-naħa tal-firmatarji li jissodisfaw u jaqbżu l-objettiv tal-UE ta’ tnaqqis ta’ 20 % fis-CO2 permezz ta’ żieda fl-effiċjenza tal-enerġija u l-iżvilupp ta’ għejun rinnovabbli tal-enerġija, li japprovaw u jappoġġjaw l-isforzi li jsiru mill-awtoritajiet lokali fl-implimentazzjoni ta’ politiki tal-enerġija sostenibbli; jenfasizza li l-gvernijiet lokali jwettqu rwol kruċjali fit-taffija tal-effetti tat-tibdilfil-klima, aktar u aktar meta wieħed iqis li 80 % tal-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet tas-CO2 huwa assoċjat mal-attività urbana;
o o o
39. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.