Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-tqegħid fis-suq ta' strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (riformulazzjoni) (COM(2011)0766 – C7-0430/2011 – 2011/0352(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2011)0766),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0430/2011),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-28 ta' Marzu 2012(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar użu iktar strutturat tat-teknika tat-tfassil mill-ġdid għall-atti ġuridiċi(2),
– wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta’ Marzu 2012 mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-11 ta' Ottubru 2013, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 87 u 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0257/2012),
A. billi, skont il-grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-proposta inkwistjoni ma tinkludi l-ebda emenda ta' sustanza għajr dawk identifikati bħala tali fil-proposta u billi, fir-rigward tal-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma nbidlux tal-atti ta' qabel flimkien ma' dawk l-emendi, il-proposta fiha kodifikazzjoni ċara u sempliċi tat-testi eżistenti, mingħajr ebda bidla fis-sustanza tagħhom;
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt, filwaqt li jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni;
2. Japprova d-dikjarazzjoni annessa hawnhekk, li se tiġi ppubblikata fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġislattiv finali;
3. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Frar 2014 bil-ħsieb li tadotta d-Direttiva 2014/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta' strumenti tal-użin mhux awtomatiċi (Tfassil mill-ġdid)
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Direttiva 2014/31/UE.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
Il-Parlament Ewropew iqis li huwa biss meta u sakemm atti ta' implimentazzjoni fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 jiġu diskussi fil-laqgħat tal-kumitati, li dawn tal-aħħar jistgħu jitqiesu bħala "kumitati ta' komitoloġija" fis-sens tal-Anness I tal-Qafas ta' Ftehim dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Il-laqgħat tal-kumitati, għaldaqstant, jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-punt 15 tal-Qafas ta' Ftehim meta u sakemm jiġu diskussi kwistjonijiet oħra.