Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030 (2013/2135(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030" (COM(2013)0169),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 191, 192 u 194 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar Ewropa 2020(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009(5), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Pjan tal-infrastruttura għall-Ewropa u lil hinn minnha fuq terminu ta' żmien twil" (COM(2013)0711), li tistipula l-ewwel lista komprensiva tal-Unjoni dwar proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija ta' interess komuni (PCIs),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2008 bit-titolu "It-tieni Analiżi Strateġika dwar l-Enerġija": Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għas-Sigurtà u s-Solidarjetà tal-Enerġija COM(2008)0781,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini(6),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (COM(2011)0665),
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-28 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti(7),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050" (COM(2011)0112) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050(8),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi" (COM(2011)0571) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Mejju 2012 dwar Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi(9),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 (COM(2011)0885) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Marzu 2013 dwar "il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur b'enerġija"(10)
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bl-isem ‘Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku’ (COM(2012)0582),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2010 dwar ir-Reviżjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija(11),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2013 bit-titolu "Rapport dwar il-progress fl-enerġija rinnovabbli" (COM(2013)0175),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar l-impatti ambjentali tal-attivitajiet ta’ estrazzjoni ta' gass tax-shale u żejt tax-shale(12),‑{}‑
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar l-aspetti industrijali u enerġetiċi u aspetti oħra tal-gass tax-shale u ż-żejt(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima f'Doha, il-Qatar (COP 18)(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-mikroġenerazzjoni – il-ġenerazzjoni tal-elettriku u tas-sħana fuq skala żgħira(15),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2012 bit-titolu "L-Enerġija Rinnovabbli: attur ewlieni fis-suq Ewropew tal-enerġija (COM(2012)0271) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar sfidi u opportunitajiet attwali għall-enerġija rinnovabbli fis-suq intern Ewropew tal-enerġija(16),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Novembru 2012 bit-titolu "Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti" (COM(2012)0663) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2013 dwar lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti(17)
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2012 bit-titolu "L-istat tas-suq Ewropew tal-karbonju fl-2012" (COM(2012)0652),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 bl-isem "Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima" (COM(2013)0216),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2011, li fihom afferma mill-ġdid l-objettiv tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra bi 80-95 % sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-1990,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima f'Varsavja, il-Polonja (COP 19)(18),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2010 dwar il-mobilizzazzjoni tat-teknoloġiji tal-informatika u l-komunikazzjoni biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal ekonomija b’użu effiċjenti tal-enerġija u b’livell baxx ta’ karbonju(19),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-10 ta’ Ġunju 2013, ikkummissjonat mill-Kummissjoni, miċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej, bit-titolu "Stima tal-impatt tal-ispejjeż kumulattivi għall-industrija tal-azzar"(20),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu “L-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward ta' impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku” (SWD(2012)0092),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar "kooperazzjoni fir-rigward tal-politika enerġetika ma' sħab lil hinn mill-fruntieri tagħna: approċċ strateġiku għal provvista sikura, sostenibbli u kompetittiva tal-enerġija”(21),
– wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-Kummissjoni u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol bit-titolu "Lejn ekonomija aktar ekoloġika: id-dimensjonijiet soċjali',
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2013 dwar 'Tkabbir Blu: it-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar, tat-trasport marittimu u tat-turiżmu fl-UE'(22),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Procedura tieghu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija skont l-Artikolu 51tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, u l-opinjonijiet rispettivi tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0047/2014),
A. billi l-miri tal-klima, it-tkabbir sostenibbli, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, il-kompetittività ekonomika u teknoloġika u t-tlestija tas-suq uniku tal-enerġija huma tal-akbar importanza għall-UE, u huma marbuta b'mod inseparabbli;
B. billi dan huwa rikonoxxut fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistipula li l-objettivi tal-politika tal-enerġija tal-Unjoni jinkludu l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, is-sigurtà tal-provvista (tal-enerġija), l-effiċjenza enerġetika, l-iffrankar tal-enerġija, sorsi rinnovabbli u ġodda tal-enerġija, u l-interkonnessjonijiet, u li l-politika ambjentali tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għall-preservazzjoni, il-protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent, għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali u l-promozzjoni ta' miżuri fuq livell internazzjonali sabiex jiġu indirizzati problemi ambjentali reġjonali jew globali, u b'mod partikolari għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
C. billi miri vinkolanti biss joffru lill-Istati Membri l-flessibbiltà meħtieġa biex jiddekarbonizzaw l-ekonomija tagħhom bl-aktar mod effiċjenti u kosteffettiv, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali;
D. billi l-Kunsill Ewropew impenja ruħu li jnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra b'bejn 80 % sa 95 % sal-2050 bħala parti mit-tnaqqis meħtieġ minn pajjiżi żviluppati bħala grupp;
E. billi l-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 jeħtieġ iġib flimkien kunsiderazzjoni bil-għaqal tal-impenji klimatiċi (kemm fuq terminu twil kif ukoll fuq terminu qasir) mal-ħtieġa li jiġu indirizzati kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali ferm importanti bħas-sigurtà tal-enerġija, l-ispejjeż għolja tal-enerġija għall-industrija u l-entitajiet domestiċi, il-ħtieġa għall-ħolqien tal-impjiegi u l-irkupru ekonomiku u tranżizzjoni lejn mudell ta' tkabbir sostenibbli;
F. billi d-diversi objettivi ta' politika bħat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u t-tisħiħ tat-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-impjiegi, għandhom ikunu bbażati fuq teknoloġija l-aktar avvanzata li twassal għall-użu l-aktar kosteffettiv tar-riżorsi;
G. billi d-dispożizzjonijiet tal-qafas legali dwar il-pakkett attwali tal-klima u l-enerġija b'objettivi vinkolanti għall-perċentwali ta' sorsi rinnovabbli u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u ta' emissjonijiet ta’ gassijiet serra jiskadi fl-2020; billi jekk jintemmu l-obbligi nazzjonali għal użu akbar ta' sorsi rinnovabbli, dan jista' jimmina t-tkabbir meħtieġ f'dan is-settur;
H. billi l-Kummissjoni ddikjarat, fil-'Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050' imsemmi aktar qabel, li l-benessri tal-persuni, il-kompetittività industrijali u l-funzjonament ġenerali tas-soċjetà huma dipendenti fuq enerġija li tkun sikura, sigura, sostenibbli u bi prezz raġonevoli;
I. billi hemm il-ħtieġa għal investiment sinifikanti sabiex is-sistema tal-enerġija tiġi mmodernizzata, bid-dekarbonizzazzjoni jew mingħajrha, u dan se jkollu impatt fuq il-prezzijiet tal-enerġija fil-perjodu li jwassal għall-2030;
J. billi l-iffrankar tal-enerġija u fl-effiċjenza enerġetika huma l-aktar modi rapidi u irħas biex ikunu indirizzati kwistjonijiet bħas-sigurtà tal-enerġija, id-dipendenza esterna, prezzijiet għolja u tħassib ambjentali;
K. billi l-potenzjal kosteffettiv ta’ ffrankar tal-enerġija fis-settur tal-bini huwa stmat li se jkun ekwivalenti għal 65 miljun tunnellata ta' żejt (Mtoe) sal-2020;
L. billi l-klima attwali ta' inċertezza li hemm fir-rigward tad-direzzjoni futura tal-politika dwar il-klima u l-enerġija qed tiskoraġġixxi investimenti li huma ferm meħtieġa f'teknoloġija nadifa;
M. billi l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 jiddikkjara li d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u xenarju b'ammont kbir ta' sorsi rinnovabbli huma irħas mit-tkomplija tal-politiki attwali, u li l-prezzijiet tal-enerġija min-nukleari u mill-fjuwils fossili se jkomplu jogħlew matul iż-żmien, filwaqt li l-ispejjeż tar-riżorsi rinnovabbli se jonqsu;
N. billi l-‘Pjan direzzjonali għal ekonomija kompettitiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050’ tal-Kummissjoni jikkalkula li titjib fil-kwalità tal-ajra lokali se jwassal għal iffrankar sa EUR 17-il biljun kull sena sal-2030, u billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) tikkalkula li sal-2035 politiki konsistenti fir-rigward tal-mira 2°C jistgħu jnaqqsu l-kont tal-importazzjoni annwali tal-fjuwils fossili b'46 % jew b'EUR 275 biljun (1 % tal-PDG tal-UE);
O. billi l-prezzijiet finali tal-enerġija żdiedu b'mod kostanti dan l-aħħar għaxar snin, u għalhekk ħolqu tħassib dejjem jikber għaċ-ċittadini tal-UE u spejjeż konsiderevoli għall-kumpaniji u l-industriji;
P. billi trid tingħata attenzjoni għall-impatt li l-politika dwar il-klima u l-enerġija se jkollha mhux biss fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà iżda wkoll fuq familji bi dħul baxx jew medju li l-istandards ta' għajxien tagħhom marru lura fl-aħħar snin;
Q. billi s-settur tat-trasport hu responsabbli għal sehem sinifikanti kemm ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra kif ukoll tal-konsum tal-enerġija fl-UE; billi l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur tat-trasport żdied b'36 % bejn l-1996 u l-2007;
R. billi t-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida urġenti u potenzjalment irriversibbli għall-iżvilupp tal-bniedem, il-bijodiversità u s-sigurtà nazzjonali li għandhom jiġu indirizzati mill-komunità internazzjonali;
S. billi l-valutazzjoni tal-2013 tal-Grupp ta' Ħidma I tal-Grupp ta’ Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) turi li għandna għażla fit-tiswir tal-futur tagħna, iżda li din l-opportunità qiegħda tisfuma b'mod rapidu minħabba li diġà ħraqna aktar minn nofs il-baġit tagħna għall-karbonju biex ikollna possibbiltà ta' limitazzjoni ta' tisħin ta' 2 °C u li ċ-ċikli ta' ppjanar attwali għal investimenti kummerċjali u infrastrutturali kbar jeħtieġ iqisu dan il-fattur b’urġenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom;
T. billi l-komunità internazzjonali impenjat ruħha fis-summit ta' Kopenħagen tal-2009 biex nillimitaw it-tisħin globali għal 2 °C aktar mil-livelli pre-industrijali matul is-seklu 21, u billi bħalissa mhijiex fit-triq it-tajba biex tonora dan l-impenn;
U. billi l-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC reċentement ikkonferma li m'aħniex mexjin fid-direzzjoni t-ttjaba biex nonoraw l-impenn dwar il-klima msemmi hawn fuq, minħabba li emissjonijiet tal-karbonju kumulattivi li jaqbżu triljun tunnellata se jwasslu għal żieda fit-temperatura ta' aktar minn 2 °C, u billi diġà akkumulajna madwar nofs dak l-ammont; billi prattiki attwali għalhekk se jwasslu għal żieda ta' aktar minn 2 °C f'anqas minn 30 sena; billi jeħtieġ li nfasslu miri ambizzjużi u nibdew nieħdu azzjoni dwarhom issa;
V. billi l-perkors attwali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet se jwassal għal żieda ta' tisħin ta' 2°C fi żmien 20 sa 30 sena u għal tisħin ta' 4 °C sal-2100 skont ir-rapport tal-Bank Dinji bit-titolu 'Turn Down the Heat';
W. billi sabiex it-tibdil fil-klima jinżamm taħt iż-2°C, il-Kunsill Ewropew ikkonferma mill-ġdid fl-2011 l-objettiv tal-UE li tnaqqas il-gassijiet serra bi 80-95 % sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990;
X. billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, stieden lill-Kapijiet ta' Stat għas-Summit li se jsejjaħ dwar il-Klima f'Settembru 2014 b'impenji ċari għal aktar azzjoni dwar it-tibdil fil-klima;
Y. billi skont ir-Rapport dwar id-Distakk fl-Emissjonijiet 2013 tal-Programm tan-NU għall-Ambjent, il-wegħdiet attwali dwar il-klima għall-2020 mhumiex biżżejjed biex jiġi evitat tibdil perikoluż tal-klima u għalhekk jenħtieġ tnaqqis aktar ambizzjuż tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra wara l-2020;
Z. billi ċ-ċifri tal-Eurostat juru li l-UE naqqset l-emissjonijiet tagħha tas-CO2 minn 16.97 % bejn l-1990 u l-2011 u miexja fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għall-2020 f'dan ir-rigward; billi huwa meħtieġ tnaqqis aktar ambizzjuż fl-emissjonijiet tas-CO2 biex l-UE tibda miexja fid-direzzjoni t-tajba biex tilħaq il-miri tal-klima tagħha sal-2050;
AA. billi ċ-ċifri tad-Diviżjoni tal-Istatistika tan-NU turi li l-emissjonijiet tas-CO2 globali żdiedu b'aktar minn 50 % bejn l-1990 u 2010;
AB. billi l-emissjonijiet ivverifikati fl-UE naqsu b'16 % mill-2005 sal-2012 fis-setturi koperti mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (ETS), u b'10% fis-setturi li mhumiex koperti mill-ETS, li jindika li l-miri ta' tnaqqis 2020 ta' -21 % u -10 %, rispettivament, x'aktarx li jintlaħqu snin qabel iż-żmien previst;
AC. billi l-pjan direzzjonali għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju juri li tnaqqis fl-emissjonijiet domestiċi ta' 40-44 % jinsab fi trajettorja kosteffettiva lejn il-qiegħ nett tal-objettiv ta' 80-95 % tal-UE għall-2050, b'tali mod li se tkun meħtieġa mira għall-2030 ta' aktar minn 44 % sabiex dawn ikunu fi trajettorja kosteffettiva lejn il-parti intermedja jew ta' fuq nett f'dik il-medda;
AD. billi l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ikkalkulat li l-ispiża minima fil-każ li ma jkunx hemm adattament għall-klima, se tlaħħaq EUR 100 biljun fis-sena fl-2020 u EUR 250 biljun fl-2050 għall-UE kollha kemm hi;
AE. billi, filwaqt li l-UE hija responsabbli għal 11 % tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra, skont l-istimi tal-AIE, u l-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE imkejla f'tunnellati metriċi għal kull persuna xorta waħda għadhom aktar għoljin kemm mill-medja dinjija kif ukoll mill-medji għall-ekonomiji emerġenti u l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, is-suq uniku Ewropew għandu l-akbar PDG ta' kwalunkwe ekonomija fid-dinja, flimkien ma' kapaċità diplomatika sinifikanti; billi anke jekk l-UE għandha kapaċità limitata biex tbaxxi l-emissjonijiet globali permezz ta' azzjoni unilaterali, hija għandha rwol ta' tmexxija partikolarment sinifikanti f'dan il-kuntest fir-rigward tal-ingranaġġ ta' azzjoni min-naħa ta' ekonomiji oħra fil-konfront tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari fil-kuntest li jintlaħaq ftehim internazzjonali vinkolanti f'Pariġi fl-2015; billi l-UE għalhekk għandha tiddefinixxi pożizzjoni ċara u ambizzjuża u teħtieġ li tiżgura li l-ftehim futur ikun ratifikabbli fl-Istati Membri kollha;
AF. billi l-isfida tat-tibdil klimatiku globali tista' tiġi indirizzata biss jekk politiki ambizzjużi tal-UE jkunu kkombinati ma' impenji mill-pajjiżi terzi;
AG. billi biex tintlaħaq il-mira tal-UE ta' tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u tirnexxi kull azzjoni oħra tal-UE dwar il-klima, dawn għandhom ikunu parti minn sforz globali; billi l-qafas tal-2030 għandu jiddetermina l-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE fir-rigward ta' ftehim għall-2015 dwar it-tibdil fil-klima; billi sakemm ma jintlaħaqx ftehim globali ekwu, il-kompetittività tal-ekonomija tal-UE għandha tkun indirizzata kif xieraq;
AH. billi t-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra se jkollu impatt pożittiv ukoll fuq is-saħħa pubblika billi jnaqqas it-tniġġis tal-arja, speċjalment f'ċentri popolati u madwarhom;
AI. billi l-produzzjoni mir-riħ u mix-xemx laħqet livell ta' 61 % tat-total tal-elettriku prodott fil-Ġermanja fis-16 ta' Ġunju 2013, u dan juri li l-politiki dwar il-klima u l-enerġija irnexxew u għandhom iservu ta' mudell biex tingħata spinta lill-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali;
AJ. billi, skont il-Eurostat, l-UE kellha sehem fir-riżorsi rinnovabbli ta' 13 % fl-2011 u tinsab fit-triq li tilħaq il-mira tagħha tal-2020 f'dan ir-rigward;
AK. billi l-UE hi għalhekk fit-triq li tilħaq il-miri vinkolanti tagħha għall-2020 (tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u titjib fis-sehem ta’ enerġija rinnovabbli tagħha) imma mhux il-mira indikattiva ta' 20 % ta' effiċjenza enerġetika;
AL. billi skont l-International Energy Outlook 2013 l-użu globali tal-enerġija se jikber b'56 % bejn l-2010 u l-2040 (u pajjiżi Asjatiċi li mhumiex fl-OECD se jkollhom 60 % ta' din iż-żieda) u l-fjuwils fossili (inkluż sehem konsiderevoli ta' faħam) se jkomplu jfornu kważi 80 % tal-użu tal-enerġija dinjija sal 2040;
AM. billi l-investimenti fl-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u t-tnaqqis tal-emissjonjiet tal-gassijiet serra jaffettwaw lil xulxin f'ħafna modi u huwa tal-akbar importanza li l-kompromessi bejn dawn l-objettivi jiġu indirizzati bil-miftuħ u jiġu mgħarrfa lill-pubbliku;
AN. billi l-investituri u l-industriji jeħtieġu b'urġenza qafas ċar u fit-tul għall-politika tal-UE dwar l-enerġija u l-klima b'livelli akbar ta' ċertezza u, għalhekk, sinjali ta' prezzijiet ċari, sabiex jitħeġġeġ l-investiment sostenibbli fuq żmien medju u fit-tul, jitnaqqas ir-riskju assoċjat miegħu u jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet tas-suq globali għal teknoloġiji sostenibbli; billi din l-istrateġija ċara dwar il-klima u l-enerġija hija kruċjali biex iżżid il-kompetittività industrijali tal-Ewropa, tistimula t-tkabbir ekonomiku u toħloq l-impjiegi;
AO. billi l-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 jeħtieġ li iġib flimkien kunsiderazzjoni bil-għaqal ta' impenji klimatiċi (kemm għanijiet tal-UE fuq terminu twil kif ukoll negozjati internazzjonali fuq terminu qasir) mal-ħtieġa li jiġu indirizzati kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali ferm importanti bħas-sigurtà tal-enerġija, l-ispejjeż għolja tal-enerġija għall-industrija u l-familji, il-ħtieġa għall-ħolqien tal-impjiegi u l-irkupru ekonomiku;
AP. billi minħabba d-disponibbiltà limitata ta' riżorsi domestiċi, tranżizzjoni ambizzjuża Ewropea lejn enerġija rinnovabbli hi l-unika triq li tiggarantixxi provvista sigura ta' enerġija bi prezzijiet raġonevoli fil-futur;
AQ. billi l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tal-Kummissjoni, approvat mill-Parlament, jiddikjara li, sabiex l-ekonomija tiġi dekarbonizzata, l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-infrastruttura tal-enerġija huma l-għażliet "no-regret" u li għandhom jiġu adottati politiki u strumenti adegwati;
AR. billi l-AIE, fir-Rapport tagħha dwar is-Suq tal-Effiċjenza Enerġetika 2013, irreferiet għall-effiċjenza enerġetika bħala l-ewwel fjuwil dinji, u billi l-effiċjenza enerġetika hi l-mod l-aktar irħis u rapidu li l-UE għandha biex titnaqqas id-dipendenza tal-enerġija tagħha, tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija, jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija u jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima;
AS. billi l-potenzjal tas-sorsi rinnovabbli għadu ma ġiex sfruttat kompletament; billi l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tal-Kummissjoni jiddikjara li dawn se jkollhom l-akbar sehem fil-forniment tal-enerġija sal-2050, u dan jesiġi objettivi importanti speċifiċi sa dik id-data biex jiġi żgurat li l-prospetti għall-enerġija rinnovabbli fl-UE u d-diversifikazzjoni tal-forniment tal-enerġija fis-suq intern tal-enerġija Ewropew ikunu kredibbli u stabbli, filwaqt li jappoġġaw il-kompetittività tal-Ewropa u s-sigurtà tal-forniment tal-enerġija tagħha u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' setturi ġodda u ta' opportunitajiet ta' esportazzjoni;
AT. billi l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli u żieda fl-effiċjenza enerġetika se jkollhom impatt favorevoli fuq l-objettivi dwar il-klima u l-enerġija, isaħħu s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE, il-vantaġġ teknoloġiku u l-kompetittività industrijali tagħha, jistimulaw it-tkabbir u l-impjiegi u jiġġeneraw valur miżjud għoli għall-UE fil-futur;
AU. billi titjib fl-effiċjenza enerġetika hu l-aktar mod kosteffettiv u rapidu biex titnaqqs id-dipendenza tal-enerġija tal-UE filwaqt li fl-istess ħin traħħas il-kontijiet għolja tal-enerġija tal-utenti aħħarin u toħloq l-impjiegi u t-tkabbir għall-ekonomiji lokali;
AV. billi l-kontijiet ta' importazzjoni tal-UE fuq il-fjuwils fossili ammontaw għal EUR 406 biljun fl-2011 (ekwivalenti għal aktar minn EUR 1000 għal kull persuna fil-popolazzjoni) u billi d-dipendenza tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija mistennija tikber; billi din id-dipendenza tħalli l-Unjoni vulnerabbli għall-prezzijiet dinjija tal-enerġija u għal trawmi politiċi, u tikkomprometti l-awtonomija tal-politika barranija tal-Unjoni u tal-Istati Membri; billi hu vitali, għalhekk, li jiġi żgurat li l-prezzijiet tal-enerġija għall-utenti aħħarin ikunu trasparenti kemm jista' jkun; billi l-UE trid tiffoka aktar mill-qrib fuq għażliet 'no regret' ta' effiċjenza enerġetika, sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u infrastruttura tal-enerġija;
AW. billi l-flus li ntefqu fuq l-importazzjoni ta' fjuwils fossili ftit li xejn jikkontribwixxu għall-investiment, il-ħolqien tal-impjiegi jew għat-tkabbir fl-Unjoni, u billi t-tferriegħ mill-ġdid ta' dawn il-flus lejn investiment domestiku fl-effiċjenza enerġetika, fl-enerġija rinnovabbli u f'infrastruttura intelliġenti jistimola l-industriji tal-bini, tal-karozzi u tat-teknoloġija avvanzata u lill-fornituri 'l isfel tagħhom, filwaqt li joħloq impjiegi ta' kwalità għolja, b'ħiliet għoljin li ma jistgħux ikunu esportati jew delokalizzati;
AX. billi, skont l-AIE, żewġ terzi tal-potenzjal globali tal-effiċjenza enerġetika mhux se jiġi sfruttat fl-2035, peress li dan il-qasam ma jirrappreżentax prijorità politika ġenwina;
AY. billi l-istudji mill-istitut Fraunhofer indikaw li l-UE tista' tilħaq b'mod kosteffettiv 40 % tal-iffrankar tal-enerġija sal-2030;
AZ. billi l-istudji identifikaw li l-UE għandha potenzjal li tikseb iffrankar ta' enerġija kosteffettiv għall-utenti finali ta' aktar minn 40 % fis-setturi kollha tal-ekonomija (residenzjali, 61 % trasport, 41 %; terzjarju, 38 %; l-industrija, 21 %); billi r-realizzazzjoni ta' dan il-potenzjal jista' jwassal f'iffrankar nett ta' EUR 239 biljun kull sena fuq il-kontijiet tal-enerġija;
BA. billi aktar minn 40 % tal-enerġija finali fl-UE tintuża għal skopijiet ta' tisħin u tkessiħ, li minnhom (skont il-Pjattaforma Ewropea għat-Teknoloġija dwar Tisħin u Tkessiħ Rinnovabbli) 43 % tmur għall-familji, 44 % għall-industrija u l-kumplament (13%) tkopri s-servizzi;
BB. billi ntwera li l-akbar potenzjal għal iffrankar kosteffettiv tal-enerġija jinsab fis-settur tal-bini, attwalment responsabbli għal 40 % tal-użu tal-enerġija finali tal-UE u 36 % tal-emissjoni ta' CO2 tiegħu;
BC. billi l-istudji jindikaw li t-titjib fl-effiċjenza enerġetika jnaqqas l-ispejjeż, u dan jibbenefikaw minnu kemm l-industrija kif ukoll l-individwi;
BD. billi, skont ix-xejriet attwali,il-popolazzjoni globali mistennija taqbeż 9 biljun persuna sal-2050 u d-domanda globali għall-enerġija mistennija tiżdied b'aktar minn 40 % sal-2030;
BE. billi l-prezzijiet tal-enerġija li dejjem qed jiżdiedu wasslu għal rati għolja ta' faqar enerġetiku fl-UE;
BF. billi f'Mejju 2012 il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa li l-effiċjenza enerġetika tista' tagħti kontribut sinifikanti biex tbiddel ir-rotta taż-żieda attwali fil-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija, li fil-biċċa l-kbira tagħha qegħdin jaffettwaw l-aktar membri tas-soċjetà vulnerabbli;
BG. billi mira ambizzjuża ta' ffrankar tal-enerġija se żżid l-impjiegi netti b'400 000 impjieg sal-2020, l-aktar bil-ħolqien ta' impjiegi ferm meħtieġa fis-settur tal-bini u, ttejjeb il-baġits pubbliċi billi tnaqqas l-ispejjeż tal-qgħad;
BH. billi t-tkomplija tas-suq intern tal-enerġija hi prekundizzjoni għas-sigurtà ġenerali tal-enerġija tal-UE, għal prezzijiet kompetittivi tal-enerġija u t-twettiq kosteffettiv tal-objettivi tal-politika dwar il-klima;
BI. billi, mingħajr koordinament u implimentazzjoni kosteffettivi, id-diversi sussidji għal diversi sorsi u teknoloġiji tal-enerġija jgħawġu l-kompetizzjoni u jostakolaw it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija mingħajr ma jżidu ċ-ċertezza tal-investiment;
BJ. billi, fl-2011, is-sussidji fl-UE għal fjuwils fossili għall-elettriku weħidhom ammontaw għal EUR 26 biljun, u din iċ-ċifra ma tinkludix is-sussidji mogħtija għall-gass u ż-żejt;
BK. billi l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta' Mejju 2013 sejħu biex tingħata prijorità għat-tneħħija gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara ambjentali u ekonomika, inklużi għall-fjuwils fossili;
BL. billi skont studji li saru l-aġġornament u l-iżvilupp tal-grilji flimkien mal-forniment ta' aktar interkonnessjonijiet huma mod importanti biex jitjieb is-suq intern, jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija u biex il-kompetittività tal-industrija tingħata spinta, sakemm tintuża analiżi kostijiet-benefiċċji biex tindirizza l-investimenti rilevanti;
BM. billi l-istudji juru li l-ispejjeż ġenerali tas-sistema u l-effetti jvarjaw b'mod sinifikanti fost sorsi ta’ ġenerazzjoni differenti; billi dawn l-aspetti għandhom jiġu kkunsidrati wkoll fil-proċess ta' tfassil tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija tal-UE;
BN. billi skont stimi tal-AIE, iż-żieda fid-deċentralizzazzjoni tal-provvista tal-enerġija se ċċaqlaq il-ħtiġijiet tal-investiment fir-rigward tal-infrastruttura tal-enerġija mil-livell ta' trażmissjoni għall-livell ta' distribuzzjoni, fejn il-grilji ta' distribuzzjoni jkunu jeħtieġu tliet kwarti ta’ tali investiment fl-2030;
BO. billi ċ-ċifri tal-Eurostat juru li madwar 40 % tar-residenti tal-UE diġà jgħixu f'żoni urbani u l-urbanizzazzjoni qed tiżdied, u billi s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jnaqqsu t-tniġġis mill-partikolati li huma preżenti fl-atmosfera; billi s-sistema tat-trasport tirrappreżenta proporzjon konsiderevoli ta' emissjonijiet u se tkun affettwata b'mod pożittiv mill-isforzi favur l-effiċjenza;
BP. billi l-Kummissjoni ddikjarat fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2015 tagħha li l-aġġornament tal-grilja hu inevitabbli u li, aktar importanti minn hekk, l-ispiża se tkun l-istess indipendentement minn liema xenarju tal-enerġija jintgħażel, anke jekk jiġi deċiż li kollox jibqa' miexi kif inhu; jenfasizza li għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi żviluppata grilja intelliġenti u interkonnessa u li jintgħażel xenarju bbażat fuq l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika, għaliex dan hu l-uniku mod biex jintlaħqu l-għanijiet tas-sostenibbiltà, il-kompetittività, l-indipendenza tal-enerġija, is-sigurtà tal-enerġija u prezzijiet raġonevoli għall-enerġija;
BQ. billi skont ir-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2012, is-settur tal-enerġija sostenibbli u tat-teknoloġija ambjentali joffri opportunitajiet sinifikanti għan-negozji u l-ħolqien tal-impjiegi;
BR. billi r-Rapport dwar il-Kompetittività Ewropea 2012 jirrakkomanda li sabiex jibqgħu kompetittivi, id-ditti tal-UE jeħtieġ li jiffokaw fuq l-isfruttar tal-opportunitajiet tan-negozju offruti mill-għanijiet u l-isfidi ambjentali u soċjetali globali;
BS. billi, skont il-kalkoli tal-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tal-Kummissjoni, ix-xenarji ta' dekarbonizzazzjoni kollha vvalutati jipprevedu l-ħtieġa għal sehem ta' enerġija rinnovabbli ta' bejn 55 u 75 % ta' konsum finali tal-enerġija fl-2050; billi, skont l-istess kalkoli, is-sehem ta' enerġija rinnovabbli lil hinn mill-2020 se jonqos sew jekk ma jittiħdux miżuri addizzjonali;
BT. billi l-Ewropa hi attwalment fuq quddiem nett fit-teknoloġija tal-enerġija rinnovabbli b'madwar nofs miljun impjieg diġà maħluqa f'dan is-settur; billi sehem akbar ta' sorsi rinnovabbli se jwassal għal tkabbir sostenibbli fuq terminu twil u għal żieda fis-sigurtà tal-enerġija;
BU. billi s-settur tal-enerġija rinnovabbli jikkontribwixxi għal 1 % tal-PDG tal-UE u direttament jew indirettament jimpjega madwar 1.2 miljun persuna, 30 % aktar mill-2009; billi fl-2020, 2.7 miljun persuna fl-UE se jkunu impjegati mis-settur tal-enerġija rinnovabbli;
BV. billi s-setturi tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kienu qed jikbru minkejja l-kriżi, u huma mistennija li jġibu aktar tkabbir fil-PDG tal-UE fil-futur;
BW. billi, skont l-istudji, iċ-Ċina hi l-aktar pajjiż li tattira investimenti għall-enerġija rinnovabbli, filwaqt li l-Istati Uniti, l-Indja, il-Ġappun, il-Kanada u l-Awstralja huma wkoll fost l-aktar pajjiżi attraenti;
BX. billi hemm ħtieġa li tiġi żgurata l-kompetittività tal-UE fis-suq globali;
BY. billi żieda fir-riċerka f'diversi tipi ta' enerġija ġodda u sostenibbli u l-iskambju tal-aħjar prattika huma l-aħjar proposta għal soluzzjoni fuq terminu twil tal-problema;
BZ. billi l-iżvilupp sostenibbli hu bbażat fuq bilanċ bejn it-tliet pilastri ta' żvilupp ambjentali, ekonomiku u soċjali;
CA. billi l-livelli lokali u reġjonali għandhom rwol essenzjali fil-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri meħtieġa biex nimxu lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju;
Miri
1. Jilqa’ l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 u jistenna li l-Kunsill Ewropew jindirizza dawn il-kwistjonijiet permezz ta’ azzjonijiet ambizzjużi, realistiċi, kosteffettivi u flessibbli li jżommu vantaġġ kompetittiv sostenibbli għall-UE, permezz tal-għarfien u l-kompetenza tagħha fl-enerġija, u li jaħdmu kemm fl-immedjat u kemm fit-tul;
2. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-proposti għal struttura ta' governanza ġdida għall-qafas tal-2030, u jfakkar li l-qafas tal-2020 huwa bbażat fuq kodeċiżjoni sħiħa bejn il-Parlament u l-Kunsill; jinsisti li l-Kummissjoni għandha tibbaża kwalunkwe proposta leġiżlattiva fl-ambitu tal-kodeċiżjoni sħiħa bejn il-Parlament u l-Kunsill;
3. Jiddispjaċih li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030' (COM(2014)0015), adottata fit-22 ta' Jannar 2014, ma tħarisx 'il quddiem u mhijiex ambizzjuża f'għadd ta' livelli, speċifikament fir-rigward tan-nuqqas ta' miri nazzjonali għall-enerġija rinnovabbli u ta' kwalunkwe azzjoni ġdida sinifikanti li tinċentivizza l-effiċjenza enerġetika; jinnota l-komunikazjzoni reċenti tal-Kummissjoni dwar il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa (COM(2014)0021);
4. Jinnota l-pubblikazzjoni reċenti tal-ewwel parti tal-Ħames Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC, adottat fis-27 ta' Settembru 2013, li jikkonferma li 95 % tat-tisħin globali hu dovut għal attivitajiet tal-bniedem (meta mqabbel maċ-ċifra ta' 90 % ikkwotata fir-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni fl-2007 ) u jwissi dwar il-konsegwenzi possibbli ta' nuqqas ta' azzjoni għall-istabbiltà tal-ekosistema tagħna;
5. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jadottaw u jimplimentaw, bħala parti mill-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030, approċċ pluridimensjonali bbażat fuq politiki ta' tisħiħ reċiproku, ikkoordinati u koerenti u miri ambizzjużi vinkolanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ akbar mill-interazzjonijiet bejn dawn it-tliet miri, peress li huma l-aktar għodod xierqa għall-kisba tal-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija b'mod kosteffettiv fil-medda ta' żmien sal-2030, u jipprovdu ċertezza fl-investiment, u jagħtu spinta u jsaħħu l-kompetittività u sigurtà tal-enerġija fl-UE;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu mira vinkolanti tal-UE li sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi ta' gassijiet serra b'mill-inqas 40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990; iqis li l-livell ta' ambizzjoni għandu jkun konsistenti ma' perkors kosteffiċjenti biex jintlaħaq l-objettiv ta' 2°C; jenfasizza li tali mira għandha tiġi implimentata permezz ta' miri nazzjonali individwali li jqisu s-sitwazzjoni individwali u l-potenzjal ta' kull Stat Membru;
7. Jaqbel li l-UE għandha twiegħed li tilħaq din il-mira dwar il-gassijiet serra, bħala parti min-negozjati internazzjonali dwar il-klima, fi żmien debitu qabel is-summit ospitat mis-Segretarju Ġenerali tan-NU f'Settembru 2014, u jistieden lill-Kunsill Ewropew jagħmel l-istess mill-aktar fis possibbli;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistipulaw mira vinkolanti tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika ta' 40 %, f'konformità mar-riċerka dwar il-potenzjal kost-effettiv għall-iffrankar tal-enerġija; jenfasizza li tali mira għandha tiġi implimentata permezz ta' miri nazzjonali individwali li jqisu s-sitwazzjoni individwali u l-potenzjal ta' kull Stat Membru;
9. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu mira vinkolanti tal-UE għall-2030 li jipproduċu minn tal-anqas 30 % tal-konsum finali totali tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli; jenfasizza li tali mira għandha tiġi implimentata permezz ta' miri nazzjonali individwali li jqisu s-sitwazzjoni individwali u l-potenzjal ta' kull Stat Membru;
10. Jirrimarka li s-setturi kollha tal-ekonomija jkollhom jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra jekk l-UE trid twettaq is-sehem ġust tagħha fl-isforzi globali; jemmen li huwa meħtieġ ftehim bikri dwar il-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 sabiex l-UE tħejji ruħha għan-negozjati internazzjonali dwar ftehim internazzjonali legalment vinkolanti ġdid, iżda biex tipprovdi wkoll lill-Istati Membri, lill-industrija u lil setturi oħrajn b’qafas u miri ċari u legalment vinkolanti biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa fuq medda ta’ żmien medju u fit-tul, fit-tnaqqis tal-emissjonijiet, fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli;
11. Jinnota li t-toroq għad-dekarbonizzazzjoni ser jiddependu fuq proporzjonijiet differenti ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju fl-Istati Membri: l-enerġija rinnovabbli, l-enerġija nukleari, u l-ġbir u ħżin tal-karbonju jekk dan ikun disponibbli fil-ħin; jinnota li l-integrazzjoni ta’ sehem ikbar tal-enerġija rinnovabbli ser teħtieġ estensjonijiet sinifikanti tan-netwerks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni, kapaċitajiet ta’ riżerva spedibbli addizzjonali u/jew kapaċitajiet ta’ ħżin;
12. Ifakkar li kwalunkwe spiża addizzjonali ser tiġi mgħoddija, direttament jew indirettament, lill-konsumaturi aħħarin u għalhekk huwa tal-fehma li t-tnaqqis tal-ispiża addizzjonali tad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE huwa prerekwiżit biex tinżamm il-kompetittività tal-UE;
13. Ifakkar li l-Istati Membri jibqgħu kompetenti fl-għażla tat-taħlita tal-enerġija tagħhom u b’hekk għandhom jiddeċiedu fuq l-aħjar taħlita biex jilħqu l-objettivi tal-politika dwar l-enerġija tagħhom, b’mod partikolari dik tad-dekarbonizzazzjoni;
14. Iqis li mira vinkolanti b’saħħitha għall-effiċjenza enerġetika hija ta’ importanza primarja sabiex isir l-iktar użu effiċjenti tal-enerġija fl-Unjoni u li din il-mira għandu jkollha wkoll effett sekondarju li jiżgura li jkun meħtieġ inqas sforz biex jintlaħqu l-miri tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u tal-enerġija rinnovabbli;
15. Jemmen li l-miri ġenerali vinkolanti li jikkumbinaw l-isforzi nazzjonali kondiviżi huma l-iktar mezzi kosteffettivi u flessibbli sabiex l-Istati Membri jingħataw il-flessibbiltà meħtieġa u tiġi rispettata s-sussidjarjetà;
16. Jistieden lill-Kunsill Ewropew, sabiex tinżamm il-kontinwità tal-progress li sar fil-livell tal-UE u jipprovdi ċertezza fit-tul, jistabbilixxi miri realistiċi ambizzjużi għall-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030, b'kunsiderazzjoni għall-politika tal-enerġija u tal-klima l-aktar kosteffettiv li tippermetti lill-UE tonora l-impenn fit-tul meħud mill-Parlament u l-Kunsill biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE bi 80-95 % sal-2050, imqabbel mal-livelli tal-1990;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-politiki tagħha dwar il-klima u l-enerġija biex tikseb aktar konsistenza, flessibbiltà u kosteffettività tal-politiki tal-UE;
18. Jenfasizza li l-għan tal-UE tad-dekarbonizzazzjoni sal-2050 jista’ jintlaħaq biss jekk ikun hemm tranżizzjoni mill-fjuwils fossili u li l-politiki li jistgħu jimblukkawhom għandhom jiġu evitati; ifakkar li l-politiki ambizzjużi u fit-tul dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli għandhom jgħinu biex jiġi evitat dan l-imblukkar; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-konklużjonijiet reċenti tal-AIE li l-politiki dwar l-enerġija rinnovabbli huma irħas, fuq żmien twil, mid-dipendenza unika fuq il-prezz tal-karbonju peress li jinċentivaw iż-żieda f’waqtha ta’ portafoll wiesa’ ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli meħtieġa għad-dekarbonizzazzjoni totali tas-settur tal-enerġija fuq żmien twil;
19. Jinsab konvint li l-aħjar mod biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-enerġija attwali u futuri tal-Ewropa huwa permezz ta’ taħlita ta’ enerġija bbilanċjata u differenzjata, fejn jitnaqqsu d-dipendenzi fuq is-sorsi uniċi ta’ enerġija mingħajr ma jinħolqu dipendenzi ġodda, filwaqt li jitqies li l-Kummissjoni tagħti l-parir li titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq l-enerġija mill-fjuwils fossili; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqisu dawn il-fatturi kollha;
20. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa, flimkien mas-setturi tal-industrija milquta u fi ħdan il-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030, pjanijiet direzzjonali li jkunu speċifiċi għal kull settur li jippermettu flessibbiltà suffiċjenti lill-atturi tal-industrija;
21. Iqis li, għalkemm ħafna objettivi fil-politika tal-enerġija jistgħu jintlaħqu billi jogħlew il-prezzijiet tal-enerġija, l-isfida hi li jintlaħqu dawn l-objettivi u fl-istess waqt tiżdied l-attività ekonomika;
22. Jitlob li jkun hemm ir-riżorsi meħtieġa disponibbli għar-riċerka u l-iżvilupp fʼsorsi tal-enerġija rinnovabbli u teknoloġiji għall-iffrankar enerġetiku;
23. Jara kunsens wiesa’ għall-istabbiliment ta’ mira vinkolanti ġdida għat-tnaqqis tas-CO2, ibbażata fuq ETS riveduta u li taħdem sew;
24. Huwa tal-fehma li kemm l-objettivi fit-tul tal-politika tal-UE kif ukoll l-għodod tal-politika speċifika dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għandhom ikunu bbażati b’mod konsistenti fuq l-1990 bħala s-sena ta’ referenza;
25. Huwa tal-fehma li l-UE tista’ żżid l-ambizzjoni tat-tnaqqis tas-CO2 jekk il-pajjiżi emittenti ewlenin l-oħrajn, kemm fid-dinja żviluppata u kemm f’dik li għadha qed tiżviluppa, jimpenjaw ruħhom li jagħtu s-sehem ġust tagħhom fl-isforz globali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet;
26. Jindika li l-mira vinkolanti tal-2020 għas-sorsi ta’ enerġija (SER) poġġiet lill-UE quddiem nett fl-innovazzjoni tat-teknoloġija SER; jenfasizza li l-kontinwazzjoni ta’ din il-politika b’miri SER vinkolanti għandha tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE f’dan il-qasam; huwa tal-fehma li l-iżvilupp tas-SER jikkontribwixxi għall-kisba tal-mira tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, sabiex titnaqqas il-ħtieġa tal-importazzjoni tal-fjuwils fossili u tiżdied id-diversifikazzjoni tas-sorsi tagħna tal-enerġija; għalhekk, iqis li l-UE għandha tistabbilixxi mira vinkolanti f’termini ta’ effiċjenza enerġetika fil-qafas tal-2030 tagħha; jemmen li għandha tiġi implimentata politika progressiva dwar l-enerġija u l-klima li tkun koerenti mal-aġenda ta’ politika industrijali tal-UE għall-kompetittività;
27. Jifhem li sabiex tiġi permessa l-utilizzazzjoni massima tal-kapaċità SER, il-miri tal-2030 għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp tas-sistema ġenerali tal-enerġija:
28. Huwa tal-fehma li l-UE tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ta’ espansjoni ta’ 20 % għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli sal-2020; jenfasizza li l-espansjoni fl-livell nazzjonali, li mhix issir b’mod daqshekk koordinat u li għaddejja b'mod estremament mgħaġġel, qed ikollha konsegwenzi serji fuq is-suq intern tal-enerġija tal-UE (inter alia permezz ta' loop flows); huwa tal-fehma li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-futur se jkollhom jieħdu iktar responsabbiltajiet għas-sistemi tal-provvista tal-enerġija; jinsisti li jridu jiġu kkunsidrati l-aspetti rilevanti kollha tas-sistemi tal-provvista tal-enerġija meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar espansjoni addizzjonali tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;
29. Iqis li skemi ta' appoġġ, jekk ikunu mfassla tajjeb, flessibbli u prevedibbli, huma għodda xierqa biex jinċentivaw l-iżvilupp u l-użu kosteffiċjenti tas-SER u l-effiċjenza enerġetika; jenfasizza li kwalunkwe skema ta' appoġġ nazzjonali SER għandha progressivament lejn sistema aktar integrata ta' appoġġ fl-livell UE jew sub-UE, filwaqt li jitqiesu kemm il-livelli ta' maturità tat-teknoloġija kif ukoll id-differenzi reġjonali u ġeografiċi, li jistgħu jipprovdu qafas eqreb lejn is-suq, iċ-ċertezza ta' investiment u ambjent b'kundizzjonijiet ekwi; jara rwol importanti għall-Kummissjoni li tipprovdi gwida f'dan ir-rigward, inkluża l-konformità tal-iskemi ta' appoġġ b'regoli dwar is-suq intern u l-għajnuna mill-istat, b'kunsiderazzjoni għall-importanza tal-programm Orizzont 2020 għar-riċerka u l-innovazzjoni;
30. Jikkunsidra li l-qafas tal-politiki tal-2030 għandu jkun integrat f’viżjoni iktar fit-tul, li tħares speċifikament lejn l-2050, f’konformità mal-pjanijiet direzzjonali varji adottati mill-Kummissjoni; jemmen, f'dan il-kuntest, li l-politiki tal-UE għall-2030 dwar it-tnaqqis fl-emmissjonijiet tal-gassijiet serra, tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika għandhom jitqiesu bħala pass importanti lejn il-kisba ta' miri aktar fit-tul, bħala parti minn approċċ komprensiv li jiżgura li huma kosteffettivi, prevedibbli u sostenibbli;
31. Jikkunsidra li l-politika reġjonali tal-UE għandha rwol ewlieni xi twettaq fil-promozzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika fuq skala Ewropea; jinnota li kundizzjonijiet ġeografiċi differenti jagħmluha impossibbli li tiġi applikata politika tal-enerġija adattata għal kulħadd għar-reġjuni kollha;
32. Jirrikonoxxi li s-sussidji għas-sorsi tal-enerġija kollha, inklużi l-fjuwils fossili u l-enerġija nukleari, jista' jkollhom riperkussjonijiet sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-enerġija; jinnota li xi sorsi tal-enerġija rinnovabbli, bħall-enerġija mir-riħ fuq l-art u l-pannelli solari fotovoltajċi, huma qrib li jkunu kost-kompetittivi ma' sorsi tal-enerġija konvenzjonali, u jqis li l-iskemi ta' appoġġ assoċjati għandhom għalhekk jiġu adattati, u s-sussidji għandhom jitneħħew gradwalment biż-żmien, sabiex il-finanzjament ikun jista' jiġi riallokat għal programmi ta' riċerka u żvilupp dwar it-teknoloġiji tal-enerġija bħal sorsi tal-enerġija rinnovabbli tal-ġenerazzjoni li jmiss u teknoloġiji għall-ħżin; jenfasizza, madankollu, li dan għandu jitħabbar ħafna qabel biex jiġi evitat kwalunkwe effett dannuż fuq is-settur, u li jeħtieġ disinn riformat tas-suq tal-enerġija, proċeduri amministrattivi u tal-konnessjoni tal-grilja ssimplifikati u trasparenza akbar fis-swieq tal-enerġija; jiddeplora t-tibdiliet retroattivi li saru minn xi wħud mill-Istati Membri biex isostnu l-iskemi, li kienu ta’ dannu għall-fiduċja tal-investitur u l-livelli ta' investiment f'sorsi rinnovabbli tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni tistudja kif is-swieq tal-enerġija jistgħu jiġu ddisinjati mill-ġdid b’tali mod li jiggarantixxu redditu fuq l-investiment għal diversi sorsi tal-enerġija rinnovabbli li għandhom l-effett li jbaxxu l-prezzijiet tal-ingrossa iżda b’hekk ikollhom impatt fuq ir-redditu fuq l-investiment; jenfasizza li politika SER ċara, flimkien ma' programmi R&D, hija meħtieġa biex tbaxxi l-ispejjeż tat-teknoloġiji rinnovabbli kollha u biex itejjeb l-innovazzjoni u l-iżvilupp u l-mobilizzazzjoni ta' teknoloġiji ġodda u anqas maturi; jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-impatt tar-rilaxx prijoritarju tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq l-ispejjeż ġenerali tal-enerġija;
33. Jenfasizza, fl-istess ħin, il-ħtieġa li l-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili; jinnota li għadd ta' sussidji li ngħataw għall-fjuwils fossili, l-enerġija nukleari u xi teknoloġiji SER maturi qegħdin joħolqu distorsjonijiet strutturali tas-suq f'numru ta' Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri jneħħu gradwalment dawn is-sussidji, u b'mod partikolari sussidji diretti u indiretti fuq il-fjuwils fossili li jkunu ta' ħsara għall-ambjent, kemm jista' jkun malajr;
34. Jistieden lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Istati Membri tipprepara pjanijiet direzzjonali f’kull pajjiż, b’impenji ċari għat-tneħħija gradwali ta’ dawn is-sussidji;
35. Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi inventarju tas-sussidji nazzjonali u Ewropej kollha u tal-iskemi ta’ appoġġ għas-SER u jistieden lill-Istati Membri, biex f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, jintroduċu l-koerenza u t-trasparenza fil-livell tal-UE;
36. Jirrikonoxxi li l-investimenti fl-enerġija rinnovabbli saru ferm aktar diffiċli, l-aktar minħabba t-tibdil retroattiv li sar minn xi Stati Membri; jitlob qafas għall-politiki u l-miżuri legali stabbli u prevedibbli għall-2030, ibbażat fuq mira vinkolanti ambizzjuża dwar l-enerġija rinnovabbli, li jgħin b’mod sinifikanti biex jinħolqu l-impjiegi u titnaqqas l-inċertezza, jitnaqqas ir-riskju tal-investiment, jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kapital u għalhekk il-livell tal-appoġġ meħtieġ;
37. Jinnota li l-miri fit-tul jipprovdu stabbilità politika u jirrinfurzaw il-fiduċja tal-investituri, u b’hekk jitnaqqsu l-primjums għar-riskju għall-investituri, fattur kritiku għall-iżvilupp tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, li huma teknoloġiji li jirrikjedu ħafna kapital; jinnota li n-nuqqas ta' miri jwassal għal żieda sinifikanti fl-ispiża tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li l-investimenti possibbli permezz ta' mira fit-tul ibaxxu l-ispejjeż tat-teknoloġija u jnaqqsu l-ħtieġa għal appoġġ speċifiku;
38. Jenfasizza li l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għall-2050 wera li s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza mtejba fl-enerġija jistgħu jirriżultaw fi ffrankar annwali ta’ bejn EUR 175 biljun u EUR 320 biljun għall-Unjoni;
39. Jenfasizza l-potenzjal sustanzjali tal-ħolqien tal-impjiegi fl-enerġija rinnovabbli (3 miljun impjieg sal-2020) u l-effiċjenza enerġetika (2 miljun impjieg sal-2020)(23).
40. Jemmen li, sabiex il-produzzjoni SER tkun effiċjenti, huwa meħtieġ titjib fil-flessibbiltà tal-grilja, tal-infrastrutturi u fil-kapaċità ta’ trasport tal-enerġija;
41. Jistieden lill-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni tal-integrazzjoni mgħaġġla fl-enerġija rinnovabbli, sabiex tipproponi li l-qalba tas-suq intern tkun mibnija fuq Istati Membri li lesti li jintegraw u jikkooperaw b’rata mgħaġġla f'użu, produzzjoni u distribuzzjoni komuni tal-elettriku;
42. Jemmen li l-impatt taʼ sorsi tal-enerġija varji fuq l-ambjent u l-klima għandhom ikunu mmonitorjati bʼmod komprensiv;
43. Ifakkar li l-irħas enerġija hija dik li qatt ma tintuża; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li żieda fl-effiċjenza enerġetika għandha titqies bħala wieħed mill-pedamenti tal-politika tal-UE dwar l-enerġija u l-klima; huwa konvint li l-effiċjenza enerġetika tgħin biex jiġu kkonservati r-riżorsi, biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija, id-dipendenza enerġetika fuq fjuwils importati, id-defiċits tal-kummerċ u l-impatti tas-saħħa, u biex tittejjeb il-kompetittività internazzjonali fit-tul tal-ekonomija tal-UE, filwaqt li tiffaċilita wkoll it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE; jirrimarka li r-riċerka tissuġġerixxi li l-kisba tal-potenzjal tal-iffrankar kosteffettiv tal-enerġija tal-UE ta’ 40 % iwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal tal-inqas 50 % sal-2030 u jżid is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija għal 35 %; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u l-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini fil-pront u b'mod sħiħ; jenfasizza li l-potenzjal ta' kull settur ekonomiku u kull sitwazzjoni ekonomika jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fit-tfassil ta' politiki ġodda dwar l-effiċjenza, u li l-pass lejn titjib fl-effiċjenza enerġetika għandu jiffoka fuq il-katina kollha tal-provvista u d-domanda, inkluża t-trasformazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista, flimkien mal-konsum industrijali, tal-bini u l-konsum tad-djar, u tat-trasport; jirrikonoxxi l-benefiċċji tal-kampanji għat-tqajjim tal-kuxjenza dwar l-effiċjenza enerġetika;
44. Jirrikonoxxi li l-politiki attwali mhux se jippermettu lill-UE tilħaq il-mira ta’ effiċjenza enerġetika tagħha għall-2020; ifakkar il-wegħdiet tal-Kummissjoni li tistabbilixxi miri vinkolanti ta’ effiċjenza enerġetika għall-2020 u miżuri addizzjonali fuq l-Istati Membri jekk u meta s-somma tal-miri individwali tagħhom ma tilħaqx l-objettiv tal-UE ta' 20 %; ifakkar li l-objettivi tal-2030 iridu jkunu inkwadrati bħala passi fundamentali lejn viżjoni itwal għall-2050, sabiex jitqiesu ċ-ċikli ta’ investiment twal; jitlob lill-Kunsill Ewropew jistabbilixxi miri vinkolanti ta’ effiċjenza enerġetika għall-2020 u l-2030 bħala l-pedament ta’ politika sostenibbli tal-enerġija u tal-klima;
45. Jenfasizza li mira unika tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mwassla prinċipalment permezz tal-mekkaniżmu tal-ETS se tonqos milli tittratta l-potenzjal kbir tal-effiċjenza enerġetika fis-setturi li mhumiex koperti mill-ETS waqt li r-riżultat ikun li l-parti l-kbira tal-isforz għad-dekarbonizzazzjoni sal-2030 isir permezz tas-setturi tal-ETS bi spiża aktar għolja minn dik meħtieġa; jinnota li bosta mill-ostakli għall-kisba ta’ titjib fl-effiċjenza enerġetika mhumiex ta’ natura finanzjarja u ma jistgħux jiġu ttrattati mill-ETS fi ħdan approċċ abbażi ta’ mira unika tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra;
46. Jenfasizza li l-politika fit-tul tal-UE dwar l-effiċjenza enerġetika għandha tqiegħed it-tnaqqis tal-użu tal-enerġija fil-bini bħala element ċentrali, fid-dawl tal-fatt li r-rinnovazzjoni tal-bini eżistenti tirrappreżenta potenzjal kbir ta’ ffrankar tal-enerġija; jenfasizza li hemm bżonn li r-rata attwali u l-kwalità tar-rinnovazzjoni tal-bini jiżdiedu b’mod sostanzjali sabiex l-UE tkun tista’ tnaqqas il-konsum tal-enerġija tal-istokk eżistenti tal-bini bi 80 % sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-2010;
47. Jinnota li mira settorjali ta’ effiċjenza enerġetika għall-bini tista’ tixpruna t-trasformazzjoni meħtieġa tal-istokk tal-bini, u fl-aħħar nett tiżgura li r-riżorsa enormi ta’ enerġija li jirrappreżenta tiġi sfruttata; jirrikonoxxi li l-parti l-kbira tal-ostakli f’dan il-qasam huma legali, amministrattivi u finanzjarji, u mhux teknoloġiċi, u t-trasformazzjoni tas-suq tieħu ż-żmien u se tiddependi ħafna fuq miri fit-tul akkumpanjati minn miri intermedji għall-2020, l-2030 u l-2040 sabiex l-istokk kollu tal-bini jsir wieħed b’livell ta’ konsum enerġetiku ta’ kważi żero sal-2050;
48. Jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem fuq l-iżvilupp ta’ metodi u għodda aħjar għall-kalkolu u l-monitoraġġ tal-progress li jista’ jgħin biex jiġi ddisinjat approċċ tal-UE aktar konsistenti u trasparenti dwar l-effiċjenza enerġetika, u biex issir ħidma mal-Istati Membri biex jingħelbu l-ostakoli politiċi; jinnota li l-intensità tal-enerġija fir-relazzjoni mal-prestazzjoni ekonomika ilha tonqos għal deċennji sħaħ, prinċipalment minħabba raġunijiet politiċi; jemmen li l-effiċjenza tal-enerġija tista' tkun ukoll xprun sinifikanti għax-xjenzi materjali u li għandu jsir aktar biex l-industriji tal-UE jingħataw l-għajnuna biex ikomplu jtejbu l-intensità u l-kompetittività enerġetika tagħhom (b'mod partikolari permezz tal-awto-ġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija), li se tgħin biex jitnaqqas ir-riskju ta' rilaxx tal-karbonju; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa u tivvaluta l-progress u l-evoluzzjoni tal-effiċjenza enerġetika fl-UE meta mqabbla mal-kompetituri globali ewlenin tal-UE, biex jittejjeb il-proġettar dwar l-enerġija fid-dawl ta' muturi mhux ekonomiċi speċifiċi ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika u l-benefiċċji tal-iffrankar tal-enerġija, u biex telabora fuq kundizzjonijiet favorevoli għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika fil-kuntest tar-rieżami tal-linji gwida tal-għajnuna mill-Istat. jitlob lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta, f’waqtu, l-evoluzzjoni tal-iffrankar fl-enerġija fl-UE rigward l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u r-rieżami tiegħu li jmiss;
49. Jinnota li l-ETS bħalissa hija l-istrument ewlieni għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-settur tal-industrija u tal-enerġija filwaqt li fl-istess ħin tippromwovi investimenti f'teknoloġiji sostenibbli b'mod kosteffettiv u ekonomikament effiċjenti; jinnota, għalhekk, li t-titjib strutturali tal-ETS huwa meħtieġ sabiex tiżdied l-abbiltà tagħha biex tirrispondi b'mod effiċjenti u awtomatiku għal ċaqliq ekonomiku, biex b'hekk jiġi eliminat il-ħtieġa għal interventi fis-suq ad hoc u r-restawr taċ-ċertezza tal-investituri permezz ta' sistema li huwa prevedibbli u affidabbli fuq żmien twil; jitlob għal riforma strutturali urġenti tal-ETS, li għandha titlesta fl-2014, biex tittratta l-provvista attwali żejda ta’ kwoti u n-nuqqas ta’ flessibbiltà tal-mekkaniżmu; jenfasizza li r-riforma tal-ETS għandha tiżgura li din tibqa' totalment ibbażata fuq is-suq;
50. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament diġà talab biex tiġi proposta leġiżlazzjoni fl-aktar data qrib xierqa bil-għan li jiġi aġġustat ir-rekwiżit ta’ tnaqqis lineari annwali ta’ 1.74 % sabiex jintlaħqu r-rekwiżiti tal-mira ta’ tnaqqis tas-CO2 sal-2050;
51. Huwa tal-fehma, barra minn hekk, li l-Kummissjoni għandha tipproponi allokazzjoni obbligatorja tad-dħul mill-irkant għal teknoloġiji innovattivi u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent; jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar is-setturi u s-sottosetturi li huma f’riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju għandhom jinżammu, u jistgħu jiġu rieżaminati fid-dawl ta’ ftehim internazzjonali vinkolanti dwar il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, sabiex l-industrija tingħata l-akbar ċertezza possibbli;
52. Jinnota li l-UE teħtieġ qafas ta’ politiki komprensiv għall-2030 li jħeġġeġ l-investiment u d-dekarbonizzazzjoni fit-tul fis-setturi li mhumiex koperti mill-ETS, li huma responsabbli għal 60 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE; jenfasizza l-potenzjal sinifikanti mhux użat tal-effiċjenza enerġetika f’setturi speċifiċi bħall-bini u t-trasport (b’potenzjal ta’ effiċjenza enerġetika li huwa stmat li jammonta għal 61 % u 41 % rispettivament); jenfasizza li s-setturi li mhumiex koperti mill-ETS jistgħu jtaffu ferm l-isforz ta’ tnaqqis tal-karbonju tal-UE: jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu b’qafas ambizzjuż għas-setturi li mhumiex koperti mill-ETS sal-2030 filwaqt li jippreservaw il-flessibbiltà tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-mod partikolari tagħhom ta’ kif jiksbu l-miri tagħhom għall-qsim tal-isforz; jirrikonoxxi li l-miri għas-setturi li mhumiex koperti mill-ETS għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni minn isfel għal fuq tal-potenzjal ta’ kull settur;
53. Jenfasizza li l-ambizzjoni tal-miri tas-setturi li mhumiex koperti mill-ETS (qsim tal-isforz) hija pjuttost limitata meta mqabbla mal-miri għas-setturi koperti mill-ETS, u li krediti li ġew ikkontestati ħafna, pereżempju għall-gassijiet industrijali, għadhom permessi fil-kuntest tal-qsim tal-isforz, filwaqt li mhumiex permessi fl-ETS;
54. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta, mill-aktar fis possibbli, proposta li biha dawk il-krediti li ma jkunux jistgħu jibqgħu jintużaw fl-ETS jiġu esklużi wkoll mill-qsim tal-isforz, u jitlob lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom minnufih li jsegwu l-istess linja bħal dik imposta fuq l-industrija;
55. Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi qafas aktar ambizzjuż għas-setturi li mhumiex koperti mill-ETS (qsim tal-isforz);
56. Jenfasizza li ma ġiex ikkunsidrat biżżejjed l-impatt tal-metan (CH4) fuq it-tisħin globali, meta wieħed iqis li l-potenzjal ta’ tisħin globali (GWP) tiegħu huwa 80 darba ogħla minn dak tas-CO2 fuq perjodu ta’ 15-il sena, u 49 darba ogħla fuq perjodu ta’ 40 sena; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza b’mod aktar sħiħ l-impatt tal-metan b’rabta mal-politiki tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, tevalwa l-possibbiltajiet u tipproponi pjan ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CH4 adattat għas-sitwazzjonijiet partikolari ta’ ċerti setturi u Stati Membri;
57. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta qafas speċifiku għat-trasport, billi s-settur tat-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE u tal-konsum enerġetiku fl-UE, li jfisser li huwa t-tieni l-akbar settur ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra wara l-produzzjoni tal-enerġija;
58. Jara rwol importanti għall-bijofjuwils avvanzati fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fit-trasport, filwaqt li tiżdied is-sigurtà tal-enerġija u jingħata kontribut għat-tkabbir u l-impjiegi;
59. Jinnota l-importanza tal-ikkalkular komplet tal-karbonju skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils bil-għan li jitnaqqas iċ-ċiklu tal-ħajja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra minn fjuwils tat-trasport; jenfasizza li d-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils jista’ jkollha rwol importanti fil-promozzjoni ta’ bijofjuwils sostenibbli f’qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030; jiddispjaċih, għalhekk, rigward in-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-Kummissjoni li tiżgura t-tkomplija tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils wara l-2020;
60. Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi sett ta’ indikaturi biex tivvaluta l-progress magħmul minn setturi speċifiċi li mhumiex koperti mill-ETS, b’mod speċjali fir-rigward tar-rendiment tal-bini fis-sostenibbiltà;
61. Jara rwol importanti għall-koġenerazzjoni u għal tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti fiż-żieda fl-effiċjenza enerġetika, fl-ottimizzazzjoni tal-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tas-sħana jew tal-elettriku, u fit-titjib tal-kwalità tal-arja lokali kemm fil-preżent kif ukoll fil-futur; jistieden lill-UE tikkunsidra l-integrazzjoni sħiħa tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ fil-perkors lejn sistema tal-enerġija sostenibbli; jinnota li dan is-settur fil-preżent jirrappreżenta madwar 45 % tal-konsum finali tal-enerġija fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tiġbor id-dejta meħtieġa dwar is-sorsi u l-użi tat-tisħin u t-tkessiħ u d-distribuzzjoni tas-sħana lil gruppi differenti ta’ konsumaturi aħħarin (pereżempju residenzjali, tal-industrija u tas-settur terzjarju); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, barra minn hekk, jappoġġaw is-soluzzjonijiet ta’ tisħin u tkessiħ diġà eżistenti;
62. Jenfasizza l-potenzjal sinifikanti tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali fiż-żieda fl-effiċjenza enerġetika permezz tar-riċiklaġġ tas-sħana mill-produzzjoni tal-elettriku f’impjanti tat-tisħin u tal-enerġija elettrika kkombinati, impjanti tal-inċinerazzjoni tal-iskart u proċessi ta’ enerġija industrijali, li inkella tinħela; jinnota, barra minn hekk, li dan jipprovdi soluzzjoni integrata fiż-żoni urbani li tippermetti lill-UE tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni tal-enerġija u żżomm prezzijiet raġonevoli għall-ispiża tat-tisħin u t-tkessiħ għaċ-ċittadini;
63. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw il-potenzjal tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli li fadal għat-tisħin u t-tkessiħ u jistudjaw sinerġiji bejn konsum akbar ta’ sorsi rinnovabbli u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u d-Direttiva dwar il-Bini;
64. Jinnota li s-settur tal-ICT, li huwa konsumatur kbir tal-elettriku, b’ċentri tad-dejta fl-UE li jirrappreżentaw sa 1.5 % tal-konsum totali ta’ elettriku u meta l-konsumaturi huma dejjem aktar konxji tal-marka tal-karbonju tas-servizzi tal-IT u tal-cloud li jużaw, għandu potenzjal enormi għall-iffrankar tal-enerġija u jista’ jsir mudell eżemplari għall-effiċjenza enerġetika u l-promozzjoni ta' sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;
Il-koerenza tal-istrumenti tal-politika
65. Itenni li l-qafas għall-politiki dwar l-enerġija u l-klima sal-2030 għandu jilħaq l-objettivi tiegħu bl-aktar mod kosteffettiv; jemmen li dan jista’ jinkiseb billi jintbagħtu sinjali ta’ investiment ċari u jiġu evitati l-kumpens żejjed, il-kumplessità eċċessiva u piż regolatorju eċċessiv għall-industrija; iqis li l-qafas, għalhekk, għandu jippermetti flessibbiltà u libertà lill-Istati Membri, fil-limiti li jistabbilixxi, u jipprovdi stabbiltà u ċarezza għad-deċiżjonijiet dwar l-investiment; jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw bis-sħiħ mal-qafas tal-UE;
66. Jenfasizza l-importanza li tissaħħaħ il-koordinazzjoni fl-indirizzar tal-ħafna sfidi fil-qasam tal-klima u l-enerġija, fil-ħolqien ta’ suq tal-enerġija tal-UE trasparenti u fit-twaqqif ta’ skambji tal-aħjar prattika dwar kwistjonijiet ta’ enerġija fil-livell tal-UE, sabiex il-miżuri nazzjonali jkunu aktar effiċjenti u konsistenti; jemmen li l-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-Istati Membri jiddiskutu mal-pajjiżi ġirien kwalunkwe pjanijiet għal bidliet sinifikanti fil-provvista tal-enerġija tagħhom;
67. Ifakkar li qafas politiku u regolatorju ċar, koerenti u konsistenti, ibbażat fuq approċċ olistiku, huwa fundamentali biex tingħata spinta lill-ekonomija, jiġi ġġenerat it-tkabbir, jiġu assigurati prezzijiet tal-enerġija stabbli u li kulħadd jiflaħ iħallashom, u biex jiġi stimulat l-investiment meħtieġ fl-għażliet ‘no regrets’ (sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, effiċjenza enerġetika u infrastruttura intelliġenti), kif speċifikat fil-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tal-Kummissjoni, b’mod kosteffettiv u sostenibbli; jinnota li l-inkonsistenza bejn il-miri tagħna għall-2020 ikkontribwiet għall-prezz baxx attwali tal-karbonju;
68. Jenfasizza li fid-dawl ta’ investiment ekoloġiku fit-tul, huwa essenzjali li l-industrija tingħata ċertezza regolatorja fuq żmien bejn medju u twil, u jappella għal miri vinkolanti u ambizzjużi għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika;
69. Jenfasizza li l-aktar approċċ koerenti għal wara l-2020 huwa li tiġi stabbilita mira dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-UE kollha għall-2030 filwaqt li jiġi kkunsidrat it-tnaqqis fl-emissjonijiet li jirriżulta mill-objettivi għall-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli tal-UE għall-2030; jinnota li l-hekk imsejjaħ ‘approċċ bħala pakkett’, magħmul mill-miri dwar l-effiċjenza enerġetika, l-enerġija rinnovabbli u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u definit b’mod konformi mal-potenzjal kosteffettiv eżistenti ta’ ffrankar ta’ enerġija, ikun jista’ jippermetti lill-UE tilħaq il-miri tagħha dwar il-kompetittività, is-sigurtà tal-enerġija u d-dekarbonizzazzjoni bi prezz irħas tas-CO2 u inqas piż fuq l-industrija milli kieku kellha mira dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra biss;
70. Jinnota li l-Unjoni pproponiet proċess ta’ analiżi internazzjonali biex tivvaluta l-impenji preliminari qabel il-konklużjoni tal-ftehim dwar il-klima tal-2015; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill jaqbel dwar proċess ta’ analiżi bi skeda taż-żmien ċara biex jiġi żgurat li l-mira tal-Unjoni dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u miri oħra relatati jiġu rieżaminati u mtejba fejn ikun meħtieġ;
71. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ analiżi estensiva tal-għodod u l-miri, u tal-koerenza tagħhom, biex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern; jisħaq li l-mira dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra jeħtieġ tkun ambizzjuża biżżejjed biex tipprovdi inċentivi addizzjonali lil hinn minn dawk miksuba permezz tal-miri dwar l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli, u tkun konformi mal-livelli ta’ tnaqqis meqjusa xjentifikament meħtieġa biex jiġi evitat tibdil perikoluż fil-klima;
72. Jitlob lill-Kummissjoni teżamina l-interazzjonijiet bejn l-objettivi dwar il-klima u dawk dwar l-enerġija sabiex tikseb l-aktar politiki effiċjenti fil-livell tal-UE, biex jiġu evitati l-problemi li jinqalgħu meta l-miri u l-miżuri ma jkunux ġew stabbiliti b’mod koerenti, billi jitqies mhux biss il-PDG nazzjonali iżda wkoll il-kapaċità u l-potenzjal ta’ kull Stat Membru li jikseb tnaqqis kosteffettiv fl-emissjonijiet; ifakkar li t-titjib fl-effiċjenza enerġetika fis-setturi li mhumiex koperti mill-ETS, bħall-bini u t-trasport, għandu jirriżulta fi tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u dan għandu jippermetti tnaqqis fl-isforzi ta’ dekarbonizzazzjoni magħmula f’setturi oħra;
73. Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb l-effiċjenza u l-kosteffikaċja tal-approċċ ibbażat fuq tliet miri permezz ta’ politiki kkoordinati u koerenti li jkunu jistgħu tabilħaqq jibbenefikaw mill-interazzjonijiet eżistenti bejn dawn il-miri;
74. Jinnota li d-diskussjoni tal-objettivi għall-2030 għandha tkun ibbażata fuq analiżi ekonomika soda tal-impatt potenzjali tagħhom, imqassma skont il-pajjiż u s-settur; jitlob lill-Kummissjoni tippubblika d-dejta u l-analiżi kollha disponibbli dwar is-suġġett sabiex jiġi aċċertat jekk il-piż imqiegħed fuq l-Istati Membri jkunx inugwali;
75. Jemmen li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jiġu mħeġġa jtejbu l-kooperazzjoni sabiex jottimizzaw ir-riċerka, l-iżvilupp, l-isforzi ta’ innovazzjoni u l-effiċjenza tal-espansjoni tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inkluż fir-rigward tal-enerġija mir-riħ lil hinn mill-kosta; jiddeplora l-fatt li, sal-lum, il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni introdotti skont id-Direttiva dwar is-Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli tal-2009 bilkemm intużaw, u jappella biex isir aktar użu minn dawn il-mekkaniżmi; jinnota li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-użu aħjar tal-ambitu ta’ kooperazzjoni eżistenti jista’ jħalli benefiċċji konsiderevoli, pereżempju jagħti spinta lill-kummerċ; jenfasizza li l-integrazzjoni reġjonali għandha rwol enormi x’taqdi fl-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’mod kosteffettiv; iqis, b’rabta ma’ dan, li l-Kummissjoni għandha rwol importanti x’taqdi fil-koordinazzjoni, l-appoġġ finanzjarju u t-tħejjija ta’ analiżi xierqa tar-riżorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-potenzjal ta’ kull Stat Membru, u bħala mutur għall-konverġenza gradwali tal-politiki nazzjonali dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli;
76. Jinnota li l-UE jeħtieġ iżżomm l-impenn tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra permezz ta’ politiki li jipprevjenu l-iżvilupp ta’ fjuwils fossili mhux konvenzjonali b’emissjonijiet għoljin ħafna ta’ gassijiet serra, bħar-ramel bituminuż;
77. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi ta’ kif sorsi differenti ta’ enerġija, inklużi dawk rinnovabbli, jistgħu jiġu żviluppati b’mod aktar sostenibbli u kosteffettiv, waqt li jitqiesu l-impatt ambjentali, l-ispejjeż totali tas-sistema, aspetti relatati mad-dipendenza fuq il-materja prima (b’mod partikolari l-elementi terrestri rari, li huma skarsi fl-Ewropa), l-effiċjenza fir-riżorsi u ċ-ċiklu tal-ħajja;
78. Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi ta’ kif sorsi stabbli ta’ enerġija rinnovabbli bħall-enerġija idroelettrika (b’mod partikolari l-faċilitajiet ta’ ħżin bil-pompa), il-bijomassa sostenibbli u l-ġenerazzjoni tal-elettriku ġeotermali jistgħu, flimkien ma’ sorsi ta’ fjuwils fossili, jikkumplimentaw lis-sorsi rinnovabbli varjabbli; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi kriterji ta’ sostenibbiltà għal bijomassa solida u gassuża, waqt li jitqiesu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra matul iċ-ċiklu tal-ħajja sabiex jiġi limitat l-użu ineffiċjenti tar-riżorsi tal-bijomassa;
79. Jenfasizza r-rwol importanti tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fil-kisba tal-objettivi tal-klima u tal-enerġija tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw l-objettivi tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi f’oqsma ta’ politika ewlenin oħrajn, u jeliminaw gradwalment is-sussidji li jwasslu għal użu ineffiċjenti tar-riżorsi;
80. Jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf bażi ta’ dejta, onlajn u faċilment aċċessibbli, dwar l-użu effiċjenti tar-riżorsi;
81. Ifakkar li t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni f’waqthom tal-atti leġiżlattivi tal-UE, b’mod speċjali fis-setturi tal-ambjent u l-enerġija, huma kemm obbligu kif ukoll ħtieġa biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq;
83. Jinnota li huwa ċar li l-miri ta’ effiċjenza nazzjonali indikattivi ppubblikati fl-2013 skont id-Direttiva tal-2012 dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija ma jilħqux il-livell ta’ ambizzjoni ta’ 20 % miftiehem mill-UE; jinsisti li l-Kummissjoni m’għandhiex tistenna aktar biex tipproponi politiki u miżuri ġodda, inkluża mira vinkolanti ta’ effiċjenza enerġetika għall-2020, u għandha tinkludi mira vinkolanti ta’ effiċjenza enerġetika fil-komunikazzjoni tagħha li jmiss dwar il-qafas tal-2030, sabiex tiżgura koerenza bejn il-miri;
84. Jenfasizza l-importanza ta’ inizjattivi lokali u reġjonali dwar il-klima u l-enerġija, peress li dawn jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-isforzi nazzjonali ta’ mitigazzjoni u għal aktar żvilupp ta’ ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi bħal dawn, speċjalment permezz tal-iżvilupp immirat ta’ programmi ta’ finanzjament eżistenti fil-qasam tal-klima u l-enerġija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu kwalunkwe ostaklu li jfixkel lill-awtoritajiet lokali u reġjonali milli jilħqu l-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija;
85. Jinnota li l-qafas attwali tal-UE dwar l-enerġija u l-klima jonqos milli jirrifletti d-differenzi fl-użu tal-enerġija bejn l-ibliet u ż-żoni rurali li mhumiex kollegati mal-grilja; jinnota li ċerti sfidi dwar l-enerġija huma aktar serji fiż-żoni rurali (effiċjenza enerġetika fqira, kemm l-enerġija hija ta’ prezz li kulħadd jiflaħ iħallsu, marka tal-karbonju għolja tal-fjuwils solidi u likwidi għat-tisħin);
86. Jistieden lill-Kummissjoni telabora strateġija rurali dwar l-enerġija bħala parti mill-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030, sabiex tanalizza wħud mill-isfidi partikolari li jiffaċċjaw il-konsumaturi li mhumiex kollegati mal-grilja u tagħmel serje ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika lill-Istati Membri;
87. Jemmen li l-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 għandu jinkorpora l-istrumenti disponibbli fi ħdan il-politika reġjonali tal-UE sabiex jinkisbu l-miri tal-2030, u li dan għandu jinkludi użu aħjar tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment għall-iżvilupp ta’ proġetti ta’ enerġija rinnovabbli deċentralizzata, proġetti ta’ fjuwil nadif f’żoni urbani u rurali u proġetti ta’ effiċjenza enerġetika;
Is-sigurtà tal-enerġija
88. Jenfasizza li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija kruċjali għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE; jenfasizza l-importanza tal-qafas għall-politiki dwar il-klima u l-enerġija sal-2030 li jindirizza l-ħtieġa għal aktar sigurtà tal-enerġija, is-sostenibbiltà ambjentali, il-kompetittività ekonomika u industrijali fl-UE, prezzijiet tal-enerġija li l-Ewropej kollha jkunu jifilħu jħallsuhom, reżistenza akbar għax-xokkijiet globali fl-enerġija, u l-ħolqien tal-impjiegi, flimkien ma’ aspetti soċjali, permezz ta’ mizuri bħad-diversifikazzjoni tar-rotot tal-provvista tal-enerġija, tal-fornituri u tas-sorsi;
89. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija u, eventwalment, l-awtosuffiċjenza tal-UE, li primarjament jintlaħqu bil-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika, tal-iffrankar tal-enerġija u tal-enerġija rinnovabbli, li flimkien ma’ sorsi ta’ enerġija alternattivi se jnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet; jinnota l-interess li qed ifeġġ fir-rigward tal-esplorazzjoni tal-meded taż-żejt u l-gass fil-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed; jemmen li, fil-kuntest tal-politika tal-UE dwar it-tħaffir għaż-żejt u l-gass fil-baħar, l-enfasi għandha tkun fuq il-prevenzjoni tal-perikli potenzjali u d-delinjament ta’ żoni ekonomiċi esklussivi għall-Istati Membri kkonċernati u l-pajjiżi terzi rilevanti skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, li l-Istati Membri kollha, u l-UE nfisha, huma firmatarji tagħha;
90. Jenfasizza li sabiex tinkiseb is-sigurtà tal-provvista, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu t-taħlita tal-enerġija tagħhom u jieħdu vantaġġ mir-riżorsi tal-enerġija tagħhom, sakemm jilħqu l-objettivi tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima fit-tul u jiżguraw prattiki sikuri, ambjentalment sostenibbli u soċjalment aċċettabbli, inkluż fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ esplorazzjoni u estrazzjoni, filwaqt li jqisu wkoll l-effetti transkonfinali dannużi li jista’ jkun hemm;
91. Jenfasizza li, waqt li l-UE tkompli tfittex li tilħaq il-mira tagħha dwar is-sigurtà tal-enerġija, waħda mill-prijoritajiet hija li jiġi żviluppat mudell ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri billi tiġi żgurata t-tlestija rapida tas-suq intern tal-enerġija tal-UE, inkluż, b’mod partikolari, il-bini ta’ interkonnetturi u l-eliminazzjoni tal-ostakli transkonfinali; jemmen, barra minn hekk, li t-tlestija u l-immodernizzar tal-infrastruttura tal-UE li tgħaqqad it-Tramuntana, in-Nofsinhar, il-Lvant u l-Punent se jippermettu lill-UE tagħmel l-aħjar użu mill-vantaġġi komparattivi ta’ kull Stat Membru, u jappella għal aktar appoġġ effiċjenti u sostenibbli għall-produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata, fuq skala mikro u li tappartjeni lill-komunità u għal infrastruttura tal-enerġija intelliġenti fil-livell tad-distribuzzjoni, flimkien ma’ programmi ta’ ħżin u ta’ tweġiba għad-domanda biex ikun hemm ibbilanċjar lokali tad-domanda u l-provvista fl-Istati Membri kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati ulterjorment is-swieq tal-enerġija elettrika makroreġjonali fl-UE, bħas-swieq Nord Pool u Central West; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni b’saħħitha bejn il-politiki tal-Istati Membri u azzjoni konġunta, solidarjetà u trasparenza billi d-deċiżjonijiet ta’ politika tal-enerġija nazzjonali jistgħu jaffettwaw Stati Membri oħra; jissuġġerixxi li jkun tajjeb li jiġi ddeterminat jekk u kif il-kompetenzi u l-faċilitajiet tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija jistgħu jintużaw fit-twettiq tal-kompiti msemmija hawn fuq, u kif tista’ tiġi żgurata kooperazzjoni aħjar bejn l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni;
92. Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tippreżenta leġiżlazzjoni dwar il-fratturazzjoni idrawlika, tinkludi valutazzjoni tal-impatt ambjentali obbligatorja kemm għall-esplorazzjoni kif ukoll għall-estrazzjoni tal-gass tax-shale; jenfasizza, barra minn hekk, li ma hemmx dejta biżżejjed dwar is-sustanzi kimiċi użati waqt il-proċess ta’ fratturazzjoni idrawlika; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex meta tippreżenta leġiżlazzjoni bħal din, tiżgura t-trasparenza fir-rigward tad-dejta dwar dawn is-sustanzi kimiċi sabiex tiżgura l-ogħla livell ta’ saħħa pubblika u ħarsien tal-ambjent;
93. Huwa tal-fehma li l-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) jista’ jaqdi rwol importanti fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (kif rikonoxxut fil-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 u l-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050 tagħha), tal-inqas għal perjodu tranżitorju, speċjalment għall-industriji li jużaw ħafna enerġija; jinnota, madankollu, in-nuqqas ta’ investiment pubbliku u privat f’dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza kif l-aħjar jiġi indirizzat l-iżvilupp tat-teknoloġiji CCS fl-UE, u tipproponi miżuri xierqa fi ħdan il-qafas tal-2030 sabiex timmobilizza l-partijiet interessati u l-finanzjament neċessarju; jenfasizza li kemm is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli kif ukoll is-CCS għandhom rwol x’jaqdu fit-taħlita tal-enerġija futura tal-UE u m’għandhomx jitqiesu bħala kompetituri ta’ xulxin; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tintensifika l-iskambji tal-aħjar prattika u tal-informazzjoni mal-Istati Uniti u l-Kanada dwar it-teknoloġija CCS;
94. Jirrimarka li l-gass se jaqdi rwol importanti fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija tal-UE u jagħraf il-potenzjal tal-gass naturali li jipprovdi flessibbiltà fis-sistema tal-provvista tal-enerġija fl-immedjat u fit-terminu medju; jemmen li qafas politiku u regolatorju koerenti m’għandux jiskoraġġixxi l-bidla mill-ġenerazzjoni ta’ enerġija elettrika bl-użu qawwi ta’ karbonju għall-gass naturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fir-rigward tas-suq intern tal-gass, janalizzaw il-kuntratti kollha tal-gass ibbażati fuq mekkaniżmi tal-ipprezzar skaduti, inkluż l-indiċi taż-żejt mhux raffinat, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tassisti biex tiġi esplorata l-possibbiltà ta’ negozjar mill-ġdid ta’ dawn il-kuntratti u tat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ skambju tal-gass fl-immedjat; jenfasizza l-iżviluppi reċenti fis-suq globali tal-enerġija u jfakkar fil-kontribut importanti li l-LNG jista’ jagħti lill-provvista tal-enerġija tal-UE minħabba l-impatt tiegħu fuq is-suq intern tal-enerġija, il-ġeopolitika tal-enerġija fil-viċinat tal-UE u r-relazzjonijiet mal- pajjiżi fornituri tradizzjonali;
95. Jenfasizza l-potenzjal kbir tar-riħ lil hinn mill-kosta tal-Baħar tat-Tramuntana; jenfasizza l-importanza tas-sistema ta’ distribuzzjoni fil-baħar tal-Baħar tat-Tramuntana għall-użu kosteffettiv tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-Baħar tat-Tramuntana; jirrikonoxxi, b’rabta ma’ dan, l-importanza tal-inizjattiva tas-Sistema ta’ Distribuzzjoni fil-Baħar tal-Pajjiżi tal-Baħar tat-Tramuntana u jistieden lill-Istati Membri kkonċernati u lill-Kummissjoni jagħtuha aktar prominenza u appoġġ;
96. Jenfasizza li l-forestrija attiva, li żżid it-tkabbir u għalhekk l-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju, hija mod importanti u kosteffettiv li jgħin biex jintlaħqu l-miri dwar il-klima; jinnota li kull metru kubu ta’ foresta prodott permezz ta’ kultivazzjoni attiva jassorbi madwar 1,3 tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu inċentivi għas-sidien tal-boskijiet biex jikkontribwixxu attivament għaż-żieda fil-benefiċċji għall-klima, pereżempju billi jiffokaw fuq miżuri reġjonali li jżidu l-produzzjoni dejjiema tal-foresti u l-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju;
97. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-livell Ewropew jista’ jgħin inaqqas l-intervent tal-Istat fil-livelli kollha, u b’hekk inaqqas ir-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tkompli bil-proċess ta’ diżaggregazzjoni u l-ħolqien ta’ sistema tal-enerġija ottimali; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ u f’waqtu t-tielet pakkett leġiżlattiv tas-suq intern tal-enerġija sabiex jitneħħew l-ostakli kollha li fadal għat-tlestija tas-suq intern; jenfasizza l-importanza li jiġu eliminati d-diffikultajiet infrastrutturali li fadal, il-każijiet ta’ fallimenti tas-suq, u t-tgħawwiġ jew l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ trasparenza u jiġi żgurat li ma jinħolqux ostakli ġodda għall-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku u tal-gass, bħal swieq tal-kapaċità mfassla ħażin li jiddiskriminaw kontra ċerti tipi ta’ bbilanċjar ta’ riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra t-tfassil tas-swieq fil-proposti tagħha għall-2030 sabiex ittejjeb il-kummerċ tal-elettriku u tiżviluppa bbilanċjar trasparenti u swieq tas-servizzi ta’ appoġġ għall-grilja; jenfasizza li l-eliminazzjoni gradwali madwar l-UE ta’ prezzijiet regolati għall-konsumatur aħħari, li huma aktar baxxi mill-ispejjeż imġarrba, għandha tqis l-interessi leġittimi tal-konsumaturi vulnerabbli, li mhux dejjem jistgħu jibbenefikaw minn kompetizzjoni reali fis-swieq tal-enerġija;
98. Jenfasizza li l-enerġija u l-konsumaturi – sew l-individwi, sew l-SMEs u sew l-industrija – qegħdin fil-qalba tas-suq intern tal-enerġija u għandhom jibbenefikaw mill-aktar spejjeż u prezzijiet baxxi possibbli, li għandhom ikunu trasparenti, u li għandhom jingħataw informazzjoni u pariri preċiżi permezz ta’ aċċess faċli għall-informazzjoni, sabiex jiġi promoss il-konsum responsabbli tal-enerġija, u li l-esponiment tagħhom għall-prezzijiet tal-enerġija li qed jogħlew u jinbidlu dejjem aktar malajr għandu jiġi indirizzat; jinnota l-importanza li jiġu ffaċilitati l-ħolqien u l-ġestjoni tal-inizjattivi taċ-ċittadini, inkluż permezz tal-kooperattivi;
99. Jenfasizza l-ħtieġa li l-qafas il-ġdid jindirizza l-konsegwenzi tal-prezzijiet tal-enerġija dejjem jogħlew u tal-kriżi ekonomika fir-rigward ta’ kemm l-enerġija hija ta’ prezz li kulħadd jiflaħ iħallsu u tat-tqassim ġust tal-piżijiet finanzjarji fuq il-konsumaturi aħħarin (il-familji u n-negozji); jappella, b’mod partikolari, għal miżuri li jevitaw it-telf ta’ impjiegi fl-industriji tal-UE milquta ħażin li għandhom livell għoli ta’ konsum ta’ enerġija, li huma fost l-aktar indaf fid-dinja fis-settur tagħhom; jirrikonoxxi li l-iffrankar kosteffiċjenti tal-enerġija jista’ jnaqqas il-kontijiet tal-enerġija kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji; jenfasizza li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija tista’ tiġġenera impjiegi ġodda fil-modifikazzjoni ta’ bini eżistenti sabiex jiġu żgurati benefiċċji li jibqgħu għaddejjin: iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-fondi tal-UE disponibbli għal skopijiet bħal dawn;
100. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lil kemm l-enerġija hija ta’ prezz li kulħadd jiflaħ iħallsu u lill-faqar enerġetiku; jemmen li biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet huwa meħtieġ qafas ta’ politiki koerenti li jinkludi miżuri ta’ politika soċjali adegwati, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattika f’dan il-qasam u taħdem mal-Istati Membri biex tiżviluppa indikaturi u parametri referenzjarji għall-identifikazzjoni u t-tqabbil tal-faqar enerġetiku attwali u potenzjali; jagħraf li l-faqar enerġetiku jiġi indirizzat strutturalment permezz ta’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika; jinnota li l-enerġija hija servizz essenzjali kopert mill-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali, mehmuż mat-Trattat ta’ Lisbona; jenfasizza li l-ispejjeż tal-politika tal-enerġija għandhom jiġu rkuprati bl-aktar mod ġust possibbli, b’enfasi speċjali fuq il-familji vulnerabbli u bi dħul baxx, li huma l-aktar milquta mill-prezzijiet għoljin tal-enerġija; iqis li l-involviment tal-konsumaturi għandu jiġi promoss; jenfasizza li t-titjib tas-swieq u tal-infrastruttura għandu jirrifletti l-ħtiġijiet taċ-ċittadini, u li għandu jkun hemm trasparenza u responsabbiltà għall-investimenti magħmula;
101. Jinnota li sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija jrid ikun hemm biżżejjed riżorsi flessibbli u affidabbli biex jipprovdu l-kapaċità meħtieġa f’perjodi ta’ domanda qawwija kif ukoll f’perjodi kkaratterizzati minn diffikultajiet politiċi, ekonomiċi u teknoloġiċi, u li din il-kapaċità tkun tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ riserva flessibbli, ġestjoni fuq in-naħa tad-domanda, kummerċ u interkonnessjoni transkonfinali, u użu aktar effiċjenti tal-kapaċità żejda eżistenti; jirrimarka l-ħtieġa ta’ ħżin tal-enerġija u grilji aktar flessibbli u dinamiċi, fid-dawl tal-provvista dejjem tikber ta’ sorsi varjabbli ta’ enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tħejji gwida dwar l-użu u l-varar tar-riżorsi flessibbli kollha;
102. Jinnota li xi Stati Membri (flimkien ma’ ċerti gżejjer u reġjuni ultraperiferiċi), peress li huma iżolati jew integrati b’mod relattivament dgħajjef fis-suq intern tal-enerġija Ewropew, għadhom fil-parti l-kbira maqtugħin min-netwerks Ewropej tal-gass u tal-elettriku, ta’ sikwit jibqgħu jiddependu fuq fornitur wieħed mhux fl-UE (li huwa partikolarment prekarju fil-każ ta’ reġimi instabbli jew mhux demokratiċi) u jħallsu prezzijiet ogħla għall-enerġija, li jaffettwa ħażin il-kompetittività u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom u jrendihom vulnerabbli għal pressjoni politika u ekonomika minn barra; jirrimarka li mingħajr investiment sostanzjali fl-infrastruttura, l-impenn tal-Kunsill Ewropew li l-ebda Stat Membru ma jibqa’ iżolat min-netwerks tal-UE sal-2015 ikun diffiċli jintlaħaq fir-rigward tal-Istati Membri kkonċernati; huwa favorevoli, f’dan il-kuntest, għall-implimentazzjoni rapida tal-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni maħruġa f’Ottubru tal-2013;
103. Jinnota li l-integrazzjoni fiżika tal-infrastruttura tal-enerġija bejn l-Istati Membri hija prekundizzjoni għall-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-enerġija u l-kondiviżjoni tal-enerġija minn pajjiż għal ieħor; ifakkar, b’rabta ma’ dan, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona tal-2002, li ffissaw mira mhux vinkolanti ta’ interkonnessjoni tal-elettriku ta’ 10 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni installata nazzjonali, li kellha tintlaħaq sal-2005; jenfasizza li l-parti l-kbira tal-Istati Membri ma laħqux din il-mira; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tistabbilixxi miri vinkolanti għall-kapaċità ta’ trażmissjoni transkonfinali minima u tipproponi mudell ġdid u impenji ġodda għall-integrazzjoni fiżika tal-infrastruttura tal-elettriku bejn l-Istati Membri, flimkien ma’ skeda taż-żmien ċara għall-implimentazzjoni; jemmen li dan jista’ jiffaċilita l-kummerċ transkonfinali;
104. Jirrikonoxxi li l-estensjoni tar-regoli dwar is-suq intern tal-enerġija lejn ix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa hija indispensabbli għas-sigurtà tal-enerġija tal-UE u għaldaqstant jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jibqgħu jappoġġaw politikament u finanzjarjament lill-Komunità tal-Enerġija;
105. Jitlob lill-Kummissjoni tinvestiga l-potenzjal, u t-teknoloġiji differenti possibbli, tal-ħżin tal-enerġija fl-UE, b’mod speċjali rigward it-tisħin u l-elettriku, bil-għan li jiġi appoġġat approċċ aktar integrat għall-provvista u d-domanda tal-enerġija; jinnota li l-R&D&I fil-qasam tat-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet tal-ħżin, bħalma huma l-vetturi li jaħdmu bl-elettriku, jista’ jaqdi rwol importanti fil-ħżin ta’ elettriku rinnovabbli żejjed u fl-ibbilanċjar tal-grilji tal-enerġija; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltajiet ta’ finanzjament eżistenti għal tali riċerka;
106. Jinnota l-importanza tal-allinjament tal-pass tal-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija ma’ dak tal-investiment fis-sorsi tal-enerġija; jenfasizza li l-immodernizzar tal-infrastruttura tal-enerġija eżistenti u l-bini ta’ infrastruttura ġdida, intelliġenti u flessibbli fil-livelli kollha tal-grilja għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni (b’mod speċjali permezz ta’ interkonnetturi transkonfinali tal-gass u tal-elettriku), id-distribuzzjoni u l-ħżin tal-enerġija, kemm għat-tisħin u kemm għall-elettriku, huma essenzjali għal suq tal-enerġija stabbli, integrat tajjeb u kollegat sew b’sorsi ta’ provvista diversifikati, fejn jiġi evitat kwalunkwe effett negattiv bħal flussi ta’ enerġija mhux ippjanati; jenfasizza li l-investimenti fuq skala kbira għandhom isiru b’mod parallel mal-investimenti f’netwerks reġjonali jew saħansitra lokali; jenfasizza li l-investimenti fl-infrastruttura mmirati biex jilħqu objettivi bħal dawn għandhom jingħataw appoġġ mill-UE f’kull stadju tal-implimentazzjoni tagħhom f’konformità mal-linji gwida l-ġodda għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea, u għandhom jiġu appoġġati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li hija mmirata biex taċċelera l-investiment fil-qasam ta’ netwerks trans-Ewropej ta’ importanza trans-Ewropea u tattira l-finanzjament kemm mis-settur pubbliku kif ukoll minn dak privat; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati reġimi ta’ għoti ta’ permessi għall-investiment fl-infrastruttura fl-UE li jkunu koerenti, effiċjenti u kkoordinati aħjar; jinnota li, b’rabta mal-użu ta’ teknoloġiji intelliġenti, iridu jitqiesu wkoll kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-dejta;
107. Jenfasizza li l-istimular tal-mikroġenerazzjoni ser tkun element fundamentali biex jiżdied is-sehem tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; jenfasizza r-rwol tal-inizjattivi tal-komunità, inklużi l-kooperattivi, f’kull stadju tal-katina tal-enerġija: il-produzzjoni, il-konsum u l-bejgħ bl-imnut; jinnota, b’rabta ma’ dan, li provvista tal-enerġija rinnovabbli deċentralizzata tista’ tgħin biex jittaffu l-problemi li jiffaċċjaw in-netwerks tal-elettriku u titnaqqas il-ħtieġa li jinbnew linji ta’ trażmissjoni ġodda, u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż relatati, peress li t-teknoloġiji deċentralizzati huma ferm eqreb il-konsumaturi aħħarin; jinnota, għalhekk, il-ħtieġa dejjem tikber ta’ investiment fil-livell tad-distribuzzjoni;
108. Jemmen li suq intern lest, miftuħ u trasparenti, fejn il-kumpaniji tal-UE u ta’ pajjiżi terzi jkunu lkoll konformi mal-acquis communautaire, partikolarment fl-oqsma tal-enerġija u tal-ambjent, jista’ jiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri tal-enerġija tal-UE vis-à-vis l-produtturi tal-enerġija ta’ pajjiżi terzi u jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ negozjar tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta’ politika esterna dwar l-enerġija kkoordinata aħjar;
109. Jinnota li, fis-settur tal-enerġija, il-formazzjoni tal-prezzijiet ibbażata fuq is-suq, inkluża l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, iżda mingħajr rabta mal-formazzjoni tal-prezzijiet fuq is-swieq terzi, tikkostitwixxi l-aħjar mod kif jiġu garantiti prezzijiet kompetittivi;
110. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ djalogu mal-pajjiżi mhux tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti mill-UE għall-ħarsien tal-ambjent, l-użu ta’ teknoloġiji ekoloġiċi u ż-żamma ta’ status ta’ konservazzjoni sodisfaċenti;
111. Jemmen li qafas ċar għall-2030 li jistabbilixxi miri vinkolanti għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika jista’ jixpruna l-investiment f’teknoloġiji innovattivi, jinċentivizza l-R&D u jistimula l-investiment privat, li, flimkien mal-appoġġ pubbliku, jagħti stimolu ekonomiku ferm meħtieġ biex tingħata spinta lill-ekonomija kollha kemm hi, u dan iwassal għal aktar kompetittività, tkabbir u impjiegi ta’ kwalità għolja li ma jistgħux jiġu rilokati ’l barra mill-Unjoni; iqis li tali żieda fl-investiment se tirriżulta fi spejjeż ta’ produzzjoni aktar baxxi għall-industrija Ewropea permezz ta’ aktar effiċjenza enerġetika u fl-użu tar-riżorsi, u tnaqqas il-vulnerabbiltà fil-konfront taċ-ċaqliq globali fil-prezzijiet tal-enerġija, u b’hekk jinħoloq ambjent ta’ investiment aktar stabbli; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tas-Semestru Ewropew, tagħmel enfasi akbar fuq il-potenzjal għall-impjiegi fis-setturi tal-enerġija sostenibbli f’kull Stat Membru u fl-Unjoni kollha kemm hi;
112. Jenfasizza li l-istabbiliment ta’ miri vinkolanti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika se jistimolaw l-investiment bikri f’teknoloġiji sostenibbli, u b’hekk jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir filwaqt li l-industrija Ewropea tingħata vantaġġ kompetittiv internazzjonali;
113. Jitlob lill-Kummissjoni timplimenta s-sett ta’ azzjonijiet ewlenin tagħha b’rabta mal-impjiegi għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, biex tippromwovi użu akbar tal-istrumenti finanzjarji tal-UE disponibbli għall-Istati Membri, għal-livelli reġjonali u għas-settur privat għal investimenti intelliġenti f’teknoloġiji sostenibbli, billi pereżempju taħdem mill-qrib mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bil-għan li tissaħħaħ aktar il-kapaċità tiegħu għas-self fil-qasam tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-enerġija rinnovabbli;
114. Jenfasizza li fid-deċennju li jmiss se jkun hemm ħtiġijiet sinifikanti ta’ investiment fis-settur tal-enerġija minħabba s-sostituzzjoni tal-impjanti tal-enerġija eżistenti u l-modernizzazzjoni tal-grilji li mistennija jseħħu; jinsisti li l-iffrankar tal-enerġija u l-miżuri ta’ effiċjenza se jkollhom rwol importanti fit-tnaqqis tal-ispejjeż u fl-assigurazzjoni tal-aktar prezzijiet tal-elettriku baxxi possibbli għall-konsumaturi; jirrimarka li s-settur tal-bini jammonta għal 40 % tal-konsum gross tal-enerġija fl-UE u li, skont l-AIE, 80 % tal-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika fis-settur tal-bini, u aktar minn 50 % fis-settur industrijali, għadu mhux sfruttat; jara potenzjal sinifikanti f’dan il-qasam għat-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija;
115. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, speċjalment lid-DĠ Kompetizzjoni, biex fir-reviżjoni tagħha tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent, tintroduċi kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment fl-effiċjenza enerġetika, inkluż fis-settur industrijali;
116. Jistieden lill-Kummissjoni tniedi studju li janalizza mudelli ta’ swieq tal-enerġija ġodda u kosteffiċjenti bil-għan li tiżgura l-aktar prezzijiet baxxi possibbli tal-enerġija għall-industrija u għall-konsumaturi u l-aħjar redditu fuq l-investiment, bl-integrazzjoni ta’ aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli varjabbli u l-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tressaq mill-aktar fis valutazzjoni addizzjonali u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ulterjuri favur koordinazzjoni aħjar tal-politiki dwar il-klima, l-ambjent u l-industrija u l-prevenzjoni tar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, partikolarment għas-setturi li jużaw ħafna enerġija, minħabba r-rilokazzjoni tal-investiment u l-faċilitajiet tal-produzzjoni ’l barra mill-UE, filwaqt li jitqies il-kuntest internazzjonali;
117. Jenfasizza li l-prezzijiet tal-enerġija għall-konsumaturi u l-industrija u element importanti ħafna tal-baġits tal-familji u tal-ispejjeż tal-produzzjoni, rispettivament; huwa tal-fehma li l-miri tal-UE dwar il-klima għandhom jagħtu spinta lill-kompetittività tagħha u lis-sigurtà tal-provvista ta’ enerġija tagħha; jesiġi, għalhekk, li kwalunkwe strument ta’ politika ġdid marbut ma’ dawn l-objettivi dwar il-klima ikun soġġett għal valutazzjoni tal-impatt obbligatorja u eżawrjenti tal-effetti tiegħu fuq il-kompetittività tal-UE u tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw il-kompetittività industrijali tal-UE fl-oqsma ta’ politika l-oħra kollha bl-aktar mod sħiħ possibbli, u jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li tgħolli s-sehem tal-industrija mill-PDG tal-UE għal 20 %;
118. Jagħraf li s-settur Ewropew tal-enerġija rinnovabbli huwa importanti għat-tkabbir ekonomiku u għaż-żamma ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u fit-teknoloġija avvanzata, u li jappoġġa wkoll setturi bħall-metall, it-tagħmir elettriku u elettroniku, l-IT, il-bini, it-trasport u s-servizzi finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija għall-politika industrijali fir-rigward tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, li tkopri l-proċess kollu mir-riċerka għall-iżvilupp sal-fażi tal-finanzjament;
119. Jenfasizza r-riskju li l-investiment fit-teknoloġija sostenibbli jaħrab mill-Ewropa minħabba, fost affarijiet oħra, inċertezza fir-rigward tal-ambizzjonijiet tal-UE għal aktar dekarbonizzazzjoni; ifakkar li evidenza reċenti turi li filwaqt li l-UE għad għandha rwol ta’ tmexxija marġinali fit-tellieqa globali tat-teknoloġiji nodfa, l-Istati Uniti u ċ-Ċina qegħdin iċekknu d-distakk b’ritmu mgħaġġel; jinnota, f’dan il-kuntest, li s-sehem attwali tal-UE tal-privattivi globali għat-teknoloġiji sostenibbli ddepożitati naqas għal terz, meta mqabbel ma’ kważi n-nofs fl-1999; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, iżidu l-appoġġ tagħhom favur teknoloġiji u servizzi sostenibbli; huwa tal-fehma li d-dħul mill-bejgħ ta’ ċertifikati tal-ETS għandu jkun delimitat fil-futur biex jippermetti investimenti fl-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji sostenibbli;
120. Jinnota li l-kompetituri ewlenin tal-UE fis-suq globali jpoġġu enfasi kbir fuq l-iżviluppi teknoloġiċi, fuq l-innovazzjoni u fuq it-titjib tal-proċessi industrijali; jinnota wkoll li xi wħud mill-ekonomiji tagħhom qed jikbru b’pass aktar mgħaġġel minn dik tal-UE; jikkonkludi li l-UE jeħtieġ tagħti prijorità lill-R&D (inkluż l-iżvilupp ta’ sħubijiet xjentifiċi u teknoloġiċi mas-sħab internazzjonali tagħha), l-innovazzjoni (speċjalment il-ħolqien ta’ valur miżjud Ewropew fl-iżvilupp u l-produzzjoni domestika ta’ teknoloġiji sostenibbli) u t-titjib tal-produttività tal-proċessi industrijali;
121. Jirrimarka li l-allokazzjoni bla ħlas ma tindirizzax il-loġika ekonomika għall-ipprezzar tal-karbonju fil-prodotti; jinnota li studju reċenti li sar mill-Kummissjoni Ewropea ma sabx evidenza ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fiż-żewġ perjodi kummerċjali tal-ETS li għaddew; jenfasizza li, sabiex jittaffa r-riskju potenzjali tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, parti mid-dħul tal-irkantar tal-ETS għandha tiġi allokata għall-investimenti b’intensità għolja ta’ kapital f’teknoloġiji innovattivi f’setturi li jużaw ħafna enerġija jew biex tinkoraġġixxi mezzi oħra ta’ ħolqien ta’ impjiegi, pereżempju it-tnaqqis tat-taxxi fuq ix-xogħol;
122. Jappella biex jittieħdu miżuri sabiex ikun antiċipat, milħuq u mlaqqa’ s-sett ta’ ħiliet meħtieġa għall-impjiegi ġodda li jinħolqu, isiru aġġustamenti fis-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ u jintlaqgħu l-isfidi l-ġodda f’dawk l-impjiegi eżistenti li l-profili tagħhom qed jersqu aktar lejn dawk ta’ impjiegi aktar ekoloġiċi; jenfasizza li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol iridu jkunu mmirati u mfassla b’mod li jilħqu l-ħtiġijiet tal-ħaddiema u d-domanda tax-xogħol, bil-ħsieb li jiġi evitat in-nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati f’teknoloġiji sostenibbli emerġenti u biex iż-żgħażagħ, in-nisa u l-gruppi żvantaġġati jkollhom aċċess għal impjiegi sostenibbli ta’ kwalità fl-ekonomija ekoloġika;
123. Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jippromwovu x-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) fl-edukazzjoni għas-settur tal-enerġija u jżommu istituti edukattivi li kapaċi jipproduċu ħaddiema kwalifikati u l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ xjenzjati u innovaturi li, se jgħinu biex jinkiseb l-objettiv ta’ Ewropa awtonoma u sostenibbli mil-lat ta’ enerġija; Ifakkar, b’rabta ma’ dan, ir-rwol importanti ta’ Orizzont 2020 u tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija biex jitnaqqas id-distakk bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni applikata fis-settur tal-enerġija;
124. Jiġbed l-attenzjoni għar-rwol fundamentali li l-SMEs qegħdin jiżvolġu bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-investimenti mill-SMEs fit-teknoloġiji effiċjenti fl-enerġija, u jinkoraġġixxuhom attivament;
125. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tagħti l-appoġġ tagħha għall-iżvilupp ta’ bijofuwils avvanzati għas-settur tat-trasport li jtejbu l-kwalità tal-fjuwils, u b’hekk iżidu l-kompetittività ġenerali tal-ekonomija tal-UE mingħajr il-bżonn ta’ investiment addizzjonali f’infrastruttura ġdida;
126. Jistieden lill-Kummissjoni telabora mod kif tista’ titkejjel il-kompetittività tal-UE u tal-kompetituri prinċipali tagħha, li jista’, pereżempju, ikun ibbażat fuq il-politiki fiskali, l-R&D, l-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija, l-għadd ta’ riċerkaturi u ħaddiema kwalifikati ħafna, l-innovazzjoni, il-prezzijiet tal-enerġija għall-industrija, il-politiki ambjentali u tal-enerġija, il-livelli tal-pagi u tal-produttività, l-infrastruttura, piżijiet regolatorji mhux meħtieġa u fatturi rilevanti oħrajn; jenfasizza l-ħtieġa li l-ispejjeż esterni tat-tibdil fil-klima jiġu aggregati f’din il-metodoloġija l-ġdida, inklużi ż-żidiet li jista’ jkun hemm fin-nefqa fuq l-assigurazzjoni kontra r-riskji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima;
127. Jenfasizza bil-qawwa li kwalunkwe politika futura tal-UE għandha tindirizza l-punti sodi u d-dgħufijiet komparattivi tal-ekonomija tagħha, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe ftehim ta’ kummerċ ħieles li l-UE tkun firmatarja tiegħu, kif ukoll tieħu kont tal-miżuri meħuda biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-benefiċċji ekonomiċi ta’ tali tnaqqis;
128. Jirrimarka li l-prezzijiet tal-enerġija jvarjaw minn reġjun għal ieħor skont id-differenzi ġeoloġiċi, politiċi u fiskali, u li l-aħjar mod kif ikunu żgurati prezzijiet tal-enerġija baxxi huwa li jittieħed vantaġġ sħiħ mir-riżorsi tal-enerġiji interni u sostenibbli tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa analiżi komprensiva tal-ispejjeż u tal-effetti ġenerali sistemiċi ta’ sorsi differenti ta’ enerġija u l-impatt tagħhom fuq l-adegwatezza tal-ġenerazzjoni fit-tul;
129. Jinnota li l-UE hija kontinent ikkaratterizzat minn riżorsi limitati, u timporta madwar 60 % tal-konsum ta’ gass tagħha, aktar minn 80 % tal-konsum ta’ żejt u kważi 50 % tal-faħam użat għall-produzzjoni tal-enerġija; Jinsisti, f’dan il-kuntest, fuq qafas għall-2030 b’enfasi qawwija fuq riżorsi tal-enerġija sostenibbli u rinnovabbli fi ħdan l-UE;
130. Jenfasizza li d-djalogu soċjali u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema huma valuri u għodod fundamentali li jirfdu u jirrikonċiljaw il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, l-impjiegi ta’ kwalità u l-ħolqien tal-impjiegi, min-naħa l-waħda, u ż-żieda fl-innovazzjoni u l-kompetittività fl-ekonomiji Ewropej, min-naħa l-oħra;
131. Jappella biex jittieħdu miżuri sabiex jiġi evitat it-telf ta’ impjiegi fis-setturi li jużaw ħafna karbonju u li huma l-aktar affettwati, bħal pereżempju l-produzzjoni tal-elettriku, it-trasport, il-bini u l-industriji li jużaw ħafna enerġija, li ġeneralment huma l-aktar ekoloġiċi u l-aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija fid-dinja; jappella, f’każ ta’ telf ta’ impjiegi f’dawn is-setturi, biex it-trasferiment tal-ħaddiema minn setturi li jużaw ħafna karbonju lejn setturi oħra jkun faċli;
132. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri ta’ appoġġ tad-dħul, flimkien ma’ miżuri oħra bħat-taħriġ, biex titjieb u tinżamm l-impjegabilità, biex il-ħaddiema jinżammu fis-suq tax-xogħol u tkun evitata l-erożjoni tal-ħiliet fi żminijiet ta’ kriżi u ristrutturar;
Ir-rikonoxximent tad-differenzi fil-kapaċità tal-Istati Membri
133. Jilqa’ favorevolment ir-rimarki tal-Kummissjoni li l-miri tal-UE dwar il-klima u l-enerġija jista’ jkollhom impatt differenti fuq kull Stat Membru u ċ-ċittadini tiegħu, u għalhekk ikun ġust li titkompla l-ħidma fuq bażi ta’ qsim ekwu tal-isforz, billi jitqiesu ċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull pajjiż (pereżempju l-PDG tiegħu), b’attenzjoni partikolari għal dawk li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji serji, il-kisbiet li jkun għamel fit-tnaqqis tal-emissjonijiet sa mill-1990, l-emissjonijiet per capita tiegħu, il-potenzjal ekonomiku u l-potenzjal għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tiegħu, is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli tiegħu, l-aċċess tiegħu għat-teknoloġiji u l-kapaċità tiegħu ta’ ffrankar ta’ enerġija;
134. Jindika li l-adozzjoni ta' strateġija ta' dekarbonizzazzjoni li ma tqisx is-sitwazzjoni ta' xi Stati Membri tista' twassal għal żieda massiva fil-faqar enerġetiku f'dawk il-pajjiżi;
135. Jenfasizza li skont l-Artikolu 194 tat-TFUE l-UE hija responsabbli għat-tlestija tas-suq intern tal-enerġija u għall-promozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika, filwaqt li l-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet dwar it-taħlita tal-enerġija tagħhom u għandu jkollhom il-possibbiltà li jużaw u jiżviluppaw approċċi differenti bbażati fuq teknoloġiji u sorsi ta’ enerġija li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, li jkunu soċjalment u ekonomikament aċċettabbli u, f’konformità mal-objettivi tal-politika tal-Unjoni dwar il-klima u l-enerġija, ikunu mmirati għall-preservazzjoni u t-titjib tal-ambjent; jemmen li kwalunkwe qafas fil-futur għandu jirrispetta l-indipendenza tal-Istati Membri;
136. Jagħraf li t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jinkludu numru kbir ta’ għażliet tekniċi differenti, li jistgħu jintużaw fis-setturi tal-elettriku, tat-tisħin u t-tkessiħ, u dak tat-trasport; jenfasizza li mira rinnovabbli vinkolanti ġenerali għall-2030 toffri għażla wiesgħa u flessibbli għall-Istati Membri biex jiddeċiedu fejn u meta jinvestu f’termini ta’ setturi tal-enerġija u t-teknoloġiji li jikkontribwixxu għal kull wieħed minn dawn is-setturi;
137. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament għamel appell għal leġiżlazzjoni li teżiġi li kull Stat Membru jipproduċi strateġija għal livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju sal-2050; jemmen li filwaqt li pjanijiet direzzjonali ta’ din ix-xorta stabbiliti fuq bażi nazzjonali m’għandhomx ikunu legalment vinkolanti, huma essenzjali sabiex joffru lill-investituri u lill-uffiċjali ċarezza fir-rigward tad-direzzjoni fit-tul tal-politika u l-miżuri li se jkunu meħtieġa biex jintlaħqu dawn il-miri; jistenna lill-Kummissjoni tipproponi l-mod kif dan il-piż se jinqasam fost l-Istati Membri u tistabbilixxi data għat-tressiq ta’ tali pjanijiet direzzjonali għal rieżami; jistieden lill-Kummissjoni, f’każ ta’ pjanijiet direzzjonali meqjusa mhux realistiċi u f’każ li l-Istat Membru ma jkunx lest joffri kjarifika adegwata, tipproponi miżuri addizzjonali skont il-ħtieġa bil-ħsieb li tkun żgurata l-kredibilità tal-objettivi tal-Unjoni dwar it-tnaqqis tas-CO2;
138. Jirrimarka li l-enfasi prinċipali tal-azzjoni ppjanata għandha tkun fuq l-implimentazzjoni ta’ xenarji li jqisu l-potenzjal eżistenti fl-Istati Membri, il-prospetti għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji kosteffettivi ġodda u sostenibbli, u l-impatt globali tal-implimentazzjoni tal-politika proposta, sabiex ikunu jistgħu jiġu proposti miri ta’ tnaqqis għas-snin ta’ wara;
139. Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-promozzjoni u l-effiċjenza tal-istrumenti finanzjarji eżistenti għal investimenti f’teknoloġiji sostenibbli (pereżempju NER300) billi l-informazzjoni neċessarja kollha dwar il-possibbiltajiet finanzjarji għal-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali tinġabar f’bażi ta’ dejta unika, ċara u disponibbli faċilment;
140. Jinnota li l-aċċess għall-kapital u l-ispiża tal-kapital, speċjalment għall-SMEs u anke għas-setturi tal-industrija peżanti, bosta drabi huma ostaklu għall-investiment f’teknoloġiji aktar nodfa li jeħtieġu kapital kbir kif ukoll għall-effiċjenza enerġetika; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tistudja l-possibbiltà li jinħoloq fond għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji sostenibbli innovattivi u ta’ inizjattivi ta’ appoġġ biex titjieb l-effiċjenza tal-industriji li jużaw ħafna enerġija, li jista’ jiġbor flimkien finanzjamenti eżistenti u oħrajn ġodda u jgħin biex jattira l-investiment, u jkun iffinanzjat, fost l-oħrajn, minn sehem tad-dħul mill-ETS jew mill-Fondi Strutturali jew il-Fond ta’ Koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti ta’ finanzjament innovattivi, tagħti rwol akbar lill-BEI u lill-istituzzjonijiet tal-finanzjament pubbliku nazzjonali u tattira l-finanzjament mill-fondi tal-pensjonijiet u tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni;
141. Minħabba l-fatt li xi setturi tal-industrija jeħtieġu teknoloġiji innovattivi biex inaqqsu aktar l-emissjonijiet tagħhom u jtejbu l-effiċjenza enerġetika tagħhom lil hinn minn dak li hu l-aqwa bħalissa, jitlob lill-Kunsill jintegra fil-miżuri politiċi impenji ta’ finanzjament ċari għar-riċerka, l-iżvilupp, impjanti pilota u l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, b’koerenza mal-livell ta’ sforz meħtieġ mill-objettivi tal-2030;
142. Jappella biex l-UE tieħu approċċ prammatiku għal mudelli ġodda ta’ swieq, regolamentazzjoni u finanzjament għal soluzzjonijiet tal-enerġija sostenibbli;
L-UE fil-livell internazzjonali
143. Jinnota li diversi pajjiżi emerġenti u żviluppati qed jiżviluppaw diversi politiki u investimenti dwar il-klima, inkluża l-implimentazzjoni tal-iskemi tagħhom għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet li jimxu fuq l-eżempju tal-EU ETS; jilqa’ l-prospett ġejjieni li l-EU ETS tiġi marbuta ma’ mekkaniżmi oħra tan-negozjar tal-karbonju madwar id-dinja, bil-għan li jinħoloq suq dinji tal-karbonju; jenfasizza li dan it-tip ta’ approċċ globali jista’ jirriżulta f’kundizzjonijiet ekwi għall-industrija Ewropea billi jipprovdi approċċ komprensiv u kosteffettiv biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet industrijali globali tal-gassijiet serra; iqis, b’rabta ma’ dan, li sistema ‘cap and trade’ internazzjonali tista’ tkun ta’ għajnuna sinifikanti fl-implimentazzjoni ta’ ftehim ġdid u legalment vinkolanti dwar it-tibdil fil-klima globali;
144. Jenfasizza li t-tiftix ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib fil-qasam tal-politika dwar l-enerġija għandha tkun riflessa wkoll fil-politika esterna tal-enerġija u jappella, għalhekk, sbiex jiġu konklużi ftehimiet tal-enerġija ma’ pajjiżi terzi u jiġu stabbiliti sew l-objettivi tal-UE għall-politika dwar l-enerġija;
145. Jinnota li l-UE tinsab fuq quddiem fil-qasam tat-teknoloġija rinnovabbli bis-saħħa tal-innovazzjoni fil-manifattura kif ukoll f’oqsma bħall-integrazzjoni tas-sistemi; jagħraf li, fid-dawl tal-adozzjoni ta’ miri vinkolanti għall-2030, l-UE se jkollha rwol ta’ raggruppament ta’ kompetenzi, u b’hekk ikun hemm lok għall-iżvilupp ta’ prodotti ta’ kwalità għolja u kompetittivi fil-prezz; jemmen li dan se jkun ta’ benefiċċju għas-suq intern, u fl-istess ħin jippermetti wkoll lill-kumpaniji Ewropej jisfruttaw is-swieq ta’ pajjiżi terzi li qed jikbru bis-saħħa tal-vantaġġ kompetittiv tal-UE; jinnota li fin-nuqqas ta’ pakkett ambizzjuż għall-2030, l-UE qed tirriskja li ma tibqax fuq quddiem nett fis-suq u fit-teknoloġija;
146. Jirrikonoxxi l-importanza tal-miri vinkolanti għall-2020 u l-politiki għall-enerġija rinnovabbli sabiex l-UE ġiet megħjuna tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha fuq quddiem nett fit-teknoloġija fis-swieq globali u biex din saret l-ixprun fl-innovazzjoni teknoloġika rinnovabbli; jenfasizza li t-tkomplija ta’ din il-politika permezz tal-adozzjoni ta’ miri vinkolanti b’rabta mal-enerġija rinnovabbli għall-2030 tkun tista’ tippermetti lill-UE tikkompeti maċ-Ċina, l-Istati Uniti, il-Korea t’Isfel, il-Ġappun u l-Indja biex tkun fuq quddiem nett fit-teknoloġija fis-swieq ta’ għada, anke fi żminijiet ta’ diffikultajiet ekonomiċi;
147. Jenfasizza li 138 pajjiż madwar id-dinja fasslu miri u politiki dwar is-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; jagħraf li l-investiment f’teknoloġiji ekoloġiċi fl-Indja, fiċ-Ċina u fl-Istati Uniti qed jikber b’rata ħafna aktar mgħaġġla milli fl-UE; jenfasizza, b’rabta ma’ dan, li l-UE ma tistax tippretendi li tista’ taħdem weħidha, iżda għall-kuntrarju qed tissogra li titlef l-opportunitajiet ekonomiċi li ġġib magħha t-tranżizzjoni enerġetika li għaddejja bħalissa;
148. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat, bħala prijorità, li l-pajjiżi żviluppati jaqtgħu huma l-ewwel u malajr l-emissjonijiet tagħhom stess, u jipprovdu l-flussi finanzjarji meħtieġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-adattament u l-mitigazzjoni; iwissi, madankollu, kontra l-użu ta’ mekkaniżmi ta’ kumpens bħall-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) minflok, meta wieħed iqis li dawn il-mekkaniżmi ma wrewx li huma għodod effettivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u li jdewmu l-bidla strutturali essenzjali fl-ekonomiji tal-pajjiżi żviluppati;
149. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ rikonċiljazzjoni bejn l-għanijiet ta’ żvilupp u dawk tat-tibdil fil-klima;jenfasizza li t-tibdil fil-klima jhedded il-kapaċità ta’ reġjuni sħaħ li jitimgħu lilhom infushom, u dan juri r-rabtiet mal-għan tal-eradikazzjoni tal-faqar globali li fuqu huma bbażati kemm l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju kif ukoll il-proċess tal-Għanijiet ta’ Zvilupp Sostenibbli li tnieda mill-Konferenza Rio+20; jappella biex dawn iż-żewġ proċessi jkunu integrati f’qafas ġenerali uniku għal wara l-2015;
150. Jinnota li huwa importanti għall-UE li żżomm ir-rwol tagħha bħala mexxejja u pijunier u li l-Istati Membri jitkellmu b’leħen wieħed matul in-negozjati dwar il-klima biex jinkiseb ftehim ġdid vinkolanti dwar il-klima globali f’Pariġi fl-2015; jenfasizza li l-UE jeħtieġ tagħti eżempju u tadotta qafas ta’ politiki ambizzjuż u vinkolanti qabel is-summit tal-mexxejja li ssejjaħ minn Ban Ki-moon, peress li dan ikollu influwenza pożittiva fuq in-negozjati; jitlob lill-Kummissjoni tistudja l-possibbilità li tintuża parti mill-irkant ta’ kwoti tal-karbonju biex jiġu ssodisfati l-impenji internazzjonali li ħadet l-UE għall-finanzjament tal-klima fil-konfront tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, skont il-ħtiġijiet ta’ adattament u ta’ mitigazzjoni tagħhom;
151. Jenfasizza r-rwol determinanti tal-finanzjamenti biex jippermettu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jieħdu azzjoni ambizzjuża dwar il-klima; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li tinbena struttura finanzjarja koerenti għat-tibdil fil-klima; jappella għal sforzi akbar mill-Istati Membri biex jgħinu sabiex jitwettaq l-impenn magħmul mill-pajjiżi żviluppati li jagħtu tal-anqas USD 100 biljun fis-sena f’finanzjament għall-klima, apparti l-impenn li jkun allokat 0,7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) bħala Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp sal-2020;
152. Jilqa’ l-inizjattiva ‘Sustainable Energy 4 All’ ta’ Ban Ki-moon, li tippromwovi l-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli bħala l-aktar soluzzjonijiet rilevanti għall-mitigazzjoni; jitlob lill-UE tappoġġa dan il-programm;
153. Jistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet l-oħra biex, fin-negozjati internazzjonali li ġejjin, u fl-istennija ta’ ftehim vinkolanti potenzjali, jindirizzaw il-kwistjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju fil-livell globali;
154. Jappella, għaldaqstant, għal koordinazzjoni aħjar bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna sabiex l-UE titkellem b’vuċi waħda fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u jkollha rwol aktar attiv, u influwenza akbar, fil-promozzjoni ta’ politiki sostenibbli;
o o o
155. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bl-isem ‘L-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward ta' impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku’ (SWD(2012)0092).