Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 16 ta' Jannar 2014 - Strasburgu
Ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (Ms Sabine Lautenschläger)
 Awtorizzazzjoni lil Franza biex tapplika rata mnaqqsa ta' ċerti taxxi indiretti fuq ir-rum 'tradizzjonali' prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion *
 Emenda tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament dwar it-tneħħija u l-ħarsien tal-immunità parlamentari
 Tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni ta' prodott tal-qamħirrum ġenetikament modifikat biex isir reżistenti għal ċerti pesti lepidotteri
 Ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE
 Iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ
 Rapport ta' progress 2013 dwar is-Serbja
 Proċess ta' Integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo
 Rapport ta' Progress 2012 dwar l-Islanda u l-prospettivi postelettorali
 Is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel
 Strateġija tal-UE dwar il-persuni mingħajr dar
 Is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti taloppożizzjoni fil-Kambodja u l-Laos
 L-elezzjonijiet reċenti fil-Bangladexx
 Tentattivi reċenti ta' kriminalizzazzjoni kontra l-persuni LGBTI

Ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE (Ms Sabine Lautenschläger)
PDF 203kWORD 37k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-ħatra ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (N7-0002/2014 – C7-0010/2014 – 2014/0801(NLE))
P7_TA(2014)0033A7-0023/2014

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Jannar 2014 (N7-0002/2014)(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 283(2), it-tieni inċiż, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill Ewropew (C7‑0010/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 109 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7‑0023/2014),

A.  billi, bl-ittra tat-8 ta' Jannar 2014, li waslet fid-9 ta’ Jannar 2014, il-Kunsill Ewropew ikkonsulta lill-Parlament Ewropew dwar in-nomina ta' Sabine Lautenschläger għall-kariga ta' Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għal mandat ta' tmien snin;

B.  billi l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu evalwa l-kredenzjali tas-Sa Lautenschläger, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 283(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u, kif jirriżulta mill-Artikolu 130 tat-Trattat, tal-ħtieġa tal-indipendenza totali tal-BĊE fil-qasam tal-politika monetarja, u billi, fil-qafas ta' din l-evalwazzjoni, il-Kumitat irċieva mis-Sa Lautenschläger curriculum vitae kif ukoll it-tweġibiet tagħha għall-kwestjonarju miktub li kien indirizzat lilha;

C.   billi l-Kumitat imbagħad, fit-13 ta' Jannar 2014, proċeda b'seduta ta' smigħ mas-Sa Lautenschläger li matulha din għamlet stqarrija preliminari u wara wieġbet għall-mistoqsijiet li saru mill-membri tal-Kumitat;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-ħatra ta’ Sabine Lautenschläger bħala Membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri

(1) Għadha mhix ippubblikata fil-ĠU.


Awtorizzazzjoni lil Franza biex tapplika rata mnaqqsa ta' ċerti taxxi indiretti fuq ir-rum 'tradizzjonali' prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion *
PDF 202kWORD 36k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa ta’ ċerti taxxi indiretti fuq ir-rum 'tradizzjonali' prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana Franċiża, fil-Martinique u fir-Réunion u li temenda d-Deċiżjoni 2007/659/KE (COM(2013)0839 – C7-0488/2013 – 2013/0413(CNS))
P7_TA(2014)0034A7-0013/2014

(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2013)0839),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema ġie kkonsultat mill-Kunsill (C7‑0488/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 55 u 46(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0013/2014),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.


Emenda tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament dwar it-tneħħija u l-ħarsien tal-immunità parlamentari
PDF 403kWORD 87k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar l-emenda tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament dwar it-tneħħija u l-ħarsien tal-immunità parlamentari (2013/2031(REG))
P7_TA(2014)0035A7-0012/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tad-9 ta’ Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 211 u 212 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0012/2014),

1.  Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;

2.  Ifakkar li dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tas-sessjoni parzjali li jmiss;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta’ informazzjoni.

Test fis-seħħ   Emenda
Emenda 1
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 5 – paragrafu 5a (ġdid)
1a.  L-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu.
Emenda 2
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 6 – paragrafu 1
1.  Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom.
1.  Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom Kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tkun ivvalutata skont it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipji li hemm riferiment għalihom f'dan l-Artikolu.
Emenda 3
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 6 – paragrafu 2
2.  Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta' xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.
imħassar
Emenda 4
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 6 – paragrafu 3
3.  Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.
imħassar
Emenda 5
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 6 – paragrafu 4
4.  F'każ ta' urġenza, f'ċirkustanzi fejn Membru jiġi arrestat jew fejn tinżamm il-libertà ta' moviment tiegħu bi ksur apparenti tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu, il-President, wara li jkun ħa l-parir tal-president u tar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista' jieħu inizjattiva biex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru kkonċernat. Il-President għandu jinnotifika lill-kumitat b'dik l-inizjattiva u jgħarraf lill-Parlament.
imħassar
Emenda 6
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 6 – paragrafu 4a (ġdid)
4a.  Meta jkun meħtieġ li Membru jidher bħala xhud jew li jixhed bħala espert, ma jkunx hemm għalfejn issir talba għat-tneħħija tal-immunità kemm-il darba:
–  li ma jkunux obbligati jidhru f'data u f'ħin li ma jippermettilhomx iwettqu d-dmirijiet parlamentari tagħhom, jew jagħmluhielhom diffiċli li jwettqu dawk id-dmirjiet, jew li se jkunu jistgħu jagħtu stqarrija bil-miktub jew b'xi forma oħra li ma tkunx tagħmilha diffiċli għalihom li jwettqu d-dmirijiet parlamentari tagħhom; u
–  li ma jkunux obbligati jixhdu dwar informazzjoni miksuba b'mod kunfidenzjali fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom u li hu ma jkunux iħossu li għandhom jagħtu.
Emenda 7
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 6a (ġdid)
Artikolu 6a
Ħarsien tal-privileġġi u l-immunità
1.  Fil-każijiet fejn il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru jew ex-Membru jkun allegat li ġew miksura mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, tista' ssir talba għal deċiżjoni tal-Parlament dwar jekk fil-fatt kienx hemm ksur ta' dawk il-privileġġi u immunitajiet skont it-termini tal-Artikolu 7(-1).
2.  B'mod partikolari, tali talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet tista' ssir jekk jitqies li ċ-ċirkostanzi jikkostitwixxu restrizzjoni amministrattiva jew ta' xort' oħra fuq il-moviment liberu ta' Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-post tal-laqgħa tal-Parlament jew fuq l-opinjoni espressa jew vot mixħut fit-twettiq ta' dmirijiethom, jew li jkunu jinkwadraw ruħhom fl-ambitu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.
3.  Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru ma titqiesx ammissibbli jekk talba għal tneħħija jew ħarsien tal-immunità ta' dak il-Membru tkun ġa ġiet riċevuta f'dak li għandu x'jaqsam mal-istess proċedimenti legali, kemm jekk ittieħdet deċiżjoni kemm jekk le f'dak iż-żmien.
4.  L-ebda konsiderazzjoni oħra ma tingħata lil talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru jekk it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' dak il-Membru tasal b'rabta mal-istess proċedimenti legali.
5.  F'każijiet fejn deċiżjoni tkun ittieħdet li ma jkunux imħarsin il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru, il-Membru jista' jagħmel talba għar-rikunsiderazzjoni tad-deċiżjoni, billi jippreżenta evidenza ġdida. It-talba għar-rikunsiderazzjoni għandha tkun inammissibbli jekk ikunu nbdew proċedimenti kontra d-deċiżjoni skont l-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jew jekk il-President iqis li l-evidenza l-ġdida preżentata ma tkunx suffiċjentement sostanzjali li titlob għar-rikunsiderazzjoni.
Emenda 8
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 6b (ġdid)
Artikolu 6b
Azzjoni urġenti mill-President għall-asserzjoni tal-immunità
1.  Bħala kwestjoni ta' urġenza, meta jkun hemm ċirkostanzi li fihom jiġi arrestat Membru jew il-libertà tiegħu jew tagħha tal-moviment tkun tnaqqset f'dak li jkun jidher bħala ksur tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru, il-President, wara li jikkonsulta mal-President u mar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista' jieħu inizjattiva għall-asserzjoni tal-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru kkonċernat. Il-President għandu jinnotifika lill-kumitat b'dik l-inizjattiva u jgħarraf lill-Parlament.
2.  Meta l-President jagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilu mill-paragrafu 1, il-kumitat responsabbli għandu jieħu nota tal-inizjattiva tal-President fil-laqgħa li jkun imiss tiegħu. Jekk il-kumitat iħoss li jkun meħtieġ, dan jista' jħejji rapport biex jitressaq quddiem il-Parlament.
Emenda 9
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 7 – paragrafu -1 (ġdid)
-1. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta’ xi Membru, jew minn Membru jew xi ħadd li kien Membru sabiex jitħarsu l-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tkun riferuta lill-kumitat responsabbli.
Emenda 10
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 7 – paragrafu 1
1.  Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skond l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija ta' l-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien ta' l-immunità u tal-privileġġi.
1.  Il-kumitat għandu jikkunsidra mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.
Emenda 11
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 7 – paragrafu 3
3.  Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn membru ieħor.
3.  Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa.
Emenda 12
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 7 – paragrafu 3a (ġdid)
3a.  Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor.
Il-Membru ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu.
Il-President tal-Kumitat għandu jistieden lill-Membru għas-smigħ, billi jindika d-data u l-ħin. Il-Membru jista’ jirrinunzja d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-smigħ.
Jekk il-Membru ma jipparteċipax fis-smigħ wara dik l-istedina, jitqies li rrinunzja dak il-jedd li jkun mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f’dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet. Il-President tal-Kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba li dak li jkun ikun skużat tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija, u ma jkun permess l-ebda appell fuq dan il-punt.
Jekk il-President tal-Kumitat jilqa’ t-talba għal eżoneru, allura jistieden lill-Membru jinstema’ f’data u ħin ġodda. Jekk il-Membru jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema’, il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema’ l-Membru. Ebda talba oħra għal eżoneru, jew għas-smigħ, ma tintlaqa’ minn dan l-istadju ’l quddiem.
Emenda 13
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 7 – paragrafu 5
5.  Meta jkun meħtieġ li Membru jidher bħala xhud jew li jixhed bħala espert, ma jkunx hemm għalfejn issir talba għat-tneħħija ta' l-immunità kemm-il darba:
imħassar
—  il-Membru ma jkunx obbligat li jidher f'data jew f'ħin li ma jippermettulux li jaqdi - jew joħolqulu diffikultà biex jaqdi - id-dmirijet parlamentari tiegħu, jew kemm-il darba jkun jista' jipprovdi stqarrija bil-miktub jew f'kull forma oħra li ma toħloqlux diffikultà fit-twettiq tad-dmirijiet parlamentari tiegħu;
—  il-Membru ma jkunx obbligat li jixhed dwar informazzjoni miksuba b'mod kunfidenzjali fil-qadi tal-mandat tiegħu u li hu ma jkunx iħoss li għandu jagħti.
Emenda 14
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 7 – paragrafu 6
6.  F'każi li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien ta' l-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor mqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa' l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.
imħassar
Emenda 15
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 7 – paragrafu 10
10.  Meta l-President jagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 6(4), il-kumitat responsabbli għandu jkun jaf bl-inizjattiva tal-President fil-laqgħa tiegħu ta' wara. Jekk il-kumitat iħoss li huwa meħtieġ, dan jista' jħejji rapport biex jiġi mressaq quddiem il-Parlament.
imħassar
Emenda 16
Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew
Artikolu 7 – paragrafu 7a (ġdid)
12a.  Il-kumitat għandu jistabbilixxi l-prinċipji għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni ta' prodott tal-qamħirrum ġenetikament modifikat biex isir reżistenti għal ċerti pesti lepidotteri
PDF 308kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta’ ħsara lepidopterani (2013/2974(RSP))
P7_TA(2014)0036B7-0007/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta’ ħsara lepidopterani (COM(2013)0758),

–  wara li kkunsidra l-abbozz għal deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta’ ħsara lepidopterani (D003697/01), sottomessi għal votazzjoni fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE tal-25 ta' Frar 2009,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE(1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-kumitat imsemmi fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/18/KE dwar il-qamħirrum 1507, fil-25 ta' Frar 2009, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni ,

–  wara li kkunsidra s-sitt opinjonijiet xjentifiċi dwar il-qamħirrum 1507 mogħtija mill-Bord tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati, mill-2005 sa Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 365/2013 tat-22 ta’ April 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva glufosinat(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) adottati fl-4 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Lulju 2011 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kultivazzjoni tal-OMĠ fit-territorju tagħhom(3),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Ewrobarometru 345 dwar ir-riskji relatati mal-ikel(4)

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Is-Seba' Awla) tas-26 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni għar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent tal-qamħirrum 1507 (Każ T-164/10)(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(5) u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 88(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2001/18/KE jindika li deċiżjoni dwar ir-rilaxx intenzjonat ta' organiżmu ġenetikament modifikat (OĠM) għandu jkollha l-istess informazzjoni bħalma speċifikat fl-Artikolu 19(3);

B.  billi l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2001/18/KE jindinka li l-kunsens bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 18 għandu, fil-każijiet kollha, jispeċifika b'mod espliċitu, inter alia, il-kundizzjonijiet għall-protezzjoni ta' ekosistemi/ambjenti u/jew żoni ġeografiċi partikolari;

C.  billi din l-indikazzjoni hija nieqsa fil-proposta tal-Kummissjoni;

D.  billi l-votazzjoni fil-kumitat permanenti nhar il-25 ta' Frar 2009 dwar proposta tal-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni ma tat l-ebda opinjoni; billi sitt Stati Membri biss ivvutaw favur il-proposta, filwaqt li 12 ivvutaw kontra u sebgħa astjenew;

E.  billi, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), u sabiex il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni jiġu ssodisfati, il-Kummissjoni mmodifikat il-proposta b'mod sostanzjali , pereżempju fir-rigward tar-regoli tat-tikkettjar, tas-sorveljar u tal-prattiki spjegati fil-pjan ta' ġestjoni tar-reżistenza tal-insetti;

F.  billi l-modifikazzjonijiet mqabbla mal-verżjoni li ġiet ivvutata fil-kumitat permanenti fil-25 ta' Frar 2009 jinkludu t-tħassir tar-referenzi għall-karatteristika tolleranti għall-glufosinat li għandu l-qamħirrum 1507 , u d-dħul tar-rekwiżit li l-operaturi jiġu infurmati biex ma jużawx il-prodott “mal-erbiċidi tal-glufosinat bi kwalunkwe mod differenti mill-prattiki konvenzjonali mal-qamħirrum li mhux tolleranti għall-glufosinat”;

G.  billi l-proposta modifikata ma kinitx diskussa mal-esperti tal-Istat Membru jew ivvutata fil-kumitat permanenti, iżda ġiet riferuta direttament lill-Kunsill tal-Ministri;

H.  billi s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta' Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni ta' Pioneer Hi-Bred International għar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent tal-qamħirrum 1507 ma tipprevenix lill-Kummissjoni milli tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha u tippreżenta proposta ġdida lill-kumitat permanenti, flimkien ma' Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE, li tirrakkomanda li l-qamħirrum 1507 ma jiġix awtorizzat;

Valutazzjoni ta' riskju tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

I.  billi, wara l-votazzjoni fil-kumitat permanenti, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, fuq talba tal-Kummissjoni, ipproduċiet tliet opinjonijiet xjentifiċi li jaġġornaw il-valutazzjonijiet tar-riskju u r-rakkomandazzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju li kienet għamlet qabel;

J.  billi, fl-opinjoni tagħha ta' Frar 2012, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel b'mod espliċitu ma qablitx mal-konklużjoni tal-applikant li l-istudju ċċitat mill-applikant ta evidenza adegwata li l-qamħirrum 1507 iqiegħed riskju negliġibbli għall-lepidoptera mhux fil-mira fl-UE, iżda minflok gibed l-attenzjoni għall-fatt li friefet u baħrijiet sensittivi ħafna mhux fil-mira jistgħu jkunu f'riskju meta esposti għall-għabra tad-dakra tal-qamħirrum 1507(7);

K.  billi t-tossina Bt prodotta mill-qamħirrum 1507, Cry1F, hija differenti mit-tipi ta' tossina Bt tas-soltu, u wriet li għandha effetti differenti fuq il-lepidoptera mhux fil-mira; billi ftit saru studji fir-rigward tal-proteina Cry1F, u ma sar l-ebda studju dwar l-effetti tagħha fuq l-ispeċijiet akkwatiċi jew l-organiżmi tal-ħamrija; billi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tafferma li l-ammont ta' proteina Cry1F fl-għabra tad-dakra tal-qamħirrum 1507 huwa madwar 350 darba aktar mill-kontenut tal-proteina Cry1Ab li jinsab fl-għabra tad-dakra tal-qamħirrum MON 810(8);

L.  billi Pioneer irrifjutat, wara talba mill-Kummissjoni, li tirrevedi l-applikazzjoni tagħha għal awtorizzazzjoni u li tippreżenta dokumenti addizzjonali fir-rigward ta' miżuri li jissorveljaw u li jtaffu r-riskji għall-organiżmi mhux fil-mira;

M.  billi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tirrikonoxxi li fil-valutazzjoni tar-riskju tagħha ma kkunsidratx ir-riskji potenzjali marbuta mal- karatteristika l-oħra tal-qamħirrum 1507, jiġifieri t-tolleranza tiegħu għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju(9), minkejja li din il-karatteristika tista' tirriżulta f'żieda fl-użu tal-glufosinat;

Il-Glufosinat

N.  billi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel hija meħtieġa tivvaluta “l-effetti indiretti bħall-użu ta' pestiċidi [...] bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju ambjentali” u tivvaluta “l-effetti possibbli fuq il-bijodiversità u l-organiżmi mhux fil-mira li kwalunkwe prodott individwali tar-raba' ġenetikament modifikat tolleranti għall-erbiċidi jista' jikkawża minħabba l-bidla fil-prattiki agrikoli (inklużi dawk minħabba l-użu ta' erbiċidi differenti)”(10);

O.  billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni spjegati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; billi fil-każ tas-sustanzi li diġà ġew approvati, il-kriterji ta' esklużjoni japplikaw meta jkun metħieġ li l-approvazzjoni tiġġedded; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fl-2017(11); billi l-użu tal-glufosinat għalhekk fil-prinċipju għandu jieqaf fl-2017;

P.  billi f'pajjiżi oħra għajr dawk tal-UE, pereżempju fl-Istati Uniti u l-Kanada, il-qamħirrum 1507 huwa mqiegħed fis-suq mill-produttur tiegħu bħala prodott tar-raba' tolleranti għall-glufosinat, filwaqt li fl-applikazzjoni fl-UE, l-applikant jargumenta li l-ġene għat-tolleranza għall-glufosinat intuża biss bħala ġene markatur;

Q.  billi mhuwiex ċar kif il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni timplimenta l-projbizzjoni imminenti fuq il-glufosinat, sakemm dan jibqa' disponibbli fis-suq;

Sitwazzjoni ġenerali fir-rigward tal-OĠM fl-UE

R.  billi l-ebda OĠM ma ġie awtorizzat għall-kultivazzjoni fl-UE mill-2010 ’l hawn, meta ġiet awtorizzata l-patata Amflora; billi din l-awtorizzazzjoni kienet annullata mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta' Diċembru 2013, u billi l-uniku prodott ieħor tar-raba' awtorizzat għall-kultivazzjoni huwa l-qamħirrum ta' Monsanto MON 810, li t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni tiegħu ilu pendenti għal xi snin;

S.  billi huwa aċċettat b'mod ġenerali – kif ikkonfermat mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent tal-4 ta' Diċembru 2008 mmsemmija aktar 'il fuq – li l-effetti fit-tul tal-kultivazzjoni tal-OĠM u l-effetti fuq l-organiżmi mhux fil-mira, s'issa, għadhom ma ġewx meqjusa b'mod adegwat fil-qafas tal-valutazzjoni tar-riskju;

T.  billi kemm il-Kunsill(12) u kemm il-Parlament(13) jirrikonoxxu l-ħtieġa ta’ valutazzjoni aktar stretta tal-effetti fit-tul tal-OĠM, u l-ħtieġa ta' riċerka indipendenti dwar ir-riskji potenzjali involuti fir-rilaxx intenzjonat jew fit-tqegħid fis-suq ta' OĠM, inkluża l-ħtieġa li jingħata aċċess lil riċerkaturi indipendenti għall-materjal rilevanti kollu;

U.  billi l-maġġoranza l-kbira tal-konsumaturi tinsab ikkonċernata dwar l-ikel ġenetikament modifikat, inter alia, kif indikat fil-Ewrobarometru Speċjali 345 tal-2010; billi l-qamħirrum 1507 ġenterikament modifikat ma joffri l-ebda benefiċċju lill-konsumaturi;

1.  Jopponi l-adozzjoni tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq għall-kultivazzjoni, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ prodott tal-qamħirrum (Zea mays L., il-linja 1507) ġenetikament modifikat għar-reżistenza għal ċerti organiżmi ta’ ħsara lepidopterani;

2.  Jikkunsidra li l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill teċċedi s-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija fl-ambitu tad-Direttiva 2001/18/KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill jiċħad din il-proposta tal-Kummissjoni;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni ma tipproponi l-awtorizzazzjoni tal-ebda varjetà ġdida ta' OĠM u ma ġġeddidx dawk qodma sakemm il-metodi tal-valutazzjoni tar-riskju jkunu ġew imtejba b'mod sinifikanti;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.
(2) ĠU J L 111, 23.4.2013, p. 27.
(3) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 350.
(4) http://www.efsa.europa.eu/en/factsheet/docs/reporten.pdf
(5)http://curia.europa.eu/juris/document/document_print.jsf?doclang=EN&text=&pageIndex=0&part=1&mode=lst&docid=142241&occ=first&dir=&cid=127901
(6) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(7) http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/2429.htm
(8) http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/doc/2429.pdf
(9) http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/2429.htm
(10) Ittra tal-Kummissjoni mibgħuta lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tat-8 ta' Settembru 2008, dwar il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali ta' pjanti tolleranti għall-erbiċidi.
(11) http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2013:111:0027:0029:MT:PDF
(12) Konklużjonijiet tal-Kunsill Ambjent tal-4 ta' Diċembru 2008.
(13) Ara l-pożizzjoni msemmija hawn fuq tal-5 ta' Lulju 2011.


Ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE
PDF 221kWORD 60k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar ir-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-UE (2013/2960(RSP))
P7_TA(2014)0037RC-B7-0016/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 45, 47 u 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 15, 21, 29, 34 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(1), b'mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali(3), u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2010 ‘Li ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri’ (COM(2010)0373),

–  wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat fl-14 ta' Ottubru 2013 dwar l-impatt fuq is-sistemi ta' sigurtà soċjali tal-Istati Membri, tad-drittijiet li jibbenefikaw minnhom l-immigranti intra-UE mhux attivi sal-allokazzjonijiet diretti speċjali mhux kontributorji u l-kura tas-saħħa mogħtija fuq il-bażi ta' residenza,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2013 bit-titlu ‘Il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom: Ħames azzjonijiet li jagħmlu differenza’ (COM(2013)0837),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Reding quddiem il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni tal-5 ta’ Diċembru 2013 dwar il-moviment liberu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kumissarju László Andor tal-1 ta’ Jannar 2014 dwar it-tmiem tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ ħaddiema mill-Bulgarija u r-Rumanija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2012 dwar ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi d-dritt ta' moviment liberu huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tal-UE li huma mħaddna fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bħala element fundamentali tal-integrazzjoni Ewropea direttament konness maċ-ċittadinanza tal-UE;

B.  billi l-moviment liberu qiegħed fil-qalba tal-valuri tal-UE, u jagħti liċ-ċittadini tagħha l-possibbiltà li jagħżlu fejn jgħixu u jaħdmu u joħloq mobbiltà u żvilupp fis-suq tax-xogħol, fis-sistema edukattiva u lil hinn;

C.  billi l-moviment liberu huwa dritt garantit liċ-ċittadini tal-UE kollha, irrispettivament mill-eżistenza ta' kontrolli potenzjali fuq il-fruntieri stabbiliti minn ċerti Stati Membri għad-dħul ta' ċittadini tal-UE fit-territorju tagħhom; billi l-fatt li mhux l-Istati Membri kollha huma parti miż-żona Schengen ma jaffettwax id-dritt taċ-ċittadini tal-UE kollha għal-libertà ta' moviment fl-Unjoni;

D.  billi ċ-ċittadini tal-UE jqisu l-moviment liberu bħala d-dritt l-aktar assoċjat mill-qrib maċ-ċittadinanza tal-UE u bħala r-riżultat l-aktar pożittiv tal-UE u jqisu li jġib miegħu benefiċċji ekonomiċi għall-ekonomija tal-pajjiżhom;

E.  billi l-kontribuzzjoni tal-ħaddiema tal-UE għas-sistema ta' sigurtà soċjali tal-pajjiż ospitanti hija ugwali għal dik tal-ħaddiema nazzjonali;

F.  billi l-vantaġġi tal-moviment liberu ta’ ħaddiema mobbli mill-UE għall-iżvilupp tal-pajjiż ospitanti huma viżibbli madwar l-Ewropa kollha, speċjalment fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, l-agrikoltura u l-kostruzzjoni;

G.  billi l-libertà għaċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu kulfejn ikun fl-UE tapplika għaċ-ċittadini tal-UE kollha mingħajr restrizzjoni, iżda li, skont id-Direttiva 2004/38/KE, dan id-dritt huwa kondizzjonali fuq il-fatt li wara tliet xhur iċ-ċittadin tal-UE kkonċernat irid jissodisfa l-kundizzjonijiet ġuridiċi sabiex ma jkunx ta' piż għall-pajjiż ospitanti; billi l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa pilastru tas-suċċess tas-suq uniku tal-UE; billi għalkemm 2.8 % biss taċ-ċittadini tal-UE jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom, dawn jikkostitwixxu madankollu element ewlieni fis-suċċess tas-suq intern u jixprunaw l-ekonomija tal-Ewropa;

H.  billi l-prinċipji ta' trattament ugwali jew ta' nondiskriminazzjoni jimplikaw li ċ-ċittadini tal-UE kollha għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti (Ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 huma bbażati fuq dan il-prinċipju); billi l-Istati Membri kollha huma liberi li jiddeċiedu fir-rispett ta' dawn il-prinċipji liema benefiċċji tas-sigurtà soċjali jagħtu u taħt liema kundizzjonijiet; billi r-regoli tal-UE dwar il-koordinament tas-sigurtà soċjali ma jippermettux diskriminazzjoni fuq il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali fil-każ ta’ ċittadini tal-UE li huma ħaddiema, membri tal-familja diretti tal-ħaddiema jew abitwalment residenti fl-Istat Membru inkwistjoni;

I.  billi s-soċjetà moderna Ewropea, speċjalment minħabba l-bidliet industrijali, il-globalizzazzjoni, xejriet ġodda ta’ xogħol, it-tibdil demografiku u l-iżvilupp tal-mezzi tat-trasport, titlob livell ogħla ta’ mobilità fost il-ħaddiema;

J.  billi l-moviment liberu tal-ħaddiema jirrappreżenta eżempju soċjoekonomiku pożittiv kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri tagħha, peress li huwa pass importanti għall-integrazzjoni tal-UE, l-iżvilupp ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u t-titjib individwali fil-livell professjonali, il-ġlieda kontra l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika u l-konsolidament tal-Unjoni bħala forza ekonomika aktar b’saħħitha li tkun lesta li tiffaċċja l-isfidi tat-tibdil globali;

K.  billi mill-1 ta’ Jannar 2014 tneħħew l-arranġamenti tranżitorji għall-moviment liberu ta’ ħaddiema mill-Bulgarija u r-Rumanija;

L.  billi l-Kunsill tenna l-appoġġ tiegħu għall-moviment liberu u rrikonoxxa l-benefiċċji reċiproċi li dan iġib miegħu, bħal pereżempju f'dibattitu riċenti fil-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (8 ta' Ottubru 2013, 5-6 ta' Diċembru 2013);

M.  billi fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej imminenti, il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE sar wieħed mill-punti tal-kampanja elettorali ta' ċerti partiti politiċi; billi hemm riskju li dan id-dibattitu, jekk ma jiġix indirizzat razzjonalment, jista' jwassal għall-għoti ta' ħtija lil ċittadini tal-UE minn ċerti Stati Membri, jew ċittadini mobbli tal-UE, u jista' jwassal għal żieda fir-razziżmu u l-ksenofobja; billi l-politiċi Ewropej prominenti riċentement ħarġu b'diversi dikjarazzjonijiet li jippreġudikaw id-dritt għall-moviment liberu;

N.  billi studji riċenti tal-Kummissjoni wrew li l-ħaddiema mobbli huma kontributuri nett għall-ekonomiji u l-baġits tal-pajjiżi ospitanti; billi l-ħaddiema mobbli bħala grupp iħallsu aktar fil-baġits tal-pajjiżi ospitanti f'taxxi u f'sigurtà soċjali milli jirċievu f'benefiċċji, filwaqt li n-nefqa għall-kura tas-saħħa fuq iċ-ċittadini mobbli tal-UE mhux attivi hija żgħira ħafna apparagun man-nefqa totali għall-kura tas-saħħa (0,2 %) jew apparagun mal-ekonomiji tal-pajjiżi ospitanti (0,01 % tal-PDG), u ċ-ċittadini tal-UE jirrappreżentaw proporzjon żgħir ħafna tal-benefiċjarji ta' allokazzjonijiet speċjali mhux kontributorji;

1.  Jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw mad-dispożizzjoniet tat-Trattat fir-rigward tar-regoli tal-UE li jirregolaw il-moviment liberu, u jiżguraw ir-rispett tal-prinċipji ta' ugwaljanza u d-dritt fundamentali tal-moviment liberu fl-Istati Membri kollha.

2.  Jikkontesta bil-qawwa l-pożizzjoni meħuda minn ċerti mexxejja Ewropej li jitolbu bidliet u restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini; jistieden lill-Istati Membri jżommu lura milli jieħdu kwalunkwe azzjoni li tista’ taffettwa d-dritt għall-moviment liberu, li huwa bbażat fuq il-leġiżlazzjoni ewlenija tal-UE;

3.  Jiċħad kompetament kull proposta li tiffissa limitu massimu għall-għadd ta' migranti tal-UE peress li dan ikun f'kontradizzjoni mal-prinċipju tat-Trattat tal-UE tal-moviment liberu tal-persuni; jirrimarka li l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-infurzar strett tad-dritt tal-Unjoni sabiex jiggarantixxu li l-ħaddiema tal-UE kollha jkunu trattati b'mod ugwali u mhux diskriminati fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi u l-kundizzjonijiet ta' xogħol, ir-remunerazzjoni, is-sensja u l-benefiċċji soċjali u l-vantaġġi fiskali, biex b'hekk ikun hemm kompetizzjoni leali fost in-negozji; u jħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali jiġġieldu kontra kull restrizzjoni jew ostaklu bla ġustifikazzjoni għad-dritt ta' moviment liberu tal-ħaddiema, kif ukoll kull sfruttament tal-ħaddiema;

5.  Ifakkar li l-moviment liberu tal-ħaddiema jagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni, irrispettivament mill-post tar-residenza tiegħu, id-dritt li jittrasferixxi ruħu liberament fi Stat Membru ieħor sabiex jaħdem u/jew jgħix hemm għal skopijiet ta’ xogħol;

6.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2013)0837 li tistabbilixxi ħames azzjonijiet intiżi sabiex jgħinu lill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali tagħhom japplikaw il-liġijiet u l-istrumenti tal-UE filwaqt li jisfruttaw il-potenzjal tagħhom kollu u jappoġġa bis-sħiħ l-azzjonijiet segwenti li se jiġu implimentati b'mod konġunt mal-Istati Membri; għajnuna lill-Istati Membri sabiex jiġġieldu ż-żwiġijiet ta' konvenjenza (manwal); għajnuna lill-awtoritajiet sabiex japplikaw ir-regoli ta' koordinament fil-qasam tas-sigurtà (gwida prattika); għajnuna lill-awtoritajiet sabiex jindirizzaw l-isfidi marbuta mal-inklużjoni soċjali (finanzjament); skambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet lokali; u taħriġ u appoġġ lill-awtoritajiet lokali għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu;

7.  Jistieden lill-Istati Membri ma jiddiskriminawx kontra ħaddiema mobbli mill-UE, billi inġustament jassoċjaw id-dritt għall-moviment liberu għal skopijiet ta’ xogħol ma’ allegat abbuż tas-sistemi ta' sigurtà soċjali; jenfasizza li l-ebda wieħed mill-Istati Membri li qed jallegaw dan il-piż ma ppreżenta prova lill-Kummissjoni kif mitlub;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ sistematiku u eżawrjenti tar-rispett tad-dritt fundamentali tal-moviment liberu għal ħaddiema tal-UE; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi attwali tagħha sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva 2004/38/KE kompletament u korettament, filwaqt li tagħmel użu sħiħ mis-setgħat tagħha biex tniedi proċeduri għal ksur;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw bis-sħiħ u b'mod trasparenti r-riżorsi disponibbli fl-ambitu tal-fondi Ewropej (bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali) sabiex jiġu promossi l-integrazzjoni, l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, u jiġu appoġġati l-isforzi tal-komunitajiet lokali sabiex jindirizzaw kwalunkwe żieda fin-numru taċ-ċittadini marġinalizzati;

10.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà soċjali tagħhom biex jindirizzaw l-użu ħażin tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom, irrispettivament jekk isirx miċ-ċittadini tagħhom jew minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra; jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38/KE u jindirizzaw l-abbużi li jista’ jkun hemm;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.
(2) ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1.
(3) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(4) ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.
(5) ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 6.
(6) ĠU C 257 E, 6.9.2013, p. 74.


Iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ
PDF 207kWORD 47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ (2013/2995(RSP))
P7_TA(2014)0038RC-B7-0015/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 5, 9 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi kull Stat Membru huwa mistenni jaġixxi b'mod responsabbli fil-preservazzjoni tal-valuri u tal-kisbiet komuni tal-Unjoni, u billi dawk il-valuri u l-kisbiet huma imprezzabbli u ma jistax ikollhom prezz marbut magħhom;

B.  billi għadd ta' Stati Membri introduċew skemi li, b'mod dirett jew indirett, jirriżultaw fil-bejgħ taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi;

C.  billi għadd jiżdied ta' Stati Membri qed joħorġu permessi ta' residenza temporanji jew permanenti lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi li jagħmlu investimenti fl-Istat Membru kkonċernat;

D.  billi f'xi Stati Membri tista' tinkiseb residenza permanenti b'aċċess għaż-Żona Schengen kollha kemm hi; billi f'ċerti Stati Membri qed jittieħdu passi li jistgħu jwasslu għall-bejgħ effettiv taċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat Membru;

E.  billi f'xi każijiet dawn il-programmi ta' investiment jista' jkollhom effetti sekondarji negattivi, bħad-distorsjoni tas-swieq tal-housing lokali;

F.  billi l-Gvern Malti, b'mod partikolari, reċentement ħa passi sabiex jintroduċi skema għall-bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza Maltija, li awtomatikament tinkludi l-bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza tal-UE kollha kemm hi mingħajr ebda rekwiżit ta' residenza;

G.  billi tali bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza tal-UE jdgħajjef il-fiduċja reċiproka li fuqha hija msejsa l-Unjoni;

H.  billi ċ-ċittadini tal-UE b'mod partikolari għandhom id-dritt jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fl-UE, jivvutaw u jikkontestaw l-elezzjonijiet muniċipali u dawk tal-Parlament Ewropew irrispettivament minn fejn jgħixu fl-UE, bl-istess kundizzjonijiet bħan-nazzjonali, u jiġu assistiti mill-ambaxxata jew mill-konsulat ta' Stat Membru ieħor barra l-UE bl-istess kundizzjonijiet bħal ċittadin ta' dak l-Istat Membru, jekk pajjiżhom ma jkunx rappreżentat;

I.  billi l-UE hija bbażata fuq fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, mibnija fuq snin ta' ħidma gradwali u rieda tajba min-naħa tal-Istati Membri, kif ukoll min-naħa tal-Unjoni kollha kemm hi;

J.  billi tqajjem ukoll tħassib dwar abbuż kriminali minn dawn il-programmi ta' investiment, inklużi kwistjonijiet bħall-ħasil ta' flus;

K.  billi jeżisti tħassib rigward diskriminazzjoni possibbli minħabba l-fatt li dawn il-prattiki mill-Istati Membri jippermettu li ċ-ċittadinanza tal-UE jakkwistawha biss dawk in-nazzjonali ta' pajjiżi terzi li huma l-aktar sinjuri, mingħajr ma jiġu meqjusa kriterji oħra;

L.  billi mhuwiex ċar jekk iċ-ċittadini Maltin humiex tassew se jibbenefikaw minn din il-politika l-ġdida, pereżempju permezz tal-ġbir ta' taxxi, perezz illi l-investituri barranin ikkonċernati mhux se jintalbu jħallsu taxxi; ifakkar li ċ-ċittadinanza ma tfissirx biss drittijiet, iżda tfisser ukoll responsabbiltajiet;

M.  billi ċ-ċittadinanza tal-UE hija waħda mill-kisbiet ewlenin tal-UE u billi, skont it-Trattati tal-UE, il-kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri;

1.  Huwa mħasseb li dan il-mod kif tinkiseb iċ-ċittadinanza f'Malta, kif ukoll kwalunkwe skema nazzjonali oħra li tista' tinvolvi l-bejgħ espliċitu dirett jew indirett taċ-ċittadinanza tal-UE, idgħajjef il-kunċett innifsu ta' ċittadinanza tal-UE;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jonoraw ir-responsabbiltajiet li għandhom fil-ħarsien tal-valuri u l-objettivi tal-Unjoni;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tiddikjara b'mod ċar jekk dawn l-iskemi jirrispettawx l-ittra u l-ispirtu tat-Trattati u tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, kif ukoll ir-regoli tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni;

4.  Itenni li l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan fih il-prinċipju ta' "koperazzjoni leali" bejn l-Unjoni u l-Istati Membri li, b'rispett reċiproku sħiħ, għandhom jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joriġinaw mit-Trattati;

5.  Jesprimi tħassib dwar l-implikazzjonijiet ta' wħud mill-iskemi ta' investiment u ċittadinanza li reċentement ġew stabbiliti minn diversi Stati Membri tal-UE;

6.  Jirrikonoxxi li kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza huma l-kompetenza tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri, madankollu, joqogħdu attenti meta jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam u jqisu l-effetti sekondarji possibbli;

7.  Jinnota li ċ-ċittadinanza tal-UE timplika li wieħed ikollu sehem fl-Unjoni u tiddependi mir-rabtiet ta' persuna mal-Ewropa u l-Istati Membri jew minn rabtiet personali ma' ċittadini tal-UE; jisħaq li ċ-ċittadinanza tal-UE m'għandha qatt issir komodità negozjabbli;

8.  Jissottolinja l-fatt li d-drittijiet mogħtija miċ-ċittadinanza tal-UE huma bbażati fuq id-dinjità tal-bniedem u m'għandhom jinxtraw jew jinbiegħu għall-ebda prezz;

9.  Jenfasizza li l-aċċess għall-fondi m'għandux ikun il-kriterju ewlieni fl-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri jqisu kwistjonijiet ta' tħassib dwar kriminalità relatati mal-frodi bħall-ħasil tal-flus;

10.  Jinnota li kompetizzjoni kontinwa għal kundizzjonijiet ta' investiment aktar attraenti jew riżorsi finanzjarji jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-istandards u r-rekwiżiti biex jinkisbu permessi ta' residenza taż-Żona Schengen u ċ-ċittadinanza tal-UE;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-diversi skemi ta' ċittadinanza fid-dawl tal-valuri Ewropej u l-ittra u l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni u l-prassi tal-UE, u toħroġ rakkomandazzjonijiet sabiex timpedixxi li tali skemi jdgħajfu l-valuri li l-UE ssejset fuqhom, kif ukoll linji gwida għal aċċess għaċ-ċittadinanza tal-UE permezz ta' skemi nazzjonali;

12.  Jistieden lil Malta tallinja l-iskema ta' ċittadinanza attwali tagħha mal-valuri tal-UE;

13.  Jistieden lill-Istati Membri li adottaw skemi nazzjonali li jippermettu l-bejgħ dirett jew indirett taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi biex jallinjaw tali skemi mal-valuri tal-UE;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.


Rapport ta' progress 2013 dwar is-Serbja
PDF 276kWORD 115k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress 2013 dwar is-Serbja (2013/2880(RSP))
P7_TA(2014)0039B7-0006/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Tessalonika tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/213/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet kontenuti fis-Sħubija Ewropea mas-Serbja inkluż il-Kosovo kif definit mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 ta' l-10 ta' Ġunju 1999 u li tħassar d-Deċiżjoni 2006/56/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 dwar l-applikazzjoni għall-adeżjoni tas-Serbja mal-Unjoni Ewropea (SEC(2011)1208) u l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2011 bit-titolu ''Strateġija ta' Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2011-2012" (COM(2011)0666),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-11 ta’ Diċembru 2012 dwar it-Tkabbir u l-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tas-Serbja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2013; wara li kkunsidra t-tħejjijiet li għaddejjin għall-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li se tinvolvi lill-Parlament Ewropew u lill-Assemblea Nazzjonali tas-Serbja fi djalogu kontinwu, li se ssir f'Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Opinjoni Konsultattiva tal-QIĠ tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-kwistjoni tal-konformità tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo mad-dritt internazzjonali, u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni u laqgħet favorevolment ir-rieda tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn Belgrad u Pristina(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-seba' Laqgħa Interparlamentari UE-Serbja tat-18 u d-19 ta' Marzu 2013,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006 u li s-Serbja hija firmatarja tiegħu, u d-Deċiżjoni tal-Komunità tal-Enerġija D/2012/04/MC/EnC tat-18 ta’ Ottubru 2012 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija minn Sorsi Rinnovabbli (RES) 2009/28/KE u li temenda l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, li jistabbilixxi miri vinkolanti,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' riammissjoni UE-Serbja tat-8 ta' Novembru 2007(3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) 1244/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar il-ġestjoni baġitarja tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali(5), u l-osservazzjonijiet dwar is-Serbja li jinsabu fir-riżoluzzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta’ Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-kostituzzjoni tat-tim tan-negozjati għall-adeżjoni tas-Serbja,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni tal-2013 dwar is-Serbja (SWD(2013)0412) tas-16 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 iddeċieda li jibda negozjati dwar l-adeżjoni mas-Serbja, u li ssir l-ewwel konferenza intergovernattiva l-aktar tard sa Jannar 2014, u dan jikkonferma l-perspettiva Ewropea tas-Serbja b'konformità mal-impenji tal-UE għar-reġjun kollu tal-Balkani tal-Punent;

B.  billi s-Serbja għamlet passi importanti lejn in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo li rriżultaw fl-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta' Normalizzazzjoni tad-19 ta' April 2013, u għamlet sforzi biex tissodisfa b'mod suffiċjenti l-kriterji u l-kundizzjonijiet politiċi tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; billi n-negozjati dwar l-adeżjoni jikkostitwixxu għodda ta' monitoraġġ b'saħħitha għall-implimentazzjoni tar-riformi;

C.  billi, fil-25 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni u s-Serbja nedew il-proċess ta' eżami analitiku (screening) tal-acquis, li jibda mill-Kapitolu 23 – drittijiet ġudizzjarji u fundamentali;

D.  billi s-Serbja, bħal kull pajjiż li jaspira li jingħaqad mal-UE, għandha tkun iġġudikata abbażi tal-merti proprji tagħha fit-twettiq, l-implimentazzjoni u r-rispett tal-istess sensiela ta’ kriterji;

E.  billi l-Unjoni Ewropea poġġiet l-istat tad-dritt fil-qalba tal-politika ta' tkabbir tagħha;

F.  billi l-implimentazzjoni tal-qafas legali dwar il-protezzjoni tal-minoranzi jeħtieġ li jiġi żgurat bis-sħiħ, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-użu tal-lingwa, u l-aċċess għall-midja u s-servizzi reliġjużi fil-lingwi minoritarji;

G.  billi l-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent;

1.  Jistenna bil-ħerqa għall-bidu formali tat-taħdidiet tal-adeżjoni mas-Serbja li se jsiru fl-ewwel konferenza intergovernattiva UE-Serbja (KIG) fil-21 ta' Jannar 2014; iqis li l-KIG hija pass storiku għall-proċess tal-integrazzjoni Ewropea tas-Serbja u juri l-impenn tal-UE mal-proċess tat-tkabbir; jitlob lill-awtoritajiet Serbi jintensifikaw ir-riformi relatati mal-UE fil-pajjiż fis-segwitu tal-konferenza, sabiex jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini Serbi għal proċess bla xkiel tal-adezjoni fl-UE u jissaħħaħ l-irkupru ekonomiku billi l-perspettiva tas-sħubija mal-UE ssir tanġibbli;

2.  Jilqa’ l-impenn li wera l-Gvern Serb favur il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea u jħeġġeġ lis-Serbja tkompli bir-riformi sistemiċi u soċjoekonomiċi li se jippermettulha taffaċċa u timplimenta l-obbligi tas-sħubija futura b'mod effettiv; jissottolinja li l-implimentazzjoni tar-riformi tibqa' indikatur ewlieni ta' proċess ta' integrazzjoni ta' suċċess u, għalhekk, iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iżidu l-isforzi tagħhom għal riforma fl-oqsma tal-ġudikatura, fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, fis-settur pubbliku, fil-kontroll ċivili tas-setturi tad-difiża u s-sigurtà, fil-politika tal-enerġija fir-rigward, b'mod partikolari, tal-iffrankar tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, fil-libertà tal-midja, fil-protezzjoni tal-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli kollha, kif ukoll fid-drittijiet fundamentali tagħhom, fit-tibdil strutturali fl-ekonomija, fid-djalogu soċjali, fit-titjib tal-ambjent kummerċjali u fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali;

3.  Jilqa’ d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-1 ta’ Settembru 2013 kif ukoll it-tlaqqigħ tal-ewwel Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni li sar fil-21 ta’ Ottubru 2013; jisħaq fuq il-fatt li d-dħul fis-seħħ tal-FSA jirrappreżenta pass importanti fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tas-Serbja u jipprovdi l-qafas ġenerali biex is-Serbja u l-UE jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom rigward il-kriterji politiċi u l-approssimazzjoni tal-acquis, u biex jippreparaw għall-parteċipazzjoni futura tas-Serbja fis-Suq Uniku; jinkoraġġixxi lill-partijiet kollha involuti jaħdmu flimkien f’mod responsabbli;

4.  Jilqa’ l-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta’ Normalizzazzjoni li ntlaħaq fid-djalogu ta’ livell għoli bejn il-Prim Ministri tas-Serbja u tal-Kosovo fid-19 ta’ April 2013, li fetaħ it-triq lejn aktar passi fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tas-Serbja u l-Kosovo; jilqa' l-passi li ttieħdu s'issa miż-żewġ naħat fl-implimentazzjoni tal-ftehim u jħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu jimplimentaw il-ftehimiet kollha li ntlaħqu s'issa b'rieda tajba u fi żmien xieraq; jilqa’ l-ftehimiet dwar it-telekomunikazzjoni u l-enerġija li ntlaħqu fi djalogu fit-8 ta’ Settembru 2013; jistieden, b’mod partikolari, kemm lis-Serbja kif ukoll lill-Kosovo biex jikkooperaw b’mod attiv u kostruttiv mal-EULEX fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar Assistenza Legali Reċiproka sabiex jittrattaw in-numru dejjem jikber ta’ talbiet li jikkonċernaw il-proprjetajiet fil-Kosovo; jistieden liż-żewġ naħat iżommu dan l-approċċ kostruttiv filwaqt li jaqblu fuq id-dettalji kontroversjali u sensittivi li għad iridu jiġu elaborati u jintlaħaq ftehim dwarhom; iħeġġeġ liż-żewġ naħat ikomplu jindirizzaw il-kwistjoni tal-persuni neqsin u jilqa', f’dan ir-rigward, l-ewwel riżultati li ntlaħqu fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma ppresedut mis-Salib l-Aħmar dwar il-Persuni Neqsin; jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex inaqqsu l-kummerċ klandestin bejn is-Serbja u l-Kosovo; jinnota li se jkunu meħtieġa sforzi oħra kontinwi mill-mexxejja tas-Serbja u l-Kosovo biex jintegraw il-minoranza Serba fis-soċjetà tal-Kosovo u biex iressqu lejn xulxin il-komunitajiet etniċi Albaniżi u Serbi;

5.  Jilqa' l-elezzjonijiet lokali li għall-ewwel darba fl-istorja koprew il-pajjiż kollu li saru fil-Kosovo fit-3 ta' Novembru 2013 u b’mod partikolari l-parteċipazzjoni viżibbli tal-votanti fil-muniċipalitajiet iddominati mis-Serbi fin-Nofsinhar tax-Xmara Ibar kif ukoll l-iżvolġiment ġenerali regolari tal-elezzjonijiet lokali fil-Kosovo, kif ivvalutat fid-dikjarazzjoni preliminari tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE (EU EOM), bħala parti mill-proċess ta' normalizzazzjoni; jilqa’ l-isforzi li Belgrad u Pristina investew biex jiżguraw li l-elezzjonijiet ikunu paċifiċi u skont in-normi demokratiċi; jikkundanna bis-saħħa l-vjolenza u l-intimidazzjoni persistenti li seħħew fil-muniċipalitajiet tat-Tramuntana ta’ Mitrovica u Zvečan u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jiffaċilitaw l-isforzi biex l-atturi tal-vjolenza jinġiebu f’idejn il-ġustizzja; jinnota, f'dan ir-rigward, il-wegħda tal-mexxejja Serbi li dawk responsabbli għat-tfaqqigħ tal-vjolenza se jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; jinnota li huma meħtieġa aktar sforzi attenti biex jisfaxxa n-netwerk tal-kriminalità organizzata u r-rabtiet tiegħu mal-élites politiċi lokali u jerġa' jiġi stabbilit l-istat tad-dritt fit-Tramuntana tal-Kosovo; jilqa’ l-pożizzjoni tal-mexxejja politiċi Serbi li inkoraġġixxew b’mod attiv lis-Serbi etniċi fil-Kosovo biex jipparteċipaw fl-elezzjonijiet, iżda jinnota fl-istess ħin li Belgrad m’għandhiex toħnoq il-pluraliżmu politiku fil-komunità Serba fil-Kosovo billi tikkampanja f’isem kwalunkwe partit jew lista elettorali partikolari;

6.  Jenfasizza l-bżonn ta’ trasparenza akbar fil-komunikazzjoni tar-riżultati tad-djalogu Belgrad-Pristina u fl-involviment tal-parlamenti u tas-soċjetajiet ċivili kkonċernati fil-proċess ta’ implimentazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa, f’dan ir-rigward, li n-negozjaturi tas-Serbja u l-Kosovo jibnu fiduċja pubblika u biex jilħqu liċ-ċittadini, nisa u rġiel; jistieden lill-awtoritajiet Serbi f’Belgrad, Mitrovica u n-Nofsinhar tax-Xmara Ibar biex jagħmlu sforzi akbar biex iżidu l-interazzjoni komunitarja bejn is-Serbi u l-Albaniżi tal-Kosovo, b’mod partikolari billi jinkoraġġixxu l-iskejjel u ċ-ċentri tal-komunità jgħallmu l-lingwa Albaniża; jenfasizza li l-Albaniżi tal-Kosovo għandhom ukoll ikunu mħeġġa sew biex jinteraġixxu aktar mal-komunitajiet Serbi madwarhom u biex jitgħallmu l-lingwa Serba, bħala element vitali tal-integrazzjoni tal-komunità Serba fis-soċjetà tal-Kosovo, id-djalogu fil-ġejjieni u l-governanza bikomunali;

7.  Jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet kontinwi li jiffaċċjaw iċ-ċittadini tal-UE meta jipprovaw jidħlu s-Serbja mill-Kosovo, u meta wara jitilqu mis-Serbja għal pajjiż terz, minħabba n-nuqqas ta’ rikonoxximent mis-Serbja tal-fruntieri esterni tal-Kosovo u l-affermazzjoni tagħha li dħul għall-ewwel darba fil-Kosovo jikkostitwixxi dħul illegali fis-Serbja; jiddispjaċih ukoll dwar it-timbri ta’ taħsir tal-pulizija tal-fruntiera Serba superimposti fuq it-timbri tal-Kosovo fil-passaporti barranin; jinkoraġġixxi lis-Serbja tirrevedi l-politiki tagħha ta' dan it-tip bħala miżura b’saħħitha għall-bini tal-fiduċja, li huwa pass meħtieġ għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet mal-Kosovo, u bħala mezz konkret biex tippromwovi l-integrazzjoni ulterjuri tal-UE bi qbil mal-ispirtu tal-moviment liberu;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Serbi u tal-pajjiżi ġirien biex ikomplu juru rieda tajba u jikkooperaw bis-sħiħ ma' u jappoġġjaw it-Task Force Investigattiva Speċjali stabbilita b'segwitu għar-rapport ta’ Diċembru 2010 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u jinkoraġġixxi t-tħaffif ulterjuri tal-ħidma tagħha;

9.  Japprezza l-approċċ kostruttiv tal-gvern Serb fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien, peress li dan ippermetta li jsiru avvanzi sostanzjali kemm fil-kooperazzjoni reġjonali kif ukoll f'relazzjonijiet eqreb mal-UE; itenni l-importanza kruċjali tal-kooperazzjoni reġjonali fir-rigward ta' kwistjonijiet dwar l-enerġija, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u fl-iżvilupp ta' netwerks ta' trasport, kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni u r-riżoluzzjoni b'mod gradwali tal-kwistjonijiet bilaterali mal-pajjiżi ġirien, l-ewwel u qabel kollox sabiex isir progress biex jiġi ssuperat il-legat tal-kunflitt reċenti u sussegwentement għas-suċċess tal-integrazzjoni tas-Serbja mal-UE; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet biex jaħdmu mill-qrib mal-pajjiżi tal-eks Jugoslavja bil-għan li jissolvew il-problemi pendenti kollha ta’ suċċessjoni legali u biex jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehimiet bilaterali kollha mal-pajjiżi ġirien fi żmien xieraq; jappella lis-Serbja biex iżżid l-isforzi tagħha sabiex jissolvew il-kwistjonijiet pendenti kollha mal-Kroazja, b'mod partikolari l-kwistjonijiet ta' persuni neqsin, id-demarkazzjoni tal-fruntieri u l-ipproċessar tar-reati tal-gwerra, biex b'hekk ikunu jistgħu jitneħħew ostakli sabiex titwitta t-triq għall-irtirar tal-kawżi legali reċiproki quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet ta’ Belgrad biex jappoġġjaw u jiffaċilitaw b’mod attiv il-bidliet kostituzzjonali fil-BiH li għandhom l-għan li jġibu l-leġiżlazzjoni elettorali konformi mad-deċiżjoni tal-QEDB dwar il-kaważ Sejdić-Finci u jsaħħu u jissemplifikaw l-istituzzjonijiet fil-livell tal-istat tal-BiH sabiex il-pajjiż ikun jista’ jimxi ’l quddiem fit-triq tiegħu lejn l-adeżjoni mal-UE;

10.  Jirrikonoxxi l-progress reċenti fis-sejba tal-oqbra tal-massa u l-identifikazzjoni tal-persuni neqsin mill-gwerer fil-Kroazja u fil-Bosnja-Ħerzegovina, u jħeġġeġ l-awtoritajiet Serbi jwettqu investigazzjoni aktar bir-reqqa’ fl-arkivji u l-uffiċjali tal-Armata Popolari tal-eks Jugoslavja;

11.  Jistieden lis-Serbja tiżgura sorveljanza parlamentari b’saħħitha tal-proċess ta’ negozjati dwar l-adeżjoni; itenni l-importanza li l-parlament tiegħu jkun involut fi stadju bikri fl-inkorporazzjoni fil-liġi tal-impenji li saru u biex jinvolvi lis-soċjetà ċivili permezz ta' mekkaniżmu konsultattiv kostruttiv matul il-proċess kollu tal-adeżjoni peress li din għandha sehem importanti x'tiżvolġi bħala osservatur kritiku tat-tkomplija tal-implimentazzjoni tar-riformi Ewropej kif ukoll biex tiżgura li d-djalogu u r-relazzjonijiet tajbin mal-ġirien tas-Serbja jiġu stabbiliti sew fis-soċjetà; jilqa’ l-kooperazzjoni mal-Kroazja u l-Montenegro permezz tal-isforzi li saru biex jikkondividu prattiki tajba bbażati fuq l-esperjenza reċenti, bil-għan li jgħinu lis-Serbja timxi b’mod mgħaġġel u mingħajr xkiel fil-proċess tal-adeżjoni;

12.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-riforma tal-ġudikatura 2013-2018, imfassla skont il-prinċipji ewlenin ta’ indipendenza, imparzjalità, kompetenza, kwalità tal-ġudikatura u libertà mill-interferenza politika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jintensifikaw din ir-riforma b'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, b'mod speċjali fir-rigward tar-rwol tal-parlament fil-ħatriet ġudizzjarji u l-indipendenza tal-prosekuzzjoni, u fid-dawl tal-proċess ta' eżami tal-Kapitolu 23, li beda fil-25 ta' Settembru 2013; jisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ tal-indipendenza tal-Kunsill Ġudizzjarju Għoli u tal-Kunsill Prosekutorjali tal-Istat u t-tnaqqis ta' kawżi pendenti, bħala kundizzjoni meħtieġa għas-sekwenzar b’suċċess tal-proċess sħiħ ta’ riforma; jistieden lill-awtoritajiet jipprovdu r-riżorsi kollha meħtieġa għall-Akkademja Ġudizzjarja li għandha tkun strumentali fil-garanzija tar-reklutaġġ ibbażat fuq il-mertu; jenfasizza l-ħtieġa għal taħriġ kontinwu tal-imħallfin u tal-prosekuturi fit-trattament ta’ kawżi finanzjarji kumplessi u reati ekonomiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli jiżguraw proċess trasparenti u bbażat fuq il-mertu għall-ħatra tal-imħallfin u tal-prosekuturi kif ukoll rekord b'saħħtu ta’ proċeduri dixxiplinari kontra l-persunal ġudizzjarju; jinsisti aktar fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata ġustizzja f’waqtha flimkien mal-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, il-pubblikazzjoni ta’, u l-aċċess faċli għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji kollha immedjatament wara l-adozzjoni u l-allokazzjoni aleatorja tal-kawżi fil-qrati kollha; jinsab mħasseb dwar l-inċertezza legali minħabba l-għadd ta' mħallfin li qed iwettqu dmirijiethom bħala aġenti; itenni l-fatt li ġudikatura b’saħħitha u indipendenti hija kruċjali għall-kapaċità tas-Serbja li tissodisfa l-kriterji ta’ sħubija tal-UE;

13.  Jirrakkomanda li l-Liġi dwar ir-Restituzzjoni tiġi emendata biex jitneħħa kull ostaklu proċedurali u kull impediment legali fir-rigward tar-restituzzjoni in natura; u jistieden lill-Gvern Serb sabiex jimplimenta l-Liġi dwar ir-Riabilitazzjoni b’mod sħiħ u nondiskriminatorju; jinnota li l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi mwettqa skont il-prinċipji bażiċi tal-liġi kriminali, bħar-rispett għall-preżunzjoni tal-innoċenza;

14.  Jilqa’ l-adozzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-2013-2018, u jenfasizza li hija meħtieġa ħidma kontinwa sabiex jiġu implimentati b’mod sinifikanti, bħala parti mill-kundizzjonalità tal-UE, li mingħajrha l-adeżjoni ma tirnexxix; jenfasizza l-importanza ta’ finanzjament xieraq għall-implimentazzjoni tajba tal-istrateġija; jenfasizza li r-rieda politika hija kruċjali biex jiġi stabbilit rekord b'saħħtu ta' investigazzjoni u kundanni fil-kawżi ta' korruzzjoni b'viżibbiltà għolja, inklużi l-24 kawża ta' privatizzazzjoni individwati mill-Kunsill ta' Kontra l-Korruzzjoni; jilqa’, f’dan ir-rigward, l-ewwel riżultati u l-kundanni finali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza fl-istess ħin il-ħtieġa li tinbena l-kapaċità tal-istituzzjonijiet, li jissaħħu l-istat tad-dritt u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji, b'mod partikolari fil-korpi ġudizzjarji u tal-prosekuzzjoni, sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw każijiet kumplessi ta' korruzzjoni sistemika; iqis li l-kompetenza legali u r-riżorsi tal-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni għandhom jissaħħu; jenfasizza li l-finanzjament tal-partiti politiċi kollha jeħtieġ ikun trasparenti u konformi mal-istandards tal-UE; jistieden lill-awtoritajiet jadottaw il-Liġi dwar l-Iżvelaturi (Whistleblowers) u jiżguraw l-implimentazzjoni immedjata u mingħajr xkiel tagħha bħala parti meħtieġa tal-Istrateġija ta’ Kontra l-Korruzzjoni;

15.  Jinnota li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma mifruxa fir-reġjun u jirrappreżentaw ukoll ostaklu għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tas-Serbja; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni mtejba bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun huma essenzjali biex dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati b’mod aktar effettiv;

16.  Jirrikonoxxi lin-nisa bħala aġenti importanti tal-bidla fis-soċjetà Serba; jinnota t-titjib fir-rappreżentanza tan-nisa fil-parlament wara l-elezzjoni tal-2012; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Serbi biex jagħmlu aktar sforzi biex jiggarantixxu rappreżentazzjoni ugwali; jissottolinja l-fatt li n-nisa għadhom qed jaffaċjaw diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u f'setturi oħra tas-soċjetà, u li għadhom mhumiex irrappreżentati bis-sħiħ fil-ħajja politika tal-pajjiż, inkluż f'pożizzjonijiet governattivi; jissottolinja l-fatt li l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva għadhom sfidi ewlenin, u jħeġġeġ l-awtoritajiet Serbi jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jittrattaw dawn il-kwistjonijiet;

17.  Jistieden lill-awtoritajiet biex jiżguraw il-kredibbiltà u l-professjonalità tal-Programm tal-Protezzjoni tax-Xhieda (WPP) u biex jipprovdu riżorsi xierqa għal dan sabiex il-ġudikatura tkun tista’ tkompli b’mod effettiv il-proċedimenti tagħha dwar ir-reati tal-gwerra u l-kriminalità organizzata; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kien hemm numru ta' eks uffiċjali tal-pulizija li volontarjament għażlu li jibqgħu barra mill-WPP minħabba n-nuqqasijiet konsiderevoli tiegħu;

18.  Itenni bil-qawwa t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali li tirrevoka t-22 kompetenza garantiti tal-Provinċja Awtonoma ta’ Vojvodina u tħalli numru preokkupanti ta’ kwistjonijiet mhux solvuti li jeħtieġu jiġu indirizzati; jappella, f'dan ir-rigward, li jintwera rispett għall-priċipji tal-istat tad-dritt u għas-sussidjarjetà; jerġa’ jfakkar lill-partijiet li, skont il-Kostituzzjoni, il-liġi dwar il-finanzjament tal-Provinċja Awtonoma kellha tkun adottata sa tmiem l-2008; iħeġġeġ lill-gvern, għalhekk, jissottometti din il-kwistjoni lill-parlament mingħajr aktar dewmien, peress li hija vitali għall-funzjonament tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fis-Serbja;

19.  Jissottolinja l-importanza ta’ djalogu soċjali kostruttiv għall-iżvilupp ekonomiku fis-Serbja; iħeġġeġ lill-gvern jippromwovi l-bini tal-kapaċitajiet għal unions u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi ġenwinament indipendenti u joħloq qafas u spazju politiku għal djalogu soċjali u ftehimiet kollettivi;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u l-protezzjoni fil-livelli kollha tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, u l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fuq kull bażi; jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija Kontra d-Diskriminazzjoni u jissottolinja l-fatt li l-implimentazzjoni tagħha hija kruċjali; jilqa’ l-progress li sar s’issa, iżda għadu mħasseb dwar il-livell ta’ diskriminazzjoni fil-pajjiż u jitlob għar-rispett tal-minoranzi kollha, fir-rigward tan-nazzjonalità, l-etniċità, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali u rigward is-sigurtà tad-drittijiet soċjoekonomiċi u kulturali; jinnota l-fatt li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kategoriji l-aktar esposti għad-diskriminazzjoni u l-prattiki diskriminatorji, bħar-Rom, in-nisa, il-persuni b’diżabbiltajiet u t-tfal; jitlob għall-implimentazzjoni xierqa tal-istrateġija dwar ir-Rom tas-Serbja; jitlob għal protezzjoni aħjar tad-drittijiet tan-nisa u għal politiki favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u jenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-inklużjoni ta' perspettiva dwar il-ġeneri fil-politiki kollha relevanti tal-gvern; jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-awtoritajiet li jipprojbixxu l-Parata "Gay Pride" ta’ Belgrad f’Settembru 2013 bħal ma ġara fis-sentejn preċedenti u jitlob li jingħata appoġġ politiku lid-drittijiet tal-bniedem għall-persuni LGBTI fuq l-ogħla livell politiku; jinsisti li d-dritt ta' assemblea pubblika għandu jiġi żgurat għaċ-ċittadini u għall-minoranzi kollha, inkluż il-minoranza LGBTI; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jiżviluppaw approċċ proattiv sabiex l-inklużjoni tal-popolazzjoni LGBTI tkun aktar effettiva; iħeġġeġ lill-gvern jintensifika l-isforzi matul is-sena biex jiġġieled b’mod komprensiv il-gruppi vjolenti li ppruvaw ifixklu u jattakkaw id-dimostrazzjonijiet paċifiċi tal-komunità LGBTI, sabiex jipprevjeni dawn il-gruppi milli jdgħajfu l-istat tad-dritt u l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-bniedem fis-Serbja; jistieden ukoll lill-awtoritajiet Serbi jindirizzaw il-problema tal-konsegwenzi trawmatiċi tal-vjolenza tas-snin disgħin bħala parti minn strateġija fit-tul biex tipprevjeni r-rikorrenza tal-vandaliżmu u l-vjolenza u l-ksur tal-liġi;

21.  Jisħaq fuq ir-rwol ċentrali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi u indipendenti (OSĊ) għat-tisħiħ u l-konsolidament tal-proċessi politiċi demokratiċi fil-pajjiż; jirrikonoxxi x-xogħol importanti mwettaq mill-OSĊ u mill-organizzazzjonijiet tan-nisa fir-rigward tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBT, it-temma tal-vjolenza kontra n-nisa, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika, l-isforzi lejn il-ħolqien tal-paċi u r-rwol tas-soċjetà ċivili bħala għassiesa; jissottolinja l-importanza ta' djalogu mal-OSĊ u jenfasizza r-rwol kruċjali tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-kontribut għal tisħiħ fil-kooperazzjoni reġjonali dwar kwistjonijiet soċjali u politiċi; jilqa’ l-kooperazzjoni mtejba tal-gvern mal-NGOs, iżda jistieden għal konsultazzjoni usa’ magħhom fit-tfassil tal-politika, inklużi l-formulazzjoni ta’ politiki u leġiżlazzjoni u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-awtoritajiet;

22.  Jitlob impenn politiku aktar b’saħħtu fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-isforzi biex tiġi stabbilita sistema bbażata fuq il-mertu, b’mod partikolari fl-iżgurar li jitlesta l-qafas leġiżlattiv u l-allinjament sħiħ tiegħu mal-istandards internazzjonali; jiddispjaċih li l-Liġi dwar l-Impjegati Ċivili ma tapplikax għall-awtoritajiet lokali;

23.  Jissottolinja l-fatt li s-Serbja rratifikat il-konvenzjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tax-xogħol tal-ILO, kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions għadhom limitati, minkejja l-garanziji kostituzzjonali, u jistieden lis-Serbja tkompli ssaħħaħ dawk id-drittijiet; huwa mħasseb dwar il-fatt li d-djalogu soċjali għadu dgħajjef u li l-konsultazzjoni tas-sħab soċjali għadha irregolari; jitlob li jittieħdu aktar passi biex jissaħħaħ il-Kunsill Ekonomiku u Soċjali biex jiġi żgurat li dan ikun jista’ jkollu parti attiva fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali u jiżvolġi rwol konsultattiv aktar attiv fit-tfassil tal-liġijiet;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata l-libertà tal-midja, u jilqa' f'dan ir-rigward id-depenalizzazzjoni tal-malafama; jinnota l-ħtieġa li jinżamm servizz tax-xandir pubbliku b'saħħtu u indipendenti u jiżgura l-finanzjament tiegħu b'mod stabbli u sostenibbli, kif ukoll biex jiżgura trasparenza sħiħa fis-sjieda tal-midja; iħeġġeġ l-implimentazzjoni rapida tal-istrateġija dwar il-midja u l-abbozz ta’ leġiżlazzjoni relatat, inkluż il-provvista bikrija ta’ aċċess wiesa' għall-internet ; jinsab imħasseb ħafna dwar it-theddid kontinwu kontra l-ġurnalisti u jtenni t-talba tiegħu li l-awtoritajiet itemmu l-investigazzjonijiet pendenti tal-ġurnalisti maqtula; iqis li għandhom jittieħdu passi oħra sabiex il-ġurnalisti jkollhom ambjent sikur biex iwettqu l-ħidma tagħhom b’mod effettiv u mingħajr awtoċensura; jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-periklu tal-użu ħażin tal-fondi pubbliċi fuq reklami li jeżerċitaw influwenza politika fuq il-fornituri tal-midja;

25.  Jistieden lill-Gvern Serb jaħdem dejjem iżjed mal-istituzzjonijiet Ewropej sabiex jiżgura aċċess aħjar għall-fondi Ewropej li huma disponibbli għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bil-għan li tiġi appoġġjata l-ħidma tagħhom bħala atturi essenzjali fil-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tas-Serbja;

26.  Jisħaq il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u jinkoraġġixxi l-formalizzazzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-uffiċjali u l-fornituri tas-servizzi fl-identifikazzjoni tal-vittmi u r-riferiment tagħhom lis-servizzi adattati;

27.  Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet biex ikomplu l-isforzi tagħhom sabiex jeliminaw l-effetti tas-servizzi sigrieti Komunisti preċedenti, bħala pass lejn id-demokratizzazzjoni tas-Serbja; jappella lis-Serbja tintensifika l-proċess ta' suċċessjoni u l-implimentazzjoni tal-obbligi relatati mad-diviżjoni ta' proprjetà, u l-ftehim dwar id-diviżjoni tal-arkivju komuni tal-eks Jugoslavja; itenni, f'dan ir-rigward, li aċċess sħiħ għall-materjali kollha tal-arkivji, b’mod speċjali dawk tas-Servizzi Sigrieti tal-eks Jugoslavja (UDBA) huwa ta’ importanza vitali; itenni l-istedina tiegħu biex l-awtoritajiet jiffaċilitaw l-aċċess għal dawk l-arkivji li jikkonċernaw l-eks repubbliki tal-Jugoslavja u biex dawn jingħataw lura lill-gvernijiet rispettivi tagħhom jekk jitolbuhom;

28.  Jistieden lill-Gvern Serb jippermetti li ssir riċerka dwar l-eks reġimi dittatorjali, jirriabilita b’mod politiku kif ukoll ġudizzjarju u jikkumpensa l-vittmi preċedenti u l-familji tagħhom li sofrew taħt dawk ir-reġimi bħala parti mill-isforzi biex isaħħaħ il-koeżjoni soċjali u jiżgura paċi u ġustizzja dejjiema fil-kuntest tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tas-Serbja;

29.  Jistieden għall-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni u tal-ftehimiet bilaterali u multilaterali dwar il-minoranzi nazzjonali u etniċi(6) b'mod ugwali, nondiskriminatorju u proporzjonali fil-pajjiż kollu; jappella lill-awtoritajiet jippromwovu klima ta' tolleranza u trattament ugwali, mingħajr diskriminazzjoni kontra minoranzi nazzjonali u etniċi, inkluż aċċess għal edukazzjoni fil-lingwa materna, u l-użu ta' lingwi fl-amministrazzjoni lokali u pubblika reġjonali; jappella wkoll għal titjib sabiex tiġi eliminata d-diskriminazzjoni fil-liġijiet u fil-prattiki eżistenti li jikkonċernaw ir-restituzzjoni ta' proprjetà għal membri li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u etniċi; jissottolinja l-importanza tal-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali, ir-rwol tagħhom fl-integrazzjoni ta' minoranzi nazzjonali bħal fl-implimentazzjoni tad-drittijiet individwali u kollettivi ta' minoranzi nazzjonali, u jappella lill-awtoritajiet biex jipprovdu riżorsi finanzjarji adegwati u mingħajr interruzzjoni għall-ħidma tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw proċess elettorali mingħajr xkiel għall-elezzjoni tal-2014 għall-Kunsilli tal-Minoranzi Nazzjonali, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-korpi indipendenti; jesprimi tħassib dwar l-interruzzjoni possibbli tax-xandir ta' programmi f'lingwi minoritarji minħabba l-privatizzazzjoni mħabbra tal-midja;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata b'aktar enerġija s-sitwazzjoni tal-irġiel u n-nisa Rom, li għadhom jaffaċċjaw kundizzjonijiet tal-għajxien diffiċli, tkeċċija bil-forza u diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-awtoritajiet Serbi jipprovdu aċċess għas-servizzi ta’ akkomodazzjoni u tal-kura tas-saħħa; jenfasizza l-ħtieġa għal armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni mal-politiki tal-UE u applikazzjoni ta’ approċċ olistiku lejn l-inklużjoni tar-Rom; jinnota wkoll il-ħtieġa għal monitoraġġ effettiv tal-miżuri ta’ inklużjoni sabiex jonqos id-distakk bejn il-leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha;

31.  Jieħu nota tal-ħidma dwar l-emendar tal-Kodiċi Kriminali; jinnota, madankollu, li l-inċertezza legali tippersisti fis-settur privat wara l-emendi adottati; itenni t-tħassib tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 234 ġdid dwar abbuż ta' pożizzjonijiet responsabbli, li xorta jħalli lok għal interpretazzjoni arbitrarja, u jitlob li l-proċedimenti eżistenti mhux ġusti miġjuba taħt l-Artikolu 359 fis-settur privat jitwaqqfu minnufih, sabiex jerġa jidħol l-istat tad-dritt fil-pajjiż u tiġi introdotta ċertezza legali għall-komunità kummerċjali fis-Serbja;

32.  Jinsisti li l-istituzzjonijiet tal-istat għandhom jaġixxu f’mod trasparenti u responsabbli; ifaħħar ix-xogħol tal-korpi regolatorji indipendenti bħall-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Informazzjoni ta’ Importanza Pubblika u oħrajn, u jirrikonoxxi l-kontribut tagħhom għat-titjib tal-qafas legali u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet tal-istat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jagħtu segwitu b’mod sistematiku għar-rakkomandazzjonijiet u s-sejbiet tagħhom;

33.  Jenfasizza l-benefiċċji tal-proċess tad-deċentralizzazzjoni u jħeġġeġ it-tisħiħ tal-kompetenza tal-awtoritajiet lokali; jiddispjaċih li l-Kunsill Nazzjonali għad-Deċentralizzazzjoni għadu mhux attiv; għadu partikolarment imħasseb dwar l-inċertezza legali tal-istatus ta' Vojvodina u d-dewmien fl-adozzjoni tal-Liġi dwar ir-riżorsi proprji ta' Vojvodina;

34.  Jilqa’ l-passi meħuda mill-awtoritajiet biex itejbu s-sitwazzjoni soċjoekonomika fil-Wied ta’ Preševo u Sandžak, iżda jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi għaliex dawn ir-reġjuni għadhom sottożviluppati b’mod sinifikanti u għad għandhom rata għolja ta’ qgħad; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-minoranzi etniċi Albaniżi u Bosnjaċi jkomplu jkunu sottorappreżentati fl-amministrazzjonijiet lokali; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħtu appoġġ b’saħħtu lil tali strateġiji ta’ żvilupp;

35.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva REKOM u jinkoraġġixxi bis-saħħa l-pajjiżi tal-eks Jugoslavja biex jistabbilixxu kummissjoni intergovernattiva li jkollha l-kompitu li tistabbilixxi l-fatti dwar il-vittmi u l-persuni neqsin tal-gwerer tal-1991-2001;

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-kooperazzjoni tas-Serbja mal-ICTY, li rriżultat f’konsenja tal-indagati kollha għal delitti tal-gwerra lit-Tribunal tal-Aja biex jiġu proċessati, pass importanti lejn l-integrazzjoni Ewropea; jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni mat-Tribunal u repubbliki oħra tal-eks Jugoslavja sabiex issir ġustizzja għall-vittmi u l-familji tagħhom;

37.  Jistieden lill-gvern isegwi r-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport finali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari, lokali u dawk presidenzjali bikrin ta’ Mejju 2012, b’mod speċjali fir-rigward tar-riżoluzzjoni tat-tilwim elettorali, it-trasparenza tar-reġistrazzjoni tal-votanti, u l-finanzi politiċi, kif ukoll biex jikkonsolidaw u jarmonizzaw il-qafas legali għall-elezzjonijiet fis-Serbja, billi skont l-istandards internazzjonali, kull bidla għal-liġi elettorali għandha titwettaq ferm qabel kwalunkwe elezzjoni;

38.  Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal-liberalizzazzjoni tal-viżi għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala pilastru importanti fil-proċess tal-integrazzjoni Ewropea għar-reġjun kollu, iżda fl-istess ħin huwa mħasseb ħafna dwar l-għadd dejjem jikber ta' persuni li qed ifittxu l-asil mingħajr bażi; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri ma jabbużawx mill-mekkaniżmu ta' sospensjoni tal-viżi adottat f'Settembru 2013, iżda minflok jindirizzaw din il-kwistjoni billi jadattaw l-oqfsa leġiżlattivi rispettivi tagħhom u s-Serbja tiġi nominata bħala "pajjiż ta' oriġini sikur", bħala l-miżura ewlenija fl-isforzi biex jitnaqqas l-għadd tal-applikanti li qed ifittxu l-asil mingħajr bażi; jitlob, fl-istess ħin, għal miżuri fil-livell nazzjonali, b'mod partikolari miżuri soċjoekonomiċi mmirati għall-gruppi aktar vulnerabbli, kif ukoll għal miżuri attivi fil-ġlieda kontra n-netwerks tal-kriminalità organizzata involuti fit-traffikar;

39.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jsaħħu l-ġbir tat-taxxi u jmexxu politika fiskali responsabbli; jisħaq fuq il-fatt li r-riformi strutturali b'firxa estensiva għandhom jappoġġjaw il-konsolidazzjoni fiskali u għalhekk jinkoraġġixxi l-gvern biex iwettaq riformi strutturali ekonomiċi li suppost ilhom li saru, bħal-Liġi dwar l-Ippjanar u l-Kostruzzjoni, sabiex jittejbu l-klima għall-investiment u l-kummerċ, jappoġġjaw aktar il-proliferazzjoni ta’ intrapriżi żgħar u medji, jiġġieldu l-livell għoli ta’ qgħad u faqar, b’mod speċjali fir-reġjuni li huma ppopolati l-aktar mill-minoranzi nazzjonali, u jwettqu riforma tal-pensjoni sabiex jintroduċu sistema tal-pensjoni sostenibbli; jinsisti fuq il-ħtieġa urġenti biex jiġu aboliti l-ostakoli amministrattivi għan-negozji u jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta’ ristrutturar ta' malajr tal-kumpaniji pubbliċi sabiex jonqsu t-telf u l-preżenza tal-istat fl-ekonomija; jistieden, għal dan il-għan, lill-awtoritajiet Serbi jippromwovu ekonomija tas-suq li tiffunzjona bis-sħiħ, jibnu bażi tat-taxxa b’saħħitha u jelaboraw strateġija għall-faqar bħala elementi prinċipali biex l-adeżjoni tas-Serbja mal-UE ssir vijabbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jikkonsultaw lis-soċjetà ċivili u l-komunità tan-negozju u jinkluduhom fi gruppi ta’ ħidma li jkunu qed jaħdmu fuq l-abbozzar ta’ leġiżlazzjoni ġdida; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jirrestawraw il-fiduċja tan-negozju permezz ta’ riforma regolatorja u legali; jinnota li l-introduzzjoni u l-implimentazzjoni b’suċċess ta’ riformi strutturali ekonomiċi se jgħinu jnaqqsu l-livell għoli ta’ migrazzjoni;

40.  Jilqa' l-ħidma li saret s'issa mill-Aġenzija għar-Restituzzjoni; jinkoraġġixxi r-restituzzjoni in natura kull meta din tkun meqjusa possibbli; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Ministeru tal-Ekonomija li jikkompila lista sħiħa ta’ proprjetà pubblika u tal-istat u b’hekk itemm l-akkwiżizzjoni illegali tagħha mill-interessi privati; jenfasizza li lista dettaljata ta’ proprjetà pubblika u tal-istat tibqa’ essenzjali għas-suċċess tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni sistemika minħabba l-lakuni wiesa’ bejn il-proprjetà tal-istat u pubblika reali u dik irreġistrata uffiċjalment;

41.  Jistieden lill-awtoritajiet jagħmlu kull sforz sabiex inaqqsu l-effetti ħżiena tal-politiki ekonomiċi, bħall-faqar, il-qgħad u l-esklużjoni soċjali, iżda anki biex jindirizzaw u jiġġieldu l-kawżi sottostanti tagħhom u jippromwovu l-iżvilupp;

42.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ progress u d-dewmien kontinwu fl-implimentazzjoni prattika tal-qafas tal-enerġija rinnovabbli; jinnota li s-Serbja għadha lura ħdejn pajjiżi applikanti oħra fl-użu tas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u jesprimi t-tħassib li l-miri tal-enerġija rinnovabbli għall-2020 tas-Serbja mhux se jintlaħqu; jenfasizza l-ħtieġa għal trasparenza fil-proċessi ta’ konsultazzjoni tal-gvern u jiddispjaċih dwar in-nuqqas mill-awtoritajiet Serbi li jqisu l-fehmiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali fl-adozzjoni tal-Ftehim dwar il-Poter tal-Akkwist (PPA);

43.  Jiddispjaċih li sar ftit wisq progress fl-oqsma tal-ambjent u t-tibdil fil-klima u jistieden lill-awtoritajiet Serbi jadottaw malajr kemm jista’ jkun strateġija komprensiva dwar il-klima li tikkonforma mal-miri tal-UE;

44.  Jenfasizza li s-Serbja, kif ukoll il-bqija tal-pajjiżi fir-reġjun, fis-snin li ġejjin teħtieġ li timplimenta l-istandards ambjentali tal-UE u tadotta miri sabiex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, billi huma diġà adottaw miri għal enerġija rinnovabbli għall-2020; jinnota li fl-Istrateġija tal-Enerġija tal-Komunità tal-Enerġija adottata fl-2012, is-Serbja tindika pjanijiet sabiex iżżid il-produzzjoni tal-elettriku minn faħam f'impjanti ta' kombustjoni kbar, u jirrimarka li dan imur kontra t-tnaqqis pjanat tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Serbi jadottaw politika ta' enerġija konformi mal-miri tal-UE u, b'mod partikolari, jibbenefika mid-deċiżjoni reċenti tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) li jiffinanzja proġett ta' EUR 75 miljun imfassal sabiex jipprovdi linji ta' kreditu lill-banek lokali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex dawn jisilfuhom lil mutwatarji privati u muniċipali għal investimenti fl-effiċjenza enerġetika u l-enerġija rinnovabbli;

45.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Serbi jtejbu l-politiki ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari fir-rigward tal-prinċipji tas-sikurezza tal-ikel ġenerali u l-istabbiliment ta’ laboratorju ta’ referenza nazzjonali; jiddispjaċih li l-liġi dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati għadha mhijiex allinjata mal-leġiżlazzjoni tal-UE;

46.  Jappoġġja l-kampanja tal-awtoritajiet tal-Belt ta’ Belgrad biex Belgrad tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2020, u jinkoraġġixxi proġetti relatati bil-għan li Belgrad u s-Serbja kulturalment jitqarrbu aktar lejn l-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-koeżistenza interetnika, il-komprensjoni multikulturali u d-djalogu interreliġjuż;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tas-Serbja.

(1) ĠU L 80, 19.3.2008, p. 46.
(2) A/RES/64/298.
(3) ĠU L 334, 19.12.2007, p. 46.
(4) ĠU L 336, 18.12.2009, p. 1.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0434.
(6) Is-Serbja tirrikonoxxi l-minoranzi nazzjonali u etniċi li ġejjin: Albaniżi, Bosniaċi, Bulgari, Bunjevċi, Kroati, Ċeki, Ġermaniżi, Gorani, Ungeriżi, Maċedoni, Rom, Rumeni, Rusini, Slovakki, Ukraini, Vlaki u oħrajn.


Proċess ta' Integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo
PDF 263kWORD 102k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar il-proċess ta' Integrazzjoni Ewropea tal-Kosovo (2013/2881(RSP))
P7_TA(2014)0040B7-0004/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ewwel Ftehim tad-19 ta' April 2013 dwar il-Prinċipji li Jirregolaw in-Normalizzazzjoni tar-Relazzjonijiet bejn il-Prim Ministri Ivica Dacic u Hasim Thaci u l-Pjan ta' Azzjoni għall-Implimentazzjoni tat-22 ta' Mejju 2013, li kien ir-riżultat ta' għaxar laqgħat li kienu parti mid-djalogu ta' livell għoli bejn Belgrad u Pristina,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tat-22 ta' April 2013 mir-RGħ/VP u l-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress tal-Kosovo fir-rigward tal-indirizzar tal-kwistjonijiet imsemmija fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2012 fid-dawl ta' deċiżjoni possibbli dwar il-ftuħ ta' negozjati dwar il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju 2013 li jadottaw id-deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati dwar Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 dwar Studju ta' Fattibilità għal Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kosovo (COM(2012)0602),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2012 li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati għal ftehim qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-attivitajiet li jkunu għaddejjin tal-Missjoni ta' Amministrazzjoni Intermedja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo u l-iżviluppi relatati magħha, inkluż ir-rapport li nħareġ fid-29 ta' Awwissu 2013, li jkopri l-perjodu mit-23 ta' April sal-15 ta' Lulju, u l-aħħar rapport li nħareġ fit-28 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta' Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX Kosovo, kif emendata mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2009/445/PESK tad-9 ta' Ġunju 2009, mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/322/PESK tat-8 ta' Ġunju 2010 u mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/291/PESK tal-5 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-7 ta' Diċembru 2009, tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-5 ta' Diċembru 2011, li enfasizzaw u affermaw mill-ġdid, rispettivament, li l-Kosovo, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tiegħu, għandu wkoll igawdi mill-prospettiva tal-liberalizzazzjoni eventwali tal-viża ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha; wara li kkunsidra t-tnedija ta' djalogu dwar il-kwistjoni tal-viżi f'Jannar 2012 u l-preżentazzjoni ta' pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża f'Ġunju 2012 u tal-ewwel rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 2013 dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża (COM(2013)0066),

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Strutturali dwar l-Istat tad-Dritt imniedi fit-30 ta' Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Kunsill Nazzjonali tal-Kosovo għall-Integrazzjoni Ewropea, marbut mal-uffiċċju tal-President u li jaqdi r-rwol ta' korp ta' koordinament ta' livell għoli responsabbli mill-ksib ta' kunsens dwar l-aġenda Ewropea permezz ta' approċċ inklużiv u mhux partiġjan, li ġie inawgurat f'Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1244(1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza tal-Kosovo, u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru 2010(1), li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqat pożittivament id-disponibilità tal-UE li taġevola d-djalogu bejn Belgrad u Pristina.

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-laqgħat interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Kosovo tat-28 u d-29 ta' Mejju 2008, tas-6 u s-7 ta' April 2009, tat-22 u t-23 ta' Ġunju 2010, tal-20 ta' Mejju 2011, tal-14 u l-15 ta' Marzu 2012 u tat-30 u l-31 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ottubru 2013 dwar l-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2013-2014 (COM(2013) 0700),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar il-ġestjoni baġitarja tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tas-sistemi ġudizzjarji u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali(2) u l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-Albanija1,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ftehim li ntlaħaq f'April 2013 mill-Prim Ministri Thaçi u Dačić jikkostitwixxi pass importanti u jsaħħaħ ir-responsabbiltà taż-żewġ naħat biex jimplimentaw dan il-ftehim bona fide, li jkomplu bin-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet u li jressqu r-riformi meħtieġa fit-triq lejn l-integrazzjoni Ewropea;

B.  billi 104  Stat Membru fost il-193 Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti, inklużi 23 mis-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jirrikonoxxu l-indipendenza tal-Kosovo;

C.  billi l-Istati Membri kollha tal-UE jappoġġaw il-prospettiva Ewropea tal-Kosovo, f'konformità mal-impenji meħuda mill-UE fil-konfront tal-Balkani tal-Punent u mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo;

D.  billi r-riformi politiċi, amministrattivi u ekonomiċi importanti nkisbu mill-awtoritajiet u mill-poplu tar-Repubblika tal-Kosovo; billi għad hemm ħafna xi jsir biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt, li jirrappreżenta l-pedament li fuqu jissejsu l-iżvilupp fit-tul, id-demokrazija u l-ekonomija soċjali tas-suq;

E.  billi l-Kosovo żdied il-kapaċità tiegħu li jwieġeb għall-prijoritajiet tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea billi jibni fuq il-prijoritajiet f'terminu qasir identifikati mill-istudju ta' fattibilità u billi jipprepara għan-negozjati dwar Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA);

F.  billi fil-kuntest tad-djalogu rigward il-liberalizzazzjoni tal-viża l-Kosovo mmodifika u adotta leġiżlazzjoni importanti, inklużi liġijiet dwar l-asil, il-finanzjament tal-partiti u t-traffikar tal-bnedmin;

G.  billi jinħtieġu aktar sforzi biex jingħelbu l-isfidi tal-aġenda riformi għall-Ewropa fid-dawl tal-FSA, partikolarment f'oqsma prijoritarji bħall-istat tad-dritt, il-ġudikatura, l-amministrazzjoni pubblika, ir-riforma elettorali, id-drittijiet tal-bniedem u fundamentali;

1.  Jilqa' l-konklużjoni tal-Ewwel Ftehim dwar il-Prinċipji ta' Normalizzazzjoni tad-19 ta' April 2013 bejn iż-żewġ Prim Ministri, kif ukoll il-ftehim dwar il-pjan ta' implimentazzjoni, u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tiegħu bona fide u fi żmien debitu; jilqa' pożittivament ukoll l-allokazzjoni ta' finanzjamenti addizzjonali tal-UE fl-ambitu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) bħala sostenn għall-implimentazzjoni tal-ftehim;

2.  Jifraħ lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President għax-xogħol tagħha għal dak li jikkonċerna l-faċilitazzjoni tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina;

3.  Jilqa' t-tnedija tan-negozjati bejn l-UE u l-Kosovo dwar il-FSA fit-28 ta' Ottobbru 2013; jiddispjaċih, madankollu, mill-fatt li minħabba d-diviżjoni interna fil-Kunsill, il-mandat ta' negozjar huwa differenti minn dawk ta' FSA preċedenti; jisħaq fuq il-fatt li dan l-FSA se joħloq inċentiv b'saħħtu għal riforma u opportunitajiet ġodda li se jsaħħu r-relazzjonijiet ta' viċinat tal-Kosovo u jiggarantixxu stabbilizzazzjoni usa' fir-reġjun;

4.  Jenfasizza l-fatt li l-elezzjonijiet lokali li saru fit-3 ta' Novembru 2013 jirrappreżentaw test kruċjali għall-proċess ta' normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn Belgrad u Pristina;

5.  Japprezza l-elezzjonijiet lokali li għall-ewwel darba fl-istorja koprew it-territorju kollu tal-Kosovo u saru skont il-liġi Kosovara fit-3 ta' Novembru, 17 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2013 talli rrappreżentaw pass kbir 'il quddiem lejn id-demokrazija fil-Kosovo u għall-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċessi demokratiċi abbażi tal-proċess tan-normalizzazzjoni, u jilqa' l-iżvolġiment ġeneralment regolari tal-elezzjonijiet, kif ivvalutat fid-dikjarazzjonijiet preliminari tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE (EOM); jilqa' l-fatt li l-ewwel sindka mara ġiet eletta fil-Kosovo; ikompli jenfasizza l-bżonn li kandidati nisa jiġu inkoraġġiti jipparteċipaw f'elezzjonijiet futuri; jilqa' pożittivament il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Kosovari intiżi li jsaħħu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-pajjiż, ngħidu aħna l-ħolqien ta' mekkaniżmu sod ta' viġilanza li joffri liċ-ċittadini l-possibilità li jilmentaw dwar intimidazzjonijiet u irregolaritajiet fil-ġurnata tal-elezzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rata ta' parteċipazzjoni elettorali evidenti fil-muniċipalitajiet ta' maġġoranza Serba fuq ix-xaqliba tan-Nofsinhar tax-xmara Ibar bħala pass kruċjali lejn il-formazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Muniċipalitajiet Serbi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li n-nuqqas li jinawguraw sindku ġdid fit-Tramuntana ta' Mitrovica u s-sejħa sussegwenti għall-elezzjonijiet ġodda f'dan il-muniċipalità m'għandhomx ifixklu l-kontinwazzjoni tal-proċess u l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim tad-19 ta' April 2013; jikkundanna bil-qawwa l-qtil ta' Dimitrije Janicijevic, kunsillier muniċipali ta' Mitrovica tat-Tramuntana, u jitlob lill-awtoritajiet rilevanti biex jibdew immedjatament l-investigazzjoni u jġibu lill-awturi għall-ġustizzja;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-indimidazzjoni persistenti li saru fil-muniċipalitajiet ta' Mitrovica tat-Tramuntana u Zvečan; jissottolinja l-fatt li tali inċidenti jippreġudikaw l-istabilità u s-sigurtà fir-reġjun tal-madwar u jeħtieġ l-awtoritajiet rilevanti jagħmlu ħilithom sabiex jiffaċilitaw sforzi ħalli r-responsabbli jittellgħu l-qorti; jikkonstata li huma meħtieġa aktar sforzi attenti biex jisfaxxa n-netwerk tal-kriminalità organizzata u r-rabtiet tiegħu mal-elites politiċi lokali u jerġa' jiġi stabbilit l-istat tad-dritt fit-Tramuntana tal-Kosovo; jilqa' favorevolment il-pożizzjoni tal-mexxejja politiċi Serbi li inkoraġġixxu b'mod attiv is-Serbi tal-Kosovo jipparteċipaw fl-elezzjonijiet; jiddispjaċih, iżda, li l-mexxejja ta' Belgrad ma żarux b'mod attiv it-Tramuntana tal-Kosovo qabel it-3 ta' Novembru 2013;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kosovari jadottaw malajr kemm jista' jkun, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni ta' Venezja, liġi elettorali ġdida bil-għan li l-proċeduri elettorali jsiru aktar trasparenti u l-votazzjoni tiġi ssimplifikata u u terġa' tinġieb il-fiduċja taċ-ċittadini Kosovari fil-proċess demokratiku, u tiżgura l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' riforma elettorali;

8.  Josserva fl-istess ħin li se jinħtieġu aktar sforzi kontinwi biex il-komunità Albaniża u dik Serba jitressqu aktar lejn xulxin;

9.  Jilqa' l-ftehimiet konklużi dwar it-telekomunikazzjonijiet u l-enerġija, u jisħaq fuq l-importanza li l-Kosovo jingħata kemm jista' jkun malajr prefiss telefoniku internazzjonali għalih, li se jgħin biex tissawwar l-identità Kosovara u l-viżibilità internazzjonali tagħha;

10.  Jenfasizza l-bżonn li l-konklużjonijiet tad-Djalogu bejn Belgrad u Pristina jiġu kkomunikati bi trasparenza kompleta u li jkun żgurat l-involviment tal-parlamenti u tas-soċjetajiet ċivili fil-proċess ta' implimentazzjoni; jilqa' l-ħatra ta' uffiċjali ta' kollegament miż-żewġ naħat u jinsisti li jingħata appoġġ kontinwu lit-tnejn li huma;

11.  Jenfasizza l-importanza tal-liberalizzazzjoni tal-viża għaċ-ċittadini Kosovari u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet Kosovari jżidu l-isforzi tagħhom ħalli jissodisfaw il-prijoritajiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni għall-Viża; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu aktar reattivi għall-isforzi tal-gvern Kosovar u f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni taċċelera l-interventi tekniċi relatati mal-proċess ta' liberalizzazzjoni tal-viża;

12.  Jistieden lill-Kunsill jadotta, mill-aktar fis possibbli, id-deċiżjonijiet li hemm bżonn ħalli l-Kosovo jkun jista' jieħu sehem fil-programmi tal-UE;

13.  Jinkoraġġixxi lill-ħames Stati Membri li fadal jipproċedu bir-rikonoxximent tal-Kosovo; jitlob lill-Istati Membri tal-UE kollha jagħmlu ħilithom sabiex jiffaċilitaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u politiċi bejn iċ-ċittadini tagħhom u dawk tal-Kosovo; josserva li huwa neċessarju li jittieħdu passi attivi li jippermettu l-implimentazzjoni sħiħa tal-IPA, u anki li jtejbu l-kooperazzjoni bejn EULEX, Europol u Interpol, inklużi, sakemm għad m'hemmx rikonoxximent komplet, passi prattiċi intiżi sabiex il-Kosovo jiġi inkluż fil-ħidma ta' dawn iż-żewġ aġenziji u jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq ftehimiet li jkunu jippermettu kooperazzjoni tal-Kosovo mal-aġenziji tal-UE;

14.  Jilqa' l-istabbiliment tat-Tim ta' Kmand Reġjonali tal-Pulizija tal-Kosovo fit-Tramuntana bħala parti mill-proċess tal-ħolqien ta' Pulizija Unifikata tal-Kosovo;

15.  Jenfasizza l-importanza tax-xogħol ta' EULEX fil-konsolidament tal-istat tad-dritt fl-istituzzjonijiet Kosovari, iżda josserva l-insodisfazzjon mifrux bir-riżultati ta' EULEX kemm fost is-Serbi kif ukoll fost l-Albaniżi tal-Kosovo; jitlob lil EULEX iżżid l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabbilizzazzjoni tax-xogħol tagħha, tinforma lill-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Kosovo b'mod regolari dwar l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħha u, b'mod partikolari, turi riżultati aktar konkreti kemm lill-awtoritajiet Kosovari u Serbi kif ukoll lill-popolazzjoni inġenerali; jiġbed l-attenzjoni għall-eżistenza ta' setturi li fihom għandu jkun mistenni titjib, inklużi definizzjoni aħjar tal-objettivi ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-rabtiet tagħhom ma' parametri ta' riferiment speċifiċi; jisħaq fuq il-bżonn ta' koordinament aħjar tal-objettivi esterni u interni, ta' koordinament aħjar bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u bejn din tal-aħħar u l-awtoritajiet Kosovari u l-komunità internazzjonali; iħeġġeġ lil EULEX, kull meta possibbli, f'dan ir-rigward, tagħti prijorità lill-objettivi tagħha, tottimizza l-użu tar-riżorsi u tal-persunal tagħha u taċċelera l-implimentazzjoni tad-dokument operattiv dwar l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-kuntest tal-PESD (minn Novembru 2005);

16.  Jappella lill-awtoritajiet Kosovari jkomplu jirrispettaw il-mandat ta' EULEX u l-eżerċizzju tas-setgħat eżekuttivi tagħha; jieħu nota tal-interess tal-gvern Kosovar li jassumi l-funzjonijiet ta' EULEX; jinsisti fuq il-preżenza ta' EULEX ħalli tappoġġa l-implimentazzjoni tal-ftehim tad-19 ta' April 2013 fil-qasam tal-istat tad-dritt; jissottolinja li s-sigurtà taċ-ċittadini hija fundamentali biex tirnexxi l-implimentazzjoni tal-ftehimiet; jenfasizza l-bżonn urġenti ta' miżuri biex dan jiġi ttrattat; jenfasizza fuq il-fatt li EULEX attwalment qed tinvestiga aktar minn 250 każ inklużi każijiet ta' kriminalità organizzata, korruzzjoni, delitti tal-gwerra u akkużi serji oħra li jinvolvu għexieren ta' uffiċjali ta' partiti politiċi fost oħrajn; jissottolinja li kwalunkwe trasferiment ta' responsabbiltajiet jeħtieġ li jkun gradwali, ibbażat fuq progress reali fit-territorju u għandu jinvolvi s-soċjetà ċivili Kosovara u l-istituzzjonijiet demokratiċi tar-Repubblika tal-Kosovo; jistieden għalhekk lill-Gvern Kosovar jaqbel mal-proroga tal-mandat ta' EULEX Kosovo lil hinn minn Ġunju 2014;

17.  Jistieden b'mod partikolari, kemm lill-Kosovo kif ukoll lis-Serbja jikkooperaw b'mod attiv u kostruttiv ma' EULEX fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-assistenza ġudizzjarja reċiproka bil-għan li jiġi ttrattat in-numru dejjem ikbar ta' talbiet dwar il-proprjetajiet fil-Kosovo;

18.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakk li wassal għall-qtil ta' uffiċjal ta' EULEX fid-19 ta' Settembru 2013 viċin il-Muniċipalità Zveçan/Zvečan u jappella sabiex titwettaq investigazzjoni mingħajr dewmien; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jevitaw kwalunkwe azzjoni li tista' toħloq tensjoni;

19.  Jenfasizza mill-ġdid il-bżonn ta' responsabbiltà u sjieda lokali għal dak li jikkonċerna l-proċess ta' rikonċiljazzjoni u fl-istess ħin jikkundanna r-retorika nazzjonalistika taż-żewġ naħat; jemmen li l-awtoritajiet Kosovari għandhom jieħdu passi deċiżivi ulterjuri f'dak li hu tisħiħ tal-fiduċja bejn is-Serbi u l-Albaniżi tal-Kosovo, partikolarment fit-Tramuntana, biex javviċinaw il-minoranza Serba u minoranzi oħra bil-għan li tiġi żgurata integrazzjoni wiesgħa fi ħdan is-soċjetà; jappella wkoll għall-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju kostituzzjonali tal-għoti lis-Serbi tal-Kosovo tad-dritt ta' aċċess għas-servizzi uffiċjali kollha bil-lingwa tagħhom stess; jenfasizza, fl-istess ħin, l-importanza ta' edukazzjoni kompletament bilingwali; jinkoraġġixxi lis-Serbi tal-Kosovo kollha kif ukoll lir-rappreżentanti politiċi tagħhom jużaw il-possibbiltajiet li toffrilhom il-Kostituzzjoni tal-Kosovo sabiex jassumu rwol kostruttiv fil-politika u s-soċjetà u b'hekk, permezz tal-parteċipazzjoni attiva fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Kosovo flimkien mal-Albaniżi tal-Kosovo jikkondividu r-responsabbiltà għall-iżvilupp soċjali u l-ħolqien tal-istituzzjonijiet u jieħdu f'kunsiderazzjoni speċjali l-involviment tan-nisa f'dan il-proċess; jilqa' pożittivament il-progress li sar fl-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni muniċipali;

20.  Jifraħ bl-azzjonijiet tal-UE intiżi li jinkoraġġixxu d-djalogu u r-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet; iħeġġeġ li l-atturi kollha jkomplu jagħtu attenzjoni partikolari lill-aspetti tekniċi tal-integrazzjoni mal-UE, kif ukoll lill-atti simboliċi ta' rikonċiljazzjoni;

21.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħarsien tal-minoranzi u tad-drittijiet kulturali għadha sfida importanti fil-Kosovo; jindika l-bżonn ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-patrimonju kulturali u l-Knisja Ortodossa Serba, kif ukoll l-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni għall-komunitajiet tar-Rom, tal-Ashkali u tal-Eġizzjani, li l-qagħda tagħhom fit-territorju għadha tqajjem tħassib kbir; filwaqt li jesprimi apprezzament għall-progress li sar fit-titjib tal-ħajja tal-komunitajiet tar-Rom, tal-Ashkali u tal-Eġizzjani, jibqa' mħasseb dwar is-sitwazzjoni tagħhom, li fiha, b'mod partikolari, it-tfal għadhom vulnerabbli u emarġinati; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tar-Rom bħala kwistjoni essenzjali tad-drittijiet tal-bniedem. jistieden lill-awtoritajiet u lill-Kummissjoni jagħtu attenzjoni adegwata għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja ta' dawn il-komunitajiet, inkluż l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni; jenfasizza l-pożizzjoni tal-minoranza Kroata, dik Bosnijaka, dik Ashkali, dik Torka, dik Gorani u dik Eġizzjana Balkanika fir-rigward tal-importanza tal-edukazzjoni multilingwi, bil-għan li dawn il-minoranzi etniċi ma jħossuhomx politikament iżolati;

22.  Jilqa' favorevolment il-finanzjament addizzjonali min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea fl-ambitu tal-Istrument IPA tal-UE bħala sostenn favur il-muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba fil-Kosovo kollu;

23.  Jitlob lill-awtoritajiet Kosovari jtejbu l-effikaċja, it-trasparenza, ir-responsabbilizzazzjoni u l-imparzjalità tas-sistema ġudizzjarja u jirrispettaw l-indipendenza tagħha bil-għan li jkun garantit li l-pubbliku ġenerali u l-komunità tal-impriżi jafdaw lill-ġudikatura, u jindirizzaw b'mod efikaċi kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet isaħħu b'mod proattiv l-istat tad-dritt, b'mod partikolari billi jnaqqsu l-indħil politiku fil-ġudikatura, jiżguraw li s-sanzjonijiet dixxiplinari kontra l-imħallfin u l-prosekuturi jirriżultaw f'azzjoni konkreta, jaħdmu favur l-indipendenza u l-effiċjenza tal-Kunsill ta' Prosekuzzjoni u tal-Prosekutur tal-Istat u jimplimentaw il-kodiċi kriminali u tal-kodiċi ta' proċedura kriminali;

24.  Jistieden lill-awtoritajiet iżidu l-impenn tagħhom lejn riforma ġudizzjarja awtentika, jibnu l-kapaċitajiet b'enfasi fuq il-meritokrazija fir-reklutaġġ tal-persunal ġudizzjarju meħtieġ biex jittratta l-akkumulu eżistenti ta' kawżi pendenti, u jiggarantixxi ambjent sikur għall-imħallfin u għall-prosekuturi ħieles mill-indħil politiku;

25.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar in-nuqqas ta' progress tanġibbli fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-Kosovo; jemmen li l-korruzzjoni għadha sfida ewlenija u ostakolu serju għall-funzjonament tal-istituzzjonijiet pubbliċi; jiddispjaċih f'dan ir-rigward li l-Aġenzija kontra l-Korruzzjoni stabbilita fl-2006 ma għandha l-ebda setgħa investigattiva; josserva li l-Assemblea tal-Kosovo adottat strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu l-implimentazzjoni tagħhom billi jiddefinixxu rwoli u responsabbiltajiet ċari għall-istituzzjonijiet inkarigati mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni ħalli dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jipproduċu riżultati konkreti u sostenibbli;

26.  Jibqa' mħasseb dwar l-ambitu limitat tal-qafas tal-protezzjoni tax-xhieda fil-Kosovo, b'mod partikolari fil-kawżi li jiġbdu ħafna l-attenzjoni tan-nies, u jappella lill-Istati Membri tal-UE jsaħħu l-kooperazzjoni fir-rigward tat-trasferiment possibbli tax-xhieda;

27.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' xi progress sinifikanti fl-indirizzar tal-korruzjoni u l-kriminalità organizzata, b'mod partikolari dwar ir-rati għoljin ta' kriminalità organizzata fit-Tramuntana tal-Kosovo; josserva li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma mifruxa fir-reġjun u jirrappreżentaw ukoll ostaklu għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tal-Kosovo; jisħaq fuq il-fatt li l-Kosovo jeħtieġ iforni provi konkreti ta' riżultati fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni bħala kwistjoni ta' prijorità; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni msaħħa bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun huma essenzjali sabiex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati b'aktar effikaċja, b'mod partikolari t-titjib fis-sorveljanza tal-fruntieri u sforzi sabiex jiġu indirizzati t-traffikar u l-isfruttament tan-nisa u l-minorenni, b'mod partikolari dawk li huma vittmi tal-isfruttament sesswali jew elemożina furzata; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet ċentrali u lokali jfornu riżultati konkreti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar tal-bnedmin, tad-drogi u tal-armi; jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ komprensiv, multidixxiplinari u orjentat lejn il-vittmi b'aċċess mingħajr ostakli għall-assistenza, għas-sostenn u għall-ħarsien tal-vittmi; jiddispjaċih mill-fatt li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata tħallew mhux mittiefsa minn EULEX;

28.  Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji tal-amministrazzjoni pubblika u taż-żieda fl-għadd ta' nisa u ta' membri tal-minoranzi fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni; jibqa' inkwetat bil-fatt li bosta impjegati tas-settur pubbliku għandhom impjiegi addizzjonali oħrajn li fil-prinċipju jistgħu joħolqu kunflitti ta' interessi jew jiffaċilitaw il-prattiki ta' korruzzjoni;

29.  Jappoġġa ż-żamma tal-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra fil-livell nazzjonali inkluża l-importanza tal-prosekuzzjoni tal-istupri tal-gwerra; jiddispjaċih mill-fatt li, bħala konsegwenza tal-gwerra tal-1999 fil-Kosovo, 1 869 ruħ għadhom nieqsa; josserva li din il-kwistjoni teħtieġ risposta rapida min-naħa tal-awtoritajiet fis-Serbja u fil-Kosovo, bħala kundizzjoni preliminari vitali għar-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet u għal futur paċifiku fir-reġjun u jisħaq fuq il-fatt li sabiex id-djalogu bejn il-Kosovo u s-Serbja jitkompla, il-kooperazzjoni għat-tisjib tal-persuni nieqsa u aspetti oħrajn tal-ġustizzja tranżizzjonali jeħtieġu li jkunu prijorità;

30.  Jitlob, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet Serbi jipprovdu kull assistenza fir-ripartijazzjoni tal-iġsma tal-persuni Kosovari nieqsa li nstabu riċentement fis-Serbja u jkomplu jfittxu fiż-żona identifikata li fiha l-persuni nieqsa huma presunti li ndifnu.

31.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo u tas-Serbja jikkooperaw u jieħdu responsabbiltà sħiħa biex isibu soluzzjonijiet dejjiema għal dak li għandu x'jaqsam mal-persuni spostati internament fis-Serbja u fil-Kosovo; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Kosovari għandhom isaħħu l-isforzi tagħhom biex tinstab soluzzjoni għall-problema tal-persuna spostata internament fil-kuntest tal-proċess ta' adeżjoni mal-U, partikolarment dwar il-kwistjoni tar-riżoluzzjoni effiċjenti tat-tilwim relatat mal-proprjetà;

32.  Jistieden lill-awtoritajiet Kosovari u tal-pajjiżi ġirien ikomplu juru rieda tajba lejn u jikkooperaw bis-sħiħ ma' u jsostnu t-Task Force Investigattiva Speċjali stabbilita b'segwitu għar-rapport tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Diċembru 2010 kif ukoll kwalunkwe prosekuzzjoni li tista' toħroġ mill-ħidma tat-Task Force Investigattiva Speċjali u jinkoraġġixxi aktar aċċelerazzjoni ta' xogħolha;

33.  Jitlob lill-istituzzjonijiet fuq livell kemm ċentrali kif ukoll lokali jimplimentaw b'mod effikaċi l-leġiżlazzjoni relatata mad-drittijiet tal-bniedem u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ulterjuri ta' soċjetà multietnika, b'enfasi partikolari fuq l-edukazzjoni u l-impjieg ta' rappreżentanti tal-gruppi minoritarji kollha;

34.  Jappoġġa l-professjonalizzazzjoni tas-servizz pubbliku u jappella għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni neċessarja f'dan ir-rigward; jinsab imħasseb dwar il-każijiet ta' ndħil politiku fir-reklutaġġ u fil-ħatra ta' impjegati pubbliċi;

35.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li d-diskriminazzjoni għadha problema serja u jitlob lill-awtoritajiet japplikaw il-prinċipju kostituzzjonali tan-nondiskriminazzjoni; jisħaq fuq il-bżonn li tiġi mfassla strateġija globali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u li tiġi implimentata bis-sħiħ il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni biex b'hekk jiġi garantit, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, it-trattament ugwali ta' kulħadd indipendentement mill-oriġini etnika, ir-reliġjon, is-sess, l-orjentazzjoni sesswali, l-età jew id-diżabbiltà;

36.  Jieħu att tal-kap ta' akkuża ppreżentat kontra tliet ċittadini Kosovari talli kienu involuti fl-attakk fuq Kosovo 2.0 fl-14 ta' Diċembru 2012 fis-Sala l-Ħamra taċ-Ċentru għaż-Żgħażagħ u l-Isport u jistenna li l-awturi jiġu pproċessati fi żmien dovut;

37.  Jisħaq fuq il-fatt li għalkemm il-libertà li wieħed jissieħeb ma' trade unions hija ggarantita mil-liġi, għad hemm bżonn ta' titjib fir-rigward tad-drittijiet bażiċi tax-xogħol u tat-trade unions; jinkoraġġixxi lill-Kosovo jsaħħaħ id-djalogu soċjali fi ħdan il-proċess deċiżjonali, it-tfassil tal-politika u l-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali;

38.  Jistieden lill-awtoritajiet Kosovari jimplimentaw totalment il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u jirrakkomanda r-reviżjoni tal-politiki dwar il-faqar fost it-tfal, inkluża l-modifika tal-iskema ta' assistenza soċjali u l-introduzzjoni ta' skema ta' benefiċċji għat-tfal universali u abbażi ta' test tal-mezzi;

39.  Jinsab imħasseb dwar ir-rati għolja ta' faqar u ta' mortalità infantili, il-livell baxx ta' kopertura offruta mis-sistema tal-protezzjoni soċjali tal-Kosovo u l-ammont għoli ta' nfiq mhux rimborsat għall-assistenza sanitarja, u b'hekk il-familji vulnerabbli jiġu esposti għall-faqar kroniku;

40.  Jappella għat-titjib tar-relazzjonijiet u tar-rappreżentanza tal-Kosovo fi ħdan l-istituzzjonijiet internazzjonali inkarigati mill-konservazzjoni tal-patrimonju kulturali bil-għan li jittejjeb il-ħarsien tas-siti u tal-monumenti reliġjużi u kulturali, kif ukoll għall-konsolidament tar-rappreżentanza tal-Kosovo fi ħdan l-organizzazzjonijiet sportivi u tal-mezzi tal-komunikazzjoni Ewropej u internazzjonali bil-għan li l-artisti u l-atleti Kosovari jkunu jistgħu jieħdu sehem fl-avvenimenti kulturali u sportivi internazzjonali kollha, inklużi l-European Song Contest u l-kampjonati Ewropej u tad-dinja u l-Olimpijadi;

41.  Jenfasizza l-importanza ta' midja libera u indipendenti u jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-programmi intiżi sabiex itejbu l-kwalità u l-professjonalità tal-ġurnalisti; jisħaq fuq ir-rwol ta' mezzi ta' komunikazzjoni sostenibbli tas-servizz pubbliku f'dan ir-rigward; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' protezzjoni għall-ġurnalisti indipendenti u l-pressjoni eżerċitata fuqhom; jistieden lill-awtoritajiet Kosovari jipprevedu mekkaniżmu ta' finanzjament sostenibbli tal-mezzi tal-komunikazzjoni tas-servizz pubbliku u jikkompetaw l-ħatriet tal-membri tal-bord tat-tmexxija tiegħu; jenfasizza l-bżonn li jiġu garantiti sjieda ċara tal-mezzi tal-komunikazzjoni u servizz tax-xandir ħieles u ta' kwalità; jappoġġa l-isforzi tal-istituzzjonijiet biex l-Kosovo jingħata kodiċi ta' dominju tal-internet;

42.  Jenfasizza r-rwol ċentrali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi u indipendenti fit-tisħiħ u l-konsolidament tal-proċessi politiċi demokratiċi u fil-bini ta' soċjetà integrata fil-pajjiż; jissottolinja l-importanza ta' djalogu mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-kontribut għal tisħiħ fil-kooperazzjoni reġjonali dwar kwistjonijiet soċjali u politiċi; jilqa' favorevolment il-kooperazzjoni mtejba mill-gvern mal-NGOs u jistieden lill-awtoritajiet Kosovari jistabbilixxu mekkaniżmu strutturat ta' djalogu u ta' konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili fir-rigward tat-tfassil tal-politiki, inklużi konsultazzjonijiet dwar politiki u leġiżlazzjoni, u l-monitoraġġ tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea;

43.  Jieħu nota tal-proċess attwali ta' privatizzazzjoni tal-partimonju pubbliku, b'mod partikolari l-kumpanija tal-posta u t-telekomunikazzjoni tal-Kosovo (PTK); iħeġġeġ lill-awtoritajiet Kosovari jadottaw miżuri konkreti sabiex isaħħu t-trasparenza, ir-responsabbilizzazzjoni u l-leġittimità tal-proċess fit-totalità tiegħu, pereżempju billi jqiegħdu l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-partijiet interessati kollha fi żmien debitu;

44.  Jitlob lill-Kosovo jtejjeb il-kuntest ekonomiku għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju billi jnaqqas il-piż amministrattiv u l-ispejjeż assoċjati, iżid l-aċċess għall-kreditu, u jagħti appoġġ partikolari għall-impriżi li jkunu għadhom jibdew; jilqa' b'sodisfazzjon kbir l-iffirmar ta' Memorandum ta' Qbil bejn il-Kmamar tal-Kummerċ tal-Kosovo u tas-Serbja;

45.  Jilqa' l-fatt li, fis-17 ta' Diċembru 2012, il-Kosovo sar is-66 membru tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ); jilqa', barra minn hekk, l-adozzjoni tal-ewwel strateġija BERŻ sħiħa għall-pajjiż fit-8 ta' Mejju 2013 li se tikkontribwixxi għall-aċċelerazzjoni tal-proċess ta' riforma u tas-sostenn għall-ekonomija tal-Kosovo, se ttejjeb ħajjet in-nies, tiffaċilita tranżizzjoni u tikkontribwixxi għall-istabilità reġjonali;

46.  Jilqa' l-impenn provviżorju tal-UE li tipprovi aktar fondi sabiex jitħallsu l-ispejjeż kollha tad-dekummissjonar tal-impjant tal-elettriku l-qadim Kosovo A sal-2017; jistieden lill-Kosovo jintensifika l-isforzi tiegħu u jieħu minnufih passi konkreti li hemm bżonn għad-dekummissjonar tal-impjant tal-elettriku Kosovo A u jitlob Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali kompleta b'mod konformi mal-istandards tal-UE għall-impjant tal-elettriku l-ġdid tal-Kosovo; jitlob ukoll lill-Kosovo jaħdem fuq l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija b'mod koerenti mal-impenn tiegħu li sal-2020 25 % tal-bżonnijiet totali tal-enerġija jiġi mill-enerġija rinnovabbli, u jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-bżonn li tiġi allokata parti akbar mill-għajnuna finanzjarja provduta mill-UE u l-BERŻ għall-iffrankar tal-enerġija, l-effiċjenza fl-enerġija, l-integrazzjoni fis-swieq reġjonali tal-elettriku u l-proġetti favur l-enerġija rinnovabbli;

47.  Jiddispjaċih bid-dewmien tal-awtoritajiet Kosovari fir-rigward tal-preparazzjoni u l-adozzjoni ta' strateġija ambjentali kredibbli u effikaċi fir-rigward, partikolarment, tar-regoli dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u tal-objettivi klimatiċi tal-UE;

48.  Josserva bi tħassib iċ-ċifri għolja tal-qgħad, b'mod partikolari dak fost iż-żgħażagħ u jħeġġeġ lill-gvern jindirizza din il-problema billi joffri opportunitajiet adegwati għaż-żgħażagħ u billi jorjenta l-edukazzjoni abbażi tal-esiġenzi tas-suq tax-xogħol;

49.  Jisħaq fuq il-fatt li l-adeżjoni Kosovara mal-organizzazzjoni reġjonali ta' kooperazzjoni għandha tkun promossa u inkoraġġita mill-pajjiżi kollha tar-reġjun; jappoġġa, f'dan ir-rigward, l-impenn tal-Kosovo fl-organizzazzjonijiet reġjonali u jappella għat-tneħħija tal-ostakli kollha ħalli l-Kosovo jkun jista' jieħu sehem f'dawn l-organizzazzjonijiet, inkluż il-Kunsill tal-Ewropea;

50.  Jisħaq fuq l-importanza li jkun żviluppat it-trasport pubbliku, b'mod partikolari, permezz tal-modernizzazzjoni tal-kollegamenti ferrovjarji, jew l-ħolqien ta' oħrajn ġodda, bħala parti minn sistema ta' trasport sostenibbli; jissuġġerixxi li tinħoloq sistema transkonfinali ta' trasport ferrovjarju ta' veloċità għolja bejn il-pajjiżi kollha fil-Balkani tal-Punent, konnessi man-Netwerk Trans-Ewropew tal-Unjoni Ewropea;

51.  Josserva bi tħassib is-sitwazzjoni ekonomika attwali fil-Kosovo; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li titjieb l-istatistika ekonomika bil-għan li tiġi valutata s-sitwazzjoni ekonomika qabel ma jiġu identifikati l-modi ta' kif tista' tiġi indirizzata;

52.  Jistieden lill-awtoritajiet Kosovari jaħdmu fuq it-titjib tal-affidabilità tal-istatistika konformement mal-istandards Ewropej u mal-metodoloġiji internazzjonali;

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kosovo.

(1) A/RES/64/298
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0434.


Rapport ta' Progress 2012 dwar l-Islanda u l-prospettivi postelettorali
PDF 203kWORD 42k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar ir-Rapport ta' progress tal-2012 dwar l-Islanda u l-prospettivi postelettorali (2013/2932(RSP))
P7_TA(2014)0041B7-0005/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 li jinbdew negozjati ta' adeżjoni mal-Islanda,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tal-Konferenza ta' Adeżjoni mal-Islanda,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-isem "L-Istrateġija ta' Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2012-2013" (COM(2012)0600) u r-Rapport ta' Progress tal-2012 dwar l-Islanda adottat fl-10 ta' Ottubru 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Islanda, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Islanda għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea(1), ir-riżoluzzjoni tas-7 ta' April 2011 dwar ir-rapport ta' progress tal-2010 dwar l-Islanda(2) u r-riżoluzzjoni tal-14 ta' Marzu 2012 dwar ir-rapport ta' progress tal-2011 dwar l-Islanda(3),

–  wara li kkunsidra l-ftehim tal-14 ta' Jannar 2013 dwar it-tmexxija tan-negozjati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea fil-fażi ta' qabel l-elezzjonijiet parlamentari, u l-pjattaforma governattiva tat-22 ta' Mejju 2013 organizzata mill-Partit Progressista u mill-Partit Indipendentista,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-13 ta' Ġunju 2013 mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Islanda, Gunnar Bragi Sveinsson, u mill-Kummissarju responsabbli għat-Tkabbir u l-Politika Ewropew tal-Viċinat, Štefan Füle,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Islanda tissodisfa l-kriterji ta’ Kopenħagen, u n-negozjati dwar l-adeżjoni mal-Islanda bdew fis-27 ta’ Lulju 2010 wara l-approvazzjoni mill-Kunsill;

B.  billi nfetħu għan-negozjati 27 kapitolu, li minnhom 11 ingħalqu fuq bażi provviżorja;

C.  billi l-gvern Islandiż elett reċentement issospenda l-proċess ta' adeżjoni u billi qed issir valutazzjoni tan-negozjati ta' adeżjoni u tal-iżviluppi fl-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta' dibattitu fi ħdan l-Althingi dwar dawn il-kwistjonijiet;

D.  billi l-Gvern tal-Islanda ddikjara li n-negozjati ta' adeżjoni mhumiex sejrin jissuktaw qabel ma jkun sar referendum pubbliku nazzjonali;

1.  Jirrimarka li, konformement mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u wara votazzjoni favorevoli fi ħdan l-Althingi, il-gvern Islandiż applika għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea fis-17 ta' Lulju 2009;

2.  Jilqa' l-prospett li, bħala Stat Membru ġdid tal-UE, ikollna pajjiż bi tradizzjoni demokratika li taħdem tajjeb u b'istituzzjonijiet u b'soċjetà ċivili b'saħħithom;

3.  Jinnota li l-Islanda għandha kapaċità ġenerali tajba biex tadotta l-obbligi tas-sħubija, partikolarment fid-dawl tal-partiċipazzjoni tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea;

4.  Jissottolinja t-tmexxija trasparenti u inklużiva tan-negozjati ta' adeżjoni u jilqa' l-ftuħ ta' 27 kapitolu tan-negozjati u l-għeluq provviżorju ta' 11 minnhom, fatt li juri l-progress pożittiv li sar fil-proċess ta' adeżjoni;

5.  Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bis-sħiħ li tissokta u tikkompleta l-proċess tan-negozjati ta' adeżjoni;

6.  Jieħu nota li stħarriġiet reċenti tal-opinjoni pubblika juru li maġġoranza tal-Islandiżi jixtiequ li n-negozjati ta' adeżjoni jiġu kkompletati;

7.  Jieħu nota li l-Island għadha kklassifikata bħala pajjiż applikant;

8.  Jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Gvern Islandiż li ma jistenniex tmiem in-negozjati ta' adeżjoni qabel ma jorganizza referendum; jistenna bil-ħerqa d-dibattitu parlamentari fl-Althingi dwar il-valutazzjoni tan-negozjati ta' adeżjoni u l-iżviluppi fl-Unjoni Ewropea, u r-rieżami ta' dawn il-kwistjonijiet mill-Althingi; joffri l-assistenza fit-tħejjija ta' tali valutazzjoni; jittama li l-valutazzjoni rilevanti tkun tista' tiġi ffinalizzata fil-waqt u jistenna deċiżjonijiet ulterjuri dwar it-triq li għandha tiġi segwita, inkluża deċiżjoni dwar jekk għandux isir referendum dwar l-issuktar tan-negozjati ta' adeżjoni;

9.  Jittama li r-referendum jiġi organizzat fi żmien prevedibbli;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tal-Althingi u lill-Gvern tal-Islanda.

(1) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 73.
(2) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 89.
(3) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 61.


Is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel
PDF 227kWORD 66k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel (2014/2512(RSP))
P7_TA(2014)0042RC-B7-0018/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, b'mod partikolari dik tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isforzi tal-komunità internazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp tal-“bini tal-istat” fis-Sudan t'Isfel(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, tat-2 ta' Jannar 2014 u tal-24 ta' Diċembru 2013, dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-16 ta' Diċembru u tat-28 ta' Diċembru 2013 tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2013 dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tal-20 ta' Diċembru 2013 mid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2132(2013) tal-24 ta' Diċembru 2013 u r-riżoluzzjoni 2126(2013) tal-25 ta' Novembru 2013 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Diċembru 2013 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li tħeġġeġ lill-mexxejja tas-Sudan t'Isfel irażżnu l-vjolenza allarmanti kontra ċ-ċivili,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni tal-OCHA (l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji) tas-7 ta' Jannar 2014 – Rapport Nru 8 dwar il-kriżi fis-Sudan t'Isfel,

–  wara li kkunsidra t-taħditiet dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, imsejħa mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà (KPS) tal-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari fil-laqgħa tiegħu f'Banjul tat-30 ta' Diċembru 2013, u mis-Summit tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) li sar f'Najrobi fis-27 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Jannar 2014 maħruġa mill-mibgħuta speċjali tal-IGAD wara ż-żjara tagħhom f'Juba sabiex jerġgħu jinbdew it-taħditiet bejn il-Gvern u r-ribelli,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) tas-Sudan tal-2005,

–  wara li kkunsidra l-Pjan direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel stabbilit fil-komunikat maħruġ mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fl-24 ta' April 2012, li hu appoġġat kompletament mill-UE,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa f'isem l-Unjoni Afrikana mill-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, Dr Nkosazana Dlamini-Zuma, fl-4 ta' Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mis-Segretarjat Eżekuttiv tal-IGAD fid-19 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u2013 (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kunflitt politiku beda wara li Salva Kiir, il-President tal-pajjiż u membru tal-grupp etniku Dinka, akkuża lill-Viċi President tiegħu li tneħħa mill-kariga, Riek Machar, ta' etniċità Nuer, li ppjana kolp ta' stat kontrih; billi Riek Machar ċaħad li pprova jagħmel kolp ta' stat;

B.  billi l-Gvern tas-Sudan t'Isfel arresta lil 11-il politikant għoli, inklużi l-ex Ministru tal-Finanzi u l-ex Segretarju Ġenerali tal-partit SPLM, minħabba allegat pjan ta' kolp ta' stat kontra l-President Kiir; billi, fit-23 ta' Lulju 2013, il-President Kiir xolja l-kabinett kollu u neħħa lill-Viċi President Riek Machar mill-kariga;

C.  billi għandha tinstab soluzzjoni politika demokratika għall-kunflitt attwali u għandha titwitta t-triq għal istituzzjonijiet miftiehma demokratikament biex jinbena l-istat il-ġdid li nħoloq wara r-referendum dwar l-indipendenza; billi s-soċjetà ċivili talbet li tinstab soluzzjoni politika paċifika għall-problema;

D.  billi l-partijiet fil-kunflitt fis-Sudan t'Isfel bdew negozjati fis-7 ta' Jannar 2014 f'Addis Ababa, taħt il-patroċinju tal-IGAD; billi l-waqfien mill-ġlied, il-ftuħ ta' passaġġi umanitarji, il-kwistjoni ta' priġunieri politiċi u l-protezzjoni ta' ċivili se jkunu fl-aġenda ewlenija tat-taħditiet;

E.  billi, minkejja t-taħditiet għall-paċi li għaddejjin, l-instabilità, il-ġlied u l-mobilizzazzjoni ta' forzi armati komplew; billi l-forzi tal-Gvern attwalment qed jippruvaw jirbħu lura l-belt ta' Bor, l-aħħar kapitali ta' stat li għadha f'idejn ir-ribelli;

F.  billi l-mibgħut tal-Istati Uniti, Donald Booth, u mibgħuta mill-pajjiżi tal-viċinat tas-Sudan t'Isfel iltaqgħu ma' Riek Machar fil-11 ta' Jannar 2014 biex jippruvaw jinkorporaw il-proposti taż-żewġ naħat f'abbozz ta' dokument dwar il-waqfien mill-ġlied;

G.  billi fit-8 ta' Jannar 2014 għexieren ta' nies għamlu dimostrazzjoni favur il-paċi f'Juba, biex jiddenunzjaw il-ġlied bejn il-President u l-gruppi tal-ex Viċi President;

H.  billi l-kunflitt attwali, li issa għandu dimensjonijiet etniċi, għandu l-għeruq tiegħu fil-qasma tal-1991 fi ħdan l-SPLM/A bejn il-fazzjoni ta' Garang, il-mexxej mejjet tal-SPLM/A li Salva Kiir kien alleat tiegħu, u l-fazzjoni ta' Rieck Machar li kienet qed tikkontesta t-tmexxija ta' Garang;

I.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta riżoluzzjoni li permezz tagħha se jintbagħtu rinforzi fil-forma ta' 5 500 truppa u 440 pulizija sabiex jiżdiedu l-livelli ta' forza ġenerali tal-missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel;

J.  billi fil-15 ta' Diċembru 2013 seħħ ġlied militari bejn il-gwardji presidenzjali fil-kwartieri militari f'Juba; billi l-ġlied beda jinfirex fir-reġjun madwar Jonglei;

K.  billi ġew iddokumentati qtil extraġudizzjarju tal-massa, vjolenzi kontra individwi abbażi tal-etniċità tagħhom kif ukoll detenzjonijiet arbitrarji, u fis-6 ta' Jannar 2014 ġew identifikati tal-anqas tliet oqbra tal-massa;

L.  billi eluf inqatlu u mijiet ta' eluf ta' ċivili ġew spustati minħabba l-kriżi attwali fis-Sudan t'Isfel, filwaqt li għexieren ta' eluf ta' persuni f'bażijiet tan-NU madwar il-pajjiż jeħtieġu urġentement servizzi bażiċi tal-kura tas-saħħa, ilma nadif u kundizzjonijiet sanitarji aħjar; billi l-għadd ta' persuni mis-Sudan t'Isfel li qed ifittxu kenn fl-Uganda u fl-Etjopja żdied drammatikament; billi fl-14 ta' Jannar 2014 tal-anqas 200 ċivili għerqu f'inċident li kien jinvolvi lanċa fuq ix-xmara White Nile huma u jaħarbu mill-ġlied fil-belt ta' Malakal;

M.  billi l-ġlied attiv jippreżenta sfida ewlenija dwar l-aċċess għal operazzjonijiet ta' rispons umanitarju; billi l-aċċess għall-ikel għadu limitat għal persuni madwar il-pajjiż, u hija meħtieġa distribuzzjoni ta' provvisti bażiċi ta' ikel u nutrizzjoni b'mod speċjali f'Bor u Bentiu; billi l-vjolenza u l-ispustar irriżultaw f'telf ta' qligħ tal-għajxien, b'mod partikolari affettwaw is-sorsi tal-ikel, u eventwalment dan jista' jirriżulta fi kriżi ta' nutrizzjoni;

N.  billi dan l-aħħar saru attakki kontra l-poplu Nuba, qtil illegali, stupri tal-massa u arresti arbitrarji ta’ persuni ċivili li jgħixu fil-Muntanji ta' Nuba; billi matul l-aħħar ġimagħtejn ta’ Diċembru 2013, il-milizzji u l-forzi armati tal-Gvern Sudaniż, appoġġati minn elementi ta’ sigurtà, attakkaw ħafna żoni madwar Kadugli u Dillanj, eluf ta’ ċivili ħarbu minn djarhom u ġew rappurtati qtil illegali u stupri tal-massa tan-nisa; billi hemm riskju li din il-kriżi tolqot reġjun ferm usa’ li diġà huwa suxxettibbli għan-nuqqas ta’ stabbiltà, fatt li r-rispons internazzjonali li qed jitwettaq fuq il-post jeħtieġ li jieħu inkunsiderazzjoni f’kull ħin;

O.  billi l-pajjiżi tal-viċinat tal-Afrika tal-Lvant, inklużi l-Kenja u l-Etjopja, insistew maż-żewġ naħat biex jaħdmu favur il-paċi; billi l-Uganda, fuq talba tal-President Kiir, bagħtet 1 200 truppa u apparat militari biex jiggarantixxu s-sigurtà ta' strutturi bħall-ajruport u l-binjiet statali;

P.  billi, wara talba għall-assistenza min-NU, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivat fl-4 ta' Jannar 2014 biex jappoġġa lis-Sudan t'Isfel b'assistenza in natura fil-forma ta' kenn, materjal mediku, mediċini, materjal ta' welfare u ikel;

Q.  billi r-Repubblika tas-Sudan t'Isfel hija waħda mill-pajjiżi l-aktar foqra u l-anqas żviluppati fid-dinja, fejn 50 % tal-popolazzjoni tagħha tgħix taħt is-soll tal-faqar, bl-ogħla rata ta' mortalità materna fid-dinja, waħda mill-ogħla rati ta' mortalità tat-tfal, illiteriżmu ta' madwar 75 % u terz biss tal-popolazzjoni għandhom aċċess għal ilma nadif; billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel huwa theddida għal aktar minn miljun ruħ kull sena; billi fis-Sudan t'Isfel, madwar 80 % tas-servizzi kollha tal-kura tas-saħħa u dawk bażiċi huma pprovduti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-aċċess għal għajnuna umanitarja għadu mxekkel minn ġlied u attakki attivi fuq min qed jagħti l-għajnuna u l-mezzi tagħhom;

R.  billi l-UE ddikjarat li se tipprovdi EUR 50 miljun għal azzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel; billi dan wassal l-ammont tal-għajnuna umanitarja tal-UE għal EUR 170 miljun sal-lum fis-snin finanzjarji 2013 u 2014;

S.  billi l-aġenziji tal-għajnuna nedew il-Pjan ta' Rispons għall-Kriżi fis-Sudan t'Isfel fil-31 ta' Diċembru 2013; billi l-OCHA nieda appell konsolidat għal USD 166 miljun biex jirrispondi għall-kriżi u jgħin bejn wieħed u ieħor 628 000 persuna minn Jannar sa Marzu 2014;

T.  billi l-bini tal-istat u t-tegħlib tal-fraġilità jeħtieġu prospettiva fit-tul kif ukoll impenn deċiż, prevedibbli u stabbli min-naħa tal-komunità internazzjonali;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-aħħar tfaqqigħa ta' ġlied fis-Sudan t'Isfel u jappella lill-partijiet kollha jċedu l-armi tagħhom u jtemmu minnufih il-vjolenza li kkawżat imwiet, persuni midruba u ħsara fost il-popolazzjoni ċivili u spustat mijiet ta' eluf ta' persuni sa mill-bidu tal-kriżi f'Diċembru 2013;

2.  Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu minħabba ż-żieda reċenti ta' vjolenza fis-Sudan t'Isfel, li qed ikollu konsegwenzi serji umanitarji, politiċi, ekonomiċi, soċjali u ta' sigurtà f'pajjiż li diġà huwa fraġli u instabbli, u jista' jiddestabbilizza r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Lvant; huwa partikolarment inkwetat dwar id-dimensjoni etnika tal-kunflitt; jenfasizzaw li l-fatt li wieħed jipprova jikseb il-poter bil-vjolenza jew il-firda fost il-gruppi etniċi huwa kuntrarju għall-istat tad-dritt demokratiku u jikser id-dritt internazzjonali;

3.  Jikkundanna l-każijiet ta' ksur u abbuż tad-drittijiet tal-bniedem li ġew irrappurtati, jappella minnufih lill-partijiet kollha biex itemmu l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jaffettwaw ir-rifuġjati u l-persuni spustati, in-nisa u l-persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, kif ukoll ġurnalisti, u jappella lil dawk involuti fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jinżammu responsabbli; huwa tal-fehma li l-President Kiir u Riek Machar għandhom jagħmlu minn kollox sabiex iwaqqfu lis-suldati taħt il-kontroll tagħhom milli jwettqu tali abbużi kontra n-nies;

4.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati jirrispettaw id-dritt umanitarji internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll jagħtu aċċess u l-protezzjoni tal-aġenziji umanitarji li qed jgħinu lill-popolazzjoni ċivili f'diffikultà u jiftħu passaġġi umanitarji għall-kunsinni ta' provvisti u tagħmir; jinnota li għadd ta' aġenziji ta' għajnuna barranin diġà irtiraw mis-Sudan t'Isfel u li dawk li baqgħu qed jiġġieldu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' persuni ċivili spustati; jinnota wkoll li dawn l-aġenziji tal-għajnuna għadhom mhumiex kapaċi jilħqu diversi żoni fejn huwa maħsub li għexieren ta' eluf ta' nies għadhom jistennew l-għajnuna jew qed jiċċaqilqu biex ifittxu l-għajnuna;

5.  Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet jilħqu ftehim u jappoġġa bis-sħiħ il-proċess ta' negozjati li għaddej bħalissa f'Addis Ababa, filwaqt li jappella għal waqfien mill-ġlied immedjat u sforzi biex tinstab soluzzjoni għal paċi u stabbiltà dejjiema; iħeġġeġ lill-gvern u r-ribelli jimpenjaw ruħhom f'taħdidiet politiċi inklużivi, olistiċi, bla kundizzjoni u b'rieda tajba għall-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati; jilqa' l-isforzi tal-Unjoni Afrikana u tal-IGAD fil-promozzjoni ta' djalogu inklużiv u ta' medjazzjoni;

6.  Jappella għar-rilaxx tal-priġunieri kollha politiċi u tal-11-il kap politiku li jinsabu arrestati bħalissa, liema arrest imblokka n-negozjati għall-paċi;

7.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-viċinat kollha tas-Sudan t'Isfel u lis-setgħat reġjonali jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex itejbu s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż u fir-reġjun u biex isibu mod kif tinstab soluzzjoni politika paċifika u dejjiema għall-kriżi attwali; jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni mas-Sudan b'mod partikolari tirrappreżenta titjib fir-relazzjonijiet, wara li, fl-ewwel xhur tal-2012, l-għedewwa fil-gwerra ċivili għoddhom reġgħu bdew gwerra oħra minħabba tilwim dwar il-prezzijiet taż-żejt u l-fruntiera;

8.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana li tistabbilixxi kummissjoni biex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi oħra u biex tirrakkomanda modi u mezzi sabiex jiġu żgurati r-responsabbiltà, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċifikazzjoni fost il-komunitajiet kollha; jilqa' t-tisħiħ tal-kapaċità ta' investigazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

9.  Jiddispjaċih għad-deċizjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE li ttemm il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan/Sudan t'Isfel, minħabba l-irvellijiet politiċi fis-Sudan u l-kunflitti armati; iqis li, mingħajr Rappreżentant Speċjali tal-UE maħtur għas-Sudan/is-Sudan t’Isfel, l-UE se titħalla fil-ġenb fin-negozjati u fl-isforzi internazzjonali; jistieden, għalhekk, lir-Rappreżentant Għoli tbiddel id-deċiżjoni tagħha u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali għas-Sudan/Sudan t'Isfel;

10.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji ta' finanzjament tagħha għas-Sudan t'Isfel u għar-reġjun u timmobilizza riżorsi sabiex tirreaġixxi minnufih għas-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fis-Sudan t'Isfel;

11.  Jesprimi tħassib dwar il-korruzzjoni mifruxa; huwa mħasseb ukoll li tali korruzzjoni tkun ta' dannu għall-prospetti tat-twaqqif ta' demokrazija ħielsa u ġusta, stabbiltà, żvilupp sostenibbli u tkabbir ekonomiku;

12.  Jilqa' d-deċiżjoni li l-UNMISS tissaħħaħ b'persunal militari, tal-pulizija, tal-loġistika u ċivili addizzjonali; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li hija r-responsabbiltà ewlenija tal-istat li jipproteġi ċ-ċivili; jilqa' l-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU u kap tal-UNMISS, Hilde Johnson;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0546.


Strateġija tal-UE dwar il-persuni mingħajr dar
PDF 221kWORD 62k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar (2013/2994(RSP))
P7_TA(2014)0043RC-B7-0008/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tiegħu,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikoli 9, 14, 151, u 153 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 34 u 36 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bl-isem "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali" (COM(2010)0758),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-22 ta’ April 2008 dwar it-tmiem tal-problema ta’ persuni bla djar li jgħixu fit-toroq(2),

–  wara li kkunsidra l-konferenza ta' kunsens Ewropew ta’ Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2011 dwar l-istrateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar(3),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bl-isem "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020" (COM(2013)0083),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bl-isem “Confronting Homelessness in the European Union” (SWD(2013)0042),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar l-akkomodazzjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra s-sitt prinċipji li ntlaħaq ftehim dwarhom matul il-laqgħa ta' diskussjoni tal-Ministri dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar, li saret f'Leuven fl-1 ta' Marzu 2013 fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Irlandiża,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-bnedmin kollha jitwieldu liberi, b’dinjità u drittijiet indaqs, u hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jippromwovu u jiggarantixxu dawn id-drittijiet;

B.  billi l-problema ta’ persuni mingħajr dar tikkostitwixxi ksur tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-akkomodazzjoni hija bżonn uman bażiku u prekundizzjoni għal ħajja diċenti u għall-inklużjoni soċjali;

C.  billi l-problema ta' persuni mingħajr dar saret prijorità tal-politika tal-UE dwar il-faqar fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-inizjattiva emblematika tagħha Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, kif ukoll fil-Pakkett ta' Investiment Soċjali tal-UE; billi madankollu, il-livelli attwali tal-faqar u l-esklużjoni soċjali qed jipperikolaw l-ilħuq tal-mira tal-Istrateġija Ewropa 2020 li l-għadd ta' persuni li qed jgħixu fil-faqar u li huma soċjalment esklużi jew li jinsabu f'riskju li jispiċċaw f'dawn is-sitwazzjonijiet jonqos b'tal-anqas 20 miljun;

D.  billi l-problema ta’ persuni mingħajr dar tirrappreżenta l-aktar forma estrema ta’ faqar u privazzjoni, u kompliet tikber f’dawn l-aħħar snin tista’ tgħid fl-Istati Membri kollha;

E.  billi l-Istati Membri li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi ekonomika u finanzjarja qed jaraw żieda bla preċedent fil-problema ta' persuni mingħajr dar;

F.  billi l-profili soċjali u familjari tal-persuni li jużaw l-akkomodazzjoni soċjali nbidlu, u billi issa hemm domanda akbar għal akkomodazzjoni ta' dan it-tip;

G.  billi f'uħud mill-Istati Membri hemm nuqqas ta' faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali flimkien ma' ħtieġa dejjem tikber ta’ akkomodazzjoni finanzjarjament aċċessibbli;

H.  billi għadd ta’ korpi tal-UE bħall-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO), il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Parlament appellaw lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija tal-UE dwar il-problema ta’ persuni mingħajr dar jew xi ħaġa simili;

I.  billi l-problema ta' persuni mingħajr dar hija min-natura tagħha stess problema b'bosta aspetti u teħtieġ rispons politiku b'bosta aspetti;

J.  billi kulma jmur hemm aktar evidenza li turi li l-approċċi mmexxija mill-akkomodazzjoni fir-rigward tal-problema ta' persuni mingħajr dar huma dawk l-aktar effettivi;

K.  billi l-problema ta' persuni mingħajr dar tirċievi enfasi akbar fil-qafas tas-Semestru tal-UE, fejn xi Stati Membri jinkludu l-problema ta' persuni mingħajr dar bħala prijorità ta’ kontra l-faqar fi ħdan il-Programmi ta' Riforma Nazzjonali tagħhom għall-2012 u l-2013;

L.  billi l-qafas ta' politika attwali tal-UE u r-realtà soċjali konkreta qed iwittu t-triq lejn azzjoni msaħħa u aktar ambizzjuża dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar fil-livell tal-UE;

M.  billi l-Istati Membri tal-UE għandhom l-aktar sistema ta’ protezzjoni soċjali avvanzata fid-dinja, bl-ogħla kontribuzzjonijiet għall-benefiċċji soċjali għaċ-ċittadini;

N.  billi r-responsabbiltà immedjata sabiex tiġi indirizzata l-problema ta' persuni mingħajr dar hija f'idejn l-Istati Membri, u b'mod partikolari l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u billi strateġija tal-UE għandha rwol kumplementari xi twettaq;

O.  billi huwa possibbli li jkun hemm rwol aktar b'saħħtu għall-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma attwali ta' kompetenza tagħha u b'rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà;

P.  billi għadd dejjem jiżdied ta' Stati Membri għandhom strateġija olistika għall-problema ta' persuni mingħajr dar u jistgħu jibbenefikaw minn kooperazzjoni Ewropea sabiex jiżviluppaw ulterjorment il-politiki tagħhom;

Q.  billi l-faqar mhuwiex delitt u billi l-problema ta' persuni mingħajr dar la hija delitt u lanqas għażla ta' stil ta' ħajja;

1.  Jindika li bosta persuni mingħajr dar ibatu biex ilaħħqu mal-ħajja u jkollhom bilfors jgħixu f'kundizzjonijiet inumani;

2.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mingħajr aktar dewmien strateġija tal-UE għall-problema ta’ persuni mingħajr dar skont kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-14 ta' Settembru 2011 dwar strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar u fi proposti minn istituzzjonijiet u korpi tal-UE oħrajn;

3.  Iqis li Strateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar għandha tirrispetta bis-sħiħ it-Trattat, li jistipula "r-rwol essenzjali u d-diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkunu qrib kemm jista' jkun tal-ħtiġijiet tal-utenti"; iqis li r-responsabbiltà għall-ġlieda kontra l-problema ta' persuni mingħajr dar hija tal-Istati Membri u li għaldaqstant strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar għandha tappoġġa lill-Istati Membri sabiex jieħdu fuqhom din ir-responsabbiltà bil-mod l-aktar effettiv possibbli filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' esperti ta' livell għoli biex jappoġġaha fit-tħejjija u l-iżvilupp ulterjuri ta' strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti kunsiderazzjoni dovuta lill-problema ta' persuni mingħajr dar fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż fir-rigward ta' dawk l-Istati Membri fejn teżisti ħtieġa urġenti ta’ progress fil-qasam tal-problema ta' persuni mingħajr dar; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu l-inklużjoni tal-problema ta' persuni mingħajr dar fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar data komprensiva u li tista' titqabbel dwar il-problema ta’ persuni mingħajr dar mingħajr ma jiġu stigmatizzati l-persuni li jinsabu mingħajr dar; jenfasizza li l-ġbir tad-data huwa prekundizzjoni għall-iżvilupp ta’ politiki effiċjenti li finalment iwasslu għall-qerda tal-problema ta’ persuni mingħajr dar;

7.  Jiqa’ d-dispożizzjonijiet fir-Regolament il-ġdid tal-Fond Soċjali Ewropew rigward l-istabbiliment ta’ indikaturi għall-monitoraġġ tal-effettività tal-investimenti fir-rigward tal-persuni mingħajr dar jew tal-persuni milquta mill-esklużjoni f’dik li hi akkomodazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal ta’ dawn l-għodod ġodda;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-programm EaSI (il-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali) bħala l-għajn ewlenija ta' finanzjament għal strateġija tal-UE għall-finanzjament ta' riċerka u skambji transnazzjonali, u biex tibni ulterjorment il-kooperazzjoni tagħha mal-partijiet interessati Ewropej ewlenin;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-problema ta’ persuni mingħajr dar fl-oqsma ta’ politika tal-UE rilevanti kollha;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq dawn it-temi ta' prijorità li ġejjin għal strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar:

   approċċi għall-problema ta' persuni mingħajr dar immexxija mill-akkomodazzjoni jew li jkollhom l-akkomodazzjoni bħala l-ewwel prijorità;
   il-problema ta' persuni mingħajr dar fil-livell transkonfinali;
   il-kwalità tas-servizzi għall-persuni mingħajr dar;
   il-prevenzjoni milli wieħed jispiċċa mingħajr dar;
   iż-żgħażagħ mingħajr dar;

11.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar il-persuni mingħajr dar għall-elementi ewlenin ta’ strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar, u b'mod partikolari jenfasizza l-elementi li ġejjin:

   il-monitoraġġ Ewropew fuq bażi regolari tal-problema ta' persuni mingħajr dar;
   ir-riċerka u l-iżvilupp tal-għarfien dwar il-politiki u s-servizzi li jirrigwardaw il-problema ta' persuni mingħajr dar;
   l-innovazzjoni soċjali fil-politiki u s-servizzi li jirrigwardaw il-problema ta' persuni mingħajr dar;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw akkomodazzjoni soċjali u finanzjarjament aċċessibbli adattata għall-individwi l-aktar vulnerabbli bil-ħsieb li tiġi evitata l-esklużjoni soċjali u l-problema ta' persuni mingħajr dar;

13.  Jistieden lill-Istati Membri ma jiksrux it-trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u jirrispettaw bis-sħiħ kull ftehim li ffirmaw, inklużi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tan-NU u l-Karta Soċjali riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa;

14.  Jistieden lill-Istati Membri biex immedjatament itemmu l-kriminalizzazzjoni tal-persuni mingħajr dar u jbiddlu l-prattiki diskriminatorji li jintużaw biex il-persuni mingħajr dar jiġu pprevenuti milli jkollhom aċċess għas-servizzi soċjali u għall-kenn;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), kif ukoll programmi oħra bħalma hu l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), biex itejbu s-sitwazzjoni tal-persuni mingħajr dar u joħolqu triq għall-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol;

16.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Presidenza tal-UE jagħmlu laqgħat ta' diskussjoni Ewropej fuq bażi regolari tal-Ministri tal-UE responsabbli mill-problema ta' persuni mingħajr dar, kif ingħata bidu mill-Presidenza Irlandiża tal-UE f'Marzu 2013; jistieden lill-Kummissjoni tagħti appoġġ prattiku u finanzjarju għal din il-laqgħa;

17.  Jistieden lill-Istati Membri japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom bil-għan li jsaħħu t-tagħlim reċiproku u l-iskambju tal-aħjar prattiki u jiżviluppaw approċċ ta’ politika komuni;

18.  Jistieden lill-Istati Membri japplikaw approċċ olistiku fl-iżvilupp ta' strateġiji komprensivi dwar il-problema ta' persuni mingħajr dar, strateġiji li jkunu mmexxija mill-akkomodazzjoni u li jinkludu enfasi qawwija fuq il-prevenzjoni;

19.  Jemmen li l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali tagħhom, b'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-kerrejja, għandhom jimplimentaw politiki ta' prevenzjoni effettivi biex inaqqsu r-rata ta' żgumbramenti;

20.  Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jintroduċi rakkomandazzjoni dwar garanzija li tiżgura li ħadd fl-UE ma jkun kostrett jorqod barra minħabba nuqqas ta' servizzi (ta' emerġenza);

21.  Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu skont il-prattika nazzjonali mal-organizzazzjonijiet rilevanti tal-għajnuna biex jipprovdu pariri u akkomodazzjoni lill-persuni mingħajr dar;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi miġġielda kull forma ta’ diskriminazzjoni kontra persuni mingħajr dar u l-emarġinazzjoni ta’ komunitajiet sħaħ;

23.  Jenfasizza li l-konkretizzazzjoni tad-dritt għal akkomodazzjoni huwa kritiku għat-tgawdija ta' firxa sħiħa ta' drittijiet oħra, inklużi għadd ta’ drittijiet politiċi u soċjali;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u lill-Kunsill tal-Ewropa.

(1) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(2) ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 19.
(3) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 101.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0246.


Is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-attivisti taloppożizzjoni fil-Kambodja u l-Laos
PDF 230kWORD 68k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tal-oppożizzjoni fil-Kambodja u fil-Laos (2014/2515(RSP))
P7_TA(2014)0044RC-B7-0033/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja u l-Laos,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Lokali tal-UE tal-4 ta' Jannar 2014 dwar il-vjolenza li tikkaratterizza t-tilwim industrijali u tat-23 ta' Settembru 2013 dwar il-leġiżlatura l-ġdida fil-Kambodja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli Catherine Ashton wara l-elezzjonijiet fil-Kambodja fid-29 ta' Lulju 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tal-5 ta’ Awwissu 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2013 'Bittersweet harvest – A human rights impact assessment of the European Union’s Everything But Arms initiative in Cambodia' minn Equitable Cambodia and Inclusive Development International,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Diċembru 2012 mill-kelliem tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar l-għejbien ta' Sombath Somphone fil-Laos,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mis-Sħab għall-Iżvilupp Ewropej fid-19 ta' Novembru 2013 fil-laqgħa ta' diskussjoni organizzata mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos tal-1 ta’ Diċembru 1997,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għejbien Furzat u d-Dikjarazzjoni tan-NU tat-18 ta' Diċembru 1992 dwar il-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għejbien Furzat,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Il-Kambodja

A.  billi fit-3 ta' Jannar 2014, f'dimostrazzjonijiet paċifiċi mill-ħaddiema tal-industrija tat-tessuti għaż-żieda fil-pagi li saru vjolenti, il-forzi tas-sigurtà fetħu n-nar b'munizzjoni attiv fuq dimostranti, fejn inqatlu ħames persuni u ġew midruba aktar minn tletin; billi fl-4 ta' Jannar 2014 il-forzi tas-sigurtà żgombraw b'mod furzat Freedom Park, fejn kienu miġbura l-attivisti tal-oppożizzjoni;

B.  billi 23 persuna, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġew arrestati matul l-avvenimenti riċenti u allegatament issawtu u ġew ttorturati;

C.  billi t-tensjoni, li eskalat bil-preżenza tal-pulizija, irriżultat f'projbizzjoni tad-dimostrazzjonijiet;

D.  billi d-dritt għal-libertà ta' assemblea paċifika huwa stabbilit fil-kostituzzjoni tal-Kambodja, fl-Artikolu 20 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fl-Artikolu 21 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

E.  billi l-mexxejja tal-Partit tas-Salvataġġ Nazzjonali tal-Kambodja (CNRP) Sam Rainsy u Kem Sokha ġew mitluba jidhru quddiem il-Qorti Muniċipali ta' Phnom Penh fl-14 ta' Jannar 2014 għal interrogazzjoni; billi Sam Rainsy and Kem Sokha jistgħu jinsabu ħatja ta' inċitament ta' nkwiet ċivili;

F.  billi l-awtoritajiet ma ħadux il-miżuri meħtieġa kollha biex jindirizzaw uħud min-nuqqasijiet prinċipali tal-proċess elettorali bħal pereżempju t-titjib fl-affidabbiltà tal-lista tal-votanti, l-iżgurar tal-aċċess ekwu għall-midja u l-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi tal-istat, inklużi l-kampanji mill-ħaddiema taċ-ċivil u l-militar;

G.  billi r-Re ta amnestija lil Sam Rainsy fl-14 ta' Lulju 2013, li ppermettietlu jirritorna lejn il-Kambodja; billi, madankollu, ma ngħatax lura d-dritt tal-vot u li joħroġ għall-elezzjonijiet;

H.  billi f'Settembru 2013, wara li tħabbru r-riżultati elettorali, is-CNRP nieda tlett ijiem ta' dimostrazzjonijiet tal-massa mhux vjolenti kontra r-riżultat uffiċjali tal-elezzjonijiet tal-Assemblea Nazzjonali; billi b'risposta għal dawn il-protesti paċifiċi l-gvern uża għadd kbir ta' pulizija u ġendarmi armati;

I.  billi kien hemm intimidazzjoni kontinwa kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fil-forma ta' arresti arbitrarji jew kundanni fuq akkużi foloz jew esaġerati għall-eżerċizzju paċifiku tad-drittijiet tal-bniedem; billi tiddomina klima ta' impunità għal tali atti;

J.  billi l-Kambodja kellha tiffaċċja sfidi serji fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tagħha, partikolarment minħabba l-esproprjazzjonijiet sistematiċi tal-art u l-korruzzjoni mill-gvern, il-partit fil-gvern u l-atturi privati b'appoġġ u protezzjoni uffiċjali;

K.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja se jagħmel żjara uffiċjali lill-pajjiż mit-12 sas-17 ta' Jannar 2014;

L.  billi l-UE hija l-uniku u l-akbar donatur ta' għajnuna lill-Kambodja;

M.  billi bosta kumpaniji internazzjonali, inklużi kumpaniji Ewropej, allegatament kienu involuti fil-ksur tad-dritt tal-art, speċjalment fis-settur taz-zokkor, u billi f'Novembru 2013 il-Coca Cola wegħdet 'tolleranza żero' għall-iżgumbrament tal-art mhux ikkumpensat;

Il-Laos

N.  billi Sombath Somphone, attivist tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent u kap tas-soċjetà ċivili, kopresident tad-disa' Forum tal-Poplu Asja-Ewropa li sar fi Vientiane f'Ottubru tal-2012 qabel id-disa' Summit tal-ASEM, allegatament kien vittma ta' għejbien furzat fil-15 ta' Diċembru 2012 fi Vientiane; billi l-familja ta’ Sombath Somphone ma kinitx kapaċi ssib fejn jinsab minn dakinhar, minkejja l-appelli ripetuti lill-awtoritajiet lokali u t-tiftix fiż-żona tal-madwar;

O.  billi matul iż-żjara tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja u tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) fil-Laos fit-28 ta' Ottubru 2013, l-għejbien ta' Sombath Somphone kien irrappurtat lill-awtoritajiet tal-Laos;

P.  billi mistoqsijiet kruċjali marbuta mal-każ, inkluż jekk saritx investigazzjoni jew le, jibqgħu mhux solvuti aktar minn sena wara l-għejbien tiegħu u l-awtoritajiet tal-Laos ma aċċettawx għajnuna minn pajjiżi barranin għall-investigazzjoni dwar l-għejbien;

Q.  billi s-sħab Ewropej tal-Laos iqisu li l-għejbien mhux spjegat ta' Sombath Somphone huwa kwistjoni serja ħafna u li d-dikjarazzjonijiet li saru mill-gvern b'rabta ma' dan il-każ la huma suffiċjenti u lanqas konvinċenti;

R.  billi fil-15 ta' Diċembru 2013 62 NGO talbu li ssir investigazzjoni ġdida dwar l-għejbien tiegħu; billi fis-16 ta' Diċembru 2013 il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għejbien Furzat jew Involontarju ħeġġeġ lill-Gvern tal-Laos jagħmel dak li jista' biex isib lil Sombath Somphone, ikun stabbilit x'ġara minnu u fejn jinsab, u biex dawk li għamlu r-reat jinżammu responsabbli;

S.  billi hemm bosta każijiet oħra ta' għejbien furzat; billi sal-lum għadu mhux magħruf fejn jinsabu disa' persuni oħra – żewġ nisa, Kingkeo u Somchit, u sebat irġiel, Soubinh, Souane, Sinpasong, Khamsone, Nou, Somkhit u Sourigna – li nżammu arbitrarjament mill-forzi tas-sigurtà tal-Laos f'Novembru 2009 f'bosta postijiet madwar il-pajjiż;

T.  billi, f'dawn l-aħħar snin, il-Laos kellu l-aktar tkabbir ekonomiku rapidu fix-Xlokk tal-Asja u l-ħidma tas-soċjetà ċivili hija fundamentali biex ikun żgurat li d-drittijiet tal-bniedem ma jingħatawx il-ġenb tul l-iżvilupp rapidu tal-Laos;

Il-Kambodja

1.  Jagħti l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jikkundanna l-użu sproporzjonat u eċċessiv tal-forza min-naħa tal-forzi tas-sigurtà fil-Kambodja, li wassal għal telf ta' ħajjiet u ħalla persuni midruba;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kambodja jeżerċitaw trażżin fil-konfront tad-dimostranti u jfakkar li kull użu tal-forza min-naħa tal-uffiċjali għandu jkun suġġett għall-prinċipji tal-legalità, in-neċessità u l-proporzjonalità;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kambodja jirrilaxxaw immedjatament it-23 persuna arrestati inġustament;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kambodja biex dawk responsabbli għall-imwiet u għall-persuni li ndarbu fost id-dimostranti paċifiċi jiġu investigati bir-reqqa u jagħtu kont ta' għemilhom;

5.  Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivisti tal-oppożizzjoni fil-Kambodja; jikkundanna l-akkużi, is-sentenzi u l-kundanni kollha motivati politikament kontra kritiċi politiċi, politiċi tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tal-art fil-Kambodja; jenfasizza li l-awtoritajiet iridu jiżguraw li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-individwi u tal-organizzazzjonijiet li jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt li wieħed jikkritika u joġġezzjona b'mod paċifiku l-politiki tal-gvern permezz ta' assemblej u strajks ta' protesta pubblika;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jsaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jirrevoka immedjatament il-projbizzjoni tal-assemblej pubbliċi;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jirrikonoxxi r-rwol leġittimu li għandha l-oppożizzjoni politika biex tikkontribwixxi lejn l-iżvilupp ekonomiku u politiku ġenerali tal-Kambodja; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kambodja jwaqqgħu immedjatament it-taħrikiet maħruġa għall-mexxejja tal-partit CNRP, Sam Rainsy u Kem Sokha, u l-mexxej tal-unjin Rong Chhun tal-Assoċjazzjoni Indipendenti tal-Għalliema tal-Kambodja (CITA) u l-Konfederazzjoni tal-Unjins tal-Kambodja (CCFU);

8.  Jinnota bi tħassib it-tilwim li għaddej dwar allegati irregolaritajiet fil-proċess elettorali; jistieden lill-partiti politiċi jaħdmu flimkien biex jidentifikaw kull żball li kien hemm u jiftiehmu dwar miżuri li jtejbu l-proċess elettorali, b'mod partikolari riforma fil-lista tal-votanti, l-aċċess għall-midja u r-rappurtar bilanċjat, il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali, kif ukoll dwar riformi strutturali f'oqsma li se jikkontribwixxu lejn l-iżvilupp fuq perjodu ta' żmien itwal fil-Kambodja, inklużi r-riforma ġudizzjarja, ir-riforma tal-Assemblea Nazzjonali u sforzi oħra li jagħtu spinta lill-governanza tajba u lid-demokrazija;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jippermetti investigazzjoni indipendenti u akkumpanjata minn għajnuna internazzjonali dwar allegazzjonijiet ta' frodi fil-votazzjonijiet u irregolaritajiet oħra fl-elezzjonijiet ta' Lulju 2013;

10.  Jistieden lill-Gvern u lill-Parlament tal-Kambodja jgħaddu u jimplimentaw liġijiet biex jiżguraw li s-sistema ġudizzjarja tiffunzjona b'mod indipendenti mill-kontroll politiku u l-korruzzjoni;

11.  Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jistabbilixxi Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, jikkoopera bis-sħiħ mal-proċeduri speċjali tan-NU u jippermetti partikolarment żjara tar-Rapporteur Speċjali għall-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati u tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet għal-libertà ta' assemblea paċifika u ta' assoċjazzjoni;

12.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jwaqqaf l-iżgumbramenti furzati kollha u jintroduċi u jinforza moratorju dwar l-iżgumbramenti fil-Kambodja sakemm ikunu stabbiliti qafas ġuridiku trasparenti bbażat fuq għoti ta' rendikont u politiki rilevanti bil-ħsieb li jkun żgurat li l-iżgumbramenti jitwettqu biss skont l-istandards internazzjonali; jistieden lill-kumpaniji nazzjonali ma jibbenefikawx direttament minn dawn l-iżgumbramenti furzati li saru mingħajr kumpens ġust;

13.  Jilqa' ż-żjara tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja mit-12 sas-17 ta' Jannar 2014 u jitlob lill-Gvern tal-Kambodja jimxi mar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti tar-Rapporteur;

14.  Jilqa' inizjattivi bħall-Inizjattiva għat-Trasparenza fl-Industriji tal-Ħwejjeġ (GITI) imnedija riċentament, maħluqa bħala approċċ konġunt mill-gvernijiet, is-settur tan-negozju u s-soċjetà ċivili fil-pajjiżi kemm ta' produzzjoni kif ukoll ta' konsum u li għandha l-għan tilħaq ftehim dwar standards tax-xogħol komprensivi u immonitorjati b'mod konġunt;

15.  Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u lill-kumpaniji Ewropej u multinazzjonali biex jappoġġjaw b'mod attiv din l-inizjattiva u oħrajn simili u biex jieħdu sehem fi prattiki korporattivi etiċi u soċjalment responsabbli, inklużi dawk li jiggarantixxu standards tax-xogħol u pagi għall-għajxien ġusti, li jirrikonoxxu d-dritt li wieħed jingħaqad f'unjin u jieħu sehem f'negozjar kollettiv, u jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol siguri u umani għall-ħaddiema kollha;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni taġixxi, bħala kwistjoni ta' urġenza, dwar dak li nstab fil-valutazzjoni tal-impatt riċenti tad-drittijiet tal-bniedem dwar il-funzjonament tal-inizjattiva tal-UE Kollox ħlief Armi (EBA) fil-Kambodja u biex tikkunsidra tinkludi, fil-kriterji għall-esportaturi mill-pajjiżi l-inqas żviluppati li qed jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-privileġġi tal-EBA, obbligu li jixhed li dawn ma keċċewx nies minn arthom u djarhom mingħajr kumpens adegwat;

17.  Jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Kambodja;

Il-Laos

18.  Jistieden lill-Gvern tal-Laos jikkjarifika fiex waslet l-investigazzjoni dwar fejn jinsab Sombath Somphane, iwieġeb il-bosta mistoqsijiet pendenti dwar l-għejbien ta' Sombath u jfittex u jaċċetta l-għajnuna ta' esperti forensiċi u tal-infurzar tal-liġi barranin;

19.  Iqis li n-nuqqas ta' reazzjoni min-naħa tal-Gvern tal-Laos joħloq suspetti li l-awtoritajiet jistgħu jkunu involuti fir-rapiment tiegħu;

20.  Itenni l-appell tiegħu lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli sabiex timmonitorja mill-qrib l-investigazzjonijiet tal-Gvern tal-Laos dwar l-għejbien ta' Sombath Somphone;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jippreżentaw il-każ ta' Sombath Somphane lill-Gvern tal-Laos; jenfasizza li l-għejbien furzat jibqa' ostakolu kbir għas-sħubija tal-Laos fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

22.  Jistieden lill-Gvern tal-Laos iwettaq investigazzjoni bir-reqqa, imparzjali u effettiva dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' għejbien furzat, jindirizza r-ripressjoni li għaddejja tad-drittijiet ċivili u politiċi, inkluża l-libertà ta' espressjoni, assoċjazzjoni u ta' assemblea paċifika fil-Laos, jiżgura r-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tad-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti, il-minoranzi, u l-membri tas-soċjetà ċivili u jħares id-dritt għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin;

23.  Jistieden lill-Gvern tal-Laos jirratifika mingħajr aktar dewmien il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Persuni kollha kontra l-Għejbien Furzat, iffirmata fl-2008;

24.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Laos jiżguraw il-promozzjoni ta' riformi li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u jfakkar lil-Laos dwar l-obbligi internazzjonali li għandu skont it-trattati tad-drittijiet tal-bniedem li rratifika;

25.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-espropjazzjonijiet u l-iżgumbramenti furzati mingħajr kumpens u l-korruzzjoni fil-Laos;

o
o   o

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarjat ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Renju tal-Kambodja u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Laos.


L-elezzjonijiet reċenti fil-Bangladexx
PDF 220kWORD 54k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar l-elezzjonijiet reċenti fil-Bangladexx (2014/2516(RSP))
P7_TA(2014)0045RC-B7-0034/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-Bangladexx: id-drittijiet tal-bniedem u l-elezzjonijiet li jmiss(1), dik tat-23 ta' Mejju 2013 dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza wara n-nirien fil-fabbriki u t-tiġrif ta' bini reċenti fil-Bangladexx(2), dik tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fil-Bangladexx(3) u dik tas-17 ta' Jannar 2013 dwar vittmi ta' nirien li seħħew reċentement f'fabbriki tat-tessuti, b'mod partikolari fil-Bangladexx(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton f'isem l-Unjoni Ewropea dwar l-Elezzjonijiet Leġiżlattivi fil-Bangladexx fid-9 ta' Jannar 2014 u d-Dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton f'isem dwar it-tħejjijiet għal elezzjonijiet ġenerali fil-Bangladexx fit-30 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Portavuċi tar-Rappreżentant Għoli Catherine Ashton dwar il-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjoni fil-Bangladexx tal-20 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, Navi Pillay, bl-isem "Manuvri politiċi ta' sogru li qed iġibu l-Bangladexx f'xifer l-irdum" tal-1 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-5 ta' Jannar 2014 fil-Bangladexx saru elezzjonijiet ġenerali taħt l-awspiċju ta' gvern interim immexxi mill-Prim Ministru ta' dari u tal-lum Sheikh Hasina, li kienet warrbet is-sistema tradizzjonali tal-Bangladexx ta' gvern newtrali u purament amministrattiv permezz tal-15-il emenda għall-Kostituzzjoni fl-2011;

B.  billi s-sena li għaddiet kienet, skont rapporti, l-aktar sena vjolenti fl-istorja tal-Bangladexx mill-indipendenza 'l hawn, u partikolarment il-fażi preelettorali u dik elettorali fil-Bangladexx kienu mgħarrqa bi vjolenza mifruxa, bi mblokki, bi strajkijiet u b'intimidazzjoni tal-votanti orkestrati primarjament mill-oppożizzjoni, u b'aktar minn 300 ruħ li sfaw maqtula mill-bidu tal-2013 'il hawn, fosthom 18-il ruħ dakinhar tal-elezzjoni, bir-riżultat li l-ekonomija fraġli tal-Bangladexx ġiet paralizzata;

C.  billi l-elezzjonijiet kienu bbojkottjati mill-alleanza tal-oppożizzjoni mmexxija mill-BNP (Bangladesh Nationalist Party), li kienet insistiet fuq li jkun hemm gvern amministrattiv "mhux partitiku", u rriżultaw f'rebħa għall-Awami League fil-gvern, fil-parti l-kbira bl-ebda oppożizzjoni, b'aktar minn nofs il-kostitwenzi mhux ikkontestati u b'parteċipazzjoni baxxa ħafna tal-votanti; billi l-Kummissjoni Elettorali rrappurtat li kellha tissospendi l-votazzjoni f'aktar minn 300 post tal-votazzjoni, minħabba l-vjolenza;

D.  billi ż-żewġ partiti ewlenin tal-Bangladexx għandhom tradizzjoni twila ta' konfrontazzjoni bla kompromessi u ta' nuqqas ta' fiduċja reċiproka, li tissogra li tipperikola l-progress impressjonanti li l-Bangladexx għamel fil-qasam soċjali u f'dak ekonomiku tul dawn l-aħħar għaxar snin,

E.  billi l-missjoni tan-NU mmexxija minn Óscar Fernández-Taranco, li kienet intiża biex tinnegozja kompromess, ikkonkludiet iż-żjara tagħha ta' ħamest ijiem fil-5 ta' Ottubru 2013 bla ma rnexxielha tavvanza;

F.  billi s-Segretarju Ġenerali Ban-Ki Moon qal li kien iddispjaċieh li l-partiti ma kinux laħqu ftehim qabel l-elezzjonijiet, u talab li n-naħat kollha jiżguraw klima paċifika "li fiha n-nies ikunu jistgħu jħarsu d-dritt tagħhom għall-għaqda u l-espressjoni";

G.  billi l-UE mal-Bangladexx għandha relazzjonijiet tajbin u li jmorru lura żmien twil, anke permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp, billi, madankollu, ma bagħtitx missjoni ta' osservazzjoni elettorali fil-pajjiż, minħabba li, fl-assenza ta' kandidati tal-oppożizzjoni, ma kinux issodisfati l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet rappreżentattivi;

H.  billi l-Kummissjoni elettorali tal-Bangladexx iddikjarat li l-elezzjonijiet kienu liberi, ġusti u kredibbli, u billi l-gvern il-ġdid assuma l-kariga, taħt it-tmexxija ta' Sheikh Hasina, Prim Ministru ta' dari u ġdida; billi l-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet ta' dan l-aħħar kienet baxxa ħafna, 40 % skont ċifri tal-gvern, 20 % skont id-diplomatiċi bbażati f'Daka, u terġa' saħansitra anqas minn hekk skont rappreżentanti tal-oppożizzjoni;

I.  billi l-libertà ta' moviment tal-mexxejja tal-oppożizzjoni, Khaleda Zia, sfat ristretta, u billi membri prominenti oħra tal-BNP dan l-aħħar sfaw arrestati u bosta partitarji tal-BNP rappurtatament qed jinħbew għax jibżgħu li jkunu fil-mira ta' rappreżalji;

J.  billi l-oppożizzjoni tal-BNP qed tissokta l-kooperazzjoni tagħha mal-Jamaat-e-Islami flimkien mal-grupp estremista Hafezat-e-Islam, li jitqiesu li huma l-istigaturi ewlenin tal-vjolenza;

K.  billi, fit-12 ta' Diċembru 2013, Abdul Quader Molla, mexxej prominenti tal-Jamaat-e-Islami, kien l-ewwel individwu li ġarrab il-piena tal-mewt għal delitti tal-gwerra kommessi tul il-gwerra tal-indipendenza tal-Bangladexx, u billi l-proċedimenti tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali (TKI) tal-pajjiż kienu kwistjoni taħraq ħafna fl-elezzjoni, b'sitta mis-seba' persuni li nstabu ħatja ta' delitti tal-gwerra mogħtija s-sentenza tal-mewt;

L.  billi, tul u wara l-elezzjoni, eluf ta' ċittadini minn gruppi ta' minoranza vulnerabbli, partikolarment il-Ħindu, ġarrbu attakki vjolenti u tkeċċew minn djarhom, skont ma ġie rrappuratat l-aktar minn militanti tal-Jamaat-e-Islami, parzjalment b'rabta mal-proċessi tat-TKI, għaliex bosta mix-xhieda tal-prosekuzzjoni huma Ħindu;

M.  billi tal-anqas xhud wieħed tat-TKI, Mustafa Howlader, inqatel f'daru fl-10 ta' Diċembru 2013;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-atti ta' qtil u vjolenza li faqqgħu madwar il-pajjiż kollu fil-perjodu ta' qabel l-elezzjonijiet ta' Jannar 2014 u waqthom, speċjalment attakki fuq minoranzi reliġjużi u kulturali u gruppi vulnerabbli oħra; jesprimi tħassib gravi dwar il-paralisi tal-ħajja ta' kuljum fil-Bangaldexx minħabba strajkijiet u mblokki u l-konfrontazzjoni bejn iż-żewġ naħat politiċi;

2.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx biex itemm minnufih kull metodu ta' repressjoni użat mill-forzi tas-sigurtà, inkluż l-isparar indiskriminat bil-munizzjon letali u t-tortura fil-kustodja, kif ukoll biex jeħles politiċi tal-oppożizzjoni li sfaw arrestati arbitrarjament; iħeġġeġ li jsiru investigazzjonijiet fil-pront, indipendenti u trasparenti dwar il-każijiet reċenti ta' mwiet bi vjolenza qabel u wara l-elezzjonijiet u li dawk responsabbli minnhom, inklużi dawk fis-servizzi tas-sigurtà, jitressqu quddiem il-qrati;

3.  Jisħaq fuq il-fama tal-Bangladexx bħala soċjetà tolleranti fi ħdan stat sekulari, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladexx biex jagħtu aktar protezzjoni lill-minoranzi etniċi u reliġjużi li jinsabu fir-riskju u jiżguraw prosekuzzjoni effikaċi tal-istigaturi kollha tal-vjolenza bejn il-komunitajiet;

4.  Jiddispjaċih sinċerament li l-Parlament tal-Bangladexx u l-partiti politiċi ma rnexxilhomx jilħqu qbil dwar mekkaniżmu inklussiv għall-elezzjonijiet, u b'urġenza jistieden lill-gvern u lill-oppożizzjoni biex iqiegħdu l-ewwel u qabel kollox l-aqwa interessi tal-Bangladexx u jaslu għal kompromess li lill-poplu tal-Bangaldexx jagħtih ċans jesprimi l-għażla demokratika tiegħu b'mod rappreżentattiv; jemmen li għandhom jitqiesu l-għażliet kollha, inkluża elezzjoni bikrija, jekk il-partiti politiċi huma lesti joħorġu għall-elezzjoni u joffru għażla lill-votanti;

5.  Jitlob li l-UE tuża kull mezz li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tassisti proċess bħal dan jekk issirilha talba f'dan is-sens, u li tagħmel użu sħiħ mir-riżorsi tagħha, partikolarment mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Istrument għall-Istabbiltà; jitlob ukoll li d-Direttorat għas-Sostenn tad-Demokrazija tiegħu jagħmel mill-Bangladexx punt fokali għall-attivitajiet tal-Uffiċċju għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari (OPPD);

6.  Jemmen li, f'ġieħ il-ġejjieni tal-Bangladexx, il-partiti li għandhom fama demokratika jeħtiġilhom jiżviluppaw kultura ta' rispett reċiproku; iħeġġeġ lill-BNP biex jitbiegħed bla ekwivoċi mill-Jamaat-e-Islami u mill-Hafezat-e-Islam;

7.  Jenfasizza li l-partiti li jirrikorru għal atti terroristiċi għandhom jiġu pprojbiti;

8.  Jirrikonoxxi li minkejja n-nuqqasijiet kunsiderevoli tiegħu, it-Tribunal Kriminali Internazzjonali kellu rwol importanti biex il-vittmi u dawk milquta mill-gwerra ta' indipendenza tal-Bangladexx jingħataw rimedju u sens li l-hemmhom issa mitmum;

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu, madankollu, dwar l-għadd dejjem jiżdied ta' individwi kkundannati għall-mewt fil-Bangladexx, apparti mis-sitt individwi li nqatgħetilhom sentenza mit-TKI, partikolarment is-sentenzi ta' piena tal-mewt lil 152 suldat involuti f'ammutinament vjolenti fl-2009 u l-eżekuzzjoni reċenti ta' Abdul Quader Molla; jistieden lill-gvern u lill-parlament biex jirrevokaw il-piena tal-mewt u jikkommutaw is-sentenzi tal-mewt kollha; jitlob lill-awtoritajiet, barra minn hekk, biex b'urġenza jistabbilixxu mekkaniżmu effikaċi ħalli jipproteġu lix-xhieda f'kawżi quddiem it-TKI;

10.  Jitlob ukoll li l-gvern jirrevedi l-Att dwar it-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni kif ukoll l-Att dwar l-Antiterroriżmu, li fi żmien l-aħħar gvern saru aktar stretti u li jistgħu jwasslu biex ċittadini jisfaw kriminalizzati arbitrarjament;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0516.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0230.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0100.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0027.


Tentattivi reċenti ta' kriminalizzazzjoni kontra l-persuni LGBTI
PDF 226kWORD 59k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar deċiżjonijiet reċenti ta' kriminalizzazzjoni kontra l-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) (2014/2517(RSP))
P7_TA(2014)0046RC-B7-0043/2014

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u l-Kostituzzjoni Indjana,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU A/HRC/17/19 tas-17 ta’ Ġunju 2011 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru,

–  wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa l-waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Cotonou), u l-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem f’dan il-Ftehim, b'mod partikolari l-Artikoli 8(4) u 9,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5) u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jimpenjaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, fir-relazzjoni tagħhom mal-bqija tad-dinja, li jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet universali tal-bniedem u l-protezzjoni tal-individwi,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Omosesswali, Bisesswali, Transġeneri u Intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Diċembru 2013 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-adozzjoni "Abbozz ta' Liġi kontra l-Omosesswalità" fl-Uganda,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Catherine Ashton tal-15 ta' Jannar 2014 li tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-iffirmar tal-Abbozz ta' Liġi dwar (il-Projbizzjoni ta') Żwiġijiet bejn Persuni tal-Istess Sess fin-Niġerja biex sabiex din issir liġi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tal-5 ta' Lulju 2012 dwar il-vjolenza kontra l-leżbjani u d-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) fl-Afrika(1), pożizzjoni tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jemenda għat-tieni darba l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005(2), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali tal-2012 dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar "l-Uganda: abbozz ta’ leġiżlazzjoni antiomosesswali"(4), u tas-16 ta’ Diċembru 2010 dwar "l-Unganda: l-hekk imsejjaħ “Abbozz ta' Liġi tal-Bahati” u d-diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni LGBT(5), u tas-17 ta' Frar 2011 dwar "l-Uganda: Il-qtil ta' David Kato(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tal-15 ta' Marzu 2012(7) u l-4 ta' Lulju 2013(8) dwar is-sitwazzjoni fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Mejju 2011 dwar l-istat attwali tan-negozjati tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Indja(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 122(5) u 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kull bniedem jitwieled ħieles u b’dinjità u drittijiet indaqs; billi l-Istati kollha għandhom l-obbligu li jevitaw il-vjolenza, it-tixwix, il-mibegħda u l-istigmatizzazzjoni abbażi ta' karatteristiċi individwali, inkluż l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru;

B.  billi 78 pajjiż għadhom jikkunsidraw attivitajiet konsenswali bejn adulti tal-istess sess bħala att kriminali, u sebgħa minnhom jipprevedu l-piena kapitali għal tali “atti kriminali” (l-Iran, il-Mawritanja, partijiet min-Niġerja, l-Arabja Sawdija, partijiet mis-Somalja, is-Sudan u l-Jemen); billi dawn ir-restrizzjonijiet legali huma qodma u superati fid-dawl tal-integrazzjoni ġenerali tad-drittijiet tal-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) tul l-għexieren ta' snin reċenti, u billi l-iżviluppi pożittivi f'bosta pajjiżi għandhom iservu bħala eżempju għal titjib globali fir-rigward ta' kwistjonijiet LGBTI;

C.  billi l-atti konsenswali bejn persuni tal-istess sess diġà ġew ikkastigati b'14-il sena priġunerija fl-Uganda u seba' snin priġunerija fin-Niġerja (jew bil-piena kapitali fit-tnax-il stat taħt il-liġi tax-Sharia), u kienu ġew dikriminalizzati fl-Indja b'deċiżjoni tal-2009 tal-Qorti Suprema ta' Delhi;

D.  billi fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Parlament tal-Uganda adotta l-“Abbozz ta' Liġi kontra l-Omosesswalità”, li jikkastiga l-appoġġ għad-drittijiet tal-persuni LGBTI bi priġunerija li tista' tlaħħaq seba' snin, in-nuqqas ta' denunzja ta' persuna LGBTI bi priġunerija li tista' tlaħħaq tliet snin, u “reċidivi” jew dawk misjuba pożittivi għall-HIV bi priġunerija għall-ħajja, u billi r-relazzjonijiet konsenswali bejn persuni tal-istess sess huma dejjem kriminalizzati fl-ambitu tat-taqsima 145 tal-Kodiċi Penali tal-Uganda;

E.  billi fis-17 ta' Diċembru 2013, is-Senat Niġerjan adotta l-“Abbozz ta' Liġi ta' Projbizzjoni ta' Żwiġijiet bejn Persuni tal-Istess Sess”, li jikkastiga lill-persuni li qegħdin f'relazzjoni ma' persuna oħra tal-istess sess bi priġunerija li tista' tlaħħaq sa 14-il sena, u persuni li jkunu xhieda ta' persuni li qegħdin f'relazzjoni ma' persuna oħra tal-istess sess, jew imexxu bars, organizzazzjonijiet jew laqgħat għall-LGBTI bi priġunerija li tista' tlaħħaq sa 10 snin; billi l-abbozz ta' liġi ġie ffirmat mill-President Goodluck Jonathan u għadda bħala liġi f'Jannar 2014;

F.  billi fil-11 ta' Diċembru 2013, il-Qorti Suprema Indjana irrevokat sentenza tal-Qorti Suprema ta' Delhi tal-2009 fejn it-Taqsima 377 tal-Kodiċi Penali Indjan, liġi tal-era kolonjali li tagħmel l-omosesswalità illegali, kienet tikser il-prinċipju tal-ugwaljanza mnaqqax fil-Kostituzzjoni Indjana, u b'hekk l-omosesswalità reġgħet ġiet kriminalizzata u kkastigata bi priġunerija għall-ħajja;

G.  billi f'Ġunju 2013 id-Duma Statali Russu adotta liġi li tipprojbixxi l-hekk imsejħa "propaganda omosesswali", li tillimita severament l-organizzazzjonijiet LGBTI, il-libertà ta' espressjoni u l-laqgħat bejn omosesswali, u billi l-President Vladimir Putin iffirma l-liġi;

H.  billi l-midja, il-pubbliku, il-mexxejja politiċi u reliġjużi f'dawn il-pajjiżi dejjem qed ifittxu li jintimdaw aktar lill-persuni LGBTI, li jillimitaw id-drittijiet tagħhom u li jilleġittimizzaw il-vjolenza fuqhom;

I.  billi bosta kapijiet ta' stati u gvenijiet, mexxejja tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti tal-gvern u rappreżentanti parlamentari, l-UE (inkluż il-Kunsill, il-Parlament, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli) u bosta personalitajiet mondjali kkundannaw bil-qawwa l-liġijiet li jikkriminalizzaw il-persuni LGBTI;

1.  Jikkundanna bill-qawwa dan it-theddid serju ħafna kontra d-drittijiet universali għall-ħajja, il-ħelsien mit-tortura, trattament krudili, inuman u degradanti, il-privatezza u l-libertà tal-espressjoni u assoċjazzjoni, flimkien ma' kull diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI u r-restrizzjonijiet legali fuqhom u kontra kulmin jiddefendi d-drittijiet tal-bniedem li għandhom igawdu; jissottolinja l-fatt li l-ugwaljanza tal-LGBTI hija element innegabbli tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

2.  Jikkundanna fermament l-adozzjoni ta' liġijiet dejjem aktar ripressivi kontra l-persuni LGBTI; itenni li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru huma kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompitu tad-drittijiet individwali għall-privatezza, kif garantiti mid-dritt internazzjonali u l-kostituzzjonijiet nazzjonali; jistieden lit-78 pajjiż imsemmi hawn fuq biex jieqfu jikkriminalizzaw atti konsenwali bejn adulti tal-istess sess;

3.  Jistieden lill-President tal-Uganda ma jiffirmax l-Abbozz ta' Liġi kontra l-Omosesswalità sabiex dan ma jgħaddix bħala liġi u biex jirrevoka t-Taqsima 145 tal-Kodiċi Penali tal-Uganda; ifakkar lill-Gvern tal-Uganda fl-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali u skont il-Ftehim ta' Cotonou, li jitolbu l-ħarsien tad-drittijiet universali tal-bniedem;

4.  Jikkundanna bil-qawwa l-adozzjoni u l-iffirmar tal-Abbozz ta' Liġi dwar (projbizzjoni ta') Żwieġ bejn Persuni tal-istess Sess biex għadda bħala liġi fin-Niġerja; jistieden lill-President tan-Niġerja jirrevoka din il-liġi, flimkien mat-taqsimiet 214 u 217 tal-Kodiċi Penali Niġerjan;

5.  Jenfasizza l-fatt li l-atti konsenswali bejn l-adulti tal-istess sess huma legali fil-Burkina Faso, il-Benin, iċ-Ċad, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Ginea Ekwatorjali, il-Gabon, il-Ginea Bissaw, il-Côte d’Ivoire, il-Madagaskar, Mali, in-Niġer, ir-Rwanda u l-Afrika t'Isfel, u li d-dikriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali hija illegali fil-Kostituzzjoni tal-Afrika t'Isfel, li juri li l-approċċi dwar din il-kwistjoni huma varji fl-Afrika;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jesprimu l-oppożizzjoni l-aktar qawwija tagħhom għat-tliet liġijiet inkwistjoni, u biex jagħmluha ċara li dawn se jkollhom implikazzjonijiet sinifikanti għar-relazzjonijiet bilaterali tal-pajjiżi kkonċernati mal-UE u l-Istati Membri tagħha;

7.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Gvern Indjan li jitlob lill-Qorti Suprema biex tirrevedi s-sentenza tagħha, peress li tikser il-prinċipju kostituzzjonali tal-ugwaljanza; jistieden lill-Parlament Indjan jabolixxi t-Taqsima 377 tal-Kodiċi Penali Indjan jekk kemm il-darba l-Qorti Suprema tonqos milli tirrevedi s-sentenza tagħha;

8.  Huwa mħasseb profondament bil-konsegwenzi tal-liġi li tipprojbixxi propaganda għal "relazzjonijiet sesswali mhux tradizzjonali" fir-Russja, li qed iżid il-livell ta' diskriminazzjoni u vjolenza kontra individwi LGBTI; jistieden lill-awtoritajiet Russi jirrevokaw din il-liġi, u jitlob viġilanza internazzjonali kontinwa dwar din il-kwistjoni;

9.  Ifakkar li l-liġijiet li jikkriminalizzaw attivitajiet konsenswali bejn adulti tal-istess sess u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem li jikkonċernaw il-persuni LGBTI jirrappreżentaw ostaklu maġġuri fil-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, u b'mod sistematiku jżidu t-trażmissjoni tal-HIV u l-mard trażmess sesswalment, peress li gruppi fir-riskju jibżgħu jagħmlu kuntatt ma' professjonisti mediċi, u jikkontribwixxu għal klima ta' omofobija u diskriminazzjoni estremi; jinnota li dawn il-liġijiet, fost affarijiet oħra, se jirrendu l-prevenzjoni tal-HIV/AIDS aktar diffiċli f'pajjiżi b'rati għolja ta' prevalenza;

10.  Jenfasizza li jekk il-kriminalizzazzjoni ta' attivitajiet konsenswali bejn adulti tal-istess sess tibqa' tiżdied, se jkun aktar diffiċli li jintlaħqu kemm l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, speċjalment fir-rigward ta' ugwaljanza bejn is-sessi u l-ġlieda kontra l-mard, kif ukoll li jinkiseb suċċess fir-rigward tal-qafas ta' żvilupp għal wara l-2015;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri jużaw il-mezzi kollha, inklużi fora bilaterali u multilaterali u n-negozjati li għaddejjin għal ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Indja, u jesprimu b'termini mill-aktar iebsa l-oppożizzjoni tagħhom għall-kriminalizzazzjoni tal-persuni LGBTI;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri jagħtu kull assistenza possibbli lill-NGOs u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, billi jużaw il-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem u programmi oħra;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill jinkludu b'mod espliċitu n-non-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali waqt ir-reviżjoni li jmiss tal-ftehim Cotonou, kif mitlub f'diversi okkażjonijiet mill-Parlament;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummisshjoni, lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali tal-Uganda, in-Niġerja, l-Indja u r-Russja, u l-Presidenti tal-Uganda, n-Niġerja u r-Russja.

(1) ĠU C 349 E, 29.11.2013, p. 88.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0273.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0575.
(4) ĠU C 286 E, 22.10.2010, p. 25.
(5) ĠU C 169 E, 15.6.2012, p. 134.
(6) ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 62.
(7) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 97.
(8) Testi adottati, P7_TA(2013)0335.
(9) ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 13.

Avviż legali - Politika tal-privatezza