Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2013 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2013/2883(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li tagħti l-istatus ta' pajjiż kandidat għal sħubija fl-UE, u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2012 u tas-27 u tat-28 ta' Ġunju 2013 u tas-17 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 845 (1993) u 817 (1993) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll ir-Riżoluzzjoni 47/225 (1993) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Ftehim Interim tat-13 ta' Settembru 1995,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim Interim,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 bit-titolu "L-implimentazzjoni ta' riformi fi ħdan il-qafas tad-djalogu ta' livell għoli dwar l-adeżjoni u l-promozzjoni ta' relazzjonijiet ta' viċinat tajjeb" (COM(2013)0205), ir-Rapport ta' Progress tiegħu tal-2013 (SWD(2013)0413), u l-komunikazzjoni tas-16 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014" (COM(2013)0700),
– wara li kkunsidra l-ftehim bejn il-partiti politiċi bid-data tal-1 ta' Marzu 2013, ir-rapport finali tal-Kumitat ta’ Inkjesta tas-26 ta' Awwissu 2013, u l-Memorandum ta' Qbil tas-16 ta' Settembru 2013,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar "It-Tkabbir: il-politiki, il-kriterji u l-interessi strateġiċi tal-UE(1),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill Ewropew iddeċieda għall-ħames sena konsekuttiva li ma jiftaħx in-negozjati tal-adeżjoni mal-pajjiż minkejja r-rakkomandazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward; billi dan il-posponiment ulterjuri qiegħed iżid mal-frustrazzjoni li qiegħda dejjem tikber fl-opinjoni pubblika tal-pajjiż dwar l-istaġnar tal-proċess ta' integrazzjoni fl-UE u jirriskja li jaggrava l-problemi nazzjonali u t-tensjoni interna; billi l-kwistjonijiet bilaterali ma għandhomx jirrappreżentaw ostakolu għall-ftuħ uffiċjali tan-negozjati ta' adeżjoni għalkemm għandhom jiġu solvuti qabel tmiem il-proċess ta' adeżjoni;
B. billi n-norma ġuridika, il-libertà tal-midja, il-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajba ta' viċinat huma partijiet essenzjali tal-proċess ta' tkabbir tal-UE;
C. billi l-kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu indirizzati bi spirtu kostruttiv kemm jista' jkun kmieni, filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u l-valuri tan-NU u tal-UE;
1. Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jiffissa data għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni mingħajr iżjed dewmien;
2. Jistieden lill-Greċja tuża l-Presidenza tagħha tal-Unjoni Ewropea biex tagħti spinta lill-proċess ta' integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż, u b'hekk tikkonferma l-impenn tagħha stabbilit fl-Aġenda ta' Salonka fl-2003 u toħloq ambjent pożittiv biex issolvi differenzi bilaterali fl-ispirtu tal-valuri u tal-prinċipji Ewropej; jistieden lill-Presidenza Griega tagħmel użu mid-dinamika pożittiva tat-tmexxija tagħha biex tiżviluppa inizjattivi ġodda sabiex tegħleb l-istall fin-negozjati u taħdem biex issib soluzzjoni;
3. Jinkoraġġixxi lill-pajjiż biex jikkonsolida r-riformi u jbiddel il-politiki u l-prattiki li jistgħu jxekklu l-ġejjieni Ewropew tal-pajjiż, biex jiżgura progress reali f'oqsma ewlenin kif jidher fil-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew u b'mod iktar speċifiku d-dikjarazzjonijiet dwar it-tkabbir u dwar il-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni; iqis li l-bidu tan-negozjati mal-UE jirrappreżenta pass pożittiv lejn soluzzjoni għat-tilwim li jeżisti attwalment mal-ġirien ta' dan il-pajjiż,waqt li jiġġenera wkoll riformi ulterjuri biex titejjeb is-sitwazzjoni fil-pajjiż;
4. Jiddispjaċih, minħabba r-rakkomandazzjoni pożittiva tal-Kummissjoni u l-valutazzjoni pożittiva tagħha tar-riżultati tad-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni filwaqt li jwissi wkoll dwar ir-riskju li l-proċess jiżżerżaq lura, dwar il-fatt li l-Kunsill Ewropew għażel li ma jirrepetix d-deċiżjoni tiegħu ta' Diċembru 2012 fejn ikkonkluda li kważi jaqbel kompletament mal-fehma tal-Kummissjoni, antiċipa deċiżjoni potenzjali li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni waqt il-presidenza ta' wara u nnota li l-Kummissjoni se tagħmel il-ħidma ta' tħejjija kollha biex dan ikun possibbli;
5. Jenfasizza l-fatt li jekk il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni jkompli jiddewwem dan iwassal għal konsegwenzi dejjem akbar u imprevedibbli għall-pajjiż kif ukoll għall-istabbiltà reġjonali; jistieden kemm lill-gvern u lill-Kummissjoni biex jipproduċu analiżi kwantitattiva tal-ispejjeż potenzjali soċjali u ekonomiċi kif ukoll tal-impatt u r-riskji politiċi domestiċi u reġjonali li nħolqu wara li l-Kunsill naqas milli jistabbilixxi data għall-bidu tan-negozjati tal-adeżjoni;
6. Jinsisti li l-pajjiżi kandidati kollha u dawk li huma kandidati potenzjali għandhom jiġu trattati abbażi tal-merti tagħhom;
7. Jaqbel, minkejja l-isfidi konsiderevoli li qed iħabbat wiċċu magħhom il-pajjiż, mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-pajjiż għandu livell għoli ta' allinjament mal-acquis tal-UE fir-rigward tal-fażi fil-proċess ta' adeżjoni li jinsab fiha u li l-kriterji ta' Kopenħagen ġew sodisfatti biżżejjed biex jibdew it-taħdidiet tal-adeżjoni; jinnota li f'konformità mal-proċeduri tal-UE, il-membri ġodda jiġu ammessi biss meta jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha; jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li l-ftuħ tal-Kapitoli 23 u 24 dwar il-ġustizzja, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem se jsaħħaħ il-progress propju dwar il-kwistjonijiet li huma ta' interess partikolari għal xi Stati Membri;
8. Jistieden lill-Kunsill Ewropew japprova l-ftuħ tal-proċess ta' screening, speċjalment għall-Kapitoli 23 u 24; jemmen li l-proċess ta' screening se jgħin biex tiżdied l-ispinta favur ir-riforma u jgħin lill-pajjiż jindirizza aħjar l-isfidi imminenti li kull pajjiż kandidat iħabbat wiċċu magħhom, bħalma huma t-titjib ulterjuri tal-effikaċja tal-istat tad-dritt u r-riformi fil-ġudikatura u fl-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll ir-rinforz tal-koeżjoni interetnika;
9. Jilqa' t-twettiq tal-impenji tal-pajjiż taħt il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tal-fażi avvanzata li jinsab fiha fl-allinjament mal-acquis; jistieden lill-Kunsill jadotta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni biex jgħaddi għat-tieni fażi fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA), skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dak il-ftehim;
10. Jenfasizza li r-relazzjonijiet tajba ta' viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali huma pilastri essenzjali għall-pajjiż fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE, inkluż soluzzjoni negozjata u aċċettabbli għall-partijiet kollha rigward il-kwistjoni tal-isem taħt l-awspiċi tan-NU; filwaqt li jżomm f'moħħu l-minoranza Albaniża fil-pajjiż u kif ukoll kwistjonijiet bilaterali delikati mal-pajjiżi ġirien l-oħra, b'mod partikolari l-Greċja u l-Bulgarija, itenni l-pożizzjoni tiegħu, u li f'dan ir-rigward jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni, li kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu indirizzati kmieni kemm jista' jkun matul l-proċess tal-adeżjoni, bi spirtu kostruttiv u ta' relazzjoni tajba bejn il-ġirien permezz ta' djalogu intensiv u miftuħ fl-ispirtu ta' futur Ewropew komuni u jekk jista' jkun qabel il-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni; ifakkar li ġesti, azzjonijiet u dikjarazzjonijiet kontroversjali li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tajba tal-viċinat għandhom ikunu evitati; jitlob riżultati aktar konkreti rigward il-kooperazzjoni sabiex jiġu stabbiliti relazzjonijiet ta' viċinat tajba bejn it-tliet partijiet (Ateni, Sofja u Skopje);
11. Jaqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li jekk il-Kunsill Ewropew jibqa' ma jagħmilx progress fir-rigward tal-adeżjoni tal-pajjiż fl-UE, ikun qed jissogra l-kredibilità tal-proċess tat-tkabbir tal-UE; iżid li dan ser idgħajjef ukoll il-klima li hi meħtieġa biex jiġu mħeġġa miżuri ta' riforma relatati mal-UE; jinnota li l-proċess ta' adeżjoni joħloq huwa stess l-ispinta biex jitlestew ir-riformi;
12. Jemmen li l-fatt li ż-żewġ partijiet naqsu milli jsibu soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli u ġusta biex tiġi riżolta t-tilwima dwar l-isem li ilha għaddejja għal kważi 20 sena wassal biex qajjem ukoll id-dubju dwar il-kredibbilità tal-qafas f'dan ir-rigward, li għalih huwa vitali li jsiru dawn l-isforzi; jinnota li dan huwa minkejja l-isforzi kollha tal-medjatur tan-NU u r-rieda politika ġenwina taż-żewġ partijiet biex isibu soluzzjoni; madankollu jtenni l-fehma tiegħu li kwistjonijiet bilaterali ma għandhomx jiġu invokati sabiex ifixklu l-proċess Ewropew ta' adeżjoni;
13. Jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta għal isem kompost bi kwalifikatur ġeografiku mressqa mill-mibgħut tan-NU Nimetz u jemmen li din hija bażi tajba għal kompromess, sakemm ma tikkompromettix in-nazzjonalità, l-identità, il-kultura u l-lingwa tal-Maċedonja;
14. Jistieden lill-Greċja biex tuża l-Presidenza tagħha tal-UE, flimkien mal-interessi kollha fil-Kummissjoni, fil-Kunsill u fil-Parlament, u fil-pajjiż innifsu, biex tagħti spinta politika ġdida lill-isforzi ġenwini u sinċiera biex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet kollha rigward il-kwistjoni tal-isem mingħajr iktar dewmien; jinnota d-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-5 ta' Diċembru 2011 rigward l-applikazzjoni tal-ftehim interim tat-13 ta' Settembru 1995; u huwa tal-fehma li l-mexxejja tal-pajjiż u l-UE għandhom jispjegaw b'mod kostanti lill-pubbliku l-vantaġġi ta' soluzzjoni meta din tintlaħaq, qabel ir-referendum dwar il-kwistjoni; jilqa' l-laqgħa u t-taħdidiet bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Grieg Evangelos Venizelos u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiz Laurent Fabius dwar dan il-pajjiż bit-tama li dan hu sinjal ta' żviluppi pożittivi akbar fil-futur rigward il-possibilità li tkun riżolta l-kwistjoni tal-isem;
15. Jilqa' l-fatt li saru ħames laqgħat f'disa' xhur f'atmosfera tajba bejn gruppi ta' ħidma mill-pajjiż u mill-Bulgarija; jemmen li l-kwistjonijiet storiċi, komunitarji u kwistjonijiet komuni oħra bejn iż-żewġ pajjiżi li jinħassu b'mod profond jiġu indirizzati bl-aħjar mod permezz ta' djalogu f'dan l-ispirtu; inkluż il-kollaborazzjoni mal-midja u mas-sistema tal-ġustizzja u awtoritajiet oħra; jitlob passi sinifikanti 'l quddiem lejn il-kisba ta' ftehim bilaterali fiż-żmien dovut bħala qafas xieraq f'dan ir-rigward;
16. Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-użu ta' argumenti storiċi fid-dibattitu attwali mal-ġirien, u jtenni t-talba tiegħu biex ikun hemm progress pożittiv f'ċelebrazzjonijiet konġunti għal avvenimenti storiċi u figuri komuni ma' Stati Membri tal-UE li huma ġirien, li għandu jikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-istorja u għal relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien; iħeġġeġ it-tentattivi għat-twaqqif ta' kumitati esperti konġunti dwar l-istorja u l-edukazzjoni, bl-għan li jikkontribwixxu għal interpretazzjoni tal-istorja oġġettiva , it-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika, u l-promozzjoni ta' attitudnijiet pożittivi fiż-żgħażagħ fir-rigward tal-ġirien tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jintroduċu materjali didattiċi ħielsa minn interpretazzjonijiet ideoloġiċi tal-istorja u mmirati lejn it-titjib tal-fehim reċiproku;
17. Jifraħ lill-pajjiż talli żamm ir-rwol kostruttiv tiegħu u tal-kontribut pożittiv għall-kooperazzjoni reġjonali, u jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tiegħu f'inizjattivi reġjonali bħall-Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali (IEĊ) u l-Inizjattiva Reġjonali għall-Migrazzjoni, l-Asil u r-Refuġjati (MARRI); jifraħ lill-pajjiż għat-twettiq b'suċċess tal-perjodu tiegħu bħala president tal-Proċess ta' Kooperazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk ((SEECP) minn Ġunju 2012 sa Ġunju 2013) u jilqa', f'dan ir-rigward, il-promozzjoni tal-inklużjoni totali bħala kontribut prezzjuż għat-tisħiħ ulterjuri tal-kooperazzjoni reġjonali;
18. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill jinkludu lill-pajjiż fil-qafas ġdid ta' kooperazzjoni makroreġjonali fl-Ewropa tax-Xlokk, jiġifieri l-istrateġija makroreġjonali Adrijatika-Jonika u l-programm transnazzjonali;
19. Jinsisti li l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta' inkjesta parlamentari wara l-avvenimenti tal-24 ta' Diċembru 2012 u flimkien mal-partijiet kollha li jikkonformaw mal-Memorandum ta' Qbil, it-tnejn huma indispensabbli biex lill-pajjiż jagħtuh mill-ġdid perspettiva Ewro-Atlantika; iħossu kburi bir-rwol li żvolġew il-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Parlament Ewropew innifsu għall-ftehim tal-1 ta' Marzu 2013, iżda jirrikonoxxi li hi r-responsabilità tal-partiti politiċi nfushom li jistabbilixxu djalogu kostruttiv u kooperazzjoni reċiproka u li jiċħdu l-użu tal-bojkotts, sabiex jippermettu li jsir kontroll leġiżlattiv sħiħ u indipendenti tal-gvern u biex jilqgħu n-normi demokratiċi Ewropej; jenfasizza l-importanza li kemm il-gvern kif ukoll il-partiti politiċi jaħdmu biex itejbu r-relazzjonijiet sabiex iżommu stabbiltà politika;
20. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-OSKE/ODIHR li jgħidu li l-elezzjonijiet muniċipali tar-rebbiegħa ġew amministrati b'mod effiċjenti; jikkondividi t-tħassib espress rigward il-bilanċ fil-kopertura tal-midja, il-konfużjoni bejn l-attivitajiet tal-istat u dawk tal-partit rigward l-użu ta' riżorsi amministrattivi u rapporti dwar irregolaritajiet fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-votanti minn Pustec, l-Albanija; japprova l-impenn tal-Gvern li jkun konformi għalkollox mar-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR għal riforma elettorali; jenfasizza l-ħtieġa biex isiru sforzi ulterjuri biex jiżdied il-finanzjament trasparenti u r-responsabilità tal-partiti politiċi; iħeġġeġ azzjoni biex tkun ċara l-linja bejn l-attivitajiet tal-istat u dawk tal-partit waqt il-kampanji elettorali, u biex ikun żgurat ftehim bejn il-partiti għal awditjar tar-reġistru tal-votanti;
21. Jenfasizza l-ħtieġa biex jiġi żgurat li jkun hemm professjonalità u indipendenza tal-amministrazzjoni pubblika billi jittejbu l-politiki fuq kull livell; jinnota li l-liġi dwar l-impjegati pubbliċi u l-liġi dwar l-uffiċjali amministrattivi ġew approvati mill-parlament fl-ewwel qari fit-8 ta' Jannar 2014; iqis li hu importanti illi qafas ġuridiku ġdid iħaddan fih il-prinċipji fundamentali tat-trasparenza, tal-mertu u tar-rappreżentanza ekwa; jistieden lill-gvern biex ikompli jagħmel ir-riformi meħtieġa f'dan ir-rigward, kif ukoll fl-oqsma tan-nefqa pubblika u tal-akkwist pubbliku, għaliex dawn se jkollhom effetti pożittivi fuq il-kwalità tal-governanza;
22. Iħeġġeġ approfondiment tad-demokrazija permezz ta' passi deċiżivi ulterjuri lejn deċentralizzazzjoni tal-baġit, jiddispjaċih għat-tnaqqis fil-baġit matul din l-aħħar sena iżda jistenna b'ħerqa r-rapport ta' stħarriġ dwar l-istatus ta' deċentralizzazzjoni, u jilqa' ż-żieda fil-kwoti tad-dħul fil-baġit ewlieni tal-muniċipalitajiet, permezz ta' azzjonijiet ulterjuri biex jissaħħaħ ir-rispett lejn l-awtonomija lokali, b'mod speċjali f'każijiet fejn il-kontroll lokali huwa fformat minn partiti differenti minn dawk fil-livell nazzjonali;
23. Jilqa' l-progress li sar fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE mill-pajjiżi l-oħra fir-reġjun, iżda jinsab imħasseb li aktar dewmien fil-ftuħ tat-taħdidiet ta' adeżjoni jista' joħloq disparità irraġonevoli fir-reġjun, li tista' toħloq aktar riskji għal relazzjonijiet interetniċi tajbin u tqanqal is-sensazzjoni fost iċ-ċittadini Maċedoni li qegħdin jitħallew lura; jikkundanna kull għamla ta' ultranazzjonaliżmu fi kwalunkwe pajjiż; jitlob li fis-soċjetà jkun hemm tolleranza u politiki antidiskriminatorji indipendentement mir-reliġjon, l-etniċità jew il-lingwa;
24. Japprova l-appell tal-Kummissjoni li jitlesta ir-rieżami tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid u li jibdew jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu;
25. Jinnota li tisħiħ ulterjuri ta' djalogu politiku mal-popolazzjoni Albaniża fi ħdan il-pajjiż li jirrapprżenta kontribut importanti għall-istabbiltà u l-kooperazzjoni reġjonali;
26. Iħeġġeġ lill-Gvern, lill-midja, lill-komunità akkademika, lis-soċjetà ċivili u lill-partijiet interessati rilevanti kollha jibagħtu messaġġi ċari lill-pubbliku li d-diskriminazzjoni abbażi tal-identità nazzjonali mhijiex tollerata fil-pajjiż, inkluża dik fir-rigward tas-sistema tal-ġustizzja, tal-midja, tal-impjiegi u tal-opportunitajiet soċjali; jenfasizza l-importanza li dan isir għall-integrazzjoni tad-diversi komunitajiet etniċi u l-istabbiltà tal-pajjiż u l-integrazzjoni Ewropea;
27. Jiddispjaċih li għadu ma sarx aktar progress rigward l-edukazzjoni integrata u li ma ġewx allokati fondi għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-Edukazzjoni Integrata; jesprimi t-tħassib li l-għadd ta' żgħażagħ profiċjenti fil-lingwi reċiproċi tagħhom naqas; iħeġġeġ li ssir azzjoni f'dan ir-rigward, sabiex jiġu evitati separazzjoni u kunflitt potenzjali għal raġunijiet etniċi fost tfal tal-età tal-iskola; fl-istess ħin jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' edukazzjoni inklużiva bilingwi fuq bażi mhux obbligatorja; jibqa' mħasseb dwar is-separazzjoni tal-istudenti Rom fl-iskejjel;
28. Jemmen li l-ostakli biex isir ċensiment li jikkorrispondi mal-aqwa standards demokratiċi jistgħu jingħelbu parzjalment permezz tat-twaqqif ta' reġistru ċivili bħala soluzzjoni temporanja;
29. Jiddispjaċih għad-deterjorament tar-reputazzjoni tal-pajjiż fir-rigward tal-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni; jaqsam mal-Kummissjoni t-tħassib li s-salvagwardja tal-libertà ta' espressjoni permezz ta' midja varjata u pluralistika ħielsa mill-indħil politiku tibqa' sfida vitali għall-pajjiż; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, li n-nuqqas ta' pluraliżmu tal-mezzi ta' komunikazzjoni min-naħa huwa riżultat tar-reklamar tal-gvern; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-indipendenza u s-sostenibbiltà tax-xandar tas-servizz pubbliku, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jadottaw salvagwardji fil-liġi dwar il-midja f'dan ir-rigward; jemmen li l-liġi attwali dwar il-midja tista' tkun suġġett għal aktar konsultazzjoni u djalogu, biex riformi tant importanti jiġu miftehma biss b'appoġġ wiesa' mill-komunità ġurnalistika tal-pajjiż; jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li aktar sforzi huma neċessarji biex tiġi stabbilita mill-ġdid il-fiduċja bejn il-gvern u l-komunità tal-midja; jappoġġja l-inizjattiva tal-Istitut tal-Midja tal-pajjiż, bl-appoġġ tal-UE, biex jippubblika "White Book" dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn is-soċjetà ċivili u l-midja; jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi akbar biex jitħarsu d-drittijiet u l-indipendenza ta' min jaħdem fil-qasam tal-midja; jenfasizza l-ħtieġa għat-trasparenza fir-rigward tas-sjieda tal-midja;
30. Jenfasizza l-progress li sar preċedentement mir-Round Table bejn il-gvern u l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti, bl-għajnuna tal-ispeċjalizzazzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-OSKE, u jemmen li t-tlaqqigħ mill-ġdid tar-Round Table u t-twettiq tal-Pjan Direzzjonali tagħha lejn il-libertà tal-espressjoni u li jiġi żgurat ambjent tax-xogħol xieraq għall-ġurnalisti għadhom il-mekkaniżmu primarju biex isir il-progress meħtieġ; jagħraf li libertà ta' espressjoni sħiħa tista' tinkiseb biss f'soċjetà bi drittijiet stabbiliti għall-aċċess pubbliku għall-informazzjoni u fejn hemm spazju pubbliku li jippermetti dibattitu pubbliku sinifikattiv;
31. Jemmen, madankollu, li l-każ reċenti tal-inkarċerazzjoni tal-ġurnalist Tomislav Kezarovski u ta' każijiet oħra - li l-eżiti tagħhom għandhom jiġu determinati biss minn ġudikatura indipendenti li topera fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem – jistgħu jqajmu tħassib dwar il-prattika possibbli ta' ġustizzja selettiva fil-pajjiż, li l-awtoritajiet ikkonċernati kollha għandhom jevitaw billi jadottaw miżuri effikaċi;
32. Jinnota l-Liġi ta' Tisfija ġdida iżda jinnota wkoll it-tħassib tal-Kummissjoni ta' Venezja u l-Kumitat ta' Ħelsinki rigward il-kostituzzjonalità tal-liġi u l-possibilitajiet ta' abbuż;
33. Iħeġġeġ it-tisħiħ tal-mandat tal-Kummissjoni għall-Verifika tad-Dejta billi jiġu trasferiti d-dokumenti neċessarji kollha mis-servizzi ta' intelligence u kontrospjunaġġ għall-bini tal-Kummissjoni fuq bażi permanenti;
34. Itenni r-rakkomandazzjonijiet mir-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu għall-għoti ta' setgħa lis-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-Gvern biex jagħraf ir-rwol importanti tas-soċjetà ċivili u l-valur miżjud tagħha fid-dibattitu politiku, u jistiednu jinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) b'mod attiv fid-djalogu dwar it-tfassil tal-politika; jenfasizza r-rwol kruċjali li jistgħu jiżvolġu l-OSĊ biex jagħmlu l-proċess ta' integrazzjoni mal-UE aktar trasparenti, responsabbli u inklużiv; jissuġġerixxi li għandu jiġi offrut appoġġ lis-settur tas-soċjetà ċivili bħala għajnuna għall-inizjattivi tagħha; jilqa' l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kapitolu 23 stabbilit mill-Ministeru għall-Ġustizzja u jħeġġeġ lill-ministeri kollha jsegwu dan l-eżempju; iħeġġeġ il-konsiderazzjoni pożittiva għall-proposta biex jintgħażlu organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jieħdu sehem fil-Gruppi ta' Ħidma kollha fl-ambitu tal-Programm Nazzjonali għall-Acquis;
35. Jiddispjaċih dwar il-progress modest li sar u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-dewmien sever fl-implimentazzjoni tat-tieni Strateġija tal-gvern għall-Kooperazzjoni mas-Soċjetà ċivili u l-pjan ta' azzjoni tagħha; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' impenn lejn dan, u n-nuqqas ta' trasparenza fl-appoġġ baġitarju għas-soċjetà ċivili; jemmen li l-Isħubija ta' Gvern Miftuħ li magħha aderixxa l-pajjiż tista' toffri qafas xieraq biex titjieb is-sitwazzjoni; jilqa' u jħeġġeġ l-użu ta' indikaturi biex jivvalutaw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili bħalma hemm stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Settembru 2012 dwar "L-għeruq ta' demokrazija u żvilupp sostenibbli" (COM(2012)0492);
36. Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-gvern biex jaqblu li jiddedikaw kwota minima tal-perjodu ta' pprogrammar il-ġdid tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni biex jiżgura 15 % tal-ħlasijiet għal atturi mhux statali u biex jiżgura li l-assistenza teknika għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tiġi ġestita mis-soċjetà ċivili nfisha; iħeġġeġ ukoll li l-IPA II tintuża aktar biex tappoġġa sforzi biex tkun ingranata mira ta' 9 % tal-baġit tal-pajjiż, biex jitqassmu permezz tal-gvern reġjonali u lokali diċentralizzat;
37. Jifraħ lill-pajjiż għar-riformi li fihom impenja ruħu preċedentement li permezz tagħhom il-qafas ġuridiku nazzjonali jikkonforma mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-pajjiż iżid it-trasparenza tal-Kunsill Ġudizzjarju biex inaqqas il-perċezzjonijiet li dan jaħdem taħt influewnza u pressjoni; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra u tanalizza r-rispett għas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-pajjiż fir-Rapporti ta' Progress ġejjiena;
38. Jilqa' l-attivitajiet li l-għan tagħhom huwa li jtejbu l-professjonalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tal-ġudikatura, b'mod partikolari r-reklutaġġ tal-kandidati gradwati mill-Akkademja għall-Imħallfin u l-Prosekuturi għal dawk il-postijiet, il-fatt li nżammu l-indiċi ta' eżekuzzjoni pożittiva tal-qrati fl-ewwel nofs tal-2013, kif ukoll it-tnaqqis ulterjuri tal-kawżi pendenti; jitlob għall-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, biex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja prevedibbli u fiduċja pubblika;
39. Jitlob b'mod partikolari għar-rinforz tal-Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, l-Unità għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni tal-Ministeru tal-Intern u l-Uffiċċju tal-ewwel livell għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni u l-Uffiċċju għall-Verifika tal-Istat tar-riżorsi baġitarji, materjali u umani; jenfasizza ulterjorment il-ħtieġa li l-attenzjoni tiġi kkonċentrata fuq każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli u li jintużaw aktar l-ordnijiet ta' sekwestru u l-konfiska tal-assi u jħeġġeġ li jsiru sforzi kontinwi biex jinkiseb bilanċ pożittiv għall-kundanni f'każijiet ta' livell għoli; jistieden lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti u l-midja jikxfu l-korruzzjoni u jiddefendu l-investigazzjonijiet u proċessi indipendenti u imparzjali; jilqa' l-isforzi kontinwi li jgawdu mill-appoġġ tal-UNDP tal-Kummissjoni tal-Istat għat-tisħiħ tal-aspett preventiv tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni bl-introduzzjoni ta' sistemi ta' integrità komprensivi f'disa' muniċipalitajiet pilota; jappoġġa l-intenzjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li jlestu l-emenda tal-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, jespandu l-kunċett ta' sistema ta' integrità b'kopertura nazzjonali u jipprovdu protezzjoni sistematika u istituzzjonali lill-informaturi;
40. Jinnota li l-attivitajiet maħsuba biex jiggarantixxu l-operabilità tal-Bażi tad-Data Nazzjonali tal-Intelligence għadhom għaddejjin u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-pajjiż iħaffu l-isforzi tagħhom f'dan ir-rigward u jwaqqfu iċ-Ċentru Nazzjonali ta' Koordinament għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata mill-aktar fis possibbli sabiex jipprovdu appoġġ sħiħ għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, il-frodi, il-ħasil tal-flus u reati gravi oħra, inklużi dawk transkonfinali;
41. Jesprimi tħassib dwar l-użu diffuż ta' perjodi twal ta' detenzjoni preventiva u dwar il-kundizzjonijiet ta' kif jinżammu d-detenuti; jinnota sitwazzjonijiet ta' preżenza sproporzjonata ta' pulizija fir-rigward ta' dimostrazzjonijiet; jitlob li l-isforzi biex tinżamm l-ordni pubblika jkunu proporzjonati u jirrispettaw id-dritt ta' għaqda libera;
42. Jilqa' l-Liġi l-ġdida tal-Ġustizzja għal-Minorenni u jitlob finanzjament suffiċjenti biex jimplimentaha; ikompli jiddispjaċih tan-nuqqas ta' servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni fiċ-ċentri ta' detenzjoni tal-minorenni;
43. Jilqa' t-tnaqqis fin-numru ta' tfal fdati f'istituti, iżda jibqa' mħasseb dwar in-numru kbir ta' tfal b'diżabilitajiet li għadhom fl-istituti; jitlob għal riformi ulterjuri fis-sistema ta' protezzjoni tat-tfal u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet taċ-Ċentri għall-Ħidma Soċjali biex jingħata appoġġ lill-familji żvantaġġati;
44. Jilqa' l-ħolqien ta' Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-isforzi biex jiġi żgurat li dan il-Kunsill ikollu firxa ta' interessi estiża u jkun politikament imparzjali, u li jipparteċipa b'mod sħiħ bħala membru tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ; jistieden lill-Aġenzija għaż-Żgħażagħ u l-Isport tal-pajjiż tappoġġa u tipparteċipa bis-sħiħ fl-attivitajiet tiegħu;
45. Iħeġġeġ lill-Gvern jalloka riżorsi umani u finanzjarji biżżejjed lill-Kummissjoni għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni u l-Unità għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fid-Dipartiment għall-Opportunitajiet Indaqs; jitlob li jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;
46. Jilqa' l-ftuħ mill-ġdid taċ-Ċentru LGBTI ta' Skopje wara ħames attakki separati fuqu f'dawn l-aħħar 12-il xahar; jilqa', u jitlob għal applikazzjoni usa' tas-sejbiet tal-Kummissjoni ta' Kontra d-Diskriminazzjoni tal-pajjiż kontra l-omofobija fil-kotba tal-iskejjel; jitlob b'mod speċjali l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentament sesswali fl-impjieg; jiddispjaċih li l-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni għadha mhux konformi mal-acquis tal-UE; itenni t-talba tiegħu biex din il-liġi tiġi emendata sabiex tkun konformi bi sħiħ mal-acquis; jikkundanna l-vjolenza kollha kontra l-komunità LGBTI u jistieden lill-mexxejja politiċi kollha u lis-soċjetà usa' biex tagħmel l-istess ħaġa; jitlob li min iwettaq tali vjolenza jiġi proċessat legalment; ifakkar lill-Gvern u lill-partiti politiċi fir-responsabilità li għandhom biex joħolqu kultura ta' inklużjoni u tolleranza;
47. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiġbru b'mod sistematiku dejta dwar gruppi esklużi u emarġinati, inklużi t-tfal li jgħixu fit-triq, it-tfal Rom u nies b'diżabilità; jiddispjaċih li mhemmx dejta dwar ir-reati ta' mibegħda; jibqa' mħasseb dwar l-għadd ta' tfal Rom fi skejjel għal studenti bi bżonnijiet speċjali iżda jilqa' s-sistema tal-boroż ta' studju tal-gvern maħsuba biex jippermettu lit-tfal Rom ilestu l-fażi tal-edukazzjoni sekondarja;
48. Jibqa' mħasseb dwar id-diskriminazzjoni kontinwa mġarrba mir-Rom; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-fatt li n-nisa Rom iġarrbu d-doppju tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess u l-etniċità, li ġeneralment tmur id f'id mal-faqar; jinsab imħasseb dwar il-fatt li din id-diskriminazzjoni doppja, li ilha magħrufa sew, hija drawwa mifruxa, abitwali u ripetuta; jistieden lill-awtoritajiet ikissru dan il-mekkaniżmu, u jħeġġeġ bis-sħiħ l-implimentazzjoni proattiva tal-Istrateġija dwar l-inklużjoni tar-Rom u li tittieħed azzjoni sabiex ikun żgurat l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-impjieg, l-akkomodazzjoni u s-servizzi soċjali għar-Rom;
49. Iħeġġeġ bil-qawwi lill-gvern biex isolvi l-problema tar-Rom li ma għandhomx dokumenti personali;
50. Jistieden lill-gvern jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex itejjeb l-istatus tar-rifuġjati Rom u Ashkali mill-Kosovo;
51. Jilqa' ż-żieda fin-numru ta' sindki nisa minn xejn għal erbgħa, minn 81 sindku fil-pajjiż, u n-numru ta' nisa fil-parlament li huwa konformi mal-kwota ta' ġeneru; iżda huwa mħasseb dwar il-prattiċi persistenti fejn in-nisa jirtiraw b'mod volontarju mit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi; jilqa' t-tibdil li sar fil-liġi tax-xogħol sabiex tkun tista' toffri protezzjoni ġuridika aħjar lin-nisa tqal jew li għadhom kemm xtraw, iżda jinsab imħasseb dwar ir-rati għoljin ta' qgħad fost in-nisa; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi iżda jinnota li l-mekkaniżmi pubbliċi għall-ugwaljanza bejn is-sessi għadhom mhux qed jiffunzjonaw b'mod xieraq u jistieden lill-gvern biex itejjeb l-operat tagħhom u jżid ir-riżorsi umani u finanzjarji tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma tal-politiki kollha u jżidu l-appoġġ u l-inizjattivi maħsuba biex jiżdied l-għarfien dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi; jiddispjaċih dwar il-fatt li emendi importanti għal-Liġi dwar it-Terminazzjoni tat-Tqala ġew adottati mill-Parlament fi proċedura mqassra mingħajr dibattitu pubbliku usa';
52. Jifraħ lill-gvern dwar il-fatt li ppreserva l-istabilità makroekonomika u jilqa' r-ritorn tat-tkabbir; jinnota, madankollu, li l-konverġenza tad-dħul mxiet bil-mod u jikkondividi t-tħassib dwar jekk il-mira ta' defiċit pubbliku ta' 2,6 % sal-2016 hix se tintlaħaq u dwar kif se jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi; jirrakkomanda li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-pajjiż 'status ta' ekonomija tas-suq li tiffunzjona';
53. Jilqa' ż-żieda fil-PDG ta' 2,9 % f'termini reali fl-ewwel trimestru tal-2013 meta mqabbel mal-istess trimestru fl-2012; jinnota t-tendenza ta' tibdiliet pożittivi fis-suq tax-xogħol, bin-numru ta' persuni impjegati fl-ewwel trimestru tal-2013 ikun 3,9 % għola meta mqabbel mal-istess trimestru tas-sena ta' qabel, filwaqt li r-rata annwali tal-qgħad naqset b'4,2 %; jilqa' l-fatt li l-pajjiż jinsab fost dawk l-10 pajjiżi fid-dinja bl-akbar progress fil-qasam tan-negozju u dak tal-ambjent regolatorju skont ir-rapport "Doing Business" tal-Bank Dinji;
54. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi djalogu speċjali dwar l-impjiegi u l-politika soċjali ma' dan il-pajjiż u ma' pajjiżi oħra fir-reġjun; iħeġġeġ miżuri biex tkun żgurata liġi tax-xogħol modernizzata f'konformità sħiħa mal-Konvenzjonijiet tal-ILO; jenfasizza li l-pajjiż irratifika it-tmien konvenzjonijiet ta’ qofol tal-ILO dwar id-drittijiet tax-xogħol; jappella għat-tisħiħ tal-kapaċità tas-sħab soċjali u l-garanzija li jkun hemm drittijiet għax-xogħol u tat-trade unions; jinsab imħasseb li r-rata għolja ta' qgħad, b'mod partikolari fost gruppi vulnerabbli bħaż-żgħażagħ u n-nisa, tibqa' waħda mill-iktar sfidi urġenti għall-gvern u jitlob għal azzjonijiet imtejba biex jiġi miġġieled il-faqar, il-qgħad għoli fost iż-żgħażagħ u d-diskriminazzjoni;
55. Jinnota l-miżuri adottati mill-awtoritajiet tal-pajjiż fir-rigward tal-każijiet riċenti tal-prodotti agrikoli b'livelli għoljin ta' pestiċidi esportati lejn pajjiżi tal-UE; jistieden, b'mod partikolari, lill-awtoritajiet kompetenti biex itejbu l-kontrolli u jiċċekkjaw b'mod aktar effettiv l-implimentazzjoni fil-pajjiż tal-istandards fitosanitarji tal-UE;
56. Jiddispjaċih li l-pajjiż għad m'għandux politika komprensiva dwar il-klima għalkemm jassoċja ruħu mal-pożizzjonijiet tal-UE fil-kuntest internazzjonali; jistenna li l-Gvern jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex isaħħaħ l-kapaċità amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar it-tibdil fil-klima;
57. Jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi sinifikanti fil-qasam tal-ambjent u b'mod partikolari fl-oqsma tal-kwalità tal-ilma, il-ħarsien tan-natura, il-konservazzjoni tal-organiżmi slavaġ u l-kontroll tat-tniġġis industrijali u l-ġestjoni tar-riskju; iħeġġeġ l-isforzi biex tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni f'dawk l-oqsma; jenfasizza li ma jista' jsir l-ebda progress sostanzjali mingħajr it-tisħiħ adegwat tal-kapaċità amministrattiva; jistieden lill-gvern jieħu l-passi meħtieġa f'dan ir-rigward;
58. Iħeġġeġ lill-gvern ikompli l-kooperazzjoni mal-UE fil-qasam tal-enerġija fi ħdan il-qafas tal-Komunità tal-Enerġija;
59. Josserva li, fir-rigward tal-enerġiji rinnovabbli, l-potenzjal tal-pajjiż huwa sottożviluppat, dan ukoll minħabba proċeduri amministrattivi kkumplikati u l-prezzijiet tal-elettriku; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet tal-pajjiż jintensifikaw l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam sabiex jirrispettaw l-obbligu ta' implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli sal-bidu tal-2014;
60. Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għar-reġim ta’ liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent bħala pilastru importanti tal-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jqassru l-proċeduri ta’ asil għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża fiż-żona Schengen, bħala mezz effettiv għat-tnaqqis tal-għadd ta’ applikazzjonijiet għal asil mhux ġustifikati, filwaqt li l-applikanti jibqgħu jingħataw id-dritt li jressqu l-każ tagħhom f’intervista sħiħa;
61. Itenni li għandu jinżamm bilanċ adegwat bejn il-miżuri leġittimi għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali u l-ħtieġa li jiġi evitat it-tfassil ta' profili skont l-etniċità jew azzjonijiet oħra li jistgħu jiddiskriminaw f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-moviment liberu; jifraħ bil-kooperazzjoni reġjonali fir-rigward tal-migrazzjoni u r-refuġjati; iħeġġeġ bis-sħiħ li jinżamm ir-reġim attwali ta' liberalizzazzjoni tal-viżi tal-UE għall-pajjiż; jemmen li l-pajjiż għandu jiġi ddikjarat bħala "pajjiż ta' oriġini sikur" sabiex jippermetti li l-proċeduri jsiru aktar malajr biex ikunu jistgħu jiġu trattati dawk l-applikazzjonijiet; jistieden lill-gvern iżomm ir-reġim eżistenti ta' liberalizzazzjoni tal-viżi ma' pajjiżi ġirien, u biex jintensifika l-isforzi biex itejjeb il-qagħda soċjali u ekonomika tal-minoranzi u ma jippermettix kwalunkwe diskriminazzjoni jew miżuri negattivi bħar-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar għal persuni li ressqu talbiet għall-asil fl-UE u ġew miċħuda;
62. Jieħu nota tal-isforzi tal-gvern li jibni mill-ġdid l-infrastruttura stradali lokali fil-pajjiż, bil-għan li jiżviluppa t-turiżmu alternattiv u jtejjeb l-ħajja taċ-ċittadini; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-pajjiż jadotta approċċ aktar dinamiku fi proġetti ta' żvilupp reġjonali fl-ambitu tal-istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) li se jżid il-kooperazzjoni transkonfinali u l-kollegamenti bejn il-pajjiżi fir-reġjun, kif ukoll biex jieħu sehem fl-iżvilupp ta' sistema ferrovjarja moderna u ekoeffiċjenti li tgħaqqad l-Ewropa tax-Xlokk mal-bqija tal-kontinent; jitlob li jsir progress fl-allinjament tal-politika tat-trasport u l-allinjament ta' dan mal-acquis tiegħu;
63. Jieħu nota tal-laqgħa bejn il-ministri għat-trasport tal-pajjiż u dawk tal-Bulgarija, li saret fit-28 ta' Novembru 2013 f'Sofja, u jesprimi t-tamiet tiegħu li l-impenji biex jitlesta l-kollegament ferrovjarju bejn iż-żewġ pajjiżi, ikkonfermati waqt il-laqgħa, se jitwettaq dalwaqt, u dan se jippreżenta perspettivi ekonomiċi ġodda għar-reġjun;
64. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u lill-parlament tal-pajjiż.