Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2099(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0044/2014

Testi mressqa :

A7-0044/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 25/02/2014 - 5.22
CRE 25/02/2014 - 5.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0131

Testi adottati
PDF 381kWORD 102k
It-Tlieta, 25 ta' Frar 2014 - Strasburgu
It-tnissil tal-pjanti
P7_TA(2014)0131A7-0044/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2014 dwar it-tnissil ta’ pjanti: x’inhuma l-għażliet għal żieda fil-kwalità u fir-rendiment? (2013/2099(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2009 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) bit-titolu ‘Kif nitimgħu d-dinja fl-2050’,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (il-Konvenzjoni tal-UPOV),

–  wara li kkunsidra t-Trattat Internazzjonali tal-FAO dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ April 2013 bit-titolu ‘Headed for 9 billion - Can Europe afford to miss the potential of GM crops’ (‘Dalwaqt nilħqu d-Disa’ Biljuni - Jaqblilha l-Ewropa li ma tgawdix mill-potenzjal tal-għelejjel ĠM?’) ta’ Ivar Virgin/Stockholm Environment Institute, Timbro,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FAO tal-1993 bit-titolu ‘Harvesting nature’s diversity’ (‘Naħsdu d-diversità tan-natura’),

–  wara li kkunsidra l-websajt dwar is-Svalbard Global Seed Vault(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2001 bit-titolu ‘Pjan ta’ azzjoni favur il-biodiversità fil-qasam tal-protezzjoni ta’ riżorsi naturali’ (COM(2001)0162),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttivi tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-katalgu komuni tal-varjetajiet tal-ispeċijiet tal-pjanti agrikoli(3) u 2002/55/KE tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-kummerċjalizzazzjoni taż-żerriegħa tal-ħxejjex(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċjabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċjabilità ta’ prodotti ta’ l-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 rigward id-drittijiet Komunitarji dwar il-varjetà tal-pjanti (6),

–  wara li kkunsidra n-nota tas-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu "The right to food - Seed policies u and the right to food: enhancing agrobiodiversity and encouraging innovation’ (A/64/170, 2009, l-Assemblea Ġenerali tan-NU),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien, Xjenzi u Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD), proċess intergovernattiv appoġġat mill-FAO, il-Fond għall-Ambjent Dinji (GEF), il-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP), il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP), il-UNESCO, il-Bank Dinji u d-WHO,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0044/2014),

A.  billi l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tiegħu għandu l-għan, permezz ta’ dan ir-rapport, li jniedi dibattitu komprensiv u inkjesta dwar is-sitwazzjoni kollha fir-rigward tat-tnissil ta’ pjanti fl-agrikoltura Ewropea u dik globali;

B.  billi l-industrija tat-tnissil ta’ pjanti hija ta’ importanza fundamentali fir-rigward tal-produttività, id-diversità, is-saħħa u l-kwalità tal-agrikoltura, l-ortikoltura, il-produzzjoni tal-ikel u l-għalf, u l-ambjent;

C.  billi, skont rapporti primarjament mill-entitajiet tan-NU, il-FAO u d-WHO, kif ukoll Panel Intergovernattiv tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima, il-popolazzjoni dinjija hija mistennija li tiżdied miċ-ċifra attwali ta' seba’ biljuni għal madwar disa’ biljuni bejn l-2040 u l-2050, u barra minn hekk, din iċ-ċifra tista’ tilħaq ukoll l-10 jew il-11-il biljun;

D.  billi din il-popolazzjoni se titfa’ domandi estremi fuq l-agrikoltura, b’mod partikolari l-produttività akbar li se tkun meħtieġa biex tiġi ssodisfata ż-żieda sostanzjali fit-talba għall-ikel, u billi l-FAO tistma li l-provvista tal-ikel se jkollha bżonn tiżdied b’70 % fuq it-30 sa 40 sena li ġejjin;

E.  billi minħabba li bejn 30 % u 50 % tal-ikel prodott jinħela fl-UE, b’medja globali ta’ madwar 30 %, parti sostanzjali mill-provvista miżjuda tal-ikel akbar meħtieġ tista’ tkun sodisfatta permezz ta’ prattiki tal-produzzjoni tal-ikel li jkunu aktar effiċjenti u sostenibbli fin-nazzjonijiet li qed jiżviluppaw, flimkien ma’ sistemi mkabbra ta’ ħżin u ta’ distribuzzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

F.  billi l-problema ewlenija tibqa’ ta' kif il-popolazzjonijiet f’partijiet differenti tad-dinja se jkunu jistgħu jitimgħu lilhom infushom, peress li l-meded ta' art li jistgħu jiġu kkultivati qed jonqsu minħabba użu mhux xieraq tal-art inkluż prattiki agrikoli fqar, problema li ġiet aggravata bit-tibdil fil-klima, u filwaqt li opportunitajiet għat-tkabbir tal-meded ta’ art li hija kkultivata huma estremament limitati, peress li f’bosta partijiet tad-dinja huwa maħsub li mhu realistiku xejn li tiddaħħal fl-użu art agrikola ġdida;

G.  billi l-FAO tqis li ser ikun possibbli li jintlaħaq xi 10 % ta' żieda fil-produzzjoni agrikola mill-kultivazzjoni ta’ art agrikola ġdida, li jfisser li madwar 90 % jkollu jintlaħaq permezz ta' żieda fir-rendimenti minn art agrikola eżistenti, filwaqt li l-prodotti jridu jibqgħu jkunu ta’ kwalità tajba;

H.  billi l-esplojtazzjoni żejda ta’ art agrikola tista’ tfaqqar il-ħamrija, u fl-agħar każ, twassal għall-erożjoni u d-deżertifikazzjoni; billi l-istess ħaġa tapplika għall-meded ta' art bl-imsaġar, għax il-konverżjoni ta' meded ta' art bl-imsaġar għal art agrikola jkollha impatt hekk serju fuq il-klima, l-immaniġġjar tal-ilma u fuq il-bijodiversità li hija għażla inkonċepibbli biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel;

I.  billi, barra mit-tnaqqis fil-medda tal-art agrikola, il-produttività agrikola ma baqgħetx tiżdied, u xejriet inkwetanti, inkluż tnaqqis fil-produttività, ġew innutati, u se jkollhom impatt serjament avvers fuq l-agrikoltura fil-ġejjieni u fuq il-ħtiġijiet tal-ikel tal-bnedmin;

J.  billi l-produzzjoni tal-ikel ma tiddependix biss mid-disponibilità ta’ massa suffiċjenti ta’ art iżda wkoll minn fatturi bħall-klima, l-ilma, l-enerġija, u l-aċċess għan-nutrijenti; billi fil-ġejjieni dawn ir-riżorsi bażiċi se jkunu aktar limitati, u dan in-nuqqas ta’ riżorsi x’aktarx li jkollu effett avvers fuq iż-żieda fid-domanda għall-użu ta’ art agrikola, il-produzzjoni u l-vijabilità;

K.  billi x’aktarx li jseħħu tibdiliet maġġuri fil-klima fil-ġejjieni; billi għall-Ewropa dan ifisser klima sinifikament aktar xotta fir-reġjuni tan-Nofsinhar, li huma żoni ta’ importanza kbira għall-produzzjoni tal-frott u l-ħxejjex; billi fil-latitudnijiet ċentrali u tat-Tramuntana fl-Ewropa, sadattant, ix-xtiewi huma mistennija li jsiru aktar moderati u s-sjuf mistennija jkollhom konsiderevolment aktar xita milli fil-preżent; billi l-konsegwenzi probabbilment li jinkludu żieda fil-mard tal-annimali u tal-pjanti, u l-ħtieġa ta' tekniki ġodda tal-biedja;

L.  billi huwa bla dubju l-każ li l-agrikoltura Ewropea qed tiffaċċja sfidi enormi, u b'kundizzjonijiet tat-temp aktar estremi, bħalma huma nixfiet, għargħar u diżastri naturali oħra, il-biedja se jkollha bżonn tadatta bil-għan li tiġi salvagwardjata l-produzzjoni; billi l-għelejjel li wieħed jara fl-għelieqi fir-raba' llum ma jistgħux jibqgħu l-istess fil-ġejjieni jekk għandna niffaċċjaw il-ħtieġa akbar għall-ikel;

M.  billi t-tul tal-protezzjoni tad-drittijiet fuq il-varjetà fir-rigward ta’ dawk il-pjanti li jeħtieġu perjodu estiż ta' żvilupp qabel l-istadju tal-kummerċjalizzazzjoni mhuwiex biżżejjed biex ikun inkoraġġit l-investiment kummerċjali fir-riċerka u l-iżvilupp tagħhom;

1.  Jenfasizza li, sabiex issir reazzjoni għall-isfidi li ġejjin fuqna, bħalma huma l-ħtiġijiet ta' provvista futuri tal-ikel u t-tibdil fil-klima, huwa eċċezzjonalment importanti li jkollna settur effettiv u kompetittiv ta’ tnissil tal-pjanti;

2.  Minkejja l-importanza primarja ta’ ħamrija b’saħħitha u diversità fir-rigward tar-reżiljenza lill-agroekosistema, jenfasizza kemm hu importanti li jiġu żviluppati varjetajiet li jistgħu jiffaċċjaw il-kundizzjonijiet li qed nistennew li nsibu ma' wiċċna fil-futur, bħal pereżempju aktar xita u żieda fl-okkorrenza stmata ta’ mard tal-pjanti; jinnota li huwa importanti wkoll li nippreservaw u niżviluppaw id-diversità eżistenti fl-Ewropa, kemm fl-agroekosistema bħala xi ħaġa sħiħa kif ukoll fir-rigward tad-diversità ġenetika fi ħdan ir-razez u n-numru assolut ta’ tnissil differenti u razez lokali, minħabba li dawn kollha huma meħtieġa biex jiġi żgurat li aħna nkunu nistgħu nadattaw għall-isfidi tat-tibdil fil-klima;

3.  Jinnota l-ħtieġa ta' għelejjel li, pereżempju, jassorbu n-nitroġenu u l-fosfru b’mod effettiv, li huma aktar tolleranti għal nuqqas ta’ xita u għal xita aktar qawwija, li huma reżistenti għal insetti qerrieda u li jistgħu jifilħu għal tibdil fit-temperatura; jenfasizza l-fatt li huwa neċessarju wkoll li jiġu żviluppati għelejjel perenni, jiġifieri għelejjel pluriennali; jinnota li, fil-każ ta' għelejjel pluriennali, l-art ma għandhiex għalfejn tinħarat kull sena, u b’hekk il-biedja tkun ambjentalment aktar soda;

4.  Jenfasizza li, minħabba li huma meħtieġa madwar 10 snin biex tkun żviluppata varjetà ġdida, mill-istadju tar-riċerka għaż-żerriegħa finali u ħin addizzjonali biex dik il-varjetà tiġi pruvata u propagata b’mod kummerċjali, anke issa hemm bżonn ta’ inkoraġġament sostanzjali fl-investiment għal aktar riċerka sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet futuri tal-ikel u jiġi ffaċċjat it-tibdil fil-klima;

5.  Jenfasizza li, minħabba li l-opportunitajiet biex tinġieb fl-użu art agrikola ġdida huma limitati ħafna, huwa essenzjali li jiġi faċilitat il-proċess ta' żvilupp ta' għelejjel ġodda li huma karatterizzati mill-adattabilità tagħhom għall-kundizzjonijiet ambjentali, kemm huma adattati fir-rigward tal-ħtieġa tagħhom li jkampaw b'riżorsi skarsi, l-appoġġ għal għanijiet sostenibbli, produttività suffiċjenti u kwalità għolja, u jenfasizza l-fatt li huwa importanti wkoll li jiġu żviluppati għelejjel li diġà huma użati ħafna, bil-għan li tiġi injettata l-flessibilitá fl-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi futuri fis-settur tal-għelejjel;

6.  Jinnota li t-telf kontinwu ta’ prodotti speċifiċi għall-protezzjoni tal-pjanti għal użu minuri qed ikollu impatt sinifikanti ħafna fuq il-kwalità u r-rendiment tal-frott u l-ħxejjex u qed ipoġġi f’periklu l-produzzjoni ta’ xi għelejjel ta’ speċjalità; jenfasizza l-bżonn li jinstabu kemm soluzzjonijiet għall-futur qrib u kemm għall-futur 'il bogħod fir-rigward tal-kultivazzjoni ta’ dawn l-għelejjel;

7.  Jinnota li jista' jieħu medja ta' 10 snin biex tiġi żviluppata varjetá ġdida ta' qamħ, kolza jew kwalunkwe wiċċ ieħor, u li huwa għalhekk importanti li jiġu żviluppati u użati tekniki ġodda tat-tnissil tal-pjanti li jwieġbu għad-domandi tas-soċjetà u dawk agrikoli u li nkunu miftuħa għat-teknoloġiji disponibbli bil-għan li nissodisfaw dawk il-ħtiġijiet u nsaħħu l-kompetittività tas-settur agrikolu u dak tal-ortikoltura; jesprimi tħassib minħabba d-dewmien tal-Kummissjoni biex tivvaluta tekniki ġodda tat-tnissil, u jistieden lill-Kummissjoni, biex b'urġenza, tiċċara l-istatus regolatorju tagħhom;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ta' Orizzont 2020 tiffinanzja riċerka applikati li tappoġġa l-iżvilupp ta’ tekniki ġodda ta’ tnissil ta’ pjanti innovattivi ġodda bħalma hu t-tnissil aċċellerat;

9.  Jinnota li l-istimi mressqa mill-FAO li d-diversità tal-għelejjel ikkultivati naqset b'75 % matul is-seklu 20 u li terz tad-diversità tal-lum jista' jisparixxi sal-2050; jenfasizza li, bil-għan li tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel fit-tul għal popolazzjoni dinjija li qiegħda tikber u reżiljenza fis-sistemi ta' produzzjoni tal-ikel, huwa ta' importanza kruċjali li nipproteġu u nippreservaw id-diversità bijoloġika u ġenetika Ewropea; jemmen li huwa vitali, għalhekk, li nippreservaw il-maġġoranza l-kbira tal-varjetajiet lokali u reġjonali in situ u fl-azjendi tal-biedja, bil-għan li tibqa' tinżamm u tiżdied id-diversità ġenetika u kulturali kemm fi ħdan ir-razez u n-nisliet u kemm f'dak li hu n-numru assolut tagħhom;

10.  Jisħaq li, biex l-iżvilupp ta’ varjetajiet ġodda jkun possibbli, huwa essenzjali li jkollna ħafna varjazzjonijiet ġenetiċi disponibbli; jemmen, għalhekk, li t-tnaqqis rapidu huwa kawża ta’ tħassib serju;

11.  Jilqa' kemm l-iżvilupp ta' sħubijiet bejn il-gvern, l-industrija u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, eż. fil-qasam tat-tnissil parteċipattiv, immirat biex jistimola r-riċerka dwar qabel it-tnissil u t-tnissil, u l-karatterizzazzjoni u ż-żamma tar-riżorsi ġenetiċi; jiġbed l-attenzjoni lejn il-benefiċċji tat-tisħiħ u t-twessigħ ta' tali sħubijiet kif ukoll inizjattivi transnazzjonali f'dan il-qasam, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-iskemi ta' appoġġ ikunu strutturati b’mod li jimmassimizzaw l-impatt u l-koerenza tal-investimenti b’mod globali;

12.  Jemmen li huwa vitali, meta wieħed iqis il-ġejjieni tal-Ewropa, li naħdmu serjament biex nippriservaw il-wirt ġenetiku tagħna, u li huwa partikolarment importanti li nikkultivaw u nippreservaw il-varjetajiet lokali u reġjonali sabiex nikkonservaw kemm id-diversità ġenetika u kemm dik kulturali;

13.  Jinnota li, f'tentattiv biex tiġi preservata u miżmuma l-varjetà ġenetika fl-agrikoltura u t-tnissil tal-pjanti, kollezzjonijiet ta’ żrieragħ u materjal tal-pjanti qed jinġabru f’diversi banek tal-ġeni madwar id-dinja; jinnota b’mod partikolari li hemm bank tal-ġeni f’Svalbard li fih materjal ġenetiku minn madwar id-dinja kollha, u jenfasizza l-fatt li dan huwa proġett importanti ħafna u ambizzjuż li għandu l-għan li tiġi salvagwardjata d-diversità ġenetika għall-ġejjieni;

14.  Jemmen li huwa importanti li tiġi ppreservata l-maġġoranza vasta tal-varjetajiet u tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti in-situ jew fl-azjendi agrikoli; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istituzzjonijiet pubbliċi attwalment mhumiex qed jagħmlu sforz biżżejjed jew jagħtu appoġġ biżżejjed biex jiffaċilitaw dan il-għan;

15.  Jisħaq li dan u proġetti oħra simili huma vitali għall-futur tat-tnissil tal-pjanti, il-produzzjoni agrikola u l-provvista tal-ikel;

16.  Jenfasizza l-fatt li r-riċerka u l-prattika tat-tnissil tal-pjanti huma deċiżivi għall-ġejjieni tal-produzzjoni agrikola, b’mod partikolari l-ħidma fuq l-iżvilupp ta’ varjetajiet eżistenti u dawk ġodda, bil-ħsieb li tiġi salvagwardjata l-provvista tal-ikel tal-ġejjieni;

17.  Jirrikonoxxi l-importanza li tingħata garanzija ta' aċċess għal riżorsi ġenetiċi bħala l-bażi għat-tnissil ta’ pjanti; jiddefendi b’mod partikolari l-prinċipju fundamentali tas-sistema internazzjonali tad-drittijiet ta’ min inissel il-pjanti mnaqqax fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (Konvenzjoni tal-UPOV), u jenfasizza li l-użu ta’ varjetà protetta għal aktar tnissil u l-isfruttament tal-varjetà li tkun għada kemm ġiet imnissla ma jistgħux jiġu pprevenuti mid-detenturi ta' tali drittijiet; jinnota li dan il-prinċipju fundamentali huwa rikonoxxut ukoll fl-Artikolu 13.2(d)(ii) tat-Trattat Internazzjonali tal-FAO dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura;

18.  Jifhem li l-iżvilupp ta’ varjetajiet ġodda mtejba huwa kemm għoli kif ukoll jieħu ż-żmien, madankollu jenfasizza li dan huwa meħtieġ bil-għan li tinżamm il-kompetittività tal-Ewropa f’dan il-qasam; jissuġġerixxi li tali spejjeż jistgħu jiġu kumpensati billi tiġi estiża d-durata tad-drittijijiet tal-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti wara li tkun saret valutazzjoni xierqa tal-impatt;

19.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li s-suq dinji tat-tnissil tal-pjanti huwa ddominat minn għadd tassew żgħir ta' impriżi multinazzjonali kbar li jinvestu biss f'għadd limitat ta' varjetajiet, filwaqt li fl-Ewropa s-suq tat-tnissil tal-pjanti għadu aktar diversifikat meta mqabbel mas-sitwazzjoni globalment, fejn l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju jiffurmaw parti sostanzali mis-settur; jenfasizza li s-suq Ewropew tat-tnissil tal-pjanti għandu jiġi mtejjeb aktar fl-interess tal-kompetizzjoni sana;

20.  Jemmen li l-impriżi dinjija kbar tat-tnissil tal-pjanti kisbu livell inkwetanti ta' influwenza fuq l-agrikoltura globali u l-politika agrikola; jenfasizza r-rwol tar-riċerka xjentifika indipendenti finanzjata pubblikament li ssir fl-interess pubbliku fit-tul fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel fuq żmien twil;

21.  Jemmen, barra minn hekk, li l-impriżi li huma akbar għandhom jisfruttaw aħjar u jaqsmu ma' xulxin it-tekniki tagħhom tat-tnissil tal-pjanti, li, jekk jintużaw b’mod korrett, jistgħu jgħinu fis-soluzzjoni ta’ problemi relatati mal-ambjent, mal-klima u mal-provvista tal-ikel;

22.  Jinnota l-fatt li l-SMEs għandhom rwol importanti x'jaqdu fis-suq taż-żrieragħ u fis-settur tat-tnissil tal-pjanti fl-UE, meta wieħed iqis il-kontribuzzjoni sinifikanti tagħhom għat-tnissil tal-pjanti kummerċjali, u jiġbed l-attenzjoni lejn l-abilità tagħhom li jaqilbu r-riċerka u l-għarfien fi prodotti kummerċjali ġodda; madankollu, waqt li t-tnissil tal-pjanti qed isir settur kulma jmur iktar intensiv fir-riċerka u b’teknoloġija avvanzata, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ispejjeż u l-għodod meħtieġa biex varjetà ġdida tiġi żviluppata u mbagħad ikkummerċjalizzata, jistgħu jkunu ta' ostakolu għall-kumpaniji li huma ta' daqs iżgħar; jemmen li durata adegwata ta' protezzjoni tad-drittijiet tagħhom fuq il-varjetà tal-pjanti u aċċess sħiħ għar-riżultati tar-riċerka jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex il-kundizzjonijiet isiru ekwi għal dawk involuti, u jenfasizza li huwa ta' importanza vitali li l-investiment f'dawn il-kumpaniji fl-UE jinżamm miexi 'l quddiem;

23.  Jisħaq li huwa importanti li l-Ewropa tirbaħ lura u tkompli tiżviluppa aktar ir-riċerka u l-prattika Ewropej tat-tnissil tal-pjanti;

24.  Jenfasizza l-importanza tad-diversità tal-ispeċijiet fl-Ewropa, u tar-riċerka Ewropea dwar it- tnissil tal-pjanti li tiffoka fuq il-bżonnijiet Ewropej, inklużi pjanti, ċereali u frott li huma adattati għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali; jinnota li kwalunkwe żvilupp li jsir f’dan il-qasam se jgħin sabiex il-bdiewa Ewropej itejbu l-kwantità u l-kwalità tal-produzzjoni tal-ikel u l-għalf tagħhom;

25.  Jenfasizza li l-Ewropa teħtieġ firxa ta’ atturi differenti fis-settur tat-tnissil tal-pjanti u li għandu jsir possibbli li aktar impriżi u ċentri tar-riċerka jwettqu proġetti ta’ riċerka u joperaw fis-settur tat-tnissil tal-pjanti;

26.  Iqis li r-riċerka tat-tnissil tal-pjanti, jekk għandha tkompli, teħtieġ appoġġ finanzjarju fit-tul, u li mhuwiex sostenibbli li jingħata appoġġ finanzjarju għal proġett ta’ riċerka tat-tnissil tal-pjanti biss għal perjodu relattivament qasir, peress li huma meħtieġa medja ta’ 10 snin biex tiġi żviluppata varjetà ġdida;

27.  Jisħaq li l-UE, skont il-Politika Agrikola Komunit, għandha d-dmir li tassumi r-responsabilità tagħha biex tissodisfa l-isfidi futuri fil-qasam tal-agrikoltura u t-tnissil tal-pjanti fl-Ewropa; iqis li l-UE għandha taqdi rwol ewlieni fl-iżvilupp ta’ tekniki sostenibbli ta’ tnissil tal-pjanti u fil-promozzjoni tar-riċerka u l-prattika agrikoli u tat-tnissil tal-pjanti;

28.  Jenfasizza li riċerka fundamentali tat-tnissil tal-pjanti fl-UE għandha tkun finanzjata mill-UE u mill-Istati Membri tagħha; ma jemminx li huwa possibbli għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju tat-tnissil tal-pjanti fl-UE li jiffinanzjaw il-parti l-kbira tar-riċerka huma stess u fl-istess waqt ikunu kompetittivi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni talloka riżorsi finanzjarji u toħloq struttura koerenti għar-riċerka u l-prattika tat-tnissil tal-pjanti fi ħdan il-programmi ta’ riċerka u strumenti ta’ politika adegwati oħra, sabiex id-diversità Ewropea tkun tista’ tiġi preservata u żviluppata; jemmen li huwa importanti, b’mod partikolari, li l-proġetti ta’ riċerka jingħataw biżżejjed żmien u fondi biex jiksbu r-riżultati; jenfasizza li huwa wkoll ta’ importanza kbira li l-impriżi tat-tnissil ta’ pjanti jkollhom aċċess bla restrizzjonijiet għar-riżultati tar-riċerka, u li għandu jkun hemm firxa ta’ proġetti ta’ riċerka differenti, sabiex il-falliment ikollu impatt iżgħar;

30.  Jenfasizza l-fatt li se jkun hemm ħtieġa kontinwa ta’ nies tas-sengħa ta' ħila kbira biex jiġu ssodisfati d-domandi tal-futur fir-riċerka tat-tnissil tal-pjanti, u li x-xjenza tal-pjanti u t-tnissil tal-pjanti għandhom jiġu promossi aktar fl-iskejjel, l-universitajiet u fost il-pubbliku ġenerali; jirrimarka b’mod partikolari dwar is-suċċess "Jum il-Faxxinu tal-Pjanti" fit-18 ta’ Mejju 2013;

31.  Jenfasizza li l-għan aħħari tal-leġiżlazzjoni dwar it-tnissil tal-pjanti għandu jkun li jiġu ffaċilitati kemm l-applikazzjoni tat-tekniki tat-tnissil tal-pjanti u kemm ir-riċerka dwar l-agrikoltura u t-tnissil tal-pjanti; jemmen li dan għandu jirriżulta fi prodotti adattati aħjar għall-klima lokali u l-kundizzjonijiet ġeografiċi lokali, li finalment se jwasslu għal rendimenti kbar li jkunu sikuri għas-saħħa tan-nies u għall-ambjent;

32.  Jinnota li, bil-leġiżlazzjoni tal-lum dwar it-tnissil tal-pjanti bbażata fuq it-tekniki, irriżulta li huwa diffiċli, wara l-avveniment, li jiġi definit liema teknika tkun intużat fil-waqt tat-tnissil tal-pjanti, li jservi ta' konferma tad-diffikultajiet ippreżentati minn liġijiet ibbażati fuq it-teknika;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni tal-isfidi u s-sitwazzjoni attwali tas-settur Ewropew u globali tat-tnissil tal-pjanti, kif deskritta hawn fuq, teżamina u tanalizza b’attenzjoni s-sitwazzjoni u tipproponi miżuri effettivi u prattiċi biex jiġu indirizzati l-isfidi enormi li jiffaċċjaw in-nissiela u l-bdiewa Ewropej;

34.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ġenerali dwar l-inputs tal-agrikoltura, speċjalment fir-rigward ta’ tnissil ta’ pjanti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi qafas ta’ politika li jappoġġja l-input tas-settur tal-agrikoltura bħala wieħed mill-oqsma ewlenin għall-iżvilupp ta’ produttività u sostenibbiltà agrikola;

35.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) http://www.regjeringen.no/en/dep/lmd/campain/svalbard-global-seed-vault.html?id=462220.
(2) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(3) ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1.
(4) ĠU L 193, 20.7.2002, p. 33.
(5) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24.
(6) ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza