Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 dwar is-seba’ u t-tmien rapporti ta’ progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE u r-Rapport Strateġiku tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013 (2013/2008(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra 'Is-seba' rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali', tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2011 (COM(2011)0776), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SEC(2011)1372),
– wara li kkunsidra 'It-tmien rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali – L-aspetti reġjonali u urbani tal-kriżi', tal-Kummissjoni tas-26 ta' Ġunju 2013 (COM(2013)0463), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SWD(2013)0232),
– wara li kkunsidra 'Il-politika ta’ koeżjoni: Rapport strateġiku tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013', tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2013 (COM(2013)0210), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SEC(2013)0129),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (COM(2011)0615),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-Politika ta' Koeżjoni: investiment fl-ekonomija reali(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-politika ta’ koeżjoni u l-politika reġjonali tal-UE wara l-2013(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għall-ksib tal-objettivi ta’ Lisbona u tal-UE2020(3),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Ottubru 2011 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, u l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (COM(2011)0614),
– wara li kkunsidra r-raba' Rapport ta' Monitoraġġ KtR dwar l-istrateġija Ewropa 2020, il-Kumitat tar-Reġjuni, ta' Ottubru 2013,
– wara li kkunsidra d-dokument konġunt mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana u d-Direttorat Ġenerali għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, bl-isem 'Politika ta' Koeżjoni tal-UE li tikkontribwixxi għall-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa', ta' Lulju 2013,
– wara li kkunsidra l-istudju ppubblikat mill-Parlament bl-isem 'Politika ta' koeżjoni wara l-2013: valutazzjoni kritika tal-proposti leġiżlattivi’, ta' Ġunju 2012,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0081/2014),
A. billi l-evidenza empirika turi li l-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali waqqfet il-proċess ta’ konverġenza jew saħansitra qalbitu, u b’hekk aggravat id-dispartià bejn ir-reġjuni u wasslet fi tmiemu perjodu twil ta’ żmien li fih id-disparità reġjonali fil-PDG per capita u l-qgħad fi ħdan l-UE, kienu qegħdin jonqsu b’mod kostanti, waqt li fl-istess ħin affettwat b’mod aktar aħrax lir-reġjuni l-aktar dgħajfa fl-Unjoni;
B. billi r-riżorsi pubbliċi kemm fuq livell tal-Istati Membri u kemm fuq livell tal-UE saru aktar skarsi u soġġetti għal pressjoni dejjem tiżdied, filwaqt li l-kriżi u r-reċessjoni li segwiet, kif ukoll il-kriżi tad-dejn sovran f’diversi Stati Membri, ġiegħlu lill-Istati Membri finalment jimplimentaw ir-riformi strutturali importanti meħtieġa biex jikkontribwixxu għar-restawrazzjoni ta’ tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, u li xi drabi wasslu għal tnaqqis fil-kofinanzjament tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni;
C. billi l-politiki ta' konsolidazzjoni fiskali żiedu r-rwol u l-importanza tal-politika ta' koeżjoni bħala sors ta' investiment pubbliku, partikolarment fuq livell subnazzjonali, peress li din il-politika ta' finanzjament tirrappreżenta aktar minn nofs l-investiment pubbliku kollu f'għadd sinifikanti ta' Stati Membri u reġjuni;
D. billi l-kriżi taffettwa b’mod negattiv ir-reġjuni u l-bliet Ewropej kollha, u b’hekk iżżid l-importanza tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni anke f’reġjuni li għaddejjin minn tranżizzjoni u dawk aktar żviluppati;
E. billi l-kontribuzzjoni għall-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 għandha dimensjoni reġjonali b'saħħitha li għandha titqies fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi fl-ambitu ta' politiki tal-UE dwar il-koeżjoni u investiment ieħor tal-ġenerazzjoni li jmiss;
F. billi l-enfasi tal-politika ta’ koeżjoni s’issa kienet aktar dwar l-assorbiment milli dwar id-definizzjoni u l-monitoraġġ – u l-evalwazzjoni tal-ksib – tal-objettivi, filwaqt li l-monitoraġġ u s-sistemi ta’ evalwazzjoni jonqsu milli jiksbu l-għan tagħhom b’mod sħiħ li jtejbu d-definizzjoni tal-miri differenzjati skont il-karatteristiċi, l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet lokali, reġjonali u interreġjonali;
G. billi l-politika ta’ koeżjoni tibqa’ tkun is-sors ewlieni tal-finanzjament pubbliku tal-UE fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014–2020, u billi fil-qafas il-ġdid tal-politika ta’ koeżjoni l-enfasi kollha qed titqiegħed fuq il-ħtieġa li l-investiment ikun iffukat fuq il-livell reġjonali u lokali f’oqsma importanti bħall-ħolqien tal-impjiegi, l-SMEs, l-impjiegi (partikolarment l-impjiegi taż-żgħażagħ), il-mobilità tax-xogħol, it-taħriġ u l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ICT, it-trasport sostenibbli u t-tneħħija tal-konġestjonijiet, l-enerġija sostenibbli, l-ambjent, il-promozzjoni tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u l-amministrazzjoni pubblika effiċjenti, l-iżvilupp urban u l-ibliet;
H. billi l-ħtieġa li jinkisbu aktar riżultati b’anqas riżorsi wasslet għall-inklużjoni ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti fil-qafas tal-politika ta’ koeżjoni (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni(4)) il-ġdid, sabiex ir-reġjuni jassumu approċċ strateġiku u anqas frammentat lejn l-iżvilupp ekonomiku permezz ta’ appoġġ immirat għar-riċerka u l-innovazzjoni;
I. billi s-sħubija u l-governanza fuq diversi livelli jikkostitwixxu prinċipji ġenerali orizzontali bil-għan li jwasslu l-istrateġija tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, fil-kuntest ta' qafas leġiżlattiv ta' politika ta' koeżjoni ġdid;
J. billi l-evalwazzjonijiet imwettqa matul il-programm tal-2007-2013 ma ħarsux lejn iċ-ċiklu sħiħ tal-evalwazzjoni inkluż l-effiċjenza, l-effikaċja u l-impatt;
K. billi r-rata tal-assorbiment tal-fondi hija ta’ madwar 50 % fl-Istati Membri u ta’ madwar 30 % fl-aħħar sena tal-perjodu;
L. billi l-SMEs qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet biex jiksbu aċċess għall-finanzjament mis-settur bankarju;
Sfidi ta' implimentazzjoni ġenerali għall-perjodu ta' programmazzjoni attwali
1. Jilqa' s-seba' u t-tmien rapporti ta' progress, kif ukoll ir-rapport strateġiku tal-2013, u jistieden lill-Kummissjoni, li issa qiegħda tniedi l-evalwazzjoni ex-post tal-2007-2013, u lill-Istati Membri kollha jiżguraw li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jkunu ibbażati fuq data affidabbli, iħarsu lejn l-effiċjenza, l-effikaċja u l-impatt tal-operazzjonijiet, u jiżguraw li l-evalwazzjoni ex-post titlesta sa tmiem l-2015 kif stipulat f'dak li kien ir-Regolament Ġenerali, sabiex jittieħdu tagħlimiet ċari għall-implimentazzjoni tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu għall-perjodu ta’ programmazzjoni l-ġdid;
2. Jikkunsidra li l-politiki dwar sforz ta’ konsolidazzjoni fiskali fihom infushom mhumiex biżżejjed biex jistimulaw it-tkabbir u jippromwovu l-investiment li jiġġenera impjiegi ta’ kwalità tajba u sostenibbli, li jirrikjedu wkoll miżuri li jappoġġjaw l-ekonomija u li jħeġġu li jsir progress – li għadu fraġli u timidu – lejn l-irkupru;
3. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jżidu l-investiment fl-oqsma tal-intraprenditorija, tan-negozji li jkunu għadhom kemm fetħu u tal-impjiegi indipendenti bħala mezz kif jinħolqu aktar impjiegi, b’mod partikolari minħabba li l-SMEs u l-mikroimpriżi jipprovdu aktar minn żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat tal-UE; huwa tal-fehma li għandu jkun hemm enfasi speċjali fuq il-livelli reġjonali u lokali; barra minn hekk, iqis li l-investiment fin-negozji soċjali u fl-intraprenditorija soċjali joffri għażla addizzjonali tajba bil-għan li jintlaħqu l-bżonnijiet soċjali li ma jiġux milqugħa minn beni u servizzi pubbliċi;
4. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' riżorsi finanzjarji pubbliċi suffiċjenti, partikolarment fuq livell subnazzjonali, biex tiġi implimentata b'mod adegwat l-Istrateġija Ewropa 2020, minħabba l-impatt tal-kriżi ekonomika, u l-fatt li għadd sinifikanti ta' Stati Membri u reġjuni anqas żviluppati fil-parti l-kbira jiddependu mill-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni; jikkunsidra li qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni marbuta ma' sanzjonijiet makroekonomiċi potenzjali, għandha titqies sew id-dipendenza kbira ta' xi Stati Membri mill-fondi ta' koeżjoni;
5. Jemmen li, minkejja li r-riżorsi allokati għall-politika ta' koeżjoni fil-qafas finanzjarju pluriennali attwali huma relattivament żgħar meta mqabbla mal-ħtiġijiet fuq il-post, jiżguraw effiċjenza kif ukoll sinerġiji akbar bejn il-baġit tal-UE u l-baġits nazzjonali u madankollu jistgħu jkunu mezzi importanti għall-politiki li jistimulaw it-tkabbir;
6. Hu tal-fehma li sabiex issir kontribuzzjoni lejn il-kisba tal-Istrateġija 2020 tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv bi qbil mal-objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, minkejja l-ħtieġa għal enfasi fuq is-setturi b'potenzjal fuq terminu twil għall-ħolqien tal-impjiegi u l-innovazzjoni, hu importanti li jitqiesu l-ħtiġijiet sinifikanti ta' bosta mir-reġjonu inqas żviluppati rigward l-investiment fi proġetti tal-infrastruttura f'setturi bażiċi bħat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija sostenibbli;
7. Jemmen li – minkejja l-evidenza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma involuti fil-preparazzjonijiet tal-Ftehimiet ta’ Sħubija – hemm bżonn li tittieħed aktar azzjoni biex jissaħħu d-dimensjoni territorjali tas-sistema ta’ governanza tal-politika ta’ koeżjoni, l-istrateġija Ewropa 2020 u s-Semestru Ewropew, billi jkunu żgurati d-djalogu u l-komplementarjetà reali fost il-livelli differenti ta’ governanza, minn naħa waħda, u l-konsistenza tal-prijoritajiet stabbiliti f’dawk il-livelli mal-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet identifikati fuq livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, fuq in-naħa l-oħra; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-iżgurar li l-muniċipalitajiet u r-reġjuni jkun involuti kif suppost fl-istabbiliment ta' strateġiji nazzjonali u li l-problemi u l-isfidi speċifiċi tagħhom jiġu definiti, filwaqt li tiġi evitata kwalunkwe żieda fil-piż amministrattiv;
8. Jikkunsidra li l-politika ta’ koeżjoni tinsab fl-aħjar pożizzjoni biex tagħti lill-Istrateġija Ewropa 2020 id-dimensjoni territorjali neċessarja li hi meħtieġa biex tindirizza kemm id-differenzi rilevanti ħafna tat-tkabbir fi ħdan l-Unjoni, u fi ħdan l-Istati Membri, kif ukoll biex tiżgura li l-potenzjal ta’ tkabbir jintuża wkoll fiż-żoni l-aktar imbiegħda u l-anqas popolati, u tindirizza l-fatt li d-differenzi fil-kapaċità istituzzjonali jfissru li r-reġjuni differenti ma jistgħux jużaw il-miri mogħtija bħala referenza bl-istess mod;
Fokus fuq l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali
9. Jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li, minħabba l-kriżi, il-perċentwal tal-popolazzjoni li jinsab f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, li jbatu minn nuqqasijiet materjali serji, degradazzjoni ambjentali jew kundizzjonijiet ħżiena tad-djar, jew li jkollhom intensità ta’ xogħol baxxa ħafna u li jinsabu f’riskju tal-esklużjoni u l-faqar tal-enerġija żdied b'mod konsiderevoli, bi prevalenza akbar fil-konverġenza tar-reġjuni u tal-ibliet, u b'mod partikolari fir-reġjuni madwar l-ibliet kapitali li, skont l-indikaturi, jiġu kklassifikati bħala żviluppati, b'effett partikolari wkoll fuq in-nisa, familji b'ġenitur wieħed, familji kbar b'erbat itfal jew aktar, persuni li jindukraw (speċjalment dawk li jieħdu ħsieb membri tal-familja b'diżabbiltà), membri ta' komunitajiet emarġinati jew persuni akbar fl-età li qed joqorbu lejn il-pensjoni li għalihom l-aċċess għal opportunitajiet indaqs huwa diffiċli;
10. Jikkunsidra li dawn il-kwistjonijiet - li jdgħajfu serjament il-koeżjoni bejn ir-reġjuni u jistgħu jpoġġu f’riskju l-kompetittività tal-Unjoni fuq perjodu twil u medju - iridu jiġu indirizzati b’mod urġenti permezz ta’ ffukar fuq politiki li jiżguraw l-aċċess għal impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità tajba u l-inklużjoni soċjali, u b'mod partikolari permezz taż-żgħażagħ, bil-promozzjoni tar-rwol kruċjali li għandhom l-SMEs f'dan ir-rigward, it-tnaqqis tal-frammentazzjoni u l-faċilitazzjoni ta' tranżizzjoni bejn impjieg u ieħor, b'enfasi fuq programmi ta' taħriġ mill-ġdid professjonali għall-persuni qiegħda fuq terminu twil, billi tittieħed tagħlima mill-esperjenza miksuba mill-persuni li jinsabu fi tmiem il-karrieri tagħhom u tiġi promossa l-indipendenza ekonomika ugwali għan-nisa u l-irġiel; iqis essenzjali l-promozzjoni tal-aċċessibbiltà fiżika u l-aċċess għall-informazzjoni u l-midja ta' komunikazzjoni, li l-kisba tagħhom għandha tiġi vvalutata bl-użu ta' indikaturi oġġettivi u kumparabbli, u billi jitqiesu l-isfidi demografiċi;
11. Jinsisti fuq ir-rwol tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) fit-tnaqqis tad-disparitajiet fil-kapital uman fost ir-reġjuni u fl-għajnuna biex jiżdiedu r-rati ta' impjiegi b'mod parallel u flimkien mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), fil-kontribuzzjoni għas-sodisfazzjon ta’ xi prijoritajiet ewlenin attwali tal-Unjoni, partikolarment billi jagħti spinta lill-impjiegi taż-żgħażagħ u lis-suq tax-xogħol, jippromwovi ekonomija sostenibbli u t-tkabbir, inaqqas l-għadd ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien, u jiġġieled il-faqar, id-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali; għaldaqstant jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda, b’mod partikolari l-effiċjenza u l-effikaċja tal-operazzjonijiet tal-FSE, u jistieden lill-Kummissjoni tanalizza b'mod sħiħ l-effett globali u l-impatt reali tal-FSE fuq il-qgħad u l-ħolqien ta’ impjiegi;
12. Jirrikonoxxi li proporzjon kbir min-nefqa tal-FSE tiġi allokata bil-għan tal-promozzjoni ta' aktar impjiegi u impjiegi aħjar, tal-appoġġ tal-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati, inklużi persuni b'diżabilità, u tal-iżvilupp ta’ soċjetà inklużiva li tkun aċċessibbli għal kulħadd; jenfasizza, madankollu, li fi żminijiet ta' kriżi, għandu jitqiegħed aktar enfasi fuq il-fatt li l-FSE jkun mmirat b'mod effiċjenti biex jiġġieled l-inugwaljanzi lokali u reġjonali u l-esklużjoni soċjali, jipprovdi aċċess għall-impjiegi għall-gruppi l-aktar vulnerabbli u ż-żgħażagħ b'mod partikolari, u biex jgħin ir-riintegrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol billi jnaqqas is-segregazzjoni abbażi tas-sessi;
13. Jindika li l-proporzjon kbir ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien f’xi reġjuni jaqbeż b’mod sinifikanti l-10 % u li jeħtieġ li persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien jirċievu offerta ta' edukazzjoni, taħriġ jew xogħol li tissodisfa l-ħtiġijiet tagħhom; jirreferi, f’dan il-kuntest. għall-importanza tal-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ għal dawk il-persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien; jenfasizza li sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien, huwa importanti li s-sistema edukattiva tkun inklużiva u li toffri opportunitajiet ugwali għaż-żgħażagħ kollha; jenfasizza li għandha tinstab soluzzjoni għall-problema tal-integrazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ bi ftit kwalifiki fis-suq tax-xogħol, billi jiġi pprovdut taħriġ vokazzjonali u taħriġ fuq il-post tax-xogħol li jkun mingħajr ostakli, aċċessibbli u ta’ kwalità u li jgħinhom jiksbu ħiliet, filwaqt li jitqies il-fatt li n-nuqqas ta’ kwalifiki jista' jżid ir-riskju tal-qgħad, li min-naħa tiegħu jżid ir-riskju tal-faqar u jinvolvi għadd kbir ta’ sfidi soċjali marbuta mal-esklużjoni, l-aljenazzjoni u l-isforzi falluti fil-bini ta’ ħajja indipendenti; jinnota li, għal dan il-għan, il-kontribuzzjoni tal-FSE hija kruċjali biex tgħin aktar żgħażagħ jibqgħu l-iskola u jiksbu l-kwalifiki xierqa meħtieġa biex isibu xogħol u għall-karriera tagħhom, u biex jiġi żgurat aċċess usa’ għall-edukazzjoni ta’ kwalità għolja bi proġetti speċjali għat-tfal minn gruppi żvantaġġati u minoranzi, inklużi persuni b'diżabilità; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu taħriġ vokazzjonali u taħriġ fuq il-post tax-xogħol xieraq għal dawk li se jibbenefikaw minnu;
14. Jenfasizza li l-qagħda tal-impjiegi taż-żgħażagħ hija dipendenti ħafna fuq is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali u li għalhekk huwa importanti ħafna li ż-żgħażagħ ikunu appoġġati, iggwidati u ssorveljati fil-mixja tagħhom mill-edukazzjoni għall-ħajja professjonali; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni, għalhekk, tista’ tallinja kwalunkwe proposti leġiżlattivi futuri f’dan il-qasam mal-inizjattivi “Żgħażagħ Attivi” u “Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ”;
15. Jenfasizza li l-okkupazzjoni f’xi reġjuni għadha anqas minn 60 % u li xi reġjuni lanqas biss jilħqu l-miri nazzjonali ta’ madwar 20–25 %, li għandu effett żvantaġġjuż ħafna fuq iż-żgħażagħ, in-nisa, persuni akbar fl-età, persuni li jindukraw (carers) u persuni b'diżabilitajiet; jenfasizza li ċerti miżuri għall-kriżi kellhom effett ħażin fuq il-koeżjoni u fundamentalment żiedu l-inugwaljanzi fl-UE; jenfasizza li sabiex il-gruppi b'riskju għoli jinżammu f'impjieg jew jinħolqu alternattivi ta’ impjieg għalihom, jeħtieġ li jkun hemm miżuri mmirati li jindirizzaw il-ħolqien tax-xogħol, l-opportunitajiet ta’ taħriġ u ż-żamma tal-impjiegi; jenfasizza li l-qgħad kien jikkaratterizza ċerti komunitajiet iżolati matul ġenerazzjonijiet sħaħ u dan jippreżenta riskju partikolari għall-gruppi ta’ popolazzjoni emarġinati;
16. Jinnota li r-rati ta’ impjieg għadhom lura ħafna mill-mira tal-Ewropa 2020, li jkun hemm tal-anqas 75 % tal-popolazzjoni ta’ bejn l-20 u l-64 sena li jkollhom impjieg sal-2020; jinnota li filwaqt li m’hemm l-ebda mira speċifika fir rigward tar-rata ta' impjieg fil-livell reġjonali, l-Istati Membri tal-UE stabbilixxew miri nazzjonali b'mod individwali li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ma nkisbux, minħabba l-impatt ewlieni asimetriku li kellha l-kriżi finanzjarja u ekonomika fuq is-swieq tax-xogħol reġjonali, b’mod predominanti fin-Nofsinhar tal-Ewropa fejn kien hemm żieda eċċezzjonali fil-qgħad fost iż-żgħażagħ;
17. Jemmen li r-reġjuni kollha jħabbtu wiċċhom mal-isfida tal-ħolqien ta' tkabbir sostenibbli u t-titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għal politiki, li jinkludu l-prijoritizzazzjoni tal-infiq fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, l-effiċjenza enerġetika u l-intraprenditorija lokali, kif ukoll il-ħolqien ta' strumenti finanzjarji ġodda għal kull tip ta' negozju, u speċjalment għall-SMEs;
18. Ifakkar fil-potenzjal li għandhom l-SMEs fil-ħolqien tal-impjiegi u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki li jtejbu l-aċċess għall-finanzjament u l-kundizzjonijiet ta' finanzjament għall-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem flimkien mal-Istati Membri għaż-żieda tat-trasparenza tas-sistema tas-sejħiet għal offerti u l-prevedibbiltà tagħha kif ukoll għat-tnaqqis taż-żmien bejn is-sejħiet għal offerti u l-għoti ta’ kuntratti, b’mod partikolari għall-SMEs, li jikkompetu f’ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla;
19. Iħeġġeġ li tingħata attenzjoni partikolari għas-settur tal-industriji kulturali u kreattivi, li jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, u partikolarment għall-ħolqien tal-impjiegi; jenfasizza l-kontribuzzjoni vitali ta’ dawn l-industriji għall-iżvilupp tar-reġjuni u tal-bliet; jitlob li jittieħdu miżuri fuq żmien twil li jippromwovu t-taħriġ kontinwu tan-nisa speċifikament marbut ma' dawn is-setturi, bil-għan li jiżguraw li l-kwalifiki tan-nisa jkunu jistgħu jiġu utlizzati b'mod effikaċi u jinħolqu prospettivi ġodda ta’ impjieg;
Evidenza ta' evalwazzjoni
20. Ifakkar li filwaqt li hemm evidenza qawwija li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni aċċellerat, u li l-programmi li rriżultaw taw kontribut importanti f’ħafna oqsma fejn l-investiment huwa neċessarju għall-modernizzazzjoni u l-kompetittività ekonomika (bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-appoġġ lill-SMEs, l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni u t-taħriġ), għadd ta’ Stati Membri qegħdin fir-riskju li ma jimplimentawx il-programmi tagħhom qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tanalizza fil-fond il-kawżi tar-rata baxxa ta' assorbiment, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu kofinanzjament sabiex tiġi aċċellerata l-implimentazzjoni tal-fondi;
21. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jesploraw sinerġiji bejn finanzjament tal-politika ta' koeżjoni u sorsi oħra ta' finanzjament mill-UE (bħat-TENT-T, it-TEN-E, is-CEF, Orizzont 2020, COSME u programmi oħra) kif ukoll mal-forniment ta' finanzjament mill-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaċċelleraw l-implimentazzjoni u jissimplifikaw u jtejbu l-aċċess għall-fondi disponibbli sabiex jistimulaw lill-SMEs, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-muniċipalitajiet lokali u lill-benefiċarji interessati oħra sabiex jużawhom;
Sfidi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni
22. Jikkunsidra li l-evalwazzjoni għandha rwol importanti fid-dibattitu u t-tagħlim tal-politika, iżda jinsab imħasseb li, minkejja li l-provvista ta’ data ta’ monitoraġġ u ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni qed ittejjeb il-kwalità tal-miri stabbiliti, il-kwalità mhux uniformi, f’ħafna każijiet ta’ rappurtar ta’ progress tagħmilha diffiċli li tiġi żviluppata stampa sħiħa tal-progress lejn il-miri fil-livell reġjonali u f’dak lokali; jenfasizza li l-evalwazzjoni għandha wkoll tivvaluta u tipproponi miżuri biex jittaffew il-piżijiet żejda fuq il-benefiċjarji, inklużi l-SMEs, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-NĠOs; jikkunsidra li kwlaunkwe piż addizzjonali marbut mal-monitoraġġ m'għandux jiġi impost;
23. Jemmen li r-rapporti ta' progress ma jipprovdux b'mod sħiħ stampa ċara tal-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni u lejn il-miri stabbiliti, jew għar-raġuni ta' nuqqas ta' disponibbiltà tad-data fil-livell rilevanti jew għar-raġuni ta' nuqqas ta' rabta ċara biżżejjed bejn id-data statistika provduta u safejn il-miri tal-politika ta' koeżjoni li jeħtieġu monitoraġġ jintlaħqu;
24. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tar-rappurtar u l-kwalità tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tagħha, jagħmlu użu sħiħ tal-għodda ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni disponibbli fil-kuntest tal-qafas leġiżlattiv attwali (orjentazzjoni tar-riżultati aktar b’saħħitha, użu ta’ indikaturi komuni tar-riżultati, għażla ta’ indikaturi tar-riżultati speċifiċi għall-programm u qafas tal-prestazzjoni ċar);
25. Jikunsidra li, filwaqt li evalwazzjonijiet tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2007-2013 kofinanzjati mill-FEŻR u mill-Fond ta’ Koeżjoni juru għarfien tajjeb fl-Istati Membri rigward ir-rekwiżit ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fit-twaqqif ta' tali programmi (70 %(5)), ir-rapporti jindikaw ukoll li l-ugwaljanza bejn is-sessi bl-ebda mod mhija integrata effettivament f’dawn il-programmi permezz ta’ identifikazzjoni ċara tal-problemi jew miri kwantifikati (anqas minn 8 %); jitlob li l-Kummissjoni tkompli ttejjeb is-sistemi ta’ rappurtar tal-Istati Membri billi tintroduċi u tuża indikaturi ħalli tagħmilha possibbli li ssir valutazzjoni tas-sostenn mogħti taħt il-politika ta’ koeżjoni għal progress ġenwin rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u sa liema grad dan il-progress qed isir;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel verifika tal-Awtoritajiet Maniġerjali jekk japplikaw id-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard fir-rigward tal-benefiċjarji ta' proġetti u jekk jieħdu l-miżuri adegwati biex inaqqsu d-dewmien fil-ħlas;
27. Jistieden lis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri jżidu l-verifiki tal-prestazzjoni tagħhom dwar il-Fondi ta’ Koeżjoni u l-Fondi Strutturali u b’mod partikolari dwar il-FSE;
o o o
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.
Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku Komuni u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).