Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2178(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0121/2014

Testi mressqa :

A7-0121/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/02/2014 - 7.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0133

Testi adottati
PDF 369kWORD 120k
L-Erbgħa, 26 ta' Frar 2014 - Strasburgu
Reġjuni Ultraperiferiċi, fondi strutturali u programmi oħra tal-UE
P7_TA(2014)0133A7-0121/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-Reġjuni Ultraperiferiċi permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-fondi strutturali tal-UE u programmi oħra tal-UE (2013/2178(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 349 u 355, l-ewwel paragrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrikonoxxi status partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi u li jipprevedi l-adozzjoni ta’ “miżuri speċifiċi” li jippermettu l-implimentazzjoni sħiħa tat-trattati u tal-politiki komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE dwar l-iskema ta' għajnuniet tal-Istat għal dawk ir-reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 u dawk segwenti tat-TFUE li jassenjaw objettiv ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u li jiddefinixxu l-istrumenti finanzjarji strutturali sabiex dan jintlaħaq,

–  wara li kkunsidra t-totalità ta' komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, u b'mod partikolari l-komunikazzjoni tas-17 ta' Ottubru 2008 bl-isem "Ir-reġjuni l-aktar imbiegħda: vantaġġ għall-Ewropa" (COM(2008)0642),

–  wara li kkunsidra t-totalità tar-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, u b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar strateġija għar-reġjuni ultraperiferiċi: Kisbiet u Prospettivi fil-Ġejjieni(1),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni "Reġjuni 2020 - evalwazzjoni tal-isfidi futuri għar-reġjuni tal-Unjoni" (SEC(2008)2868),

–  wara li kkunsidra l-messaġġ tal-gżira ta' La Réunion tas-7 ta' Lulju 2008 fil-kuntest tal-konferenza "L-Unjoni Ewropea u r-reġjuni extra-Ewropej: Strateġiji b'rabta mat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità", u wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta' Ġunju 2009 dwar "Valutazzjoni ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-KE għall-Bijodiversità u Lejn Strateġija tal-Unjoni dwar Speċijiet Eżotiċi Invażivi",

–  wara li kkunsidra l-Memorandum Konġunt tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-14 ta’ Ottubru 2009 dwar "Ir-reġjuni ultraperiferiċi: minn issa sal-2020",

–  wara li kkunsidra l-pjattaforma komuni tas-6 ta' Lulju 2010 indirizzata lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Durão Barroso, mill-Konferenza tal-Membri Ewropej tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum Konġunt ta’ Spanja, Franza, il-Portugall u tar-reġjuni ultraperiferiċi, tas-7 ta’ Mejju 2010, dwar "Viżjoni mġedda tal-istrateġija Ewropea għar-reġjuni ultraperiferiċi",

–  wara li kkunsidra l-kontribuzzjoni konġunta tar-reġjuni ultraperiferiċi tat-28 ta' Jannar 2011 fir-rigward tal-ħames rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-12 ta' Ottubru 2011 bit-titolu "Europe's Outermost Regions and the Single Market: The EU's influence in the world" ippreżentat lill-Kummissarju Michel Barnier mis-Sur Pedro Solbes Mira,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija "Ewropa 2020"(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta’ Ġunju 2012 bl-isem: "Ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea: Lejn sħubija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv" (COM(2012)0287),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Membru Serge Letchimy għall-Prim Ministru tar-Repubblika Franċiża, intitol"L-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea: Kontribuzzjoni għall-applikazzjoni tal-qafas derogatorju favur proġett globali ta' żvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi,

–  wara li kkunsidra l-kontributi konġunti u d-dokumenti tekniċi u politiċi tal-Konferenza tal-Presidenti tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni finali tad-XIX-il Konferenza tal-Presidenti tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea tas-17 u t-18 ta’ Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0121/2014),

A.  billi l-vantaġġi, ir-riżorsi u l-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi, rikonoxxuti mill-Kummissjoni Ewropea fl-istrateġija tagħha tal-2008 u l-komunikazzjoni tagħha tal-2012, ikopru oqsma kruċjali għall-Unjoni Ewropea f’termini ta’ riċerka, innovazzjoni u tkabbir, u billi dawn mhumiex sostnuti u ffinanzjati biżżejjed mill-fondi u l-programmi Ewropej;

B.  billi r-reġjuni ultraperiferiċi jinkludu arċipelagi, gżejjer u reġjun maqtugħ fil-foresta tal-Amazon li huma kkaratterizzati minn restrizzjonijiet speċifiċi komuni li jagħmluhom differenti minn sitwazzjonijiet ġeografiċi partikolari oħrajn tal-Unjoni (gżejjer, reġjuni muntanjużi u dawk b’popolazzjoni baxxa);

C.  billi, fir-rigward tal-objettivi li l-Unjon ffissat għaliha nnifisha għat-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir, l-istrateġija Orizzont 2020, l-istrateġija Enerġija 2020, il-programmi LIFE+ u Natura 2000, in-netwerks trans-Ewropej ta' telekomunikazzjoni, tat-trasport u tal-enerġija, ir-reġjuni ultraperiferiċi jikkostitwixxu reġjuni ta' eċċellenza li jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għat-twettiq ta' dawn l-isfidi,

D.  billi huwa għalhekk importanti li jitħeġġeġ l-investiment fuq żmien twil u tiġi promossa l-forza tal-innovazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi għat-tisħiħ sostenibbli tat-tkabbir ekonomiku u soċjali tagħhom, u li jiżdiedu l-probabilitajiet ta' suċċess tad-diversi strateġiji tal-Unjoni;

E.  billi, biex jitwettqu dawn l-istrateġiji, il-Fondi Strutturali u l-Fond Ewropew tal-Investiment għar-reġjuni ultraperiferiċi għandhom jiġu aġġustati u ssupplimentati biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jipparteċipaw, b’konformità mal-potenzjal u intenzjonijiet tagħhom, fl-isfidi l-kbar tal-Unjoni Ewropea;

F.  billi s-sitwazzjoni attwali tal-kriżi ekonomika u soċjali qed tħalli effetti partikolarment serji fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari f’termini ta’ kompetittività u ta’ impjiegi, u billi, biex jiġu indirizzati l-bżonn ta’ tkabbir ekonomiku u l-problema tal-qgħad, għandu jkun hemm reazzjonijiet urġenti u xierqa matul il-perjodu ta' finanzjament u ta’ programmazzjoni li jmiss;

G.  billi l-Artikolu 349 għandu jintuża wkoll bħala bażi legali li tippermetti lir-reġjuni ultraperiferiċi, permezz ta' miżuri speċifiċi, isibu posthom fil-programmi tal-Unjoni li jistgħu jiżviluppaw b’mod konkret il-potenzjal ta’ dawn ir-reġjuni;

H.  billi r-reġjuni ultraperiferiċi jistgħu jsiru territorji pilota u territorji ta' eċċellenza għall-benefiċċju tal-Unjoni kollha f’oqsma bħalma huma: il-bijodiversità, l-ambjent, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-attenwazzjoni tiegħu, il-ġestjoni u l-osservazzjoni ta’ fenomeni klimatiċi estremi, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-ispazju, il-qasam ajruspazjali, l-oċeani, it-tkabbir "blu", il-ġestjoni spazjali marittima u l-governanza marittima, is-sismoloġija, il-vulkanoloġija, il-mard emerġenti, l-enerġiji rinnovabbli, it-trasport, it-telekomunikazzjoni, il-kapaċità ta’ intervent umanitarju urġenti f’pajjiżi terzi u l-kultura;

I.  billi r-reġjuni ultraperiferiċi jinsabu fil-baċiri marittimi tal-Karajbi, tal-Oċean Indjan u tal-Oċean Atlantiku li jikkonferixxu lill-Unjoni Ewropea status ta’ setgħa marittima mondjali, billi l-pożizzjoni ġeostrateġika tagħhom tikkontribwixxi għad-dimensjoni dinjija tal-Unjoni, u billi huma karatterizzati minn riżorsi naturali, tal-baħar u tas-sajd eċċezzjonali, li jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-bijodiversità dinjija;

J.  billi r-reġjuni ultraperiferiċi jikkostitwixxu realtà unika u jiffurmaw għaqda komuni kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll lil hinn minnha li għandha tiġi promossa u appoġġjata mill-Kummissjoni Ewropea, partikolarment bl-implimentazzjoni ta’ politiki komuni;

K.  billi l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi tirrikjedi l-ħolqien ta’ sinerġiji massimi bejn l-istrumenti, il-fondi u l-programmi kollha tal-Unjoni,

Perspettivi ġodda għar-reġjuni ultraperiferiċi

1.  Jinsab konvint li l-potenzjal, il-vantaġġi, ir-riżorsi u l-esperjenza tar-reġjuni ultraperiferiċi jikkostitwixxu opportunità oħra biex l-Unjoni u l-Istati Membri jegħlbu l-isfidi li qed jiffaċċjaw f’termini ta’ globalizzazzjoni, kapaċità ta’ innovazzjoni, tkabbir, koeżjoni soċjali, pressjonijiet demografiċi, tibdil fil-klima, prevenzjoni tar-riskji maġġuri ta' katastrofi naturali, enerġija, ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-preservazzjoni tal-bijodiversità;

2.  Jinsab konvint li t-titjib tal-aċċess tar-reġjuni ultraperiferiċi għad-diversi programmi u fondi tal-Unjoni jsir kemm f'termini ta' żmien qasir kif ukoll żmien twil għall-benefiċċju tal-Unjoni kollha kemm hi; jiddispjaċih dwar l-approċċ imħeġġeġ fil-livell Ewropew li jintużaw biss politiki ta’ koeżjoni biex tiġi ffinanzjata l-biċċa l-kbira tal-proġetti ta' żvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi;

3.  Jappoġġa lill-Kummissjoni Ewropea fix-xewqa tagħha li timplimenta politiki li jsaħħu l-awtonomija, il-konsolidazzjoni ekonomika u l-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli fir-reġjuni ultraperiferiċi billi jittieħed benefiċċju mill-vantaġġi tagħhom, u miżuri prattiċi u innovattivi abbażi tal-Artikolu 349 TFUE u l-istrumenti ad hoc, b’mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport u t-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni, għal kull wieħed mill-fondi u l-programmi b’objettivi li jkunu jistgħu jżidu l-valur tal-vantaġġi tar-reġjuni ultraperiferiċi għal żvilupp sostenibbli;

4.  Jenfasizza wkoll il-ħtieġa u l-importanza li l-politiki Ewropej jikkontribwixxu, inter alia permezz ta' strumenti fiskali u doganali speċifiċi, għall-promozzjoni u d-diversifikazzjoni tal-bażi ekonomika tal-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-ħolqien tal-impjiegi;

5.  Iqis li l-Artikolu 349 tat-TFUE jikkostitwixxi bażi legali adegwata għall-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi, iżda jiddispjaċih dwar ir-rikors limitat u mnaqqas għal din id-dispożizzjoni tat-Trattat li tipprovdi l-possibbiltà li jkun hemm reġim partikolari għal status ultraperiferiku;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta’ kuntatt bejn il-Kummissarji Ewropej ikkonċernati, il-grupp ta’ ħidma interservizzi li jikkoordina l-politiki dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi u membri eletti tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-Parlament Ewropew sabiex jaraw is-sitwazzjoni attwali li jkunu qegħdin fiha l-programmi previsti u/jew mibdija għar-reġjuni ultraperiferiċi;

7.  Jenfasizza li r-reġjuni ultraperiferiċi, għaliex jinsabu ’l bogħod mill-kontinent Ewropew, huma vetturi tal-influwenza ta’ Unjoni Ewropea li qed issir konxja mid-dimensjoni dinjija tagħha u r-rwol tagħha f’dinja li għaddejja minn bidla profonda;

8.  Jinsisti li għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-reġjuni ultraperiferiċi f’każ ta’ diżastru naturali, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tagħhom f’konformità mal-Artikolu 349, li jipprovdi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri speċifiċi, filwaqt li jfakkar fl-importanza tal-koordinament tal-Fondi Strutturali mal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;

9.  Jitlob biex l-investimenti magħmula permezz tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fit-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni, it-trasport, l-ilma u l-enerġija jsiru prijorità f’dawn ir-reġjuni u jiddefendi aktar koerenza tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat fir-reġjuni ultraperiferiċi, biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija “Ewropa 2020”;

10.  Jinsab konvint li hemm rabta mill-qrib bejn is-sensibilizzazzjoni dwar id-dimensjoni dinjija li jista’ jkollha l-Unjoni u l-attenzjoni mogħtija lir-reġjuni ultraperiferiċi; huwa konvint li l-kunsiderazzjoni tal-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-piż u l-importanza fil-ġejjieni li jirrappreżentaw l-għażliet strateġiċi ta’ investiment tagħhom fir-reġjuni ultraperiferiċi mhijiex suffuċjenti u hija indikatur tal-investiment baxx li l-Unjoni tagħmel fid-dimensjoni dinjija u internazzjonali tagħha stess; iqis essenzjali għar-reġjuni ultraperiferiċi t-titjib tas-sinerġiji f’dak li għandu x’jaqsam mal-istrumenti u l-programmi sabiex tiġi promossa l-kooperazzjoni internazzjonali ta’ dawn ir-reġjuni fid-dinja;

11.  Ifakkar li huwa essenzjali, għall-promozzjoni tal-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u l-programmi l-oħra tal-Unjoni, li tiġi adottata perspettiva makroreġjonali u li jiġu żviluppati strateġiji għall-makroreġjuni li jinkludu r-reġjuni ultraperiferiċi, billi jittieħed vantaġġ mill-karatteristiċi u r-riżorsi ta’ dawn ir-reġjuni;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali jieħdu vantaġġ minn approċċ ibbażat fuq diversi fondi u jimplimentaw, safejn possibbli u bl-aktar mod effikaċi possibbli, punti ta’ kollegament bejn il-Fondi Strutturali u l-istrumenti finanzjarji ta’ programmi oħra tal-Unjoni Ewropea;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tapprofondixxi l-istrateġija Ewropea fir-rigward tar-reġjuni ultraperiferiċi b’mod li tippermetti li l-vantaġġi ta’ dawn ir-reġjuni jiġu żviluppati, kif ukoll tqis ir-restrizzjonijiet strutturali u permanenti tagħhom; jistieden, f’dan il-qafas, lill-Kummissjoni tindirizza l-proposti tar-reġjuni ultraperiferiċi li jinsabu partikolarment fil-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom;

Sinerġiji mal-programm Orizzont 2020

14.  Iqis li r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom il-potenzjal li jkunu fuq quddiem nett fir-riċerka u t-teknoloġija fl-oqsma kkonċernati mill-objettivi tal-Programm Orizzont 2020, bħall-ispazju, il-qasam ajruspazjali, il-bijoteknoloġiji, l-osservazzjoni tar-riskji naturali, ir-riċerka marittima, il-bijodiversità, l-enerġiji rinnovabbli, is-saħħa, l-adattament għat-tibdil fil-klima u t-trasport intelliġenti;

15.  Ifakkar li l-objettiv tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 huwa, fost l-oħrajn, it-tisħiħ tar-riċerka, tal-iżvilupp teknoloġiku u tal-innovazzjoni;

16.  Jiddispjaċih li l-proġetti tar-reġjuni ultraperiferiċi, minħabba l-fatt li l-proġetti tagħhom ftit li xejn jissodisfaw ir-rekwiżiti li jippermettu l-kisba ta’ finanzjament Komunitarju minħabba l-karatteristiċi partikolari tagħhom, ma bbenefikawx biżżejjed mill-programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp għall-perjodu 2007-2013, u dan wassal għal parteċipazzjoni u rata ta’ suċċess baxxi ħafna, kif ukoll inqas preżenza fin-netwerks Ewropej ta’ riċerka; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, taġixxi sabiex tappoġġja r-riċerka fir-reġjuni ultraperiferiċi u tiffavorixxi l-kisba ta' massa kritika;

17.  Iqis li l-FEŻR waħdu ma jkunx jista' jippermetti lir-reġjuni ultraperiferiċi jissodisfaw l-objettivi tal-politika ta' koeżjoni u l-istrateġiji tal-UE 2020 u ta' Orizzont 2020; iqis, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tadatta u tiggarantixxi l-aċċess tar-reġjuni ultraperiferiċi għall-programm Orizzont 2020 bil-ħolqien ta' programmi dedikati li jiffavorixxu l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fin-netwerks Ewropew u internazzjonli ta' riċerka u innovazzjoni; ifakkar f’dan ir-rigward li l-istrateġija Orizzont 2020, fil-parti li tikkonċerna l-programm “It-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni", tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ differenzi sinifikanti fejn għandha x’taqsam il-prestazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni identifikati mit-Tabella tal-Innovazzjoni tal-Unjoni, filwaqt li tippromwovi miżuri speċifiċi maħsuba biex ixerrdu l-eċċellenza u jżidu l-parteċipazzjoni tal-Istati Membri u r-reġjuni li jinabu lura fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni;

18.  Jitlob li jiġu valorizzati u żviluppati strutturalment l-universitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex b’sinerġija ma’ Orizzont 2020, jikkontribwixxu għall-valorizzazzjoni kemm Ewropea kif ukoll internazzjonali tal-universitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, taċ-ċentri ta’ riċerka, tar-riċerkaturi u tal-istudenti tagħhom; ifakkar li l-programmi li jippromwovu l-mobilità bejn l-universitajiet tal-istudenti, tal-professuri u l-uffiċjali qed jiġu mxekkla serjament fir-reġjuni ultraperiferiċi minħabba l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-pożizzjoni iżolata u d-distanza;

19.  Ifakkar li l-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jadattaw għal fruntieri ġodda u sfidi ġodda tal-għarfien, bħall-baħar fond, li jirrappreżentaw potenzjal għoli;

20.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-interess ekonomiku li dejjem jikber, imqanqal mir-rikkezza immensa ta’ qiegħ il-baħar u l-potenzjal bijoġenetiku, minerali u bijoteknoloġiku enormi tar-reġjuni ultraperiferiċi f’dawn l-oqsma kif ukoll l-importanza li dan jiġi kkunsidrat fil-qafas tal-"Istrateġija Ewropea Ġdida għar-reġjuni ultraperiferiċi", sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ ekonomija tal-għarfien ibbażata fuq il-baħar u l-ħolqien ta’ attivitajiet ekonomiċi b’valur miżjud għoli f’oqsma bħall-mediċina, il-farmakoloġija u l-enerġija fost oħrajn;

Sinerġiji mas-suq intern

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu ispirazzjoni mid-diversi konklużjonijiet tar-rapport Solbes biex tintensifika l-integrazzjoni u l-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi fis-suq intern;

22.  Jissottolinja li l-kompetizzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi ma tikkonkretizzax ruħha bl-istess mod bħal fil-kumplament tat-territorju Ewropew, meta l-funzjonament ħieles tas-suq f'dawn ir-reġjuni ma jkunx possibbli fil-parti l-kbira tas-setturi tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, li l-attività tagħhom mhix attraenti għall-investiment privat; jissottolinja li l-offerta ta’ prodotti ta’ kwalità bi prezzijiet kompetittivi fir-reġjuni ultraperiferiċi hija possibbli biss b’kumpens adegwat mill-Istat u l-forniment ta’ dawn is-servizzi fir-reġjuni ultraperiferiċi jeħtieġ evalwazzjoni urġenti mill-Kummissjoni b’mod li tipprevedi flessibilità u adattament ikbar tal-qafas leġiżlattiv attwali tal-Unjoni għal din ir-realtà;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforza aħjar id-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ monopolju u ta’ kartelli illeċiti fir-reġjuni ultraperiferiċi;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika gwida għall-intrapriżi żgħar u medji fir-reġjuni ultraperiferiċi u l-kontribut tagħhom għas-suq intern, filwaqt li tqis il-programmi u l-fondi Ewropej differenti fis-seħħ fir-reġjuni ultraperiferiċi;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni lill-ispejjeż addizzjonali u lill-problema tal-għoli tal-ħajja fir-reġjuni ultraperiferiċi u biex tikkunsidrahom fl-iżvilupp tal-politiki Ewropej;

Sinerġiji mal-programm LIFE+ u l-istrateġija Enerġija 2020

26.  Iqis li l-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-kwistjoni tal-ġestjoni, il-preservazzjoni u r-rijabilitazzjoni tal-bijodiversità, l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli jista’ jkun ottimizzat billi l-Unjoni tkun kapaċi tilħaq l-objettivi tagħha permezz tal-ħolqien ta’ sinerġiji u ta’ finanzjament komplementari bejn il-politika ta’ koeżjoni, il-programm LIFE+ u l-istrateġija Enerġija 2020;

27.  Jinnota li l-programm LIFE+ għall-perjodu 2014-2020 għandu l-għan li jikkofinanzja proġetti innovattivi favur il-preservazzjoni tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jissottolinja l-fatt li huwa essenzjali li jiġu ġġenerati sinerġiji bl-objettivi 5 u 6 tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020, meta jitqies li huwa indispensabbli, f'dan ir-rigward, li l-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi f'LIFE+ tissaħħaħ;

28.  Jiddeplora l-fatt li l-azzjoni preparatorja BEST ma ġietx ittrasformata fi programm reali ddedikat għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u territorji extra-Ewropej, kontra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2009;

29.  Jiddeplora l-fatt li l-ħabitats u l-ispeċijiet annimali u veġetali li għandhom jiġu protetti fit-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi ma ġewx imniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-ħabitats/flora/fawna, li jagħmel impossibbli l-implimentazzjoni tad-direttiva fir-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi u jeskludi l-parteċipazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi Franċiżi fin-netwerks u programmi NATURA 2000;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal programm Natura 2000 speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi abbażi tal-Artikolu 349 tat-TFUE;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, fuq il-bażi ta' eżempji tajba u riżultati miksuba minn ċertu reġjuni ultraperiferiċi fil-qasam tal-enerġiji rinnovabbli, miżuri bl-għan li tintlaħaq awtonomija enerġetika u l-objettivi tal-istrateġija Enerġija 2020 u jfakkar lill-Kummissjoni dwar il-proposta tagħha li toħloq programm speċifiku fil-qasam tal-enerġija bl-għan li titnaqqas l-ispiża tal-provvista, l-infrastruttura u s-servizzi pprovduti fir-reġjuni ultraperiferiċi, sabiex tħeġġeġ il-politiki fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli, abbażi tal-programmi POSEI, filwaqt li jintlaħaq l-aħjar livell possibbli ta’ sinerġiji ma’ linji ta’ azzjoni oħra tal-UE;

32.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li jittieħed vantaġġ mill-potenzjal li jeżisti fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli fil-gżejjer, fejn id-dipendenza fuq l-enerġija fossili hija ggravata minħabba d-distanza u l-iżolament ġeografiku tagħhom; Iqis, minħabba dan, li għandu jittieħed kont tal-bżonn li jiġu previsti, fil-qafs tal-politika Ewropea dwar l-enerġija, strumenti li bihom ikun possibbli li jiġu indirizzati kif xieraq il-problemi li jippreżentaw is-sistemi iżolati tal-enerġija;

Sinerġiji mal-programmi Ewropej għaż-żgħażagħ

33.  Jenfasizza li l-objettivi 8, 9 u 10 tal-politika l-ġdida ta' koeżjoni huma l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar, l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-taħriġ professjonali;

34.  Jissottolinja l-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi huma fost ir-reġjuni Ewropej bl-ogħla rati ta’ qgħad, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ; jiġbed l-attenzjoni, madanakollu, lejn id-diffikultà ta' applikazzjoni tal-fondi ddedikati għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ permezz tal-kofinanzjament; jiddispjaċih, barra minn hekk, dwar in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi fil-programmi għall-impjiegi u l-innovazzjoni soċjali u jfakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi kellhom diffikultajiet biex ibbenefikaw mill-possibilitajiet offruti mill-programm "Progress"; jitlob li jsir żvilupp tal-linja soċjali permezz tal-implimentazzjoni ta' proġett pilota urġenti dwar il-ġlieda kontra l-qgħad fir-reġjuni ultraperiferiċi; jitlob l-istabbiliment ta' skwadri ta' azzjoni speċjali għall-impjieg taż-żgħażagħ fi ħdan il-Kummissjoni sabiex tiġi applikata l-garanzija għaż-żgħażagħ u l-mobilizzazzjoni tal-FSE u l-YEI;

35.  Jistieden lill-BEI jintegra lir-reġjuni ultraperiferiċi fl-inizjattiva tiegħu intitolata “Impjiegi għaż-żgħażagħ” u fil-programm tiegħu “Investiment fil-kompetenzi”;

36.  Jinsab imħasseb dwar it-telf kbir ta' kompetenzi li jridu jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi minħabba r-rata għolja ta’ qgħad u l-insuffiċjenza tat-taħriġ propost, filwaqt li ħaddiema mħarrġa u kwalifikati huma indispensabbli għall-ġenerazzjoni ta' tkabbir sostenibbli, speċjalment fis-setturi proprji ta’ dawn ir-reġjuni jew fl-oqsma tradizzjonali, iżda wkoll biex ikun hemm żvilupp dinamiku ta’ attivitajiet ġodda u tiġi kkonfrontata l-kompetizzjoni dinjija;

37.  Jinnota li l-programm il-ġdid Erasmus għandu bħala objettiv l-iżvilupp ta’ soċjetà tal-għarfien; jenfasizza li l-ilħuq ta’ dawn l-objettivi huwa indispensabbli għat-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 li tqiegħed l-għarfien bħala l-element ewlieni tal-ekonomija Ewropea; jindika għalhekk il-ħtieġa li jinħolqu iktar sinerġiji bejn il-programm Erasmus u l-FSE fir-reġjuni ultraperiferiċi, b'tali mod li jiġu mobilizzati r-riżorsi umani u l-għarfien espert lokali, li jikkostitwixxu muturi qawwija tat-tkabbir;

38.  Jappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet universitarji tar-reġjuni ultraperiferiċi u ta’ oqsma ġodda ta’ eċċellenza biex l-universitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-Ewropa jsiru iktar attraentiu u l-istandard tagħhom joġħla; jappoġġja l-iżvilupp ta’ sħubijiet interuniversitarji, ukoll bis-saħħa tal-estensjoni tal-universitajiet tal-pajjiżi terzi li magħhom ir-reġjuni ultraperiferiċi għandhom relazzjonijiet privileġġjati; jitlob ugwalment li l-programmi ERASMUS+ u "EURES" jieħdu ħsieb tal-ispejjeż addizzjonali tat-trasport marbuta mar-restrizzjoni tal-bogħod, sabiex l-istudenti mir-reġjuni ultraperiferiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-programmi Ewropej ta’ skambju ta’ taħriġ u biex l-universitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi jippruvaw jieħdu l-aħjar vantaġġ mill-programm Erasmus Mundus bejn l-Istati Membri u l-bqija tad-dinja;

Sinerġiji man-netwerks trans-Ewropej (trasport, telekomunikazzjonijiet, enerġija)

39.  Jerġa’ jirreferi għar-rapport Teixeira dwar ir-rwol tal-politika ta’ koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija Ewropa 2020 (2011/2195(INI)) li jistieden lill-Kummissjoni toħloq programm speċifiku fil-qasam tal-enerġija, it-trasport u t-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, abbażi tal-programmi POSEI, u b’mod partikolari qafas speċifiku għall-għajnuna għat-trasport fir-reġjuni ultraperiferiċi, partikolarment favur it-trasport pubbliku komuni, fost affarijiet oħra, u biex jiġi żviluppat it-trasport fuq il-baħar bejn il-gżejjer;

40.  Jenfasizza l-bżonn li fir-reġjuni ultraperiferiċi jiġu żviluppati sinerġiji bejn in-netwerks trans-Ewropej, il-mekkaniżmu għall-interkonnessjoni fl-Ewropa, il-programmi Civitas, Orizzont 2020 u l-investimenti tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni b’rabta mat-trasport, it-telekomunikazzjonijiet u l-enerġija;

41.  Ifakkar li l-aċċessibilità għandha rwol ċentrali fil-kuntest tal-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi u spiss timponilhom li jkun hemm netwerk intern u estern kumpless ta’ servizzi tat-trasport fuq il-baħar u bl-ajru, u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet ta’ mobilità u aċċessibilità diffiċli fir-reġjuni ultraperiferiċi, liema reġjuni m’għandhomx alternattiva oħra għat-trasport bl-ajru jew dak fuq il-baħar u barra minn hekk ikollhom jaffrontaw iż-żieda fil-prezzijiet tat-trasport, ħaġa li ġġib magħha riperkussjonijiet negattivi fil-qasam ekonomiku u soċjali;

42.  Jilqa’ r-rieda tal-Kummissjoni li tintegra lir-reġjuni ultraperiferiċi fin-netwerks trans-Ewropej, iżda jiddeplora l-esklużjoni tal-parti l-kbira minn dawn ir-reġjuni mill-kurituri prijoritarji u b'hekk mill-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi din l-esklużjoni fil-qafas tal-istrateġija għar-reġjuni ultraperiferiċi u tiggarantixxi l-investimenti fit-traport fir-reġjuni ultraperiferiċi biex jiġu kkumbattuti l-iżolament u l-insularità; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas settorjali speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi sabiex jiġu favoriti l-aċċessibilità u l-konnessjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi mal-kontinent Ewropew;

43.  Jiddeplora l-fatt li l-proġetti tal-awtostradi tal-baħar madankollu mhumiex iktar avvanzati, minħabbl l-prijorità li tingħata lill-konnessjonijiet b’distanza qasira, u b’hekk issir esklużjoni diskriminatorja tar-reġjuni ultraperiferiċi; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa’ teżamina din l-esklużjoni fil-qafas tal-istrateġija tagħha għat-territorji ultraperiferiċi;

44.  Jenfasizza l-bżonn li jerġa’ jiġi eżaminat il-qafas ta’ għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu sabiex ikun permess l-għoti ta’ għajnuna pubblika lill-konnessjonijiet bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi terzi;

45.  Jinsisti fuq il-bżonn li tiġi adattata l-klassifikazzjoni tal-ajruporti reġjonali sabiex, fil-każ tar-reġjuni ultraperiferiċi, il-kwistjonijiet ta’ fluss ta’ passiġġieri u l-profitabilità ma jkunux l-uniċi kriterji kkunsidrati;

46.  Iqis li, meta tiġi kkunsidrata l-importanza tal-ekonomija diġitali, il-problema tad-distakk diġitali bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-Ewropa tikkostitwixxi ostaklu għall-iżvilupp u l-kompetittività tar-reġjuni ultraperiferiċi; jinnota li d-distakk fl-użu u l-modernizzazzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi jkompli jitfa lura lil dawn ir-reġjuni l-iżvilupp diġitali flimkien mal-iżolament ġeografiku; jissuġġerixxi li jiġi intensifikat l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni bl-estensjoni u l-modernizzazzjoni tan-netwerks, bl-użu ta' sinerġiji mal-FEŻR u b’aċċess iffaċilitat ta’ dawn il-proġetti għall-finanzjamenti tal-BEI, u, barra minn hekk, jinsisti fuq il-ħtieġa li dawn ir-reġjuni jingħataw aċċess prijoritarju għall-programmi ta’ Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà u GALILEO;

Sinerġiji mal-politika marittima tal-Unjoni (PKS, FEMS)

47.  Ifakkar li r-reġjuni ultraperiferiċi jikkontribwixxu lill-Unjoni Ewropea status ta' setgħa marittima dinjija;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tkun iktar konxja mid-dimensjoni marittima dinjija, mill-importanza tal-baħar, l-oċeani u t-tkabbir "blu" għall-Unjoni kollha, mill-pożizzjoni strateġika tar-reġjuni ultraperiferiċi, mir-rwol li dawn jista’ jkollhom fl-isfruttament sostenibbli tal-ibħra, l-oċeani u ż-żoni kostali, fil-governanza marittima dinjija u fl-iżvilupp ta’ ekonomija tal-għarfien ibbażata fuq il-baħar;

49.  Jikkonstata n-nuqqas ta' sinerġiji bejn il-politika ta' koeżjoni u PKS li għadha mhix qed tqis biżżejjed ir-realtajiet ta' dawn ir-reġjuni; jinsisti fuq l-importanza li jinżamm programm POSEI għas-sajd filwaqt li jipproponi li r-riċerka u l-innovazzjoni jiġu żviluppati fl-ekonomija marittima bħala fatturi potenzjali għat-tkabbir;

50.  Jenfasizza l-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi jiddependu mir-riżorsi tal-baħar taż-Żoni Ekonomiċi Esklużivi tagħhom, u dan joħloq fraġilità kbira fuq livell bijoloġiku u ekoloġiku, u li għalhekk huwa rilevanti li ż-żoni tagħhom li huma fraġli mil-lat bijoġeografiku jiġu protetti b’mod xieraq u effikaċi, b’mod partikolari billi jingħataw aċċess esklużiv għall-flotot lokali li joperaw b’irkapti tas-sajd li jirrispettaw l-ambjent; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi garantit sfruttament ekwilibrat u sostenibbli tar-riżorsi filwaqt li tinżamm l-attività tas-sajd; jitlob biex il-ftehimiet dwar is-sajd tal-Unjoni fil-ġejjieni jkunu nnegozjati bl-inklużjoni tal-atturi tar-reġjuni ultraperiferiċi u maħsuba fl-interess tal-popolazzjonijiet lokali fuq żmien twil, u sabiex kapitlu dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi jiġi integrat sistematikament fl-analiżi tal-impatt;

51.  Jiddeplora l-fatt li l-programm POSEI-Sajd, li jwaqqaf reġim ta’ kumpens għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn ċerti prodotti tas-sajd fir-reġjuni ultraperiferiċi ikkawżati mis-sitwazzjoni ta' dawn ir-reġjuni, ġie integrat reċentement fil-Fond Ewropej għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) u li għalhekk m’għadux regolament awtonomu maħsub speċifikament u esklussivament għal dawn ir-reġjuni, u b’hekk inaqqas l-importanza tad-diskriminazzjoni pożittiva li hija rikonoxxuta bħala dritt tar-reġjuni ultraperiferiċi skont l-Artikolu 349 tat-TFUE;

52.  Jiddispjaċih li fil-PKS il-ġdida l-għajnuna għat-tiġdid tal-flotot ma ġewx awtorizzati f’ċerti reġjuni ultraperiferiċi minħabba s-sitwazzjoni tagħhom;

Sinerġiji mal-politika agrikola komuni

53.  Jinnota li l-agrikoltura hija settur dinamiku, li jipprovdi impjiegi u jipparteċipa fl-iżvilupp ta’ attivitajiet b’valur miżjud għoli; ifakkar madankollu fl-ispeċifiċitajiet tal-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi li jaffettwaw b’mod qawwi din l-attività, partikolarment id-daqs żgħir tal-isfruttament jew il-limiti tas-suq; ifakkar li t-tielet objettiv tal-politika l-ġdida ta’ koeżjoni huwa t-tisħiħ tal-SMEs fis-settur agrikolu;

54.  Jinnota li l-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi qed tiffaċċja kwistjonijiet ta’ diversifikazzjoni u ta’ kompetittività, kif ukoll sfidi ġodda partikolarment marbuta mal-globalizzazzjoni, mal-liberalizzazzjoni tas-swieq, mas-sikurezza alimentari u l-iżvilupp sostenibbli;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ppreservat il-POSEI, programm li diġà ta prova ta' validità u li huwa adattat għar-realtajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, iżda li jbati min-nuqqas ta' finanzjament kroniku li għandu jiġi solvut b'urġenza; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-bżonn li l-POSEI jingħata l-mezzi meħtieġa biex jgħin lill-produtturi tar-reġjuni ultraperiferiċi jissuperaw l-effetti tal-liberalizzazzjoni, previsti f'diversi setturi, marbuta mal-politiki Ewropej, u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali, fost l-oħrajn, fis-setturi tal-ħalib, taz-zokkor, tar-rum, tal-laħam u tal-banana; jissottolinja wkoll l-importanza ekonomika, soċjali u ambjentali tal-produzzjonijiet agrikoli kollha tar-reġjuni ultraperiferiċi; jiddefendi ż-żamma tar-reġim POSEI fil-qafas proprju u awtonomu;

56.  Iħeġġeġ il-ħolqien ta’ sinerġiji bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-FAEŻR biex tiġi garantita ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi fl-ilma permezz tal-modernizzazzjoni, l-estensjoni tan-netwerks ta’ irrigazzjoni, il-ġestjoni tat-territorju, it-taħriġ, il-valutazzjoni turistika tal-agrikoltura sostenibbli u l-komunitajiet rurali;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-produzzjoni agrikola endoġena aktar dinamika u l-kummerċjalizzazzjoni f'ċirkuwitu qasir, jiġifieri produzzjoni lokali ta' kwalità li tissostitwixxi l-importazzjonijiet;

58.  Jappoġġa l-ħolqien ta’ DPO, AOC u ta’ tikketti lokali fir-reġjuni ultraperiferiċi u jappella għal politika ta’ promozzjoni li tissodisfa l-bżonnijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi u li tiddefendi l-indikazzjonijiet ġeografiċi;

Sinerġiji mal-politika esterna tal-Unjoni

59.  Jiddeplora l-persistenza tan-nuqqas ta’ korrelazzjoni bejn il-fondi Ewropej, il-FEŻ, il-FEŻR u l-ETC, b’mod partikolari fil-proġetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali, minkejja li din hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dawn il-fondi; ifakkar, f’dan ir-rigward, fil-bżonn li jiġi żgurat li l-modalitajiet tal-programmazzjoni bejn il-FEŻ u l-FEŻR ikunu kompatibbli;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti bidu għal diskussjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni, ir-reġjuni ultraperiferiċi, il-pajjiżi u territorji extra-Ewropej u l-pajjiżi tal-AKP għat-tisħiħ tad-djalogu u biex tiġi ffavorita l-integrazzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-baċiri ġeografiċi tagħhom; jissottlinja, għal dan l-għan, ir-rwol importanti ikbar li għandu jkollhom id-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex jiġi faċilitat id-djalogu bejn l-atturi differenti tal-programmazzjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi, il-pajjiżi u territorji extra-Ewropej, u l-pajjiżi tal-AKP;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni ssir iktar konxja mill-pożizzjoni ġeostrateġika tar-reġjuni ultraperiferiċi minħabba l-viċinanza tagħhom ma' għadd ta’ kontinenti;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffinalizza l-pjan ta' azzjoni għall-viċinat, li ilu taħdem fuqu mill-1999, u biex tidentifika l-ostakli u s-soluzzjonijiet li jiffaċilitaw l-integrazzjoni reġjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-baċini ġeografiċi rispettivi; ifakkar, f’dan il-kuntest, fir-relazzjonijiet storiċi u kulturali privileġġjati ta' kull reġjun ulraperiferiku ma’ ċerti pajjiżi terzi, kif ukoll l-iżvilupp potenzjali ta’ relazzjonijiet ekonomiċi, kummerċjali u ta’ kooperazzjoni ma’ diversi reġjuni fid-dinja;

63.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis iktar l-impatt tal-ftehimiet konklużi mal-pajjiżi terzi fuq l-ekonomiji tar-reġjuni ultraperiferiċi, billi tirrikjedi t-twettiq sistematiku ta’ studju tal-impatt minn qabel dwar il-protezzjoni ta’ prodotti msejħa sensittivi, meta jkun il-każ, u dwar il-kumpens ġust għal ħsarat ikkawżati lil setturi speċifiċi; jitlob ukwalment għall-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali ta’ dawn ir-reġjuni; jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tipprevedi, għall-ftehimiet intrenazzjonali li qed jiġu applikati, studji perjodiċi li jippermettu l-valutazzjoni u l-kunsiderazzjoni tal-vulnerabilità tas-swieq fir-reġjuni ultraperiferiċi;

64.  Jiddispjaċih li l-ftehimiet tal-passat mal-pajjiżi tal-Amerka t'Isfel u l-pajjiżi tal-AKP ma kinux iqisu l-interessi tar-reġjuni ultraperiferiċi, u li ma sar l-ebda studju tal-impatt qabel ma ġew innegozjati dawn il-ftehimiet;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tinnegozja b’mod sistematiku, fil-ftehimiet kummerċjali passati mal-pajjiżi tal-AKP ġirien tar-reġjuni ultraperiferiċi, parti speċifika favur il-ħolqien ta’ suq bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-AKP bl-għan li r-reġjuni ultraperiferiċi jiġu integrati aħjar fl-ambjent ġeografiku tagħhom;

66.  Ifakkar fl-importanza tar-reġjuni ultraperiferiċi biex l-Unjoni tiżviluppa u tagħmel użu mill-kapaċitajiet tagħha ta’ intervent umanitarju meta jseħħu diżastri naturali; jirrakkomanda għalhekk li tinħoloq forza Ewropea ta’ sigurtà ċivili;

Sinerġiji mal-programmi ta' ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali

67.  Jinnota l-problemi fundamentali, partikolarment ta’ esklużjoni soċjali, li jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi; ifakkar li l-objettiv 9 tal-politika l-ġdida ta’ koeżjoni jikkonċerna l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kull forma ta’ diskriminazzjoni, u li l-FEŻR jipprevedi l-appoġġ tal-iktar popolazzjonijiet fil-bżonn bħala prijorità ta’ investiment;

68.  Jilqa' l-adozzjoni tal-FEAD u jitlob li l-implimentazzjoni tiegħu tkun partikolarment effettiva fir-reġjuni ultraperiferiċi;

69.  Jinnota li ċerti reġjuni ultraperiferiċi jiffaċċjaw bżonn kbir ta’ djar patikolarment minħabba ż-żieda demografika qawwija f’uħud minn dawn it-territorji; iħeġġeġ it-twaqqif ta’ qafas ta’ investiment fid-djar soċjali u l-ħolqien ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi sabiex l-għajnuniet li jappoġġaw l-investimenti fid-djar soċjali ma jiġux meqjusa bħala għajnuniet tal-Istat; josserva li ċerti reġjuni ultraperiferiċi qed jiffaċċjaw proċess ta’ deżertifikazzjoni li qed jikber, li jinvolvi d-degradazzjoni tal-ħabitat karatteristiku ta’ dawn il-postijiet, fenomenu li jeħtieġ li jiġi miġġieled permezz ta’ għajnuna għar-riabilitazzjoni tal-ibliet u għall-promozzjoni ta’ attivitajiet ekonomiċi adattati għall-postijiet differenti bl-iskop li jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tal-popolazzjoni;

Sinerġiji mal-programmi COSME u l-istrument ta' mikrofinanzjament Progress

70.  Jinnota li ċerti reġjuni ultraperiferiċi jinsabu f’ambjent fejn il-kompetizzjoni industrijali hija qawwija, partikolarment minħabba l-ispejjeż baxxi li jirrappreżentaw il-ħaddiema u l-abbondanza ta’ materja prima fil-pajjiżi ġirien; ifakkar li l-objettivi 3 u 8 tal-politika ġdida ta’ koeżjoni 2014-2020 jikkonċernaw it-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs u l-promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli ta’ kwalità għolja;

71.  Jinnota li l-mikrointrapriżi u l-SMEs tar-reġjuni ultraperiferiċi, li r-ritmu ta’ produzzjoni tagħhom għadu għoli minkejja l-kriżi, ikollhom jiffaċċjaw diffikultajiet ikbar fl-aċċess għall-finanzjament, li jipperikola l-iżvilupp tagħhom u t-tul ta’ ħajja tagħhom;

72.  Jilqa’, f’dan ir-rigward, l-objettivi tal-programm COSME futur maħsub biex jappoġġa l-SMEs Ewropej, partikolarment fi kwistjonijiet b’rabta mal-finanzjament u l-konkwista ta’ swieq ġodda; jilqa’ l-iżvilupp tal-istrument ta’ mikrofinanzjament Progress; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-implimentazzjoni effikaċi ta’ dawn il-programmi fir-reġjuni ultraperiferiċi u jilqa’ l-possibbiltà ta’ djalogu mal-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment dwar il-possibilità ta' kontribuzzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament tal-SMEs tar-reġjuni ultraperiferiċi, bl-għan li jinħolqu fondi ta’ investiment lokali f’kull reġjun ultraperiferiku u li jiġu żviluppati s-swieq reġjonali tal-kapital tar-riskju;

73.  Jenfasizza l-bżonn ta’ adattament tal-iżvilupp ekonomiku ta’ kull reġjun ultraperiferiku skont il-potenzjal tiegħu; josserva, pereżempju, li l-insuffiċjenza ta' kapaċitajiet ta' pproċessar tal-iskart toffri marġni ta' progress kemm fil-qasam tal-impjiegi kif ukoll f'dak ambjentali;

74.  Jilqa' l-ftuħ reċenti tal-konsultazzjoni pubblika bl-isem "Pjan ta' azzjoni aħdar għall-SME"; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tintegra l-problematiċi u l-kompetenzi tal-SMEs tar-reġjuni ultraperiferiċi f'dan il-qasam fil-konklużjonijiet futuri tagħha;

75.  Jenfasizza li t-turiżmu huwa wieħed mill-muturi ewlenin tal-ekonomija tar-reġjuni ultraperiferiċi; iqis, f’dan ir-rigward, li l-iżvilupp u l-immodernizzar tal-lukandi tar-reġjuni ultraperiferiċi permezz ta’ appoġġ konġunt mill-FEŻR u mill-programm COSME huma indispensabbli biex jiġu favoriti d-diversifikazzjoni u l-iżvilupp tal-possibilitajiet ta’ turiżmu sostenibbli tar-reġjuni ultraperiferiċi;

76.  Jissuġġerixxi s-semplifikazzjoni tal-politiki fil-qasam tal-viżi mhux biss għall-Istati Membri tal-Unjoni, iżda wkoll għal ċerti pajjiżi terzi, biex jiġi ffaċilitat it-turiżmu u favorit it-l-iżvilupp ta' turiżmu multidestinatarju bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi ġirien;

Sinerġiji mal-programm Ewropa Kreattiva

77.  Jinnota li ċerti reġjuni ultraperiferiċi huma karatterizzati minn multikulturaliżmu qawwi u li l-kultura tar-reġjuni ultraperiferiċi għandha tibbenefika u tieħu benefiċċju wkoll mill-kultura Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tiftaħ l-aċċess għall-proġetti ħerġin mir-reġjuni ultraperiferiċi għall-programm Ewropa kreattiva;

78.  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi strateġija għall-iżvilupp u l-importanza tal-wirt kulturali tar-reġjuni ultraperiferiċi fuq il-mudell tal-programm Euromed Heritage IV;

o
o   o

79.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 12.
(2) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza