Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/0120A(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0093/2014

Testi mressqa :

A7-0093/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/02/2014 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0141

Testi adottati
PDF 305kWORD 108k
L-Erbgħa, 26 ta' Frar 2014 - Strasburgu
Ftehim qafas dwar sħubija komprensiva u kooperazzjoni KE-Indoneżja bl-eċċezzjoni ta' kwistjonijiet relatati mad-dħul mill-ġdid
P7_TA(2014)0141A7-0093/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, bl-eċċezzjoni ta' kwistjonijiet relatati mad-dħul mill-ġdid (11250/2013 – C7-0351/2013 – 2013/0120A(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11250/2013),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra (14032/2009),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tas-7 ta' Marzu 1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, Singapor u t-Tajlandja – pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja(1) (ASEAN) u tal-protokolli ta' adeżjoni sussegwenti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Settembru 2002 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titolu Qafas strateġiku għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta' sħubija Ewropa-Asja(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2003 dwar is-sitwazzjoni fl-Indoneżja, partikolarment fil-provinċja ta' Aceh(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2003 dwar l-Aceh(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Jannar 2005 dwar id-diżastru reċenti kkawżat miz-tsunami fl-Oċean Indjan(5),

–  wara li kkunsidra n-negozjati dwar is-Sħubija Komprensiva u kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, awtorizzati mill-Kunsill fil-25 ta' Novembru 2004, konklużi f'Ġunju 2007 u ffirmati fid-9 ta' Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indoneżja dwar ċerti aspetti tas-servizzi tal-ajru, iffirmat fid-29 ta' Ġunju 2011(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar l-Indoneżja, inklużi l-attakki kontra l-minoranzi(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2012 dwar il-politika barranija tal-UE rigward il-BRICS u setgħat emerġenti oħra: objettivi u strateġiji(8),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/308/PESK tas-26 ta' April 2012 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mat-Trattat ta' Ħbiberija u Kooperazzjoni fl-Asja tax-Xlokk(9),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali dwar l-elezzjonijiet fl-Indoneżja tal-5 ta' April 2004 u tal-20 ta' Settembru 2004, f'Timor Leste fit-30 ta' Awwissu 1999, fit-30 ta' Awwissu 2001, fid-9 ta' April 2007, fit-30 ta' Ġunju 2007, fis-7 ta' Lulju 2012, u fil-provinċja ta' Aceh fil-11 ta' Diċembru 2006,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ġakarta dwar il-Prinċipji għall-Aġenziji kontra l-Korruzzjoni tas-27 ta' Novembru 2012;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 91, 100, 191(4), 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 81(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport interim tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0093/2014),

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja (minn hawn 'il quddiem l-"Indoneżja") se jkunu rregolati mill-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni msemmi hawn fuq (minn hawn 'il quddiem il-"FSK");

B.  billi l-FSK huwa l-ewwel strument ta' dan it-tip bejn l-Unjoni Ewropea u l-Indoneżja u jimmira li jsaħħaħ il-kooperazzjoni politika, ekonomika u settorjali ta' interess reċiproku u jżid ulterjorment il-kooperazzjoni bilaterali u reġjonali fit-tweġiba għall-isfidi globali;

C.  billi l-FSK fih, bħala elementi fundamentali, il-konferma tal-valuri espressi fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fid-Dikjarazzjoni Universali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u fi trattati internazzjonali oħrajn applikabbli għaż-żewġ partijiet kif ukoll għall-impenn tagħhom lejn il-prinċipji tad-demokrazija, tal-governanza tajba u tal-istat tad-dritt, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment jew it-tisħiħ tal-kooperazzjoni f'oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ u l-investimenti, l-enerġija, it-turiżmu, it-trasport u l-infrastrutturi, il-konservazzjoni tal-baħar u s-sajd, il-politika industrijali u l-impriżi żgħar u medji (SMEs), il-protezzjoni tad-data u d-drittijiet ta' proprjetà intellettwali kif ukoll il-nonproliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva (AQM), il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni, il-ħasil ta' flus, it-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu;

D.  billi l-Indoneżja hija r-raba' pajjiż bl-akbar popolazzjoni fid-dinja, it-tielet l-akbar demokrazija, l-akbar pajjiż Musulman b'miljuni ta' segwaċi ta' reliġjonijiet oħrajn, u b'soċjetà eteroġenja li tħaddan fiha 'l fuq minn 240 miljun ċittadin ta' varji etniji, lingwi u kulturi, 40 % minnhom għandhom inqas minn 25 sena, pożizzjonat strateġikament f'arċipelagu ta' aktar minn 17 000 gżira li jestendi tul 5 400 kilometru mil-Lvant sal-Punent fl-Oċean Indjan u Paċifiku;

1.  Jitlob lill-Kunsill jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet segwenti:

   (a) jilqa' pożittivament il-FSK bħala l-ewwel wieħed ta' dan it-tip bejn l-UE u l-pajjiżi ASEAN; iqis li jixhed l-importanza dejjem qed ikbar tar-rabtiet bejn l-UE u l-Indoneżja u jistenna li jiftaħ era ġdida ta' relazzjonijiet bilaterali msejsa fuq prinċipji kondiviżi bħal pereżempju d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, ir-rispett reċiproku u l-vantaġġ reċiproku;
   (b) jenfasizza l-proċess ta' trasformazzjoni demokratika, politika, soċjali u ekonomika tal-Indoneżja, li dam 15-il sena, wara 33 sena ta' gvern militari awtoritarju; josserva li fl-Indoneżja l-urbanizzazzjoni għaddejja b'ritmu mgħaġġel, il-pajjiż għandu klassi medja li qiegħda tikber malajr ('il fuq minn 70 miljun), riżorsi naturali f'abbundanza, l-akbar ekonomija fix-Xlokk tal-Asja (iż-żieda fil-PDG tlaħħaq 'il fuq minn 6 % f'dawn l-aħħar sentejn), b'nofs il-kummerċ dinji fi tranżitu mill-fruntiera marittima tat-Tramuntana tiegħu u preżenza diplomatika dejjem ikbar fil-fora reġjonali u globali, bħan-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Kummissjoni tal-Oċean Indjan (IOC), il-G20 kif ukoll l-ASEAN li tagħha l-Indoneżja hija kemm fundatur kif ukoll l-akbar membru, u jirrikonoxxi r-rwol importanti li tiżvolġi l-Indoneżja fir-reġjun tal-madwar;
   (c) ifaħħar il-progress li għamlet l-Indoneżja fl-iżvilupp tal-governanza demokratika u l-impenn favur id-demokrazija muri mis-soċjetà pluralistika tagħha, aspetti li jintwerew fl-iżvolġiment ta' elezzjonijiet liberi u ekwi, fil-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni, fl-attiviżmu tas-soċjetà ċivili, fir-reżiljenza ekonomika u fit-tnaqqis tal-faqar, fl-edukazzjoni u fl-indikaturi tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju l-oħra, fit-trawwim ta' relazzjonijiet tajbin mal-ġirien u fid-difiża tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem; josserva, madankollu, li għad fadal sfidi serji għall-istat tad-dritt u għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment billi tiġi garantita r-responsabilità tal-awturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-militari, u tal-persuni li jiksru d-drittijiet tal-minoranzi, bħad-drittijiet tal-gruppi reliġjużi, etniċi, tal-ġeneru u tal-komunità LGBTI, u anki l-isfidi marbuta mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jissottolinja li dawn l-isfidi jistgħu jiġu megħluba permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali, partikolarment fil-qafas tal-FSK;
   (d) jiġbed l-attenzjoni fuq ir-rabtiet dejjem ikbar bejn l-UE u l-Indoneżja fil-kummerċ u f'setturi ekonomiċi oħrajn, fid-dawl tal-opportunitajiet kummerċjali offruti minn ekonomija li ġibdet lejha livelli dejjem ikbar ta' investimenti barranin u interni; jissuġġerixxi li infrastrutturi u konnettività aktar effiċjenti u qafas regolatorju aħjar għandhom ikunu mfittxija permezz ta' kooperazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-FSK dwar il-kummerċ u l-investimenti, it-tassazzjoni u d-dwana, id-djalogu dwar il-politika ekonomika, l-ambjent, il-politika industrijali u l-SMEs kif ukoll it-trasport biex jiġi żblukkat il-potenzjal ekonomiku sħiħ tal-Indoneżja u jiġu promossi t-tkabbir sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar, kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fl-Indoneżja;
   (e) jisħaq fuq il-fatt li l-FSK jimmira lejn it-tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Indoneżja, flimkien mal-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni attwali, u lejn il-kooperazzjoni fit-tegħlib tal-isfidi globali, abbażi tal-prinċipji kondiviżi ta' ugwaljanza, rispett reċiproku, vantaġġi reċiproċi, demokrazija, parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili, stat tad-dritt, governanza tajba u drittijiet tal-bniedem, permezz tal-iżvilupp tal-kooperazzjoni politika u ekonomika fi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kummerċ, l-investimenti, il-politika industrijali, l-SMEs, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, ix-xjenza u t-teknoloġija, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, it-turiżmu, l-edukazzjoni u l-kultura, il-migrazzjoni kif ukoll il-ġlieda kontra l-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, it-traffikar tad-drogi, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin;
   (f) jemmen li r-relazzjoni bejn l-Indoneżja u l-UE teħtieġ tiġi kkunsidrata bħala strateġika u li għandhom isiru summits regolari biex jeżaminaw mill-ġdid l-iżviluppi bilaterali u globali; jirrakkomanda l-organizzazzjoni perjodika ta' żjarat ta' livell għoli fl-Indoneżja, partikolarment min-naħa tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tar-Rappreżentant Għoli/Viċi President u tal-Membri tal-Parlament Ewropew, u proċedura aktar aġevolata reċiprokament għall-ħruġ ta' viżi u għall-aċċess ta' organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili b'tali mod li jkunu intensifikati l-kuntatti interpersonali u l-iskambji tas-soċjetà ċivili; jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward il-ħolqien tal-Kumitat Konġunt, skont l-Artikolu 41 tal-FSK, li hu meħtieġ jiltaqa' almenu kull sentejn, f'alternanza, fl-Indoneżja u fi Brussell;
   (g) iħeġġeġ lill-UE u lill-Indoneżja jisfruttaw bis-sħiħ il-FSK bil-għan li jiksbu vantaġġi ġeostrateġiċi fit-tul biex jegħlbu l-isfidi ta' sigurtà globali fi ħdan il-fora bilaterali, reġjonali u multilaterali globali, bħat-trattament tat-tibdil fil-klima u tal-proliferazzjoni tal-AQM, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-drogi, il-ħasil ta' flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-data kif ukoll l-issuktar tal-kooperazzjoni f'oqsma mhux espressament koperti mill-FSK, bħall-preparazzjoni u r-risposta għad-diżastri, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, l-armi ħfief u ta' kalibru żgħir u s-sigurtà marittima, inkluża l-piraterija;
   (h) jilqa' pożittivament ir-ratifika min-naħa tal-Indoneżja tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali fl-2006, kif ukoll ir-ratifiki reċenti tagħha ta' diversi strumenti tan-Nazzjonijiet Uniti marbuta mad-drittijiet tal-bniedem dwar il-ħaddiema migranti, il-persuni b'diżabilitajiet, it-tfal fil-kunflitti armati u l-bejgħ ta' minorenni, il-prostituzzjoni ta' minorenni u l-pedopornografija; jistenna r-riformi istituzzjonali u ġuridiċi neċessarji biex jippermettu l-konformità ma' tali strumenti;
   (i) japprezza immensament il-ftehim ta' paċi u l-iżvilupp ekonomiku milħuqa f'Aceh matul dawn l-aħħar tmien snin u jittama li jkun jista' jsir aktar progress biex il-provinċja u l-poplu tagħha joħorġu mis-sitwazzjoni ta' faqar;
   (j) ifaħħar l-isforzi meħuda mill-awtoritajiet Indoneżjani favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluża l-ħidma li tagħmel il-Kummissjoni għall-Qerda tal-Korruzzjoni (KPK); jinsab inkwetat, madankollu, li l-korruzzjoni tibqa' problema gravi kif ukoll xkiel importanti għall-iżvilupp tal-Indoneżja minkejja r-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni tal-2006, u jħeġġeġ għaldaqstant li tittieħed aktar azzjoni skont l-Artikolu 25 tal-FSK biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki biex jinstab tarf il-korruzzjoni, inkluż l-irkupru tal-beni moħbija fl-Istati Membri tal-UE jew fi kwalunkwe ġurisdizzjoni oħra, u fil-ġlieda kontra l-kriminalità ekonomika u finanzjarja;
   (k) jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE jestendu l-assistenza legali reċiproka mal-Indoneżja fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jikkooperaw mal-Indoneżja biex jiġi mċaħħad il-kenn lill-entitajiet involuti f'każijiet ta' korruzzjoni u ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
   (l) josserva l-importanza tal-Liġi Indoneżjana 34/2004 u tar-Regolament Ministerjali 22 tal-2009 li jistabbilixxu l-obbligu li l-attivitajiet ekonomiċi u l-azjendi militari kollha jgħaddu taħt il-kontroll tal-Gvern Indoneżjan; jisħaq fuq il-fatt li l-osservanza ta' din il-Liġi u ta' dan ir-Regolament għandha impatt fundamentali għar-responsabilità demokratika fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;
   (m) ifaħħar lill-Indoneżja għar-rwol li żvolġiet fit-tmexxija tal-proċess tal-Forum ta' Bali għad-Drittijiet tal-Bniedem f'livell reġjonali; huwa mħasseb, madankollu, dwar l-inkonsistenza tal-Liġi 8/1985 u tal-Liġi l-ġdida dwar l-organizzazzjonijiet tal-massa nru 17/2013 (li tirrevoka l-ex Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet nru 8/1985) dwar l-organizzazzjonijiet ċivili ("Liġi Ormas"), li, minkejja l-iskop iddikjarat ta' garanzija tat-tolleranza u ta' prevenzjoni tal-vjolenza kontra l-gruppi tas-soċjetà, fin-nuqqas ta' reviżjoni li tiddetermina l-konformità mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, tirriskja li timponi restrizzjonijiet amministrattivi, ġuridiċi u finanzjarji bla bżonn u kultant onerużi fuq l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi, billi jiġu limitati l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda u l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; jemmen, f'dan ir-rigward, li d-djalogu annwali bejn l-UE u l-Indoneżja dwar id-drittijiet tal-bniedem jirrappreżenta l-pjattaforma adegwata biex dawn il-problemi jiġu mvinċija;
   (n) jisħaq fuq il-fatt li l-impriżi nazzjonali kif ukoll barranin li joperaw fl-Indoneżja jkollhom jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom skont il-prinċipji tar-responsabilità soċjali korporattiva; jilqa' b'sodisfazzjon ir-Regolament tal-Gvern Nru GR 47/2012 dwar ir-Responsabilità Soċjali u Ambjentali tal-Kumpaniji b'Responsabilità Limitata, li japplika ġeneralment għall-kumpaniji Indoneżjani u jipprevedi inċentivi u sanzjonijiet; jenfasizza, madankollu, il-bżonn ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-UE toffri, fi ħdan il-qafas tal-FSK, l-assistenza teknika neċessarja, u lill-Indoneżja tiżviluppa pjan nazzjonali tagħha ta' implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU; ifaħħar lill-Indoneżja talli ospitat, f'Novembru 2012, il-laqgħa internazzjonali, immexxija mill-Kummissjoni għall-Qerda tal-Faqar tagħha flimkien mal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità, li matulha ġew diskussi l-"Prinċipji għall-Aġenziji kontra l-Korruzzjoni";
   (o) jikkonstata b'dispjaċir li l-attenzjoni dejjem ikbar fuq it-tagħlim tar-reliġjon Islamika fis-sistema skolastika pubblika, askapitu tad-dimensjoni tal-pluraliżmu reliġjuż, etniku u kulturali u tad-diversità minquxa fil-motto Indoneżjan "Bhineka Tunggal Ika" (magħquda fid-diversità) kif ukoll il-perċezzjoni mifruxa tan-nuqqas ta' deċiżjoni politika min-naħa tal-awtoritajiet biex isibu tarf l-estremiżmu reliġjuż, jinħassu bħala fatturi li minħabba fihom żdiedu l-każijiet ta' vjolenza settarja u ta' diskriminazzjoni kontra persuni li jappartjenu għall-minoranzi reliġjużi u etniċi; jibqa' mħasseb dwar l-atti ta' diskriminazzjoni, vessazzjonijiet jew vjolenza kommessi kontra l-persuni li jappartjenu għall-minoranzi etniċi, in-nisa u l-persuni LGBTI, li f'xi każijiet iseħħu abbażi ta' regoli u regolamenti dwar il-pornografija, il-blasfemija jew l-attivitajiet tal-minoranzi reliġjużi;
   (p) jesprimi tħassib dwar il-vjolenza kommessa kontra l-minoranzi reliġjużi, riflessa fl-attakki kontra s-segwaċi tal-Ahmadiyya u l-Musulmani xiiti u l-għeluq tal-knejjes f'ċerti bnadi tal-pajjiż, kif ukoll ir-regolamenti u l-prattiki statali diskriminatorji fil-konfront ta' persuni li ma jappartjenu għall-ebda waħda mis-sitt reliġjonijiet rikonoxxuti għal dak li għandu x'jaqsam mar-reġistrazzjoni ċivili taż-żwiġijiet u tat-twelid jew tal-ħruġ tal-karti tal-identità; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indoneżjani jiggarantixxu l-applikazzjoni prattika tal-libertà tar-reliġjon kif prevista fil-Kostituzzjoni, u jibqgħu jippromwovu t-tolleranza reliġjuża; jemmen f'dan ir-rigward li d-djalogu annwali UE-Indoneżja dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll l-Artikolu 39 tal-FSK dwar il-modernizzazzjoni tal-Istat u l-Amministrazzjoni Pubblika, huma l-pjattaforma biex dawn il-problemi jiġu mvinċija;
   (q) Ifakkar li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt hija objettiv fundamentali tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Indoneżjani jikkunsidraw l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, jew tal-anqas jiddikjaraw moratorja fuq l-applikazzjoni tagħha; jemmen, f'dan ir-rigward, li d-djalogu annwali bejn l-UE u l-Indoneżja dwar id-drittijiet tal-bniedem jirrappreżenta l-pjattaforma adegwata biex dawn il-problemi jiġu mvinċija; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-UE tinvolvi ruħha aktar mill-viċin mas-soċjetà ċivili tal-Indoneżja bil-għan li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kif ukoll issostni l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;
   (r) jibqa' mħasseb serjament dwar it-tortura u l-każijiet ta' abbuż l-oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem fil-konfront tal-popolazzjoni ċivili fil-Papwa u fil-Papwa tal-Punent, fejn, skont l-istimi, 'il fuq minn 100 000 ruħ inqatlu f'dawn l-aħħar 50 sena; jilqa' favorevolment it-tħabbira reċenti tal-Gvernatur tal-Papwa li jiftaħ il-provinċja għall-ġurnalisti barranin u għall-NGOs għall-ewwel darba wara snin sħaħ; jistieden lill-UE toffri l-assistenza lill-awtoritajiet Indoneżjani, kif kienet għamlet qabel fil-każ ta' Aceh, fl-iżvilupp ta' approċċ komprensiv għat-titjib tas-sitwazzjoni fil-Papwa; jibqa' mħasseb dwar il-ġlied bejn il-forzi ta' sigurtà u l-gruppi indipendentisti u dwar ir-rapporti allarmanti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li tagħhom huma akkużati l-forzi ta' sigurtà, kif ukoll in-nuqqas ta' progress fl-oqsma tal-edukazzjoni, tal-assistenza sanitarja u tal-opportunitajiet ta' xogħol, tal-possibilità ta' eżerċizzju tal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, li huma fundamentali għall-persuni tal-Papwa, kif ukoll il-ħarsien tal-ambjent, tar-riżorsi naturali u tal-identità kulturali tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Indoneżjani jagħtu aċċess liberu f'din iż-żona lill-osservaturi indipendenti tal-UE;
   (s) ifaħħar lill-gvern Indoneżjan għall-isforzi tiegħu biex jippermetti l-attività tal-UNHCR fil-pajjiż u jgħin fil-ġestjoni ta' dawk li jfittxu asil u tar-rifuġjati; josserva l-importanza tad-dibattitu politiku pubbliku bil-għan li jitwessa' s-sostenn tas-soċjetà fil-konfront ta' dawk li jfittxu asil u tar-rifuġjati; jissuġġerixxi, barra minn hekk, li l-Indoneżja u l-UE jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 34 tal-FSK bil-għan li jikkooperaw fil-kwistjonijiet tal-migrazzjoni, inkluża l-migrazzjoni legali u illegali, il-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin;
   (t) iħeġġeġ lill-UE u lill-Indoneżja jikkooperaw mill-qrib skont l-Artikolu 4 tal-FSK dwar il-kooperazzjoni fil-qasam ġuridiku bil-għan li tiġi finalizzata r-ratifika min-naħa tal-Indoneżja tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-prevenzjoni u l-kastig tad-delitt ta' ġenoċidju tal-1948 u tal-Istatut ta' Ruma li jwaqqaf il-Qorti Kriminali Internazzjonali;
   (u) jilqa' pożittivament id-djalogu kontinwat dwar id-drittijiet tal-bniedem, stabbilit fl-2010, bejn l-UE u l-Indoneżja u jinkoraġġixxi parteċipazzjoni u kontribut usa' tas-soċjetà ċivili f'tali djalogu u fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem;
   (v) jilqa' b'sodisfazzjon ir-regolamenti tal-2006, tal-2008 u tal-2010 li jipprojbixxu l-mutilazzjoni ġenitali femminili; jirrikonoxxi l-isforzi li għamlu l-awtoritajiet Indoneżjani, inkluża r-ratifika tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll il-ħidma li saret mill-Kummissjoni Nazzjonali dwar il-Vjolenza fuq in-Nisa (Komnas Perempuan) u mis-soċjetà ċivili lokali bil-għan li jxerrdu l-informazzjoni dwar il-perikli tal-mutilazzjoni ġenitali femminili; josserva, minkejja tali sforzi u l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tan-NU dwar il-projbizzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, li din id-drawwa għadha pprattikata f'ċerti bnadi tal-Indoneżja; jirrakkomanda, f'dan ir-rigward, li l-UE u l-Indoneżja jikkooperaw mill-qrib skont id-dispost tal-Artikolu 31 tal-FSK dwar is-saħħa u li jisfruttaw id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem biex jiskambjaw l-aħjar prattiki mmirati għall-qerda tal-mutilazzjoni ġenitali u għat-tnaqqis sal-minimu tar-riskji għas-saħħa li għalihom huma esposti l-bniet u n-nisa; jistieden lill-Indoneżja tirdoppja l-isforzi tagħha biex ittemm din il-forma serja ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra l-bniet u n-nisa, li tikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;
   (w) ifaħħar il-progress li għamlet l-Indoneżja permezz tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tagħha għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom ta' Tħaddim tat-Tfal u l-qafas ġuridiku tiegħu biex jittratta l-isfruttament ta' minuri;
   (x) jirrikonoxxi r-rwol importanti li żvolġew il-movimenti tal-ħaddiema fid-djalogi u fin-negozjati mal-Gvern u mal-partijiet interessati l-oħra għall-finijiet ta' titjib tal-kundizzjoni tax-xogħol u tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali fl-Indoneżja; jirrakkomanda li l-kooperazzjoni awspikata skont id-dispożizzjonijiet tal-FSK dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u tan-nondiskriminazzjoni għandha tittratta problemi relatati mal-parità tal-ġeneru fil-post tax-xogħol u tiġi affrontata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa; jisħaq, partikolarment, fuq l-importanza ta' azzjoni speċifika biex jiġi żgurat li l-istandards internazzjonali fundamentali tax-xogħol ikunu implimentati b'mod komprensiv, billi l-ħaddiema nisa għadhom vittmi ta' sfruttament u diskriminazzjoni fil-forma ta' ammont eċċessiv ta' xogħol, pagi inferjuri u abbużi min-naħa tas-superjuri;
   (y) jenfasizza li l-esportazzjonijiet mill-UE lejn l-Indoneżja rdoppjaw f'dawn l-aħħar sitt snin, u laħqu valur ta' EUR 9,6 biljun fl-2012; josserva li l-kummerċ bilaterali ġie stmat biss EUR 25 biljun, li jirrendi lill-Indoneżja d-29 sieħeb kummerċjali tal-UE u biss ir-raba' bħala sieħeb kummerċjali tal-UE fir-reġjun, minkejja l-fatt li l-Indoneżja tirrappreżenta 40 % tal-PDG u tal-popolazzjoni tal-ASEAN; josserva, madankollu, li l-investimenti tal-UE fl-Indoneżja qegħdin jiffjorixxu, u jikklassifikaw ruħhom fit-tieni post tal-investimenti barranin diretti wara Singapor, u li 1 000 kumpanija tal-UE investew aktar minn EUR 1 000 biljun u jimpjegaw 1,1 miljun Indoneżjan;
   (z) jistieden lill-Indoneżja u lill-UE jikkunsidraw li jibdew in-negozjati għal ftehim ta' kummerċ ħieles, flimkien mal-kooperazzjoni invokata fi ħdan il-qafas tal-FSK, bil-għan li jitneħħew progressivament l-ostakli maġġuri għall-kummerċ, inkluż iż-żieda tal-konsultazzjonijiet dwar il-konformità mar-regoli tad-WTO, il-promozzjoni tal-użu ta' standards internazzjonali dwar l-ostakli tekniċi għall-kummerċ, it-titjib tal-ħarsien tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, iż-żieda fit-trasparenza tar-regolamenti kummerċjali, l-iżvilupp tal-kooperazzjoni doganali u l-promozzjoni ta' reġim ta' investimenti mhux diskriminatorju, u b'hekk ikompli jiżdied il-kummerċ ta' beni, investimenti, servizzi u akkwist;
   (aa) ifaħħar lill-Indoneżja għall-isforzi tagħha biex tikkollabora mal-UE bil-għan li jinqered il-kummerċ tal-injam u tal-prodotti tal-injam ta' oriġini illegali; jikkonstata l-iffirmar tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT – VPA) bejn l-UE u l-Indoneżja f'Settembru 2013; josserva li l-esportazzjonijiet ta' prodotti tal-injam Indoneżjan lejn l-UE żdiedu b'114 % fl-ewwel trimestru tal-2013; jistenna bil-ħerqa l-ħruġ tal-liċenzji FLEGT li jiċċertifikaw il-legalità tal-injam u tal-prodotti tal-injam għall-finijiet tal-importazzjoni fl-UE tal-injam u tal-prodotti tal-injam Indoneżjani, ladarba ż-żewġ naħat ikunu vvalutaw is-sodezza tas-Sistema ta' Verifika tal-Legalità tal-Injam (Timber Legality Assurance System - TLAS); jistenna wkoll li l-valutazzjonijiet perjodiċi konġunti jeżaminaw il-kapaċità tal-atturi rilevanti biex jimplimentaw il-FLEGT-VPA;
   (ab) jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tal-Indoneżja u tal-UE fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bis-saħħa tal-importanza ġeopolitika u ekonomika, l-estensjoni territorjali kif ukoll id-daqs tal-popolazzjoni tagħhom; jilqa' favorevolment ir-rwol dejjem ikbar tal-Indoneżja fin-negozjati dwar it-tibdil fil-klima; ifaħħar il-pjanijiet ambizzjużi tal-Indoneżja mħabbra fl-2009, biex tnaqqas iż-żieda fl-emissjonijiet u l-appell tagħha għal sostenn internazzjonali biex il-pajjiż jingħata l-għajnuna biex jilħaq tnaqqis saħansitra aktar konsistenti; josserva li d-deforestazzjoni u l-tibdil fl-użu tal-art huma prinċipalment responsabbli għall-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-Indoneżja, imma sal-2027 is-settur enerġetiku li kulma jmur qiegħed jikber huwa mistenni jieħu post il-forestrija; jistieden għaldaqstant lill-partijiet tal-FSK jistabbilixxu minnufih, skont id-dispost tal-Artikolu 23 tal-FSK dwar l-enerġija, mekkaniżmu istituzzjonalizzat ta' kooperazzjoni bilaterali li jista' jkompli fuq l-eżempju tal-UK Climate Change Unit (UKCCU) Indonesia stabbilit fl-2011, bil-għan li jiġu diversifikati l-provvisti enerġetiċi permezz tal-iżvilupp ta' forom ta' enerġija ġodda u rinnovabbli u tal-infrastrutturi ta' trażmissjoni tagħhom biex tingħaqad l-enerġija rinnovabbli maċ-ċentri ta' domanda u jinkiseb użu razzjonali tal-enerġija, b'tali mod li jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima u promoss l-iżvilupp sostenibbli;
   (ac) jesprimi tħassib gravi dwar l-effetti taż-żieda tad-domanda taż-żejt tal-palm fuq id-deforestazzjoni fl-Indoneżja, li hija l-akbar produttur u konsumatur taż-żejt tal-palm fid-dinja; jilqa' pożittivament il-moratorja dwar it-tħammil ta' foresti ġodda deċiża mill-Gvern fl-2011, iżda jħeġġeġ li jittieħdu provvedimenti biex jiġu eliminati l-bosta sotterfuġji li sal-lum inaqqsu notevoment l-effetti tagħha;
   (ad) jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim dwar l-avjazzjoni ffirmata mill-UE u mill-Indoneżja fl-2011, li tabolixxi l-limitazzjonijiet marbuta man-nazzjonalità fis-servizzi bilaterali tal-ajru u jirrappreżenta pass li jsaħħaħ il-kooperazzjoni ġenerali bejn l-UE u l-Indoneżja; jirrakkomanda li jittieħdu aktar inizjattivi fl-ambitu tal-Artikolu 34 tal-FSK dwar it-trasport, partikolarment li jistabbilixxu djalogu strett fil-qasam tat-trasport marittimu u fuq l-art biex jissaħħu l-infrastrutturi fl-arċipelagu Indoneżjan, kif ukoll miżuri biex jimplimentaw bis-sħiħ l-istandards internazzjonali fil-qasam tas-sigurtà u tas-sikurezza tat-trasport kif ukoll tal-prevenzjoni tat-tniġġis;
   (ae) huwa allarmat bin-nirien fil-foresti li jokkorru sena wara l-oħra li għalihom, fil-maġġor parti tagħhom, jiġu akkużati l-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm, l-impriżi tal-qtugħ tas-siġar u l-bdiewa bħala mezz li bih ikollhom aktar art għat-tħawwil imma dawn jikkontribwixxu għat-tisħin globali u jagħmlu lill-Indoneżja wieħed mill-akbar produtturi ta' gassijiet b'effett ta' serra;; japprezza l-wegħda tal-gvern Indoneżjan li jirratifika l-Ftehim ASEAN dwar iċ-Ċpar Transfruntalier sal-bidu tas-sena d-dieħla u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jadottaw b'urġenza aktar miżuri preventivi effikaċi;
   (af) josserva li t-turiżmu huwa wieħed mis-setturi dominanti tal-ekonomija Indoneżjana; jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Artikolu 17 tal-FSK joffri opportunità eċċellenti biex tiġi skambjata l-informazzjoni u jinħolqu l-aħjar prattiki biex li jiġi massimizzat il-potenzjal tal-patrimonju naturali u kulturali Indoneżjan u jitrażżnu l-effetti negattivi, bħat-tniġġis jew bħad-dannu għall-ekosistemi tal-baħar, bil-għan li jiġu żviluppati mudelli ta' turiżmu sostenibbli u jiżdied il-kontribut pożittiv tat-turiżmu, fir-rispett tal-interessi tal-komunitajiet lokali;
   (ag) jikkonstata li l-iskambji interpersonali bejn l-Indoneżja u l-UE saru realtà bis-saħħa tal-programm Erasmus Mundus II, li bejn l-2008 u l-2010 kkonċeda 200 borża ta' studju; jirrikonoxxi li l-Kummissjoni Ewropea tipprevedi sessjonijiet ta' ħidma u seminars biex jiżdiedu l-fehim u l-konoxxenza min-naħa tal-SMEs Indoneżjani tal-istandards internazzjonali u r-rekwiżiti ta' kwalità; iħeġġeġ, madankollu, l-intensifikazzjoni ulterjuri tal-iskambji ta' studenti u tal-persunal akkademiku u jinħolqu skemi ta' taħriġ perjodiċi skont id-dispost tal-Artikolu 25 tal-FSK dwar il-kultura u l-edukazzjoni, kif ukoll l-iskambju tal-aħjar prattiki u tal-kompetenzi fil-qasam turistiku, imprenditorjali u lingwistiku; jistieden barra minn hekk lill-Indoneżja u lill-UE jeżaminaw f'dan il-kuntest il-possibilità li jibdew negozjati dwar il-miżuri ta' faċilitazzjoni tal-viżi biex jiżdiedu l-iskambji interpersonali;
   (ah) josserva li, bejn l-2007 u l-2013, l-UE forniet lill-Indoneżja madwar EUR 400 miljun f'assistenza għall-iżvilupp; jirrikonoxxi li mill-2014 l-Indoneżja mhijiex se tibqa' jkollha dritt għall-Programm Indikattiv Pluriennali (MIP), inkwantu laħqet l-istatus ta' pajjiż b'introjtu medju-baxx (LMIC), filwaqt li għadha tibbenefika mis-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati tal-UE; iħeġġeġ lill-Indoneżja, madankollu, tkompli timplimenta l-politiki prijoritizzati u ffinanzjati preċedentement mill-MIPs, bħal dawk relatati mal-edukazzjoni, mal-kummerċ u mal-investimenti, mal-eżekuzzjoni tal-liġi u l-ġustizzja, mat-tisħiħ ġenerali tal-kapaċitajiet kif ukoll mat-tibdil fil-klima; jemmen li l-kooperazzjoni bilaterali fl-ambitu tal-FSK, flimkien mal-finanzjament tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u mal-ftehimiet futuri dwar sħubija ekonomika, se jiżvolġu rwol essenzjali fil-promozzjoni ta' tali prijoritajiet fl-Indoneżja;
   (ai) jissuġġerixxi li l-Indoneżja u l-UE jidentifikaw oqsma ta' kooperazzjoni, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-FSK, biex jimplimentaw u jmexxu b'mod aħjar il-Pjan Direttur dwar l-Ekonomija (MP3EI) tal-Indoneżja, permezz tal-iskambju tal-kompetenzi u tal-aħjar prattiki għas-sħubijiet pubbliċi-privati u, fil-qafas tal-obbligi tal-G20 tal-Indoneżja u ta' ċerti Stati Membri tal-UE, jikkooperaw mill-qrib biex jiġġieldu kontra t-trasferiment tal-profitt, l-evitar tat-taxxa u jistabbilixxu l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni dwar it-taxxa;
   (aj) iħeġġeġ lill-UE, fi ħdan il-qafas tal-FSK, issostni l-isforzi tal-Indoneżja intiżi li jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika tagħha, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mat-tisħiħ tal-kapaċitajiet għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-politiki, ir-rinfurzar tal-ġudikatura u tal-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi;
   (ak) jistieden lill-UE u lill-Indoneżja jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) u jikkonservaw u jiġġestixxu b'mod sostenibbli r-riżorsi naturali u l-bijodiversità, partikolarment ir-riżorsi forestali, tal-baħar u tas-sajd; jesprimi tħassib dwar iż-żieda fid-deforestazzjoni mis-settur privat għall-pjantaġġuni taż-żejt tal-palm u tal-kawċù, askapitu tas-sistema fardgħalla;
   (al) jilqa' favorevolment ir-ratifika min-naħa tal-Indoneżja tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar u jistieden lill-UE toffri assistenza fir-riformi istituzzjonali u ta' xort'oħra meħtieġa biex tiġi żgurata l-osservanza tal-Konvenzjoni msemmija u titjieb is-sigurtà marittima fir-reġjun;
   (am) jilqa' favorevolment il-FSK li jixhed l-importanza dejjem akbar tar-rabtiet bejn l-UE u l-Indoneżja u jiftaħ era ġdida fir-relazzjonijiet bilaterali permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni politika, ekonomika u settorjali f'firxa wiesgħa ta' ambiti politiċi, billi jaġevola l-kummerċ u l-flussi tal-investimenti kif ukoll l-iskambji interpersonali, anki fil-kuntest tal-inizjattivi UE-ASEAN, u jtejjeb il-kooperazzjoni bejn l-Indoneżja u l-UE biex jagħtu tweġiba għall-isfidi globali, flimkien mal-kooperazzjoni eżistenti fil-kuntest tal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħrajn, li fihom l-UE u l-Indoneżja qegħdin jiżvolġu rwol dejjem aktar importanti, jenfasizza li l-kooperazzjoni bilaterali u multilaterali tista' trawwem ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-livell reġjonali u globali u ttejjeb l-effiċjenza fl-irkupru tal-beni u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-piraterija, il-kriminalità organizzata, il-ħasil ta' flus u r-rifuġji fiskali; jilqa' pożittivament, għalhekk, il-fatt li l-Istati Membri kollha rratifikaw il-FSK, li kien iffirmat diġà fl-2009;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 144, 10.6.1980, p. 2.
(2) ĠU C 272 E, 13.11.2003, p. 476.
(3) ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 617.
(4) ĠU C 87 E, 7.4.2004, p. 528.
(5) ĠU C 247 E, 6.10.2005, p. 147.
(6) ĠU L 264, 8.10.2011, p. 2.
(7) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 201.
(8) ĠU C 239 E, 20.8.2013, p.1.
(9) ĠU L 154, 15.6.2012, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza