Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2154(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0059/2014

Testi mressqa :

A7-0059/2014

Dibattiti :

PV 27/02/2014 - 7
CRE 27/02/2014 - 7

Votazzjonijiet :

PV 27/02/2014 - 10.1
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0164

Testi adottati
PDF 317kWORD 79k
Il-Ħamis, 27 ta' Frar 2014 - Strasburgu
SOLVIT
P7_TA(2014)0164A7-0059/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-SOLVIT (2013/2154(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE tas-17 ta' Settembru 2013 dwar il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2013 dwar “Li tagħti aktar setgħa lin-negozji u liċ-ċittadini fis-suq uniku tal-Ewropa: Pjan ta’ azzjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, li jagħti spinta ’l quddiem lill-Ewropa Tiegħek” (COM(2013)0636),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2012 bl-isem “Ir-rinfurzar tas-soluzzjoni effettiva tal-problemi fis-Suq Uniku – Inħollu l-potenzjal tas-SOLVIT fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tiegħu”(SWD(2012)0033),

–  wara li kkunsidra l-ewwel Rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar “L-Istat ta’ Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 – Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013” (COM(2012)0752),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu “Governanza Aqwa tas-Suq Uniku” (COM(2012)0259),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2012 bit-titolu “Nagħmlu Suċċess mis-Suq Uniku – Kontroll annwali fuq il-governanza 2011” (SWD(2012)0025),

–  wara li kkunsidra t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku online li saret pubblika fl-4 ta’ Lulju 2013,

–  wara li kkunsidra l-istudju “Punt ta’ Kuntatt Uniku Ewropew” ta’ Lulju 2013, ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar il-governanza tas-Suq Uniku(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 bl-isem 'L-Att dwar is-Suq Uniku - il-Passi li jmiss għat-tkabbir'(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar governanza u sħubija fis-Suq Uniku(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar is-SOLVIT(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0059/2014),

A.  billi d-drittijiet taċ-ċittadini u n-negozji fis-suq uniku jeħtieġ li jintużaw b’mod effettiv, u billi l-liġi tal-UE li tiggarantixxi dawn id-drittijiet jeħtieġ li tiġi infurzata b’mod effettiv biex ikun żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji kollha jibbenefikaw mill-potenzjal tas-suq intern;

B.  billi l-għoti ta’ informazzjoni liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom u l-iffaċilitar tat-tgawdija ta’ dawk id-drittijiet jgħinu biex is-suq intern jaħdem aħjar;

C.  billi attwalment is-SOLVIT jimmaniġġja madwar 1 300 każ fis-sena, u jirnexxielu jsib soluzzjonijiet għal madwar 90 % tal-klijenti tiegħu sad-data ta’ skadenza ta’ 70 ġurnata;

D.  billi l-interess f’“L-Ewropa Tiegħek” u l-użu tiegħu qiegħed jikber b’mod mgħaġġel u, skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku online, fl-2012 aktar minn 11 000 viżitatur ikkonsultaw il-portal kuljum, meta mqabbel ma’ 6 500 fis-sena preċedenti;

E.  billi ripetutament talab biex jissaħħaħ in-netwerk tas-SOLVIT, u biex tkun disponibbli aktar informazzjoni u informazzjoni aħjar dwar id-drittijiet tal-UE;

F.  billi s-SOLVIT għandu rwol importanti bħala għodda ewlenija għas-soluzzjoni tal-problemi u, għaldaqstant, bħala mezz sabiex tiġi żgurata konformità aħjar mal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tas-suq uniku; billi, minkejja dan, is-SOLVIT jibqa’ mhux utilizzat biżżejjed u mhux qed jilħaq il-potenzjal tiegħu;

G.  billi, jekk isir użu sħiħ tiegħu, is-SOLVIT jista’, f’numru kbir ta’ oqsma, isir mod utli li bih is-sistemi tal-qrati, li jistgħu jkunu kumplikati ħafna u b'hekk tkun diffiċli għaċ-ċittadini u n-negozji biex isolvu l-problemi tagħhom, ma jibqgħux jintużaw b'mod eċċessiv;

H.  billi, skont l-istudju kkummissjonat tiegħu bl-isem “Punt Uniku ta’ Kuntatt Ewropew”, għalkemm hija disponibbli firxa estensiva ta’ informazzjoni, pariri u assistenza online għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej, l-għarfien dwar dawn is-servizzi huwa baxx ħafna, bir-riżultat li 91.6 % ta’ dawk intervistati m’għandhom l-ebda għarfien dwar servizz online li jistgħu jirrikorru għalih sabiex jindirizzaw problemi relatati mas-suq uniku;

I.  billi l-effettività tal-assistenza pprovduta mis-SOLVIT tiddependi ħafna minn kemm hu mħarreġ sew il-persunal tiegħu;

J.  billi għandu jsir sforz akbar biex is-SOLVIT jiġi integrat aħjar fil-firxa ta’ servizzi ta’ għajnuna u ta' strumenti ta’ infurzar disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni;

K.  billi sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jidentifikaw problemi b’mod korrett meta dawn iseħħu u jkunu jistgħu jsolvuhom, jeħtieġ li jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom fis-suq uniku, u billi għad hemm ħafna aktar xi jsir biex jiżdied dak l-għarfien;

Introduzzjoni: użu effettiv tad-drittijiet u l-opportunitajiet fis-suq uniku

1.  Itenni li l-potenzjal tas-suq uniku jista’ jiġi sfruttat biss jekk iċ-ċittadini u n-negozji jkunu konxji mid-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom, u jkunu jistgħu jagħmlu użu effettiv minnhom; ifakkar li dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu biss jekk l-Istati Membri jiżguraw l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku u jekk ikunu disponibbli informazzjoni ta’ kwalità tajba u mekkaniżmi effiċjenti għas-soluzzjoni tal- problemi;

2.  Jenfasizza li ħafna kwistjonijiet tas-suq uniku huma r-riżultat ta’ regolamentazzjoni żejda, implimentazzjoni tard jew ħażina minn Stat Membru wieħed jew aktar, jew regoli nazzjonali li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni; jitlob b’mod qawwi lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tpoġġi pressjoni fuq dawk l-Istati Membri li mhumiex qed jikkonformaw mar-regoli tas-suq uniku;

3.  Jindika li ħafna problemi relatati mal-implimentazzjoni ta’ regoli tas-suq uniku jiġu identifikati permezz tan-netwerk tas-SOLVIT, u jfaħħar il-kontribut tas-SOLVIT għall-bidliet amministrattivi u regolatorji sabiex jiġu rimedjati dawn il-problemi; iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu miżuri li jtejbu l-kompiti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-SOLVIT ikollu mezzi effiċjenti biex iwissi lill-Kummissjoni dwar problemi tas-suq intern li jkun sar jaf bihom, li jirriżultaw minn nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-liġi tal-UE;

5.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku, u l-konformità magħha, huma ta’ importanza assoluta għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej u, għaldaqstant, għall-ekonomija b’mod ġenerali u għall-fiduċja taċ-ċittadini fil-funzjonament tas-suq uniku; jenfasizza wkoll l-obbligi legali tal-Istati Membri f’dan ir-rigward;

6.  Itenni t-talba tiegħu sabiex jiġu żviluppati aktar il-proċeduri ta’ ksur applikabbli, inkluż billi jkun żgurat l-użu aktar strinġenti ta’ dawn il-proċeduri ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tas-suq uniku, u billi jiġu applikati proċeduri aktar mgħaġġla;

7.  Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jsir kull sforz sabiex jiġi żgurat li jiġu evitati, identifikati jew li jitneħħew problemi ta’ infurzar qabel ma jsir meħtieġ li jinbdew proċeduri ta’ ksur formali;

8.  Jenfasizza l-użu ta’ tolleranza żero għan-nuqqas ta’ konformità u ta’ reviżjoni bejn il-pari fl-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, bħala metodi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-liġi dwar is-suq uniku;

Is-SOLVIT: għajnuna għall-individwi u n-negozji biex isolvu l-problemi

9.  Jilqa' r-rakkomandazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT, li twitti t-triq għas-SOLVIT 2.0;

10.  Jinnota li n-netwerk tas-SOLVIT kiseb riżultati tanġibbli u wera l-utilità tiegħu; jinnota, madankollu, li għad hemm lok għal titjib, partikolarment fir-rigward tar-riżoluzzjoni tat-tilwim relatat man-negozji u l-ħin meħud biex jissolvew dawn id-diffikultajiet;

11.  Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb il-ħidma effettiva tan-netwerk tas-SOLVIT dwar ir-riżoluzzjoni informali u rapida ta' kwistjonijiet transkonfinali relatati mas-suq intern – għodda li tindirizza l-applikazzjoni żbaljata wara t-traspożizzjoni – bl-użu ta' proċeduri li huma kemm jista' jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini, u jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni biex itejbu s-sistema tas-SOLVIT, bħala servizz bla ħlas u faċli jintuża;

12.  Iqis li l-prestazzjoni taċ-ċentri tas-SOLVIT għandha tittejjeb kontinwament, speċjalment fir-rigward tal-każijiet tas-sigurtà soċjali, u jinkoraġġixxi koordinazzjoni aħjar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali;

13.  Jitlob biex tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet transkonfinali relatati mal-liġi tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u t-trattament ugwali, b'attenzjoni partikolari lil kwistjonijiet relatati mal-pensjonijiet, il-ħaddiema tal-Unjoni Ewropea u l-ħaddiema stazzjonati;

14.  Jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tas-SOLVIT għall-ħaddiema migranti fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ trattament ugwali u tas-soluzzjoni ta’ problemi transkonfinali;

15.  Jinnota li l-maġġoranza kbira tal-klijenti tas-SOLVIT huma ċittadini; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal kbir tas-SOLVIT bħala għodda għas-soluzzjoni tal-problemi għan-negozji; jenfasizza li hemm ħafna aktar xi jsir sabiex in-negozji, b’mod partikolari negozji żgħar u medji, isiru aktar konxji mis-SOLVIT, jiġu edukati dwar il-possibbiltajiet tiegħu u jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar minnu; jilqa’ l-aġġornament riċenti tal-portal tan-negozju L-Ewropa Tiegħek bħala pass pożittiv f’dik id-direzzjoni;

16.  Jitlob biex ir-relazzjonijiet pubbliċi tas-SOLVIT jissaħħu sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni ferm akbar tan-netwerk; jitlob lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Membri tal-Parlament Ewropew, fil-kostitwenzi tagħhom, jimpenjaw lilhom infushom f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jippromovu r-rwol tal-Ewropa Tiegħek u tas-SOLVIT; jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jkomplu jippromovu s-SOLVIT b'mod reġjonali filwaqt li jinnota li l-każijiet kollha għandhom jiġu ttrattati fil-livell nazzjonali;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-SOLVIT għadu qed jattira volum kbir ta’ każijiet mhux SOLVIT, u li dan qed inaqqas il-pass tal-ġestjoni ta’ lmenti SOLVIT; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-mandat tas-SOLVIT jiġi spjegat aħjar liċ-ċittadini u n-negozji;

18.  Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm disponibbli riżorsi adegwati bħala appoġġ għan-netwerk tas-SOLVIT, b'referenza għall-kundizzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni taċ-ċentri tas-SOLVIT kif stabbilit mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2013;

19.  Jenfasizza l-importanza li tinżamm il-kwalità tas-servizz offrut mis-SOLVIT minkejja restrizzjonijiet baġitarji u riżorsi umani limitati; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li ċ-ċentri tas-SOLVIT ikollhom numru suffiċjenti ta’ persunal imħarreġ sew, b’kompetenzi legali adegwati u għarfien tal-lingwi rilevanti tal-Unjoni, u li l-persunal jiġi pprovdut b’taħriġ xieraq sabiex jibqa’ jtejjeb il-ħiliet u l-għarfien tiegħu;

20.  Jenfasizza l-importanza taċ-ċentri kollha tas-SOLVIT fid-diversi Stati Membri li jipprovdu standard simili ta’ servizz, peress li dan huwa essenzjali għal riżoluzzjoni effettiva tal-problemi;

21.  Jenfasizza l-importanza ta' soluzzjonijiet rapidi għall-problemi li jitolbu biss kjarifika tad-dritt tal-Unjoni u komunikazzjoni adegwata mal-applikanti f'każijiet kumplikati;

22.  Jitlob integrazzjoni aħjar ma’ proċeduri oħra tal-immaniġġjar tal-ilmenti, b’mod partikolari l-EU Pilot;

23.  Jenfasizza l-importanza li s-SOLVIT ikun indirizzat biex jitratta każijiet relatati aktar man-negozju; jinnota li dan jitlob għarfien akbar dwar is-SOLVIT fil-komunità tan-negozju, kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-SOLVIT u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju Ewropej u nazzjonali, pereżempju fil-forma ta' grupp ta' ħidma li jġib flimkien ċentri tas-SOLVIT u assoċjazzjonijiet tan-negozju, u rieda f'uħud miċ-ċentri tas-SOLVIT li jitrattaw każijiet aktar kumplessi;

24.  Jiddispjaċih li ħafna każijiet relatati man-negozju li jistgħu jiġu mmaniġġjati mis-SOLVIT qed jiġu rrifjutati għar-raġuni li huma kumplessi wisq; iqis li jekk xi ċentri tas-SOLVIT isibu li tali każijiet relatati man-negozju huma kumplessi wisq sabiex jiġu mmaniġġjati, din hija problema li teħtieġ li tiġi indirizzata lokalment f’dawk iċ-ċentri tas-SOLVIT;

25.  Jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tipprovdi assistenza informali fl-immaniġġjar tal-każijiet, inkluż parir legali informali f’każijiet kumplessi; jistieden liċ-ċentri tas-SOLVIT sabiex jagħmlu użu minn tali assistenza;

26.  Jenfasizza l-importanza ta' skambji ta' informazzjoni bejn iċ-ċentri tas-SOLVIT u jirrakkomanda li l-Istati Membri jinvestu biex itejbu l-kooperazzjoni bejn dawn iċ-ċentri; jinkoraġġixxi liċ-ċentri tas-SOLVIT fl-Unjoni kollha biex jibdew skambju aktar dettaljat u estensiv tal-aħjar prattika, u jenfasizza l-importanza ta' tali skambji bejn iċ-ċentri tas-SOLVIT fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-promozzjoni tas-servizzi provduti;

27.  Jilqa’ l-kjarifika magħmula fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE dwar il-mandat tas-SOLVIT fir-rigward ta’ każijiet fejn regoli nazzjonali jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni (magħrufa wkoll bħala każijiet strutturali); jilqa’ l-adozzjoni ta’ tali każijiet minn uħud miċ-ċentri tas-SOLVIT; jitlob liċ-ċentri kollha tas-SOLVIT jipprovdu assistenza effettiva kull meta jqumu dawn il-problemi strutturali, inkluż billi jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ problemi potenzjali li jistgħu jinħolqu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali proposta;

28.  Jitlob liċ-ċentri tas-SOLVIT ikunu aktar deċiżi u effiċjenti fir-reazzjoni tagħhom għall-ilmenti u, b’mod partikolari, fl-immaniġġjar ta’ każijiet aktar kumplessi;

29.  Jenfasizza li huwa importanti li l-applikant, iċ-ċentri tas-SOLVIT involuti u l-Kummissjoni jżommu komunikazzjoni u kollaborazzjoni mill-qrib matul il-proċedura; jinnota li f’ħafna każijiet, l-applikant ma jiġix ikkonsultat matul il-proċedura iżda jkun f’kuntatt maċ-ċentru tas-SOLVIT biss meta jissottometti l-applikazzjoni u meta l-każ jitlesta;

30.  Jemmen li għandu jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-livelli kollha tal-gvern fl-Istati Membri u fis-SOLVIT;

31.  Jilqa' b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali murija miċ-ċentri tas-SOLVIT u jitlob biex din il-protezzjoni tkun sorveljata kontinwament u, fejn meħtieġ, tiżdied biex tissodisfa t-talbiet dwar il-protezzjoni tad-data tal-utenti;

32.  Jenfasizza l-importanza li jiżdied l-għarfien dwar u l-viżibilità tan-netwerk tas-SOLVIT u li jinġieb aktar viċin tal-persuni li ma jafux bih; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw aċċess ugwali għaċ-ċentri tas-SOLVIT u għall-portals online, pereżempju għal persuni b'diżabbiltà u l-anzjani, u biex jiġu żviluppati l-possibbiltajiet kollha li jkun stabbilit kuntatt bejn l-utenti u ċ-ċentri tas-SOLVIT f'dan il-kuntest; jikkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku (COM(2012)0721);

33.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' rabta u integrazzjoni tal-portals tas-SOLVIT ma' atturi u pjattaformi relatati oħra sabiex jiżdiedu l-aċċessibbiltà u l-viżibbiltà għall-utenti kollha; jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni biex itejbu s-sistema tas-SOLVIT billi jiżguraw approċċ koerenti fl-UE kollha u jtejbu l-viżibbiltà tagħha; iqis li l-webpages tal-istituzzjonijiet Ewropej relevanti għandhom jinkludu link għas-sit L-Ewropa Tiegħek;

34.  Jenfasizza l-importanza li jitwassal it-tagħrif dwar il-bażi tad-data tal-każijiet tas-SOLVIT u jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tipprovdi informazzjoni dwar netwerks ta' soluzzjonijiet ta' problemi jew sorsi ta' informazzjoni alternattivi, inkluż mezzi oħra possibbli ta' rimedju, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni, f'każijiet li s-SOLVIT ma jistax jitratta;

35.  Jinkoraġġixxi liċ-ċentri tas-SOLVIT jinvolvu lilhom infushom b'mod proattiv billi jieħdu inizjattivi minn rajhom biex joħolqu kuntatti maċ-ċittadini, man-negozji u mal-parlamenti nazzjonali;

36.  Jilqa t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku online, li tipprovdi data dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tas-SOLVIT u L-Ewropa Tiegħek, u dwar il-prestazzjoni tagħhom fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE relevanti għall-funzjonament tas-suq uniku;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu aktar passi sabiex ixerrdu l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ dawn l-istrumenti fost iċ-ċittadini, in-negozji u l-imprendituri, billi jużaw il-mezzi tal-midja kollha, inkluż l-internet, sabiex jiżguraw li l-informazzjoni tilħaq l-akbar numru ta’ ċittadini u negozji possibbli; jistieden lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji tal-informazzjoni mmirati lejn gruppi speċifiċi, inklużi n-negozji – b’mod partikolari n-negozji żgħar u medji;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja, fi ħdan ir-rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-suq uniku, il-prestazzjoni tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tal-problemi tal-Unjoni – b’mod partikolari s-SOLVIT – bħala parti mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir; itenni, barra minn hekk, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-governanza tas-suq uniku billi tistabbilixxi pilastru speċifiku tas-Semestru Ewropew, inkluż rakkomandazzjonijiet iddedikati għall-pajjiżi speċifiċi;

39.  Jibqa’ impenjat li jimmonitorja mill-qrib il-progress tas-SOLVIT; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi stadji importanti miżurabbli għall-iżvilupp mixtieq tas-SOLVIT; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu wkoll il-miri miżurabbli tagħhom kif ukoll skadenzi għall-mod li bih jiġu ttrattati l-każijiet fiċ-ċentri lokali tas-SOLVIT; iqis, f'dan ir-rigward, li s-separazzjoni ta' każijiet relatati ma' ċittadini minn dawk relatati man-negozji sabiex ikun sorveljat il-progress tista' tkun l-aħjar triq li għandha tittieħed; jemmen li, jekk dawn il-miri ma jintlaħqux, għandha terġa' tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-proċedura informali tiġi sostitwita minn att leġiżlattiv, filwaqt li jitqiesu l-mekkaniżmi eżistenti bħal dawk provduti fid-Direttiva 2013/11/UE dwar riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim u r-Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim online; iħeġġeġ lill-Kunsill isegwi l-ambizzjoni tal-Parlament f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib il-progress biex jintlaħqu dawn il-miri tal-UE u tas-SOLVIT nazzjonali fis-Semestru Ewropew;

L-Ewropa Tiegħek: inwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji

40.  Jinnota ż-żieda kontinwa fl-użu tal-portal L-Ewropa Tiegħek;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu distinzjoni ċara bejn l-Ewropa Tiegħek u s-SOLVIT filwaqt li jikkoordinaw il-kampanji ta’ viżibilità rispettivi tagħhom;

42.  Jilqa' l-għanijiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Ewropa Tiegħek, fosthom li jitkompla l-għoti ta' informazzjoni prattika u ta' kwalità tajba dwar id-drittijiet tal-UE fis-Suq Uniku, li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar L-Ewropa Tiegħek u li titqiegħed fil-prattika sħubija mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

43.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu aktar passi effettivi li jqiegħdu L-Ewropa Tiegħek bħala għodda għan-negozji u jżidu l-viżibbiltà tiegħu, inkluż billi jsir użu aħjar tal-midja soċjali; iqis, li permezz tal-branding u bl-inklużjoni tas-SOLVIT, il-portal L-Ewropa Tiegħek isir il-punt ta' aċċess uniku għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej meta jkunu ffaċċjati minn problemi jew meta qed ifittxu informazzjoni; jemmen li punt ta’ aċċess uniku jista’ jservi ta’ punt ta’ referenza għaċ-ċittadini u n-negozji u jħaffef aktar l-aċċess tagħhom għall-għodod differenti ta’ informazzjoni u għall-mekkaniżmi speċjalizzati li jsolvu l-problemi, inkluż is-SOLVIT;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-portal L-Ewropa Tiegħek biex ikopri kompletament id-drittijiet, l-obbligi u l-opportunitajiet fis-suq uniku u tagħmlu faċli kemm jista’ jkun għall-utent;

45.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar regoli u proċeduri nazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li din l-informazzjoni tkun prattika, ħielsa mill-kliem tekniku, aċċessibbli b’mod ugwali għal kulħadd, aġġornata u disponibbli fil-lingwi rilevanti, u sabiex il-portal nazzjonali tagħhom (gvern elettroniku) jiġi konness mal-Ewropa Tiegħek;

o
o   o

46.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 249, 19.9.2013, p. 10.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0054.
(3) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 72.
(4) ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 51.
(5) ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 10.

Avviż legali - Politika tal-privatezza