Pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (COM(2012)0650 – C7-0371/2012 – 2012/0309(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0650),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 77(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0371/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-5 ta' Frar 2014 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0373/2013),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Japprova l-istqarrija tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jieħu nota tal-istqarrija tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-27 ta' Frar 2014 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 509/2014.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Stqarrija tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni ulterjuri tal-Kolombja u tal-Perù
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirrikonoxxu l-bżonn għal valutazzjoni ulterjuri tat-twettiq tal-kriterji rilevanti mill-Kolombja u mill-Perù qabel ma l-Kummissjoni tressaq ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill għal deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-ftuħ tan-negozjati dwar il-ftehimiet dwar l-eżenzjoni tal-viża ma' dawk il-pajjiżi.
Il-Kummissjoni hi impenjata li tkompli b'dawk il-valutazzjonijiet mingħajr dewmien u biex tgħaddihom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota ta' dak l-impenn mill-Kummissjoni.
Stqarrija tal-Kummissjoni dwar tagħrif lill-Parlament Ewropew
Il-Kummissjoni tilqa' l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-proposta tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li għandha l-għan li taġġorna l-Annessi li jinkludu l-listi tal-pajjiżi terzili ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal jew eżentati mir-rekwiżit tal-viża.
Bi qbil mal-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010, dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt 23 tiegħu, il-Kummissjoni ttenni l-impenn tagħha li tgħarraf lill-Parlament Ewropew regolarment dwar il-kondotta tan-negozjati dwar il-ftehimiet għall-eżenzjoni tal-viża li jirriżultaw mit-trasferiment ta' ċerti pajjiżi għall-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Il-Kummissjoni għandha, mhux inqas minn darbtejn fis-sena, tressaq aġġornamenti lill-entitajiet rilevanti fil-Parlament Ewropew.