Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar il-futur tal-politika dwar il-viżi tal-UE (2014/2586(RSP))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 77 tiegħu,
– wara li kkunsidra lkomunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'L-implementazzjoni u l-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi sabiex jiġi xprunat it-tkabbir fl-UE' (COM(2012)0649),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar kif ħadmet il-Kooperazzjoni Lokali ta' Schengen fl-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi (COM(2012)0648),
– wara li kkunsidra s-seba' rapport tal-Kummissjoni dwar iż-żamma ta' obbligi ta' viża minn ċerti pajjiżi terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità (COM(2012)0681),
– wara li kkunsidra r-reviżjonijiet reċenti(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa(2),
– wara li kkunsidra l-ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi mal-Ġeorġja(3), l-Ukraina(4), il-Moldova(5), il-Kap Verde(6), l-Armenja(7) u l-Azerbajġan(8),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-futur tal-politika tal-viża tal-UE (O‑000028/2014 – B7‑0108/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-politika komuni dwar il-viża tikkostitwixxi konsegwenza neċessarja għat-tneħħija ta' kontrolli mal-fruntiera interna fi ħdan iż-żona ta' Schengen;
B. billi l-elementi prinċipali tal-politika komuni dwar il-viża huma: il-lista komuni ta' pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għar-rekwiżit tal-viża u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minnha, kif anness mar-Regolament (KE) Nru 539/2001, ir-regoli komuni dwar il-ħruġ ta' viżi li jinsabu fil-Kodiċi dwar il-Viżi, il-format uniformi għall-viżi, l-iskambju ta' informazzjoni permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, u serje ta' ftehimiet internazzjonali ma' pajjiż terzi dwar l-eżenzjoni u l-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi;
C. billi t-Trattat ta' Lisbona jipprevedi l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-aspetti kollha tal-politika komuni dwar il-viża, u l-approvazzjoni tal-Parlament għall-ftehimiet internazzjonali dwar is-suġġett;
D. billi huwa importanti li jingħata bidu għal riflessjoni u diskussjoni interistituzzjonali dwar il-futur tal-politika komuni tal-UE dwar il-viża, b'mod partikolari rigward il-passi lejn iktar armonizzazzjoni ta' proċeduri tal-viża, inkluż regoli komuni dwar il-ħruġ ta' viżi;
Politika ġenerali dwar il-viża u reviżjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi
1. Jilqa' l-progress magħmul fil-qasam tal-acquis tal-viża, iżda jistieden ukoll lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jtejbu l-implimentazzjoni tal-acquis attwali dwar il-viża; jitlob, speċjalment, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi f'terminu ta' żmien qasir;
2. Jemmen li fil-ġejjieni għandhom jittieħdu passi favur aktar armonizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża, inkluż regoli verament komuni dwar il-ħruġ ta' viżi;
3. Iqis li huwa ċar li f'bosta pajjiżi terzi kopertura konsulari mhijiex soddisfaċenti;
4. Iqis li ċentri ta' applikazzjoni tal-viża komuni taw prova ta' għodda utli li fil-futur tista' ssir proċedura standard;
5. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma ppreżentatx studju dwar il-possibilità li jiġi stabbilit 'mekkaniżmu Ewropew komuni għall-ħruġ ta' viżi għal terminu qasir', inkluża analiżi dwar 'sa liema grad il-valutazzjoni ta' riskju individwali tista' tissupplimenta l-preżunzjoni ta' riskju assoċjat maċ-ċittadinanza ta' applikant', kif ġiet mistiedna tagħmel fil-Programm ta' Stokkolma (punt 5.2);
6. Iqis li vjaġġi li jsiru bona fide u frekwenti għandhom jiġu ulterjorment faċilitati, partikolarment permezz ta' użu aktar frekwenti ta' viżi għal dħul multiplu b'terminu ta' żmien itwal;
7. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet attwali tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex ikun permess il-ħruġ ta' viżi umanitarji, u biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' kenn temporanju għal difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu fir-riskju f'pajjiżi terzi;
8. Jistenna bil-ħerqa l-proposta mistennija għal rieżami tal-Kodiċi dwar il-Viżi, iżda jiddeplora l-fatt li l-adozzjoni tiegħu ġie pospost ripetutament mill-Kummissjoni;
9. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-evalwazzjoni ġenerali tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandha ma ġietx ippreżentata mill-Kummissjoni; jiddeplora l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta din l-evalwazzjoni flimkien mal-proposta għal rieżami tal-Kodiċi dwar il-Viżi; iqis li tkun ħaġa iktar xierqa jekk il-Kummissjoni tippreżenta r-rapport ta' evalwazzjoni l-ewwel u b'hekk tippermetti lill-istituzzjonijiet jagħmlu diskussjoni bbażata fuqu;
Faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi
10. Jitlob li jiġu konklużi aktar ftehimiet għall-faċitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, fejn ikun xieraq, u il-monitoraġġ u t-titjib ta' dawk li diġà jeżistu;
11. Jitlob evalwazzjoni sistematika tal-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi li diġà jeżistu, sabiex jiġi eżaminat jekk humiex qed jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom;
Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001
12. Jilqa' l-aġġornamenti reċenti tal-listi ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti jew mhumiex soġġetti għall-ħtieġa tal-viża, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 539/2001, u b'mod partikolari l-eżenzjonijiet addizzjonali mill-ħtieġa tal-viża; ifakkar fl-importanza ta' vvjaġġar mingħajr viża għal pajjiżi terzi u partikolarment is-soċjetajiet ċivili tagħhom, iżda wkoll għall-interessi tal-UE stess;
13. F'dan il-kuntest, huwa tal-fehma li ftehim għall-ħelsien mill-viża bejn l-UE u l-Ukraina huwa mod kif wieħed iwieġeb għas-sejħiet tas-soċjetà ċivili Ukraina u l-istudenti li ddimostraw tul l-aħħar ftit jiem; jinnota li tali ftehim isaħħaħ l-iskambji u l-kuntatti fost il-popli bejn is-soċjetajiet ċivili, u b'hekk jiżdied il-fehim reċiproku, u dan ikun ta' benefiċċju għall-iskambji ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta sabiex l-Ukraina titpoġġa fil-lista ta' pajjiżi terzi li n-nazzjonali tagħhom ma jkunux soġġetti għall-ħtieġa tal-viża; u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehim attwali ta' faċilitazzjoni tal-viża sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-UE, partikolarment għall-istudenti u x-xjentisti;
14. Jilqa' l-aġġornament tal-kriterji ta' eżenzjoni tal-viża biex jinkludu kunsiderazzjonijiet ta' drittijiet fundamentali iżda wkoll benefiċċji ekonomiċi, b'mod partikolari f'termini ta' turiżmu u kummerċ barrani, u l-inklużjoni tagħhom f'artikolu tar-regolament;
15. Jenfasizza li liberalizzazzjoni ulterjuri teħtieġ aktar għarfien dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet attwali għall-viża, inkluż permezz tas-Sistema Elettronika tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (EU-ESTA); jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-Parlament ikun infurmat b'mod aktar komplet rigward is-sitwazzjoni ta' terzi pajjiżi fid-diskussjoni, sabiex ikun jista' jsir skrutinju demokratiku adegwat;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tirrefletti dwar kif, fil-ġejjieni, tibdil fl-annessi tar-regolament u ftehimiet bilaterali ta' eżenzjoni mill-viża, fejn jitqies meħtieġ, jisttgħu jitqiesu b'mod parallel, sabiex jiġi evitat ir-riskju li modifika fl-annessi tiġi segwita immedjatament bil- ftehim neċessarju ta' eżenzjoni mill-viża;
17. Jinnota l-ftehim dwar il-mekkaniżmu ta' sospensjoni; jistenna l-Istati Membri jagħmlu użu minn dan il-mekkaniżmu bona fide u biss bħala l-aħħar possibilità f'sitwazzjoni ta' emerġenza, fejn ikun meħtieġ rispons urġenti sabiex jiġu solvuti diffikultajiet iffaċċjati mill-Unjoni b'mod ġenerali, u meta l-kriterji relevanti jiġu sodisfatti;
18. Iqis li reċiproċità sħiħa tal-viżi hija objettiv li l-Unjoni għandha ssegwi b’mod proattiv fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, u b’hekk tgħin biex jittejbu l-kredibilità u l-konsistenza tal-politika esterna tal-Unjoni fil-livell internazzjonali;
19. Jitlob li jsir dibattitu dwar il-konnessjoni bejn liberalizzazzjoni ulterjuri tal-viża u s-sejħiet li qed isiru minn ċerti Stati Membri għal aktar miżuri ta' sigurtà u kontrolli aktar stretti mal-fruntieri għal vjaġġaturi eżentati mill-ħtieġa tal-viża;
Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)
20. Jistieden lill-eu-LISA tippreżenta r-rapport ta' evalwazzjoni mistenni tal-VIS malajr kemm jista' jkun;
Involviment tal-Parlament Ewropew
21. Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni jtejbu l-fluss ta' informazzjoni lill-Parlament fir-rigward ta' negozjati dwar ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-viża, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE u l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;
22. Iħabbar l-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi grupp ta' kuntatt dwar il-politika tal-viża fi ħdan il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jipparteċipaw fil-laqgħat ta' dan il-grupp ta' kuntatt;
o o o
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.