Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2150(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0070/2014

Testi mressqa :

A7-0070/2014

Dibattiti :

PV 27/02/2014 - 8
CRE 27/02/2014 - 8

Votazzjonijiet :

PV 27/02/2014 - 10.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0178

Testi adottati
PDF 340kWORD 82k
Il-Ħamis, 27 ta' Frar 2014 - Strasburgu
Azzjonijiet speċifiċi fil-Politika Komuni tas-Sajd għall-iżvilupp tar-rwol tan-nisa
P7_TA(2014)0178A7-0070/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar azzjonijiet speċifiċi fil-Politika Komuni tas-Sajd għall-iżvilupp tar-rwol tan-nisa (2013/2150(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), speċjalment ir-Regolamenti (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 tal-Kunsill, li jistabbilixxu r-regoli u l-arranġamenti dwar l-għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(1),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-6 ta’ Frar 2013 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu, tat-12 ta’ Settembru 2012, dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura(3),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni u l-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament u l-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (COM(2011)0804),

–  wara li kkunsidra l-proposta magħmula mill-Kummissjoni u l-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament u l-Kunsill dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f’‘Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (2014-2020)’ (COM (2011) 0810),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010–2015” (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu, tal-15 ta’ Diċembru 2005, dwar in-netwerks tan-nisa: sajd, biedja u diversifikazzjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu, tat-22 ta’ Novembru 2012, dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd(5),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd(6),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2012 dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd – Komunikazzjoni Ġenerali(7),

–  wara li kkunsidra s-seduta dwar in-nisa u l-iżvilupp sostenibbli fil-qasam tas-sajd fil-Kumitat għas-Sajd tal-1 ta’ Diċembru 2010,

–  wara li kkunsidra s-seduta tal-Kumitat għas-Sajd u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi li saret fil-Parlament Ewropew fl-14 ta’ Ottubru 2013 dwar l-iżvilupp tar-rwol tan-nisa fis-sajd u fl-akkwakultura Ewropej,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għas-Sajd u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 51 tar-Regoli ta’ Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7–0070/2014),

A.  billi x-xogħol li jsir min-nisa fis-sajd u l-akkwakultura mhuwiex rikonoxxut u, ġeneralment, jibqa’ inviżibbli, minkejja l-fatt li jirrappreżenta valur ekonomiku konsiderevoli u jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta’ diversi lokalitajiet u reġjuni fl -Ewropa, b’mod partikolari fiż-żoni li jiddependu mis-sajd;

B.  billi aktar minn 100 000 mara jaħdmu fis-settur tas-sajd fl-Istati Membri, li 4 % minnhom iwettqu xogħol fis-settur tal-estrazzjoni, u b’xogħlijiet marbuta mal-attività tal-bastimenti tas-sajd bħala nisa li jsewwu x-xbieki, jaħdmu fil-portijiet jew jieħdu ħsieb l-ippakkjar, 30 % f’dak tal-akkwakultura, prinċipalment fis-sajd għall-frott tal-baħar li jsir bil-mixi, u madwar 60 % fl-industrija tal-ipproċessar;

C.  billi x-xogħol li tradizzjonalment jagħmlu n-nisa fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura huwa xogħol tqil: is-sajd għall-frott tal-baħar li jsir bil-mixi, il-bejgħ tradizzjonali tal-ħut, kemm jekk ikun mobbli jew f’faċilità fit-triq jew f'ħanut, il-manifattura u t-tiswija tax-xbieki tas-sajd, l-iżbarkar u l-ikklassifikar tal-qabdiet, u l-imballaġġ f’kundizzjonijiet klimatiċi partikolarment diffiċli;

D.  billi l-istatistika tissottavaluta bil-kbir ir-realtà tax-xogħol tan-nisa f’xi wħud minn dawn is-setturi u l-kriżi ekonomika mifruxa u l-qgħad għoli f’xi Stati Membri għenu biex jiżdiedu aktar dawn iċ-ċifri u wasslu għal numru dejjem akbar ta’ nisa involuti f’attivitajiet fis-settur tas-sajd, partikolarment fil-ġbir tal-molluski tal-art, bħala mezz biex jikkomplimenta jew anke jiżgura d-dħul tal-familja tagħhom;

E.  billi jirrikonoxxi l-kontribut tan-nisa fl-attivitajiet relatati mas-sajd u l-akkwakultura, u b’mod partikolari f’dawk relatati mal-preparazzjoni u t-tiswija tax-xbieki tas-sajd, dawk relatati mar-rimi u l-klassifikazzjoni tal-ħut, il-ġestjoni tal-provvista tal-prodotti għal kull bastiment, mal-ipproċessar, it-trasformazzjoni, l-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut, jew il-ġestjoni tal-intrapriżi tas-sajd;

F.  billi fil-paragrafu 30 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd il-Parlament jistieden lill-Istati Membri jqisu l-importanza tar-rwoli ekonomiċi, soċjali u kulturali tan-nisa fl-industrija tas-sajd sabiex in-nisa jkun jista’ jkollhom aċċess għall-benefiċċji soċjali; jenfasizza li l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-attivitajiet relatati mas-sajd tikkontribwixxi, l-ewwel nett, għaż-żamma u s-sopravivenza tas-settur tas-sajd u t-tieni nett, dik tat-tradizzjonijiet, prattiki speċifiċi kif ukoll għas-salvagwardja tad-diversità kulturali tad-diversi reġjuni;

G.  billi fil-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2012 il-Parlament jitlob li tittieħed azzjoni biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tas-settur tas-sajd u l-akkwakultura;

H.  billi fil-paragrafu 31 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd il-Parlament jappella lill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) biex jipprovdi fondi ħalli jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur tas-sajd, appoġġ għall-assoċjazzjonijiet tan-nisa, taħriġ vokazzjonali għan-nisa, u tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-sajd billi jingħata appoġġ kemm għall-attivitajiet li jitwettqu fuq l-art kif ukoll dawk assoċjati mas-sajd, kemm fil-produzzjoni kif ukoll fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni;

I.  billi fil-paragrafu 39 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiggarantixxu li n-nisa jkunu jistgħu jgawdu paga ugwali u drittijiet tax-xogħol, soċjali u ekonomiċi oħra, inkluża l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji u miżuri għall-applikazzjoni tal-koeffiċjenti għall-irtirar bikri biex jingħata kumpens għad-diffikultà tax-xogħol (xogħol bil-lejl, periklu, ħinijiet skont ir-ritmu tal-produzzjoni jew possibbiltà ta’ sajd) li huma esposti għalihom minħabba li jaħdmu fis-settur tas-sajd, kif ukoll ir-rikonoxximent tal-patoloġiji speċifiċi tagħhom bħal mard okkupazzjonali;

J.  billi d-data statistika dwar il-forza tax-xogħol, u b’mod partikolari, dik dwar it-tqassim skont il-ġeneru f’ċerti attivitajiet, kif ukoll dik dwar is-sajd artiġjanali jew fuq skala żgħira, l-akkwakultura estensiva u l-attivitajiet relatati, tingħata inqas prijorità minn dik dwar il-qbid, il-ħatt, it-tunnellaġġ, eċċ.;

K.  billi d-data statistika għall-UE u l-Istati Membri dwar il-forza tax-xogħol fis-sajd, l-akkwakultura u setturi relatati mhijiex kompluta, armonizzata jew imqassma f'indikaturi biex ikun possibbli li jiġi stimat il-kontribut tan-nisa f'dawn is-setturi;

L.  billi jirrikonoxxi li, minkejja x-xogħol imwettaq min-nisa fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura u l-kontribut ekonomiku importanti tagħhom, ma jgawdux protezzjoni soċjali u tax-xogħol adegwata u lanqas ma għandhom status professjonali u tax-xogħol xieraq;

M.  billi jirrikonoxxi li n-nisa jbatu minn diskriminazzjoni ekonomika fis-settur tas-sajd, u jirċievu paga inqas mill-irġiel għat-twettiq tal-istess xogħol;

N.  billi f’ħafna każijiet ix-xogħol imwettaq min-nisa fis-settur tas-sajd ma jkollu ebda rikonoxximent legali u ma jinvolvix aċċess għal protezzjoni soċjali proporzjonat mar-riskji u l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa u l-karatteristiċi ta’ dawn l-attivitajiet;

O.  billi fil-paragrafu 42 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri passi biex jippromwovu u jiksbu rikonoxximent akbar, kemm fuq livell legali kif ukoll soċjali, għax-xogħol tan-nisa fis-settur tas-sajd, u biex jiżguraw li n-nisa li jaħdmu full-time jew part-time għal impriżi tal-familja jew li jgħinu lill-konjuġi tagħhom u li jikkontribwixxu b’dal-mod għas-sostenibbiltà ekonomika tagħhom stess u tal-familja, jingħataw l-istess rikonoxximent legali jew benefiċċji soċjali li jgawdu minnhom persuni li jaħdmu għal rashom, b’mod partikolari billi tiġi applikata d-Direttiva 2010/41/UE, u biex jiġu żgurati d-drittijiet soċjali u ekonomiċi tagħhom, inkluża l-ugwaljanza fis-salarji, il-benefiċċji tal-qgħad fil-każ li jitilfu l-impjiegi tagħhom (b’mod temporanju jew definittiv), id-dritt għal pensjoni, il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u tal-familja, l-aċċess għal-liv tal-maternità, l-aċċess għas-sigurtà soċjali u għas-servizzi tas-saħħa mingħajr ħlas, u l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, u drittijiet soċjali u ekonomiċi oħra, inkluża assigurazzjoni li tkopri r-riskji fuq il-baħar;

P.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2012 il-Parlament jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ rikonoxximent legali u soċjali akbar u kumpens ikbar għar-rwol tan-nisa fis-settur tas-sajd, u l-istess drittijiet bħall-irġiel, kif ukoll status legali u benefiċċji soċjali ekwivalenti għal dawk disponibbli għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom għall-konjuġi u l-koabitanti tas-sajjieda li jgħinu biex iżommu n-negozju tal-familja;

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi programm tal-istatistika speċifiku fuq ir-reġjuni li jiddependu mis-sajd, b’attenzjoni partikolari għas-sajd kostali artiġjanali, il-metodi tas-sajd tradizzjonali u l-kanali kummerċjali speċifiċi, u x-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol tan-nisa li jiġbru l-frott tal-baħar, in-nisa li jsewwu x-xbieki u n-nisa artiġjani li jaħdmu fis-sajd u attivitajiet relatati mas-sajd, sabiex jiġu evalwati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-attività tan-nisa u jiġi mtejjeb ir-rikonoxximent soċjali ta’ dawn il-professjonijiet li huma verament iebsin;

2.  Iqis li huwa meħtieġ li jitjieb il-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni statistika rigward l-impjiegi fis-settur tas-sajd, imqassma skont il-ġeneru, it-tip ta’ attività u t-tip ta’ kuntratt (awtonomu, part-time, full-time, każwali), sabiex tkun tista' ssir stima tal-kontribut tan-nisa fis-sajd u l-akkwakultura;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex il-ġbir tad-data mqassma skont il-ġeneri jiġi estiż għas-settur tal-qbid u biex jiġu introdotti indikaturi ġodda bħall-età, il-livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-attività tal-konjuġi jew l-imsieħeb;

4.  Iqis li huwa neċessarju li jiġu stabbiliti definizzjonijiet ċari dwar l-indikaturi statistiċi użati għall-ġbir ta’ data dwar l-impjieg tal-forza tax-xogħol fis-sajd, l-akkwakultura u fis-setturi relatati; iqis ukoll li hu neċessarju li titħejja firxa armonizzata ta’ indikaturi statistiċi fil-livell tal-UE u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu, fiż-żmien dovut, data kompluta b'konformità ma' dawk l-indikaturi;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrikonoxxu r-rwol tan-nisa legalment u soċjalment fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni li jiddependu mis-sajd, sabiex jiġu eliminati l-ostakli ekonomiċi, amministrattivi u soċjali kollha li jagħmlu l-parteċipazzjoni tagħhom aktar diffiċli f’kundizzjonijiet ugwali;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iħeġġu lill-Istati Membri jirregolaw u jirrikonoxxu bħala mard okkupazzjonali l-korrimenti fil-ġogi jew fl-ispina jew il-mard rewmatiku kkawżati mill-kundizzjonijiet klimatiċi ħorox li jkollhom jaħdmu fihom in-nisa li jiġbru l-frott tal-baħar, in-nisa li jsewwu x-xbieki, in-“neskatillas”, in-nisa li jieħdu ħsieb l-ippakkjar, nisa tal-intrapriżi ta’ trasformazzjoni, il-proċessuri nisa, is-sajjieda nisa, in-negozjanti nisa kif ukoll dawk li jirriżultaw minn tqandil ta’ piżijiet eċċessivi;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li x-xogħol tan-nisa jikkontribwixxi biex itejjeb it-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd, ħaġa li min-naħa tagħha tikkontribwixxi għall-għarfien tal-konsumatur u tiggarantixxi standards ogħla ta’ kwalità u sigurtà tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, u b’hekk iżżid l-opportunitajiet ekonomiċi, gastronomiċi u turistiċi taż-żoni tas-sajd;

8.  Jitlob li jinħolqu (taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u/jew strumenti oħra) mekkaniżmi speċifiċi ta’ appoġġ li jistgħu jkunu attivati f’emerġenzi (diżastri naturali) kif ukoll mekkaniżmi ta’ kumpens finanzjarju biex jassistu lis-sajjieda irġiel u nisa u lill-familji tagħhom matul il-projbizzjoni temporanja tas-sajd, speċjalment f’żoni fejn is-sajd huwa l-uniku sors ta’ qliegħ;

9.  Iqis li huwa meħtieġ li tiġi promossa u appoġġata finanzjarjament il-kooperazzjoni bejn in-nisa permezz ta’ netwerks nazzjonali u Ewropej tan-nisa, bil-għan li tiżdied il-viżibilità tan-nisa fis-settur tas-sajd, li tinħoloq kuxjenza soċjali dwar il-kontribut tan-nisa fl-attività tas-sajd, li jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-esperjenzi kif ukoll biex il-bżonnijiet u t-talbiet tan-nisa jiġu kkomunikati mill-gvernijiet lokali lill-korpi Ewropej;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għall-organizzazzjonijiet tan-nisa fis-setturi tas-sajd, l-akkwakultura u f'setturi relatati, ħaġa li tagħmilha possibbli li dawn jimplimentaw l-inizjattivi tagħhom, jikkonsolidaw l-organizzazzjonijiet tagħhom u jikkuntattjaw organizzazzjonijiet oħra tan-nisa għal skambji tal-esperjenzi u l-prattiki tajbin;

11.  Iqis li huwa meħtieġ li tiġi promossa u msaħħa l-parteċipazzjoni effettiva tan-nisa fil-korpi konsultattivi, fil-kunsilli konsultattivi u fil-korpi deċiżjonali, rappreżentattivi, reġjonali u professjonali, filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u privat bl-istess kundizzjonijiet bħall-irġiel;

Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) 2013–2020

12.  Jinnota li Stat Membru wieħed biss uża l-opportunitajiet offruti mill-Assi 4 tal-Fond Ewropew għas-Sajd biex jiffinanzja proġetti li għandhom lin-nisa bħala benefiċjarji, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jaħtfu l-opportunitajiet offruti mill-FEMS biex:

   japplikaw il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs, kemm fil-manifattura kif ukoll fl-iżvilupp jew fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi;
   jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur tas-sajd billi jfasslu s-settur mill-ġdid u joffru faċilitajiet adegwati (bħal kmamar biex ibiddlu fuq il-bastimenti u fil-portijiet);
   jappoġġaw l-assoċjazzjonijiet tan-nisa u l-organizzazzjoni tagħhom f’netwerks (eż. dawk li jagħmlu x-xbieki, in-nisa li jaħdmu fil-port u dawk li jieħdu ħsieb l-ippakkjar);
   jappoġġaw proġetti li jtaffu l-problemi li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa li jiġbru l-frott tal-baħar, inkluż il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik tal-familja;
   jappoġġaw proġetti għall-promozzjoni, id-diversifikazzjoni u ż-żieda fil-profil tar-rwol tan-nisa fis-sajd u l-akkwakultura;
   joffru aċċess lin-nisa u t-tfajliet għat-taħriġ permezz tal-iffinanzjar ta’ taħriġ speċifiku, edukazzjoni professjonali u rikonoxximent professjonali tal-attività tagħhom; għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom ivaraw proċessi għall-kisba ta’ ċertifikati ta’ ħiliet b’rikonoxximent uffiċjali u jistabbilixxu ċentri ta’ taħriġ għal dawn l-attivitajiet professjonali li jagħmlu n-nisa fid-diversi komunitajiet;
   joffru lit-tfajliet opportunitajiet imtejba ta’ impjieg u jappoġġaw il-kontinwità bejn il-ġenerazzjonijiet, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ attivitajiet tan-negozju sostenibbli tal-ambjent marittimu;
   jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali, b’mod partikolari għal nisa li jaħdmu fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, biex iżidu l-possibilitajiet tagħhom għal aċċess għal pożizzjonijiet maniġerjali u pożizzjonijiet tekniċi kwalifikati u ta’ ġestjoni relatati mas-sajd f’kundizzjonijiet ta’ paga ugwali;
   itejbu r-rwol tan-nisa fis-sajd, b’mod partikolari jappoġġaw l-attivitajiet li jsiru fuq l-art, u għal attivitajiet relatati mas-sajd, kemm fil-produzzjoni kif ukoll fl-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ;
   jippromwovu l-inizjattivi intraprenditorjali varati min-nisa, inkluż, meta applikabbli, id-diversifikazzjoni ekonomika ta’ ċerti attivitajiet relatati mas-settur tas-sajd, fost l-oħrajn attivitajiet bħall-istudju tal-mużewijiet, it-tradizzjonijiet kulturali, is-snajja’, il-gastronomija u l-industrija tar-ristoranti;
   jippromowvu l-inizjattivi intraprenditorjali f’attivitajiet mhux relatati mal-attività tas-sajd f’dawk iż-żoni kostali li batew telf ta’ impjiegi bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tar-riforma tas-sajd

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu mezzi ta’ self b’imgħax favorevoli li jippermettu li jingħelbu d-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċaw in-nisa biex jiffinanzjaw proġetti suxxettibbli li jiddaħħlu fil-programmi nazzjonali skont il-FEMS;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw inizjattivi kummerċjali tan-nisa billi jiffaċilitaw sistema iktar favorevoli ta’ mikrokreditu u jipprovdu informazzjoni xierqa dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżviluppaw u jimmordernizzaw l-infrastruttura lokali, jiddiversifikaw l-attivitajiet ekonomiċi u jtejbu l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni tas-sajd, partikolarment fiż-żoni li jiddependu totalment mis-sajd, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tagħhom, filwaqt li jiġġieldu l-faqar b’mod ġenerali, u partikolarment fejn dan jaffettwa n-nisa u t-tfal, u jfittxu li jevitaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;

16.  Itenni l-pożizzjonijiet adottati fil-qafas tal-proċedura relatata mal-Orizzont 2020, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020), rigward l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riċerka, il-proġetti u d-dixxiplini xjentifiċi kollha, u, b’mod partikolari, ta’ dawk li jiddedikaw l-attività professjonali tagħhom għall-għarfien tal-ambjent marittimu;

17.  Jistieden lill-Istati Membri biex:

   jirrikonoxxu legalment il-ħidma tan-nisa li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-unità tal-familja u dawk li jagħmlu dan permezz tax-xogħol tagħhom, anke jekk mhux imħallas;
   jiżguraw sostenn għan-nisa, billi jagħtuhom il-benefiċċji tal-qgħad f’każ li jiġu sfurzati jieqfu jaħdmu (b’mod temporanju jew definittiv), id-dritt għal pensjoni, il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u tal-familja, l-aċċess għal-liv tal-maternità (ikun xi jkun l-istat maritali jew ta’ unjoni ċivili fil-koppja), l-aċċess għas-sigurtà soċjali u s-servizzi tas-saħħa mingħajr ħlas u l-ħarsien kontra r-riskji li huma esposti għalihom fix-xogħol fis-settur marittimu u tas-sajd;

18.  Jinnota li fil-paragrafu 28 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd il-Parlament jistieden lill-UE biex, permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, taħdem favur il-penalizzazzjoni tal-pajjiżi li jwettqu azzjonijiet ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, u li fil-paragrafu 45 tal-istess riżoluzzjoni hu jitlob lill-Kummissjoni biex, meta tinnegozja ftehimiet dwar is-sajd, tiżgura li l-istat kostali jiddedika parti sostanzjali tal-għajnuniet settorjali għall-iżvilupp tar-rikonoxximent, il-promozzjoni u d-diversifikazzjoni tar-rwol tan-nisa fis-settur tas-sajd u biex tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament u l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-taħriġ u l-aċċess għall-finanzjament u l-kreditu;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li d-dimensjoni Ewropea tal-ġeneru tiġi inkorporata u garantita fil-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika li jinvolvu s-settur tas-sajd;

Regolament bażiku dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

20.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw konformità mal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida dwar l-aċċess għal riżorsi tas-sajd ibbażati fuq kriterji trasparenti ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika, billi jiġu inkorporati prinċipji ta’ trattament u opportunitajiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-istatus tax-xogħol tan-nisa f’każijiet ta’ waqfien temporanju tal-attività, inklużi l-perjodi ta’ mistrieħ bijoloġiku;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw konformità mad-Direttiva 2010/41/UE sabiex in-nisa fis-settur tas-sajd li jaħdmu full-time jew part-time fin-negozji tal-familja jew jappoġġjaw lill-konjuġi jew l-imsieħba tagħhom, billi jikkontribwixxu b’dan il-mod għas-sostenibbiltà ekonomika tagħhom u tal-familja, kif ukoll dawk li jwettqu tali attività bħala għajxien u ma jappartjenu għal ebda unità tal-familja, jirċievu r-rikonoxximent legali u l-benefiċċji soċjali ekwivalenti bħal dawk ta’ persuni awtonomi;

o
o   o

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0040.
(3) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 212.
(4) ĠU C 286 E, 23.11.2006, p. 519.
(5) Testi adottati, P7_TA(2012)0460.
(6) Testi adottati, P7_TA(2012)0461.
(7) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 104.

Avviż legali - Politika tal-privatezza