Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar imposti fuq l-ikkupjar privat (2013/2114(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni(1),
– wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użu online fis-suq intern (COM(2012)0372) u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjah,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 6, 114 u 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-kawża C-467/08, Padawan vs SGAE [2010] Ġabra I-10055 tal-21 ta’ Ottubru 2010, fil-kawża C462/09 Stichting de Thuiskopie vs Opus Supplies Deutschland GmbH u oħrajn [2011] Ġabra I-05331 tas-16 ta' Ġunju 2011, fil-kawża C-277/10, Martin Luksan vs Petrus van der Let (għadha ma ġietx irrappurtata) tad-9 ta’ Frar 2010, fil-Kawżi Magħquda C-457/11 sa C‑460/11, VG Wort vs Kyocera Mita u oħrajn (għadha ma ġietx irrappurtata) tas-27 ta’ Ġunju 2013, u fil-kawża C-521/11, Austro Mechana vs Amazon (għadha ma ġietx irrappurtata) tal-11 ta’ Lulju 2013,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwalili jagħti spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni sabiex jipprovdi tkabbir ekonomiku, impjiegi ta’ kwalità għolja u prodotti u servizzi tal-ogħla livell fl-Ewropa” tal-24 ta’ Mejju 2011 (COM(2011)0287),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet ta’ António Vitorino li jirriżultaw mill-proċess ta’ medjazzjoni dwar l-imposti fuq l-ikkupjar privat u r-reprografija tal-31 ta’ Jannar 2013,
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali bit-titolu “Id-drittijiet tal-awtur fis-setturi tal-mużika u awdjoviżivi”, approvat fid-29 ta’ Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0114/2014),
A. billi l-kultura u l-kreattività huma l-bażi tal-identità Ewropea passata u preżenti u se jkollhom ir-rwol essenzjali fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni Ewropea fil-futur;
B. billi l-ħolqien kulturali u artistiku huwa integrali għall-ekonomija diġitali; billi l-espressjoni ta’ kontenut kulturali kemm ta’ kwalità għolja kif ukoll ordinarju jiddependi minn aċċess ugwali għat-tkabbir diġitali tal-Ewropa, u billi mill-konsultazzjonijiet jidher li s-suq diġitali Ewropew għadu ma wettaqx il-wegħdiet ta’ distribuzzjoni effettiva, kumpens ġust għall-kreaturi u distribuzzjoni ġusta u effettiva tad-dħul fis-settur kulturali b’mod ġenerali u biex jinstabu s-soluzzjonijiet għal dawn il-problemi, hemm bżonn ta’ azzjoni fil-livell tal-UE;
C. billi t-tranżizzjoni diġitali għandha impatt enormi fuq il-mod kif l-identitajiet kulturali huma espressi, distribwiti u żviluppati, u billi l-barrieri għall-parteċipazzjoni l-iktar baxxi u l-ħolqien ta’ kanali ta’ distribuzzjoni ġodda qed jiffaċilitaw l-aċċess għax-xogħlijiet u għall-kultura, itejbu ċ-ċirkolazzjoni, l-iskoperta u l-iskoperta mill-ġdid ta’ ħolqien kulturali u artistiku fid-dinja kollha u jipprovdu opportunitajiet għall-kreaturi u l-artisti; billi l-opportunitajiet tas-suq għal servizzi u negozji ġodda żdiedu ħafna bħala riżultat;
D. billi l-pretensjoni tal-awturi għall-protezzjoni tax-xogħol kreattiv tagħhom u d-dritt għal remunerazzjoni ekwa għal dak ix-xogħol jeħtieġ li jeżistu wkoll fl-era diġitali;
E. billi l-ikkupjar privat diġitali ħadu importanza ekonomika ewlenija b’riżultat tal-progress teknoloġiku u l-bidla lejn l-internet u l-cloud computing u billi s-sistema eżistenti tal-imposti fuq l-ikkupjar privat ma tqisx biżżejjed l-iżviluppi fl-era diġitali; billi attwalment m’hemmx approċċ alternattiv f’dan il-qasam li jiżgura remunerazzjoni xierqa għad-detentur tad-dritt u fl-istess ħin jagħmel l-ikkupjar privat possibbli; billi madanakollu għandha ssir diskussjoni bil-għan li taġġorna l-mekkaniżmu tal-ikkupjar privat, tagħmlu aktar effiċjenti u jqis aktar il-progress teknoloġiku;
F. billi d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użi online fis-suq intern, li ġiet adottata mill-Parlament u mill-Kunsill fl-4 ta’ Frar 2014, issaħħaħ il-fatt li l-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur jeħtieġ enfasi partikolari fuq it-trasparenza tal-flussi tar-remunerazzjoni rċevuta, imqassma u mħallsa lid-detenturi tad-drittijiet mis-soċjetajiet kollettriċi, inkluż għall-ikkupjar privat;
G. billi fl-ambitu tad-Direttiva 2001/29/KE l-Istati Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjoni jew limitazzjoni fuq id-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċertu tipi ta’ riproduzzjoni ta’ prodotti awdjo, viżivi u awdjoviżivi għall-użu privat, flimkien ma’ remunerazzjoni ġusta, u tippermetti lill-konsumaturi fil-pajjiżi li implimentaw limitazzjoni bħal din li jikkupjaw ir-repertorju mużikali u awdjoviżiv minn mezz wieħed jew tip ta’ materjal multimedjali għal ieħor b’mod liberu u b’mod frekwenti daqskemm jixtiequ, mingħajr ma jitolbu l-awtorizzazzjoni tal-awtur, sakemm ikun użat għall-użu privat; billi l-imposti għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ ħsara potenzjali li jsofru d-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-ikkupjar privat ikkonċernat;
H. billi l-ammont totali tal-imposti fuq l-ikkupjar privat miġbura minn 23 mit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea żdied iktar mit-tripplu mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/29/KE u llum jirrappreżenta iktar minn EUR 600 miljun, skont l-estimi tal-Kummissjoni Ewropea u billi dan jirrappreżenta ammont konsiderevoli għall-artisti;
I. billi dawn l-imposti jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna tal-fatturat – huwa stmat li dan jaqbeż il-EUR 1 000 biljun – tal-manifatturi u l-importaturi tal-mezzi u tal-materjal ta’ reġistrazzjoni tradizzjonali u diġitali;
J. billi ħafna terminals mobbli jippermettu l-ikkupjar għal finijiet privati fit-teorija imma fil-fatt ma jintużawx għal dan l-għan; jistieden, konsegwentement, li jsiru diskussjonijiet fit-tul bil-ħsieb li jiġi żviluppat approċċ iżjed effiċjenti u aġġornat li mhux bilfors ikun ibbażat fuq imposti b’rata fissa fuq it-tagħmir;
K. billi meta l-prezzijiet tal-materjali mibjugħa f’pajjiż li japplika l-imposti jitqabbel ma’ pajjiż li ma japplikahomx, huwa evidenti li l-imposti fuq l-ikkupjar privat m’għandhomx impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-prodott;
L. billi n-numru ta’ azzjonijiet legali mmexxija mill-manifatturi u l-importaturi tal-mezzi u tal-materjal ta’ reġistrazzjoni tradizzjonali u diġitali mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/29/KE, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew;
M. billi d-Direttiva 2001/29/KE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jobbligawx lill-Istati Membri jiżguraw li d-detentur tad-drittijiet jirċievi ħlas dirett tal-imposti kollha tal-ikkupjar privat u billi l-Istati Membri għandhom saħħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa biex jistabbilixxu li parti minn din ir-remunerazzjoni għandha titħallas b’mod indirett;
N. billi l-imposti fuq l-ikkupjar privat jitħallsu mill-konsumaturi meta jixtru mezzi jew servizz ta’ reġistrazzjoni u ta’ ħażna u billi għalhekk għandhom id-dritt li jkunu jafu bl-eżistenza u l-ammont tagħhom; billi l-ammont tal-imposti fuq l-ikkupjar privat għandu jirrifletti l-użu attwali ta’ dan it-tagħmir u ta’ dawn is-servizzi għall-iskop ta’ kkupjar privat ta’ materjal awdjo, viżiv u awdjoviżiv;
O. billi l-prezzijiet tal-mezzi u tal-materjal ma jvarjawx skont ir-rati differenti tal-imposti fuq l-ikkupjar privat implimentati fl-Unjoni kollha u billi l-abolizzjoni tal-imposti fuq l-ikkupjar privat fi Spanja fl-2012 ma kellha l-ebda impatt fuq il-prezzijiet tal-mezzi u tal-materjal;
P. billi jeżistu diverġenzi bejn il-mudelli differenti u r-rati ta’ ġbir għall-imposti fuq l-ikkupjar privat, inkluż fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-konsumaturi u s-suq uniku; billi jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas Ewropew li jiggarantixxi livell għoli ta’ trasparenza għad-detenturi tad-drittijiet, għall-manifatturi u l-importaturi tat-tagħmir, għall-konsumaturi u għall-fornituri ta’ servizzi fl-Unjoni kollha, u billi, sabiex il-bilanċ fil-bażi tas-sistema jkompli fl-era diġitali u fis-suq intern f’dawn iż-żminijiet tas-suq uniku, jeħtieġ li jiġu mmodernizzati l-mekkaniżmi tal-imposti f’ħafna Stati Membri u jeħtieġ li jinħoloq qafas Ewropew sabiex jiggarantixxi l-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi għad-detenturi tad-drittijiet, għall-konsumaturi, għall-manifatturi u għall-importaturi ta’ tagħmir kif ukoll għall-fornituri ta’ servizzi fl-Unjoni kollha;
Q. billi l-mekkaniżmi ta’ eżenzjoni u ta’ rimborż għall-użu professjonali, implimentati mill-Istati Membri għandhom ikunu effikaċi; billi f’xi Stati Membri dawn il-mekkaniżmi huma meħtieġa, u billi d-deċiżjonijiet ġudizzjarji adottati f’xi Stati Membri mhux dejjem ġew implimentati;
R. billi fil-każ ta’ bejgħ ta’ xogħlijiet online, kemm f’termini ta’ aċċess kif ukoll ta’ bejgħ, il-prassi ta’ għoti ta’ liċenzji jikkumplimentaw is-sistema ta’ imposti fuq l-ikkupjar privat;
S. billi fil-qasam diġitali b’mod partikolari l-proċess klassiku tal-ikkupjar qed jiġi sostitwit b’sistemi ta’ streaming fejn l-ebda kopja tax-xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur ma titqiegħed fuq it-terminal tal-utent, u billi għalhekk f’dawn il-każijiet għandha tingħata preferenza lill-mudelli ta’ liċenzja;
Sistema sensibbli biex timmodernizza u tarmonizza
1. Jirrimarka li s-settur kulturali jirrappreżenta 5 miljun impjegat fl-UE u 2,6 % tal-PDG tagħha, li huwa wieħed mill-muturi prinċipali tat-tkabbir fl-Ewropa u s-sors ta’ impjiegi ġodda u li ma jistgħux jiġu rilokati, li jistimula l-innovazzjoni u li joffri mezzi effikaċi għall-ġlieda kontra r-riċessjoni attwali;
2. Ifakkar li l-liġi tad-drittijiet tal-awtur għandha tibbilanċja l-interessi, inter alia, tal-kreaturi u l-konsumaturi; f’dan il-kuntest iqis li l-konsumaturi Ewropej kollha għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu l-ikkupjar privat ta’ kontenut miksub legalment;
3. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni inkluża dispożizzjoni li tarmonizza bis-sħiħ eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet rigward, inter alia, l-ikkupjar privat;
4. Jenfasizza li r-reġim frammentat attwali għad-drittijiet tal-awtur jeħtieġ riforma sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal, u tiżdied iċ-ċirkolazzjoni (globali) tal-kontenut kulturali u kreattiv, b’tali mod li tippermetti lill-artisti, il-kreaturi, il-konsumaturi, in-negozji u l-udjenzi jibbenefikaw minn żviluppi diġitali, kanali ta’ distribuzzjoni ġodda, mudelli ta’ negozji ġodda u opportunitajiet oħra, speċjalment fi żminijiet ta’ awsterità fiskali;
5. Jinnota li l-imposti fuq l-ikkupjar privat attwalment huma sors ta’ dħul li huwa ta’ importanza differenti skont il-kategorija differenti ta’ detenturi tad-drittijiet u li l-importanza tagħhom tvajra b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri;
6. Jemmen li s-sistema tal-ikkupjar privat tirrappreżenta sistema sensibbli u bbilanċjata bejn l-eċċezzjoni għall-ikkupjar għall-użu privat u d-dritt għal remunerazzjoni ġusta tad-detenturi tad-drittijiet, li jagħmel sens li jkun ippreżervat, speċjalment f’każijiet fejn id-detenturi tad-drittijiet mhumiex f’pożizzjoni li jagħtu liċenzja direttament għad-dritt ta’ riproduzzjoni fuq tagħmir multiplu; jikkunsidra li m’hemmx alternattiva għal din is-sistema bilanċjata fuq perjodu ta’ żmien qasir; jenfasizza, madankollu, li jeħtieġ li jsiru diskussjonijiet fuq perjodu ta’ żmien twil bil-għan li s-sistema ta’ kkupjar privat tkun eżminata b’mod kontinwu fid-dawl tal-iżviluppi diġitali u tas-suq u tal-imġiba tal-konsumatur u, jekk possibbli, jiġu esplorati alternattivi potenzjali li jilħqu l-objettiv ta’ bilanċ bejn l-eċċezzjoni għall-ikkupjar mill-konsumaturi u l-kumpens tal-kreaturi;
7. Jenfasizza li d-differenzi kbar bejn is-sistemi nazzjonali tal-ġbir tal-imposti, speċjalment fir-rigward tat-tipi ta’ prodotti soġġetti għal imposti u l-livell ta’ dawn l-imposti, jistgħu jirriżultaw f’distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-possibilità ta’ ‘forum shopping’ fis-suq intern;
8. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jwettqu studju dwar l-elementi essenzjali tal-ikkupjar privat u b’mod partikolari dwar definizzjoni komuni tal-kunċett ta’ ‘rimborż ġust’, li bħalissa mhuwiex espliċitament irregolat mid-Direttiva 2001/29/KE dwar il-‘ħsara’ li jsofri l-awtur minħabba l-produzzjoni mill-ġdid tax-xogħol tiegħu mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt għal użu privat; jistieden lill-Kummissjoni ssib bażi komuni fir-rigward ta’ liema prodotti għandhom ikunu suġġetti għall-imposti u tistabbilixxi kriterji komuni għall-modalitajiet ta' negozjati tar-rati applikabbli għall-ikkupjar privat, bil-għan li timplimenta sistema li hija trasparenti, ekwa u uniformi għall-konsumaturi u l-kreaturi;
Proċedura ta' ġbir unika, viżibiltà aħjar fost il-konsumaturi u proċeduri ta' rimborż aktar effiċjenti
9. Jikkunsidra li l-imposti fuq l-ikkupjar privat għandhom japplikaw għall-materjal u l-midja kollha użati għar-reġistrazzjoni u għall-kapaċità ta' ħżin privat fejn l-azzjoni ta' kkupjar privat tikkawża ħsara għall-kreaturi;
10. Jenfasizza li l-kunċett tal-ikkupjar privat għandu jkun definit b’mod ċar għall-materjali kollha, u li l-utent għandu jkun jista’ jkollu aċċess għall-kontenut bid-drittijiet tal-awtur fil-midja kollha fuq il-bażi ta’ pagament uniku; jappella għall-mekkaniżmi li diġà qegħdin fis-seħħ fl-Istati Membri, bħall-eċċezzjonijiet u l-eżenzjonijiet tal-imposti, sabiex jiġu rispettati u sabiex ikun possibbli li huma japplikawhom b’mod parallel fis-suq;
11. Jikkunsidra li l-imposti fuq l-ikkupjar privat għandhom jinġabru mill-manifatturi jew mill-importaturi; jinnota li jekk l-imposti jiġu trasferiti fuq il-bejjiegħa bl-imnut dan jirriżulta f'piż amministrattiv eċċessiv ħafna għall-kumpaniji ta’distribuzzjoni żgħar u medji u l-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar tad-drittijiet kollettivi;
12. Jissuġġerixxi, fil-każ ta' tranżazzjonijiet transkonfinali, li l-imposti fuq l-ikkupjar privat jinġabru mill-Istat Membru fejn l-utent finali li xtara l-prodott ikun residenti, skont is-sentenza tal-Kawża C-462/09 (Opus), iċċitata hawn fuq;
13. Huwa tal-fehma, għalhekk, li sabiex jipprekludi kwalunkwe ħlas doppju fil-każ ta' tranżazzjonijiet transkonfinali, l-imposti fuq l-ikkupjar privat għall-istess prodott għandhom ikunu jistgħu jinġabru darba biss minn organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv ta' Stat Membru u l-imposti żejda li tħallsu fi Stat Membru ieħor għajr dak tal-utent finali għandhom jitħallsu lura;
14. Huwa tal-fehma li l-Istati Membri fejn bħalissa jitħallsu jew jinġabru imposti għandhom jissimplifikaw u jarmonizzaw ir-rati tal-imposti tagħhom;
15. Jistieden lill-Istati Membri, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, jissimplifikaw il-proċeduri biex ikunu stabbiliti l-imposti b’mod ġust u li jiżgura l-objettivi tagħhom;
16. Jenfasizza l-ħtieġa li r-rwol tas-sistema tal-ikkupjar privat għall-ħlasijiet ta’ artisti u t-tixrid kulturali, ikun iktar ċar għall-konsumaturi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lid-detenturi tad-drittijiet jimplimentaw kampanji ‘pożittivi’ dwar il-virtujiet tal-imposti fuq l-ikkupjar privat;
17. Huwa tal-fehma li l-konsumaturi għandhom ikunu infurmati bl-ammont, l-iskop u l-użu tal-imposti li jħallsu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, f'konsultazzjoni mal-manifatturi, l-importaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, biex jiżguraw li din l-informazzjoni tkun disponibbli b'mod ċar għall-konsumaturi;
18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw regoli trasparenti ta’ eżenzjoni għall-użu professjonali sabiex jiżguraw li jkunu eżentati, anke fil-prattika, minn imposti fuq l-ikkupjar privat f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
19. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-imposti fuq l-ikkupjar privat qatt ma jkun meħtieġ li jitħallsu meta l-midja ikkonċernata tkun qed tintuża għal użu professjonali u li diversi mekkaniżmi għar-rimborż tal-imposti mħallsa għal utenti professjonali jiġu sostitwiti b’sistemi li jiggarantixxu li dawn l-utenti ma jkunux obbligati jħallsu t-tariffa;
Trasparenza fir-rigward tal-allokazzjoni tad-dħul
20. Jilqa’ l-proposta tad-direttiva dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati adottata reċentement mill-Parlament u mill-Kunsill li hija favur aktar trasparenza fir-rigward tal-fluss tal-ħlasijiet riċevuti, imqassma u mħallsa lid-detenturi tad-drittijiet fl-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv, pereżempju permezz tal-pubblikazzjoni annwali ta’ rapport ta’ trasparenza li jinkludi sezzjoni speċjali dwar l-użu ta’ ammonti mnaqqsa għal għan soċjali u kulturali;
21. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jassiguraw aktar trasparenza meta jallokaw id-dħul mill-imposti fuq l-ikkupjar privat;
22. Jistieden lill-Istati Membri jaraw li minimu ta’ 25 % tad-dħul mill-imposti fuq l-ikkupjar privat jintużaw biex jippromwovu l-kreattività u l-arti tal-ispettaklu u l-produzzjoni tagħhom;
23. Jistieden lill-Istati Membri jippubblikaw rapporti dwar dawn l-allokazzjonijiet b’mod miftuħ u b'data interpretabbli;
24. Iħeġġeġ lill-organizzaturi ta’ attivitajiet kulturali u tal-arti tal-ispettaklu, li jibbenifikaw mill-imposti fuq l-ikkupjar privat, iġibu lill-udjenza fil-mira tagħhom aktar konxja minn dawn is-sussidji permezz ta' aktar pubbliċità;
Miżuri tekniċi ta’ protezzjoni
25. Jirrimarka li l-eżenzjoni tal-ikkupjar privat tagħti liċ-ċittadini d-dritt li jikkupjaw liberament il-materjal mużikali u awdjoviżiv tagħhom minn mezz wieħed jew tip ta' materjal multimedjali għal ieħor mingħajr ma jitolbu l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, sakemm huma għall-użu privat;
26. Jenfasizza li, b’mod partikolari fl-era diġitali, huwa meħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni sabiex jerġa’ jinkiseb il-bilanċ bejn il-libertà tal-ikkupjar għall-użu privat u d-drittijiet esklussivi tal-ikkupjar;
27. Jenfasizza li l-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni m’għandhomx jostakolaw li jsiru kopji mill-konsumaturi jew li d-detenturi tad-drittijiet ma jkunux imħallsa b'mod ġust għall-ikkupjar privat;
Liċenzji
28. Josserva li, minkejja xi flussi ta' aċċess għal xogħlijiet, it-tniżżil, il-ħżin u l-ikkupjar privat jippersistu; huwa tal-fehma li sistema ta' imposti fuq l-ikkupjar privat għalhekk hija relevanti fl-ambjent online; jenfasizza, madankollu, li l-preferenza għandha tingħata dejjem lil mudelli ta' liċenzjar li minnhom igawdu d-detenturi tad-drittijiet kollha jekk l-ebda kopja ta' xogħol bid-dritt tal-awtur ma hija possibbli fuq il-mezzi jew fuq it-tagħmir;
29. Jenfasizza li mekkaniżmi tal-eċċezzjoni għall-ikkupjar privat għandhom japplikaw għal ċerti servizzi online, inklużi ċerti servizzi tal-cloud computing;
Mudelli ta’ negozji ġodda fl-ambjent diġitali
30. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt fuq is-sistema tal-ikkupjar privat tas-servizzi tat-teknoloġija tal-cloud computing għar-reġistrazzjoni u l-ħażna privata ta' xogħol protett, sabiex jiddeterminaw jekk dan l-ikkupjar privat ta’ xogħol protett għandux jiġu kkunsidrat fil-mekkaniżmu ta' kumpens għall-ikkupjar privat u, jekk inhu hekk, kif dan għandu jsir;
o o o
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.