Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2013(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0158/2014

Testi mressqa :

A7-0158/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2014 - 9.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0184

Testi adottati
PDF 388kWORD 64k
It-Tlieta, 11 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni - applikazzjoni EGF/2013/008 ES/Comunidad Valenciana textiles minn Spanja
P7_TA(2014)0184A7-0158/2014
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/008, ES/Comunidad Valenciana – tessuti minn Spanja) (COM(2014)0045 – C7-0019/2014 – 2014/2013(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0045 – C7‑0019/2014),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A7-0158/2014),

A.  billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex jiġu megħjuna fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol,

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, f'konformità mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tas-2 ta' Diċembru 2013 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-FEG,

C.  billi Spanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2013/008 ES/Comunidad Valenciana – tessili għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 560 sensja f'198 intrapriża li topera fit-Taqsima 13 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' tessuti)(4) fir-reġjun NUTS II ta' Comunidad Valenciana (ES52) bi 300 ħaddiem fil-mira għal miżuri kofinanzjati mill-FEG, matul il-perjodu ta' referenza mill-1 ta' Novembru 2012 sal-1 ta' Awwissu 2013,

D.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG,

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament dwar il-FEG ġew issodisfati u li, għalhekk, Spanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja taħt dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Spanjoli ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja tal-FEG fit-8 ta' Ottubru 2013 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fit-28 ta' Jannar 2014; jilqa’ l-evalwazzjoni rapida ta' erba' xhur;

3.  Iqis li s-sensji fl-intrapriżi tat-tessuti fil-Comunidad Valenciana huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, jirreferu għat-tmiem tal-Ftehim Tranżizzjonali tad-WTO dwar it-Tessuti u l-Ħwejjeġ fl-aħħar tal-2004 u huma esposti aktar għall-kompetizzjoni globali b'mod partikolari miċ-Ċina u pajjiżi oħra tal-Lvant Imbiegħed li twassal għal żieda fl-importazzjonijiet tat-tessuti fl-Unjoni u telf tas-sehem tas-suq tal-Unjoni fis-swieq dinjija tat-tessuti;

4.  Jirrimakra li l-Comunidad Valenciana sfat milquta severament mill-globalizzazzjoni b’qgħad li jilħaq id-29,19 % fl-ewwel kwart tal-2013; jilqa’ l-fatt li r-reġjun għal darb’oħra juża l-għajnuna tal-FEG biex itaffi l-qgħad għoli billi jindirizza għat-tieni darba s-sensji fis-settur tat-tessuti;

5.  Jifraħ lill-Comunidad Valenciana għall-kapaċità tagħha li tapplika u tuża l-FEG biex tittratta problemi tas-suq tax-xogħol tagħha kkaratterizzat b'perċentwal għoli ta' SMEs; f’dan il-kuntest ifakkar li r-reġjun tal-Comunidad Valenciana diġà applika għall-appoġġ tal-FEG għat-tessuti, għaċ-ċeramika, għall-ġebla naturali kif ukoll għas-settur tal-bini;

6.  Jenfasizza l-kapaċità tal-FEG li tgħin fl-indirizzar tas-sitwazzjoni fraġli tal-impjiegi fir-reġjuni dipendenti fuq setturi tradizzjonali bħat-tessuti jew is-settur tal-bini; jenfasizza li din il-kapaċità tiddependi fuq kemm huma lesti u effettivi l-awtoritajiet nazzjonali u lokali biex japplikaw għall-appoġġ tal-FEG;

7.  Jinnota li s'issa, il-manifattura tas-settur tat-tessuti kienet is-suġġett ta' 11-il applikazzjoni FEG(5), li kollha huma bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ filwaqt li r-reġjun tal-Comunidad Valenciana diġà ressaq sitt applikazzjonijiet FEG: f’Settembru 2009 (ċeramika)(6), f’Marzu 2010(7) (ġebla naturali), f'Marzu 2010(8) (tessuti), f'Lulju(9) u f'Diċembru 2011(10) (bini u xdud tas-saqajn rispettivament) u fl-2013(11) (materjali tal-bini);

8.  Jilqa' l-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Spanjoli ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Jannar 2014, ferm qabel id-deċiżjoni finali dwar l-għoti tal-appoġġ FEG għall-pakkett koordinat propost;

9.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi kofinanzjat jinkludi miżuri għar-riintegrazzjoni f'impjieg ta' 300 ħaddiem li ngħataw is-sensja bħal tfassil ta' profil, gwida tax-xogħol, konsulenza, taħriġ (taħriġ f'ħiliet trasversali, taħriġ vokazzjonali, taħriġ dwar ix-xogħol, taħriġ lejn intraprenditorija), appoġġ lejn intraprenditorija, assistenza intensiva fit-tiftix tax-xogħol, inċentivi (inċentiv fit-tiftix tax-xogħol, appoġġ għat-twaqqif ta' negozju, inċentivi għar-rikollokament, kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u kontribuzzjoni għal persuni li jassistu persuni dipendenti);

10.  Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali, inklużi t-trade unions (UGT-PV, CCOO-PV), ġew ikkonsultati matul il-preparazzjoni tal-applikazzjoni FEG u qablu li jikkontribwixxu 10 % tal-kofinanzjament nazzjonali totali tal-ispejjeż totali tal-miżuri applikati, u li se tiġi applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll prinċipju ta' nondiskriminazzjoni matul l-istadji diversi tal-implimentazzjoni u l-aċċess għall-FEG;

11.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali effettiv;

12.  Jilqa’ l-fatt li l-pakkett koordinat jinkludi taħriġ vokazzjonali li jiffoka fuq setturi fejn jeżistu opportunitajiet jew probabbli li jinħolqu kif ukoll fih taħriġ fuq il-post tax-xogħol li jaqbel mal-ħtiġijiet identifikati ta’ impriżi lokali;

13.  Jiddispjaċih li l-proposta tal-Kummissjoni ma tispjegax l-istruttura edukattiva tal-forza tax-xogħol li ngħatat is-sensja;

14.  Jirrimarka li l-pakkett koordinat jipprevedi inċentivi finanzjarji għat-tfittix ta’ xogħol (somma f’daqqa ta’ EUR 300), allowance ta’ mobilità, inċentiv għar-rikollokament (sa EUR 350) kif ukoll kontribut għal persuni li jindukraw persuni dipendenti fuqhom; jilqa’ l-fatt li l-ammont ġenerali ta’ inċentivi finanzjarji huwa relattivament limitat u dan iħalli l-maġġoranza tal-kontribuzzjoni biex tintefaq fuq it-taħriġ, il-counselling, l-għajnuna għat-tfittix ta’ xogħol u l-appoġġ għall-intraprenditorija;

15.  Jirrimarka li l-każ ikkonċernat tipikament jirrifletti x-xenarju soċjali u ekonomiku ta' reġjun b'ekonomija lokali kkaratterizzata minn perċentwal għoli ta' SMEs;

16.  Jirrimarka li l-informazzjoni provduta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva dwar dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma tkun tista' sseħħ l-ebda duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

17.  Jitlob lill-istituzzjonijiet involuti jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-arranġamenti proċedurali sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bl-għan li tiġi ppreżentata lill-awtorità baġitarja l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG; jenfasizza li fir-Regolament il-ġdid dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020)(12) jiġi integrat titjib proċedurali ulterjuri, u li jinkisbu aktar effiċjenza, trasparenza u viżibbiltà tal-FEG;

18.  Jisħaq fuq il-fatt li, bi qbil mal-Artikolu 6 tar-Regolament dwar il-FEG, għandu jiġi żgurat li l-FEG jappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid f'impjieg stabbli tal-ħaddiema individwali li jkunu ngħataw is-sensja; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss il-miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

19.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rigward ir-Regolament ġdid FEG, għall-perjodu 2014-2020, li jintroduċi mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, iżid il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż stmati total tal-miżuri proposti, iżid l-effiċjenza għat-trattament ta' applikazzjoni tal-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, jiżdiedu l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jintroduċu persuni li jaħdmu għal rashom u żgħażagħ, u jiffinanzja inċentivi għat-twaqqif ta' negozji tagħhom stess;

20.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4)Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
(5)EGF/2007/005 IT Sardegna (COM(2008)0609); EGF/2007/006 IT Piemonte (COM(2008)0609); EGF/2007/007 IT Lombardia (COM(2008)0609); EGF/2008/001 IT Toscana (COM(2008)0609); EGF/2008/003 LT Alytaus Textile (COM(2008)0547); EGF/2008/005 ES Cataluña (COM(2009)0371); EGF/2009/001 PT Norte-Centro (COM(2009)0371); EGF/2009/004 BE Oost en West Vlaanderen Textiel (COM(2009)0515); EGF/2009/005 BE Limburg Textiel (COM(2009)0515); EGF/2010/009 ES Comunidad Valenciana (COM(2010)0613) and EGF/2013/008 ES Comunidad Valenciana (il-każ attwali).
(6)EGF/2009/014 ES Comunidad Valenciana ċeramika (COM(2010)0216);
(7)EGF/2010/005 ES Comunidad Valenciana qtugħ, għoti ta’ forma u rfinar tal-ġebla (COM (2010)0617).
(8)EGF/2010/009 ES Comunidad Valenciana (COM(2010)0613);
(9)EGF/2011/006 ES Comunidad Valenciana kostruzzjoni (COM(2012)0053).
(10)EGF/2011/020 ES Comunidad Valenciana xdud tas-saqajn (COM(2012)0204).
(11)EGF/2013/004 ES Comunidad Valenciana materjali tal-bini (COM(2013)0635).
(12) Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/008 ES/Comunidad Valenciana – tessuti minn Spanja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni 2014/167/UE.)

Avviż legali - Politika tal-privatezza