Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE (COM(2012)0380 – C7-0186/2012 – 2012/0184(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2012)0380),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0186/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati, fi ħdan il-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, mis-Senat Franċiż, il-Kamra tad-Deputati Ċiprijotta, mill-Kamra tad-Deputati tal-Pajjiżi l-Baxxi, is-Senat tal-Pajjiżi l-Baxxi u il-Parlament Svediż, li jiddikjaraw li l-abbozz ta’ leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2012(1),
– wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tad-19 ta' Diċembru 2013, li japprova l-pożizzjoni adottata mill-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumaturi (A7-0210/2013),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tidher hawn taħt(2);
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Din il-pożizzjoni tissostitwixxi l-emendi adottati fit-2 ta' Lulju 2013 (Testi adottati P7_TA(2013)0297).
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottat fl-ewwel qari fil-11 ta' Marzu 2014 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali għal vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom u li tħassar id-Direttiva 2009/40/KE