– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE tas-17 ta' Settembru 2013 dwar il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT(1),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2013 dwar “Li tagħti aktar setgħa lin-negozji u liċ-ċittadini fis-suq uniku tal-Ewropa: Pjan ta’ azzjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, li jagħti spinta ’l quddiem lill-Ewropa Tiegħek” (COM(2013)0636),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2012 bl-isem “Ir-rinfurzar tas-soluzzjoni effettiva tal-problemi fis-Suq Uniku – Inħollu l-potenzjal tas-SOLVIT fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tiegħu”(SWD(2012)0033),
– wara li kkunsidra l-ewwel Rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar “L-Istat ta’ Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 – Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013” (COM(2012)0752),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta’ Ġunju 2012 bit-titolu “Governanza Aqwa tas-Suq Uniku” (COM(2012)0259),
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2012 bit-titolu “Nagħmlu Suċċess mis-Suq Uniku – Kontroll annwali fuq il-governanza 2011” (SWD(2012)0025),
– wara li kkunsidra t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku online li saret pubblika fl-4 ta’ Lulju 2013,
– wara li kkunsidra l-istudju “Punt ta’ Kuntatt Uniku Ewropew” ta’ Lulju 2013, ikkummissjonat mill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar il-governanza tas-Suq Uniku(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 bl-isem 'L-Att dwar is-Suq Uniku - il-Passi li jmiss għat-tkabbir'(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar governanza u sħubija fis-Suq Uniku(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2010 dwar is-SOLVIT(5),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A7-0059/2014),
A. billi d-drittijiet taċ-ċittadini u n-negozji fis-suq uniku jeħtieġ li jintużaw b’mod effettiv, u billi l-liġi tal-UE li tiggarantixxi dawn id-drittijiet jeħtieġ li tiġi infurzata b’mod effettiv biex ikun żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji kollha jibbenefikaw mill-potenzjal tas-suq intern;
B. billi l-għoti ta’ informazzjoni liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom u l-iffaċilitar tat-tgawdija ta’ dawk id-drittijiet jgħinu biex is-suq intern jaħdem aħjar;
C. billi attwalment is-SOLVIT jimmaniġġja madwar 1 300 każ fis-sena, u jirnexxielu jsib soluzzjonijiet għal madwar 90 % tal-klijenti tiegħu sad-data ta’ skadenza ta’ 70 ġurnata;
D. billi l-interess f’“L-Ewropa Tiegħek” u l-użu tiegħu qiegħed jikber b’mod mgħaġġel u, skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku online, fl-2012 aktar minn 11 000 viżitatur ikkonsultaw il-portal kuljum, meta mqabbel ma’ 6 500 fis-sena preċedenti;
E. billi ripetutament talab biex jissaħħaħ in-netwerk tas-SOLVIT, u biex tkun disponibbli aktar informazzjoni u informazzjoni aħjar dwar id-drittijiet tal-UE;
F. billi s-SOLVIT għandu rwol importanti bħala għodda ewlenija għas-soluzzjoni tal-problemi u, għaldaqstant, bħala mezz sabiex tiġi żgurata konformità aħjar mal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tas-suq uniku; billi, minkejja dan, is-SOLVIT jibqa’ mhux utilizzat biżżejjed u mhux qed jilħaq il-potenzjal tiegħu;
G. billi, jekk isir użu sħiħ tiegħu, is-SOLVIT jista’, f’numru kbir ta’ oqsma, isir mod utli li bih is-sistemi tal-qrati, li jistgħu jkunu kumplikati ħafna u b'hekk tkun diffiċli għaċ-ċittadini u n-negozji biex isolvu l-problemi tagħhom, ma jibqgħux jintużaw b'mod eċċessiv;
H. billi, skont l-istudju kkummissjonat tiegħu bl-isem “Punt Uniku ta’ Kuntatt Ewropew”, għalkemm hija disponibbli firxa estensiva ta’ informazzjoni, pariri u assistenza online għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej, l-għarfien dwar dawn is-servizzi huwa baxx ħafna, bir-riżultat li 91.6 % ta’ dawk intervistati m’għandhom l-ebda għarfien dwar servizz online li jistgħu jirrikorru għalih sabiex jindirizzaw problemi relatati mas-suq uniku;
I. billi l-effettività tal-assistenza pprovduta mis-SOLVIT tiddependi ħafna minn kemm hu mħarreġ sew il-persunal tiegħu;
J. billi għandu jsir sforz akbar biex is-SOLVIT jiġi integrat aħjar fil-firxa ta’ servizzi ta’ għajnuna u ta' strumenti ta’ infurzar disponibbli fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni;
K. billi sabiex iċ-ċittadini u n-negozji jidentifikaw problemi b’mod korrett meta dawn iseħħu u jkunu jistgħu jsolvuhom, jeħtieġ li jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom fis-suq uniku, u billi għad hemm ħafna aktar xi jsir biex jiżdied dak l-għarfien;
Introduzzjoni: użu effettiv tad-drittijiet u l-opportunitajiet fis-suq uniku
1. Itenni li l-potenzjal tas-suq uniku jista’ jiġi sfruttat biss jekk iċ-ċittadini u n-negozji jkunu konxji mid-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom, u jkunu jistgħu jagħmlu użu effettiv minnhom; ifakkar li dawn l-objettivi jistgħu jinkisbu biss jekk l-Istati Membri jiżguraw l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni tas-suq uniku u jekk ikunu disponibbli informazzjoni ta’ kwalità tajba u mekkaniżmi effiċjenti għas-soluzzjoni tal- problemi;
2. Jenfasizza li ħafna kwistjonijiet tas-suq uniku huma r-riżultat ta’ regolamentazzjoni żejda, implimentazzjoni tard jew ħażina minn Stat Membru wieħed jew aktar, jew regoli nazzjonali li jmorru kontra l-liġi tal-Unjoni; jitlob b’mod qawwi lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, biex tpoġġi pressjoni fuq dawk l-Istati Membri li mhumiex qed jikkonformaw mar-regoli tas-suq uniku;
3. Jindika li ħafna problemi relatati mal-implimentazzjoni ta’ regoli tas-suq uniku jiġu identifikati permezz tan-netwerk tas-SOLVIT, u jfaħħar il-kontribut tas-SOLVIT għall-bidliet amministrattivi u regolatorji sabiex jiġu rimedjati dawn il-problemi; iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu miżuri li jtejbu l-kompiti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni;
4. Jenfasizza l-ħtieġa li s-SOLVIT ikollu mezzi effiċjenti biex iwissi lill-Kummissjoni dwar problemi tas-suq intern li jkun sar jaf bihom, li jirriżultaw minn nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-liġi tal-UE;
5. Jenfasizza li l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq uniku, u l-konformità magħha, huma ta’ importanza assoluta għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej u, għaldaqstant, għall-ekonomija b’mod ġenerali u għall-fiduċja taċ-ċittadini fil-funzjonament tas-suq uniku; jenfasizza wkoll l-obbligi legali tal-Istati Membri f’dan ir-rigward;
6. Itenni t-talba tiegħu sabiex jiġu żviluppati aktar il-proċeduri ta’ ksur applikabbli, inkluż billi jkun żgurat l-użu aktar strinġenti ta’ dawn il-proċeduri ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Unjoni fil-qasam tas-suq uniku, u billi jiġu applikati proċeduri aktar mgħaġġla;
7. Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jsir kull sforz sabiex jiġi żgurat li jiġu evitati, identifikati jew li jitneħħew problemi ta’ infurzar qabel ma jsir meħtieġ li jinbdew proċeduri ta’ ksur formali;
8. Jenfasizza l-użu ta’ tolleranza żero għan-nuqqas ta’ konformità u ta’ reviżjoni bejn il-pari fl-implimentazzjoni u t-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, bħala metodi sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-liġi dwar is-suq uniku;
Is-SOLVIT: għajnuna għall-individwi u n-negozji biex isolvu l-problemi
9. Jilqa' r-rakkomandazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-prinċipji li jirregolaw is-SOLVIT, li twitti t-triq għas-SOLVIT 2.0;
10. Jinnota li n-netwerk tas-SOLVIT kiseb riżultati tanġibbli u wera l-utilità tiegħu; jinnota, madankollu, li għad hemm lok għal titjib, partikolarment fir-rigward tar-riżoluzzjoni tat-tilwim relatat man-negozji u l-ħin meħud biex jissolvew dawn id-diffikultajiet;
11. Jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkompli ttejjeb il-ħidma effettiva tan-netwerk tas-SOLVIT dwar ir-riżoluzzjoni informali u rapida ta' kwistjonijiet transkonfinali relatati mas-suq intern – għodda li tindirizza l-applikazzjoni żbaljata wara t-traspożizzjoni – bl-użu ta' proċeduri li huma kemm jista' jkun aċċessibbli għaċ-ċittadini, u jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni biex itejbu s-sistema tas-SOLVIT, bħala servizz bla ħlas u faċli jintuża;
12. Iqis li l-prestazzjoni taċ-ċentri tas-SOLVIT għandha tittejjeb kontinwament, speċjalment fir-rigward tal-każijiet tas-sigurtà soċjali, u jinkoraġġixxi koordinazzjoni aħjar tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali;
13. Jitlob biex tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet transkonfinali relatati mal-liġi tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u t-trattament ugwali, b'attenzjoni partikolari lil kwistjonijiet relatati mal-pensjonijiet, il-ħaddiema tal-Unjoni Ewropea u l-ħaddiema stazzjonati;
14. Jenfasizza b’mod partikolari l-importanza tas-SOLVIT għall-ħaddiema migranti fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ trattament ugwali u tas-soluzzjoni ta’ problemi transkonfinali;
15. Jinnota li l-maġġoranza kbira tal-klijenti tas-SOLVIT huma ċittadini; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal kbir tas-SOLVIT bħala għodda għas-soluzzjoni tal-problemi għan-negozji; jenfasizza li hemm ħafna aktar xi jsir sabiex in-negozji, b’mod partikolari negozji żgħar u medji, isiru aktar konxji mis-SOLVIT, jiġu edukati dwar il-possibbiltajiet tiegħu u jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar minnu; jilqa’ l-aġġornament riċenti tal-portal tan-negozju L-Ewropa Tiegħek bħala pass pożittiv f’dik id-direzzjoni;
16. Jitlob biex ir-relazzjonijiet pubbliċi tas-SOLVIT jissaħħu sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni ferm akbar tan-netwerk; jitlob lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Membri tal-Parlament Ewropew, fil-kostitwenzi tagħhom, jimpenjaw lilhom infushom f'kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jippromovu r-rwol tal-Ewropa Tiegħek u tas-SOLVIT; jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jkomplu jippromovu s-SOLVIT b'mod reġjonali filwaqt li jinnota li l-każijiet kollha għandhom jiġu ttrattati fil-livell nazzjonali;
17. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-SOLVIT għadu qed jattira volum kbir ta’ każijiet mhux SOLVIT, u li dan qed inaqqas il-pass tal-ġestjoni ta’ lmenti SOLVIT; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-mandat tas-SOLVIT jiġi spjegat aħjar liċ-ċittadini u n-negozji;
18. Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm disponibbli riżorsi adegwati bħala appoġġ għan-netwerk tas-SOLVIT, b'referenza għall-kundizzjonijiet li jirregolaw l-organizzazzjoni taċ-ċentri tas-SOLVIT kif stabbilit mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2013;
19. Jenfasizza l-importanza li tinżamm il-kwalità tas-servizz offrut mis-SOLVIT minkejja restrizzjonijiet baġitarji u riżorsi umani limitati; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li ċ-ċentri tas-SOLVIT ikollhom numru suffiċjenti ta’ persunal imħarreġ sew, b’kompetenzi legali adegwati u għarfien tal-lingwi rilevanti tal-Unjoni, u li l-persunal jiġi pprovdut b’taħriġ xieraq sabiex jibqa’ jtejjeb il-ħiliet u l-għarfien tiegħu;
20. Jenfasizza l-importanza taċ-ċentri kollha tas-SOLVIT fid-diversi Stati Membri li jipprovdu standard simili ta’ servizz, peress li dan huwa essenzjali għal riżoluzzjoni effettiva tal-problemi;
21. Jenfasizza l-importanza ta' soluzzjonijiet rapidi għall-problemi li jitolbu biss kjarifika tad-dritt tal-Unjoni u komunikazzjoni adegwata mal-applikanti f'każijiet kumplikati;
22. Jitlob integrazzjoni aħjar ma’ proċeduri oħra tal-immaniġġjar tal-ilmenti, b’mod partikolari l-EU Pilot;
23. Jenfasizza l-importanza li s-SOLVIT ikun indirizzat biex jitratta każijiet relatati aktar man-negozju; jinnota li dan jitlob għarfien akbar dwar is-SOLVIT fil-komunità tan-negozju, kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-SOLVIT u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju Ewropej u nazzjonali, pereżempju fil-forma ta' grupp ta' ħidma li jġib flimkien ċentri tas-SOLVIT u assoċjazzjonijiet tan-negozju, u rieda f'uħud miċ-ċentri tas-SOLVIT li jitrattaw każijiet aktar kumplessi;
24. Jiddispjaċih li ħafna każijiet relatati man-negozju li jistgħu jiġu mmaniġġjati mis-SOLVIT qed jiġu rrifjutati għar-raġuni li huma kumplessi wisq; iqis li jekk xi ċentri tas-SOLVIT isibu li tali każijiet relatati man-negozju huma kumplessi wisq sabiex jiġu mmaniġġjati, din hija problema li teħtieġ li tiġi indirizzata lokalment f’dawk iċ-ċentri tas-SOLVIT;
25. Jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tipprovdi assistenza informali fl-immaniġġjar tal-każijiet, inkluż parir legali informali f’każijiet kumplessi; jistieden liċ-ċentri tas-SOLVIT sabiex jagħmlu użu minn tali assistenza;
26. Jenfasizza l-importanza ta' skambji ta' informazzjoni bejn iċ-ċentri tas-SOLVIT u jirrakkomanda li l-Istati Membri jinvestu biex itejbu l-kooperazzjoni bejn dawn iċ-ċentri; jinkoraġġixxi liċ-ċentri tas-SOLVIT fl-Unjoni kollha biex jibdew skambju aktar dettaljat u estensiv tal-aħjar prattika, u jenfasizza l-importanza ta' tali skambji bejn iċ-ċentri tas-SOLVIT fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-promozzjoni tas-servizzi provduti;
27. Jilqa’ l-kjarifika magħmula fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/461/UE dwar il-mandat tas-SOLVIT fir-rigward ta’ każijiet fejn regoli nazzjonali jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni (magħrufa wkoll bħala każijiet strutturali); jilqa’ l-adozzjoni ta’ tali każijiet minn uħud miċ-ċentri tas-SOLVIT; jitlob liċ-ċentri kollha tas-SOLVIT jipprovdu assistenza effettiva kull meta jqumu dawn il-problemi strutturali, inkluż billi jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ problemi potenzjali li jistgħu jinħolqu mil-leġiżlazzjoni nazzjonali proposta;
28. Jitlob liċ-ċentri tas-SOLVIT ikunu aktar deċiżi u effiċjenti fir-reazzjoni tagħhom għall-ilmenti u, b’mod partikolari, fl-immaniġġjar ta’ każijiet aktar kumplessi;
29. Jenfasizza li huwa importanti li l-applikant, iċ-ċentri tas-SOLVIT involuti u l-Kummissjoni jżommu komunikazzjoni u kollaborazzjoni mill-qrib matul il-proċedura; jinnota li f’ħafna każijiet, l-applikant ma jiġix ikkonsultat matul il-proċedura iżda jkun f’kuntatt maċ-ċentru tas-SOLVIT biss meta jissottometti l-applikazzjoni u meta l-każ jitlesta;
30. Jemmen li għandu jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-livelli kollha tal-gvern fl-Istati Membri u fis-SOLVIT;
31. Jilqa' b'mod partikolari l-protezzjoni tad-data personali murija miċ-ċentri tas-SOLVIT u jitlob biex din il-protezzjoni tkun sorveljata kontinwament u, fejn meħtieġ, tiżdied biex tissodisfa t-talbiet dwar il-protezzjoni tad-data tal-utenti;
32. Jenfasizza l-importanza li jiżdied l-għarfien dwar u l-viżibilità tan-netwerk tas-SOLVIT u li jinġieb aktar viċin tal-persuni li ma jafux bih; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw aċċess ugwali għaċ-ċentri tas-SOLVIT u għall-portals online, pereżempju għal persuni b'diżabbiltà u l-anzjani, u biex jiġu żviluppati l-possibbiltajiet kollha li jkun stabbilit kuntatt bejn l-utenti u ċ-ċentri tas-SOLVIT f'dan il-kuntest; jikkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku (COM(2012)0721);
33. Jenfasizza l-ħtieġa ta' rabta u integrazzjoni tal-portals tas-SOLVIT ma' atturi u pjattaformi relatati oħra sabiex jiżdiedu l-aċċessibbiltà u l-viżibbiltà għall-utenti kollha; jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni biex itejbu s-sistema tas-SOLVIT billi jiżguraw approċċ koerenti fl-UE kollha u jtejbu l-viżibbiltà tagħha; iqis li l-webpages tal-istituzzjonijiet Ewropej relevanti għandhom jinkludu link għas-sit L-Ewropa Tiegħek;
34. Jenfasizza l-importanza li jitwassal it-tagħrif dwar il-bażi tad-data tal-każijiet tas-SOLVIT u jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tipprovdi informazzjoni dwar netwerks ta' soluzzjonijiet ta' problemi jew sorsi ta' informazzjoni alternattivi, inkluż mezzi oħra possibbli ta' rimedju, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni, f'każijiet li s-SOLVIT ma jistax jitratta;
35. Jinkoraġġixxi liċ-ċentri tas-SOLVIT jinvolvu lilhom infushom b'mod proattiv billi jieħdu inizjattivi minn rajhom biex joħolqu kuntatti maċ-ċittadini, man-negozji u mal-parlamenti nazzjonali;
36. Jilqa t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku online, li tipprovdi data dwar il-prestazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tas-SOLVIT u L-Ewropa Tiegħek, u dwar il-prestazzjoni tagħhom fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE relevanti għall-funzjonament tas-suq uniku;
37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu aktar passi sabiex ixerrdu l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta’ dawn l-istrumenti fost iċ-ċittadini, in-negozji u l-imprendituri, billi jużaw il-mezzi tal-midja kollha, inkluż l-internet, sabiex jiżguraw li l-informazzjoni tilħaq l-akbar numru ta’ ċittadini u negozji possibbli; jistieden lill-Istati Membri jorganizzaw kampanji tal-informazzjoni mmirati lejn gruppi speċifiċi, inklużi n-negozji – b’mod partikolari n-negozji żgħar u medji;
38. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja, fi ħdan ir-rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-suq uniku, il-prestazzjoni tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tal-problemi tal-Unjoni – b’mod partikolari s-SOLVIT – bħala parti mill-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir; itenni, barra minn hekk, it-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ il-governanza tas-suq uniku billi tistabbilixxi pilastru speċifiku tas-Semestru Ewropew, inkluż rakkomandazzjonijiet iddedikati għall-pajjiżi speċifiċi;
39. Jibqa’ impenjat li jimmonitorja mill-qrib il-progress tas-SOLVIT; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi stadji importanti miżurabbli għall-iżvilupp mixtieq tas-SOLVIT; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu wkoll il-miri miżurabbli tagħhom kif ukoll skadenzi għall-mod li bih jiġu ttrattati l-każijiet fiċ-ċentri lokali tas-SOLVIT; iqis, f'dan ir-rigward, li s-separazzjoni ta' każijiet relatati ma' ċittadini minn dawk relatati man-negozji sabiex ikun sorveljat il-progress tista' tkun l-aħjar triq li għandha tittieħed; jemmen li, jekk dawn il-miri ma jintlaħqux, għandha terġa' tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li l-proċedura informali tiġi sostitwita minn att leġiżlattiv, filwaqt li jitqiesu l-mekkaniżmi eżistenti bħal dawk provduti fid-Direttiva 2013/11/UE dwar riżoluzzjoni alternattiva għat-tilwim u r-Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim online; iħeġġeġ lill-Kunsill isegwi l-ambizzjoni tal-Parlament f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib il-progress biex jintlaħqu dawn il-miri tal-UE u tas-SOLVIT nazzjonali fis-Semestru Ewropew;
L-Ewropa Tiegħek: inwieġbu aħjar għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji
40. Jinnota ż-żieda kontinwa fl-użu tal-portal L-Ewropa Tiegħek;
41. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu distinzjoni ċara bejn l-Ewropa Tiegħek u s-SOLVIT filwaqt li jikkoordinaw il-kampanji ta’ viżibilità rispettivi tagħhom;
42. Jilqa' l-għanijiet stabbiliti fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Ewropa Tiegħek, fosthom li jitkompla l-għoti ta' informazzjoni prattika u ta' kwalità tajba dwar id-drittijiet tal-UE fis-Suq Uniku, li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar L-Ewropa Tiegħek u li titqiegħed fil-prattika sħubija mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;
43. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tieħu aktar passi effettivi li jqiegħdu L-Ewropa Tiegħek bħala għodda għan-negozji u jżidu l-viżibbiltà tiegħu, inkluż billi jsir użu aħjar tal-midja soċjali; iqis, li permezz tal-branding u bl-inklużjoni tas-SOLVIT, il-portal L-Ewropa Tiegħek isir il-punt ta' aċċess uniku għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej meta jkunu ffaċċjati minn problemi jew meta qed ifittxu informazzjoni; jemmen li punt ta’ aċċess uniku jista’ jservi ta’ punt ta’ referenza għaċ-ċittadini u n-negozji u jħaffef aktar l-aċċess tagħhom għall-għodod differenti ta’ informazzjoni u għall-mekkaniżmi speċjalizzati li jsolvu l-problemi, inkluż is-SOLVIT;
44. Jistieden lill-Kummissjoni biex twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-portal L-Ewropa Tiegħek biex ikopri kompletament id-drittijiet, l-obbligi u l-opportunitajiet fis-suq uniku u tagħmlu faċli kemm jista’ jkun għall-utent;
45. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni dwar regoli u proċeduri nazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li din l-informazzjoni tkun prattika, ħielsa mill-kliem tekniku, aċċessibbli b’mod ugwali għal kulħadd, aġġornata u disponibbli fil-lingwi rilevanti, u sabiex il-portal nazzjonali tagħhom (gvern elettroniku) jiġi konness mal-Ewropa Tiegħek;
o o o
46. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar l-abbozz ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali (09288/2010 – C7-0185/2010 – 2010/0817(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (09288/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 76(b) u l-Artikolu 82(1)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema l-abbozz ta' att kien ippreżentat lill-Parlament (C7‑0185/2010),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u (15) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill fl-ittra tal-5 ta' Diċembru 2013 biex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 44 u 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0477/2013),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-27 ta' Frar 2014 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2014/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġ li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn tali rekwiżit (COM(2013)0853 – C7-0430/2013 – 2013/0415(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0853),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 77(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0430/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-13 ta' Frar 2014, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0104/2014),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-27 ta' Frar 2014 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa
P7_TC1-COD(2013)0415
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 259/2014.)
Ftehim ta' Sħubija Volontarja UE-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ fi prodotti tal-injam għall-UE *
200k
35k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, governanza u kummerċ ta' prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea (11767/1/2013 – C7-0344/2013 – 2013/0205(NLE))
– wara li kkunsidra il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (11767/1/2013),
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresti, il-governanza u l-kummerċ tal-prodotti tal-injam lejn l-Unjoni Ewropea (11769/1/2013),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(3), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0344/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 81 u 90(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0043/2014),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Indoneżja.
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tintroduċi reġim semplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Kroazja u Ċipru ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2006/KE u d-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (COM(2013)0441 – C7-0186/2013 – 2013/0210(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0441),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema l-Kummissjoni ressqet il-proposta lill-Parlament (C7‑0186/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-5 ta' Frar 2014, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0082/2014),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. .Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-27 ta' Frar 2014 bil-ħsieb li tadotta d-Deċiżjoni Nru .../2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tintroduċi reġim semplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, mill-Kroazja u Ċipru u r-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2006/KE u d-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Deċiżjoni 565/2014/UE.)
Pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa ***I
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (COM(2012)0650 – C7-0371/2012 – 2012/0309(COD))
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2012)0650),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-punt (a) tal-Artikolu 77(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0371/2012),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tal-5 ta' Frar 2014 li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0373/2013),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Japprova l-istqarrija tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jieħu nota tal-istqarrija tal-Kummissjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fis-27 ta' Frar 2014 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 509/2014.)
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Stqarrija tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni ulterjuri tal-Kolombja u tal-Perù
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirrikonoxxu l-bżonn għal valutazzjoni ulterjuri tat-twettiq tal-kriterji rilevanti mill-Kolombja u mill-Perù qabel ma l-Kummissjoni tressaq ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill għal deċiżjonijiet li jawtorizzaw il-ftuħ tan-negozjati dwar il-ftehimiet dwar l-eżenzjoni tal-viża ma' dawk il-pajjiżi.
Il-Kummissjoni hi impenjata li tkompli b'dawk il-valutazzjonijiet mingħajr dewmien u biex tgħaddihom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota ta' dak l-impenn mill-Kummissjoni.
Stqarrija tal-Kummissjoni dwar tagħrif lill-Parlament Ewropew
Il-Kummissjoni tilqa' l-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-proposta tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li għandha l-għan li taġġorna l-Annessi li jinkludu l-listi tal-pajjiżi terzili ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal jew eżentati mir-rekwiżit tal-viża.
Bi qbil mal-Ftehim Qafas tal-20 ta' Ottubru 2010, dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt 23 tiegħu, il-Kummissjoni ttenni l-impenn tagħha li tgħarraf lill-Parlament Ewropew regolarment dwar il-kondotta tan-negozjati dwar il-ftehimiet għall-eżenzjoni tal-viża li jirriżultaw mit-trasferiment ta' ċerti pajjiżi għall-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Il-Kummissjoni għandha, mhux inqas minn darbtejn fis-sena, tressaq aġġornamenti lill-entitajiet rilevanti fil-Parlament Ewropew.
Is-sitwazzjoni fl-Ukraina
233k
72k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2595(RSP))
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-Politika tal-Lvant (SL) u dwar l-Ukraina, b'riferiment partikolari għar-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina(1),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina(2),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa straordinarja tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin dwar l-Ukraina fl-20 ta' Frar 2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi mid-deċiżjoni tal-President u l-Gvern Ukrain li jissospendi l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, mijiet ta' eluf ta' nies niżlu minn jeddhom fit-toroq tal-pajjiż kollu biex jipprotestaw favur l-integrazzjoni Ewropea; billi fi Kiev id-dimostranti qegħdin jokkupaw paċifikament Pjazza Indipendenza (Maidan Nezalezhnosti), u qed jappellaw għal bidla politika qawwija bil-għan li jġiegħlu lill-gvern jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu;
B. billi l-awtoritajiet taħt il-President Yanukovych ksiru l-liġi b'mod ċar meta awtorizzaw lill-forzi ta' sigurtà jagħmlu użu minn munizzjoni attiva kontra d-dimostranti u skjeraw tiraturi magħżula fuq il-bjut fi Pjazza Maidan u madwarha, li minn nofs Novembru 'l hawn kienet l-epiċentru ta' protesti kontra l-gvern u favur l-Ewropa; billi inqatlu kemm dimostranti kif ukoll persuni li kienu jinsabu fit-toroq ta' Kiev, u dan ipprovoka għadab u kundanni fil-livell internazzjonali;
C. billi fl-istess waqt, tliet ministri għall-affarijiet barranin mill-UE vvjaġġaw lejn Kiev fi sforz ta' medjazzjoni biex tinstab soluzzjoni ta' kompromess bejn il-President Yanukovych u l-oppożizzjoni; billi dawn irnexxielhom jiksbu ftehim dwar pjan direzzjonali għal ħruġ paċifiku u demokratiku mill-kriżi; billi l-mibgħut speċjali Russu wkoll iffaċilita l-ftehim, iżda mingħajr ma kien kofirmatarju;
D. billi, bħala konsegwenza, l-UE ddeċidiet li timponi sanzjonijiet immirati, inkluż l-iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-għoti tal-viża, fuq dawk il-persuni responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, vjolenza u użu ta' forza eċċessiva; billi l-Istati Membri qablu, barra min hekk, li jissospendu l-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir li jista' jintuża għal ripressjoni interna u li jerġgħu jeżaminaw il-liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir kopert mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK;
E. billi ċ-ċittadini ta' Lviv u Donetsk ħadu l-inizjattiva li jużaw il-lingwa Russa u dik Ukraina rispettivament fin-negozju tagħhom ta' kuljum fis-26 ta' Frar 2014 bħala ġest ta' solidarjetà u unità għall-pajjiż kollu;
F. billi l-Verkhovna Rada adottat riżoluzzjoni fil-21 ta' Frar 2014 li fiha tiddenunzja l-operazzjonijiet ta' kontra t-terroriżmu u titlob li l-forzi tas-sigurtà joħorġu miċ-ċentru ta' Kiev; billi, b'dan il-mod, il-parlament wera d-determinazzjoni tiegħu li jkollu rwol ċentrali u jieħu kontroll tas-sitwazzjoni fil-pajjiż; billi, il-ġurnata ta' wara, il-parlament ivvota favur it-tkeċċija tal-President Yanukovych, ir-ritorn tal-Kostituzzjoni tal-2004, elezzjonijiet bikrija fil-25 ta' Mejju 2014 u r-rilaxx tal-ex-Prim Ministru' Yulia Tymoshenko;
1. Jagħti ġieħ lil dawk li ġġieldu u mietu għall-valuri Ewropej, u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar profondi tiegħu lill-familji tal-vittmi, jikkundanna bil-qawwa kull att ta' vjolenza u jitlob liċ-ċittadini Ukraini kollha biex, flimkien mal-mexxejja politiċi u ċiviċi, jaġixxu bl-ikbar responsabbiltà f'dan il-waqt storiku għall-Ukraina;
2. Jikkundanna bis-saħħa l-azzjoni brutali u sproporzjonata tal-forzi kontra l-irvellijiet bħal Berkut, it-tiraturi magħżula u oħrajn, li wassal għal eskalazzjoni drammatika tal-vjolenza; jiddeplora l-imwiet u l-feriment li saru fin-naħat kollha u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi; iwissi li kull eskalazzjoni ulterjuri ta' vjolenza tkun diżastruża għan-nazzjon Ukrain u tista' timmina l-unità u l-integrità territorjali tal-pajjiż; jenfasizza li issa importanti ħafna li l-partijiet kollha juru sens ta' responsabbiltà, rażan u impenn għal djalogu politiku inklużiv, u jeskludu ritaljazzjoni extraġudizzjarja; iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha jaħdmu flimkien f'dan il-punt kritiku għall-Ukraina u jiffaċilitaw soluzzjonijiet ta' kompromess, iżommu 'l bogħod mill-estremisti u jevitaw provokazzjoni u azzjonijiet vjolenti li jistgħu jwasslu għal inizjattivi tas-separatisti;
3. Jilqa' r-rwol responsabbli li kellha l-Verkhovna Rada fl-eżerċitar tal-funzjonijiet kostituzzjonali tagħha bis-sħiħ, billi pattiet għan-nuqqasijiet politiċi u istituzzjonali maħluqa mir-riżenja tal-gvern u t-tkeċċija tal-President, li mbagħad tneħħa mill-Parlament; jieħu nota tal-miżuri adottati s'issa mill-parlament, b'mod partikolari fir-rigward tar-ritorn għall-Kostituzzjoni tal-2004, id-deċiżjoni li jiġu organizzati elezzjonijiet presidenzjali fil-25 ta' Mejju 2014, id-deċiżjoni tal-irtirar tal-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà, u tal-ħelsien mill-ħabs ta' Yulia Tymoshenko; jenfasizza kemm huwa importanti li l-Parlament Ukrain u l-membri tiegħu jibqgħu jirrispettaw l-istat tad-dritt;
4. Ifaħħar lill-poplu Ukrain għall-bidla bl-ordni fil-poter u r-reżiljenza ċivika li wera f'dawn l-aħħar xhur, u jenfasizza l-fatt li din il-protesta ċivika u popolari għandha sservi ta' eżempju u se tibqa' titfakkar bħala waqt importanti fl-istorja tal-Ukraina; jenfasizza li din ir-rebħa demokratika u ċivika m'għandhiex titħassar bi spirtu ta' tpattija jew atti ta' retribuzzjoni lejn l-avversarji, jew bi ġlied politiku intern; jenfasizza li dawk li wettqu reati kontra ċ-ċittadini tal-Ukraina u li għamlu użu ħażin mill-poter tal-istat għandhom jiffaċċjaw proċessi indipendenti; jitlob li titwaqqaf kummissjoni indipendenti ta' investigazzjoni, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Konsultattiv Internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa u l-OSKE, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ sa mill-bidu tal-protesti;
5. Jappoġġja l-approċċ tal-UE, li jgħaqqad flimkien l-isforzi diplomatiċi intensifikati ma' sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli li ordnaw abbużi tad-drittijiet tal-bniedem relatati ma' opressjoni politika; jitlob l-adozzjoni tas-sanzjonijiet immirati kif miftiehem mill-Kunsill "Affarijiet Barranin" u jħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tagħhom stess kontra l-ħasil tal-flus biex iwaqqfu l-fluss ta' flus illeċitu mill-Ukraina, u biex jiżguraw ir-ritorn ta' assi misruqa depożitati fl-UE; iqis li investigazzjoni verament indipendenti tad-delitti mwettqa għandha tibda immedjatament u li s-sanzjonijiet immirati għandhom jitneħħew malli s-sitwazzjoni fl-Ukraina titjieb u tali investigazzjoni tad-delitti kommessi tibda tħalli l-frott; jitlob li ssir investigazzjoni dwar l-approprjazzjoni massiva ta' fondi u assi tal-istat mill-ħbieb u l-"familja" tal-President li tneħħa Yanukovych, għall-iffriżar tal-assi kollha tagħhom sakemm tingħata kjarifika dwar kif akkwistawhom u, jekk ikun ippruvat li dawn kienu misruqa, għar-ritorn ta' dawn l-assi mill-gvernijiet ta' Stati Membri tal-UE bħar-Renju Unit, il-Latvja u l-Awstrija, li hu maħsub li huma l-benefiċjarji ewlenin;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet umanitarji jistabbilixxu għajnuna medika u umanitarja rapida, robusta u diretta għall-vittmi kollha;
7. Jistieden lill-partijiet kollha u lill-pajjiżi terzi biex jirrispettaw u jappoġġjaw l-unità u l-integrità territorjali tal-Ukraina; Jistieden lill-forzi politiċi kollha fl-Ukraina u l-atturi kollha internazzjonali involuti, sabiex jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu għall-integrità territorjali u l-unità nazzjonali tal-Ukraina, waqt li jieħdu kont tal-kompożizzjoni kulturali u lingwistika tal-pajjiż u l-istorja tiegħu; jistieden lill-Parlament Ukrain u lill-gvern il-ġdid jirrispettaw id-drittijiet tal-minoranzi fil-pajjiż u l-użu tar0Russu u l-lingwi minoritarji l-oħra; Jitlob l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida f'konformità mal-obbligi tal-Ukraina fl-ambitu tal-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji;
8. Ifakkar li l-fruntieri eżistenti tal-Ukraina kienu ggarantiti mill-Istati Uniti tal-Amerika, mill-Federazzjoni Russa u r-Renju Unit fil-Memorandum ta' Budapest dwar Garanziji ta' Sigurtà meta l-Ukraina rrinunzjat għall-armi nukleari tagħha u ssieħbet fit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP); ifakkar lill-Federazzjoni Russa li, flimkien maż-żewġ pajjiżi msemmija hawn fuq, impenjat ruħha fl-istess att biex toqgħod lura mill-pressjoni ekonomika maħsuba biex tissubordina l-eżerċitar mill-Ukraina tad-drittijiet inerenti fis-sovranità tagħha għall-interess tagħha stess u b'hekk tikseb kull tip ta' benefiċċju;
9. Jenfasizza l-importanza li ma tintilifx id-dinamika fl-ittrattar tal-kawżi fundamentali tal-kriżi, u tiġi stabbilita l-fiduċja tan-nies fil-politika u fl-istituzzjonijiet; jemmen, barra minn hekk, li dan jeħtieġ riformi kostituzzjonali u strutturali bil-għan li tinħoloq sistema effettiva ta' kontrolli u bilanċi, rabta eqreb bejn il-politika u s-soċjetà, l-istat tad-dritt, ir-responsabbiltà u sistema ġudizzjarja verament indipendenti u imparzjali u elezzjonijiet kredibbli;
10. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill straordinarju tal-Affarijiet Barranin tal-20 ta' Frar 2014 u, b'mod partikolari, id-deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet immirati, inkluż l-iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-għoti tal-viża kontra l-persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-vjolenza u l-użu eċċessiv tal-forza, u s-sospensjoni ta' liċenzji ta' esportazzjoni għal tagħmir li jista' jintuża għal ripressjoni interna; jinnota l-impatt enormi li kellhom dawn is-sanzjonijiet fuq l-opinjoni publika fl-Ukraina, u huwa tal-fehma li dawn il-miżuri setgħu ġew adottati qabel; huwa tal-fehma, madankollu, li dawn is-sanzjonijiet għandhom jinżammu bħala parti mill-politika tal-UE lejn l-Ukraina waqt dan il-perjodu tranżitorju;
11. Jilqa' r-rilaxx tal-ex-Prim Ministru Yulia Tymoshenko mill-ħabs, u jittama li r-rilaxx tagħha se jissimbolizza t-tmiem ta' ġustizzja selettiva u motivata politikament fl-Ukraina; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tad-dimostranti u l-priġunieri politiċi kollha li ġew detenuti b'mod illegali, it-tneħħija tal-akkużi kollha kontrihom u r-riabilitazzjoni politika tagħhom;
12. Iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha jaħdmu flimkien f'dan il-punt kritiku għall-Ukraina, favur tranżizzjoni politika paċifika, aġenda ta' riforma ambizzjuża u fuq skala wiesgħa u gvern orjentat lejn l-istandards Ewropej, biex jiddefendu l-unità u l-integrità territorjali tal-pajjiż, u jiffaċilitaw soluzzjonijiet ta' kompromess għall-futur tal-Ukraina; jistieden lill-awtoritajiet intermedjarji biex jiggarantixxu d-drittijiet u l-libertajiet demokratiċi lill-forzi politiċi demokratiċi kollha u biex jipprevjenu attakki kontra kull wieħed minnhom;
13. Jenfasizza li hu l-poplu tal-Ukraina, u huwa biss, li jista' jiddeċiedi, ħieles minn kwalunkwe interferenza barranija, dwar l-orjentament ġeopolitiku tal-pajjiż u liema ftehimiet u komunitajiet li l-Ukraina għandha tingħaqad magħhom;
14. Jikkundanna l-attakk fuq u d-distruzzjoni tal-kwartieri ġenerali tal-Partit Komunista tal-Ukraina u ta' partiti oħra, u t-tentattivi ta' projbizzjoni tal-Partit Komunista tal-Ukraina;
15. Itenni li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv (DCFTA) huwa lest biex jiġi ffirmat mal-gvern il-ġdid, malajr kemm jista' jkun u hekk kif il-gvern il-ġdid ikun lest biex jagħmel dan;
16. Jilqa' l-fatt li minn tliet punti ta' referenza stabbiliti mill-Kunsill "Affarijiet Barranin" fl-2012, il-punt dwar it-tmiem ta' ġustizzja selettiva (inkluża l-priġunerija ta' Yulia Tymoshenko) intlaħaq, filwaqt li t-tnejn l-oħra, dwar il-ġustizzja u s-sistemi elettorali, li huma t-talbiet tal-moviment ta' protesta, huma diġà s-suġġett ta' bidla u riforma profonda, li wieħed jittama li jintlaħqu dalwaqt mill-gvern ta' koalizzjoni l-ġdid u appoġġjati mill-maġġoranza parlamentari l-ġdida;
17. Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-awtoritajiet Ukraini bil-għan li jinstabu modi kif jiġu kontrobilanċjati l-effetti tal-miżuri ta' ritaljazzjoni adottati mir-Russja biex twaqqaf l-iffirmar tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, kif ukoll ta' miżuri ġodda possibbli; jilqa' l-aħbar mill-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, Olli Rehn, tar-rieda tal-UE li tipprovdi pakkett ta' għajnuna finanzjarja sostanzjali, ambizzjuż kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq terminu twil, sakemm tinstab soluzzjoni politika bbażata fuq prinċipji demokratiċi, impenn għal riforma u l-ħatra ta' gvern leġittimu; jistieden lir-Russja tadotta attitudni kostruttiva sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet biex l-Ukraina tibbenefika minn relazzjonijiet bilaterali kemm mal-UE kif ukoll mar-Russja; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jitkellmu mar-Russja b’vuċi waħda b’appoġġ għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-Ukraina u tal-pajjiżi oħra tas-SL li b’mod liberu jagħżlu li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE;
18. Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni, flimkien mal-FMI, il-Bank Dinji, jaġixxu malajr kemm jista' jkun b'assistenza finanzjarja fuq terminu ta' żmien qasir u bilanċ ta' faċilità ta' pagamenti, ikkomplementat b'pakkett fuq terminu ta' żmien twil, flimkien mal-BERŻ u l-BEI, ta' sostenn finanzjarju biex l-Ukraina tingħata l-għajnuna ħalli taffronta s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħha li qiegħda tmur għall-agħar kif ukoll jagħtu sostenn ekonomiku biex tagħti bidu għal riformi profondi u komprensivi neċessarji għall-ekonomija Ukraina; Jitlob, għalhekk, li tiġi organizzata konferenza tad-donaturi mingħajr dewmien; jistieden lill-Kummissjoni u lill-SEAE jagħmlu l-aħjar użu tal-fondi disponibbli għall-Ukraina fil-qafas tal-istrumenti finanzjarji eżistenti u biex, mill-iktar fis possibli, jikkunsidraw jagħmlu riżorsi addizzjonali disponibbli għall-Ukraina;
19. Jirrikonoxxi li l-korruzzjoni mifruxa fil-livelli kollha tal-gvern għadha qed tostakola l-potenzjal tal-Ukraina għall-iżvilupp u qed tipperikola l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħhom stess; Iħeġġeġ, għalhekk, lill-gvern il-ġdid iqiegħed il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fuq quddiem nett fil-prijoritajiet tal-programm tiegħu u jitlob li l-UE tgħin dawn l-isforzi;
20. Jenfasizza l-bżonn li tiġi stabbilita sistema ġudizzjarja verament indipendenti u imparzjali;
21. Jistieden lill-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tħaffef id-djalogu dwar il-viża mal-Ukraina; jenfasizza l-finalizzazzjoni malajr tal-ftehim liberalizzazzjoni tal-viża – wara l-eżempju tal-Moldova – bejn l-UE u l-Ukraina hija l-aħjar mod kif għandha tingħata tweġiba għall-aspettattivi tas-soċjetà ċivili u taż-żgħażagħ Ukraini; jitlob, sadattant, l-introduzzjoni immedjata ta' proċeduri tal-viża temporanji, sempliċi ħafna u bi ħlas baxx fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, flimkien ma' kooperazzjoni msaħħa għar-riċerka, skambji ta' studenti aktar wesgħin u boroż ta' studju aktar disponibbli;
22. Huwa tal-fehma li l-dispożizzjonijiet tad-DCFTA ma jirrappreżentaw l-ebda sfida kummerċjali għall-Federazzjoni Russa u li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mhuwiex ta' impediment għar-relazzjonijiet tajba bejn l-Ukraina u l-ġar tagħha fil-Lvant; jenfasizza li l-instabilità fil-viċinat konġunt mhu la fl-interess tal-UE u lanqas tar-Russja; jenfasizza li l-applikazzjoni ta' pressjoni politika, ekonomika jew pressjoni oħra hija bi ksur tal-Att Finali ta' Ħelsinki;
23. Jinnota d-deċiżjoni li jiġu organizzati elezzjonijiet presidenzjali fil-25 ta' Mejju 2014; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn l-elezzjonijiet isiru b'mod ħieles u ġust; iħeġġeġ bil-qawwa li l-Verkhovna Rada tadotta l-leġiżlazzjoni elettorali neċessarja f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezia, inkluża liġi mġedda dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi li tindirizza l-kwistjonijiet identifikati minn GRECO u OSKE/ODIHR; iħeġġeġ li jkun hemm osservazzjoni internazzjonali tal-elezzjonijiet li ġejjin u jiddikjara r-rieda tiegħu li tiġi stabbilita missjoni ta' osservazzjoni tiegħu stess għal dan il-għan permezz ta' missjoni sostanzjali ta' osservazzjoni mill-Parlament Ewropew; jemmen li l-elezzjonijiet leġiżlattivi għandhom jiġu organizzati malajr wara l-elezzjonijiet presidenzjali u qabel l-aħħar tas-sena; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE/ODIHR jipprovdu appoġġ imsaħħaħ pre-elettorali u missjoni sostanzjali ta' monitoraġġ fit-tul tal-elezzjonijiet sabiex l-elezzjonijiet presidenzjali skedati għall-25 ta' Mejju 2014 ikunu jistgħu jsiru skont l-ogħla standards u jipproduċu riżultat li jkunu jistgħu jaċċettawh ir-rivali kollha; jitlob li persunal mill-Parlament Ewropew jintbagħat fid-delegazzjoni tal-UE fi Kiev għal perjodu tranżitorju sa ma jsiru l-elezzjonijiet;
24. Jilqa' r-rikonoxximent riċenti mill-Kunsill li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż DCFTA, ma jikkostitwix l-għan aħħar fil-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ukraina; jirrimarka li l-UE tinsab lesta li tiffirma l-AA/DCFTA hekk kif il-kriżi politika attwali tiġi solvuta u l-awtoritajiet Ukraini ġodda jkunu lesti għal perspettiva Ewropea serja; ; jenfasizza wkoll li l-Artikolu 49 TUE jirreferi għall-Istati Ewropej kollha, inkluża l-Ukrajna, li tista' tapplika biex issir Membru ta' l-Unjoni, sakemm hija taderixxi mal-prinċipji tad-demokrazija, tirrispetta l-libertajiet fundamentali u d-drittjiet tal-minoranzi, u tiżgura l-istat tad-dritt;
25. Jenfasizza l-importanza ta ' provvista tal-enerġija sikura, diversifikata u affordabbli bħala pilastru ta' tranżizzjoni ekonomika, soċjali u politika u ta' garanzija ta' ekonomija kompetittiva u prospera għall-Ukrajni kollha; f'dan ir-rigward jenfasizza r-rwol strateġiku tal-Komunità tal-Enerġija, li tagħha l-Ukraina għandha l-presidenza fl-2014, bħala l-uniku trattat li bħalissa jgħaqqad l-Ukraina mal-Unjoni Ewropea;
26. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-inizjattiva mhux partitika tas-soċjetà ċivili li titwaqqaf 'Pjattaforma ta' Maidan', għall-iżvilupp ta' strateġija biex tintemm il-korruzzjoni endemika fl-Ukraina;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Aġent President , lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ukraina, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, b'mod partikolari dik tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar il-vjolenza reċenti fl-Iraq(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Iraq, min-naħa l-oħra, u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Iraq(2),
– wara li kkunsidra d-Dokument Strateġiku Konġunt tal-UE għall-Iraq 2011-2013 tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill "Affarijiet Barranin" dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tal-10 ta' Frar 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, dwar l-Iraq, b'mod partikolari dawk tal-5 ta' Frar 2014, tas-16 ta' Jannar 2014, tat-18 ta' Diċembru 2013 u tal-5 ta' Settembru 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tal-VP/RGħ tat-28 ta' Diċembru 2013 dwar il-qtil ta' residenti f'Kamp Hurriya,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) tal-10 ta' Jannar 2014 dwar l-Iraq,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, li l-Iraq hu parti tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Iraq għadu jħabbat wiċċu ma' sfidi gravi fl-ambitu politiku, tas-sigurtà u soċjoekonomiku u billi x-xena politika tiegħu hija estremament frammentata u kkaratterizzata mill-vjolenza u mill-politika settarja, fatt li jmur askapitu tal-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Iraq għall-paċi, għall-prosperità u għal tranżizzjoni effettiva lejn id-demokrazija; billi l-Iraq qiegħed jaffronta l-aktar mewġa ta' vjolenza gravi mill-2008;
B. billi anke minkejja li l-Iraq irnexxielu jerġa' jilħaq livelli ta' produttività taż-żejt sa kważi kapaċità sħiħa, l-inugwaljanza soċjali qed tikber hekk kif l-Istat tal-Iraq għadu mhux qed jirnexxielu jipprovdi servizzi bażiċi lill-popolazzjoni Iraqina, bħal elettriku regolari fis-sajf, ilma nadif u kura tas-saħħa pubblika;billi l-popolazzjoni kollha tal-Iraq tinsab maħsuda bi gwerra li kkawżat aktar minn miljun vittma u farrket partijiet kbar tal-infrastruttura tal-Iraq, u biż-żieda konsegwenti tal-vjolenza fil-pajjiż; billi għaxar snin ta' okkupazzjoni ħallew lill-pajjiż ifqar, l-għadd ta' persuni illitterati żdied filwaqt li aktar nies qed imutu bil-ġuħ; billi l-faqar laqat 88 % tal-popolazzjoni tal-Iraq u madwar sitt miljun Iraqi jgħixu taħt is-soll tal-faqar;
C. billi skont in-numru ta' vittmi ppubblikat mill-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iraq (UNAMI) fl-1 ta' Frar 2014, l-ammont totali ta' Iraqin maqtula kien 733 filwaqt li 1 229 oħra ndarbu f'atti ta' terroriżmu u vjolenza f'Jannar 2014; billi n-numru għal Jannar 2014 ma jinkudix il-vittmi tal-ġlied li għaddej fil-provinċja ta' Anbar, minħabba problemi fir-rigward tal-verifika u l-aċċertament tal-istatus ta' dawk maqtula jew midruba;
D. billi l-gwerra ċivili li għaddejja fis-Sirja aggravat is-sitwazzjoni fl-Iraq; billi din qiegħda tinfirex fl-Iraq, bil-militanti, partikolarment dak tal-Istat Iżlamiku tal-Iraq u tal-Lvant (Islamic State of Iraq and the Levant - ISIL) qegħdin jespandu l-attivitajiet tagħhom fit-territorju tal-Iraq;
E. billi fl-10 ta' Jannar 2014 il-KSNU kkundanna l-attakki li qed jitwettqu mill-ISIL kontra l-poplu tal-Iraq b'tentattiv biex jiddestabilizza l-pajjiż u r-reġjun;
F. billi l-gvern tal-Prim Ministru Nuri al-Maliki ma affrontax it-tħassib espress mill-minoranza Sunnita; billi l-politika ta' "de-Baathifikazzjoni" skont il-Liġi dwar il-Ġustizzja u l-Obbligu ta' Rendikont waslet għat-tkeċċija prevalentement ta' uffiċjali Sunniti li saħħet il-perċezzjoni tal-aġenda settarja tal-gvern; billi, partikolarment, it-twaqqigħ tal-kamp ta' protesta tas-Sunniti li dam sena, f'Ramadi, min-naħa tal-gvern fit-30 ta' Diċembru 2013 aggrava l-konfront vjolenti fil-provinċja ta' Anbar; billi, b'konsegwenza ta' dan, f'Fallujah u fi bliet oħrajn fil-provinċja ta' Anbar kien hemm ġlied bejn il-forzi governattivi u l-militati tal-ISIL minn Diċembru 2013;
G. billi fit-13 ta' Frar 2014 iktar minn 63 000 familja (li jirrappreżentaw aktar minn 370 000 ruħ, skont il-kalkoli tan-NU) milquta mill-ġlied fil-provinċja ta' Anbar ġew irreġistrati bħala spustati internament; billi bosta nies ħarbu lejn partijiet oħra tal-pajjiż, fosthom il-provinċji ta' Karbala, Bagdad u Erbil, filwaqt li oħrajn fittxew kenn f'komunitajiet imbiegħda fil-provinċja ta' Anbar jew ma jistgħux jaħarbu mill-ġlied; billi l-kundizzjoni tagħhom għadha waħda prekarja, b'livelli baxxi ta' ħażniet tal-ikel u tal-ilma tax-xorb, kundizzjonijiet sanitarji ħżiena u aċċess limitat għall-kura tas-saħħa;
H. billi ma waqfux l-attakki mortali bil-bombi fl-Iraq kollu, pereżempju l-attakk tal-5 ta' Frar 2014 fuq il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Iraq, li laqtu l-aktar liż-żoni b'maġġoranza Xiita, filwaqt li bosta evażjonijiet mill-ħabs żiedu l-għadd ta' ġellieda li jimlew l-istakkamenti tal-gruppi militanti estermisti;
I. billi fil-25 ta' Diċembru 2013, inqatlu mill-inqas 35 persuna u għexieren oħra sfaw midruba f'attakki bil-bombi fl-inħawi Nsara ta' Bagdad; billi hu mifhum li mill-2003 mill-inqas nofs l-Insara tal-Iraq ħallew il-pajjiż;
J. billi fil-5 ta' Frar 2014, ġie attakkat il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Iraq f'Bagdad, u billi fl-10 ta' Frar 2014 il-konvoj tal-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Osama al-Nujaifi, ġie attakkat fil-belt ta' Mosul fil-provinċja ta' Ninawa;
K. billi l-gvern federali tal-Iraq u l-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan għadhom ma jaqblux dwar il-mod kif jikkondividu l-użu tar-riżorsi minerali tal-Iraq, b'pipeline ġdida mistennija ġġorr 2 miljun barmil żejt kull xahar mill-Kurdistan sat-Turkija u l-gvern ċentrali qiegħed iħejji azzjoni legali kontra l-provinċja;
L. billi l-problemi soċjali u ekonomiċi serji – faqar mifrux, livell għoli ta' qgħad, staġnar ekonomiku, degrad ambjentali u nuqqas ta' servizzi pubbliċi bażiċi – għadhom jolqtu perċentwal kbir tal-popolazzjoni;
M. billi l-vjolenza u s-sabutaġġ ostakolaw l-isforzi intiżi biex l-ekonomija, miflija minn għexieren ta' snin ta' kunflitti u sanzjonijiet, tingħata nifs ġdid; billi l-Iraq għandu t-tielet l-akbar riżerva taż-żejt mhux raffinat tad-dinja, iżda billi l-attakki, il-korruzzjoni u l-kuntrabandu rvinaw l-esportazzjonijiet; billi n-nisġa soċjali tal-pajjiż, inkluż il-livell ta' ugwaljanza għan-nisa milħuq preċedentement, tinsab f'diffikultà serja;
N. billi l-libertà tal-istampa u tal-midja qed tiġi attakkata b'mod ripetut u dejjem aktar ta' sikwit mill-gruppi tal-gvern kif ukoll dawk estremisti; billi l-ġurnalisti u s-sorsi tal-aħbarijiet ġew attakkati jew iċċensurati, u Reporters Without Borders irrappurtat blackout fuq l-aħbarijiet dwar is-sitwazzjoni fil-provinċja ta' Anbar; billi l-Iraq hu klassifikat bħala "mhux liberu" mir-rapport Freedom in the World ("Il-Libertà fid-Dinja") 2014 tal-organizzazzjoni mhux governattiva Freedom House;
O. billi l-kostituzzjoni tal-Iraq tiggarantixxi l-ugwaljanza quddiem il-liġi għaċ-ċittadini kollha, flimkien mad-"drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet";
P. billi l-FSK UE-Iraq, b'mod partikolari l-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem misjuba fih, jenfasizza li d-djalogu politiku UE-Iraq għandu jikkonċentra fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi;
Q. billi l-emendi lil-liġi elettorali tal-Iraq ġew adottati f'Novembru 2013 li wittew it-triq għall-elezzjonijiet ġenerali li mistennijin isiru fit-30 ta' April 2014;
R. billi l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tassisti lill-Iraq fit-tranżizzjoni tiegħu għad-demokrazija, u fakkret li l-unità u l-integrità territorjali tal-Iraq huma elementi essenzjali fil-bini ta' stat sigur u għani għaċ-ċittadini kollha tiegħu u biex ikun hemm stabilità fir-reġjun kollu;
S. billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Iraq kellu l-ewwel laqgħa tiegħu fi Brussell fl-20 ta' Jannar 2014; billi l-Kunsill ta' Kooperazzjoni, li qed jiltaqa' fil-qafas tal-FSK UE-Iraq, afferma mill-ġdid l-impenn taż-żewġ partijiet li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet ta' bejniethom; billi l-UE se tkompli tippromwovi l-kooperazzjoni fl-oqsma kollha ta' interess reċiproku, filwaqt li toffri assistenza mmirata f'oqsma maqbula b'mod konġunt;
T. billi l-awtoritajiet tal-Iraq qed ikomplu japplikaw il-piena tal-mewt; billi l-Kapjiet tal-Missjoni f'Bagdad tal-UE ffirmaw dikjarazzjoni dwar il-Jum Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt f'Ottubru, fejn esprimew tħassib kbir dwar l-użu tal-piena tal-mewt mill-Iraq u stiednu lill-Gvern tal-Iraq jintroduċi moratorja;
U. billi għaddejja bħalissa kampanja ta' armament massiva għall-Iraq, bl-involviment ta' bejgħ fuq skala kbira ta' apparat militari;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-atti reċenti ta' terroriżmu u ż-żieda fil-vjolenza settarja, li ġġib magħha l-periklu li l-pajjiż jerġa' jaqa' fil-ġlied settarju u qiegħda tiġġenera biża' ta' kunflitt settarju usa' fir-reġjun kollu; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minkejja li l-vjolenza sseħħ fuq linji settarji, il-kawżi tagħha huma politiċi aktar milli reliġjużi; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji u lill-ħbieb tal-vittmi u tal-midruba;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kommessi mill-ISIL fil-provinċja ta' Anbar u jappoġġa l-appell tal-KSNU lill-poplu tal-Iraq, inklużi t-tribujiet tal-Iraq, il-mexxejja lokali, u l-forzi tas-sigurtà tal-Iraq fil-provinċja ta' Anbar, biex jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-vjolenza u t-terrur; jenfasizza li l-ISIL huwa suġġett għall-embargo fuq l-armi u l-iffriżar tal-assi imposti bir-riżoluzzjonijiet nri 1267 (1999) u 2083 (2012) tal-KSNU u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni fil-pront u effikaċi ta' dawk il-miżuri;
3. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-iżviluppi fil-provinċja ta' Anbar u l-għadd kbir ta' persuni spustati internament li qed jaħarbu miż-żoni ta' kunflitt; jitlob aċċess umanitarju għal Fallujah; jitlob lill-Gvern tal-Iraq jonora dmiru li jipproteġi lill-popolazzjoni ċivili f'Fallujah u fi bnadi oħrajn; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq ikompli jaħdem mal-UNAMI u mal-aġenziji umanitarji biex jiġi żgurat il-forniment tal-għajnuna umanitarja; jilqa' l-isforzi tan-NU intiżi biex tingħata għajnuna lil dawk milquta mill-ġlied fil-provinċja ta' Anbar, minkejja l-isfidi maħluqa mill-ambjent ta' sigurtà deterjoranti u l-operazzjonijiet li għaddejjin fil-provinċja;
4. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jsostnu l-isforzi kollha tal-Gvern tal-Iraq u tal-UNAMI f'dik li hija protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili f'Fallujah u fi bnadi oħrajn bil-għan li jippruvaw jassiguraw il-passaġġ sigur taċ-ċivili maqbuda fiż-żoni tal-kunflitt, kif ukoll ir-ritorn bla periklu tal-persuni spustati internament malli l-kundizzjonijiet jippermettu;
5. Jistieden lill-Gvern tal-Iraq jittratta l-kwistjonijiet fit-tul li jikkontribwixxu għall-instabbiltà tal-pajjiż, fosthom it-tħassib leġittimu tal-minoranza Sunnita, billi jvara djalogu nazzjonali inklużiv dwar ir-riforma tal-Liġi dwar il-Ġustizzja u l-Obbligu ta' Rendikont, jastjeni minn dikjarazzjonijiet settarji xewwiexa u jimplimenta miżuri mmirati għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jirrifjuta l-appelli għall-ħolqien ta' reġjun federali Sunnita fl-Iraq bħala soluzzjoni għall-kunflitt attwali billi dan x'aktarx isarraf f'aktar settariżmu u vjolenza;
6. Jinnota bi tħassib l-effetti b'konsegwenza tal-vjolenza tal-kunflitt fis-Sirja; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jagħmel sforz qawwi biex jiżola lill-Iraq mill-gwerra ċivili Sirjana billi jastjeni milli jappoġġa lil xi parti involuta fil-kunflitt u billi jipprevjeni lill-ġellieda, kemm Sunniti kif ukoll Xiiti, milli jaqsmu minn jew ġewwa s-Sirja;
7. Huwa preokkupat ħafna dwar l-atti kontinwi ta' vjolenza kommessi kontra l-popolazzjoni ċivili, il-gruppi vulnerabbli u l-komunitajiet reliġjużi; jistieden lill-Gvern tal-Iraq u lill-mexxejja politiċi kollha jadottaw il-miżuri neċessarji biex jipprovdu sigurtà u protezzjoni lill-poplu kollu tal-Iraq, partikolarment il-membri tal-minoranzi vulnerabbli bħan-nisa, il-ġurnalisti, iż-żgħażagħ, l-attivisti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, it-trejdunjonisti u l-komunitajiet reliġjużi, fosthom l-Insara; jistieden lill-Gvern tal-Iraq jiżgura li l-forzi ta' sigurtà jottemperaw mal-Istat tad-dritt u mal-istandards internazzjonali;
8. Jappoġġa l-isforzi tal-UE intiżi biex jassistu lill-Iraq fil-promozzjoni tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-Istat tad-dritt, anki billi tibni fuq l-esperjenzi u l-kisbiet tal-missjoni EUJUST LEX-Iraq, li sfortunatament lestiet il-mandat tagħha fil-31 ta' Diċembru 2013, flimkien mal-isforzi tal-UNAMI u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jassistu lill-Gvern tal-Iraq fit-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi tiegħu, fil-promozzjoni tal-Istat tad-dritt, fil-faċilitazzjoni tad-djalogu reġjonali, fit-titjib tal-forniment ta' servizzi bażiċi u fl-iżgurar tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon il-programm ta' bini ta' kapaċitajiet mniedi fit-22 ta' Jannar 2014, finanzjat mill-UE u implimentat mill-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-NU, sabiex jgħin lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Iraq fl-implimentazzjoni tal-mandat tiegħu li jippromwovi u jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem fl-Iraq;
9. Jilqa' pożittivament l-emendi adottati tal-liġi elettorali tal-Iraq fl-4 ta' Novembru 2013, li wittew it-triq għall-elezzjonijiet ġenerali li mistennijin isiru fit-30 ta' April 2014; jenfasizza l-importanza ta' dawn l-elezzjonijiet għat-tranżizzjoni demokratika kontinwa tal-Iraq u jistieden lill-atturi kollha jiżguraw li jkunu inklużivi, trasparenti, kredibbli u puntwali; jistieden lis-SEAE jassisti lill-Gvern tal-Iraq kemm jista' jkun fil-preparamenti prattiċi;
10. Huwa preokkupat ħafna dwar ir-rata għolja ta' eżekuzzjonijiet fl-Iraq; jistieden lill-awtoritajiet tal-Iraq jintroduċu moratorja fuq l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ta' mewt kollha; jemmen li huma ta' importanza primarja r-riformi tas-sistema ġudizzjarja bil-għan li jerġa' jiġi stabbilit sens ta' sigurtà għaċ-ċittadini tal-Iraq, u għandhom jinkludu r-reviżjoni tal-Liġi kontra t-Terroriżmu, li toffri konsiderevolment inqas protezzjoni għas-suspettati u għad-detenuti mill-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali, u jappella għat-tmiem tal-impunità, partikolarment fir-rigward tal-forzi statali ta' sigurtà;
11. Jistieden lill-atturi kollha tal-Istat u mhumiex jirrispettaw il-libertà tal-istampa u tal-midja u biex iħarsu lill-ġurnalisti u lill-sorsi tal-aħbarijiet mill-vjolenza; jirrikonoxxi li stampa u midja liberi huma parti essenzjali ta' demokrazija li tiffunzjona, li joffru aċċess għall-informazzjoni u pjattaforma għaċ-ċittadini;
12. Jistieden lill-UE tiżviluppa pożizzjoni komuni tal-UE favur il-projbizzjoni tal-użu tal-munizzjon bl-uranju mfaqqar u toffri sostenn għat-trattament tal-vittmi, inklużi l-vittmi tal-armi kimiċi, u l-isforzi possibbli għad-dekontaminazzjoni taż-żoni milquta;
13. Iqis li t-taħditiet reċenti bejn l-E3+3 u l-Iran ukoll joffru opportunità għall-Iraq biex jistabbilizza ruħu, dment li l-setgħat kollha tal-madwar jieqfu jindaħlu fl-affarijiet interni tal-Iraq;
14. Jikkundanna bil-qawwa l-attakk bil-missili f'Kamp Hurriya fis-26 ta' Diċembru 2013, li skont rapporti varji ħalla bosta residenti tal-kamp mejta u midruba; jenfasizza li ċ-ċirkostanzi li fihom seħħ dan l-inċident brutali għandhom jiġu ċċarati; jistieden lill-awtoritajiet tal-Iraq iżidu l-miżuri ta' sigurtà madwar il-kamp sabiex jipproteġu r-residenti tiegħu minn kwalunkwe vjolenza ulterjuri; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq isib l-awturi tal-attakk u jżommhom responsabbli; jinnota li l-UE tistieden lill-partijiet kollha jiffaċilitaw il-ħidma tal-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-NU fit-trasferiment tar-residenti kollha ta' Kamp Hurriya f'post permanenti u sikur barra mill-Iraq malajr kemm jista' jkun;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti.
– wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-użu ta' drones armati tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji tat-28 ta' Mejju 2010 u tat-13 ta' Settembru 2013 u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu tat-18 ta' Settembru 2013,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' Awwissu 2013 tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, dwar l-użu ta' drones armati,
– wara li kkunsidra s-smigħ tal-25 ta' April 2013 dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones, organizzat b'mod konġunt mis-Sottokumitat tal-Parlament għad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mas-Sottokumitat tiegħu għas-Sigurtà u d-Difiża,
– wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 dwar "L-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u robots awtonomi fil-gwerer",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013 dwar tħejjijiet għal programm tal-ġenerazzjoni li jmiss rigward sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) Ewropej ta' Altitudni Medja u Awtonomija fit-Tul,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-użu ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS, minn hawn 'il quddiem "drones") f'operazzjonijiet extraterritorjali letali żdied b'mod qawwi matul l-aħħar deċennju;
B. billi għadd mhux magħruf ta' ċivili ġew maqtula, midruba serjament jew trawmatizzati fil-ħajja tagħhom ta' kuljum minħabba attakki bid-drones barra żoni ddikjarati ta' kunflitt;
C. billi fil-każ ta' allegazzjonijiet ta' qtil ta' ċivili minħabba attakki bid-drones, l-istati huma obbligati li jwettqu investigazzjonijiet immedjati, indipendenti u imparzjali u, jekk l-allegazzjonijiet ikunu pruvati bħala korretti, jipproċedu għal attribuzzjoni pubblika ta' responsabbiltà, pieni għal dawk responsabbli u dispożizzjoni ta' aċċess għal rimedju, inkluż ħlas ta' kumpens lill-familji tal-vittmi;
D. billi l-Artikolu 51(2) tal-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra, jiddikjara li "atti jew theddid ta' vjolenza li l-għan ewlieni tagħhom ikun li jxerred it-terrur fost il-popolazzjoni ċivili huma projbiti";
E. billi l-attakki bid-drones barra gwerra ddikjarata minn stat fit-territorju ta' stat ieħor mingħajr il-kunsens ta' dan tal-aħħar jew tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jikkostitwixxu ksur tad-dritt internazzjonali u tal-integrità u s-sovranità territorjali ta' dak il-pajjiż;
F. billi d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jipprojbixxi l-qtil arbitrarju fi kwalunkwe sitwazzjoni; billi d-dritt umanitarju internazzjonali ma jippermettix il-qtil immirat ta' persuni li jinsabu fi stati nonbelliġerenti;
G. billi kwalunkwe infiq minn operazzjonijiet b'implikazzjonijiet militari jew ta' difiża hu eskluż mill-fondi tal-baġit tal-UE (Artikolu 41(2) TUE);
H. billi seba' Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u Spanja) ffirmaw ittra ta' intenzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) li ngħatat il-kompitu li tħejji studju dwar il-produzzjoni konġunta ta' inġenji ta' Altitudni Medja u Awtonomija fit-Tul (MALE), li jistgħu jintużaw f'attakki fuq miri militari jew għas-sorveljanza ta' dgħajjes ta' migranti fil-Baħar Mediterran, u b'hekk jibda x-xogħol fuq RPAS Ewropew;
I. billi studji ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni ta' drones, militari u ċivili, ġew appoġġjati b'fondi tal-UE, u billi dan hu ppjanat li jsir anke fil-ġejjieni;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu fuq l-użu ta' drones armati barra l-qafas legali internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE tiżviluppa rispons ta' politika xieraq kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak globali li jħares id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;
2. Jistieden lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri u lill-Kunsill sabiex:
(a)
jopponu u jipprojbixxu l-prassi ta' qtil immirat extraġudizzjarju;
(b)
jiżguraw li l-Istati Membri, f'konformità mal-obbligi legali tagħhom, ma jwettqux qtil immirat illegali jew jiffaċilitaw qtil bħal dan min-naħa ta' stati oħra;
(c)
jinkludu drones armati f'diżarm internazzjonali u Ewropew rilevanti u reġimi ta' kontroll tal-armi;
(d)
jipprojbixxu l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' armi kompletament awtonomi li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman;
(e)
jiżguraw li, fejn hemm bażijiet raġonevoli biex jassumu li individwu jew entità fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħhom jistgħu jkunu relatati ma' qtil immirat illegali barra l-pajjiż, jieħdu miżuri skont l-obbligi legali internazzjonali u interni tagħhom;
(f)
jappoġġjaw il-ħidma u s-segwitu dwar ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu;
3. Iħeġġeġ lill-Kunsill jadotta pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati;
4. Jitlob lill-UE tippromwovi aktar trasparenza u responsabbiltà min-naħa tal-pajjiżi terzi fl-użu ta' drones armati fir-rigward tal-bażi legali għall-użu tagħhom u għar-responsabbiltà operattiva, li tipprevedi rieżami ġudizzjarju tal-attakki bid-drones u tiżgura li l-vittmi ta' attakki illegali bid-drones ikollhom aċċess effettiv għal rimedji;
5. Jitlob ukoll lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament informat sew dwar l-użu tal-fondi tal-UE għall-proġetti kollha ta' riċerka u żvilupp assoċjati mal-kostruzzjoni tad-drones; jitlob li jsiru valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem rigward proġetti ulterjuri ta' żvilupp tad-drones;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali waqt il-ġlieda kontra t-terroriżmu, u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.
Is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2012)
562k
273k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2012 (2013/2078(INI))
– wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (minn hawn 'l isfel imsejjaħ "Trattat UE"), b’mod partikulari t-tieni inċiż u mir-raba’ sas-seba’ inċiżi tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(3), it-tieni inċiż, u l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikoli relatati mar-rispett, il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE, kemm fit-TUE kif ukoll fit-TFUE,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 (minn hawn 'l isfel imsejħa "il-Karta"), ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,
– wara li kkunsidra s-salvagwardja tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, il-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet u r-rapporti tal-Assemblea Parlamentari, tal-Kumitat tal-Ministri, tal-kummissarju għad-drittijiet tal-bniedem u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa,
– wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea, kif riveduta fl-1996, u l-ġurisprudenza tal-Kumitat Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, li l-UE hija parti minna, flimkien ma' kważi l-Istati Membri kollha,
– wara li kkunsidra l-Prinċipji gwida dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem, adottati fis-27 ta’ Ottubru 2012 mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (A/HRC/21/39);
– wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, "Rispett u promozzjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea" (COM(2003)0606), dwar l-Istrateġija għall-implimentazzjoni effettiva tal-Karta tad-drittijiet fundamentali mill-Unjoni Ewropea (COM(2010)0573), dwar l-orjentamenti operattivi rigward ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-analiżi tal-impatt (SEC(2011)0567),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar l-azzjonijiet u l-inizjattivi tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, adottati mill-Kunsill fit-23 ta' Mejju 2011, u d-Direttivi tal-Kunsill dwar l-istadji metodoloġiċi li għandhom jiġu segwiti biex tiġi verifikata l-kompatibilità tad-drittijiet fundamentali mal-livell tal-korpi preparatorji tal-Kunsill(1),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2013 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (COM(2013)0271) u d-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal mehmuża magħhom,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE: Id-drittijiet tiegħek, il-futur tiegħek’ (COM(2013)0269),
– wara li kkunsidra l-“Programm ta’ Stokkolma – Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini”(2),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020 (COM(2011)0173) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Passi 'l quddiem fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom" (COM(2013)0454) u l-proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar miżuri ta' integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (COM(2013)0460),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija(3),
– wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċit(4), id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħolfn(5) u l-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjun jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment ħieles ta’ din id-data(6),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni(7),
– wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-każistika tal-qrati kostituzzjonali nazzjonali, li għalihom il-Karta hija wieħed mid-dokumenti ta' riferiment ewlenin tagħhom fl-interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali,
– wara li kkunsidra d-diskors tas-Sur Barroso dwar l-istat tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew fil-11 ta' Settembru 2013 u d-diskors tas-Sna. Reding dwar l-Unjoni Ewropea u l-istat tad-dritt fl-4 ta' Settembru 2013 fiċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS) (Brussell),
– wara li kkunsidra l-ittra tas-6 ta’ Marzu 2013 mibgħuta mill-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka u l-Finlandja lill-President tal-Kummissjoni, is-Sur Barroso, fejn jitolbu mekkaniżmu biex titrawwem il-konformità mal-valuri fundamentali fl-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 u s-7 ta' Ġunju 2013 dwar id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt u dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2013 dwar l-Applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-konferenza dwar "Ewropa ta' ċittadini ugwali: ugwaljanza, drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt", organizzata mill-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill fid-9 u l-10 ta' Mejju 2013;
– wara li kkunsidra r-raba' simpożju tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tas-7 ta' Ġunju 2013, bl-isem "Nippromwovu l-istat tad-dritt fl-UE",
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-evalwazzjoni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tat-13 ta' Settembru 2013,
– wara li kkunsidra l-attivitajiet, ir-rapporti annwali, l-istudji u l-opinjonijiet tal-FRA, u partikolarment ir-Rapport Annwali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE fl-2012,
– wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-FRA, tal-UNDP, tal-Bank Dinji u tal-Kummissjoni "The situation of Roma in 11 EU Member States - Survey results at a glance" (Is-Sitwazzjoni tar-Rom fi 11-il Stat Membru: Daqqa t’għajn lejn ir-riżultati tal-istħarriġ), ippubblikat f’Mejju 2012,
– wara li kkunsidra r-rapport, ippubblikat f’April 2013, tar-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti, bl-isem "Management of the external borders of the European Union and its impact on the human rights of migrants" (Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-impatt tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti),
– wara li kkunsidra r-rapporti u l-istudji tal-NGOs dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istudji rilevanti mitluba mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, u b'mod partikolari l-istudju dwar ‟Ir-relazzjoni trijangolari bejn id-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-Istat tad-Dritt fl-UE - lejn mekkaniżmu UE Kopenħagen”,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2010 dwar il-qagħda tad-Drittijiet Fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2009) – implimentazzjoni effikaċi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona(8) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea (2010-2011)(9),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2004 dwar ir-riskji tal-vjolazzjoni, fl-UE u speċjalment fl-Italja, tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni (l-Artikolu 11(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali)(10),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 2005 dwar il-ħarsien tal-minoranzi u politiki kontra d-diskriminazzjoni f’Ewropa akbar(11),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2008 dwar iċ-ċensiment tar-Rom fuq bażi tal-etniċità fl-Italja(12),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-Liġi Litwana dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika(13),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2010 dwar il-qagħda tar-Roma u dwar il-libertà tal-moviment fl-Unjoni Ewropea(14),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2011 dwar il-ksur tal-libertà ta' espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali fil-Litwanja(15),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Roma(16),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2011 dwar il-liġi Ungeriża dwar il-midja(17),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar il-Karta tal-UE: iffissar ta’ standards għal-libertà tal-midja fl-UE kollha(18),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar il-ġlieda kontra l-omofobija fl-Ewropa(19),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2013 dwar it-tisħiħ tal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u r-reati ta’ mibegħda(20),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(21),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport finali)(22),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali: standards u prattiki fl-Ungerija (skont ir-Riżoluzzjoni tas-16 ta’ Frar 2012)(23),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar l-allegat trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu tar-rapport tal-Kumitat TDIP tal-Parlament Ewropew(24) u r-riżoluzzjoni ta' segwitu tiegħu tal-10 ta' Ottubru 2013(25),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2013 dwar il-lingwi Ewropej fil-periklu ta’ estinzjoni u d-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea(26),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),
– wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill f'Marzu 2011,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolata ‘Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015’ (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tas-7 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta’ qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa(27) u tas-6 ta' Frar 2013 dwar is-57 sessjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa (CSW) tan-NU: L-eliminazzjoni u l-prevenzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u t-tfajliet(28),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 dwar rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta' valur ugwali(29),
– wara li kkunsidra d-dokumenti ta' ħidma I u II dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2012 (rapporteur Louis Michel),
– wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku li sar fil-5 ta' Novembru 2013 mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar ‟Is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea: kif insaħħu d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-UE”,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0051/2014),
A. whereas European integration is a political project born out of the ashes of the Second World War and the persecution and repression of individuals by totalitarian regimes, and whereas its aim has been to anchor European states to democracy and the rule of law in order to respect and promote human rights, fundamental rights, equality and the protection of minorities, on the basis of the Universal Declaration of Human Rights (UDHR), the European Convention on Human Rights (ECHR) and other instruments on human rights and fundamental freedoms, and avoid a return to any kind of authoritarian regime; billi l-integrazzjoni Ewropea hija proġett politiku li nibet mill-qerda tat-Tieni Gwerra Dinjija u l-persekuzzjoni u l-oppressjoni mir-reġimi totalitarji, u bl-għan li jiġu stabbiliti d-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Istati Ewropej u sabiex jiġu rispettati u promossi d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza u l-protezzjoni tal-minoranzi, abbażi tad-dikjarazzjoni universali tad-drittijiet tal-bniedem, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u strumenti oħra għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jiġi evitat ritorn ta' kwalunkwe tip lejn reġim awtoritarju;
B. billi l-individwu, ċittadin jew resident, għandu jkun iċ-ċentru tal-Unjoni Ewropea u li d-drittijiet fundamentali jipproteġu lil kull individwu kontra l-interferenzi, l-abbużi u l-vjolenza possibbli mill-awtoritajiet – fuq kull livell – fuq l-isfera tal-ħajja privata tiegħu u tal-libertajiet u d-drittijiet tiegħu; u billi r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tad-demokrazija u tal-valuri u l-prinċipji kif stabbiliti fit-Trattat tal-UE u l-istrumenti internazzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem (l-UDHR, il-KEDB, l-ICCPR, l-ICESCR, eċċ.) għandhom ikunu ċ-ċentru tal-integrazzjoni Ewropea;
C. billi l-Unjoni Ewropea żviluppat acquis fundamentali bl-għan li jiġu garantiti r-rispett, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp tal-"kriterji ta’ Kopenħagen", l-inklużjoni tal-Artikoli 2, 6 u 7 fit-Trattat UE, il-Karta tad-Drittijiet fundamentali, l-obbligu ta’ adeżjoni għall-konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll id-dispożizzjonijiet korrispondenti fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri;
D. billi, bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Karta bidlet valuri u prinċipji fi drittijiet konkreti u opponibbli u billi għandha l-istess valur tat-Trattat ta’ Lisbona, din saret legalment vinkolanti għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll għall-Istati Membri fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE,
E. billi għandha tiġi żviluppata, promossa u msaħħa kultura reali tad-drittijiet fundamentali kemm fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll fl-Istati Membri, b’mod partikolari meta japplikaw u jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni kemm internament kif ukoll fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi; billi l-implimentazzjoni ta’ dawn il-valuri u prinċipji għandha wkoll tiddependi fuq kontroll effettiv tar-rispett tad-drittijiet fundamentali garantiti fil-Karta, inklużi mit-tfassil tal-proposti leġiżlattivi; billi kunsiderazzjonijiet oħrajn ma jistgħux jieħdu preċedenza fuq ir-rispett u l-iżgurar tad-drittijiet fundamentali msemmijin, b’riskju li jiġu skreditati r-rwol u r-reputazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem partikolarment fir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi;
F. billi l-Unjoni Ewropea topera abbażi tal-preżunzjoni u l-fiduċja reċiproka li l-Istati Membri tal-UE jikkonformaw mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, kif stabbilit fil-KEBD u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta' Żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u t-tħaddim tal-prinċipji ta' rikonoxximent reċiproku;
G. billi l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku jwassal għal sitwazzjoni fejn persuni jistgħu jiġu trasferiti minn ġurisdizzjoni għal oħra, mingħajr l-ebda skrutinju minn qabel tad-drittijiet tal-bniedem tad-deċiżjonijiet rispettivi;
H. billi l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea enfasizzat fil-każijiet konġunti C-411/10 u C-493/10 li tali preżunzjoni ta' konformità mad-drittijiet fundamentali bħal din għandha tkun konfutabbli u li għalhekk l-imħallfin għandhom jikkontrollaw jekk hemmx raġunijiet sostanzjali biex jemmnu li hemm nuqqasijiet sistematiċi fis-sistema ġudizzjarja tal-Istati Membri l-oħra;
I. billi huwa konsegwentament meħtieġ li jkun żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom evidenza biżżejjed disponibbli sabiex jieħdu deċiżjoni informata dwar jekk hemmx nuqqasijiet sistematiċi jew le fis-sistemi ġudizzjarji ta' Stat Membri oħra;
J. billi l-korruzzjoni tikkawża ħsara soċjali u ksur tad-drittijiet fundamentali, minħabba li gruppi ta' kriminalità organizzata jużawha biex jikkommettu reati serji oħra, bħat-traffikar tal-bnedmin; billi sistema ġudizzjarja effiċjenti, indipendenti u imparzjali hija essenzjali għall-istat tad-dritt u sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ċivili taċ-ċittadini fl-Ewropa;
K. billi l-Unjoni Ewropea għaddejja minn perjodu ta' kriżi ekonomika u finanzjarja, iżda wkoll demokratika u kostituzzjonali, kif urew l-avvenimenti reċenti f'ċerti Stati Membri, u billi dawn it-tensjonijiet urew li hemm nuqqas ta' strumenti adegwati biex tiġi ffaċċjata din il-kriżi, kif ukoll in-nuqqas ta' rieda politika u d-diffikultajiet biex jiġu applikati l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ, valutazzjoni u sanzjonament previsti mit-trattati attwali u b'mod partikolari r-rekwiżiti skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 7 tat-Trattat UE;
L. billi l-Parlament Ewropew bosta drabi esprima ruħu favur it-tisħiħ tal-mekkaniżmi għall-garanzija tar-rispett, il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni, imħabbra fl-Artikolu 2 tat-Trattat UE u biex tingħeleb il-kriżi fi ħdan l-Unjoni u l-Istati Membri, u billi għaddej dibattitu dwar il-ħolqien ta' "mekkaniżmu ġdid", fejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri se jingħaqdu mal-Parlament u l-NGOs f'dan ir-rigward;
M. billi l-FRA enfasizzat fit-taqsima tal-fokus tar-Rapport Annwali tagħha dwar l-2012 iddedikat għall-‟Unjoni Ewropea bħala Komunità ta' valuri: nissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali fi żminijiet ta' kriżi” l-fatt li fehim komuni tal-valuri u l-obbligi legali tal-Artikolu 2 huwa aspirazzjoni li jistieden stabbiliment ta' djalogu regolari fi ħdan l-UE;
N. billi l-Kummissjoni indikat li tixtieq issaħħaħ l-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea u li tista’ tipproponi l-użu ta’ avviżi ta’ tqegħid fil-mora fil-kuntest tal-Artikolu 7(1) tat-Trattat UE skont it-Trattat attwali; billi hija semmiet ukoll il-bżonn li jiġu modifikati t-trattati u ħabbret li tista’ tipproponi emendi qabel tmiem l-2013, u anke fil-bidu tal-2014, sabiex jiġi organizzat dibattitu fi żmien l-elezzjonijiet (inkluż dwar l-Artikolu 7) u jitfittex kunsens dwar dawn il-proposti li l-objettiv tiegħu għandu jkun li jiġi garantit li l-politika Ewropea dwar id-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea tiddependi fuq regoli u mekkaniżmi ċari; indikaturi, dejta u provi oġġettivi;
O. billi kwalunkwe deċiżjoni f’dan ir-rigward għandha tippermetti li tiġi garantita mingħajr dewmien l-applikazzjoni kif xieraq tal-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat UE u li jiġi żgurat li kull deċiżjoni meħuda tkun ibbażata fuq kriterji u evalwazzjoni oġġettivi, u b’hekk jingħelbu l-kritiki dwar in-nuqqas ta’ indikaturi u ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni, ta’ differenzi fit-trattament u ta’ parzjalità politika;
P. billi għadhom qed iseħħu bosta każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, kif indikat fir-rapporti (annwali u speċifiċi) tal-Kummissjoni Ewropea, l-FRA, il-Kunsill tal-Ewropa (rapporti annwali u sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dokumenti u r-rapporti tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dokumenti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa), dokumenti tan-NU (inklużi d-dokumenti u r-rapporti tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, tar-Rapporteurs Speċjali, eċċ.), dokumenti tal-NGOs (bħall-Human Rights Watch, l-Amnesty International, l-Open Society Institute, ILGA-Europe, ECRE, ir-Reporters without Borders, il-Freedom House, FIDH, eċċ.), etc.; Billi ksur ta' dan it-tip jirrikjedi rispons adegwat mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Istati Membri, dovut għas-serjetà u r-rikorrenza tagħhom;
Q. billi dawn il-korpi rrappurtaw u esprimew it-tħassib tagħhom, partikolarment fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-Rom, tal-migranti, tal-applikanti għall-asil u tar-refuġjati, tal-minoranzi u tal-persuni LGBT, tal-midja u tal-ġurnalisti, l-azzjonijiet tal-forzi ta’ sigurtà, tal-pulizija, tas-servizzi sigrieti u tal-inkjesti neċessarji sabiex dawk responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem jitressqu quddiem il-ġustizzja u jiġu kastigati, għal parteċipazzjoni tal-Istati f’każijiet ta’ tortura u abbuż f’pajjiżi terzi u l-użu ta’ provi miksuba b’dan il-mod, ta’ kundizzjonijiet ta’ arrest u abbuż;
R. Billi l-preambolu tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 8, 9, 10, 19 u 21 tal-Karta tal-UE dwar id-Drittijiet Fundamentali u l-każistika stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirrikonoxxu l-importanza tad-drittijiet soċjali fundamentali billi bħala simboli tal-prinċipji trażversali tad-dritt Komunitarju, u b'hekk huwa ċar li l-UE għandha tiggrantixxi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, bħad-drittijiet sindakali, id-dritt għall-istrajk u d-dritt għall-assoċjazzjoni u l-assemblea, eċċ., kif definit fil-Karta Soċjali Ewropea, u billi l-Artikolu 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fih riferiment espliċitu għad-drittijiet soċjali fundamentali, bħal dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea;
S. billi l-Artikoli 2 u 3 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jirrikonoxxu d-dritt għall-ħajja u d-dritt għall-integrità tal-bniedem;
T. billi fl-Unjoni Ewropea jgħixu madwar 100 miljun tifel u tifla u madwar 80 miljun persuna Ewropea b’diżabbiltà; billi persuni b'diżabilità u b'mod partikolari tfal għadhom qed ibatu minn nuqqas ta' assistenza u appoġġ fir-rigward tal-inklużjoni tagħhom fi skejjel, u qed jiffaċċjaw diffikultajiet fl-aċċess għal bini jew servizzi u problemi sabiex jinstemgħu u jipparteċipaw f'deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom; billi l-UE, bħala parti għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, għandha l-obbligu li tippromwovi, tipproteġi u tirrispetta d-drittijiet ta' persuni b'diżabilitajiet, kif tgħid il-Konvenzjoni, u li tadotta strateġija għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u li tiżgura li l-politiki u l-liġi primarja u sekondarja eżistenti u futura tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni;
U. billi n-nisa u l-bniet huma l-vittmi ewlenin ta' vjolenza sessista, għaliex skont estimi fl-UE, 20-25 % tan-nisa ġarrbu vjolenza fiżika mill-anqas darba f'ħajjithom; billi mijiet ta' eluf ta' nisa li jgħixu fl-Ewropa ġew soġġetti għal mutilazzjoni ġenitali u eluf ta' bniet huma fir-riskju;
V. billi n-nisa fl-UE jaqilgħu madwar 16 % inqas fis-siegħa mill-irġiel;
W. billi l-faqar, l-inugwaljanza bejn is-sessi u l-isterjotipi tas-sessi jżidu r-riskju tal-vjolenza u forom oħra ta’ sfruttament, inkluż it-traffikar tan-nisa u l-prostituzzjoni, u jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja;
X. billi l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-opportunitajiet indaqs għandhom jiġu garantiti għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea; billi madankollu, il-protezzjoni ta' minoranzi nazzjonali u lingwi reġjonali u minoritarji f'UE mkabbra hija kwistjoni ewlenija, li mhux se tissolva sempliċiment bil-ġlieda kontra l-ksenofobija u d-diskriminazzjoni, iżda billi jiġu adottati reġimi u trattamenti legali, lingwistiċi, kulturali, soċjali speċifiċi;
1. Jenfasizza l-fatt li l-proġett politiku, storiku u etiku tal-UE huwa li jiġu assoċjati l-Istati li għandhom l-istess valuri Ewropej komuni u li jippromwovuhom, bħal dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll fil-KEDB, b’mod partikolari ir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, l-ugwaljanza, il-libertà, in-non diskriminazzjoni u l-protezzjoni tal-minoranzi, li huma marbuta mill-qrib u li jikkostitwixxu prekundizzjonijiet reċiproċi, u jqis għalhekk li pilastru fundamentali tal-identità Ewropea huwa u għandu jkun il-promozzjoni interna u esterna tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali u tad-demokrazija, li huma valuri Ewropej;
2. Jirrakkomanda li l-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill jirrikonoxxu l-eżistenza ta’ obbligi pożittivi biex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li r-rispett tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali jimplika azzjonijiet f’livelli differenti; jenfasizza r-rwol li għandhom f'dan il-qasam l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-NGOs u s-soċjetà ċivili u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill itejbu l-kooperazzjoni tagħhom ma’ dawn l-atturi;
3. Ifakkar lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri kollha dwar il-ħtieġa li jikkonformaw mal-obbligi tagħhom li jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jinnota li l-parteċipazzjoni fi trattati internazzjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tista’ sservi biss biex tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE;
4. Jikkundanna t-tendenzi inkwetanti fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet fundamentali ġewwa l-Unjoni Ewropea, partikolarment fir-rigward tal-immigrazzjoni u l-asil, tad-diskriminazzjonijiet u l-intolleranza partikolarment lejn ċerti popolazzjonijiet (minoranzi u migranti), tas-sigurtà u t-terroriżmu, tal-libertà tal-istampa, tal-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni, tad-drittijiet soċjali u tal-organizzazzjoni; jinnota żieda fin-nuqqas mill-Istati Membri ta’ rispett ta’ dawn il-libertajiet u drittijiet fundamentali, partikolarment fir-rigward tar-Rom, tan-nisa, tal-LGBT, tal-applikanti għal asil, tal-migranti, u ta’ popolazzjonijiet vulnerabbli oħrajn;
Kwistjonijiet istituzzjonali
5. Ifakkar li huwa fundamentali għall-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tagħha u għall-Istati Membri li jiggarantixxu r-rispett tal-valuri Ewropej stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE u li huwa urġenti l-bżonn li jiġu applikati u implimentati l-istrumenti kollha attwalment previsti mit-trattati f’dan ir-rigward, kif ukoll li jitħejju modifiki lit-trattati meta dawn ikunu meħtieġa; jenfasizza li l-obbligu li jiġu ssodisfati l-kriterji ta' Kopenħagen ma jiskadix wara s-sħubija, iżda jibqa' responsabilità tal-Istati Membri, li d-drittijiet fundamentali huma parti mil-liġi primarja tal-Unjoni u li dawn għandhom jiġu rispettati meta jiġi applikat d-dritt tal-Unjoni minn kwalunkwe qorti jew awtorità, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak nazzjonali. b'rabta ma' dan, jiddispjaċih b'mod partikolari dwar it-tul tan-negozjati ta’ adeżjoni għall-KEDB u jiddispjaċih li l-adeżjoni tal-UE għall-KEDB għadha ma ġietx ikkumpletata;
6. Ifakkar lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-Istati Membri li kull politika dwar id-drittijiet fundamentali għandha tevita qabel xejn li jsir ksur, partikolarment permezz ta’ strumenti aċċessibbli ta’ prevenzjoni u rikors qabel ma tittieħed deċiżjoni jew miżura, sabiex ikunu jistgħu jiġu eżaminati u ġġudikati każijiet partikolari fl-iqsar żmien possibbli u b’mod effiċjenti, ġust, ekwu, mingħajr diskriminazzjoni;
7. Jikkunsidra li ċ-ċittadini huma aktar impenjati li jirrispettaw, jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali, kif muri mill-mobilizzazzjoni u ż-żieda fl-attenzjoni għall-każijiet ta’ ksur, abbuż jew inugwaljanza, fil-ħajja ta’ kuljum kif ukoll fil-każijiet simboliċi jew magħrufin, kif ukoll grazzi għall-moviment imtejjeb tal-informazzjoni permezz tat-teknoloġiji ġodda, in-netwerks soċjali u l-midja; ifakkar li kull ksur, abbuż jew inugwaljanza huwa ta’ ħsara għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt kif ukoll għall-fiduċja taċ-ċittadini lejn l-istituzzjonijiet u r-rappreżentanti tagħhom, partikolarment l-uffiċjali responsabbli politiċi; jenfasizza li l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali responsabbli politiċi għandhom iqisu u jappoġġjaw din id-dinamika demokratika, billi jistabbilixxu mekkaniżmi ġodda ta’ djalogu maċ-ċittadini u billi jinfurzaw il-kontroll taċ-ċittadini, parlamentari, ġudizzjarju u tal-midja fuq l-awtoritajiet tal-Istat, li għandhom ikunu aktar onesti u trasparenti, sabiex jaqdu aħjar l-interessi taċ-ċittadini;
8. Iqis li, biex jittieħed benefiċċju sħiħ mill-potenzjal tat-trattati, jeħtieġ li:
(a)
Jiġi kkompletat il-proċess ta’ adeżjoni għall-konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u li jiġu stabbiliti diġà l-istrumenti meħtieġa biex jitwettaq dan id-dmir stabbilit fit-trattati, billi dan jipprovdi mekkaniżmu addizzjonali għall-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini tal-Unjoni, inter alia bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni min-naħa tal-Istati Membri tal-UE tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u partikolarment is-"sentenzi pilota; jaċċedi, kif mitlub mill-Kunsill tal-Ewropa, għall-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f'Turin fit-18 ta' Ottubru 1961 u riveduta fi Strasburgu fit-3 ta' Mejju 1996; u biex l-Istati Membri jaċċedu għal u jirratifikaw il-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa u sabiex jimplimentaw l-istrumenti diġà eżistenti tal-acquis communautaire u sabiex jikkunsidraw mill-ġdid l-esklużjonijiet, li jistgħu jaffettwaw id-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom;
(b)
jiġi żgurat li l-proposti u l-politiki leġiżlattivi jkunu konformi mal-Karta u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, billi jittieħdu passi tanġibbli lejn l-iżgurar li dawn jitqabblu mal-Karta fil-fażijiet kollha tat-tfassil tal-leġiżlazzjoni, u li l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-implimentazzjoni tagħha mill-Istati Membri jiġi eżaminat b'mod sistematiku fir-rapporti ta' valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din il-leġiżlazzjoni, kif ukoll fir-rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE;
(c)
jiġi żgurat li l-Kummissjoni - u l-Kunsill, meta dan jagħti bidu għal leġiżlazzjoni - fejn hu xieraq jagħmlu użu mill-għarfien espert indipendenti estern tal-FRA;
(d)
jintensifika l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, kif ukoll mal-Parlament Ewropew u mal-parlamenti nazzjonali, sabiex ikun hemm implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
(e)
jiġi żgurat li t-tfassil u t-traspożizzjoni tad-dritt tal-UE dwar u li jiżviluppa d-drittijiet fundamentali jiġu msaħħa u applikati korrettament, billi tiġi segwita politika rigoruża ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ, u billi jinbdew proċedimenti ta' ksur quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b'mod partikolari f'oqsma fejn l-UE għandha kompetenza, bħan-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza, il-ġeneru, id-diżabilità, il-protezzjoni tad-dejta, l-asil u l-immigrazzjoni;
(f)
tiġi żgurata l-promozzjoni ta' approċċ ta' stat tad-dritt sostanzjali li jikkunsidra kif id-drittijiet fundamentali huma protetti fil-prattika;
(g)
ikun rikonoxxut li hemm ħtieġa għal rieda politika b'saħħitha sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet b'mod partikolari fi żminijiet ta' kriżi ekonomika u finanzjarja;
(h)
tissaħħaħ u tiġi żgurata t-trasparenza fid-djalogu interistituzzjonali dwar id-drittijiet fundamentali jew meta jkunu involuti l-interessi taċ-ċittadini Ewropej;
(i)
jiġi żgurat li l-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi eżistenti u li tniedi evalwazzjonijiet oġġettivi u tibda proċedimenti ta' ksur jekk każ ikun ibbażat fis-sod, u b’hekk tevita standards doppji, kull meta Stat Membru jikser id-drittijiet stabbiliti fil-Karta waqt l-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE;
(j)
jiġu previsti politiki u programmi ta’ azzjoni ambizzjużi, effikaċi u wesgħin b'rabta mad-drittijiet fundamentali u l-valuri Ewropej komuni, partikolarment sabiex ikun hemm konformità proattiva u sistematika mal-obbligi tal-UE dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza msemmijin fl-Artikoli 8 u 10 tat-TFUE u fl-Artikolu 21 tal-Karta;
(k)
ikun hemm kooperazzjoni iktar sistematika u kkoordinata fil-livelli kollha, b'mod partikolari mal-Kunsill tal-Ewropa u ma’ istituzzjonijiet internazzjonali oħra, biex jiġi evitat kwalunkwe impjieg doppju abbażi tal-għarfien espert speċifiku;
(l)
tiġi simplifikata l-multipliċità ta' mekkaniżmi diġà disponibbli sabiex jiġi evitat ksur tad-drittijiet fundamentali fl-UE, jiġi trattat ksur tad-drittijiet fundamentali u jiġi evitat forum shopping u jissaħħaħ ir-rwol li jista’ jkollhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali, flimkien mal-organizzazzjonijiet għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
(m)
jiġu ppreparati tabelli komparattivi u sommarji għal kull pajjiż, li skonthom il-Kummissjoni għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar politika ta' drittijiet fundamentali, bħalma tagħmel għall-politika ekonomika UE27; il-Kunsill għandu japprova jew jemenda dawn ir-rakkomandazzjonijiet kif ukoll il-proposti tal-Kummissjoni rigward ksur sfaċċat ta' drittijiet fundamentali, sas-summit tal-Kunsill Ewropew li jmiss;
(n)
jiġi żviluppat mekkaniżmu ta' evalwazzjoni bejn il-pari bil-parteċipazzjoni ta' korpi nazzjonali ta' drittijiet tal-bniedem, simili għad-DAC tal-OECD: kull Stat Membru jiġi evalwat mill-pari kull tlieta jew erba' snin, bl-objettivi ewlenin li jgħinu l-pajjiż jifhem fejn jista' jtejjeb l-istrateġija u l-istrutturi tad-drittijiet fundamentali tiegħu; u biex jidentifika u jaqsam prattika tajba fil-politika u strateġija fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE;
(o)
jiġi stabbilit ‟mekkaniżmu ta' Kopenħagen ġdid” favur ir-rispett, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-valuri tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2 tat-Trattat UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;
9. Jenfasizza li dan il-'mekkaniżmu ġdid ta' Kopenħagen', bl-għan li tiġi monitorata l-konformità mal-kriterji ta' Kopenħagen minn kull Stat Membru b'mod effikaċi u vinkolanti, jista' jiġi attivat immedjatament, abbażi ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni, bl-involviment sħiħ tal-Parlament, u li għandu:
(a)
jistabbilixxi indikaturi - abbażi ta' standards tad-drittijiet fundamentali eżistenti jew li diġà ġew żviluppati u rikonoxxuti - bħal dawk żviluppati fil-livell tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa, billi jitqiesu l-pariri tal-NGOs li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali (FRA u Kummissjoni);
(b)
ikunu bbażati fuq dejta u informazzjoni objettiva u ta' min joqgħod fuqha strutturata madwar dawn l-indikaturi, li se jkunu żviluppati aktar permezz ta' proċess trasparenti u kredibbli (FRA, Kummissjoni);
(c)
jiżgura s-segwitu tas-sitwazzjoni fl-UE u l-Istati Membri individwali permezz ta' proċess regolari u oġġettiv (FRA, Kummissjoni, Parlament Ewropew u parlamenti nazzjonali);
(d)
Iwettaq evalwazzjonijiet oġġettivi, komparattivi u regolari, skont id-dritt fundamentali u/jew skont is-suġġett u għal kull istituzzjoni u Stat Membru - filwaqt li jħabbrek għall-massimu tal-komparabilità -, anke abbażi tas-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa minn mekkaniżmi ta' monitoraġġ eżistenti tal-Kunsill tal-Ewropa, in-Nazzjonijiet Uniti, u l-istituzzjonijiet u korpi tal-UE, flimkien mal-informazzjoni sottomessa mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (rapporti tal-FRA, rapporti annwali tal-Kummissjoni, rapporti annwali tal-Parlament, rapporti annwali tal-Kunsill) u abbażi ta’ dan joħroġ rakkomandazzjonijiet;
(e)
jistabbilixxi ċiklu politiku Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tat-Trattat UE (demokrazija, stat tad-dritt, drittijiet fundamentali, ugwaljanza) li jistabbilixxi dawn l-istadji fuq bażi annwali u pluriennali u forum annwali interistituzzjonali miftuħ dwar dawn il-valuri Ewropej, partikolarment il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;
(f)
iġib id-dejta u l-analiżi eżistenti kollha minn korpi nazzjonali, Ewropej u internazzjonali flimkien sabiex jagħmel l-informazzjoni eżistenti rilevanti għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-ugwaljanza aktar aċċessibbli u viżibbli;
(g)
jiżgura li d-DĠ Ġustizzja u l-grupp ta' ħidma FREMP fil-Kunsill jaħdmu mal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament sabiex jistabbilixxu djalogu strutturat regolari bejn dawn l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali fl-UE;
(h)
jiżviluppa u jistabbilixxi sett ta’ rakkomandazzjonijiet flimkien ma' sanzjonijiet effettivi u proporzjonati li jaġixxu bħala element dissważiv effikaċi (pereżempju s-sospensjoni temporanja tal-impenji tal-Fond, l-applikazzjoni ta’ ċerti atti, eċċ.) biex jiġi trattat il-ksur tal-Artikoli 2 u 7 tat-Trattat UE u jiżgura li d-drittijiet stabbiliti bit-trattat jiġu rispettati b'suċċess;
(i)
jintegra sistema ta’ twissija bikrija, ta’ djalogu politiku u tekniku, ta’ avviżi ta’ tqegħid fil-mora u ta’ ‟proċediment ta’ ffriżar” - kif diġà mitlub mill-Parlament, biex ikun żgurat li l-Istati Membri, fuq talba mill-istituzzjonijiet tal-UE, jissospendu l-adozzjoni tal-liġijiet li jistgħu jinjoraw jew jiksru drittijiet fundamentali jew l-ordinament ġuridiku tal-UE; Il-Kummissjoni għandha torganizza laqgħat fuq livell tekniku mas-servizzi tal-Istat Membru kkonċernat iżda ma tikkonkludi l-ebda negozjati f’oqsma politiki minbarra dawk relatati mal-Artikolu 2 tat-TUE sakemm tiġi żgurata konformità sħiħa mal-Artikolu 2 tat-TUE;
10. Jitlob lill-Kummissjoni biex, b’kollaborazzjoni mal-FRA, tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi ‟mekkaniżmu ta' Kopenħagen ġdid” bħal dan, kif għamlet għas-segwitu fil-qasam tal-korruzzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, kif ukoll reviżjoni tar-regolament tal-FRA biex jingħataw setgħat u kompetenzi miżjuda;
11. Jitlob għat-twaqqif, preferibbilment taħt ftehim interistituzzjonali, ta' ‟Kummissjoni ta' Kopenħagen” magħmula minn esperti dwar id-drittijiet fundamentali indipendenti ta' livell għoli, li għandhom jiġu maħtura inter alia mill-Parlament, li l-għan tagħhom għandu jkun li jiżguraw konformità mill-Istati Membri kollha mal-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE, il-konformità kontinwa mal-‟Kriterji ta' Kopenħagen” u jagħtu pariri u jirrapportaw b'rabta mal-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet fundamentali, filwaqt li jistennew l-emenda tar-Regolament dwar il-FRA biex l-Aġenzija jkollha setgħat ikbar u mandat iktar wiesgħa, inkluż il-monitoraġġ ta' Stati Membri individwali fil-kamp tad-drittijiet fundamentali, kif mitlub bosta drabi mill-Parlament;
12. Jirrakkomanda l-ftuħ ta’ djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u Stat Membru fejn hemm riskju ċar ta’ ksur serju tal-valuri tal-UE u l-possibbiltà li l-istituzzjonijiet tal-UE jagħmlu rakkomandazzjonijiet, kif previst fl-Artikolu 7(1) tat-Trattat UE; jappoġġa bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li jintużaw avviżi ta' tqegħid fil-mora f'dan il-kuntest;
13. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jistabbilixxu flimkien mal-Parlament grupp ta' kuntatt biex isegwi l-implimentazzjoni effettiva tal-valuri tal-Unjoni, u biex iwettaq speċifikament valutazzjonijiet konġunti tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali f'każijiet speċifiċi li ġew innutati bi tħassib minn kwalunkwe wieħed minn dawn it-tliet istituzzjonijiet tal-Unjoni; jistieden ukoll lil dawn l-istituzzjonijiet biex jikkunsidraw ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;
14. Jilqa' l-istqarrijiet magħmula mill-President tal-Kummissjoni u mill-Viċi-President Reding fejn iħabbru komunikazzjoni li tistabbilixxi tibdil possibbli fit-Trattati, flimkien mal-għażliet disponibbli skont it-Trattati attwali, u jistieden lill-kumitati kompetenti sabiex jeżaminaw il-proposti li ġejjin bir-reqqa, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fit-Trattati tal-UE:
–
reviżjoni tal-Artikolu 7 tat-Trattat UE, biż-żieda ta' ‟applikazzjoni tal-Artikolu 2 tat-Trattat UE” u billi tiġi separata l-fażi ta’ ‟riskju” u dik ta’ ‟ksur”, bi standards differenti għall-maġġoranzi previsti, it-tisħiħ tal-analiżi teknika u oġġettiva (u mhux biss politika) u djalogu msaħħaħ mal-istituzzjonijiet tal-Istati Membri u varjetà usa’ ta’ sanzjonijiet dettaljati u prevedibbli, applikabbli tul il-proċedura;
–
biex jitfassal koordinament dettaljat tad-drittijiet fundamentali u mekkaniżmu ta' sorveljanza abbażi tal-Artikolu 121 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
–
l-estensjoni tal-possibilitajiet għal rimedju u tal-poteri tal-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja;
–
referenza għall-FRA fit-Trattati, inkluża bażi legali li tippermetti li tiġi emendejta r-regolamentazzjoni bażi mhux b'unanimità bħalma jsir bħalissa iżda permezz ta' proċedura leġiżlattiva ordinarja;
Il-possibbiltà li l-Parlament iniedi proċeduri dwar il-ksur tal-Artikolu 2 tat-TUE b'ugwaljanza mal-Kummissjoni u mal-Kunsill u li l-FRA tkun tista’ tagħti l-appoġġ speċjalizzat meħtieġ tagħha fil-proċedura;
–
jiġi rivedut ir-rekwiżit għal unanimità fl-oqsma relatati mar-rispett, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, b'rabta mal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni (pereżempju l-Artikolu 19 tat-TFUE);
Jistieden ukoll lill-kumitat kompetenti tiegħu sabiex jiċċara l-applikazzjoni, u eventwalment ir-reviżjoni, tal-proċedura relatata mal-attivazzjoni mill-Parlament tal-Artikolu 7 tat-TUE;
15. Jistieden lill-FRA sabiex toħloq website pubbliku li jiġbor flimkien informazzjoni u dokumenti relatati ma' kwistjonijiet ta’ drittijiet fundamentali mfassla min-NU, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSKE, l-NGOs, il-FRA, il-Parlament Ewropew, il-qrati, il-kumitati tal-parlamenti nazzjonali, l-ombudsmen, eċċ; Iqis li informazzjoni bħal din għandha tkun tista' tiġi rkuprata permezz ta' data, stat, awtur u dritt, sabiex jiġu provduti sorsi u informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE u l-Istati Membri tagħha;
16. Jesprimi l-inkwiet tiegħu dwar il-persistenza ta' każijiet ta’ ksur tad-dinjità tal-bniedem fl-Unjoni u fl-Istati Membri tagħha, li l-vittmi tagħhom jinkludu l-minoranzi, b'mod partikolari r-Rom, il-persuni li jitolbu l-asil, il-migranti, il-persuni sospettati li għandhom rabtiet mat-terroriżmu u l-persuni mnaqqsa mil-libertà, kif ukoll gruppi vulnerabbli u persuni foqra; jissottolinja li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jirrispettaw il-projbizzjoni assoluta tat-tortura u tat-trattamenti krudili, inumani jew degradanti u jistħarrġu fil-fond u b’mod veloċi, effikaċi u indipendenti dwar kwalunkwe ksur billi l-persuni ħatja jinġiebu quddiem il-ġustizzja;
17. Jinsab imħasseb dwar il-bosta każijiet ta’ trattament ħażin li jsir min-naħa tal-pulizija u l-forzi tal-liġi u l-ordni, partikolarment b’rabta mal-użu sproporzjonat tas-saħħa kontra parteċipanti paċifiċi u ġurnalisti matul protesti, l-użu eċċessiv tal-armi mhux letali, bħal-lembubi, il-balal tal-lastku u t-"tasers"; jitlob li l-Istati Membri jiżguraw l-ilbies ta’ elementi ta’ identifikazzjoni fuq l-uniformijiet tal-forzi ta’ sigurtà u ma jagħtux lok għall-impunità; jitlob it-tmiem tal-kontrolli tal-pulizija bbażati fuq it-tfassil ta’ profil etniku u razzjali; Jesprimi tħassib dwar iż-żieda fl-għadd ta' restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-assemblea u ta' protesta paċifika u jirrimarka li d-dritt tal-assemblea, tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-espressjoni huma l-bażi tad-dritt għall-protesta; Jitlob lill-Istati Membri ma jieħdux miżuri li jipperikolaw jew jikkriminalizzaw l-eżerċizzju min-naħa tal-persuni tal-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tagħhom, iħeġġiġhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-forza tintuża biss f'każijiet eċċezzjonali ġustifikati kif xieraq minn theddida reali u serja għall-ordni pubbliku, u jfakkar li r-rwol primarju tal-forzi tal-pulizija huwa li jiggarantixxu s-sigurtà u l-protezzjoni tal-persuni;
18. Jerġa’ jafferma l-pożizzjoni tiegħu favur inizjattiva Ewropea li tiżgura li d-drittijiet fundamentali tal-persuni mingħajr il-libertà tagħhom tiġi żgurata u li d-detenzjoni tista’ tiżgura d-dħul mill-ġdid tal-ħabsin fis-soċjetà; jitħasseb dwar il-pjaga tal-popolazzjoni eċċessiva fil-ħabs li tolqot numru kbir ta’ Stati Membri, tal-kundizzjonijiet ħżiena tal-priġunerija u t-trattament tal-ħabsin u jitlob li titnieda inizjattiva Ewropea sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Ewropew kontra t-Tortura u s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż fl-għases tal-pulizija, fiċ-ċentri ta’ immigrazzjoni, u l-isptarijiet psikjatriċi; jirrakkomanda li jittieħdu miżuri sabiex titnaqqas il-popolazzjoni eċċessiva fil-ħabs, bħal pereżempju jiġi evitat l-użu eċċessiv tad-detenzjoni preventiva, jiġu previsti pieni alternattivi għall-ħabs, titqies id-dekriminalizzazzjoni ta’ ċerti azzjonijiet u/jew jitnaqqsu l-limiti ta’ detenzjoni;
19. Itenni t-talba tiegħu li jinxteħed dawl fuq il-kollaborazzjoni tal-istati Ewropej fil-programm tal-Istati Uniti u s-CIA dwar il-"konsenji straordinarji", is-serq u l-ħabsijiet sigrieti fit-territorju tal-Unjoni, u jinsisti mal-Istati Membri biex isiru inkjesti effikaċi, imparzjali, approfonditi, indipendenti u trasparenti f'waqthom, u biex ma jkunx hemm post għall-impunità; Ifakkar lill-Istati Membri li l-projbizzjoni tat-tortura hija assoluta u li, għalhekk, is-sigriet statali ma jistax jiġi invokat biex jiġi limitat l-obbligu tal-istati li jwettqu inkjesti fuq il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li f'każ ta' nuqqas ta' konformità ma' dan ta' hawn fuq, ir-reputazzjoni u l-fiduċja tal-Istati Membri fl-impenn tagħhom biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali huma fil-periklu;
20. Jenfasizza li l-klima tal-impunità fir-rigward tal-programm tas-CIA ppermettiet il-prosekuzzjoni tal-ksur tad-drittijiet fundamentali fil-politiki ta’ ġlied kontra t-terroriżmu tal-UE u tal-Istati Uniti, kif misjub fost oħrajn mill-attivitajiet ta’ spjunaġġ tal-massa tal-programm ta’ sorveljanza tal-Aġenzija Nazzjonali Amerikana ta’ Sigurtà u l-korpi ta’ sorveljanza f’diversi Stati Membri u li qed jiġu eżaminati bħalissa mill-Parlament; jitlob ir-reviżjoni tal-liġijiet relatati mal-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri li jintervjenu fil-qasam tas-sigurtà u tal-informazzjoni dwar il-kontroll ġudizzjarju ex ante u parlamentari u d-dritt għal rikors u għar-rettifika tad-dejta miġbura, miżmuma jew proċessata minn dawn l-aġenziji;
21. Jistieden lill-Istati Membri, li għadhom ma għamlux dan, sabiex jittrasponu bis-sħiħ u jimplimentaw id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu u sabiex jadottaw miżuri xierqa sabiex jiżguraw li vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huma assistiti u protetti b'mod xieraq, it-traffikanti huma mħarrka, jittieħdu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, filwaqt li jkunu fis-seħħ ukoll miżuri ta' prevenzjoni;
22. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi istandards fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, filwaqt li jadottaw miżuri xierqa biex ikunu żgurati assistenza u protezzjoni adegwata għall-vittmi tal-kriminalità;
23. Jitlob għar-rispett tad-dinjità fl-aħħar tal-ħajja, b’mod partikolari billi jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet espressi f’testmenti ħajjin jiġu rikonoxxuti u rispettati;
24. Jirrikonoxxi li s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi (SDSR) huma element essenzjali tad-dinjità tal-bniedem, li jeħtieġu li jkunu indirizzati fil-kuntest aktar wiesa' ta' diskriminazzjoni strutturali u inugwaljanza bejn is-sessi; jistieden lill-Istati Membri jissalvagwardjaw l-SDSR permezz tal-FRA u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), mhux l-inqas billi jipprovdu għal programmi u servizzi relatati mas-saħħa riproduttiva, inklużi t-tipi ta' kura u mediċini essenzjali għall-ippjanar tal-familja volontarju u s-saħħa materna u tat-trabi tat-twelid, u billi jżommu l-viġilanza fuq il-politiki u/jew il-leġiżlazzjoni li jistgħu jiksru s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi;
Libertajiet
25. Jenfasizza li d-demokrazija u l-istat tad-dritt huma bbażati fuq ir-rispett tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali u li kwalunkwe azzjoni u kwalunkwe azzjoni jew miżura kontra t-terroriżmu jewil-kriminalità organizzata, u l-kooperazzjoni internazzjonali b’dan l-għan m’għandhomx jipperikolaw ir-regoli Ewropej fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u għandhom jirrispettawhom b’mod strett partikolarment b'rabra mal-preżunzjoni ta’ innoċenza, proċess ġust, drittijiet tad-difiża, protezzjoni tal-ħajja privata u tad-dejta personali, eċċ.; Jenfasizza l-bżonn għal skrutinju demokratiku iktar b'saħħtu, u l-protezzjoni u r-rispett għad-drittijiet fundamentali fil-qasam tal-kooperazzjoni transkonfinali f'dawn l-oqsma, b'mod partikolari fid-dawl ta' ġbir u użu dejjem ikbar tad-dejta personali min-naħa tal-awtoritajiet; jistidinhom għalhekk jadottaw miżuri li jiżguraw il-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali f'dan il-qasam;
26. Jiddispjaċih minħabba l-orjentazzjoni lejn is-sigurtà tal-istrateġija ta' sigurtà interna (ISS) a skapitu tal-libertajiet ċivili, id-drittijiet fundamentali u l-adozzjoni ta’ miżuri preventivi; jiddispjaċih dwar id-distakk li qed jiżdied bejn l-objettivi ddikjarati u l-implimentazzjoni effettiva tal-politiki; iqis li l-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol determinanti fil-valutazzjoni u d-definizzjoni tal-politiki ta’ sigurtà interna, li jkollhom konsegwenzi gravi fuq il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni kollha li joqogħdu fl-Unjoni Ewropea, sabiex jiġu żgurati s-sorveljanza u l-kontroll demokratiċi tal-politiki ta’ sigurtà, inklużi l-attivitajiet ta’ informazzjoni, u jekk neċessarju r-reviżjoni tagħhom sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;
27. Jinsab imħasseb dwar ir-rivelazzjonijiet b’rabta mal-ksur ċar tad-dritt għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta personali mwettqa minn programmi sigrieti ta’ sorveljanza massiva taċ-ċittadini Ewropej, mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja skont il-każ, u mingħajr kontroll parlamentari adegwat, li qed iseħħu f’ċerti stati Ewropej u mhux Ewropej; Jikkundanna prattiki bħal dawn u jħeġġeġ lil dawn l-istati jtemmu dan il-ksur mingħajr dewmien; jitlob li jinxteħet dawl sħiħ fuq il-kontenut ta’ dawn il-programmi, fuq il-kollaborazzjoni internazzjonali eventwali f’dan il-kuntest u li jiġu riveduti immedjatament; Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu inizjattivi qawwija lejn dawk l-istati li jiksru d-dritt fundamentali għall-ħajja privata billi jwettqu spjunaġġ fuq il-komunikazzjonijiet taċ-ċittadini, tar-rappreżentanti u tal-atturi istituzzjonali, politiċi u ekonomiċi Ewropej; Jinsab imħasseb dwar il-fatt li s-servizzi sigrieti ħarbu l-kontroll demokratiku, parlamentari u ġudizzjarju, billi wettqu programmi u operazzjonijiet sigrieti mingħajr approvazzjoni politika; konsegwentament jitlob reviżjoni urġenti tal-mekkaniżmi għas-sorveljanza ġudizzjarja u parlamentari ta' servizzi sigrieti sabiex is-servizzi tal-intelligence jiġu marbuta mad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali, kif mitlub mill-Artikolu 2 tat-TUE; jikkundanna l-kollaborazzjoni sigrieta tal-impriżi privati fis-sorveljanza massiva; jenfasizza li l-UE għandha tirreaġixxi b'mod iktar b'saħħtu u għandha tippromwovi miżuri fuq livell internazzjonali sabiex jiġi żgurat li r-regoli Ewropej għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-dejta jiġu rispettati u infurzati, u jiġu promossi teknoloġiji li jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet Ewropej;
28. Jiddeplora l-fatt li d-diskussjonijiet dwar l-adozzjoni ta' abbozz ta' regolament u direttiva dwar il-protezzjoni tad-dejta personali qed jiġu blukkati fil-Kunsill, minkejja l-fatt li l-Parlament esprima appoġġ qawwi għal regoli iktar strett; Juri dispjaċir tiegħu rigward id-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Ewropew tal-24/25 ta' Ottubru 2013 li jitlesta s-Suq Uniku Diġitali sal-2015 biss, li għaldaqstant se ddewwem l-adozzjoni tal-Pakkett tal-Protezzjoni tad-Dejta, u jistieden lill-Kunsill sabiex jimxi l-quddiem bin-negozjati tad-direttiva u r-regolament dwar il-protezzjoni tad-dejta sabiex il-pakkett tal-protezzjoni tad-dejta jiġi adottat qabel it-tmiem ta' dan it-terminu parlamentari;
29. Jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jadottaw sistema ta' protezzjoni tal-informaturi għall-persuni li jiżvelaw ksur serju tad-drittijiet fundamentali mis-servizzi sigrieti li ħarbu kull tip ta' skrutinju demokratiku, parlamentari u ġudizzjarju;
30. Jenfasizza li l-evoluzzjoni rapida tad-dinja diġitali (inkluż iż-żieda fl-użu tal-Internet, tal-applikazzjonijiet u tan-netwerks soċjali) teħtieġ żieda fil-protezzjoni tad-dejta personali u tal-ħajja privata sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tagħhom;
31. Jilqa’ l-għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri li jiżguraw ir-rispett tad-dritt li wieħed jibni familja permezz taż-żwieġ, is-sħubija ċivili jew il-koabitazzjoni rreġistrata u l-adozzjoni mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali, u jitlob lill-Istati Membri l-oħra jieħdu miżuri simili; jilqa’ s-sentenza riċenti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ Vallianatos u oħrajn vs Il-Greċja li tafferma li l-unjonijiet ċivili ma jistgħux jeskludu l-koppji tal-istess sess; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jipproponu u jadottaw leġiżlazzjonijiet u politiki għall-ġlieda kontra l-omofobija, it-transfobija u r-reati abbażi tal-mibegħda u jilqa’ l-pubblikazzjoni tal-Opinjoni 2/2013 tal-FRA dwar id-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija – b’attenzjoni partikolari għad-drittijiet tal-vittmi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu mingħajr diskriminazzjoni lejn l-orjentament sesswali; itenni t-talbiet tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi regolament ambizzjuż dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-effetti tad-dokumenti dwar l-istat ċivili;
32. Huwa mħasseb ħafna dwar in-numru ta' suiċidji fost iż-żgħażagħ li jsiru vittmi tal-omofobija; ifakkar fis-sejbiet tal-istħarriġ tal-LGBT tal-UE tal-FRA li wera li 26 % ta' dawk kollha li rrispondew ġew attakkati jew mhedda bi vjolenza d-dar jew xi mkien ieħor, figura li titla' għal 35 % fost il-persuni transgender li rrispondew, filwaqt li 19 % ta' dawk li rrispondew ħassew diskriminazzjoni kontrihom ix-xogħol jew waqt li kienu qed ifittxu mpjieg, minkejja l-protezzjoni legali taħt il-liġi tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni għalhekk sabiex tuża dawn is-sejbiet bħala bażi għal rispons Ewropew komprensiv għall-problemi tad-drittijiet fundamentali ta' persuni LGBT, fil-forma ta' pjan direzzjonali tal-UE għall-ugwaljanza abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru, kif mitlub ripetutament mill-Parlament u l-NGOs;
33. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-proċeduri ta' rikonoxximent tal-ġeneru legali għal persuni transgender għadhom jinkludu sterilizzazzjoni obbligatorja f'14-il Stat Membru; jistieden lill-Istati Membri sabiex jirrevedu dawn il-proċeduri sabiex dawn jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt ta' persuni transgender għad-dinjità u integrità tal-ġisem; jikkongratula lill-Kummissjoni għall-impenn tagħha biex taħdem mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa biex ineħħu d-diżordnijiet tal-identità tal-ġeneru mil-lista ta' diżordnijiet mentali u tal-imġiba, u biex jiżguraw riklassifikazzjoni li ma tqishomx bħala patoloġiji fin-negozjati dwar il-ħdax-il verżjoni tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard (ICD-11);
34. Itenni l-libertà tal-ħsieb, ta’ kuxjenza, ta’ reliġjon, ta’ twemmin u ta’ nuqqas ta’ twemmin, ta’ prattika tar-reliġjon magħżula, li tinbidel ir-reliġjon; jikkundanna kull forma ta' diskriminazzjoni u intolleranza u jqis li s-sekulariżmu definit bħala s-separazzjoni stretta bejn l-awtoritajiet politiċi mhux reliġjużi u l-awtoritajiet reliġjużi, kif ukoll l-imparzjalità tal-istat, huma l-aħjar mod biex jiġu żgurati n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn ir-reliġjonijiet kif ukoll bejn il-persuni li jemmnu u li ma jemmnux; Jistieden lill-Istati Membri jipproteġu l-libertà ta’ reliġjon jew twemmin, inkluża l-libertà ta’ dawk mingħajr reliġjon biex ma jbatux diskriminazzjoni bħala riżultat ta’ eżenzjonijiet eċċessivi għar-reliġjonijiet mil-liġijiet dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni;
35. Ifakkar li l-liġijiet nazzjonali li jikkriminalizzaw id-dagħa jillimitaw l-espressjoni marbuta ma' twemmin reliġjuż jew twemmin ieħor, li huma spiss applikati sabiex jippersegwitaw, jimmaltrattaw, jew jintimidaw persuni li jappartjenu għal minoranzi reliġjużi jew oħrajn, u li jista’ jkollhom effett serju ta' inibizzjoni fuq il-liberta ta' espressjoni u l-libertà ta' reliġjon jew twemmin; jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex jiddekriminalizzaw reati bħal dawn;
36. Jiddispjaċih dwar il-fatt li ż-żgħażagħ f’uħud mill-Istati Membri għadhom qed jiġu pproċessati u mogħtija sentenzi ta’ priġunerija peress li d-dritt ta’ oġġezzjoni kuxjenzjuża kontra s-servizz militari għadu mhuwiex rikonoxxut b’mod adegwat u jistieden lill-Istati Membri biex iwaqqfu l-persekuzzjoni ta' u d-diskriminzzjoni kontra dawk li joġġezzjonw b'mod kuxjenzjuż;
37. Ifakkar li l-libertajiet tal-espressjoni, tal-informazzjoni u tal-midja huma fundamentali biex tiġi żgurata d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u jtenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni għal reviżjoni tad-direttiva dwar is-servizzi tal-midja awdjoviżivi skont il-linji indikati mill-Parlament fir-rapport tiegħu dwar dan is-suġġett; jesprimi l-kundanna qawwija tiegħu tal-vjolenzi, il-pressjonijiet jew it-theddid kontra l-ġurnalisti u l-midja, inkluż b’rabta mad-divulgazzjoni tas-sorsi tagħhom u ta’ informazzjoni dwar il-ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-gvernijiet u mill-istati; Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrispettaw, jiggarantixxu, jipproteġu u jippromwovu d-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni, u għaldaqstant sabiex joqogħdu lura milli jeżerċitaw jew jiżviluppaw mekkaniżmi li jfixklu dawn il-libertajiet;
38. Huwa mħasseb dwar l-impatt tal-kriżi ekonomika fl-Ewropa dwar is-sjieda tas-swieq tal-midja u l-prospett ta' privatizzazzjoni ta' midja tas-servizz pubbliku f'xi Stati Membri; jitlob lill-Istati Membri biex jissalvagwardjaw l-indipendenza tal-midja tas-servizz pubbliku u jirrispettaw id-dmir istituzzjonali tagħhom sabiex jissalvagwardjaw il-pluraliżmu tal-midja u jipprovdu informazzjoni ta' kwalità għolja, diversifikata, preċiża u affidabbli; jemmen li l-proprjetà u l-ġestjoni tal-midja għandhom ikunu trasparenti u ma jkunux ikkonċentrati; Jisħaq li t-trasparenza tal-proprjetà tal-midja hija kruċjali għall-monitoraġġ ta' investimenti ta' midja intra-UE, u investituri mhux Ewropej li jinfluwenzaw dejjem aktar l-informazzjoni li hija provduta fl-Istati Membri;
39. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu rispettati u protetti d-drittijiet tar-refuġjati u l-migranti, u jenfasizza l-fatt li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil migranti nisa u tfal; jinsab imħasseb dwar il-bosta każijiet ta’ ksur tad-dritt għall-asil u tal-obbligu li jiżguraw protezzjoni f’każ ta’ tbegħid, tkeċċija u estradizzjoni tal-migranti kollha; jenfasizza b’mod partikolari l-obbligu tar-rispett tal-konvenzjonijiet internazzjonali b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-konvenzjoni tan-NU b'rabta mal-Istejtus tar-Refuġjati u l-prinċipju tan-non-refoulement, li jingħata sokkors lill-persuni fil-baħar li jinsabu f’riskju sabiex dawn jidħlu fl-UE, li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ lqugħ u proċeduri denji u rispettużi tad-drittijiet fundamentali tal-persuni; Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jemendaw jew jirrevedu kwalunkwe leġiżlazzjoni li tikkriminalizza n-nies li jassistu lill-migranti li jsibu ruħhom f'diffikultà fuq il-baħar; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE li tiddefinixxi s-sanzjonijiet f'każ ta' ffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati sabiex tiċċara l-fatt li l-għotja ta' għajnuna umanitarja lill-migranti fil-baħar li jinsabu f'diffikultà tkun milqugħa u mhux azzjoni li għandha qatt twassal għal xi forma ta' sanzjoni;
40. Jilqa' t-tlestija tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) u jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħmlu r-riformi leġiżlattivi u amministrattivi meħtieġa sabiex jimplimentawh b’mod effettiv sabiex jiżguraw li s-SEKA hija stabbiliti bis-sħiħ kif ippjanat u tipprovdi aċċess aħjar għall-proċedura tal-asil għal dawk li jfittxu l-protezzjoni u twassal għal deċiżjonijiet dwar l-asil aktar ġusti, mgħaġġla u ta' kwalità aħjar u tipprovdi kundizzjonijiet dinjitużi u diċenti kemm għal dawk li japplikaw għal asil kif ukoll dawk li jingħataw protezzjoni internazzjonali fl-UE; jiddispjaċih madankollu li t-tfal għadhom jistgħu jitqiegħdu f’detenzjoni, u jitlob li dawn jiġu esklużi b’mod sistematiku mill-proċeduri aċċellerati; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tfassal linji gwida strateġiċi bbażati fuq l-aħjar prattiki għall-istabbiliment ta' regoli minimi komuni għall-ilqugħ u l-protezzjoni tat-tfal; Jenfasizza l-fatt li s-salvagwardji proċedurali għandhom ikunu adegwati u xierqa; Jitlob l-applikazzjoni tas-sentenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara li applikanti LGBT għall-asil jistgħu jikkostitwixxu grupp soċjali partikolari li jista' jiġi ppersegwitat abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tiegħu u li l-eżistenza ta' terminu ta' priġunerija fil-pajjiż tal-oriġini li jissanzjona atti omosesswali jista' jikkostitwixxi att ta' persekuzzjoni fih innifsu;
41. Jikkundanna l-fatt li numru kbir ta’ migranti li qed jippruvaw jilħqu l-Unjoni Ewropea għadhom imutu fuq il-baħar minkejja d-diversi modi tekniċi numerużi offruti mill-Istati Membri u mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tas-sorveljanza u l-kontroll tal-fruntieri esterni tal-UE; Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tal-24 ta' April 2012, bl-isem ‘Ħajjiet Mitlufa fil-Baħar Mediterran: min hu responsabbli?’(30); jilqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ħassret id-Deċiżjoni 2010/252/UE;
42. Jisħaq fuq il-vulnerabbiltà ta' persuni li qed jaqsmu l-fruntieri tal-baħar ta' nofsinhar tal-Ewropa, jitlob soluzzjoni vjabbli tal-kwistjoni ġenerali tal-immigrazzjoni fil-Mediterran b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' non-refoulement u jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jikkunsidraw l-opinjonijiet riċenti tal-FRA dwar kif l-aħjar jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-immigranti fil-kuntest ta' sorveljanza marittima;
43. Jilqa' l-manwal dwar il-liġi Ewropea marbuta mal-asil, il-fruntieri u l-immigrazzjoni magħmul mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) flimkien mal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bħala kontribut konkret li jassisti l-professjonisti legali fl-Ewropa sabiex jiddefendu d-drittijiet fundamentali u tal-bniedem;
44. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill sabiex iħaffu x-xogħol tal-grupp ta’ ħidma għall-Mediterran sabiex tkun żgurata espansjoni sinifikanti ta' kapaċità ta' salvataġġ fil-baħar u sabiex jitnieda pjan komprensiv dwar il-migrazzjoni u l-asil, ibbażat fuq kondiviżjoni ta' solidarjetà u responsabbiltà, li jiffoka fuq l-aspetti rilevanti kollha bħar-reviżjoni tal-liġijiet tal-UE u l-Istat Membru li jippermettu l-kriminalizzazzjoni ta' assistenza umanitarja għal persuni f'periklu fil-baħar, l-iżvilupp ta' rotot siguri u legali għal refuġjati u migranti fl-Ewropa kif ukoll l-iżvilupp, kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi sabiex tissaħħaħ id-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt sabiex ikun żgurat li traġedji bħal dawk li seħħew f'Lampedusa ma jerġgħu qatt iseħħu;
45. Jikkundanna ż-żieda fil-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-migranti u partikolarment dawk imkeċċija lejn pajjiżi terzi kif imressaq mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-migranti fir-rapport speċjali tiegħu ppubblikat fl-24 ta’ April 2013(31) , kif ukoll mir-rapport tal-FRA(32); jenfasizza f’dan ir-rigward il-bżonn li tiġi vvalutata realment id-Direttiva dwar ir-Ritorn, il-ftehimiet ta’ riammissjoni kif ukoll l-azzjoni tal-Frontez fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali; jitlob lill-Kummissjoni tagħti kontinwazzjonijiet konkreti għar-rapport kritiku tagħha dwar il-ftehimiet u l-miżuri ta’ riammissjoni tal-UE ma’ pajjiżi terzi ppubblikat fl-2011; jikkundanna l-politiki restrittivi tal-Istati Membri dwar l-għoti tal-viża liċ-ċittadini ta’ ċerti Stati terzi;
46. Jistieden lill-Istati Membri jadottaw politiki li jħeġġu l-migrazzjoni legali u jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti u tal-Membri tal-Familji tagħhom;
Ugwaljanza
47. Jenfasizza li l-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem, l-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi huma fost il-pedamenti ta' soċjetà demokratika; Iqis li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom isaħħu l-azzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-ugwaljanza u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-protezzjoni tad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-persuni anzjani, id-drittijiet tal-persuni diżabbli, id-drittijiet tal-persuni LGBT u d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi nazzjonali;
48. jistieden lill-Istati Membri jadottaw qafas leġiżlattiv nazzjonali biex jindirizzaw il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u jiggarantixxu l-implimentazzjoni effikaċi tal-qafas legali eżistenti tal-UE, inkluż bit-tnedija tal-proċedimenti ta' ksur; Jiddeplora l-imblukkar fin-negozjati tal-Kunsill dwar il-proposta għal direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali u jtenni għal darb'oħra t-talba tiegħu biex il-Kunsill jadotta l-proposta; Jilqa' l-pożizzjoni tal-Presidenza Litwana tal-Kunsill li tappoġġja l-proposta u jistieden lill-Istati Membri l-oħra biex isegwu dan l-eżempju; jilqa' b'rabta ma' dan l-opinjoni ta’ FRA 1/2013 dwar is-sitwazzjoni ta’ ugwaljanza fl-Unjoni Ewropea 10 snin wara l-implimentazzjoni tal-bidu tad-direttivi dwar l-ugwaljanza; Iqis li d-diskriminazzjoni fuq bażi lingwistika għandha tiġi ttrattata wkoll;
49. Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-mobilità u l-inklużjoni ta' persuni b'diżabilità u l-Istrateġija Ewropea dwar id-Diżabilità 2010-2020(33) li titlob għar-rispett sħiħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
50. Jinsab imħasseb dwar il-fatt li persuni b'diżabilità għadhom jiffaċċjaw d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni, li jxekklu l-abbiltà tagħhom li jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom fuq bażi ugwali mal-oħrajn; Jitlob lill-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE biex jibqgħu jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) fl-oqsma rispettivi ta' kompetenza tagħhom; Jinnota li l-iżvilupp ulterjuri tal-liġi u l-politika tal-UE fil-qasam tan-nondiskriminazzjoni jista' jkollu rwol fil-proċess tal-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni mas-CRPD fl-UE kollha, pereżempju fir-rigward tal-ugwaljanza f'għajnejn il-liġi; inkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki b'riżorsi xierqa sabiex jintegraw aħjar persuni b'diżabilità u jiffaċilitaw l-aċċess għall-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni, it-trasport pubbliku u l-faċilitajiet, u l-parteċipazzjoni fil-proċess politiku, partikolarment permezz tal-abolizzjoni ta' diskriminazzjoni legali u prattika u restrizzjonijiet għad-drittijiet tagħhom għall-vot u biex joħorġu għall-elezzjonijiet; Jiddispjaċih li ċerti persuni b’diżabilità huma sfurzati li jgħixu f’istituzzjonijiet speċjalizzati, f’nuqqas ta’ alternattivi disponibbli fil-komunità, u jitlob lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom sabiex joffru aċċess akbar lil persuni b’diżabilità għal ħajja indipendenti;
51. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq reviżjoni komprensiva tal-leġiżlazzjoni u politiki tal-UE sabiex tiġi evalwata l-konformità tagħhom mal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità; Jemmen li l-proċeduri leġiżlattivi u t-tfassil tal-politika tal-UE għandhom jiġu adattati sabiex jiżguraw ir-rispett, u jipprovdu għall-implimentazzjoni tas-CRPD; Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tadotta linji gwida ta' valutazzjoni tal-impatt speċifiċi għal dak il-għan u biex tibgħat l-abbozz tar-rapport ta' progress tal-UE dwar l-implimentazzjoni tas-CRPD fl-UE lill-Parlament; Jemmen li l-Parlament għandu jorganizza dibattiti regolari u jifformula rakkomandazzjonijiet permezz ta' riżoluzzjoni dwar il-progress miksub fir-rispett tad-drittijiet tal-persuni b'diżabilità mħaddna fis-CRPD, inkluż abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni; Jappoġġa l-inizjattivi li qed iseħħu bħalissa għat-twaqqif ta' task force fil-Parlament dwar l-implimentazzjoni tas-CRPD sabiex jiġi żgurat li l-azzjonijiet tal-Parlament fil-monitoraġġ u l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni jkunu komprensivi u konsistenti;
52. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni sabiex jipproteġu, jippromwovu u jinfurzaw id-drittijiet tat-tfal fl-azzjonijiet u politiki interni u esterni kollha li għandhom impatt fuqhom; Jinsab imħasseb dwar tfal li jsofru vjolenza u sfruttament sesswali u jistieden lill-Istati Membri biex ilestu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal; Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-FRA sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jevalwaw il-mod li bih huma ttrattati t-tfal waqt proċeduri ġudizzjarji; Iqis li f’każ ta’ separazzjoni jew divorzju tal-ġenituri, ir-rispett tal-aħjar interess tal-minuri għandu jitqies dejjem u li kull minuri għandu jkun jista’ jkollu rapporti regolari u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri;
53. Jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea u l-bosta każijiet ta’ persekuzzjoni, vjolenza, stigmatizzazzjoni, diskriminazzjoni, tkeċċija, rilokazzjonijiet u tkeċċija furzata illegali, reġistrazzjoni illegali u profiling etniku min-naħa tal-awtoritajiet tal-infurzar, li jmorru kontra d-drittijiet fundamentali u d-dritt tal-Unjoni Ewropea; Itenni l-pożizzjoni tiegħu iddikjarata fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar il-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom(34) u jitlob għal darb'oħra għal implimentazzjoni effettiva ta' strateġiji għat-trawwim ta' inklużjoni reali u għal azzjoni msaħħa għall-promozzjoni tal-integrazzjoni, b'mod partikolari fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, l-edukazzjoni, l-impjieg, id-djar u l-kura tas-saħħa, u l-ġlieda kontra l-vjolenza, id-diskors li jqajjem il-mibgħeda u d-diskriminazzjoni tar-Rom; Jitlob biex jintemmu t-tkeċċijiet furzati illegali, iż-żarmar ta' insejdamenti mingħajr ma jiġu pprovduti alternattivi għal djar, u s-segregazzjoni tat-tfal Roma fl-iskejjel u t-tpoġġija llegali tagħhom fi skejjel speċjali; f’dan ir-rigward, jitlob li l-Istati Membri jużaw aktar fondi Ewropej offruti lilhom sabiex jimplimentaw proġetti ta’ integrazzjoni, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, l-ewwel nett fil-ġestjoni ta’ kuljum ta’ wasliet ġodda fit-territorju tagħhom;
54. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu rispons effettiv għall-esklużjoni tar-Roma billi jiżviluppaw politiki integrati u jimplimentaw il-miżuri stipulati fl-istrateġiji u jiffokaw fuq miżuri ta’ antidiskriminazzjoni u miżuri li għandhom l-għan li jżidu l-impjegabilità tagħhom u l-aċċess għas-suq tax-xogħol f'kooperazzjoni ma' rappreżentanti tal-popolazzjoni tar-Roma, filwaqt li tkun żgurata wkoll il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-ġestjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' proġetti li jaffettwaw il-komunitajiet tagħhom, kif ukoll li jkunu allokati riżorsi ta' baġit biżżejjed għal dan il-għan u tkun żgurata l-effiċjenza tal-infiq; Jitlob ukoll li l-Kummissjoni u l-FRA jippreżentaw indikaturi komuni, paragunabbli u affidabbli għall-monitoraġġ tal-progress fl-Istati Membri;
55. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tar-Rom fl-Istati Membri, speċjalment bil-ftuħ ta' proċedimenti ta' ksur f'każ li ma jitħallewx jaċċedu għal u jeżerċitaw id-drittijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom, id-dritt għal-libertà tal-moviment u tar-residenza, id-dritt għall-kwalità u n-nondiskriminazzjoni u d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali; Jitlob lill-Kummissjoni twaqqaf mekkaniżmu ta' monitoraġġ dwar reati ta' mibgħeda kontra r-Rom, u jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw in-nuqqas ta' reġistrazzjoni tat-twelid u ta' ċertifikati tat-twelid għal Rom li jirrisjedu fl-UE; Itenni t-talba tiegħu għal approċċ immirat għall-inklużjoni soċjali ta' nisa Roma sabiex tkun evitata diskriminazzjoni multipla; Jistieden l-iżvilupp tal-Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fi Strateġija Ewropea żviluppata għalkollox;
56. Jenfasizza li huwa essenzjali li jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' persuni li huma parti minn minoranzi nazzjonali jew etniċi, reliġjużi jew lingwistiċi; Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li, fil-ħajja ta' kuljum, il-persuni li jagħmlu parti minn dawn il-minoranzi jiffaċċjaw ostakli fil-ġustizzja, fis-saħħa u fis-servizzi soċjali, kif ukoll fl-edukazzjoni u l-kultura, u li dan jipperikola d-drittijiet u d-dinjità tagħhom bħala bnedmin u bħala ċittadini tal-Unjoni, u jwassal għal sitwazzjonijiet fejn huma jiġu trattati bħala ċittadini tat-tieni kategorija mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru tagħhom stess; Iqis li dawn il-minoranzi għandhom ħtiġijiet speċifiċi li huma differenti minn gruppi ta' minoranzi oħra, li politiki pubbliċi għandhom ikunu aktar iffokati u li l-Unjoni stess għandha tindirizza dawn il-ħtiġijiet b'mod aktar xieraq;
57. Iqis li ma teżistix soluzzjoni unika sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni ta' dawn il-minoranzi fl-Istati Membri kollha, iżda li għandhom jiġu żviluppati xi objettivi komuni u minimi għall-awtoritajiet pubbliċi fl-UE, filwaqt li jitqiesu l-istandards legali internazzjonali rilevanti u l-prattiki tajba eżistenti; Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li s-sistema legali tagħhom tiggarantixxi li ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni kontra persuni li jappartjenu għal minoranza nazzjonali rikonoxxuta, u jadottaw miżuri adegwati biex jippromwovu ugwaljanza effikaċi, abbażi tal-prattiki tajbin u n-normi internazzjonali rilevanti, inter alia l-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa; Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi standard politiku għall-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali, inklużi komunitajiet minoritarji indiġeni, etniċi tradizzjonali u lingwistiċi, billi wieħed iqis li dawn jikkostitwixxu 'l fuq minn 10 % tal-popolazzjoni totali tal-UE, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni ta' standards doppji li jiddiferenzjaw bejn il-pajjiżi kandidati u l-Istati Membri; Jenfasizza l-bżonn għal sistema ta' protezzjoni komprensiva tal-UE għall-minoranzi nazzjonali tradizzjonali, gruppi lingwistiċi reġjonali u reġjuni kostituzzjonali akkumpanjati minn mekkaniżmu ta' monitoraġġ operattiv, skont l-eżempju tal-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma; Jitlob lill-Istati Membri jipprovdu dejta komprensiva dwar ksur tad-drittijiet fundamentali tal-minoranzi, sabiex il-FRA u l-UE jkunu jistgħu jiżguraw ġbir u rappurtaġġ tad-dejta;
58. Jindika li miżuri pożittivi implimentati bl-għan li jkunu protetti persuni u gruppi minoritorji, filwaqt li jitrawwem l-iżvilupp xieraq tagħhom u jkun żgurat li jingħataw drittijiet u trattament ugwali meta mqabbla mal-bqija tal-popolazzjoni fl-oqsma amministrattivi, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali u fi sferi oħra ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala diskriminazzjoni;
59. Jikkundanna l-vjolenzi razzisti, anti-Semitiċi, omofobiċi/transfobiċi, ksenofobiċi u kontra l-migranti, il-minoranzi reliġjużi u gruppi etniċi, li laħqu livelli allarmanti, b'mod partikolari l-internet, fin-nuqqas ta’ azzjonijiet qawwija min-naħa tal-awtoritajiet li jiġġieldu kontra dawn it-tipi ta' vjolenza; Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tad-dritt kriminali, jindirizzaw id-diskriminazzjoni, jiżguraw l-investigazzjonijiet ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda, jadottaw leġiżlazzjoni kriminali li tipprojbixxi l-inċitament għall-mibegħda fuq kwalunkwe bażi inkluża l-orjentazzjoni sesswali, u jiżguraw li jkun hemm protezzjoni effikaċi kontra r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu, l-antiżingariżmu, il-ksenofobija u l-omofobija u li l-vittmi jiġu offruti assistenza xierqa; Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tniedi proċedimenti ta' ksur kontra Stati Membri li jonqsu milli jimplimentaw id-deċiżjoni qafas b'mod korrett mill-1 ta' Diċembru 2014; Jitlob ir-reviżjoni tad-deċiżjoni qafas biex jiżgura li tkopri wkoll diskors ta' mibegħda u atti ta' antisemitiżmu, Iżlamofobija u intolleranza reliġjuża, antiżingariżmu, omofobija u transfobija, u tissaħħaħ l-applikazzjoni tagħha; Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva mnedija mill-Presidenza Irlandiża tal-Kunsill biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-intolleranza u jistieden lill-Kunsill sabiex ikompli xogħol kostruttiv bħal dan;
60. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iniedu azzjoni koordinata u komprensiva sabiex jiġġieldu kontra u jipprevjenu r-reati ta' mibegħda b'mod sistematiku fl-UE u biex jagħmlu r-reati ta' mibegħda viżibbli permezz ta' dejta, li tiżgura li din id-dejta tkun kumparabbli sabiex tippermetti evalwazzjoni tal-UE tas-sitwazzjoni, billi jaħdmu flimkien mal-FRA sabiex tittejjeb il-ġabra ta' dejta dwar reati ta' mibegħda u armonizzazzjoni ta' dejta; Jikkundanna diskors li jqajjem il-mibgħeda li jistigmatizza gruppi ta' persuni minħabba l-oriġini soċjali, kulturali, reliġjuża jew barranija u inċitament għall-mibgħeda razzjali, partikolarment meta dan iseħħ minn persuni pubbliċi; Jindika li l-Opinjoni tal-FRA 2/2013, fuq id-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija u jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità, u b'mod partikolari f'każijiet ta' reati ta' mibegħda;
61. Jistieden lill-Istati Membri, filwaqt li jirrikonoxxu li l-edukazzjoni hija vitali fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, sabiex jiżguraw li l-istrateġiji ta' integrazzjoni tagħhom jiffokaw fuq ir-riforma ta' kurrikuli nazzjonali sabiex jinkludu l-ksenofobija, ir-razziżmu u l-antiżingariżmu fis-sillabi u sabiex jistabbilixxu dan bħala forma ta' diskriminazzjoni fid-diskors pubbliku minn età żgħira;
62. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex:
–
jiżguraw l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jipprevjenu, jiġġieldu kontra u jġibu quddiem il-ġustizzja kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa bħala ksur tad-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiġu żgurati l-appoġġ u l-protezzjoni għall-vittmi;
–
Jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (Konvenzjoni ta' Istanbul), u sabiex jistabbilixxu sistema ta' ġbir ta' dejta biex jappoġġjaw il-partiti fil-Konvenzjoni billi jipprovdu dejta preċiża u kumparabbli dwar il-livell, il-forom u l-konsegwenzi tal-vjolenza kontra n-nisa;
–
isaħħu l-impenn tagħhom biex jiksbu l-objettivi tal-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel (2011-2020), u sabiex jieħdu miżuri adegwati biex jittrattaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni diretti u indiretti kontra n-nisa, b'mod bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, is-segregazzjoni okkupazzjonali, l-isterjotipar, u kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa, billi n-nisa għadhom qed ibatu minħabba d-diskriminazzjoni multipla f’diversi oqsma tal-ħajja ta’ kuljum, minkejja l-leġiżlazzjoni fis-seħħ rigward il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni;
–
Jippromwovu l-edukazzjoni dwar l-ugwaljanza dwar il-ġeneri, il-mainstreaming tal-ġeneri u biżżejjed mekkaniżmi ta' monitoraġġ għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-ġeneri;
–
jieħdu azzjoni b’mod iżjed qawwi kontra t-traffikar tal-persuni biex jiġi eliminat l-isfruttament sesswali, fejn speċjalment in-nisa huma l-iżjed affettwati, u x-xogħol sfurzat;
–
Jiżguraw implimentazzjoni adegwata tad-direttivi eżistenti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż billi jibdew proċedimenti ta' ksur;
–
jipproponu strateġija Ewropea ta’ ġlieda kontra l-vjolenza lejn in-nisa b’segwitu għall-impenn tagħha f’dan il-qasam u bi ttweġiba għad-diversi domandi tal-Parlament; Jilqa', b'rabta ma' dan, it-Tolleranza Żero għall-vjolenza kontra n-nisa tal-Kummissjoni; Jitlob madankollu li tittieħed aktar azzjoni inkluża strateġija relatata għall-UE kollha sabiex tintemm il-vjolenza kontra n-nisa, kif imħabbar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Marzu 2010, li tkun tinkludi strumenti vinkolanti u azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni;
–
Iżommu l-kwistjoni tal-vjolenza fuq in-nisa - inkluża l-vjolenza f’relazzjonijiet mill-qrib, il-vjolenza sesswali (l-istupru, l-attakki u l-fastidju sesswali), l-isfruttament sesswali u prattiki tradizzjonali dannużi, bħaż-żwieġ furzat u ‘d-delitti tal-unur’ - fuq quddiem tal-aġenda, billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija kemm konsegwenza tal-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ostaklu għall-ugwaljanza. Għalhekk m’għandux jiġi tollerat;
–
Japplikaw politika ta' tolleranza żero għall-mutilazzjoni tal-ġenitali femminili;
–
Jieħdu miżuri u jillanċjaw proġetti għal rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja professjonali u privata għall-ġenerazzjonijiet kollha ta' nisa, filwaqt li jilqa' d-deċiżjoni li l-2014 tiġi ddikjarata s-Sena Ewropea għall-Bilanċ bejn il-Ħajja tax-Xogħol u tal-Familja;
63. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-ħtiġijiet u l-interessi tan-nisa billi, fost l-oħrajn, jikkollaboraw mas-soċjetà ċivili u l-NGOs tan-nisa meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u janalizzaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE; jenfasizza l-importanza tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea relatata mal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istati Membri;
64. Jitlob lill-Istati Membri jiggarantixxu pagi u pensjonijiet diċenti, inaqqsu d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, joħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità għolja għan-nisa kif ukoll jippermettu li n-nisa jibbenefikaw minn servizzi pubbliċi ta’ standard għoli u jtejbu d-dispożizzjonijiet dwar is-servizz soċjali;
65. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni għall-ġlieda kontra l-kawżi ekonomiċi u soċjali li jrawmu l-vjolenza kontra n-nisa, bħan-nuqqas ta’ impjieg, pagi u pensjonijiet baxxi, nuqqas ta’ akkomodazzjoni, faqar u servizzi pubbliċi li ma jeżistux jew li mhumiex adegwati, b’mod partikolari s-servizzi tas-saħħa pubblika, l-edukazzjoni u s-sigurtà soċjali;
66. Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-azzjonijiet tagħha kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali tat-tfajliet, speċifikament kontra l-industrija li tipperċepixxi lit-tfajliet bħala oġġetti sesswali u li tikkawża żieda fit-traffikar sesswali tat-tfajliet fl-UE;
67. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali dwar ir-rispett u l-protezzjoni tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa (SRHRs); jinsisti fuq ir-rwol tal-Unjoni fil-qawmien tal-kuxjenza u l-promozzjoni tal-aqwa prattiki dwar din il-kwistjoni, minħabba li s-saħħa hi dritt tal-bniedem fundamentali essenzjali għall-eżerċizzju ta' drittijiet tal-bniedem oħra;
68. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal qafas legali dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali;
69. Iqis li s-sottorappreżentazzjoni tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u tan-negozju jikkostitwixxi defiċit; jistieden għaldaqstant lill-Istati Membri jintroduċu miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittiva bħal leġiżlazzjoni għal sistemi tal-parità u kwoti tas-sessi;
70. Jenfasizza li l-progress fit-tnaqqis fid-differenza fil-pagi bejn is-sessi miexi b'pass bil-mod ħafna; jirrimarka li l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew għal xogħol ta’ valur ugwali hi kruċjali għall-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi mingħajr dewmien id-Direttiva 2006/54/KE u tipproponi emendi għaliha skont l-Artikolu 32 tad-direttiva u abbażi tal-Artikolu 157 tat-TFUE b’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-anness tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju 2012;
71. Jenfasizza l-fatt li t-tnaqqis fis-servizzi pubbliċi li jipprovdu l-kura tat-tfal għandu impatt dirett fuq l-indipendenza ekonomika tan-nisa; Jirrimarka li fl-2010, 28.3% tan-nuqqas ta’ attività u tal-parteċipazzjoni f'xogħol part time tan-nisa kien spjegat minħabba nuqqas ta’ servizzi tal-kura, meta mqabbla ma' 27.9% fl-2009; Jirrimarka li fl-2010, ir-rata tal-impjiegi tan-nisa bi tfal żgħar fl-UE kienet ta’ 12.7 % inqas minn dik tan-nisa bla tfal, żieda minn 11.5 % fl-2008;
72. Jikkundanna l-fatt li d-drittijiet fundamentali tan-nisa anzjani qed jinkisru ta’ spiss, inkluż numru kbir ta’ każijiet ta’ vjolenza, abbuż fiżiku, abbuż emozzjonali u abbuż finanzjarju f’bosta Stati Membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjonijiet ulterjuri sabiex jipproteġu lin-nisa anzjani minn kull forma ta’ abbuż, inkluż trattament ħażin fid-djar tal-kura għall-anzjani;
73. Iqis li n-nisa b’diżabilitajiet isofru minn diskriminazzjoni doppja minħabba l-ġeneru u d-diżabilità tagħhom; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jissalvagwardjaw u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tan-nisa b’diżabilità fl-UE;
74. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom b’mod aktar sod sabiex jintemmu l-istereotipi sessisti mrawma mill-midja, b’mod partikolari fir-riklami, minħabba r-rwol kruċjali li jista’ jkollhom biex jinbidlu r-rappreżentazzjonijiet kollettivi dwar ir-rwoli tal-irġiel u tan-nisa;
75. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-kuxejnza u l-għarfien taċ-ċittadini rigward id-drittijiet kollha tagħhom stabbiliti fil-Karta u jinkoraġġixxu demokrazija parteċipattiva billi jinżamm djalogu kontinwu mas-soċjetà ċivili, NGOs rilevanti u organizzazzjonijiet tan-nisa; Jistieden l-organizzazzjonijiet tan-nisa b'mod partikolari, sabiex jaqsmu l-kompetenzi imprezzabbli tagħhom rigward l-isterjotipar u d-diskriminazzjoni persistenti minħabba li huma dejjem kienu l-aktar vittmi vulnerabbli;
76. Jitlob involviment akbar mill-istituzzjonijiet tal-UE u djalogu bejn il-partijiet interessanti mtejjeb dwar l-isfidi li jiffaċċjaw persuni anzjani fl-applikazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;
Solidarjetà
77. Jenfasizza li l-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-miżuri meħuda biex din tiġi ffaċċjata kellhom konsegwenzi qawwija fuq l-iktar oqsma foqra u żvantaġġjati tas-soċjetà, spiss b'effetti serji ħafna, kif rifless fil-karta dwar il-kwistjoni mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem bl-isem 'Salvagwardjar tad-drittijiet fundamentali fi żminijiet ta’ kriżi', li fiha jsir riferiment għall-gruppi li jinsabu f'riskju ta' marġinalizzazzjoni soċjali, bħall-migranti, il-persuni li jfittxu l-asil, ir-Rom, in-nisa u t-tfal; Jirrimarka li fl-2012, kwart tal-popolazzjoni fl-UE 28 kienet tinsab f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari u jittieħdu miżuri adegwati, iktar inċiżivi u effettivi biex jinstab rimedju għal din is-sitwazzjoni u jiġu miġġielda l-inugwaljanzi u l-faqar; jikkundanna l-proposti tal-persuni politiċi li jwaħħlu kollox f’dawn il-popolazzjonijiet; Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-kriżijiet ekonomiċi u soċjali poġġew id-drittijiet fundamentali, l-istat tad-dritt u l-valuri demokratiċi taħt stress, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll sovranazzjonali;
78. Jenfasizza l-fatt li d-drittijiet soċjali u fundamentali, kif rikonoxxut mit-trattati internazzjonali, il-KEDB, il-Karta tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali u l-Karta Soċjali Ewropea; Jenfasizza li dawn id-drittijiet għandhom jiġu protetti kemm fid-dritt kif ukoll fil-prattika biex tiġi żgurata ġustizzja soċjali, partikolarment f'perjodi ta' kriżi ekonomika u miżuri ta' awsterità; Jenfasizza l-importanza tad-dritt għad-dinjità, il-libertà okupazzjonali u d-dritt għax-xogħol, id-dritt għan-nondiskriminazzjoni, inkluż abbażi tan-nazzjonalità, protezzjoni f'każ ta' tkeċċija inġustifikata, id-dritt għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, id-dritt għall-kura tas-saħħa, il-libertà tal-moviment u r-residenza, id-dritt għal protezzjoni kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, permezz tal-provvista ta' aċċess effettiv għall-impjieg, djar adegwati, taħriġ, edukazzjoni, kultura u assistenza soċjali u mediċi, u b'rabta mar-remunerazzjoni u l-benefiċċji soċjali, filwaqt li jiġi garantit standard deċenti ta' għajxien għall-ħaddiema u l-membri tal-familji tagħhom, kif ukoll kundizzjonijiet oħra ta' impjieg u ta' xogħol, awtonomija tas-sieħba soċjali, u libertà li wieħed jingħaqad ma' assoċjazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali għall-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi u soċjali tal-ħaddiema u għan-negaozjati soċjali;
79. Jenfasizza li l-fatt li wieħed jinsab qiegħed jew f'sitwazzjoni ta' faqar jew marġinalizzazzjoni soċjali għandu effetti konsiderevoli, u anki diżastrużi, fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet imħaddna fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-iktar drittijiet u libertajiet ipperikolati fosthom huma: id-dritt għad-dinjità tal-bniedem (l-ewwel Artikolu), il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol (Artikolu 15), id-dritt għan-nondiskriminazzjoni (Artikolu 21), il-protezzjoni f'każ ta' tkeċċija inġustifikata (Artikolu 30), id-dritt għas-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali (Artikolu 34), id-dritt għall-kura tas-saħħa (Artikolu 35) u l-libertà tal-moviment u tas-soġġorn (Artikolu 45); jindika barra minn hekk li l-fatt li wieħed ikun qiegħed jew ikun qed jgħix f'sitwazzjoni ta' faqar jew marġinalizzazzjoni soċjali għandu ukoll konsegwenzi fil-qasam tal-aċċess għas-servizzi bażiċi, soċjali, finanzjarji, eċċ.;
80. Ifakkar li s-sistemi li jirrikonoxxu l-ġustizzja soċjali bħala prinċipju importanti implimentat minn leġiżlazzjoni solida jikkostitwixxu l-aqwa difiża kontra l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi ekonomika u finanzjarja;
81. Jirrakkomanda li l-Istati Membri jneħħu r-riservi li fadal fir-rigward tal-Karta Soċjali Ewropea mill-aktar fis possibbli; Iqis li l-Parlament għandu jistimula djalogu permanenti dwar il-progress magħmul f'dan ir-rigward; Jemmen li r-referenza għall-ESC fl-Artikolu 151 tat-TFUE għandha tintuża b’mod aktar effettiv, pereżempju, billi jiġi inkluż test tad-drittijiet soċjali fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni u l-Parlament;
82. Jitlob azzjoni aktar b'saħħitha biex jiġu megħjuna persuna bla djar u jiġu provduti b'kenn u appoġġ, jiġu kkundanatti – partikolarment f'waqt meta l-kriżi ekonomika u soċjali persistenti qed twassal dejjem iktar persuni f'sitwazzjoni vulnerabbli biex jgħixu fit-toroq – liġijiet u politiki fuq livell nazzjonali jew lokali li jikkriminalizzaw lil dawn il-persuni, li huma aktar fil-bżonn, għaliex dan jammonta għal vjolazzjoni inumana u li tispikka tad-drittijiet fundamentali,
83. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata l-kompatibilità ta' miżuri ta' rimedju tal-kriżijiet mal-valuri u l-objettivi tal-Unjoni, u partikolarment sabiex ikun żgurat ir-rispett tal-istat tad-dritt b'rabta mal-azzjonijiet tal-Unjoni fil-pajjiżi l-aktar milquta mill-effetti tal-kriżi fiż-żona euro;
84. Itenni b’urġenza l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jinkludi s-suġġett ‘Aċċess lill-aktar gruppi fqar għad-drittijiet fundamentali kollha tagħhom’ fl-oqsma tematiċi tal--qafas pluriennali li jmiss tal-FRA;
85. Jiddeplora l-fatt li f'uħud mill-Istati Membri għadhom jeżistu regoli tranżitorji dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema; jenfasizza li biżgħat imqanqla mill-impatti negattivi tal-migrazzjoni tax-xogħol ma għandhomx bażi; jindika li l-istimi juru żieda fit-tul ta' kważi 1 % fil-PGD tal-pajjiżi tal-UE15 sforz il-mobbiltà wara t-tkabbir (bejn l-2004 u l-2009)(35);
86. Jinnota li d-dibattiti reċenti li jiddeskrivu l-moviment liberu bħala migrazzjoni f'sistemi ta' sigurtà soċjali mhumiex imsejsa fuq il-fatti(36); jenfasizza l-fatt li d-diskriminazzjoni hija xkiel kbir biex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jgawdu d-drittijiet fundamentali; jagħmel enfasi li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jgħixu b'mod permamenti fi Stat Membru ieħor għandhom jibbenefikaw mid-dritt għal trattament indaqs fejn tidħol is-sigurtà soċjali skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004;
87. Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-ħidma tagħhom fir-rigward tal-iżvilupp u jagħtu garanzija tad-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet fundamentali soċjali, bħala pass kruċjali sabiex jiġi żgurat li fl-Unjoni Ewropea jkun hemm trattament indaqs. impjiegi u salarji deċenti;
88. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu li d-dritt tal-ħaddiema għal kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u sani, kif stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Karta Soċjali Ewropea, huwa essenzjali għall-ħaddiema biex ikollhom l-opportunità li jgħixu ħajja diċenti u biex jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tagħhom jiġu rispettati;
89. Jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-imsieħba soċjali fin-negozjar kollettiv biex jiġu salvagwardjati d-drittijiet fundamentali u t-trattament ugwali tal-ħaddiema, b'mod partikolari fejn jidħlu ż-żgħażagħ, in-nisa, il-persuni b'diżabilità u gruppi oħra soċjalment żvantaġġati fis-suq tax-xogħol;
Ċittadinanza
90. Jenfasizza li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll l-aspettattivi dejjem jiżdiedu taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili - kif muri mill-falliment tal-ACTA u l-iskandli tas-sorveljanza -, jagħmlu neċessarji t-tisħiħ u ż-żieda fit-trasparenza u l-ftuħ demokratiċi u istituzzjonali tal-UE, b'mod partikolari l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tagħha u l-Istati Membri tagħha; Huwa tal-opinjoni li t-trasparenza u l-onestà huma prinċipji ewlenin li għandhom jissaħħu u jiġu promossi aħjar sabiex tkun żgurata governanza tajba u parteċipazzjoni sħiħa tas-soċjetà ċivili fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE;
91. Jiddispjaċih dwar l-imblukkar interistituzzjonali tar-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew; Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jissoktaw bil-ħidma tagħhom fuq ir-reviżjoni ta' dan ir-Regolament, abbażi tal-proposti tal-Parlament biex jiggarantixxu iktar trasparenza fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE kif ukoll aċċess imtejjeb għad-dokumenti għaċ-ċittadini tal-UE; Jistieden lill-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji tal-UE sabiex jimplimentaw bis-sħiħ ir-Regolament 1049/2001 kif meħtieġ mit-Trattat ta' Lisbona u jinnota, fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja u ilmenti mal-Ombudsman, li dan mhuwiex il-każ; jitlob fl-istess ħin lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-iżgurar tat-trasparenza fl-għoti ta' informazzjoni lill-pubbliku ġenerali dwar kif qed jintuża l-finanzjament li ngħata lill-Istati Membri mill-baġit tal-UE;
92. Jenfasizza li d-dritt għal amministrazzjoni soda jimplika wkoll dmir tal-awtoritajiet li jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-drittijiet fundamentali tagħhom u li jispjegaw lill-persuni l-aktar foqra d-drittijiet tagħhom u jappoġġjawhom sabiex jiġu rispettati;
93. Ifakkar li ċ-ċittadinanza tinvolvi d-dritt ta’ kull persuna li tipparteċipa fl-affarijiet pubbliċi tal-pajjiż li fih tirrisjedi skont l-Artikolu 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR); ifakkar li ċ-ċittadinanza Ewropea mhijiex limitata għad-drittijiet tal-vot u eliġibilità għall-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej, u lanqas għall-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom, iżda hija essenzjali wkoll biex dawn jiġu eżerċitati f’termini ta’ moviment liberu u residenza; jenfasizza għalhekk, li ċ-ċittadinanza Ewropea timplika l-kapaċità ta’ kull resident fit-territorju tal-Unjoni li jipparteċipa b’mod attiv u mingħajr l-ebda tip ta’ diskriminazzjoni fil-ħajja demokratika, politika, soċjali u kulturali tal-Istat Membru li fih jirrisjedi u li jeżerċita d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali kollha politiċi, ċivili, ekonomiċi, kulturali u soċjali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea;
94. Jitlob attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu organizzati kampanji ta' sensibilizzazzjoni u informattivi, sabiex jiġu promossi fost iċ-ċittadini l-valuri u l-objettivi tal-Unjoni, u speċifikament jitlob għat-tixrid l-aktar wiesa' possibbli tat-test tal-artikoli rilevanti tat-TUE u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;
95. Jilqa' d-deċiżjoni li l-2013 tiġi ddikkjarata bħala s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini; madankollu jistieden lill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri biex ikomplu jinformaw liċ-ċittadini tal-UE rigward id-drittijiet tagħhom, sabiex ikunu jistgħu igawdu bis-sħiħ iċ-ċittadinanza tal-UE tagħhom;
96. Jitlob lill-Istati Membri jniedu kampanji ta’ informazzjoni biex jinfurmaw liċ-ċittadini tal-UE dwar id-dritt tagħhom li jivvutaw u joħorġu għal elezzjoni; jitlob li ssir riforma neċessarja tal-proċeduri elettorali Ewropej biex isiru f’kull Stat Membru sabiex tiġi promossa ċittadinanza attiva tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jħeġġu l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini permezz ta’ inizjattivi taċ-ċittadini u l-eżerċizzju tad-dritt ta’ petizzjoni u d-dritt li wieħed iressaq ilmenti lill-Ombudsman Ewropew;
97. Ifakkar fl-importanza tax-xogħol tal-Ombudsman Ewropew għad-drittijiet tal-individwi; jenfasizza l-importanza tal-indipendenza tiegħu sabiex tiġi żgurata l-kredibilità tiegħu u b’hekk jitlob li l-istatus tiegħu jiġi modifikat sabiex jeskludi b’mod formali li jkun jista’ jintgħażel mill-eletturi tiegħu, antiki jew maħtura;
98. Jenfasizza li d-dritt għall-moviment liberu, għax-xogħol u ta’ soġġorn taċ-ċittadini Ewropej u tal-familja tagħhom, kif ukoll il-libertà li jagħżlu impjieg u d-dritt li jaħdmu, stabbilit fit-trattati u garantit mid-Direttiva dwar il-moviment liberu, huwa wieħed mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej u jirrappreżenta benefiċċju ekonomiku importanti għall-pajjiżi ospitanti, billi jikkontribwixxi għall-indirizzar tad-diskrepanza bejn il-ħiliet u x-xogħol u jgħin sabiex jiġi kkumpensat id-defiċit demografiku tal-Unjoni Ewropea; Jenfasizza l-fatt li d-direttiva diġà tipprovdi għal eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet għad-dritt tal-moviment liberu; Jikkundanna kwalunkwe tentattiv ta’ reviżjoni ta’ dan l-acquis u jitlob li kwalunkwe ksur tar-regoli jinġieb quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;
Ġustizzja
99. Jenfasizza li amministrazzjoni tal-ġustizzja indipendenti, ġusta, effikaċi, imparzjali u li taħdem bi skadenzi raġonevoli hija fundamentali għad-demokrazija u l-istat tad-dritt u għall-kredibilità ta’ dawn; Jinsab imħasseb dwar il-bosta każijiet ta' ksur f'dan il-kuntest, kif juri l-għadd ta' kundanni kontra l-istati min-naħa tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-Qorti; Jenfasizza li kull impunità dovuta għal pożizzjoni ta' poter, ta' forza jew ta' influwenza fuq il-persuni, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew politiċi ma tistax tiġi tollerata fl-UE;
100. Jirrikonoxxi l-importanza ta' - flimkien mal-qrati - l-istituzzjonijiet nonġudizzjarji u kważiġudizzjarji għall-aċċess għall-ġustizzja, bħal istituzzjonijiet nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, korpi ta' ugwaljanza, istituzzjonijiet ta' ombudsperson, u awtoritajiet għall-protezzjoni tad-dejta kif ukoll istituzzjonijiet oħra simili b’mandat tad-drittijiet tal-bniedem; Jenfasizza f'dan il-kuntest li l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu maħtura jew stabbiliti fl-Istati Membri kollha bl-għan tal-akkreditazzjoni sħiħa tagħhom taħt l-hekk imsejħa Prinċipji ta' Pariġi (Prinċipji relatati mal-istatus u l-funzjonament ta' istituzzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni ta' drittijiet tal-bniedem, Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/48/134, 20 ta' Diċembru 1993); Jisħaq li rekwiżit għal indipendenza sħiħa jkun ta' benefiċċju wkoll għal istituzzjonijiet oħra b’mandat tad-drittijiet tal-bniedem;
101. Jitlob lill-FRA twettaq studju dwar il-liġijiet u l-proċeduri straordinarji motivati mill-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-konformità tagħhom mad-drittijiet fundamentali, f’kollaborazzjoni mar-rapporteur speċjali tan-NU dwar dan is-suġġett; Jirrifjuta kull proċedura eċċezzjonali li tiżbilanċja biċ-ċar il-pożizzjoni tagħha tal-akkuża u tad-difiża fil-proċedura ġudizzjarja, bħas-smigħ sigrieti jew is-sentenzi sigrieti, jew li jagħtu setgħat speċjali ta’ ċensura tal-midja lill-gvern jew li tiġi permessa sorveljanza sigrieta tal-popolazzjoni; jisħaq u jikkundanna li l-politiki ta’ ġlieda kontra t-terroriżmu huma estiżi progressivament għal numru akbar ta’ reati u delitti li partikolarment b’konsegwenza taż-żieda fil-proċeduri ġudizzjarji mgħaġġla, fil-pieni minimi inkompressibbli u ż-żieda fil-ġbir tad-dejta personali tal-popolazzjonijiet;
102. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli x-xogħol tagħha fir-rigward tal-ġustizzja kriminali u tal-applikazzjoni tal-pjan direzzjonali dwar il-garanziji proċedurali u lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni aktar ambizzjuża f’dan ir-rigward;
103. Jilqa' r-rapport tal-FRA dwar l-aċċess għall-ġustizzja f'każijiet ta' diskriminazzjoni fl-UE u jisħaq li l-aċċess għall-ġustizzja huwa ta' spiss ikkumplikat u ta’ xkiel; Jemmen li t-titjib jista' jinkludi proċeduri faċilitati, u appoġġ imsaħħaħ għal dawk li qed ifittxu l-ġustizzja;
104. Jieħu nota tat-tabella ta' valutazzjoni tal-ġustizzja mnedija mill-Kummissjoni li sfortunatament tkopri biss kwistjonijiet ta' ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattivi, minkejja l-fatt li l-Parlament kien talab li din tkopri wkoll il-ġustizzja ċivili u kriminali, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt; jitlob għalhekk li din tiġi żviluppata biex tkopri wkoll dawn l-oqsma; jenfasizza li t-tabella ta' valutazzjoni għandha tiddaħħal fil-mekkaniżmu ta' Kopenħagen ġdid u fiċ-ċiklu politiku Ewropew dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2 tat-TUE; jinsisti wkoll li t-titjib tal-funzjonament tas-sistemi tal-ġustizzja ma jistax ikollu bħala objettiv uniku li titjieb l-attrattività ta’ pajjiż għall-investituri u biex isir in-negozju, u jimmira essenzjalment l-effettività tal-proċeduri ġudizzjarji, iżda għandu wkoll jiżgura s-salvagwardja tad-dritt għal proċess ġust u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;
105. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex teżamina l-implimentazzjoni effettiva fl-UE tad-dritt tal-aċċess għall-ġustizzja fil-kuntest tad-dritt ta' kull persuna tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri li tgħix f'ambjent li huwa adegwat għas-saħħa u l-benessri tiegħu jew tagħha;
106. Jinsab imħasseb dwar il-politiċizzazzjoni tal-qrati kostituzzjonali f'ċerti Stati Membri u jiftakar fl-importanza kruċjali ta' sistema ġudizzjarja indipendenti;
o o o
107. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa.
Studju reġjonali: il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u l-implikazzjonijiet tagħha fuq id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti, François Crépeau, 24 ta’ April 2013, A/HRC/23/46
Ara "A fact finding analysis on the impact on the Member States' social security systems of the entitlements of non-active intra-EU migrants to special non-contributory cash benefits and healthcare granted on the basis of residence", DĠ Impiegi, Rapport finali ppreżentat mill-ICF GHK flimkien ma' Milieu Ltd., l-14 ta' Ottubru 2013.
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (2013/2109(INL))
– wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2005/684/KE, Euratom tiegħu tat-28 ta' Settembru 2005 li tadotta l-Istatut għall-Membri tal-Parlament Ewropew(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri(2),
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri(COM(2005)0063 u SEC(2005)0267, COM(2006)0008 u SEC(2006)0079, COM(2007)0407 u SEC(2007)0979 u COM(2011)0175 u SEC(2011)0430),
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kunsill tat-28 ta' Mejju 2009 dwar ir-raba' ċiklu ta' evalwazzjonijiet reċiproċi - l-applikazzjoni prattika tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (EAW) u l-proċeduri ta' konsenja korrispondenti bejn l-Istati Membri (8302/4/2009 - CRIMORG 55),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu (rapport finali)(3),
– wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-Manwal Ewropew għall-ħruġ ta' Mandat ta' Arrest Ewropew (17195/1/10 REV 1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020(4),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2011, "Inkattru l-Fiduċja f'Ġustizzja Ewropea - Dimensjoni Ġdida Għat-Taħriġ Ġudizzjarju Ewropew" (COM(2011)0551),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-UE(5),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2004 lill-Kunsill dwar id-drittijiet tal-priġunieri fl-Unjoni Ewropea(6),
– wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew tal-miżuri tal-Unjoni rigward il-Mandat ta' Arrest Ewropew, imwettqa mill-Unità tal-Valur Miżjud Ewropew tal-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta' Ottubru 2010(7),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 42 u 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A7-0039/2014),
A. Billi l-Unjoni Ewropea ffissat għaliha nnifisha l-għan li toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u billi, skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b’mod li tidħol għal obbligi pożittivi li trid tissodisfa biex tonora dak l-impenn; billi, sabiex ikun effettiv, il- prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għandu jkun ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka li tista’ tinkiseb biss jekk ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni ssuspettati u akkużati u d-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali jiġu ggarantiti fl-Unjoni kollha; billi l-fiduċja reċiproka tissaħħaħ permezz tat-taħriġ, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-awtoritajiet ġuridiċi u l-professjonisti legali, biex b’hekk tinħoloq kultura ġudizzjarja Ewropea ġenwina;
B. Billi d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI fil-biċċa l-kbira kellha suċċess fl-ilħiq tal-għan tagħha li tħaffef il-proċeduri ta’ konsenja fl-Unjoni kollha kemm hi meta mqabbla mas-sistema ta’ estradizzjoni tradizzjonali fost l-Istati Membri u tikkostitwixxi l-bażi għar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji kriminali, li issa huwa stabbilit fl-Artikolu 82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
C. Billi, madankollu, nqalgħu xi problemi fl-operazzjoni tagħha, fejn xi wħud huma speċifiċi għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u jirriżultaw mil-lakuni li jinsabu fid-Deċiżjoni Kwadru bħalma hu n-nuqqas li jiġu espliċitament inklużi salvagwardji għad-drittijiet fundamentali jew verifika tal-proporzjonalità kif ukoll mill-implimentazzjoni inkompleta u inkonsistenti tagħha; billi hemm problemi oħra li għandhom x’jaqsmu wkoll mal-ġabra ta' strumenti għal rikonoxximent reċiproku minħabba l-iżvilupp inkomplet u żbilanċjat tal-qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni;
D. Billi strumenti ddefiniti b’mod ċar u effettivi għar-rikonoxximent reċiproku tal-miżuri ġudizzjarji huma ta’ importanza ewlenija għas-servizzi nazzjonali ta’ prosekuzzjoni f’rabta mal-investigazzjonijiet dwar reati serji transkonfinali u dawn l-istrumenti se jkunu importanti wkoll f’investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew la darba jkun ġie stabbilit;
E. Billi l-Kumitat Speċjali għall-Kriminalità Organizzata, il-Korruzzjoni u l-Ħasil ta’ Flus (CRIM) fir-rapport tiegħu saħaq fuq il-bżonn li jiġi żgurat ir-rikonoxximent rapidu u reċiproku, b’rispett sħiħ għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-miżuri ġudizzjarji kollha, b’referenza partikolari għas-sentenzi kriminali, għall-ordnijiet ta’ konfiska u għall-Mandati ta’ Arrest Ewropej (EAWs);
F. Billi hemm tħassib inter alia dwar:
(i)
in-nuqqas li hemm fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u fi strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ raġuni espliċita għar-rifjut fejn hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li l-eżekuzzjoni tal-miżura tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ("Il-Karta");
(ii)
in-nuqqas ta’ dispożizzjoni fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u fi strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku dwar id-dritt, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, għal rimedju effettiv li jitħalla biex jiġi rregolat mid-dritt nazzjonali, li jwassal għal inċertezza u prattiki inkonsistenti bejn l-Istati Membri;
(iii)
in-nuqqas ta’ rieżami regolari tat-twissijiet tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) u tat-twissijiet tal-Interpol kif ukoll in-nuqqas ta’ rabta awtomatika bejn l-irtirar ta’ EAW u t-tneħħija ta’ tali twissijiet, u l-inċertezza dwar l-effett li għandu rifjut li ssir eżekuzzjoni ta’ EAW fuq it-tkomplija tal-validità ta’ EAW u tat-twissijiet relatati bir-riżultat li persuni soġġetti għal EAWs ma jistgħux jiċċaqalqu b’mod ħieles fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr ir-riskju ta’ arrest u konsenja fil-futur;
(iv)
in-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-definizzjoni ta’ lista ta’ reati serji relatati mal-EAW iżda wkoll ma’ strumenti oħra tal-Unjoni li jirreferu b’mod kostanti għal dik il-lista, u l-inklużjoni ta’ reati li s-serjetà tagħhom mhix prevista fil-kodiċijiet kriminali tal-Istati Membri kollha u li jistgħu ma jissodisfawx it-test tal-proporzjonalità;
(v)
l-użu sproporzjonat tal-EAW għal reati żgħar jew f’ċirkostanzi fejn jistgħu jintużaw alternattivi inqas invażivi, li jwasslu għal arresti mhux ġustifikati, perjodu ta’ żmien mhux ġustifikat u eċċessiv f’detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess u li b’hekk iwassal għal interferenza sproporzjonata fid-drittijiet fundamentali tal-persuni suspettati u akkużati kif ukoll għal piżijiet fuq ir-riżorsi tal-Istati Membri;
(vi)
in-nuqqas ta’ definizzjoni tat-terminu “awtorità ġudizzjarja” fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u fi strumenti għal rikonoxximent reċiproku oħrajn li wassal għal diverġenza fil-prattika bejn l-Istati Membri li kkawżat inċertezza, ħsara lill-fiduċja reċiproka, u litigazzjoni;
(vii)
in-nuqqas ta’ standards minimi biex tiġi żgurata sorveljanza ġudizzjarja effettiva tal-miżuri ta’ rikonoxximent reċiproku wassal għal prattiki inkonsistenti mill-Istati Membri fir-rigward ta’ salvagwardji u protezzjonijiet kontra l-ksur tad-drittijiet fundamentali, inkluż dwar il-kumpens għall-vittmi ta’ żbalji ġudizzjarji bħalma huma l-identità żbaljata, li jmorru kontra l-istandards stabbiliti fil- Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u fil-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE);
(viii)
filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa tad-detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess taħt ċerti kriterji, in-nuqqas ta’ standards minimi dwar tali detenzjoni inkluż rieżami regolari, l-użu tagħha bħala l-aħħar għażla u l-kunsiderazzjoni ta’ alternattivi, flimkien ma’ nuqqas ta’ valutazzjoni xierqa ta’ jekk il-kawża hijiex lesta biex titressaq għal smigħ ta’ proċess, jistgħu jwasslu biex persuni ssuspettati u akkużati jinżammu għal perjodu ta’ żmien mhux ġustifikat u eċċessiv f’detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess;
(ix)
il-kundizzjonijiet inaċċettabbli li hemm f’għadd ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni madwar l-Unjoni u l-impatt li dan għandu fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi kkonċernati, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni kontra trattament jew kastig inuman jew degradanti skont l-Artikolu 3 tal-KEDB u fuq l-effettività u l-funzjonament tal-istrumenti għal rikonoxximent reċiproku tal-Unjoni;
(x)
nuqqas ta’ rappreżentazzjoni legali pprovduta lil dawk il-persuni mfittxija taħt EAW fl-Istat Membru emittenti kif ukoll fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni;
(xi)
in-nuqqas fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI ta’ skadenzi għat-trażmissjoni tal-EAWs tradotti, li jwassal għal prattiki varjabbli u inċertezza;
(xii)
in-nuqqas ta’ definizzjoni adegwata ta’ reati kriminali li għalihom m’għadux japplika t-test tal-kriminalità doppja;
(xiii)
in-nuqqas li jintużaw għodod oħra tal-Unjoni għall-koperazzjoni ġudizzjarja u għar- rikonoxximent reċiproku;
1. B’kunsiderazzjoni tal-qafas ġuridiku l-ġdid mill-2014 skont it-Trattat ta’ Lisbona, iqis li din ir-riżoluzzjoni ma għandhiex tittratta problemi li jinqalgħu biss minn implimentazzjoni mhux korretta tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI peress li tali problemi jistgħu u għandhom jiġu rrimedjati permezz ta’ implimentazzjoni korretta mill-Istati Membri u infurzar permezz ta’ proċedimenti tal-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw f'waqtu u b'mod effettiv il-korp kollu tal-miżuri ta’ ġustizzja kriminali tal-Unjoni peress li huma kumplementari inkluża l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea, l-Ordni ta’ Superviżjoni Ġudizzjarja u l-miżuri tad-drittijiet proċedurali, u b’hekk jagħmlu disponibbli lill-awtoritajiet ġudizzjarji strumenti għal rikonoxximent reċiproku alternattivi u inqas intrużivi filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tal-persuni ssuspettati u akkużati fil-proċedimenti kriminali; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa l-implimentazzjoni korretta tagħhom kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament tal-EAW u l-qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni;
3. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom jesploraw il-possibilitajiet eżistenti kollha li jinsabu fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI (bħalma hi l-Premessa 12) biex tiġi salvagwardjata l-protezzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali; jeżawrixxu l-mekkaniżmi alternattivi possibbli kollha qabel ma joħorġu EAW; u jippreċessaw il-kawża mingħajr dewmien żejjed ladarba EAW jkun wassal għal arrest sabiex id-detenzjoni ta’ qabel is-smigħ tal-proċess tinżamm l-iqsar possibbli;
4. Jirrimarka li r-rikonoxximent sħiħ u l-infurzar rapidu tal-miżuri ġuridiċi huma pass lejn l-istabbiliment ta’ qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni, u jenfasizza kemm huwa importanti l-EAW bħala mezz effettiv kif tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali serja;
5. Iqis li peress li l-problemi sottolinjati fil-premessa F jirriżultaw kemm mill-ispeċifiċitajiet tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI u kemm min-natura inkompleta u żbilanċjata tal-qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni, is-soluzzjonijiet leġiżlattivi jeħtieġu jindirizzaw iż-żewġ kwistjonijiet permezz ta’ ħidma kontinwa biex jiġu stabbiliti l-istandards minimi dwar inter alia d-drittijiet proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati u miżura orizzontali li tistabbilixxi l-prinċipji li japplikaw għall-istrumenti għal rikonoxximent reċiproku kollha, jew jekk din il-miżura orizzontali mhijiex fattibbli jew tonqos milli tirrimedja l-problemi identifikati f’din ir-riżoluzzjoni, emendi għad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI;
6. Iqis li d-dgħufijiet identifikati mhux biss ifixklu l-fiduċja reċiproka iżda huma wkoll għaljin mil-lat soċjali u ekonomiku għall-individwi kkonċernati, il-familji tagħhom u s-soċjetà in ġenerali.
7. Għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tissottometti, fi żmien sena mill-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, abbażi tal-Artikolu 82 tat-TFUE, proposti leġiżlattivi b’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-Anness ta’ ma’ din ir-riżoluzzjoni u li jipprovdu għal:
(a)
proċedura li biha miżura ta' rikonoxximent reċiproku tista’, jekk ikun meħtieġ, tiġi vvalidata fl-Istat Membru emittenti minn imħallef, Qorti, maġistrat inkwirenti jew minn prosekutur pubbliku, sabiex jingħelbu l-interpretazzjonijiet diverġenti tat-terminu “awtorità ġudizzjarja”;
(b)
verifika tal-proporzjonalità meta jkunu qed jinħarġu deċiżjonijiet ta’ rikonoxximent reċiproku, abbażi tal-fatturi u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha bħalma huma s-serjetà tar-reat, jekk il-kawża hijiex lesta biex titressaq għal smigħ ta’ proċess, l-impatt fuq id-drittijiet tal-persuna rekwiżita, inkluża l-protezzjoni tal-ħajja privata u dik tal-familja, l-implikazzjonijiet ta’ spejjeż u d-disponibilità ta’ miżura alternattiva inqas intrużiva xierqa;
(c)
proċedura ta’ konsultazzjoni standardizzata li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru emittenti u ta’ eżekuzzjoni jistgħu jiskambjaw informazzjoni rigward l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji bħalma hu dwar il-valutazzjoni tal-proporzjonalità u speċifikament fir-rigward tal-EAW sabiex jaċċertaw il-prontezza għal proċess;
(d)
raġuni ta’ rifjut mandatarju fejn ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li l-eżekuzzjoni tal-miżuri tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta, b’mod notevoli l-Artikolu 52(1) tagħha bir-referenza li jagħmel għall-prinċipju ta’ proporzjonalità;
(e)
id-dritt għal rimedju ġuridiku effettiv skont l-Artikolu 47(1) tal-Karta u l-Artikolu 13 tal-KEDB, bħalma hu d-dritt għall-appell fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni kontra l-eżekuzzjoni mitluba ta’ strument ta’ rikonoxximent reċiproku u d-dritt li l-persuna rikjesta tisfida quddiem tribunal kwalunkwe nuqqas min-naħa tal-Istat Membru emittenti li jirrispetta l-assigurazzjonijiet mogħtija mill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni;
(f)
definizzjoni aħjar tar-reati fejn l-EAW għandu japplika sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tat-test tal-proporzjonalità;
8. Jitlob għal applikazzjoni ċara u konsistenti mill-Istati Membri kollha tad-dritt tal-Unjoni dwar id-drittijiet proċedurali fil-proċedimenti kriminali marbuta mal-użu tal-EAW; inklużi d-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali; id-dritt ta’ aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali u d-dritt ta’ komunikazzjoni mal-arrest; u d-dritt għall-informazzjoni fi proċedimenti kriminali;
9. Jistieden lill-Kummissjoni titlob mill-Istati Membri dejta komprensiva relatata mal-operazzjoni tal-mekkaniżmu tal-EAW u tinkludi din id-dejta fir-rapport ta’ implimentazzjoni li jmiss tagħha bil-ħsieb li tipproponi azzjoni xierqa jekk tinstab xi problema:
10. Jitlob rieżami regolari ta’ EAWs mhux eżegwiti u li jitqies jekk dawn, flimkien mat-twissijiet korrispondenti tas-SIS II u tal-Interpol, għandhomx jiġu rtirati; jitlob ukoll l-irtirar ta’ EAWs u tat-twissijiet korrispondenti tas-SIS II u tal-Interpol, meta l-EAW ikun ġie rrifjutat abbażi ta’ raġunijiet mandatarji, bħalma huma raġuni ta’ ne bis in idem jew inkompatibilità mal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li ssir dispożizzjoni biex it-twissijiet tas-SIS II u tal-Interpol jiġu aġġornati b’mod mandatarju bl-informazzjoni dwar ir-raġunijiet tar-rifjut tal-eżekuzzjoni tal-EAW li jikkorrispondi mat-twissija u li jsir aġġornament xieraq tal-fajls tal-Europol;
11. Filwaqt li jenfasizza l-importanza primarja ta’ proċeduri korretti inklużi d-drittijiet ta’ appell, jitlob lill-Istati Membri, jew bħala Stat Membru emittenti jew bħala Stat Membru ta’ eżekuzzjoni, jipprovdu għal mekkaniżmi ġuridiċi biex jikkumpensaw id-danni li jirriżultaw minn żbalji ġudizzjarji fir-rigward tal-operazzjoni tal-istrumenti għal rikonoxximent reċiproku, bi qbil mal-istandards stipulati fil-KEDB u fil-ġurisprudenza stabbilita sew tal-QĠUE;
12. Jistieden lill-Kunsill jinkludi fil-verżjoni riveduta tal-Manwal Ewropew dwar kif għandu jinħareġ Mandat tal-Arrest Ewropew (17195/1/10 REV 1) limitu ta’ żmien ta’ sitt ijiem għat-trażmissjoni tal-EAWs tradotti sabiex jiġu pprovduti iktar ċarezza u ċertezza;
13. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkooperaw fit-tisħiħ tan-netwerks ta’ kuntatt għall-imħallfin, prosekuturi u avukati ta’ difiża kriminali sabiex jiġu faċilitati proċedimenti ta’ EAW effikaċi u infurmati tajjeb, u joffru t-taħriġ rilevanti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni għall-professjonisti ġudizzjarji u legali f’inter alia l-lingwi, l-użu xieraq tal-EAW u l-użu kkumbinat tal-istrumenti differenti għal rikonoxximent reċiproku; jistieden lill-Kummissjoni tabbozza manwal prattiku tal-Unjoni li jkun iddisinjat għall-avukati difensuri li jkunu qed jaġixxu fil-proċedimenti tal-EAW u li jkun faċilment aċċessibbli fl-Unjoni kollha filwaqt li jieħu kont tax-xogħol kollu eżistenti tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura Kriminali Ewropea dwar din il-materja u jiġi kkumplementat mill-manwali nazzjonali;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-istabbiliment ta’ Netwerk Ġudizzjarju tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew speċifiku u netwerk ta’ avukati difensuri li jaħdmu fuq il-ġustizzja kriminali Ewropea u fuq kwistjonjiet ta’ estradizzjoni u tipprovdi finanzjament adegwat kemm lilhom kif ukoll lin-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju; jemmen li l-Kummissjoni tista’ tiżgura l-finanzjament xieraq permezz tal-programmi eżistenti fil-qasam tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni.
15. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi u tagħmel aċċessibbli faċilment database tal-Unjoni li jiġbor fih il-ġurisprudenza nazzjonali kollha relatata mal-EAW u ma’ proċedimenti oħrajn ta’ rikonoxximent reċiproku biex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-professjonisti u l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni u l-problemi li jinqalgħu;
16. Jenfasizza r-rabta bejn il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni u l-miżuri tal-EAW u jfakkar lill-Istati Membri li l-Artikolu 3 tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) jimponu fuq l-Istati Membri mhux biss obbligi negattivi, billi jipprojbixxuhom milli jittrattaw lill-priġunieri b’mod inuman u degradanti, iżda anke obbligi pożittivi, billi jobbligawhom li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni huma konsistenti mad-dinjità umana, u li jitwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u effettivi jekk dawn id-drittijiet jiġu miksura; jistieden lill-Istati Membri jieħdu kont partikolari tad-drittijiet tal-persuni vulnerabbli u b’mod ġenerali jeżaminaw bir-reqqa l-alternattivi għad-detenzjoni;
17. Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-qafas tar-rikonoxximent reċiproku, jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi ġuridiċi u finanzjarji disponibbli fil-livell tal-Unjoni sabiex jittejbu l-istandards ta’ detenzjoni inklużi proposti leġiżlattivi dwar il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni ta’ qabel il-proċess;
18. Jinnota li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u l-prinċipju ta’ proporzjonalità;
19. Iqis li kwalunkwe implikazzjoni finanzjarja tal-proposti rikjesti għall-baġit tal-Unjoni jenħtieġ tkun koperta mill-allokazzjonijiet baġitarji attwali; jenfasizza li kemm għall-Istati Membri kif ukoll għaċ-ċittadini, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawk il-proposti għandhom iwasslu għal iffrankar sostanzjali fl-ispejjeż u l-ħin, u b’hekk għandhom ikunu ta’ benefiċċju mil-lat ekonomiku u soċjali, kif indikat b’mod ċar fil-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew tal-miżuri tal-Unjoni dwar ir-rieżami tal-EAW.
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:
RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR DWAR UĦUD MILL-PROPOSTI LEĠIŻLATTIVI PREVISTI
Proċedura ta’ validazzjoni għal strumenti legali tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:
— “l-awtorità emittenti” fil-leġiżlazzjoni kriminali tal-Unjoni għandha tiġi definita bħala:
(i) imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ konċernat; jew
(ii) kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definit mill-Istat emittenti, sakemm l-att li għandu jiġi eżegwit ikun ivvalidat, wara eżami tal-konformità tiegħu mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ tal-istrument, minn imħallef, Qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti.
Kontroll tal-proporzjonalità għall-ħruġ tal-istrumenti legali tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:
— Meta toħroġ deċiżjoni li għandha tiġi esegwita fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tevalwa bir-reqqa l-ħtieġa għall-miżura mitluba abbażi tal-fatturi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata u d-disponibbiltà ta’ miżura alternattiva inqas invażiva xierqa biex jinkisbu l-għanijiet maħsuba, u għandha tapplika l-miżura disponibbli l-inqas invażiva. Fejn l-awtorità ta' eżekuzzjoni għandha raġuni biex temmen li l-miżura hija sproporzjonata, l-awtorità ta' eżekuzzjoni tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku. Wara din il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista' tiddeċiedi li tirtira d-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku.
Proċedura ta’ konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru emittenti u ta’ eżekuzzjoni li tintuża għal istrumenti legali tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:
— Mingħajr ħsara għall-possibilità li l-awtorità eżekutriċi kompetenti tagħmel użu mir-raġunijiet għar-rifjut, jenħtieġ tiġi stabbilita proċedura standardizzata li biha l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru emittenti u ta’ eżekuzzjoni jistgħu jiskambjaw informazzjoni u jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni bla xkiel u effiċjenti tal-istrumenti għal rikonoxximent reċiproku rilevanti jew il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, bħall-valutazzjoni tal-proporzjonalità inkluż, fir-rigward ta’ EAW sabiex tkun ivverifikata l-prontezza għal proċess;
Bażi taċ-ċaħda tad-Drittijiet Fundamentali li għandha tiġi applikata għall-istrumenti legali tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:
— Hemm raġunijiet sostanzjali li jikkonfermaw li l-eżekuzzjoni tal-miżura mhijiex kompatibbli mal-obbligi tal-Istati Membri li jesegwihom skont l- Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta.
Dispożizzjoni dwar ir-rimedji legali applikabbli għal strumenti tal-Unjoni għal rikonoxximent reċiproku:
— L-Istati Membri għandhom jiżguraw f’konformitá mal-Karta, il-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE u l-QEDB, li kull persuna li jkollha d-drittijiet u l-libertajiet tagħha miksura permezz ta' deċiżjoni, azzjoni jew ommissjoni fl-applikazzjoni ta’ strument għal rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet kriminali għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti. Jekk tali rimedju jiġi eżerċitat fl-Istat ta’ eżekuzzjoni u jkollu effett ta’ sospensjoni, id-deċiżjoni finali fuq tali rimedju għandha tittieħed fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-istrument għal rikonoxximent reċiproku applikabbli jew, fin-nuqqas ta’ limiti ta’ żmien espliċiti, b’disponibilità suffiċjenti li tiżgura li l-għan tal-proċess ta’ rikonoxximent reċiproku ma jkunx ipperikolat.
Ftehim ta' Sħubija Volontarju UE-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fil-prodotti tal-injam lejn l-UE
320k
73k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar il konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fi prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea (2013/2990(RSP))
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fi prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea(1)
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fi prodotti tal-injam għall-Unjoni Ewropea(2),
– wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207(3)(1) u 207(4)(1), l-Artikolu 218(6)(2), il-punt (a)(v), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7–0344/2013),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni (adottata mir-Riżoluzzjoni 61/295 tal-Assemblea Ġenerali fit-13 ta’ Settembru 2007)(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam(4),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Bank Dinji tal-14 ta' Marzu 2012 dwar il-Ġustizzja għall-Foresti: Intejbu l-isforzi tal-ġustizzja kriminali għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar (Justice for forests: improving criminal justice efforts to combat illegal logging)(5),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Human Rights Watch tas-16 ta' Lulju 2013 dwar L-Aspett Negattiv tat-Tkabbir Ekoloġiku: L-Impatti tal-governanza dgħajfa fuq id-drittijiet tal-bniedem fis-settur tal-forestrija fl-Indoneżja (The dark side of green growth: Human rights impacts of weak governance in Indonesia’s forestry sector)(6),
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar Sħubija Komprensiva u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Indoneżja, min-naħa l-oħra, iffirmat fid-9 ta’ Novembru 2009,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fit-30 ta' Settembru 2013, il-Gvern tal-Indoneżja u l-UE ffirmaw Ftehim ta' Sħubija Volontarju dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fi prodotti tal-injam għall-UE (FLEGT), biex b'hekk ikkonfermaw l-impenn reċiproku tagħhom biex jiżguraw li l-injam li jidħol fl-UE ikun prodott, maħsud u trasportat legalment;
B. billi l-Ftehimiet ta' Sħubiji Volontarji huma mfassla biex jiġi eradikat il-qtugħ illegali tas-siġar , tittejjeb il-governanza tal-foresti, u biex finalment iwasslu għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, filwaqt li jappoġġjaw l-isforzi dinjija biex jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;
C. billi l-Ftehimiet ta' Sħubija Volontarji għandhom l-għan li jħeġġu bidliet sistemiċi fis-settur tal-forestrija, billi jippremjaw l-isforzi ta' operaturi diliġenti li jixtru l-injam minn sorsi legali u affidabbli, u billi jipproteġuhom minn kompetizzjoni inġusta;
D. billi fl-Indoneżja tinsab it-tielet l-akbar erja fid-dinja f’termini ta’ foresti pluvjali wara l-Amażonja u l-Baċir tal-Kongo, iżda billi hija wkoll emittent sinifikanti fid-dinja ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, prinċipalment minħabba l-konverżjoni fuq skala kbira tal-foresti pluvjali tagħha u tat-torbieri li fihom ħafna karbonju għal użi oħrajn tal-art bħall-produzzjoni taż-żejt tal-palm u tal-karta;
E. billi l-Indoneżja tilfet tal-inqas 1 240 000 ettaru ta' foresti bejn l-2009 u l-2011;
F. billi 10 % biss, skont il-valur, tal-esportazzjonijiet tal-injam u tal-prodotti tal-injam tal-Indoneżja huma attwalment destinati għall-UE, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjonijiet hija diretta lejn pajjiżi Ażjatiċi, u għalhekk il-Ftehim ta' Sħubija Volontarju huwa importanti għat-tfassil tal-istandards għall-industrija Indoneżjana kollha tal-injam;
G. billi s-settur tal-foresti tal-Indoneżja għandu riskju għoli ta’ ħasil tal-flus u evażjoni tat-taxxa, skont l-Interpol u studju tal-Bank Dinji tal-2012;
H. billi skont il-Human Rights Watch, il-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil tal-flus fis-settur tal-forestrija swew lill-pajjiż sa USD 7 biljun bejn l-2007 u l-2011; billi l-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Qerda tal-Korruzzjoni tal-Indoneżja ddeskriva s-settur tal-forestrija bħala "sors ta' korruzzjoni mingħajr limitu"(7); billi, madankollu, l-Indoneżja għamlet progress sinifikanti fis-snin riċenti rigward il-prosekuzzjoni tar-reati finanzjarji, kif ġie ppruvat mill-kundanna tal-Qorti Suprema għal evażjoni tat-taxxa tal-produttur taż-żejt tal-palm, Asian Agri Group, f'Diċembru 2012;
I. billi ż-żewġ partijiet iridu jaqblu dwar is-Sistema ta' Assigurazzjoni tal-Legalità tal-Injam tal-Indoneżja (it-TLAS)/ is-Sistem Verifikasi Legalitas Kayu (SVLK) sabiex l-injam u l-prodotti tal-injam Indoneżjani koperti bil-Ftehim ta' Sħubija Volontarju jkunu jistgħu jidħlu fis-suq tal-UE bħala injam awtorizzat mill-FLEGT, li awtomatikament jitqies bħala legali skont it-termini tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam(8);
J. billi s-SVLK Indoneżjan attwalment qed jiġi rivedut biex jiġi konformi mar-rekwiżiti tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju;
K. billi l-Kummissjoni għandha s-setgħa, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea(9), li tadotta rekwiżiti dettaljati għall-għoti tal-liċenzji FLEGT u temenda l-lista tal-pajjiżi sħab u l-awtoritajiet tal-liċenzjar nominati tagħhom stabbiliti fl-Anness I ta' dak ir-Regolament;
L. billi fis-6 ta’ Mejju 2013 il-Qorti Kostituzzjonali tal-Indoneżja ddeċidiet li l-foresti konswetudinarji tal-popli indiġeni m’għandhomx jiġu klassifikati bħala li jaqgħu fiż-“Żoni Forestali Statali”, li wittiet it-triq għal aktar rikonoxximent tad-drittijiet tal-popli indiġeni fl-arċipelagu;
1. Ifaħħar l-isforz volontarju enormi tal-Indoneżja biex issolvi l-problema tal-qtugħ illegali tas-siġar rampanti u l-kummerċ assoċjat bl-iżvilupp tal-SVLK tagħha permezz ta’ proċess taʼ diversi partijiet interessati u speċjalment bil-progress sinifikanti miksub fix-xhur riċenti; jibqa' madankollu mħasseb dwar ċerti problemi; ifakkar li sabiex formalment jinħarġu liċenzji FLEGT, is-SVLK għandha topera bil-għan li tikseb il-miri tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju;
2. Jilqa’ r-riżultat tan-negozjati dwar il-Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-UE u r-Repubblika tal-Indoneżja dwar l-infurzar tal-liġi tal-foresta, governanza u kummerċ fi prodotti tal-injam għall-UE; itenni l-appoġġ tiegħu għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju u r-rieda tiegħu biex jappoġġja l-implimentazzjoni ta' suċċess tiegħu;
3. Jinnota li l-maġġoranza tas-sorsi ta’ injam inkwistjoni fil-pajjiż għadhom ma ġewx iċċertifikati mis-SVLK u li volumi kbar ta’ injam mid-deforestazzjoni mhux ivverifikat qed jidħlu fil-katina tal-provvista;
4. Jenfasizza l-importanza tal-estensjoni tal-kopertura tal-iskema tas-SVLK, inkluż l-awditjar, biex tkopri l-oqsma kollha tal-produzzjoni tal-injam u kull stadju tal-katina tal-provvista, tiżgura li l-injam legali verifikat ikun separat minn injam mhux verifikat sabiex dan ma jidħolx fil-katini tal-provvista tas-SVLK;
5. Iqis il-kwistjoni tal-konverżjoni tal-foresti bħala problema kontinwa tas-sistema ta' governanza tal-użu tal-art tal-Indoneżja; jiddispjaċih għall-fatt li attwalment is-SVLK mhijiex tawditja l-proċess ta' kif jingħataw konċessjonijiet lill-impriżi għall-konverżjoni tal-foresti, speċjalment fir-rigward tat-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali (AMDALs) u l-konformità tagħhom ma' restrizzjonijiet imposti fil-proċess biex jiksbu permessi ta' konverżjoni tal-foresti (IPK);
6. Jinnota li l-SVLK attwali tiċċertifika l-operazzjonijiet tal-injam bħala legali anke meta l-pretensjonijiet għad-drittijiet tal-użu tal-art minn popli indiġeni u l-komunitajiet lokali jkunu għadhom ma ġewx stabbiliti u/jew ikun għadu ma tħallasx kumpens adegwat, fejn xieraq jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan jiżgura li fejn xieraq, ikunu kkunsidrati d-drittijiet tradizzjonali tal-komunità għall-foresti, il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-popli indiġeni u l-komunitajiet lokali, u l-kumpens għall-aċċess mitluf tal-art tal-foresti fil-verifika tal-legalità u li l-korpi tal-verifika jingħataw mandat biex jivvalutaw jekk l-impriżi rrispettawx id-drittijiet lokali tal-użu tal-art u jekk l-art ġietx ippubblikata legalment;
7. Iħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan jiżgura li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni ma jiddiskriminax kontra l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
8. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan tagħti assigurazzjoni li:
–
is-sorsi kollha tal-injam u l-ktajjen kollha tal-kustodja tagħhom jiġu awditjati, inkluż il-verifika li qabel kollox l-impriżi tal-injam kellhom id-dritt li jaħsdu;
–
l-injam u l-prodotti tal-injam ċertifikati u mhux ċertifikati jinżammu separati,
–
il-konverżjoni tal-foresti naturali tinżamm minima u l-oriġini legali tal-injam minn żoni ta' konverżjoni tiġi verifikata, inklużi l-eżistenza ta' AMDAL, u/jew l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tagħha li jirregolaw l-użu tal-art konċessa;
9. Jistieden lill-Gvern Indoneżjan, bil-għan li tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-pajjiż fil-ħruġ tal-liċenzji FLEGT, jikkumplimenta l-verifika legali taħt is-SVLK b’azzjonijiet deċiżivi li jikkumbattu r-reati finanzjarji marbuta mas-settur tal-forestrija bħall-ħasil tal-flus u l-frodi fiskali;
10. Jistieden lill-Gvern Indoneżjan isegwi d-deċiżjoni riċenti tiegħu li jinforza l-liġijiet dwar it-taxxa u jikseb dokumentazzjoni li turi li l-kumpaniji li jesportaw l-injam ikunu konformi għalkollox mal-liġijiet dwar it-taxxa tal-Indoneżja u mal-liġi tal-2010 kontra l-ħasil tal-flus;
11. Jilqa' l-inizjattiva "mappa waħda" tal-Gvern Indoneżjan biex jiżdied l-aċċess tal-pubbliku għal data u mapep aġġornati u trasparenti, li mingħajrhom il-governanza tajba tal-foresti fl-Indoneżja tkun imfixkla permezz ta' interpretazzjonijiet tal-liġijiet inkonsistenti u multipli, u kunflitti mal-komunitajiet lokali u indiġeni; jenfasizza l-fatt li monitoraġġi indipendenti tal-foresti jeħtieġ ikollhom aċċess għal tali informazzjoni bażika sabiex iwettqu dmirhom b’mod kredibbli, u li l-mapep tal-konċessjonijiet, il-pjanti tal-ħsad u informazzjoni dwar il-permessi għandhom ikunu aċċessibbli għall-pubbliku; jistieden lill-Gvern Indoneżjan iħaffef l-inizjattiva "mappa waħda" u jippubblika l-ewwel verżjoni tagħha, inkluża l-informazzjoni rilevanti marbuta mal-liċenzjar tal-foresti u d-dikjarazzjonijiet tal-użu tal-art;
12. Jistieden lill-Kummissjoni, permezz tal-parteċipazzjoni tagħha fil-Kumitat Konġunt għall-Implimentazzjoni, tiżgura li r-riskju tal-frodi u l-korruzzjoni jiġi indirizzat b'mod sostanzjali, inkluż permezz tat-tħejjija taʼ pjan ta’ kontroll tal-frodi bbażat fuq ir-riskji;
13. Jirrikonixxi l-fatt li l-verifika tal-legalità tal-injam tiddependi kważi kompletament fuq il-prestazzjoni tal-awdituri u monitoraġġ indipendenti; ifaħħar lis-SVLK għar-rwol uffiċjali tagħha fir-rigward tal-monitoraġġ indipendenti mis-soċjetà ċivili; jinnota, madankollu, li l-kapaċità tan-netwerks ta' monitoraġġ indipendenti għadha ferm limitata f’termini ta’ riżorsi umani u finanzjarji;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan biex tiżgura li l-awdituri u l-korpi tal-verifika flimkien mal-monitoraġġi indipendenti tal-foresti jirċievu finanzjament u taħriġ xierqa biex ikunu jistgħu jagħmlu monitoraġġi fuq il-post, verifiki għall-għarrieda u awditi regolari;
15. Jilqa’ l-isforzi tal-Gvern Indoneżjan biex isaħħaħ ir-rwol tal-pulizija nominata tal-forestrija; jinnota madankollu li l-Ministeru għall-Forestrija tal-Indoneżja għandu jkompli jtejjeb il-politika tiegħu ta' monitoraġġ, l-ikkatalogar u s-segwitu ta' każijiet tal-qtugħ illegali tas-siġar; jenfasizza l-importanza kbira tal-fatt li kumpaniji li jinstabu joperaw b'mod illegali jiġu rrapurtati lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan jiżgura li rapporti ta' monitoraġġ indipendenti li juru ksur tal-leġiżlazzjoni rilevanti jingħatalhom segwitu adegwat, u li tittieħed azzjoni ta' infurzar effettiva u dissważiva mill-awtoritajiet rilevanti fejn jinsab ksur tal-leġiżlazzjoni kkonċernata;
17. Jenfasizza l-fatt li l-monitoraġġ indipendenti u r-rispett tad-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali huma fatturi kritiċi li jagħtu kredibbiltà lis-SVLK; jenfasizza, għalhekk, li huwa importanti li dan l-impenn ikompli u li t-trasparenza fir-rigward ta’ partijiet interessati oħrajn tas-soċjetà ċivili tittejjeb, u li l-monitoraġġ indipendenti mis-soċjetà ċivili jseħħ mingħajr il-vjolenza, it-theddid jew kwalunkwe forma ta’ abbuż u, jekk dan iseħħ, għandhom jiġu kkastigati severament;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Gvern Indoneżjan biex jiżgura li:
–
l-involviment tal-partijiet interessati fl-implimentazzjoni u l-funzjonament tas-SVLK jitkompla u jissaħħaħ,
–
il-monitoraġġ indipendenti mis-soċjetà ċivili jseħħ mingħajr il-vjolenza, it-theddid jew kwalunkwe forma ta’ abbuż u, jekk dan iseħħ, għandhom jiġu kkastigati severament,
–
fil-każijiet kollha jingħata kunsens liberu, minn qabel u infurmat lill-popli indiġeni u lill-komunitajiet lokali, u jitħallas kumpens ġust, meta jkun xieraq, għall-aċċess mitluf tal-art tal-foresti importanti għall-għajxien tagħhom, bħala kundizzjoni mhux negozjabbli ta' kwalunkwe liċenzja tal-FLEGT,
–
ir-rekwiżiti tal-awditjar tas-SVLK ma jkunux statiċi iżda jkunu soġġetti għal reviżjoni perjodika mill-partijiet interessati Indoneżjani bil-għan li jkun hemm titjib kontinwu min-naħa tagħhom;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sejbiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Indoneżja tas-6 ta' Mejju 2013 jitqiesu kif suppost fir-reviżjoni tas-SVLK;
20. Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-isforzi mitluba mill-Gvern Indoneżjan u biex tiżgura ambjent ekwu reġjonali billi tilqa' t-talba tal-Gvern Indoneżjan li jinkludi r-reġjun ta’ Sarawak fin-negozjati tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju bejn l-UE u l-Malasja;
21. Huwa konxju tal-fatt li ċerti talbiet f’din ir-riżoluzzjoni jmorru lil hinn mill-kriterji stabbiliti fl-Anness 8 tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju rigward l-approvazzjoni tas-sistema tal-liċenzjar; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura progress biex jintlaħqu dawn it-talbiet addizzjonali li l-Parlament iqishom importanti u tirrapporta lura lill-Parlament dwar il-progress li sar qabel tiġi approvata s-sistema tal-liċenzjar;
22. Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju u b’mod partikolari dwar kif il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq ġew u se jiġu indirizzati;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern kif ukoll lill-Parlament tal-Indoneżja.
Bank Dinji, Justice for forests: Improving criminal justice efforts to combat illegal logging, 2012, pp. 5-10, http://siteresources.worldbank.org/EXTFINANCIALSECTOR/Resources/Illegal_Logging.pdf
Human Rights Watch, The dark side of green growth: Human rights impacts of weak governance in Indonesia’s forestry sector, 2013, http://www.hrw.org/sites/default/files/reports/indonesia0713webwcover_1.pdf
Reuters Online News, 17 ta' Settembru 2010, "Graft could jeopardise Indonesia’s climate deals", http://www.reuters.com/article/2010/09/17/indonesia-corruption-idUSSGE68G03P20100917
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, jiġifieri dik tal-24 ta' Mejju 2007 dwar il-każ dwar l-istazzjon televiżiv Radio Caracas(1), dik tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-iskwalifiki politiċi(2), dik tas-7 ta' Mejju 2009 dwar il-każ ta' Manuel Rosales(3), dik tal-11 ta' Frar 2010 dwar il-Venezwela(4), dik tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-każ ta' Maria Lourdes Afiuni(5) u dik tal-24 ta' Mejju 2012 dwar l-irtirar eventwali mill-Venezwela tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem(6);
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-14 ta' Frar 2014 mill-kelliem ta' Catherine Ashton, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Frar 2014 mill-VP / RGħ Catherine Ashton dwar il-kunflitti fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hi parti tiegħu,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Artikolu110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi titqies il-gravità tas-sitwazzjoni attwali fil-Venezwela; billi mit-12 ta' Frar 2014 saru parati paċifiċi mmexxija minn studenti fil-Venezwela kollha u dawn spiċċaw fi vjolenza fatali, fejn inqatlu minn tal-anqas 13-il ruħ, indarbu aktar minn 70 ruħ u mijiet oħra ġew arrestati; billi t-talbiet tal-istudenti jirreferu għan-nuqqas, min-naħa tal-gvern tal-President Maduro, li jsolvi l-problema tal-inflazzjoni għolja, ir-rata ta' kraminilità għolja u l-iskarsezza ta' xi prodotti tal-ikel ta' kuljum kif ukoll il-korruzzjoni li kull ma tmur qed tiżdied, u l-intimidazzjoni tal-midja u tal-oppożizzjoni demokratika; billi l-gvern qiegħed iwaħħal "f'saboteurs" u "negozjanti korrotti għatxana għall-profitti" għal dawn in-nuqqasijiet; billi l-Venezwela hija l-pajjiż li għandu l-akbar riservi tal-enerġija fl-Amerika Latina;
B. billi f'dawn l-aħħar jiem, l-għadd ta' protesti ma nasaqx, anzi baqa' jiżdied, u b'hekk żdied l-għadd ta' mejtin, midruba u detenuti, bħala konsegwenza tar-ripressjoni brutali min-naħa tal-awtoritajiet governattivi u mill-gruppi armati illegali;
C. billi t-tensjoni politika u l-polarizzazzjoni fil-Venezwela qegħdin jiżdiedu; billi, minflok ma kkontribwew għaż-żamma tal-paċi u l-kalma, l-awtoritajiet tal-Venezwela heddew li se jmexxu "rivoluzzjoni armata";
D. billi titqies ir-ripressjoni eżerċitata b'mod partikolari kontra l-istudenti, il-ġurnalisti, il-mexxejja tal-oppożizzjoni u l-attivisti paċifiċi tas-soċjetà ċivili, li ġew ippersegwitati u li tilfu l-libertà tagħhom;
E. billi gruppi armati favur il-gvern vjolenti u mhux ikkontrollati kienu qed jaġixxu b'impunità fil-Venezwela għal żmien twil; billi l-oppożizzjoni akkużat lil dawn il-gruppi li qed jistigaw il-vjolenza waqt id-dimostrazzjonijiet paċifiċi, u jikkaġunaw imwiet u diversi korrimenti; billi l-Gvern tal-Venezwela għadu ma tax spegazzjoni ċara dwar dak li ġara;
F. billi l-midja hija soġġetta għal ċensura u intimidazzjoni, u bosta ġurnalisti issawtu jew ġew detenuti jew ġie meqrud it-tagħmir professjonali tagħhom;
G. billi l-libertà tal-espressjoni u d-dritt tal-parteċipazzjoni fi protesti paċifiċi jikkostitwixxu elementi bażiċi tad-demokrazija, u l-ugwaljanza u l-ġustizzja għal kulħadd mhumiex possibbli mingħajr l-eżistenza tal-libertajiet fundamentali u r-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha; billi l-kostituzzjoni Venezwelana tiggarantixxi d-dritt għall-assemblea, l-assoċjazzjoni u l-protesta ċivika b'mezzi paċifiċi; billi s-setgħat pubbliċi għandhom id-dmir li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħhom u jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom u ħajjithom, mingħajr ma jillimitaw dawn id-drittijiet;
H. billi huma biss ir-rispett tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, djalogu kostruttiv u rispettuż u tolleranza li jistgħu jgħinu lill-pajjiż sabiex joħroġ minn din il-kriżi serja u jegħleb id-diffikultajiet futuri;
1. Jikkundanna l-atti kollha ta' vjolenza u t-telf traġiku tal-ħajja matul id-dimostrazzjonijiet paċifiċi tat-12 ta' Frar 2014 u l-ġranet ta' wara, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri lill-familji tal-vittmi;
2. Jesprimi s-solidarjetà qawwija tiegħu mal-poplu tal-Venezwela u t-tħassib tiegħu dwar il-possibilità li protesti ġodda jistgħu jwasslu għal aktar atti ta' vjolenza li se jservu biss biex japprofondixxu d-distakk bejn il-pożizzjoni tal-gvern u dik tal-oppożizzjoni u jippolarizzaw sa punt saħansitra akbar l-iżviluppi politiċi sensittivi li qed iseħħu fil-Venezwela; jistieden lir-rappreżentanti tal-partijiet u s-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà tal-Venezwela biex jibqgħu kalmi kemm fl-azzjonijiet tagħhom u kif ukoll fi kliemhom;
3. Ifakkar lill-Gvern tal-Venezwela li l-libertà tal-espressjoni u d-dritt li wieħed jipparteċipa f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma drittijiet fundamentali tal-bniedem f'demokrazija, kif rikonoxxut fil-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u jitlob lill-President Maduro jirrispetta t-trattati internazzjonali li l-Venezwela hi parti minnhom, b'mod partikolari l-Karta Demokratika Inter-Amerikana;
4. Ifakkar lill-Gvern tal-Venezwela fl-obbligu tiegħu li jiżgura s-sigurtà taċ-ċittadini kollha fil-pajjiż, irrispettivament mill-fehmiet u affiljazzjonijiet politiċi tagħhom; jesprimi tħassib profond dwar l-arresti ta' studenti u mexxejja tal-oppożizzjoni u jitlob ir-rilaxx immedjat tagħhom;
5. Ifakkar li r-rispett għall-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri huwa fundamentali għad-demokrazija u li s-sistema ġudizzjarja ma tistax tintuża mill-awtoritajiet bħala mezz ta' persekuzzjoni u ripressjoni politika tal-oppożizzjoni demokratika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jirtiraw l-akkużi u l-mandati ta' arrest bla bażi maħruġa kontra l-mexxejja tal-oppożizzjoni;
6. Jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex immedjatament jikkonfiskaw l-armi tal-gruppi armati mhux ikkontrollati li jiffavorixxu lill-gvern u jtemmu l-impunità tagħhom; jitlob kjarifika rigward l-imwiet li seħħew biex dawk ħatja jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;
7. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha, b'mod partikolari lill-awtoritajiet tal-Venezwela, isegwu djalogu paċifiku, li jilħaq is-setturi kollha tas-soċjetà Venezweljana sabiex jiddefinixxu punti ta' konverġenza u jippermettu lill-atturi politiċi jiddiskutu l-problemi l-aktar serji li qed jaffronta l-pajjiż;
8. Jenfasizza li r-rispett tal-libertà tal-istampa, tal-informazzjoni u tal-opinjoni kif ukoll tal-pluraliżmu politiku jikkostitwixxu bażi fundamentali tad-demokrazija. Jiddispjaċih għall-eżistenza ta' ċensura tal-midja u l-internet u għall-fatt li l-aċċess għal xi blogs u netwerks soċjali huwa limitat; jikkundanna l-persekuzzjoni li sfaw vittmi tagħha bosta gazzetti u midja awdjoviżivi oħra bħall-istazzjon NTN24, u s-CNN bl-Ispanjol, u jqis li dawn il-prattiki jmorru kontra l-kostituzzjoni Venezwelana u l-impenji li ħadet ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela;
9. Jitlob li tintbagħat delegazzjoni ad hoc ta' dan il-Parlament biex tevalwa s-sitwazzjoni fil-pajjiż mill-iktar fis;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 77 tiegħu,
– wara li kkunsidra lkomunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'L-implementazzjoni u l-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi sabiex jiġi xprunat it-tkabbir fl-UE' (COM(2012)0649),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar kif ħadmet il-Kooperazzjoni Lokali ta' Schengen fl-ewwel sentejn tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi (COM(2012)0648),
– wara li kkunsidra s-seba' rapport tal-Kummissjoni dwar iż-żamma ta' obbligi ta' viża minn ċerti pajjiżi terzi bi ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità (COM(2012)0681),
– wara li kkunsidra r-reviżjonijiet reċenti(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa(2),
– wara li kkunsidra l-ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi mal-Ġeorġja(3), l-Ukraina(4), il-Moldova(5), il-Kap Verde(6), l-Armenja(7) u l-Azerbajġan(8),
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-futur tal-politika tal-viża tal-UE (O‑000028/2014 – B7‑0108/2014),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-politika komuni dwar il-viża tikkostitwixxi konsegwenza neċessarja għat-tneħħija ta' kontrolli mal-fruntiera interna fi ħdan iż-żona ta' Schengen;
B. billi l-elementi prinċipali tal-politika komuni dwar il-viża huma: il-lista komuni ta' pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għar-rekwiżit tal-viża u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minnha, kif anness mar-Regolament (KE) Nru 539/2001, ir-regoli komuni dwar il-ħruġ ta' viżi li jinsabu fil-Kodiċi dwar il-Viżi, il-format uniformi għall-viżi, l-iskambju ta' informazzjoni permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, u serje ta' ftehimiet internazzjonali ma' pajjiż terzi dwar l-eżenzjoni u l-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi;
C. billi t-Trattat ta' Lisbona jipprevedi l-użu tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja għall-aspetti kollha tal-politika komuni dwar il-viża, u l-approvazzjoni tal-Parlament għall-ftehimiet internazzjonali dwar is-suġġett;
D. billi huwa importanti li jingħata bidu għal riflessjoni u diskussjoni interistituzzjonali dwar il-futur tal-politika komuni tal-UE dwar il-viża, b'mod partikolari rigward il-passi lejn iktar armonizzazzjoni ta' proċeduri tal-viża, inkluż regoli komuni dwar il-ħruġ ta' viżi;
Politika ġenerali dwar il-viża u reviżjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi
1. Jilqa' l-progress magħmul fil-qasam tal-acquis tal-viża, iżda jistieden ukoll lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jtejbu l-implimentazzjoni tal-acquis attwali dwar il-viża; jitlob, speċjalment, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni lokali ta' Schengen sabiex titjieb l-implimentazzjoni tal-Kodiċi dwar il-Viżi f'terminu ta' żmien qasir;
2. Jemmen li fil-ġejjieni għandhom jittieħdu passi favur aktar armonizzazzjoni tal-proċeduri tal-viża, inkluż regoli verament komuni dwar il-ħruġ ta' viżi;
3. Iqis li huwa ċar li f'bosta pajjiżi terzi kopertura konsulari mhijiex soddisfaċenti;
4. Iqis li ċentri ta' applikazzjoni tal-viża komuni taw prova ta' għodda utli li fil-futur tista' ssir proċedura standard;
5. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma ppreżentatx studju dwar il-possibilità li jiġi stabbilit 'mekkaniżmu Ewropew komuni għall-ħruġ ta' viżi għal terminu qasir', inkluża analiżi dwar 'sa liema grad il-valutazzjoni ta' riskju individwali tista' tissupplimenta l-preżunzjoni ta' riskju assoċjat maċ-ċittadinanza ta' applikant', kif ġiet mistiedna tagħmel fil-Programm ta' Stokkolma (punt 5.2);
6. Iqis li vjaġġi li jsiru bona fide u frekwenti għandhom jiġu ulterjorment faċilitati, partikolarment permezz ta' użu aktar frekwenti ta' viżi għal dħul multiplu b'terminu ta' żmien itwal;
7. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet attwali tal-Kodiċi dwar il-Viżi u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen biex ikun permess il-ħruġ ta' viżi umanitarji, u biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' kenn temporanju għal difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jkunu fir-riskju f'pajjiżi terzi;
8. Jistenna bil-ħerqa l-proposta mistennija għal rieżami tal-Kodiċi dwar il-Viżi, iżda jiddeplora l-fatt li l-adozzjoni tiegħu ġie pospost ripetutament mill-Kummissjoni;
9. Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-evalwazzjoni ġenerali tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandha ma ġietx ippreżentata mill-Kummissjoni; jiddeplora l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta din l-evalwazzjoni flimkien mal-proposta għal rieżami tal-Kodiċi dwar il-Viżi; iqis li tkun ħaġa iktar xierqa jekk il-Kummissjoni tippreżenta r-rapport ta' evalwazzjoni l-ewwel u b'hekk tippermetti lill-istituzzjonijiet jagħmlu diskussjoni bbażata fuqu;
Faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi
10. Jitlob li jiġu konklużi aktar ftehimiet għall-faċitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi, fejn ikun xieraq, u il-monitoraġġ u t-titjib ta' dawk li diġà jeżistu;
11. Jitlob evalwazzjoni sistematika tal-ftehimiet dwar il-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta' viżi li diġà jeżistu, sabiex jiġi eżaminat jekk humiex qed jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom;
Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001
12. Jilqa' l-aġġornamenti reċenti tal-listi ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti jew mhumiex soġġetti għall-ħtieġa tal-viża, kif previst fir-Regolament (KE) Nru 539/2001, u b'mod partikolari l-eżenzjonijiet addizzjonali mill-ħtieġa tal-viża; ifakkar fl-importanza ta' vvjaġġar mingħajr viża għal pajjiżi terzi u partikolarment is-soċjetajiet ċivili tagħhom, iżda wkoll għall-interessi tal-UE stess;
13. F'dan il-kuntest, huwa tal-fehma li ftehim għall-ħelsien mill-viża bejn l-UE u l-Ukraina huwa mod kif wieħed iwieġeb għas-sejħiet tas-soċjetà ċivili Ukraina u l-istudenti li ddimostraw tul l-aħħar ftit jiem; jinnota li tali ftehim isaħħaħ l-iskambji u l-kuntatti fost il-popli bejn is-soċjetajiet ċivili, u b'hekk jiżdied il-fehim reċiproku, u dan ikun ta' benefiċċju għall-iskambji ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta sabiex l-Ukraina titpoġġa fil-lista ta' pajjiżi terzi li n-nazzjonali tagħhom ma jkunux soġġetti għall-ħtieġa tal-viża; u jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-ftehim attwali ta' faċilitazzjoni tal-viża sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-UE, partikolarment għall-istudenti u x-xjentisti;
14. Jilqa' l-aġġornament tal-kriterji ta' eżenzjoni tal-viża biex jinkludu kunsiderazzjonijiet ta' drittijiet fundamentali iżda wkoll benefiċċji ekonomiċi, b'mod partikolari f'termini ta' turiżmu u kummerċ barrani, u l-inklużjoni tagħhom f'artikolu tar-regolament;
15. Jenfasizza li liberalizzazzjoni ulterjuri teħtieġ aktar għarfien dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet attwali għall-viża, inkluż permezz tas-Sistema Elettronika tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (EU-ESTA); jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-Parlament ikun infurmat b'mod aktar komplet rigward is-sitwazzjoni ta' terzi pajjiżi fid-diskussjoni, sabiex ikun jista' jsir skrutinju demokratiku adegwat;
16. Jistieden lill-Kummissjoni tirrefletti dwar kif, fil-ġejjieni, tibdil fl-annessi tar-regolament u ftehimiet bilaterali ta' eżenzjoni mill-viża, fejn jitqies meħtieġ, jisttgħu jitqiesu b'mod parallel, sabiex jiġi evitat ir-riskju li modifika fl-annessi tiġi segwita immedjatament bil- ftehim neċessarju ta' eżenzjoni mill-viża;
17. Jinnota l-ftehim dwar il-mekkaniżmu ta' sospensjoni; jistenna l-Istati Membri jagħmlu użu minn dan il-mekkaniżmu bona fide u biss bħala l-aħħar possibilità f'sitwazzjoni ta' emerġenza, fejn ikun meħtieġ rispons urġenti sabiex jiġu solvuti diffikultajiet iffaċċjati mill-Unjoni b'mod ġenerali, u meta l-kriterji relevanti jiġu sodisfatti;
18. Iqis li reċiproċità sħiħa tal-viżi hija objettiv li l-Unjoni għandha ssegwi b’mod proattiv fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, u b’hekk tgħin biex jittejbu l-kredibilità u l-konsistenza tal-politika esterna tal-Unjoni fil-livell internazzjonali;
19. Jitlob li jsir dibattitu dwar il-konnessjoni bejn liberalizzazzjoni ulterjuri tal-viża u s-sejħiet li qed isiru minn ċerti Stati Membri għal aktar miżuri ta' sigurtà u kontrolli aktar stretti mal-fruntieri għal vjaġġaturi eżentati mill-ħtieġa tal-viża;
Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS)
20. Jistieden lill-eu-LISA tippreżenta r-rapport ta' evalwazzjoni mistenni tal-VIS malajr kemm jista' jkun;
Involviment tal-Parlament Ewropew
21. Jistieden lill-Kunsill u l-Kummissjoni jtejbu l-fluss ta' informazzjoni lill-Parlament fir-rigward ta' negozjati dwar ftehimiet internazzjonali fil-qasam tal-viża, f'konformità mal-Artikolu 218(10) tat-TFUE u l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;
22. Iħabbar l-intenzjoni tiegħu li jistabbilixxi grupp ta' kuntatt dwar il-politika tal-viża fi ħdan il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern; jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jipparteċipaw fil-laqgħat ta' dan il-grupp ta' kuntatt;
o o o
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Azzjonijiet speċifiċi fil-Politika Komuni tas-Sajd għall-iżvilupp tar-rwol tan-nisa
340k
82k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Frar 2014 dwar azzjonijiet speċifiċi fil-Politika Komuni tas-Sajd għall-iżvilupp tar-rwol tan-nisa (2013/2150(INI))
– wara li kkunsidra l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-Fond Ewropew għas-Sajd (FES), speċjalment ir-Regolamenti (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 tal-Kunsill, li jistabbilixxu r-regoli u l-arranġamenti dwar l-għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(1),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-6 ta’ Frar 2013 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd(2),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu, tat-12 ta’ Settembru 2012, dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura(3),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni u l-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament u l-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (COM(2011)0804),
– wara li kkunsidra l-proposta magħmula mill-Kummissjoni u l-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament u l-Kunsill dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni f’‘Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – Orizzont 2020 (2014-2020)’ (COM (2011) 0810),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010–2015” (COM(2010)0491),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu, tal-15 ta’ Diċembru 2005, dwar in-netwerks tan-nisa: sajd, biedja u diversifikazzjoni(4),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu, tat-22 ta’ Novembru 2012, dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd(5),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd(6),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2012 dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd – Komunikazzjoni Ġenerali(7),
– wara li kkunsidra s-seduta dwar in-nisa u l-iżvilupp sostenibbli fil-qasam tas-sajd fil-Kumitat għas-Sajd tal-1 ta’ Diċembru 2010,
– wara li kkunsidra s-seduta tal-Kumitat għas-Sajd u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi li saret fil-Parlament Ewropew fl-14 ta’ Ottubru 2013 dwar l-iżvilupp tar-rwol tan-nisa fis-sajd u fl-akkwakultura Ewropej,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għas-Sajd u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi skont l-Artikolu 51 tar-Regoli ta’ Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7–0070/2014),
A. billi x-xogħol li jsir min-nisa fis-sajd u l-akkwakultura mhuwiex rikonoxxut u, ġeneralment, jibqa’ inviżibbli, minkejja l-fatt li jirrappreżenta valur ekonomiku konsiderevoli u jikkontribwixxi għas-sostenibbiltà soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta’ diversi lokalitajiet u reġjuni fl -Ewropa, b’mod partikolari fiż-żoni li jiddependu mis-sajd;
B. billi aktar minn 100 000 mara jaħdmu fis-settur tas-sajd fl-Istati Membri, li 4 % minnhom iwettqu xogħol fis-settur tal-estrazzjoni, u b’xogħlijiet marbuta mal-attività tal-bastimenti tas-sajd bħala nisa li jsewwu x-xbieki, jaħdmu fil-portijiet jew jieħdu ħsieb l-ippakkjar, 30 % f’dak tal-akkwakultura, prinċipalment fis-sajd għall-frott tal-baħar li jsir bil-mixi, u madwar 60 % fl-industrija tal-ipproċessar;
C. billi x-xogħol li tradizzjonalment jagħmlu n-nisa fis-setturi tas-sajd u l-akkwakultura huwa xogħol tqil: is-sajd għall-frott tal-baħar li jsir bil-mixi, il-bejgħ tradizzjonali tal-ħut, kemm jekk ikun mobbli jew f’faċilità fit-triq jew f'ħanut, il-manifattura u t-tiswija tax-xbieki tas-sajd, l-iżbarkar u l-ikklassifikar tal-qabdiet, u l-imballaġġ f’kundizzjonijiet klimatiċi partikolarment diffiċli;
D. billi l-istatistika tissottavaluta bil-kbir ir-realtà tax-xogħol tan-nisa f’xi wħud minn dawn is-setturi u l-kriżi ekonomika mifruxa u l-qgħad għoli f’xi Stati Membri għenu biex jiżdiedu aktar dawn iċ-ċifri u wasslu għal numru dejjem akbar ta’ nisa involuti f’attivitajiet fis-settur tas-sajd, partikolarment fil-ġbir tal-molluski tal-art, bħala mezz biex jikkomplimenta jew anke jiżgura d-dħul tal-familja tagħhom;
E. billi jirrikonoxxi l-kontribut tan-nisa fl-attivitajiet relatati mas-sajd u l-akkwakultura, u b’mod partikolari f’dawk relatati mal-preparazzjoni u t-tiswija tax-xbieki tas-sajd, dawk relatati mar-rimi u l-klassifikazzjoni tal-ħut, il-ġestjoni tal-provvista tal-prodotti għal kull bastiment, mal-ipproċessar, it-trasformazzjoni, l-ippakkjar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut, jew il-ġestjoni tal-intrapriżi tas-sajd;
F. billi fil-paragrafu 30 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd il-Parlament jistieden lill-Istati Membri jqisu l-importanza tar-rwoli ekonomiċi, soċjali u kulturali tan-nisa fl-industrija tas-sajd sabiex in-nisa jkun jista’ jkollhom aċċess għall-benefiċċji soċjali; jenfasizza li l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fl-attivitajiet relatati mas-sajd tikkontribwixxi, l-ewwel nett, għaż-żamma u s-sopravivenza tas-settur tas-sajd u t-tieni nett, dik tat-tradizzjonijiet, prattiki speċifiċi kif ukoll għas-salvagwardja tad-diversità kulturali tad-diversi reġjuni;
G. billi fil-pożizzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2012 il-Parlament jitlob li tittieħed azzjoni biex tiġi promossa l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-organizzazzjonijiet ta’ produtturi tas-settur tas-sajd u l-akkwakultura;
H. billi fil-paragrafu 31 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd il-Parlament jappella lill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) biex jipprovdi fondi ħalli jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur tas-sajd, appoġġ għall-assoċjazzjonijiet tan-nisa, taħriġ vokazzjonali għan-nisa, u tisħiħ tar-rwol tan-nisa fis-sajd billi jingħata appoġġ kemm għall-attivitajiet li jitwettqu fuq l-art kif ukoll dawk assoċjati mas-sajd, kemm fil-produzzjoni kif ukoll fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni;
I. billi fil-paragrafu 39 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw miżuri biex jiggarantixxu li n-nisa jkunu jistgħu jgawdu paga ugwali u drittijiet tax-xogħol, soċjali u ekonomiċi oħra, inkluża l-assigurazzjoni li tkopri r-riskji u miżuri għall-applikazzjoni tal-koeffiċjenti għall-irtirar bikri biex jingħata kumpens għad-diffikultà tax-xogħol (xogħol bil-lejl, periklu, ħinijiet skont ir-ritmu tal-produzzjoni jew possibbiltà ta’ sajd) li huma esposti għalihom minħabba li jaħdmu fis-settur tas-sajd, kif ukoll ir-rikonoxximent tal-patoloġiji speċifiċi tagħhom bħal mard okkupazzjonali;
J. billi d-data statistika dwar il-forza tax-xogħol, u b’mod partikolari, dik dwar it-tqassim skont il-ġeneru f’ċerti attivitajiet, kif ukoll dik dwar is-sajd artiġjanali jew fuq skala żgħira, l-akkwakultura estensiva u l-attivitajiet relatati, tingħata inqas prijorità minn dik dwar il-qbid, il-ħatt, it-tunnellaġġ, eċċ.;
K. billi d-data statistika għall-UE u l-Istati Membri dwar il-forza tax-xogħol fis-sajd, l-akkwakultura u setturi relatati mhijiex kompluta, armonizzata jew imqassma f'indikaturi biex ikun possibbli li jiġi stimat il-kontribut tan-nisa f'dawn is-setturi;
L. billi jirrikonoxxi li, minkejja x-xogħol imwettaq min-nisa fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura u l-kontribut ekonomiku importanti tagħhom, ma jgawdux protezzjoni soċjali u tax-xogħol adegwata u lanqas ma għandhom status professjonali u tax-xogħol xieraq;
M. billi jirrikonoxxi li n-nisa jbatu minn diskriminazzjoni ekonomika fis-settur tas-sajd, u jirċievu paga inqas mill-irġiel għat-twettiq tal-istess xogħol;
N. billi f’ħafna każijiet ix-xogħol imwettaq min-nisa fis-settur tas-sajd ma jkollu ebda rikonoxximent legali u ma jinvolvix aċċess għal protezzjoni soċjali proporzjonat mar-riskji u l-kundizzjonijiet speċifiċi tas-saħħa u l-karatteristiċi ta’ dawn l-attivitajiet;
O. billi fil-paragrafu 42 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar is-sajd kostali fuq skala żgħira, is-sajd artiġjanali u r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd il-Parlament jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri passi biex jippromwovu u jiksbu rikonoxximent akbar, kemm fuq livell legali kif ukoll soċjali, għax-xogħol tan-nisa fis-settur tas-sajd, u biex jiżguraw li n-nisa li jaħdmu full-time jew part-time għal impriżi tal-familja jew li jgħinu lill-konjuġi tagħhom u li jikkontribwixxu b’dal-mod għas-sostenibbiltà ekonomika tagħhom stess u tal-familja, jingħataw l-istess rikonoxximent legali jew benefiċċji soċjali li jgawdu minnhom persuni li jaħdmu għal rashom, b’mod partikolari billi tiġi applikata d-Direttiva 2010/41/UE, u biex jiġu żgurati d-drittijiet soċjali u ekonomiċi tagħhom, inkluża l-ugwaljanza fis-salarji, il-benefiċċji tal-qgħad fil-każ li jitilfu l-impjiegi tagħhom (b’mod temporanju jew definittiv), id-dritt għal pensjoni, il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u tal-familja, l-aċċess għal-liv tal-maternità, l-aċċess għas-sigurtà soċjali u għas-servizzi tas-saħħa mingħajr ħlas, u l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, u drittijiet soċjali u ekonomiċi oħra, inkluża assigurazzjoni li tkopri r-riskji fuq il-baħar;
P. billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2012 il-Parlament jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ rikonoxximent legali u soċjali akbar u kumpens ikbar għar-rwol tan-nisa fis-settur tas-sajd, u l-istess drittijiet bħall-irġiel, kif ukoll status legali u benefiċċji soċjali ekwivalenti għal dawk disponibbli għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom għall-konjuġi u l-koabitanti tas-sajjieda li jgħinu biex iżommu n-negozju tal-familja;
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi programm tal-istatistika speċifiku fuq ir-reġjuni li jiddependu mis-sajd, b’attenzjoni partikolari għas-sajd kostali artiġjanali, il-metodi tas-sajd tradizzjonali u l-kanali kummerċjali speċifiċi, u x-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol tan-nisa li jiġbru l-frott tal-baħar, in-nisa li jsewwu x-xbieki u n-nisa artiġjani li jaħdmu fis-sajd u attivitajiet relatati mas-sajd, sabiex jiġu evalwati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-attività tan-nisa u jiġi mtejjeb ir-rikonoxximent soċjali ta’ dawn il-professjonijiet li huma verament iebsin;
2. Iqis li huwa meħtieġ li jitjieb il-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni statistika rigward l-impjiegi fis-settur tas-sajd, imqassma skont il-ġeneru, it-tip ta’ attività u t-tip ta’ kuntratt (awtonomu, part-time, full-time, każwali), sabiex tkun tista' ssir stima tal-kontribut tan-nisa fis-sajd u l-akkwakultura;
3. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex il-ġbir tad-data mqassma skont il-ġeneri jiġi estiż għas-settur tal-qbid u biex jiġu introdotti indikaturi ġodda bħall-età, il-livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-attività tal-konjuġi jew l-imsieħeb;
4. Iqis li huwa neċessarju li jiġu stabbiliti definizzjonijiet ċari dwar l-indikaturi statistiċi użati għall-ġbir ta’ data dwar l-impjieg tal-forza tax-xogħol fis-sajd, l-akkwakultura u fis-setturi relatati; iqis ukoll li hu neċessarju li titħejja firxa armonizzata ta’ indikaturi statistiċi fil-livell tal-UE u jistieden lill-Istati Membri jipprovdu, fiż-żmien dovut, data kompluta b'konformità ma' dawk l-indikaturi;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrikonoxxu r-rwol tan-nisa legalment u soċjalment fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni li jiddependu mis-sajd, sabiex jiġu eliminati l-ostakli ekonomiċi, amministrattivi u soċjali kollha li jagħmlu l-parteċipazzjoni tagħhom aktar diffiċli f’kundizzjonijiet ugwali;
6. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iħeġġu lill-Istati Membri jirregolaw u jirrikonoxxu bħala mard okkupazzjonali l-korrimenti fil-ġogi jew fl-ispina jew il-mard rewmatiku kkawżati mill-kundizzjonijiet klimatiċi ħorox li jkollhom jaħdmu fihom in-nisa li jiġbru l-frott tal-baħar, in-nisa li jsewwu x-xbieki, in-“neskatillas”, in-nisa li jieħdu ħsieb l-ippakkjar, nisa tal-intrapriżi ta’ trasformazzjoni, il-proċessuri nisa, is-sajjieda nisa, in-negozjanti nisa kif ukoll dawk li jirriżultaw minn tqandil ta’ piżijiet eċċessivi;
7. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrikonoxxi li x-xogħol tan-nisa jikkontribwixxi biex itejjeb it-traċċabilità tal-prodotti tas-sajd, ħaġa li min-naħa tagħha tikkontribwixxi għall-għarfien tal-konsumatur u tiggarantixxi standards ogħla ta’ kwalità u sigurtà tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, u b’hekk iżżid l-opportunitajiet ekonomiċi, gastronomiċi u turistiċi taż-żoni tas-sajd;
8. Jitlob li jinħolqu (taħt il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u/jew strumenti oħra) mekkaniżmi speċifiċi ta’ appoġġ li jistgħu jkunu attivati f’emerġenzi (diżastri naturali) kif ukoll mekkaniżmi ta’ kumpens finanzjarju biex jassistu lis-sajjieda irġiel u nisa u lill-familji tagħhom matul il-projbizzjoni temporanja tas-sajd, speċjalment f’żoni fejn is-sajd huwa l-uniku sors ta’ qliegħ;
9. Iqis li huwa meħtieġ li tiġi promossa u appoġġata finanzjarjament il-kooperazzjoni bejn in-nisa permezz ta’ netwerks nazzjonali u Ewropej tan-nisa, bil-għan li tiżdied il-viżibilità tan-nisa fis-settur tas-sajd, li tinħoloq kuxjenza soċjali dwar il-kontribut tan-nisa fl-attività tas-sajd, li jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-esperjenzi kif ukoll biex il-bżonnijiet u t-talbiet tan-nisa jiġu kkomunikati mill-gvernijiet lokali lill-korpi Ewropej;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għall-organizzazzjonijiet tan-nisa fis-setturi tas-sajd, l-akkwakultura u f'setturi relatati, ħaġa li tagħmilha possibbli li dawn jimplimentaw l-inizjattivi tagħhom, jikkonsolidaw l-organizzazzjonijiet tagħhom u jikkuntattjaw organizzazzjonijiet oħra tan-nisa għal skambji tal-esperjenzi u l-prattiki tajbin;
11. Iqis li huwa meħtieġ li tiġi promossa u msaħħa l-parteċipazzjoni effettiva tan-nisa fil-korpi konsultattivi, fil-kunsilli konsultattivi u fil-korpi deċiżjonali, rappreżentattivi, reġjonali u professjonali, filwaqt li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tagħhom fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u privat bl-istess kundizzjonijiet bħall-irġiel;
Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) 2013–2020
12. Jinnota li Stat Membru wieħed biss uża l-opportunitajiet offruti mill-Assi 4 tal-Fond Ewropew għas-Sajd biex jiffinanzja proġetti li għandhom lin-nisa bħala benefiċjarji, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jaħtfu l-opportunitajiet offruti mill-FEMS biex:
—
japplikaw il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs, kemm fil-manifattura kif ukoll fl-iżvilupp jew fl-implimentazzjoni tal-programmi operattivi;
—
jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur tas-sajd billi jfasslu s-settur mill-ġdid u joffru faċilitajiet adegwati (bħal kmamar biex ibiddlu fuq il-bastimenti u fil-portijiet);
—
jappoġġaw l-assoċjazzjonijiet tan-nisa u l-organizzazzjoni tagħhom f’netwerks (eż. dawk li jagħmlu x-xbieki, in-nisa li jaħdmu fil-port u dawk li jieħdu ħsieb l-ippakkjar);
—
jappoġġaw proġetti li jtaffu l-problemi li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nisa li jiġbru l-frott tal-baħar, inkluż il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik tal-familja;
—
jappoġġaw proġetti għall-promozzjoni, id-diversifikazzjoni u ż-żieda fil-profil tar-rwol tan-nisa fis-sajd u l-akkwakultura;
—
joffru aċċess lin-nisa u t-tfajliet għat-taħriġ permezz tal-iffinanzjar ta’ taħriġ speċifiku, edukazzjoni professjonali u rikonoxximent professjonali tal-attività tagħhom; għal dan il-għan l-Istati Membri għandhom ivaraw proċessi għall-kisba ta’ ċertifikati ta’ ħiliet b’rikonoxximent uffiċjali u jistabbilixxu ċentri ta’ taħriġ għal dawn l-attivitajiet professjonali li jagħmlu n-nisa fid-diversi komunitajiet;
—
joffru lit-tfajliet opportunitajiet imtejba ta’ impjieg u jappoġġaw il-kontinwità bejn il-ġenerazzjonijiet, b’mod partikolari fl-iżvilupp ta’ attivitajiet tan-negozju sostenibbli tal-ambjent marittimu;
—
jippromwovu t-taħriġ vokazzjonali, b’mod partikolari għal nisa li jaħdmu fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, biex iżidu l-possibilitajiet tagħhom għal aċċess għal pożizzjonijiet maniġerjali u pożizzjonijiet tekniċi kwalifikati u ta’ ġestjoni relatati mas-sajd f’kundizzjonijiet ta’ paga ugwali;
—
itejbu r-rwol tan-nisa fis-sajd, b’mod partikolari jappoġġaw l-attivitajiet li jsiru fuq l-art, u għal attivitajiet relatati mas-sajd, kemm fil-produzzjoni kif ukoll fl-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ;
—
jippromwovu l-inizjattivi intraprenditorjali varati min-nisa, inkluż, meta applikabbli, id-diversifikazzjoni ekonomika ta’ ċerti attivitajiet relatati mas-settur tas-sajd, fost l-oħrajn attivitajiet bħall-istudju tal-mużewijiet, it-tradizzjonijiet kulturali, is-snajja’, il-gastronomija u l-industrija tar-ristoranti;
—
jippromowvu l-inizjattivi intraprenditorjali f’attivitajiet mhux relatati mal-attività tas-sajd f’dawk iż-żoni kostali li batew telf ta’ impjiegi bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tar-riforma tas-sajd
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu mezzi ta’ self b’imgħax favorevoli li jippermettu li jingħelbu d-diffikultajiet speċifiċi li jiffaċċaw in-nisa biex jiffinanzjaw proġetti suxxettibbli li jiddaħħlu fil-programmi nazzjonali skont il-FEMS;
14. Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw inizjattivi kummerċjali tan-nisa billi jiffaċilitaw sistema iktar favorevoli ta’ mikrokreditu u jipprovdu informazzjoni xierqa dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżviluppaw u jimmordernizzaw l-infrastruttura lokali, jiddiversifikaw l-attivitajiet ekonomiċi u jtejbu l-kwalità tal-ħajja fiż-żoni tas-sajd, partikolarment fiż-żoni li jiddependu totalment mis-sajd, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tagħhom, filwaqt li jiġġieldu l-faqar b’mod ġenerali, u partikolarment fejn dan jaffettwa n-nisa u t-tfal, u jfittxu li jevitaw il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika;
16. Itenni l-pożizzjonijiet adottati fil-qafas tal-proċedura relatata mal-Orizzont 2020, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014–2020), rigward l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riċerka, il-proġetti u d-dixxiplini xjentifiċi kollha, u, b’mod partikolari, ta’ dawk li jiddedikaw l-attività professjonali tagħhom għall-għarfien tal-ambjent marittimu;
17. Jistieden lill-Istati Membri biex:
—
jirrikonoxxu legalment il-ħidma tan-nisa li jikkontribwixxu finanzjarjament għall-unità tal-familja u dawk li jagħmlu dan permezz tax-xogħol tagħhom, anke jekk mhux imħallas;
—
jiżguraw sostenn għan-nisa, billi jagħtuhom il-benefiċċji tal-qgħad f’każ li jiġu sfurzati jieqfu jaħdmu (b’mod temporanju jew definittiv), id-dritt għal pensjoni, il-bilanċ bejn il-ħajja professjonali u tal-familja, l-aċċess għal-liv tal-maternità (ikun xi jkun l-istat maritali jew ta’ unjoni ċivili fil-koppja), l-aċċess għas-sigurtà soċjali u s-servizzi tas-saħħa mingħajr ħlas u l-ħarsien kontra r-riskji li huma esposti għalihom fix-xogħol fis-settur marittimu u tas-sajd;
18. Jinnota li fil-paragrafu 28 tar-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd il-Parlament jistieden lill-UE biex, permezz tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, taħdem favur il-penalizzazzjoni tal-pajjiżi li jwettqu azzjonijiet ta’ diskriminazzjoni kontra n-nisa, u li fil-paragrafu 45 tal-istess riżoluzzjoni hu jitlob lill-Kummissjoni biex, meta tinnegozja ftehimiet dwar is-sajd, tiżgura li l-istat kostali jiddedika parti sostanzjali tal-għajnuniet settorjali għall-iżvilupp tar-rikonoxximent, il-promozzjoni u d-diversifikazzjoni tar-rwol tan-nisa fis-settur tas-sajd u biex tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament u l-opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-taħriġ u l-aċċess għall-finanzjament u l-kreditu;
19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li d-dimensjoni Ewropea tal-ġeneru tiġi inkorporata u garantita fil-ftehimiet ta’ sħubija ekonomika li jinvolvu s-settur tas-sajd;
Regolament bażiku dwar il-Politika Komuni tas-Sajd
20. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw konformità mal-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd il-ġdida dwar l-aċċess għal riżorsi tas-sajd ibbażati fuq kriterji trasparenti ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika, billi jiġu inkorporati prinċipji ta’ trattament u opportunitajiet ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;
21. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-istatus tax-xogħol tan-nisa f’każijiet ta’ waqfien temporanju tal-attività, inklużi l-perjodi ta’ mistrieħ bijoloġiku;
22. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw konformità mad-Direttiva 2010/41/UE sabiex in-nisa fis-settur tas-sajd li jaħdmu full-time jew part-time fin-negozji tal-familja jew jappoġġjaw lill-konjuġi jew l-imsieħba tagħhom, billi jikkontribwixxu b’dan il-mod għas-sostenibbiltà ekonomika tagħhom u tal-familja, kif ukoll dawk li jwettqu tali attività bħala għajxien u ma jappartjenu għal ebda unità tal-familja, jirċievu r-rikonoxximent legali u l-benefiċċji soċjali ekwivalenti bħal dawk ta’ persuni awtonomi;
o o o
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni(1),
– wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użu online fis-suq intern (COM(2012)0372) u l-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanjah,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 6, 114 u 118 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fil-kawża C-467/08, Padawan vs SGAE [2010] Ġabra I-10055 tal-21 ta’ Ottubru 2010, fil-kawża C462/09 Stichting de Thuiskopie vs Opus Supplies Deutschland GmbH u oħrajn [2011] Ġabra I-05331 tas-16 ta' Ġunju 2011, fil-kawża C-277/10, Martin Luksan vs Petrus van der Let (għadha ma ġietx irrappurtata) tad-9 ta’ Frar 2010, fil-Kawżi Magħquda C-457/11 sa C‑460/11, VG Wort vs Kyocera Mita u oħrajn (għadha ma ġietx irrappurtata) tas-27 ta’ Ġunju 2013, u fil-kawża C-521/11, Austro Mechana vs Amazon (għadha ma ġietx irrappurtata) tal-11 ta’ Lulju 2013,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Suq Uniku għad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwalili jagħti spinta lill-kreattività u l-innovazzjoni sabiex jipprovdi tkabbir ekonomiku, impjiegi ta’ kwalità għolja u prodotti u servizzi tal-ogħla livell fl-Ewropa” tal-24 ta’ Mejju 2011 (COM(2011)0287),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet ta’ António Vitorino li jirriżultaw mill-proċess ta’ medjazzjoni dwar l-imposti fuq l-ikkupjar privat u r-reprografija tal-31 ta’ Jannar 2013,
– wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali bit-titolu “Id-drittijiet tal-awtur fis-setturi tal-mużika u awdjoviżivi”, approvat fid-29 ta’ Ġunju 2011,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0114/2014),
A. billi l-kultura u l-kreattività huma l-bażi tal-identità Ewropea passata u preżenti u se jkollhom ir-rwol essenzjali fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Unjoni Ewropea fil-futur;
B. billi l-ħolqien kulturali u artistiku huwa integrali għall-ekonomija diġitali; billi l-espressjoni ta’ kontenut kulturali kemm ta’ kwalità għolja kif ukoll ordinarju jiddependi minn aċċess ugwali għat-tkabbir diġitali tal-Ewropa, u billi mill-konsultazzjonijiet jidher li s-suq diġitali Ewropew għadu ma wettaqx il-wegħdiet ta’ distribuzzjoni effettiva, kumpens ġust għall-kreaturi u distribuzzjoni ġusta u effettiva tad-dħul fis-settur kulturali b’mod ġenerali u biex jinstabu s-soluzzjonijiet għal dawn il-problemi, hemm bżonn ta’ azzjoni fil-livell tal-UE;
C. billi t-tranżizzjoni diġitali għandha impatt enormi fuq il-mod kif l-identitajiet kulturali huma espressi, distribwiti u żviluppati, u billi l-barrieri għall-parteċipazzjoni l-iktar baxxi u l-ħolqien ta’ kanali ta’ distribuzzjoni ġodda qed jiffaċilitaw l-aċċess għax-xogħlijiet u għall-kultura, itejbu ċ-ċirkolazzjoni, l-iskoperta u l-iskoperta mill-ġdid ta’ ħolqien kulturali u artistiku fid-dinja kollha u jipprovdu opportunitajiet għall-kreaturi u l-artisti; billi l-opportunitajiet tas-suq għal servizzi u negozji ġodda żdiedu ħafna bħala riżultat;
D. billi l-pretensjoni tal-awturi għall-protezzjoni tax-xogħol kreattiv tagħhom u d-dritt għal remunerazzjoni ekwa għal dak ix-xogħol jeħtieġ li jeżistu wkoll fl-era diġitali;
E. billi l-ikkupjar privat diġitali ħadu importanza ekonomika ewlenija b’riżultat tal-progress teknoloġiku u l-bidla lejn l-internet u l-cloud computing u billi s-sistema eżistenti tal-imposti fuq l-ikkupjar privat ma tqisx biżżejjed l-iżviluppi fl-era diġitali; billi attwalment m’hemmx approċċ alternattiv f’dan il-qasam li jiżgura remunerazzjoni xierqa għad-detentur tad-dritt u fl-istess ħin jagħmel l-ikkupjar privat possibbli; billi madanakollu għandha ssir diskussjoni bil-għan li taġġorna l-mekkaniżmu tal-ikkupjar privat, tagħmlu aktar effiċjenti u jqis aktar il-progress teknoloġiku;
F. billi d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għal użi online fis-suq intern, li ġiet adottata mill-Parlament u mill-Kunsill fl-4 ta’ Frar 2014, issaħħaħ il-fatt li l-immaniġġjar tad-drittijiet tal-awtur jeħtieġ enfasi partikolari fuq it-trasparenza tal-flussi tar-remunerazzjoni rċevuta, imqassma u mħallsa lid-detenturi tad-drittijiet mis-soċjetajiet kollettriċi, inkluż għall-ikkupjar privat;
G. billi fl-ambitu tad-Direttiva 2001/29/KE l-Istati Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjoni jew limitazzjoni fuq id-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċertu tipi ta’ riproduzzjoni ta’ prodotti awdjo, viżivi u awdjoviżivi għall-użu privat, flimkien ma’ remunerazzjoni ġusta, u tippermetti lill-konsumaturi fil-pajjiżi li implimentaw limitazzjoni bħal din li jikkupjaw ir-repertorju mużikali u awdjoviżiv minn mezz wieħed jew tip ta’ materjal multimedjali għal ieħor b’mod liberu u b’mod frekwenti daqskemm jixtiequ, mingħajr ma jitolbu l-awtorizzazzjoni tal-awtur, sakemm ikun użat għall-użu privat; billi l-imposti għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ ħsara potenzjali li jsofru d-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-ikkupjar privat ikkonċernat;
H. billi l-ammont totali tal-imposti fuq l-ikkupjar privat miġbura minn 23 mit-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea żdied iktar mit-tripplu mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/29/KE u llum jirrappreżenta iktar minn EUR 600 miljun, skont l-estimi tal-Kummissjoni Ewropea u billi dan jirrappreżenta ammont konsiderevoli għall-artisti;
I. billi dawn l-imposti jirrappreżentaw biss parti żgħira ħafna tal-fatturat – huwa stmat li dan jaqbeż il-EUR 1 000 biljun – tal-manifatturi u l-importaturi tal-mezzi u tal-materjal ta’ reġistrazzjoni tradizzjonali u diġitali;
J. billi ħafna terminals mobbli jippermettu l-ikkupjar għal finijiet privati fit-teorija imma fil-fatt ma jintużawx għal dan l-għan; jistieden, konsegwentement, li jsiru diskussjonijiet fit-tul bil-ħsieb li jiġi żviluppat approċċ iżjed effiċjenti u aġġornat li mhux bilfors ikun ibbażat fuq imposti b’rata fissa fuq it-tagħmir;
K. billi meta l-prezzijiet tal-materjali mibjugħa f’pajjiż li japplika l-imposti jitqabbel ma’ pajjiż li ma japplikahomx, huwa evidenti li l-imposti fuq l-ikkupjar privat m’għandhomx impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-prodott;
L. billi n-numru ta’ azzjonijiet legali mmexxija mill-manifatturi u l-importaturi tal-mezzi u tal-materjal ta’ reġistrazzjoni tradizzjonali u diġitali mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2001/29/KE, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew;
M. billi d-Direttiva 2001/29/KE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma jobbligawx lill-Istati Membri jiżguraw li d-detentur tad-drittijiet jirċievi ħlas dirett tal-imposti kollha tal-ikkupjar privat u billi l-Istati Membri għandhom saħħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa biex jistabbilixxu li parti minn din ir-remunerazzjoni għandha titħallas b’mod indirett;
N. billi l-imposti fuq l-ikkupjar privat jitħallsu mill-konsumaturi meta jixtru mezzi jew servizz ta’ reġistrazzjoni u ta’ ħażna u billi għalhekk għandhom id-dritt li jkunu jafu bl-eżistenza u l-ammont tagħhom; billi l-ammont tal-imposti fuq l-ikkupjar privat għandu jirrifletti l-użu attwali ta’ dan it-tagħmir u ta’ dawn is-servizzi għall-iskop ta’ kkupjar privat ta’ materjal awdjo, viżiv u awdjoviżiv;
O. billi l-prezzijiet tal-mezzi u tal-materjal ma jvarjawx skont ir-rati differenti tal-imposti fuq l-ikkupjar privat implimentati fl-Unjoni kollha u billi l-abolizzjoni tal-imposti fuq l-ikkupjar privat fi Spanja fl-2012 ma kellha l-ebda impatt fuq il-prezzijiet tal-mezzi u tal-materjal;
P. billi jeżistu diverġenzi bejn il-mudelli differenti u r-rati ta’ ġbir għall-imposti fuq l-ikkupjar privat, inkluż fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-konsumaturi u s-suq uniku; billi jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas Ewropew li jiggarantixxi livell għoli ta’ trasparenza għad-detenturi tad-drittijiet, għall-manifatturi u l-importaturi tat-tagħmir, għall-konsumaturi u għall-fornituri ta’ servizzi fl-Unjoni kollha, u billi, sabiex il-bilanċ fil-bażi tas-sistema jkompli fl-era diġitali u fis-suq intern f’dawn iż-żminijiet tas-suq uniku, jeħtieġ li jiġu mmodernizzati l-mekkaniżmi tal-imposti f’ħafna Stati Membri u jeħtieġ li jinħoloq qafas Ewropew sabiex jiggarantixxi l-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwi għad-detenturi tad-drittijiet, għall-konsumaturi, għall-manifatturi u għall-importaturi ta’ tagħmir kif ukoll għall-fornituri ta’ servizzi fl-Unjoni kollha;
Q. billi l-mekkaniżmi ta’ eżenzjoni u ta’ rimborż għall-użu professjonali, implimentati mill-Istati Membri għandhom ikunu effikaċi; billi f’xi Stati Membri dawn il-mekkaniżmi huma meħtieġa, u billi d-deċiżjonijiet ġudizzjarji adottati f’xi Stati Membri mhux dejjem ġew implimentati;
R. billi fil-każ ta’ bejgħ ta’ xogħlijiet online, kemm f’termini ta’ aċċess kif ukoll ta’ bejgħ, il-prassi ta’ għoti ta’ liċenzji jikkumplimentaw is-sistema ta’ imposti fuq l-ikkupjar privat;
S. billi fil-qasam diġitali b’mod partikolari l-proċess klassiku tal-ikkupjar qed jiġi sostitwit b’sistemi ta’ streaming fejn l-ebda kopja tax-xogħlijiet bid-drittijiet tal-awtur ma titqiegħed fuq it-terminal tal-utent, u billi għalhekk f’dawn il-każijiet għandha tingħata preferenza lill-mudelli ta’ liċenzja;
Sistema sensibbli biex timmodernizza u tarmonizza
1. Jirrimarka li s-settur kulturali jirrappreżenta 5 miljun impjegat fl-UE u 2,6 % tal-PDG tagħha, li huwa wieħed mill-muturi prinċipali tat-tkabbir fl-Ewropa u s-sors ta’ impjiegi ġodda u li ma jistgħux jiġu rilokati, li jistimula l-innovazzjoni u li joffri mezzi effikaċi għall-ġlieda kontra r-riċessjoni attwali;
2. Ifakkar li l-liġi tad-drittijiet tal-awtur għandha tibbilanċja l-interessi, inter alia, tal-kreaturi u l-konsumaturi; f’dan il-kuntest iqis li l-konsumaturi Ewropej kollha għandu jkollhom id-dritt li jagħmlu l-ikkupjar privat ta’ kontenut miksub legalment;
3. Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni inkluża dispożizzjoni li tarmonizza bis-sħiħ eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet rigward, inter alia, l-ikkupjar privat;
4. Jenfasizza li r-reġim frammentat attwali għad-drittijiet tal-awtur jeħtieġ riforma sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal, u tiżdied iċ-ċirkolazzjoni (globali) tal-kontenut kulturali u kreattiv, b’tali mod li tippermetti lill-artisti, il-kreaturi, il-konsumaturi, in-negozji u l-udjenzi jibbenefikaw minn żviluppi diġitali, kanali ta’ distribuzzjoni ġodda, mudelli ta’ negozji ġodda u opportunitajiet oħra, speċjalment fi żminijiet ta’ awsterità fiskali;
5. Jinnota li l-imposti fuq l-ikkupjar privat attwalment huma sors ta’ dħul li huwa ta’ importanza differenti skont il-kategorija differenti ta’ detenturi tad-drittijiet u li l-importanza tagħhom tvajra b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri;
6. Jemmen li s-sistema tal-ikkupjar privat tirrappreżenta sistema sensibbli u bbilanċjata bejn l-eċċezzjoni għall-ikkupjar għall-użu privat u d-dritt għal remunerazzjoni ġusta tad-detenturi tad-drittijiet, li jagħmel sens li jkun ippreżervat, speċjalment f’każijiet fejn id-detenturi tad-drittijiet mhumiex f’pożizzjoni li jagħtu liċenzja direttament għad-dritt ta’ riproduzzjoni fuq tagħmir multiplu; jikkunsidra li m’hemmx alternattiva għal din is-sistema bilanċjata fuq perjodu ta’ żmien qasir; jenfasizza, madankollu, li jeħtieġ li jsiru diskussjonijiet fuq perjodu ta’ żmien twil bil-għan li s-sistema ta’ kkupjar privat tkun eżminata b’mod kontinwu fid-dawl tal-iżviluppi diġitali u tas-suq u tal-imġiba tal-konsumatur u, jekk possibbli, jiġu esplorati alternattivi potenzjali li jilħqu l-objettiv ta’ bilanċ bejn l-eċċezzjoni għall-ikkupjar mill-konsumaturi u l-kumpens tal-kreaturi;
7. Jenfasizza li d-differenzi kbar bejn is-sistemi nazzjonali tal-ġbir tal-imposti, speċjalment fir-rigward tat-tipi ta’ prodotti soġġetti għal imposti u l-livell ta’ dawn l-imposti, jistgħu jirriżultaw f’distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-possibilità ta’ ‘forum shopping’ fis-suq intern;
8. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jwettqu studju dwar l-elementi essenzjali tal-ikkupjar privat u b’mod partikolari dwar definizzjoni komuni tal-kunċett ta’ ‘rimborż ġust’, li bħalissa mhuwiex espliċitament irregolat mid-Direttiva 2001/29/KE dwar il-‘ħsara’ li jsofri l-awtur minħabba l-produzzjoni mill-ġdid tax-xogħol tiegħu mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-dritt għal użu privat; jistieden lill-Kummissjoni ssib bażi komuni fir-rigward ta’ liema prodotti għandhom ikunu suġġetti għall-imposti u tistabbilixxi kriterji komuni għall-modalitajiet ta' negozjati tar-rati applikabbli għall-ikkupjar privat, bil-għan li timplimenta sistema li hija trasparenti, ekwa u uniformi għall-konsumaturi u l-kreaturi;
Proċedura ta' ġbir unika, viżibiltà aħjar fost il-konsumaturi u proċeduri ta' rimborż aktar effiċjenti
9. Jikkunsidra li l-imposti fuq l-ikkupjar privat għandhom japplikaw għall-materjal u l-midja kollha użati għar-reġistrazzjoni u għall-kapaċità ta' ħżin privat fejn l-azzjoni ta' kkupjar privat tikkawża ħsara għall-kreaturi;
10. Jenfasizza li l-kunċett tal-ikkupjar privat għandu jkun definit b’mod ċar għall-materjali kollha, u li l-utent għandu jkun jista’ jkollu aċċess għall-kontenut bid-drittijiet tal-awtur fil-midja kollha fuq il-bażi ta’ pagament uniku; jappella għall-mekkaniżmi li diġà qegħdin fis-seħħ fl-Istati Membri, bħall-eċċezzjonijiet u l-eżenzjonijiet tal-imposti, sabiex jiġu rispettati u sabiex ikun possibbli li huma japplikawhom b’mod parallel fis-suq;
11. Jikkunsidra li l-imposti fuq l-ikkupjar privat għandhom jinġabru mill-manifatturi jew mill-importaturi; jinnota li jekk l-imposti jiġu trasferiti fuq il-bejjiegħa bl-imnut dan jirriżulta f'piż amministrattiv eċċessiv ħafna għall-kumpaniji ta’distribuzzjoni żgħar u medji u l-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar tad-drittijiet kollettivi;
12. Jissuġġerixxi, fil-każ ta' tranżazzjonijiet transkonfinali, li l-imposti fuq l-ikkupjar privat jinġabru mill-Istat Membru fejn l-utent finali li xtara l-prodott ikun residenti, skont is-sentenza tal-Kawża C-462/09 (Opus), iċċitata hawn fuq;
13. Huwa tal-fehma, għalhekk, li sabiex jipprekludi kwalunkwe ħlas doppju fil-każ ta' tranżazzjonijiet transkonfinali, l-imposti fuq l-ikkupjar privat għall-istess prodott għandhom ikunu jistgħu jinġabru darba biss minn organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv ta' Stat Membru u l-imposti żejda li tħallsu fi Stat Membru ieħor għajr dak tal-utent finali għandhom jitħallsu lura;
14. Huwa tal-fehma li l-Istati Membri fejn bħalissa jitħallsu jew jinġabru imposti għandhom jissimplifikaw u jarmonizzaw ir-rati tal-imposti tagħhom;
15. Jistieden lill-Istati Membri, f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, jissimplifikaw il-proċeduri biex ikunu stabbiliti l-imposti b’mod ġust u li jiżgura l-objettivi tagħhom;
16. Jenfasizza l-ħtieġa li r-rwol tas-sistema tal-ikkupjar privat għall-ħlasijiet ta’ artisti u t-tixrid kulturali, ikun iktar ċar għall-konsumaturi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lid-detenturi tad-drittijiet jimplimentaw kampanji ‘pożittivi’ dwar il-virtujiet tal-imposti fuq l-ikkupjar privat;
17. Huwa tal-fehma li l-konsumaturi għandhom ikunu infurmati bl-ammont, l-iskop u l-użu tal-imposti li jħallsu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, f'konsultazzjoni mal-manifatturi, l-importaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, biex jiżguraw li din l-informazzjoni tkun disponibbli b'mod ċar għall-konsumaturi;
18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw regoli trasparenti ta’ eżenzjoni għall-użu professjonali sabiex jiżguraw li jkunu eżentati, anke fil-prattika, minn imposti fuq l-ikkupjar privat f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;
19. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-imposti fuq l-ikkupjar privat qatt ma jkun meħtieġ li jitħallsu meta l-midja ikkonċernata tkun qed tintuża għal użu professjonali u li diversi mekkaniżmi għar-rimborż tal-imposti mħallsa għal utenti professjonali jiġu sostitwiti b’sistemi li jiggarantixxu li dawn l-utenti ma jkunux obbligati jħallsu t-tariffa;
Trasparenza fir-rigward tal-allokazzjoni tad-dħul
20. Jilqa’ l-proposta tad-direttiva dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati adottata reċentement mill-Parlament u mill-Kunsill li hija favur aktar trasparenza fir-rigward tal-fluss tal-ħlasijiet riċevuti, imqassma u mħallsa lid-detenturi tad-drittijiet fl-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv, pereżempju permezz tal-pubblikazzjoni annwali ta’ rapport ta’ trasparenza li jinkludi sezzjoni speċjali dwar l-użu ta’ ammonti mnaqqsa għal għan soċjali u kulturali;
21. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jassiguraw aktar trasparenza meta jallokaw id-dħul mill-imposti fuq l-ikkupjar privat;
22. Jistieden lill-Istati Membri jaraw li minimu ta’ 25 % tad-dħul mill-imposti fuq l-ikkupjar privat jintużaw biex jippromwovu l-kreattività u l-arti tal-ispettaklu u l-produzzjoni tagħhom;
23. Jistieden lill-Istati Membri jippubblikaw rapporti dwar dawn l-allokazzjonijiet b’mod miftuħ u b'data interpretabbli;
24. Iħeġġeġ lill-organizzaturi ta’ attivitajiet kulturali u tal-arti tal-ispettaklu, li jibbenifikaw mill-imposti fuq l-ikkupjar privat, iġibu lill-udjenza fil-mira tagħhom aktar konxja minn dawn is-sussidji permezz ta' aktar pubbliċità;
Miżuri tekniċi ta’ protezzjoni
25. Jirrimarka li l-eżenzjoni tal-ikkupjar privat tagħti liċ-ċittadini d-dritt li jikkupjaw liberament il-materjal mużikali u awdjoviżiv tagħhom minn mezz wieħed jew tip ta' materjal multimedjali għal ieħor mingħajr ma jitolbu l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, sakemm huma għall-użu privat;
26. Jenfasizza li, b’mod partikolari fl-era diġitali, huwa meħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni sabiex jerġa’ jinkiseb il-bilanċ bejn il-libertà tal-ikkupjar għall-użu privat u d-drittijiet esklussivi tal-ikkupjar;
27. Jenfasizza li l-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni m’għandhomx jostakolaw li jsiru kopji mill-konsumaturi jew li d-detenturi tad-drittijiet ma jkunux imħallsa b'mod ġust għall-ikkupjar privat;
Liċenzji
28. Josserva li, minkejja xi flussi ta' aċċess għal xogħlijiet, it-tniżżil, il-ħżin u l-ikkupjar privat jippersistu; huwa tal-fehma li sistema ta' imposti fuq l-ikkupjar privat għalhekk hija relevanti fl-ambjent online; jenfasizza, madankollu, li l-preferenza għandha tingħata dejjem lil mudelli ta' liċenzjar li minnhom igawdu d-detenturi tad-drittijiet kollha jekk l-ebda kopja ta' xogħol bid-dritt tal-awtur ma hija possibbli fuq il-mezzi jew fuq it-tagħmir;
29. Jenfasizza li mekkaniżmi tal-eċċezzjoni għall-ikkupjar privat għandhom japplikaw għal ċerti servizzi online, inklużi ċerti servizzi tal-cloud computing;
Mudelli ta’ negozji ġodda fl-ambjent diġitali
30. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt fuq is-sistema tal-ikkupjar privat tas-servizzi tat-teknoloġija tal-cloud computing għar-reġistrazzjoni u l-ħażna privata ta' xogħol protett, sabiex jiddeterminaw jekk dan l-ikkupjar privat ta’ xogħol protett għandux jiġu kkunsidrat fil-mekkaniżmu ta' kumpens għall-ikkupjar privat u, jekk inhu hekk, kif dan għandu jsir;
o o o
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.