Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2131(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0137/2014

Testi mressqa :

A7-0137/2014

Dibattiti :

PV 10/03/2014 - 11
CRE 10/03/2014 - 11

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2014 - 9.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0201

Testi adottati
PDF 526kWORD 135k
It-Tlieta, 11 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) - Rapport Annwali 2012
P7_TA(2014)0201A7-0137/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) – Rapport Annwali 2012 (2013/2131(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2012 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 tiegħu dwar l-Istatut tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Ottubru 2012 dwar strumenti finanzjarji innovattivi fil-kuntest tal-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tiegħu dwar il-kondiviżjoni tar-riskju għal ċerti Stati Membri li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b'diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabilità finanzjarja tagħhom, il-pożizzjoni tiegħu dwar dan tad-19 ta' April 2012(2) u b'mod partikolari l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 dwar ir-Rapport Annwali 2011 tal-Bank Ewropew tal-Investiment(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport mill-President tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta’ Ġunju 2012, intitolat “Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina”,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012, li b’mod partikolari, jipprevedu żieda fil-kapital tal-BEI ta’ EUR 10 biljun,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta’ Ġunju 2013, li jsejħu għall-ħolqien ta’ pjan ġdid ta’ investiment li jappoġġja l-SMEs u jagħti spinta lill-finanzjament tal-ekonomija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Mejju 2013, li jistabbilixxu l-objettiv li jiġu mobilizzati l-politiki kollha tal-UE b’appoġġ għall-kompetittività, l-impjiegi u t-tkabbir,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar l-istrumenti finanzjarji innovattivi: ‘Qafas għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ strumenti finanzjarji innovattivi’ (COM(2011)0662) u ‘Pilota għall-Inizjattiva bonds Ewropa 2020 għall-proġetti’ (COM(2011)0660),

–  wara li kkunsidra ż-żieda fil-kapital tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni tar-relazzjonijiet bejn il-BEI u l-BERŻ,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-BERŻ għaż-żona tal-Mediterran,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta’ Qbil il-ġdid bejn il-BEI u l-BERŻ iffirmat fid-29 ta’ Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1080/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Mandat Estern tal-BEI 2007-2013(4),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 119(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0137/2014),

A.  billi l-BEI ġie stabbilit bit-Trattat ta’ Ruma u, skont l-Artikolu 309 TFUE, il-kompitu tiegħu hu li jikkontribwixxi, billi jirrikorri għas-swieq kapitali u juża r-riżorsi proprji tiegħu, għall-iżvilupp bilanċjat u regolari tas-suq intern bil-għan li jgħin iwettaq il-prijoritajiet tal-Unjoni billi jagħżel proġetti ekonomikament vijabbli għall-investiment mill-UE;

B.  billi f’dawn iċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi partikolarment diffiċli, ikkaratterizzati b’restrizzjonijiet baġitarji pubbliċi, ir-riżorsi u l-politiki kollha tal-UE, inklużi dawk tal-BEI, jeħtieġ li jiġu mobilizzati fi sforz biex jiġi sostnut l-irkupru ekonomiku u jiġu identifikati sorsi ġodda ta’ tkabbir;

C.  billi l-BEI jaġixxi wkoll bħala l-fergħa għall-finanzjament ta’, u jikkomplementa sorsi oħra ta’ investiment billi jissostitwixxi jew jikkoreġi l-lakuni fis-suq;

D.  billi l-BEI qed jgħin lill-UE biex iżżomm u tirrinforza l-vantaġġ kompetittiv tagħha fuq skala globali;

E.  billi l-BEI se jkompli jkun il-pedament u l-katalist għall-iżvilupp tal-politiki tal-UE, billi jipprovdi għall-preżenza kontinwa tas-settur pubbliku, u joffri kapaċitajiet ta’ investiment, filwaqt li jiżgura l-aħjar integrazzjoni u implimentazzjoni possibbli tal-inizjattivi emblematiċi tal-Istrateġija UE 2020;

F.  billi l-BEI, bħala strument ewlieni ta’ stabbiltà, se jiffoka fuq ir-rwol kontroċikliku tiegħu, billi jaġixxi bħala sieħeb affidabbli għal proġetti sodi fl-UE u lil hinn minnha;

G.  billi l-BEI qed jappoġġja l-muturi ewlenin wara l-objettivi tat-tkabbir u l-impjiegi tal-istrateġija Ewropa 2020, bħal infrastruttura li tixpruna t-tkabbir, l-aktar innovazzjonijiet moderni u l-kompetittività;

H.  billi hemm ħtieġa kruċjali li jiġi żgurat li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu tiegħu ta' AAA, sabiex jippreżerva l-aċċess tiegħu għas-swieq kapitali internazzjonali taħt l-aħjar kundizzjonijiet ta’ finanzjament, b’impatti pożittivi sussegwenti fuq il-ħajja tal-proġett u għall-partijiet interessati;

I.  billi f’Ġunju 2012 il-Kunsill Ewropew nieda Patt għal Tkabbir u Impjiegi li fih firxa ta’ politiki mmirati biex jistimulaw it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli, inklużiv, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u li joħloq l-impjiegi;

J.  billi l-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi hu meqjus bħala mod wieħed ta' kif jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-għodod eżistenti, bħall-għotjiet, u kif titjieb l-effettività ġenerali tal-baġit tal-UE;

K.  billi huwa kruċjali li jiġi restawrat is-self normali lill-ekonomija u jiġi ffaċilitat il-finanzjament tal-investiment;

L.  billi l-istrumenti finanzjarji internazzjonali jipprovdu spazju ġdid għal opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni fost l-atturi istituzzjonali kollha u joffru ekonomiji ta’ skala reali;

M.  billi l-operazzjonijiet tal-BEI barra mill-UE jitwettqu b’appoġġ għall-politiki ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni u għandhom ikunu konformi ma’, u jippromwovu, l-objettivi tal-UE skont l-Artikoli 208 u 209 tat-TFUE;

N.  billi l-attivitajiet tal-BEI huma kkomplementati minn strumenti speċifiċi pprovduti mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) li jiffokaw fuq il-forniment kemm ta’ finanzjament ta’ riskju għall-benefiċċju tal-SMEs u n-negozji li jkunu għadhom jibdew, kif ukoll il-mikrofinanzjament;

O.  billi ż-żieda fil-kapital saħħet il-karta tal-bilanċ tal-BEI, peress li ppermettiet miri ambizzjużi ta’ self operattiv;

P.  billi sar sforz speċifiku biex jitwettqu aktar interventi konġunti (billi l-garanziji tal-FEI jingħaqdu mas-self tal-BEI għall-SMEs);

Qafas ta’ politika u prinċipji ta’ gwida għall-interventi tal-BEI

1.  Jilqa’ r-Rapport Annwali 2012 tal-BEI u l-ksib tal-pjan operattiv miftiehem għall-finanzjament ta’ madwar 400 proġett f’iżjed minn 60 pajjiż għal ammont ta’ EUR 52 biljun;

2.  Jilqa’ l-approvazzjoni tal-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI għal żieda kapitali ta’ EUR 10 biljun, li tiffaċilita EUR 60 biljun addizzjonali (li jammontaw għal espansjoni ta’ 49 % fil-miri tas-self) għal self fuq żmien twil għal proġetti fl-UE matul il-perjodu 2013-2015;

3.  Jitlob lill-BEI jżomm il-miri antiċipati fir-rigward tal-attività addizzjonali tiegħu u juża EUR 180 biljun għal iżjed investimenti fl-UE kollha matul il-perjodu msemmi qabel;

4.  Ifakkar li għal proġetti fl-UE, il-prospetti huma partikolarment interessanti għal għadd ta’ oqsma tematiċi prijoritarji taħt l-istrateġija “Ewropa 2020”: innovazzjoni u ħiliet, inkluża infrastruttura b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju, investiment fl-SMEs, koeżjoni u ‘pakketti’ ta’ effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u fl-enerġija (inkluża l-bidla lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju); jinnota li dawn l-oqsma fokali ġew identifikati kif xieraq fil-Pjan Operattiv tal-Gruppi tal-BEI għall-perjodu 2013-2015, u jilqa’ l-allokazzjoni ta’ EUR 60 biljun addizzjonali fil-kapaċità ta’ self sabiex tkun iffinanzjata l-implimentazzjoni tagħhom;

5.  Jemmen b'qawwa bis-sħiħ, madankollu, li f’dawn il-prijoritajiet wiesgħa għandha tingħata iżjed attenzjoni fuq l-investiment fit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq żmien twil u fuq il-ġenerazzjoni ta’ impatt viżibbli fl-ekonomija reali, u għalhekk jitlob għal evalwazzjoni komprensiva li tipprovdi ċifri vijabbli dwar il-ħolqien ta’ impjiegi fuq żmien twil permezz tas-self tal-BEI, u l-impatt fuq l-ekonomija b’riżultat tiegħu, fl-oqsma kollha, wara l-kriżi finanzjarja;

6.  Jilqa’ t-tnedija tal-Faċilità għat-Tkabbir u l-Impjiegi (GEF), li tippermetti lill-BEI jimmonitorja f'aktar dettall l-impatt fuq l-impjiegi u t-tkabbir tal-proġetti li jiffinanzja;

7.  Jistieden lill-BEI jkompli jappoġġja l-prijoritajiet fuq żmien twil tal-UE għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, it-tkabbir u l-impjiegi, is-sostenibbiltà ambjentali, l-azzjoni dwar il-klima u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, permezz ta’ iżjed żvilupp ta’ strumenti finanzjarji u mhux finanzjarji ġodda mfassla biex jindirizzaw kemm l-ineffiċjenzi tas-suq fuq żmien qasir kif ukoll il-lakuni strutturali iżjed fit-tul tal-ekonomija tal-UE;

8.  Iħeġġeġ lill-BEI jinnegozja u jikkonkludi Memoranda ta' Qbil (MtQ) mal-banek għall-iżvilupp reġjonali attivi fir-reġjuni fejn jopera biex irawmu s-sinerġiji, jikkondividu r-riskji u l-ispejjeż, u jiżguraw self suffiċjenti lill-ekonomija reali;

9.  Iqis il-Patt għal Tkabbir u Impjiegi bħala tweġiba importanti iżda mhux biżżejjed għall-isfidi li tiffaċċja l-UE, filwaqt li jinnota li ż-żieda kapitali tal-BEI u l-fatt li qed jirrikorri aktar għall-istrumenti konġunti għall-kondiviżjoni tar-riskji tal-Kummissjoni u l-BEI, flimkien ma’ sinerġiji bejn l-attivitajiet speċjalizzati tal-BEI u l-FEI, huma elementi kruċjali għas-suċċess tiegħu;

10.  Jitlob lill-BEI jagħti prijorità lill-finanzjament tiegħu għall-proġetti li jikkontribwixxu bil-qawwi għat-tkabbir ekonomiku;

11.  Ifakkar li l-Kummissjoni, flimkien mal-BEI, ippreżentat rapport dwar l-opportunitajiet u l-prijoritajiet fil-mira li għandhom jiġu identifikati permezz tal-implimentazzjoni tal-Patt għal Tkabbir u Impjiegi, speċjalment fir-rigward tal-infrastruttura, l-effiċjenza tal-enerġija u l-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-ekonomija diġitali, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-SMEs; jitlob, abbażi ta' dan ir-rapport, għal dibattitu politiku fil-Parlament li għalih jattendu l-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment;

12.  Jinsab partikolarment imħasseb li l-finanzjament fil-Pajjiżi tal-Programm (il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, Ċipru) baqa’ baxx matul l-2012, u jirrappreżenta madwar +/- 5 % tal-investiment kumplessiv tal-BEI; jinnota li l-miri tal-BEI għall-investiment fil-Pajjiżi tal-Programm għall-2013 jirrappreżentaw sa EUR 5 biljun, minn mira globali tal-UE ta’ EUR 62 biljun;

13.  Jinsab imħasseb li l-BEI żamm politika kemmxejn avversa għar-riskji fis-self tiegħu, biex b’hekk illimita l-possibilitajiet ta’ mutwatarji potenzjali li jissodisfaw ir-rekwiżiti dwar is-self tal-BEI u, sussegwentement, ostakola l-valur miżjud tas-self;

14.  Jitlob lill-BEI jżid il-kapaċità interna tiegħu għat-teħid ta’ riskji billi jiżgura li s-sistemi tiegħu tal-ġestjoni tar-riskji jiġu adattati għall-ambjent attwali;

15.  Jirrikonoxxi li huwa fundamentali għall-BEI li jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu tiegħu ta' AAA sabiex jippreżerva s-saħħa finanzjarja tiegħu u l-kapaċità tiegħu li jinjetta l-flus fl-ekonomija reali; iħeġġeġ, madankollu, lill-BEI flimkien mal-FEI biex jikkunsidra li jżid l-involviment tiegħu f’attivitajiet relatati ma' iżjed riskju, sabiex jissalvagwardja proporzjon raġonevoli bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji;

16.  Jinnota ż-żieda fil-miri tal-attività speċjali b’riskju ogħla tal-BEI għal EUR 6 biljun fl-2013, iż-żieda fil-finanzjament tal-inizjattivi għall-kondiviżjoni tar-riskji u t-titjib tal-kreditu għal EUR 2.3 biljun, kif ukoll it-tnedija riċenti tal-Inizjattiva ta’ Finanzjament għat-Tkabbir (GFI) li tiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament ta’ kumpaniji innovattivi b’kapitalizzazzjoni medja;

17.  Jistieden lill-BEI iżid l-attività tiegħu taħt il-Mandat għall-Kapital ta' Riskju u l-mandat tal-Finanzjament Intermedju għat-Tkabbir (MFG) ipprovduti mill-BEI lill-FEI;

18.  Jilqa’ ż-żieda mill-FEI tal-mandat tagħha għar-riżorsi tal-kapital għar-riskji ffinanzjat mill-BEI b’EUR 1 biljun, b’attenzjoni partikolari fuq il-finanzjament intermedju b’riskju ogħla bħala parti mill-azzjonijiet konġunti tal-BEI u l-FEI biex jittrattaw ir-restrizzjonijiet tal-finanzjament għal pjanijiet ġodda ta’ innovazzjoni u tkabbir ta’ negozji Ewropej ta’ daqs medju;

19.  Jistieden lill-BEI ikun iżjed proattiv fil-forniment tal-kompetenzi tekniċi tiegħu fl-oqsma ewlenin kollha tal-attivitajiet b’potenzjal għoli ta’ tkabbir fl-Istati Membri kollha; ifakkar li l-parir tekniku u finanzjarju huwa mod effiċjenti biex jgħin fit-twettiq ta’ proġett u biex jitħaffu l-iżborżamenti u l-investiment reali; jemmen, għalhekk, li l-kompetenzi tal-BEI għandhom jiżdiedu u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fl-istadji bikrija tal-proġetti kofinanzjati mill-UE u l-BEI, u fl-evalwazzjoni ex ante tal-proġetti fuq skala kbira, inkluż permezz tal-istrument Assistenza Konġunta ta’ Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS);

20.  Iħeġġeġ lill-BEI, fil-kuntest attwali ta’ rati ta’ assorbiment baxxi b’mod kritiku f’ħafna Stati Membri, itejjeb l-isforzi biex jappoġġja l-kapaċità ta’ assorbiment tal-Istati Membri ta’ riżorsi tal-UE, inklużi l-Fondi Strutturali, billi jiżviluppa iżjed l-istrumenti konġunti addizzjonali għall-kondiviżjoni tar-riskji u billi jadatta dawk eżistenti li diġà huma ffinanzjati mill-baġit tal-UE;

21.  Jistieden lill-Istati Membri, fejn xieraq, biex jaħdmu mal-Kummissjoni billi jużaw parti mill-allokazzjonijiet tagħhom tal-Fondi Strutturali sabiex jikkondividu r-riskju tas-self tal-BEI u jipprovdu garanziji għal self għall-għarfien u l-ħiliet, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija, l-infrastruttura strateġika u l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs;

22.  Japprezza li l-fondi strutturali mhux użati issa jistgħu jintużaw bħala fond ta' garanzija speċjali għal self mill-BEI, speċjalment fil-Ġreċja;

23.  Jinnota li fl-2012 il-Bank iffirma Self għall-Programmi Strutturali għall-valur ta’ EUR 2.2 biljun, li jippermetti appoġġ għal diversi skemi żgħar u ta’ daqs medju f’konformità mal-prijoritajiet tal-Politika ta’ Koeżjoni f’diversi setturi;

24.  Jistieden lill-BEI, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji differenti li jeżistu fl-UE, jiżviluppa f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, pjanijiet ta’ investiment ibbażati fuq ir-riżultati li jiġu aġġustati b’mod xieraq għall-prijoritajiet ta’ tkabbir nazzjonali, reġjonali u lokali, billi jqisu kif xieraq il-prijoritajiet orizzontali tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni u s-Semestru Ewropew għall-governanza ekonomika;

25.  Iħeġġeġ lill-Bank jesplora l-possibbiltajiet li jestendi l-involviment tiegħu billi jipparteċipa b’mod proattiv fil-ftehimiet ta’ sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

26.  Jinnota x-xejra ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ sħubijiet pubbliku-privat matul u wara l-kriżi, u jfakkar, fl-istess ħin, fir-rwol partikolarment importanti li jiżvolġu fl-investiment, b’mod speċjali fin-netwerks tat-trasport u fir-riċerka u l-innovazzjoni; jinnota li filwaqt li s-suq tas-sħubijiet pubbliku-privatfl-UE kiber fil-valur, ġie reġistrat livell sinifikanti ta' inqas tranżazzjonijiet;

27.  Jemmen li l-garanziji tal-Istat huma strumenti prezzjużi biex jindirizzaw l-imperfezzjonijiet tas-suq li jistgħu jostakolaw it-twettiq tal-programmi u l-proġetti tas-sħubijiet pubbliku-privat; abbażi tal-kompetenzi tal-BEI f’dan il-qasam, jitlob għaż-żieda fil-parteċipazzjoni tiegħu fil-garanziji għal self ipprovduti lis-sħubijiet pubbliku-privat permezz tal-garanziji tal-Istat;

28.  Jemmen, barra minn hekk, li l-kapaċità ta’ konsulenza tal-BEI, ibbażata fuq il-kompetenzi miġbura fiċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza Esperta fuq is-sħubija pubblika-privata, tista’ tintuża biex tingħata għajnuna teknika u speċjalizzata mmirata fil-livell governattiv u fejn xieraq fil-livell reġjonali wkoll, sabiex tiffaċilita l-valutazzjonijiet xierqa rigward il-benefiċċji tal-involviment tal-garanziji tal-Istat fi programm ta' sħubija pubblika-privata;

29.  Ifakkar fit-tnedija fl-2012, mill-BEI u l-Kummissjoni u bl-appoġġ tal-Istati Membri, tal-fażi pilota tal-Inizjattiva ta’ Bonds għall-Proġetti, li għandha l-għan li tagħti spinta lill-finanzjament ta’ proġetti infrastrutturali ewlenin billi tattira investituri istituzzjonali;

30.  Jilqa’ r-rapport għall-ewwel sitt xhur tal-Fażi Pilota tal-Bonds għall-Proġetti li jindika l-approvazzjoni ta’ disa’ proġetti f’sitt pajjiżi; jitlob l-użu ta' tali bonds jitkompla u jiżdied u għal reviżjoni regolari tal-effiċjenza tagħhom sabiex tingħata spinta lill-investiment vijabbli fi strumenti tad-dejn li jgħaddu kapital privat fi proġetti infrastrutturali meħtieġa fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u l-ICT, speċjalment dawk b'dimensjoni transkonfinali; jemmen, madanakollu, li l-BEI għandu jwettaq valutazzjonijiet aħjar fir-rigward tal-proġetti li fihom jixtieq jinvesti, inklużi evalwazzjonijiet tal-profili tas-sikurezza u tar-riskju tagħhom; ifakkar li l-baġit tal-UE qed jipprovdi EUR 230 miljun f’appoġġ għal attività ta’ titjib fil-kreditu tal-BEI għall-investiment infrastrutturali fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u l-komunikazzjonijiet;

31.  Jeżiġi li jiġi infurmat dwar il-proġetti magħżula b’mod xieraq u fiż-żmien dovut;

32.  Jinnota bi tħassib li l-isfidi ewlenin (pereżempju, il-bidla ta’ interess f’impenji, l-esperjenza limitata fis-soluzzjonijiet ta’ bonds tal-awtoritajiet tal-akkwist, l-eżitazzjoni tal-investituri istituzzjonali biex jinvolvu ruħhom, it-tħassib tal-isponsers dwar l-ispejjeż) jibqgħu; jistieden lill-Bank jivvaluta sew il-possibbiltà ta' koinvestiment fit-tranżazzjonijiet bikrija tal-bonds sabiex jerġa’ jassigura lill-investituri u lill-isponsers; jistieden lill-BEI jiżgura li l-Inizjattiva ta’ Bonds għall-Proġetti tkun konsistenti mal-mira fuq żmien twil tal-UE fir-rigward tal-klima, jiġifieri, billi tiffoka fuq infrastrutturi b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju;

33.  Jinsab imħasseb dwar il-prestazzjoni fqira tal-proġett fir-rigward tal-Proġett Castor; jitlob li l-Bank jipprovdi dettalji dwar is-solidità tad-diliġenza dovuta tiegħu u jagħti informazzjoni dwar jekk l-istudji ġeoloġiċi mwettqa jindikawx il-possibbiltà jew le ta’ riskju sismiku, x’kien il-perċentwal u kif ġie indirizzat;

34.  Jistenna r-rapport finali ta’ evalwazzjoni li jikkonċerna l-Fażi Pilota tal-Inizjattiva ta' Bonds għall-Proġetti, mistenni fl-2015;

35.  Jilqa’ l-politika l-ġdida tal-BEI dwar l-enerġija, li tintroduċi kriterji ġodda dwar is-self fil-qasam tal-enerġija li jirriflettu l-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima kif ukoll ix-xejriet attwali tal-investiment; jitlob li l-investimenti tal-enerġija tal-BEI jsiru pubbliċi u jiġu analizzati fuq bażi annwali, filwaqt li juru liema sorsi ta’ enerġija huma appoġġjati mill-BEI; jixtieq jenfasizza, madanakollu, li jkun xieraq li l-politika ta' investiment tal-BEI tiffoka aktar fuq proġetti sostenibbli; ifakkar madanakollu, il-ħtieġa li jitressaq pjan komprensiv għal eliminazzjoni gradwali tas-self għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mhux rinnovabbli.

36.  Jilqa’ l-introduzzjoni mill-BEI ta’ Standard ġdid ta' Rendiment għall-Emissjonijiet, li għandu jiġi applikat għall-proġetti kollha tal-ġenerazzjoni tal-karburanti fossili sabiex jiġu eliminati l-investimenti b'emissjonijiet ta' ammont ta' karbonju li jaqbeż il-livell ta' limitu minimu; jistieden lill-Bord tal-BEI jżomm l-Istandard ta' Rendiment għall-Emissjonijiet taħt rieżami u fil-ġejjieni jqis impenji iżjed restrittivi;

37.  Iħeġġeġ lill-Bank, fid-dawl tal-pakkett dwar il-klima 2030, inklużi l-prijoritajiet tiegħu tad-dekarbonizzazzjoni, iżid l-isforzi tiegħu tal-investiment b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u jaħdem fuq il-politiki li jwasslu għal miri aktar ambizzjużi fir-rigward tal-klima; jitlob lill-BEI jagħmel valutazzjoni tal-klima u rieżami tal-attivitajiet kollha tiegħu fl-2014, li jwasslu għal politika mġedda dwar il-protezzjoni tal-klima, pereżempju permezz tal-valutazzjoni tal-proġetti u approċċ integrat biex jikkombina b'mod intelliġenti l-politiki speċifiċi għas-settur fir-rigward tas-setturi ewlenin; jistieden lill-BEI jehmeż dan ir-rieżami mar-rapport annwali tiegħu li jmiss;

38.  Ifakkar fir-rwol importanti li żvolġa l-BEI fil-finanzjament tal-investiment tas-settur pubbliku u privat fl-infrastruttura tal-enerġija u fl-appoġġ għal proġetti li jikkontribwixxu għall-ksib tal-għanijiet tal-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-UE; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2007 li titlob għall-waqfien tal-finanzjament pubbliku għal proġetti tal-ġenerazzjoni tal-karburanti fossili u bidla favur l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli; jemmen li l-BEI, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu, f’konformità mal-objettivi tal-Unjoni u dawk internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima u l-aħjar standards internazzjonali, jaġġorna l-istrateġija tiegħu tat-tibdil fil-klima fir-rigward tal-operazzjonijiet ta' finanzjament tiegħu qabel it-tmiem tal-2015;

39.  Jitlob li r-riżorsi u l-kompetenza esperta tal-BEI jingħataw spinta biex jiġi previst adattament għat-tibdil fil-klima;

40.   Jitlob lill-BEI jinforza l-aħjar standards internazzjonali dwar l-idroenerġija, jiġifieri l-prinċipji gwida tal-Kummissjoni Dinjija dwar id-Digi u l-Protokoll għall-Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Idroenerġija, li jfisser li jinvesti biss f'pajjiżi li jkunu implimentaw qafas legali li jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ ppjanar tal-enerġija (inklużi żoni pprojbiti) u jeħtieġ li l-impatti negattivi fuq l-ekosistemi u l-komunitajiet lokali jiġu valutati, evitati, mitigati u sorveljati b’mod xieraq, u li l-proġetti ma jistgħux jiġu lokalizzati f'żoni protetti jew xmajjar li għandhom status ekoloġiku tajjeb jew qrib tagħhom;

41.  Jistieden lill-BEI biex, fil-proġetti tiegħu, jinkludi b’attenzjoni l-viżjoni u l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità sal-2020 “L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna”;

Tisħiħ fil-firxa ta’ appoġġ għall-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja

42.  Ifakkar li l-SMEs huma meqjusa bħala s-sinsla tal-ekonomija tal-UE u l-mutur ewlieni wara t-tkabbir u l-impjiegi Ewropej, u jirrappreżentaw iżjed minn 80 % tal-impjiegi fis-settur privat;

43.  Jilqa’ l-attenzjoni partikolari (fil-kuntest taż-żieda fl-attività tas-self fl-UE) biex tingħata għajnuna sabiex jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament għal SMEs, u jilqa’, sussegwentement, il-mira tal-Grupp tal-BEI għall-2013 biex jiġi approvat iżjed minn EUR 19-il biljun f’self għall-SMEs fl-UE;

44.  Jistieden ukoll lill-Kunsill, f'dan il-kuntest, jaqbel mill-aktar fis dwar l-inizjattivi konġunti bejn il-Kummissjoni u l-BEI u biex jintegra r-riżorsi tal-baġit tal-UE maħsuba għall-SMEs, kif ukoll biex jieħu azzjoni aktar determinata fl-implimentazzjoni tal-koperazzjoni mal-BĊE b'mod li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet ta' finanzjament imposti fuq l-SMEs; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-problema ewlenija f'bosta Stati Membri hija li l-frammentazzjoni tas-swieq finanzjarji tirriżulta f'nuqqas ta' finanzjament u fi spejjeż ta' finanzjament ogħla, speċjalment għall-SMEs; jitlob li l-isforzi tal-BEI jiġu diretti mill-ġdid lejn id-deframmentazzjoni għall-promozzjoni tal-finanzjament għall-SMEs, l-intraprenditorija, l-esportazzjonijiet u l-innovazzjoni, li lkoll huma vitali għall-irkupru ekonomiku;

45.  Jilqa’ t-titjib fis-self mill-banek għall-SMEs permezz tar-rivitalizzazzjoni tas-suq tat-titolizzazzjoni għall-SMEs permezz tal-inizjattiva l-ġdida ABS tal-Grupp tal-BEI; jistieden lill-BEI jipprevedi analiżi tas-suq bil-ħsieb li din l-offerta tal-BEI tiġi kkalibrata aħjar għall-bżonnijiet tal-partijiet interessati; jilqa’ t-titjib tal-kapaċità ta’ kreditu tal-FEI permezz ta' żieda tal-kapital u l-mandat, u jistieden lill-BEI u lill-Kummissjoni jiffinalizzaw il-proċess sal-bidu tas-sena d-dieħla;

46.  Jappoġġja l-inizjattivi tal-Grupp tal-BEI dwar il-finanzjament innovattiv għall-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja permezz tat-tnedija tal-istrumenti finanzjarji Orizzont 2020 u COSME u l-Istrumenti għall-Kondiviżjoni tar-Riskji sabiex il-banek jiġu mħeġġa jipprovdu riżorsi finanzjarji permezz ta’ self u garanziji, u sabiex jiġi żgurat il-forniment tal-kapital għar-riskji fuq żmien twil;

47.  Jappoġġja l-Inizjattiva konġunta tal-SMEs bejn il-Kummissjoni u l-BEI taħt il-QFP il-ġdid, li tgħaqqad il-fondi tal-UE disponibbli taħt il-programmi COSME u Orizzont 2020, ma’ mhux aktar minn EUR 8.5 biljun ta’ riżorsi ddedikati għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej , bil-ħsieb li jiġi ġġenerat self addizzjonali għall-SMEs;

48.  Jistieden lill-Istati Membri jipparteċipaw b’mod attiv, billi jikkontribwixxu għall-Istrumenti Konġunti mill-allokazzjonijiet tagħhom tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, sabiex jappoġġjaw iż-żieda fis-self għall-SMEs fit-territorju tagħhom, u b’hekk jiżdiedu l-effetti globali ta' lieva;

49.  Iħeġġeġ lill-BEI jespandi l-Inizjattiva ta' Finanzjament għall-Kummerċ; iqis li dan il-mekkaniżmu ta’ garanzija għall-SMEs huwa ta’ importanza kruċjali u għandu jitwessa’ fuq l-iskala tal-UE, kull fejn jitqies li huwa l-iżjed meħtieġ; jistieden lill-BEI jiżviluppa l-programm proprju tiegħu għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ; jistieden lill-BEI biex bħala l-ewwel pass, jistabbilixxi miżuri li jiżguraw l-għoti tal-garanziji meħtieġa biex il-kumpaniji jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom għall-esportazzjoni;

50.  Jappoġġja l-attenzjoni tal-BEI fuq id-dimensjoni reġjonali u lokali u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ minn strumenti ta’ inġinerija finanzjarja b'ġestjoni kondiviża bħall-programm JEREMIE u l-iskemi reġjonali minn fond għal fond li jipprovdu finanzjament tal-ekwità u d-dejn lill-SMEs lokali;

51.  Jilqa’ l-evalwazzjoni ex post tas-self intermedjat tal-BEI lill-SMEs fl-UE għall-perjodu 2005-2011; jirrikonoxxi li f’dan il-qasam, matul il-perjodu 2005-2012, il-BEI iffirma EUR 64 biljun f’self lil madwar 370 istituzzjoni finanzjarja fl-UE 27; jinnota li sal-aħħar tal-2012, EUR 53 biljun minn dawn il-flus kienu tħallsu lil dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji li, minn naħa tagħhom, kienu sellfu kważi EUR 48 biljun lill-SMEs permezz ta’ madwar 300 000 operazzjoni ta' self sekondarju;

52.  Jinnota li l-evalwazzjoni turi li s-self intermedjat bejn il-BEI u l-SMEs (permezz tal-prodott L4SME) huwa konsistenti mal-objettivi tal-UE; jitlob, madankollu, għal valutazzjoni aħjar tal-komplementarjetà bejn il-prodott tal-BEI u t-taħlitiet tal-politika nazzjonali, sabiex tkompli titjieb ir-rilevanza tal-operazzjonijiet; jitlob lill-BEI jressaq proposti għal titjib fl-effett tal-prodott L4SME sabiex ikun jista’ jiġi mobilizzat biex jimla lakuni speċifiċi, minflok il-finanzjament ta’ spettru wiesa’ ta’ SMEs, u b’hekk jottimizza l-kontribuzzjoni tal-BEI għat-tkabbir u l-impjiegi;

53.  Jinnota bi tħassib li matul il-perjodu li qed jiġi analizzat, is-self tal-BEI kellu ‘xi’ impatt fuq it-tkabbir u l-impjiegi, iżda b’varjazzjonijiet kbar bejn il-pajjiżi (1/3 biss tal-SMEs attribwew it-tkabbir tal-fatturat għall-finanzjament tal-BEI); jinsab imħasseb dwar il-fatt li teżisti biss evidenza limitata li s-self tal-BEI għen fiż-żamma tal-impjiegi; jinnota li l-impatt relattiv fuq it-tkabbir u l-impjiegi nstab li huwa ogħla fl-Istati Membri l-ġodda; jirrikonoxxi madankollu li l-perjodu li qed jiġi analizzat jinkludi l-kriżi finanzjarja u ekonomika u li l-livell relattivament modest ta' impjiegi ġodda maħluqa nkiseb minkejja sfond ta’ livelli ta’ impjieg li dejjem jonqsu;

54.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-finanzjament tal-BEI, għall-maġġoranza tal-operazzjonijiet, jidher li ntuża f’appoġġ għall-‘aqwa’ SMEs, u mhux għall-‘finanzjament tal-lakuni’; madankollu jinnota li aktar minn 80 % tal-SMEs milħuqa kienu kumpaniji b’anqas minn 50 impjegat, fatt li juri li l-BEI jgħin lill-parti iżgħar tal-univers tal-SMEs;

55.  Jitlob li l-BEI jagħmel użu sħiħ mill-kriterji ta' eliġibbiltà sabiex jinfluwenza l-benefiċjarji finanzjarji fil-mira b’mod iżjed effettiv;

56.  Jistieden lill-BEI jidentifika u jagħżel proġetti b’valur miżjud u riskju ogħla, prinċipalment billi jidentifika l-intrapriżi li għadhom jibdew, il-mikrointrapriżi, il-kooperattivi, ir-raggruppamenti ta’ intrapriżi, l-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja li jwettqu proġetti ta’ riċerka, żvilupp u innovazzjoni f’oqsma teknoloġiċi ta’ prijorità;

57.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied il-livell ta’ sensibilizzazzjoni u fehim fost l-investituri potenzjali u l-benefiċjarji dwar l-eżistenza ta’ għodod finanzjarji innovattivi; iħeġġeġ l-istabbiliment ta’ politika ta’ komunikazzjoni li tippromwovi l-viżibbiltà ta’ diversi azzjonijiet imwettqa mill-UE, permezz ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji ġodda, permezz tal-BEI; jenfasizza barra minn hekk li aċċess estensiv u sistematiku għall-informazzjoni tal-proġetti, kif ukoll involviment akbar min-naħa tal-benefiċjarji tal-proġetti u s-soċjetà ċivili lokali – li jistgħu jittejbu permezz ta' investimenti ffinanzjati mill-BEI – għandhom jiġu żgurati;

58.  Jistieden lill-BEI jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni biex jissemplifika l-aċċess għall-informazzjoni u l-finanzjament għall-SMEs, b’attenzjoni partikolari lill-formalitajiet amministrattivi relatati mal-aċċess għall-finanzjament;

59.  Ifakkar li s-self intermedju jirrappreżenta iżjed minn 20 % tas-self annwali totali tal-BEI;

60.  Itenni bi tħassib li għadd konsiderevoli ta’ kwistjonijiet pendenti jibqgħu bla soluzzjoni f’dan il-qasam, b’mod partikolari n-nuqqas ta’ trasparenza (speċjalment fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali), id-diffikultà fil-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku u soċjali tas-self (li jirriżulta f’approċċ immirat b’mod żbaljat) u d-dipendenza, permezz tal-esternalizzazzjoni tar-responsabbiltajiet, fuq intermedjarji finanzjarji għat-twettiq tad-diliġenza dovuta; iħeġġeġ lill-Bank jipprovdi dettalji dwar l-approċċ tiegħu biex jitħaffu l-miżuri li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet u jitlob għal lista strinġenti ta’ kriterji għall-għażla ta’ dawn l-intermedjarji finanzjarji li għandha tkun stabbilita b’mod konġunt mill-BEI u l-Kummissjoni u li tkun disponibbli għall-pubbliku;

61.  Iħeġġeġ lill-BEI jagħmel evalwazzjoni aġġornata u komprensiva dwar kif il-kriżi finanzjarja affettwat il-benefiċjarji finali tal-finanzjament tal-BEI, u jipprovdi valutazzjoni bir-reqqa tal-effetti u l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-istatus attwali tal-intermedjarji finanzjarji użati mill-Bank, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

62.  Jitlob li l-BEI jiżgura li jintlaħaq l-għan tiegħu li jiġġenera l-impjiegi għal madwar nofs miljun persuna fl-2013 biss, permezz tas-self għall-proġetti tal-infrastruttura, tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u dawk fl-ekonomija tal-għarfien;

63.  Jinnota li, minħabba l-ambjent ekonomiku diffiċli u s-swieq tal-kreditu aktar stretti, ir-restrizzjonijiet tal-finanzjament fuq il-kumpaniji u s-settur pubbliku jkomplu jżommu lura l-impjiegi fost iż-żgħażagħ u jillimitaw l-ambitu tat-titjib fit-taħriġ vokazzjonali;

64.  Jemmen li l-programm tal-BEI għall-Impjieg taż-Żgħażagħ (b’volum ta’ self ta’ EUR 6 biljun), li jikkonsisti fil-komponenti l-Impjiegi għaż-Żgħażagħ u Ninvestu fil-Ħiliet, huwa ta’ importanza kbira biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet; jilqa’ r-rapport interim dwar l-implimentazzjoni li juri kisbiet importanti f’dan is-settur, bħas-self ta' EUR 4,9 biljun li ngħata permezz tas-sottoprogramm Ninvestu fil-Ħiliet, ikkomplementati bi EUR 2,7 biljun ipprovduti taħt il-pilastru Impjiegi għaż-Żgħażagħ; jirrikonoxxi l-ksib bikri tal-objettivi tiegħu;

65.  Jappoġġja l-objettiv tal-Bank li jkompli jkabbar kemm jista' s-self immirat lejn l-SMEs sabiex jistabbilixxi rabta ċara bejn is-self tal-BEI u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ;

66.  Jistieden lill-Bank iwessa’ l-kamp ta’ azzjoni tiegħu u jagħmel użu minn strumenti addizzjonali sabiex jipprovdi inċentivi vijabbli għall-ġenerazzjoni tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, speċjalment fl-Istati Membri magħrufa għar-rati għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ;

Il-kontribuzzjoni tal-BEI għall-politiki esterni tal-UE

67.  Jitlob lill-BEI, f’konformità mar-rieżami tal-mandat tal-BEI għall-operazzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea, jappoġġja l-objettivi tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea kif konċeputi mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

68.  Jilqa’ l-Garanzija tal-UE għal self estern, mogħtija lill-BEI mill-baġit tal-UE, ta' daqs simili għal dik attwali, iffissata għal limitu massimu ta’ EUR 30 biljun (maqsum f’Mandat Ġenerali ta’ EUR 27 biljun u EUR 3 biljun fakultattivi soġġetti għar-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu) għall-perjodu finanzjarju li jmiss bl-użu ta’ rimborżi li ġejjin minn operazzjonijiet mhux użati tal-FEMIP (Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija) datati qabel l-2007;

69.  Jitlob lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) twettaq rapport speċjali dwar ir-rendiment u l-allinjament mal-politiki tal-UE tal-attivitajiet ta’ self estern tal-BEI qabel ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-mandat estern tal-BEI kif ukoll tqabbel il-valur miżjud fir-rigward tar-riżorsi proprji użati mill-BEI; jitlob barra minn hekk lill-QEA biex tagħmel distinzjoni fl-analiżi tagħha bejn il-garanziji mogħtija mill-baġit tal-UE, il-faċilità ta’ investiment garantita mill-FEŻ, id-diversi forom ta’ taħlit użati fil-fond fiduċjarju infrastrutturali bejn l-UE u l-Afrika, il-fond tal-investiment tal-Karibew u l-faċilità ta’ investiment għall-Paċifiku u l-użu ta’ rimborżi għal dawn l-investimenti;

70.  Jilqa’ d-dispożizzjonijiet dwar iż-żieda fil-flessibbiltà previsti taħt il-mandat il-ġdid ta’ self estern tal-BEI; jistieden lill-BEI jżid kemm jista' jkun l-appoġġ tiegħu għall-politiki u l-objettivi tal-UE;

71.  Jitlob lill-BEI jagħmel użu flessibbli addizzjonali mill-Fond ta’ Garanzija, u jiffoka iżjed fuq is-self b’riskju għalih stess, billi jestendi l-firxa tiegħu fuq proġetti li jagħmlu l-qligħ; jinsisti li l-BEI jiżgura livell għoli ta’ viżibbiltà għall-benefiċjarji finali tal-proġetti tal-appoġġ finanzjarju Ewropew li jipprovdi;

72.  Jinnota li l-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni u l-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar huma fil-quċċata tal-oqsma ta’ prijorità tal-BEI; jenfasizza, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jinżamm l-appoġġ għat-tranżizzjonijiet demokratiċi u ekonomiċi wara r-Rebbiegħa Għarbija, b’attenzjoni speċifika fuq l-appoġġ għall-komponenti tas-soċjetà ċivili, il-ħolqien tal-impjiegi u l-irkupru ekonomiku fil-pajjiżi tan-Nofsinhar u l-pajjiżi sħab tal-Lvant; jinnota b’sodisfazzjon l-attenzjoni fuq l-SMEs u l-aċċess għall-finanzjament;

73.  Jappoġġja, fil-kuntest tal-politiki esterni tal-UE, l-iżvilupp progressiv ta’ prodotti finanzjarji ġodda mal-Kummissjoni u l-Istati Membri, bħal prodotti li jħalltu l-għotjiet, is-self u l-istrumenti għall-kondiviżjoni tar-riskji tal-UE sabiex jintlaħqu kategoriji ġodda ta’ ditti; jitlob li jiġu ddefiniti l-aħjar prattiki u kriterji ta’ eliġibbiltà definiti sew għall-użu ta’ dawk l-istrumenti, akkumpanjati minn kundizzjonijiet strutturati ta’ rapportar, monitoraġġ u kontroll; jitlob għall-finalizzazzjoni tal-politika tal-allokazzjoni;

74.  Jistenna, għaldaqstant, ir-rapport ta' governanza dwar l-implimentazzjoni tal-pjattforma għall-kooperazzjoni bi strumenti finanzjarji internazzjonali dwar it-taħlit li jinkludi informazzjoni dettaljata u konsistenti f'dan ir-rigward u jiżgura rwol adegwat għall-BEI; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rapport sħiħ komplut dwar l-impatt u r-riżultati tal-implimentazzjoni tal-faċilitajiet finanzjarji fil-kuntest tal-pjattaforma għall-kooperazzjoni dwar it-taħlit;

75.  Jilqa’ l-appoġġ tal-BEI għal proġetti, f’diversi setturi tal-enerġija, li jimmiraw għat-tkabbir u l-impjiegi; ifakkar fil-ħtieġa li tinżamm konsistenza mal-iżviluppi l-ġodda fil-politiki tal-UE dwar l-enerġija u l-klima; jinkoraġixxi lill-BEI, fil-kuntest tal-politika mġedda tiegħu dwar l-enerġija, ikompli jappoġġja, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha, proġetti ddedikati għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli sostenibbli, u b’hekk titwitta t-triq lejn ekonomija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju;

Il-kooperazzjoni tal-BEI ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra

76.  Ifakkar li l-kooperazzjoni strutturata bejn il-korpi tal-UE (il-Kummissjoni u l-BEI) u istituzzjonijiet finanzjarji oħra hija l-uniku mod effiċjenti kif jiġu evitati l-attivitajiet b'elementi duplikati;

77.  Jilqa’ l-Memorandum ta’ Qbil aġġornat maqbul bejn il-BEI u l-BERŻ li jirrifletti r-rieda minn naħa tal-UE li tintensifika l-livell ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali ewlenin; iħeġġeġ lill-BEI jinnegozja u jikkonkludi wkoll Memoranda ta' Qbil (MtQ) ma' banek għall-iżvilupp reġjonali attivi fir-reġjuni ta' operazzjoni tiegħu biex irawwmu sinerġiji, jikkondividu r-riskji u l-ispejjeż, u jiżguraw self suffiċjenti lill-ekonomija reali;

78.  Jistieden liż-żewġ istituzzjonijiet jinvolvu ruħhom fl-aħjar koordinament operattiv possibbli f’termini ta’ komplementarjetà u diviżjoni tax-xogħol, sabiex jirriċerkaw b’mod sistematiku l-aħjar opportunitajiet u sinerġiji, u biex jinstabu l-aħjar effetti ta' lieva fl-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika tal-UE filwaqt li jiġu rrispettati l-vantaġġi u l-ispeċifiċitajiet komparattivi rispettivi tagħhom;

79.  Iħeġġeġ lill-BEI u lill-BERŻ isaħħu, fl-istadju l-aktar bikri possibbli (il-fażijiet ta’ azzjoni ta’ evalwazzjoni ex ante jew ta' identifikazzjoni), il-kompetenzi tagħhom, l-approċċi strateġiċi u tal-ipprogrammar tagħhom fid-diversi oqsma ta’ intervent u partikolarment, il-kooperazzjoni tagħhom fl-istrumenti tal-ġestjoni tar-riskju (riskji finanzjarji, operattivi jew tal-pajjiż), sabiex itejbu s-superviżjoni tar-riskju;

80.  Jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt ġdid maqbul f’Novembru 2012 bejn il-BEI, il-BERŻ u l-Grupp tal-Bank Dinji, immirat lejn l-appoġġ għall-irkupru ekonomiku u t-tkabbir fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, u jinnota li l-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi iżjed minn EUR 30 biljun f’impenji konġunti għall-perjodu 2013-2014; jistieden lill-BEI jimpenja minimu ta’ EUR 20 biljun, kif maqbul;

81.  Itenni l-proposta tiegħu li l-Unjoni Ewropea ssir membru tal-BEI;

Il-qafas ta’ governanza, konformità u kontroll tal-BEI

82.  Jistieden lill-BEI u lis-sħab assoċjati u partijiet interessati oħra jkomplu jtejbu l-mekkaniżmi tagħhom ta’ governanza permezz, inter alia, tal-iżvilupp ta’ sistemi eżawrjenti u sodi ta’ monitoraġġ, rapportar u kontroll;

83.  Jilqa’ r-rinfurzar tal-BEI tal-impenn tiegħu għat-trasparenza billi jingħaqad fl-Inizjattiva Internazzjonali dwar it-Trasparenza fl-Għajnuna;

84.  Jitlob li l-Bank jiżgura indipendenza sħiħa u funzjonalità vijabbli tal-mekkaniżmu tiegħu għall-ilmenti;

85.   Jistieden lill-BEI jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus billi jistabbilixxi Reġistru pubbliku ta’ dokumenti, sabiex ikun garantit id-dritt għall-aċċess ta’ dokumenti kif stipulat fit-Trattati tal-UE; jitlob lill-Bank iżomm l-impenn tiegħu u jagħmel ir-Reġistru pubbliku mill-2014;

86.  Jitlob li r-rapport annwali li jmiss jiġi kkomplementat minn sett ta’ indikaturi tal-prestazzjoni trasversali dwar l-impatt tal-operazzjonijiet tal-finanzjament għad-dominji ewlenin tal-interventi tal-BEI, l-effett multiplikatur mistenni meta xieraq u t-trasferiment ta’ vantaġġi finanzjarji fil-programmi ffinanzjati;

87.  Itenni u jenfasizza r-responsabbiltà tal-Bank għat-titjib fil-livell ta’ trasparenza fl-għażla tal-intermedjarji finanzjarji u tas-sħab fil-proġetti kofinanzjati u fir-rigward tal-benefiċjarji finali;

88.  Jenfasizza li l-BEI għandu jnaqqas il-burokrazija sabiex ikun jista' jalloka fondi b'mod aktar effettiv u malajr;

89.  Jistieden lill-BEI jkompli jżid it-trasparenza fis-self tiegħu permezz ta' intermedjarji finanzjarji billi kull sena jirrapporta dwar is-self tiegħu lill-SMEs, jipprovdi data aggregata dwar il-livell ta' żborżamenti għall-SMEs, in-numru ta' SMEs fil-mira, l-ammont ta' self medju u s-setturi appoġġjati, inkluża evalwazzjoni tal-aċċessibilità tas-self għall-SMEs u l-effikaċja tagħhom.

90.  Jistieden lill-BEI joqgħod lura milli jikkoopera ma' intermedjarji finanzjarji b’rekord negattiv f’termini tat-trasparenza, frodi, korruzzjoni u impatti ambjentali u soċjali; iħeġġeġ lill-BEI jifforma sħubijiet ma' intermedjarji finanzjarji trasparenti u responsabbli li għandhom rabtiet stabbiliti fl-ekonomija lokali f'kull pajjiż ta' operazzjoni; jistieden lill-BEI, f'dan il-kuntest, jiżgura trasparenza akbar, speċjalment fl-attività tas-self intermedjat, kif ukoll biex jeżerċita diliġenza dovuta msaħħa fil-prevenzjoni tal-użu tar-rifuġji fiskali, il-prezzijiet ta' trasferimenti, il-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa, u l-evitar jew l-ippjanar tat-taxxa aggressivi; jitlob għall-istabbiliment ta' lista stretta u pubblikament disponibbli ta' kriterji għall-għażla ta' intermedjarji finanzjarji; jistieden lill-BEI jsaħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu ma' istituzzjonijiet nazzjonali tal-kreditu pubbliku sabiex ikabbar kemm jista' jkun l-impatt pożittiv tal-programmi ta' finanzjament tiegħu għall-SMEs;

91.  Jistieden lill-BEI immedjatament jissieħeb fi proċess inklużiv ta’ reviżjoni tal-politika tiegħu dwar Ġurisdizzjonijiet li Ma Jikkooperawx, b’kunsiderazzjoni dovuta għall-iżviluppi riċenti f’dan ir-rigward fil-livell tal-UE u dak internazzjonali; jitlob għaldaqstant lill-BEI jiżgura li l-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha involuti fil-proġetti tiegħu pubblikament jiżvelaw is-sjieda benefiċjarja ta’ kwalunkwe struttura legali relatata direttament jew indirettament mal-kumpanija, inklużi fiduċjarji, fondazzjonijiet u kontijiet tal-bank;

92.  Jitlob ukoll lista pubblika ta’ esklużjoni għal intermedjarji finanzjarji li tkun żviluppata b’mod konġunt mal-Kummissjoni, ibbażata fuq ir-rekord tagħhom fir-rigward ta’ trasparenza, frodi, konnessjonijiet ma’ ġurisdizzjonijiet offshore u impatti soċjali u ambjentali;

93.  Iqis li huwa fundamentali li l-BEI jżomm il-klassifikazzjoni tal-kreditu tiegħu ta' AAA li bih seta' jissellef EUR 71 biljun minn fuq is-swieq kapitali internazzjonali matul l-2012 b’rati favorevoli; iħeġġeġ lill-BEI, madankollu, biex isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jipprijoritizza proġetti b’valur miżjud ogħla u b’riskju ogħla;

94.  Ifakkar u jenfasizza, bħal fis-snin ta’ qabel, il-ħtieġa tas-superviżjoni bankarja prudenzjali tal-BEI u jitlob li jsir studju ġuridiku biex jesplora l-mezzi biex tinstab soluzzjoni possibbli għal din il-kwistjoni;

95.  Jipproponi li din is-superviżjoni regolatorja:

   (i) tiġi eżerċitata mill-BĊE abbażi tal-Artikolu 127(6) TFUE, jew
   (ii) tiġi eżerċitata fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja futura prevista fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Settembru 2012 jew
   (iii) fin-nuqqas ta' dan, u abbażi ta’ approċċ volontarju mill-BEI, titwettaq mill-Awtorità Bankarja Ewropea, bil-parteċipazzjoni ta’ wieħed jew diversi superviżuri nazzjonali jew mingħajrha, jew inkella minn awditur indipendenti;
   (iv) jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma pproponiet xejn f’dan ir-rigward, minkejja t-talbiet tal-Parlament, li jmorru lura għall-2007;

96.  Jilqa’ l-iżviluppi interni ġodda fil-BEI relatati mal-konformità ġenerali mal-aħjar prattiki bankarji; jitlob li s-sħabbankarji tal-BEI jkunu konformi wkoll mal-aħjar prattiki bankarji li huma kompatabbli mad-dritt tal-Unjoni dwar is-servizzi finanzjarji u mal-istabbiltà tas-suq finanzjarju, fil-kuntest tal-operazzjonijiet tiegħu kemm fi ħdan kif ukoll barra l-UE; jitlob li l-BEI, fil-pjan ta’ ħidma annwali tiegħu, jinkludi eżerċizzju ta' awditjar ta’ qasam wieħed ta’ attività sabiex jagħti assigurazzjoni li l-aħjar prattiki bankarji huma parti mill-proċeduri interni miktuba tal-Bank;

97.  Jistieden lill-BEI jżid aktar it-trasparenza u l-aċċessibbiltà tal-attivitajiet, l-evalwazzjonijiet u l-eżiti tiegħu permezz ta' aċċess aħjar għall-informazzjoni, kemm internament għall-persunal tal-BEI, billi jinkorpora l-parteċipazzjoni fil-laqgħat interni rilevanti tal-BEI, kif ukoll esternament, pereżempju fuq il-websajt tiegħu;

98.  Jilqa’ l-fatt li l-BEI ħa miżuri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, u saħħaħ r-riżorsi tal-funzjoni tal-konformità tiegħu permezz tal-ħatra ta’ Uffiċjal Kap għall-Konformità tal-Grupp; jitlob li l-Parlament jiġi aġġornat b’mod regolari dwar ir-riżultati ppreżentati fir-rapport tal-Uffiċjal Kap għall-Konformità tal-Grupp;

99.  Jistieden lill-BEI jsegwi r-rapportar għal kull pajjiż individwali sabiex ikun miġġieled il-finanzjament ta’ attivitajiet illegali; iqis li, sabiex ikunu eliġibbli għall-finanzjament mill-BEI, il-benefiċjarji kollha, kemm jekk huma korporazzjonijiet jew intermedjarji finanzjarji, li huma inkorporati f’ġurisdizzjonijiet differenti għandhom ikunu obbligati li jiżvelaw informazzjoni fil-livell tal-pajjiż dwar il-bejgħ, l-assi, l-impjegati, il-profitti u l-pagamenti tat-taxxa tagħhom f’kull pajjiż li joperaw fih fir-rapporti annwali awditjati tagħhom; iqis ukoll li l-benefiċjarji jridu jagħmlu l-kuntratti mal-gvernijiet ospitanti disponibbli għall-pubbliku u b’mod partikolari jiżvelaw ir-reġim fiskali f’kull pajjiż li joperaw fih;

100.  Jitlob li l-ambjent tal-kontrolli jiġi adattat biex jakkomoda żidiet futuri fil-volum tat-talbiet għall-finanzjament iġġenerati bħala riżultat taż-żieda fil-kapital tal-BEI u fi sħubiji finanzjarji oħra, prinċipalment għall-funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju;

Is-segwitu tal-BEI tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament

101.  Jistieden lill-BEI jirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali u l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti maħruġa mill-Parlament f'kull rapport annwali, speċjalment fir-rigward tal-impatt tal-attivitajiet ta' self tiegħu fid-diversi reġjuni tal-operazzjonijiet għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fihom u fl-UE, u għall-integrazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-pajjiżi kandidati u dawk tal-viċinat;

o
o   o

102.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2012)0404.
(2) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 131.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0057.
(4) ĠU L 280, 27.10.2011, p.1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza