Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2008(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0131/2014

Testi mressqa :

A7-0131/2014

Dibattiti :

PV 10/03/2014 - 17
CRE 10/03/2014 - 17

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2014 - 9.26
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0204

Testi adottati
PDF 348kWORD 123k
It-Tlieta, 11 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
L-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2013
P7_TA(2014)0204A7-0131/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2013 (2014/2008(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-sinifikat tad-dritt ta' petizzjoni u l-importanza li l-korpi parlamentari jkunu immedjatament konxji mit-tħassib speċifiku u mill-fehmiet taċ-ċittadini u r-residenti Ewropej, kif previst fl-Artikoli 24 u 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u partikolarmentl-Artikolu 44 tagħha dwar id-dritt ta' petizzjoni lill-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-proċedura ta’ ksur, partikolarmentl-Artikoli 258 u 260,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 48 u 202(8) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7‑0131/2014),

A.  b'kont meħud li l-petizzjonijiet riċevuti fis-sena 2013, li kienet “is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini”, kienu jammonatw għal 2 885, li jirrappreżentaw żieda ta' kważi 45 % fuq is-sena 2012; u jinnota li kważi 10 000 petizzjoni ġew reġistrati s’issa fil-leġiżlatura attwali;

B.  billi għalkemm tali ċifra tibqa’ modesta meta mqabbla mal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea, hija madankollu indikattiva taż-żieda notevoli fis-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini individwali, il-komunitajiet lokali, l-NGOs, l-assoċjazzjonijiet volontarji u n-negozji privati dwar id-dritt ta’ petizzjoni u l-istennijiet leġittimi dwar l-utilità tal-proċess ta’ petizzjonijiet bħala mezz biex tinġibed l-attenzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej u tal-Istati Membri għat-tħassib tagħhom;

C.  billi ċ-ċittadini Ewropej huma direttament rappreżentati mill-unika istituzzjoni tal-UE eletta minnhom – il-Parlament Ewropew; b'kont meħud li d-dritt ta' petizzjoni joffrilhom iċ-ċans li jindirizzaw, direttament, lir-rappreżentanti tagħhom;

D.  b'kont meħud li d-dritt ta' petizzjoni jtejjeb ir-rispons tal-Parlament Ewropew fir-rigward taċ-ċittadini u r-residenti tal-Unjoni, fl-istess waqt jista' jagħti lin-nies b’mekkaniżmu miftuħ, demokratiku u trasparenti għall-ksib, meta leġittimu u ġustifikat, ta’ rimedju mhux ġudizzjarju għall-ilmenti tagħhom, notevolment fir-rigward ta' problemi dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea; billi l-petizzjonijiet jipprovdu feedback importanti lil-leġiżlaturi u lill-korpi eżekuttivi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;

E.  billi għandu jiġi evitat iktar telf irreparabbli tal-bijodiversità, speċjalment fis-siti nominati Natura 2000; billi l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jiżguraw il-protezzjoni ta’ żoni ta’ konservazzjoni speċjali skont id-Direttiva tal-Ħabitats (92/43/KEE) u d-Direttiva dwar l-Għasafar (79/409/KEE); billi, minkejja li l-Kummissjoni tista’ tikkontrolla bis-sħiħ il-konformità mad-dritt tal-UE biss meta tittieħed deċiżjoni finali mill-awtoritajiet nazzjonali, huwa importanti – partikolarment, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali – li jkun vverifikat fi stadju bikri li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali japplikaw b’mod korrett ir-rekwiżiti proċedurali rilevanti kollha taħt id-dritt tal-UE, inkluż l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-prekawzjoni;

F.  billi jeħtieġ li tikber il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, bl-għan li tissaħħaħ il-leġittimità u r-responsabbiltà tagħha; billi l-proċess ta’ petizzjonijiet jikkostitwixxi wkoll mezz li jistabbilixxi verifika fattwali fir-rigward tat-tensjonijiet li jeżistu fi ħdan is-soċjetajiet Ewropej, partikolarmentwaqt żminijiet ta’ kriżi ekonomika u tqanqil soċjali, bħal kif irriżulta mill-impatt tal-waqgħa tas-swieq finanzjarji u s-sistemi bankarji dinjin fuq il-popli tal-Ewropa; ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet organizza seduta pubblika bl-involviment tal-petizzjonanti dwar dan is-suġġett f’Settembru 2013; billi ħafna petizzjonijiet dwar prattiċi ħżiena u abbużi finanzjarji relatati mad-drittijiet tal-konsumaturi fis-settur bankarju ġibdu l-attenzjoni tal-kumitat, u partikolarment il-konsegwenzi drammatiċi tal-evizzjonijiet mid-dar għal familji sħaħ b’riżultat ta’ klawżoli abbużivi fl-ipoteki;

G.  billi dawn il-petizzjonijiet hekk kif indirizzati lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet spiss ipprovdew input siewi lil kumitati oħra tal-Parlament Ewropew li huma responsabbli għall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni li tkun imfassla biex tistabbilixxi bażi soċjoekonomika u ambjentali aktar sigura, soda, ġusta u prosperuża għall-futur taċ-ċittadini u r-residenti kollha Ewropej;

H.  billi kull petizzjoni hija valutata u trattata bil-mertu tagħha, anke meta tkun indirizzata minn ċittadin jew resident Ewropew wieħed, u kull petizzjonant għandu d-dritt li jirċievi tweġiba fil-lingwa tiegħu, sakemm din tkun lingwa uffiċjali tal-Unjoni;

I.  b'kont meħud li, skont it-tip u l-kumplessità tal-petizzjoni riċevuta, iż-żmien tal-ipproċessar u tat-tweġiba għaliha jvarja, imma li għandu jsir kull sforz sabiex tingħata tweġiba xierqa għat-tħassib tal-petizzjonanti f'limitu ta'żmien raġonevoli, mhux biss f’termini ta’ proċedura imma anke ta’ sustanza;

J.  billi dawk il-petizzjonanti li jkollhom il-petizzjonijiet tagħhom diskussi sussegwentement waqt il-laqgħat regolari tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistgħu jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-proċess, u għandhom id-dritt li jressqu l-petizzjoni tagħhom flimkien ma’ aktar informazzjoni dettaljata u b'hekk jikkontribwixxu b’mod attiv għax-xogħol tal-kumitat, bl-għoti ta' informazzjoni addizzjonali u diretta lill-membri tal-Kumitat u lill-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-Istati Membri li jistgħu jkunu preżenti; u billi fl-2013 attendew 185 petizzjonant u kienu involuti b’mod attiv fid-deliberazzjonijiet tal-Kumitat;

K.  b'kont meħud li l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet huma bbażati kompletament fuq l-input u l-kontribuzzjonijiet riċevuti mingħand il-petizzjonanti, flimkien mar-riżultati tal-investigazzjonijiet proprji, u f’kull każ kif supplementati fejn meħtieġ b’kompetenza esperta addizzjonali mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Istati Membri jew minn entitajiet oħra; u billi l-aġendi tiegħu huma pprijoritizzati u organizzati abbażi tad-deċiżjonijiet meħuda b’mod demokratiku mill-membri tiegħu;

L.  b'kont meħud li l-kriterji stabbiliti għall-ammissibiltà tal-petizzjonijiet, skont it-termini tat-Trattat u r-regoli tal-Parlament, jindikaw li petizzjoni għandha tikkonċerna kwistjoni li taqa’ taħt l-oqsma tal-attività tal-Unjoni u li taffettwa l-petizzjonant b’mod dirett; u billi b’riżultat ta’ dan, numru ta’ petizzjonijiet riċevuti jiġu dikjarati inammissibbli minħabba li ma jikkorrispondux għal dawn il-kriterji;

M.  billi l-jedd ta' petizzjoni huwa għodda ewlenija għall-parteċipazzjoni u l-kontroll demokratiku miċ-ċittadini, u l-implimentazzjoni xierqa tiegħu għandha tiġi żgurata mill-bidu sal-aħħar tal-proċess; billi dan id-dritt għandu jibqa’ ggarantit bis-sħiħ, indipendentement mill-interessi governattivi; billi dan il-prinċipju għandu jkun promoss b'mod eżemplari fil-livell tal-UE fl-immaniġġjar tal-petizzjonijiet fi ħdan il-Parlament u mill-Kummissjoni;

N.  billi l-kriterji msemmija hawn fuq ġew ittestjati quddiem il-qrati u billi d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, pereżempju fil-Kawża T-308/07, ikkonfermaw il-kriterji relatati mad-dritt ta' petizzjoni u l-fatt li dikjarazzjonijiet rigward petizzjonijiet inammissibbli għandhom ikunu sustanzjati u ġustifikati mill-Kumitat fil-korrispondenza sussegwenti tiegħu mal-petizzjonant; u billi pereżempju fil-Kawżi T-280/09 u T-160/10, fir-rigward ta’ petizzjonijiet li jistgħu jkunu kkunsidrati bħala impreċiżi wisq fil-kontenut tagħhom;

O.  billi flimkien ma’ petizzjonijiet riċevuti relatati mal-impatt tal-kriżi fuq iċ-ċittadini u r-residenti Ewropej, kwistjonijiet ewlenin oħra ta’ tħassib għall-petizzjonanti huma dawk relatati mal-liġi ambjentali - partikolarment kwistjonijiet li jikkonċernaw l-immaniġġjar tal-iskart, id-drittijiet fundamentali - partikolarment kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tan-nies b’diżabilità u oħrajn relatati mas-saħħa, id-dritt ta’ proprjetà personali u immobbli, kwistjonijiet li jikkonċernaw il-moviment ħieles ta’ persuni, forom differenti ta’ diskriminazzjoni u partikolarment għal raġunijiet etniċi, kulturali jew ta’ lingwa, viżi, immigrazzjoni u impjiegi, u petizzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-ġustizzja, il-korruzzjoni allegata, id-dewmien fil-proċessi legali u bosta oqsma oħra ta’ attività;

P.  b'kont meħud li billi ħafna petizzjonanti, speċjalment fost is-setturi żgħażagħ tal-popolazzjoni, jagħmlu użu kbir mill-midja soċjali bħala mezz ta' komunikazzjoni, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet żviluppa n-netwerk tiegħu stess taħt l-awspiċi tal-Parlament Ewropew u qed jiġi segwit b’mod regolari minn numru dejjem akbar ta’ persuni fuq midja soċjali prinċipali, li huma attivi b’mod speċjali u utli waqt il-ħinijiet tal-laqgħat tal-Kumitat; u billi żviluppa wkoll il-bullettin tal-Kumitat, PETI Journal, li għandu numru sinifikanti ta’ abbonati regolari, attwalment 1 500;

Q.  billi, f’dan l-istess kuntest, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kien qiegħed jaħdem flimkien mas-servizzi rilevanti fi ħdan il-Parlament Ewropew biex jiżviluppa portal tal-web multilingwali ġdid li jissostitwixxi l-faċilità elettronika, ferm aktar limitata ta’ qabel, għas-sottomissjoni ta' petizzjoni fuq il-websajt tal-Europarl; billi l-portal il-ġdid huwa mfassal sabiex iżid l-effiċjenza amministrattiva filwaqt li jtejjeb it-trasparenza u l-interattività tal-proċess għall-petizzjonijiet għall-benefiċċju tal-petizzjonanti u tal-membri tal-Parlament Ewropew kif ukoll tal-pubbliku ġenerali;

R.  ifakkar, f’dan il-kuntest, il-pożizzjoni li kkonferma abbażi tar-Rapport Annwali 2012 li ddeċieda li jkabbar l-effikaċja, it-trasparenza u l-imparzjalità tal-proċedura tal-petizzjoni, filwaqt li jippreserva d-drittijiet parteċipatorjii tal-membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex il-ġestjoni tal-petizzjonijiet tissodisfa l-iskrutinju ġudizzjarju, anke f'livell proċedurali;

S.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għad għandu interess attiv fil-mod li bih ir-Regolament li jikkonċerna l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej qed jiġi applikat u huwa konxju tad-dgħufijiet u n-natura pjuttost burokratika tal-qafas legali eżistenti li ma jirriflettix bis-sħiħ l-ispirtu tad-dispożizzjoni tat-Trattat, dan minkejja l-isforzi tal-Kumitati AFCO u PETI fit-tfassil tiegħu; u billi, skont it-termini tal-klawżola ta’ reviżjoni, il-Parlament għandu jipparteċipa fid-diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tar-Regolament wara tliet snin mit-tħaddim tiegħu;

T.  billi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ICI rigward l-organizzazzjoni ta’ seduta pubblika fil-bini tal-Parlament Ewropew għal Inizjattiva ta’ suċċess se jiġu implimentati dalwaqt, bl-involviment tal-kumitat ewlieni b’kompetenza leġiżlattiva dwar is-suġġett tal-Inizjattiva, flimkien mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, skont it-termini tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament u tar-regoli ta’ implimentazzjoni adottati mill-Bureau;

U.  b'kont meħud tar-rwol siewi ta’ żjarat għal ġbir ta’ informazzjoni dwar il-petizzjonijiet li jkunu qed jiġu investigati, li l-Kumitat jorganizza b’mod regolari dwar kwistjonijiet li jkunu ngħataw prijorità speċifika, u l-bżonn li r-rapporti dwar dawn iż-żjarat jkunu tal-ogħla livell ta’ kwalità u kredibilità u li għandhom jitfasslu f’kooperazzjoni leali li twassal għal kunsens mixtieq fost il-parteċipanti; ifakkar fiż-żjarat li saru fl-2013 fi Spanja (darbtejn), fil-Polonja, fid-Danimarka, u fil-Greċja; billi aktar flessibilità fl-arranġamenti prattiċi ta’ dawn il-missjonijiet, partikolarmentfil-ġimgħat eliġibbli, għandha tikkontribwixxi għal suċċess anke akbar ta’ dawn iż-żjarat, partikolarment fir-rigward tad-disponibilità tal-membri u t-tnaqqis tar-riskju li jitħassru;

V.  b'kont meħud tar-responsabbiltajiet tal-Kumitat fir-rigward tal-uffiċċju tal-Ombudsman Ewropew, li hu responsabbli mill-investigazzjoni ta' lmenti minn ċittadini tal-UE dwar il-possibilità ta' amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, u li dwarhom joħroġ ukoll ir-Rapport Annwali, ibbażat fuq ir-Rapport Annwali proprju tal-Ombudsman Ewropew; u jfakkar li fl-2013 il-Kumitat kien involut b’mod attiv fl-organizzazzjoni tal-elezzjoni ta’ Ombudsman Ewropew ġdid wara l-irtirar tas-Sur Nikiforos Diamandouros minn din il-kariga;

W.  billi għalkemm l-Ombudsman Ewropew ġdid, is-Sinjura Emily O’Reily, ġiet eletta b’suċċess sabiex isservi mill-1 ta’ Ottubru 2013 mill-Membri tal-Parlament Ewropew, għandha ssir elezzjoni ġdida fil-bidu tal-leġiżlatura li jmiss, kif previst fir-Regola 204 tar-Regoli ta’ Proċedura u billi jkun għaqli li jiġi żgurat li regoli ċari u trasparenti għall-proċess ikunu ppubblikati fi żmien xieraq, li jiċċaraw aktar ir-responsabbiltà tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet f’dan il-proċess u li jiżguraw trasparenza adegwata għall-elezzjoni, partikolarment permezz ta’ faċilità tal-web dedikata u mtejba;

X.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa membru tan-netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi xi Kumitati għall-Petizzjonijiet minn parlamenti nazzjonali, fejn dawn jeżistu, u billi jidher li huwa importanti li l-kooperazzjoni bejn il-Kumitati għall-Petizzjonijiet infushom tkun aktar enfasizzata u, fejn prattiku, imsaħħa aktar u billi l-Parlament Ewropew jista' jwettaq rwol ċentrali f’dan l-iżvilupp fl-interess taċ-ċittadini Ewropej;

Y.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandu l-ħsieb li jkun għodda utli u trasparenti għas-servizz taċ-ċittadini u r-residenti Ewropej, li jeżerċità kontroll demokratiku u skrutinju fuq ħafna aspetti ta’ attività tal-Unjoni Ewropea, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-liġijiet tal-UE mill-awtoritajiet nazzjonali; u billi jista’ jikkontribwixxi aktar, abbażi tal-petizzjonijiet riċevuti, min-naħa waħda għal applikazzjoni iżjed koerenti u koordinata tal-leġiżlazzjoni tal-UE u minn naħa l-oħra għat-titjib fil-leġiżlazzjoni futura tal-UE billi jiġbed l-attenzjoni għal-lezzjonijiet li għandhom jittieħdu mis-sustanza tal-petizzjonijiet riċevuti.

Z.  billi dan ir-rapport huwa l-aħħar Rapport annwali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tas-7 leġiżlatura tal-Parlament Ewropew u li għalhekk qed jiddeskrivi l-attivitajiet tal-Kumitat fl-2013, kif ukoll jagħti ħarsa lejn il-leġiżlatura kollha u jivvaluta sa liema punt il-Kumitat PETI rnexxielu jilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona;

1.  Jirrikonoxxi r-rwol sostanzjali u fundamentali tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fid-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE, billi jiżgura li permezz tal-proċess ta’ petizzjonijiet it-tħassib tal-petizzjonanti jiġi rikonoxxut aħjar u l-ilmenti leġittimi tagħhom jiġu riżolti fejn possibbli, fi żmien raġonevoli;

2.  Huwa determinat li jagħmel il-proċedura ta' petizzjoni aktar effiċjenti, trasparenti u imparzjali filwaqt li jippreserva d-drittijiet parteċipattivi tal-Membri tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex il-ġestjoni tal-petizzjonijiet tissodisfa l-iskrutinju ġudizzjarju anke fil-livell proċedurali;

3.  Jenfasizza li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, flimkien ma’ istituzzjonijiet u korpi oħra, bħall-kumitati ta’ inkjesta u l-Ombudsman Ewropew, għandu jkollu rwol indipendenti u definit biċ-ċar bħala punti ta’ kuntatt għal kull ċittadin individwali; jenfasizza l-fatt li dawn il-korpi, flimkien mal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej huma għodda fundamentali għal UE demokratika u l-ħolqien ta’ demos Ewropej, u li l-aċċess xieraq u l-funzjonament affidabbli tagħhom għandhom jiġu ggarantiti;

4.  Jenfasizza li matul il-leġiżlatura attwali, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kien qed jegħleb l-isfidi sabiex jilħaq l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-importanza tal-involviment dirett taċ-ċittadini fl-attività tal-Parlament u li jkollhom it-tħassib, il-proposti jew l-ilmenti tagħhom indirizzati b'mod speċifiku mill-membri tal-Kumitat; jirrimarka l-ammont ta’ xogħol li kien sar biex ikun riżolt il-ksur possibbli tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni tal-liġijiet Ewropej; filwaqt li jżomm ir-rwol importanti li jerġa’ joħloq rabta maċ-ċittadini Ewropej u jsaħħaħ il-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE;

5.  Ifakkar ir-rwol ewlieni tal-Kummissjoni fl-għoti ta' assistenza għat-trattament tal-każijiet mqajma mill-petizzjonijiet; iqis li l-investigazzjoni tal-petizzjonijiet mill-Kummissjoni għandha tkun approfondita u għandha tiffoka fuq is-sustanza tal-każijiet fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza f’dawn il-proċessi u ta’ aċċess pubbliku xieraq għad-dokumenti rilevanti u l-informazzjoni relatata mal-każ;

6.  Jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ proattiv u azzjoni korrettiva preventiva fil-ħin mill-Kummissjoni, anke meta jkun hemm evidenza sostanzjata li ċertu proġetti ppjanati u ppubblikati setgħu kisru l-leġiżlazzjoni tal-UE;

7.  Josserva l-varjetà ta’ oqsma tematiċi ewlenin ikkonċernati fil-petizzjonijiet taċ-ċittadini, bħad-drittijiet fundamentali, is-suq intern, il-liġi ambjentali, kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika, il-kura tat-tfal, it-trasport u l-kostruzzjonijiet, il-Liġi Kostali Spanjola, ir-Regolament il-ġdid dwar amministrazzjoni tajba, il-persuni b’diżabilità, id-dsikriminazzjoni abbażi tal-età, l-aċċess pubbliku għal dokumenti, l-Iskejjel Ewropej, l-Unjoni Fiskali, u l-Industrija tal-Azzar, id-drittijiet tal-annimali u bosta oħrajn;

8.  Jikkunsidra li l-petizzjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma tematiċi msemmija jixhdu li l-frekwenzi ta’ sitwazzjonijiet mifruxa ta’ traspożizzjoni mhux sodisfaċenti tal-leġiżlazzjoni tal-UE jew applikazzjoni żbaljata tal-liġi għadha problema;

9.  Jikkunsidra l-importanza li tittejjeb il-kooperazzjoni mal-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, fuq bażi ta’ reċiproċità, u, fejn hu meħtieġ, li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiġu inkoraġġiti sabiex jittrasponu u japplikaw il-leġiżlazzjoni tal-UE bi trasparenza sħiħa; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-Istati Membri u jiddeplora t-traskuraġni ta’ ċerti Stati Membri fir-rigward tat-traspożizzjoni sħiħa u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea, partikolarment dwar kwistjonijiet ambjentali;

10.  Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jikkunsidra l-petizzjonijiet ammissibbli relatati mal-prinċipji u l-kontenut tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħala parti inerenti tal-attività tiegħu, u jsegwi l-investigazzjonijiet tiegħu skont il-merti ta’ kull każ, u jfakkar li, minħabba l-eżistenza tal-Artikolu 51 tal-Karta, il-Kummissjoni ħafna drabi ħasset li mhix kapaċi taġixxi meta mitluba tagħmel dan mill-Kumitat; jenfasizza l-fatt li l-aspettattivi taċ-ċittadini huma ħafna akbar minn dawk previsti mid-dispożizzjonijiet strettament legali tal-Karta;

11.  Jifraħ lill-Kumitat għax-xogħol li wettaq fir-rigward ta’ petizzjonijiet riċevuti dwar kwistjonijiet relatati ma’ diżabilità, u li dwarhom kien hemm żieda sinifikanti fl-2013; jinnota l-isforzi li saru sabiex tkun żgurata tnedija b’suċċess tal-qafas tal-UE skont it-termini tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità fejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet kien assoċjat mal-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità, u jinnota r-rieda tal-Kumitat li jkompli jappoġġja din l-attività; jiddispjaċih għat-tmiem tal-parteċipazzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan il-Qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) u għal fatt li dan kien sostitwit minn kumitati leġiżlattivi li għandhom ukoll responsabbiltà f’dan il-qasam, u jikkunsidra li din id-deċiżjoni tal-aħħar kienet ibbażata fuq miżinterpretazzjoni tal-funzjonijiet attribwiti skont il-Qafas tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) ;

12.  Jinnota l-livell għoli ta’ attenzjoni li ngħataw ċertu petizzjonijiet ewlenin riċevuti rigward l-iżvilupp propost ta’ ajruport ġdid f’Notre-Dame-des-Landes, qrib Nantes; jirrikonoxxi li ġew kontribuzzjonijiet sinifikanti riċevuti minn petizzjonanti li opponew l-iskema għal raġunijiet ambjentali u li petizzjoni sostanzjali ġiet riċevuta wkoll minn dawk favur il-proġett u li dan wassal għal dibattitu intensiv fil-Kumitat bl-involviment tal-awtoritajiet Franċiżi u d-Direttur Ġenerali għall-Ambjent tal-Kummissjoni flimkien mal-petizzjonanti ewlenin; iqis li din it-tip ta' diskussjoni serja mhux biss ittejjeb l-għarfien pubbliku u tippermetti liċ-ċittadini li jipparteipaw b’mod attiv u leġittimu, imma jagħmluha wkoll possibbli li ħafna fatturi kontroversjali assoċjati mal-proġett li allegatament huma f’konflitt mal-liġi tal-UE jiġu ċċarati u li jiġu identifikati rimedji li jippermettu rispett xieraq għal-leġiżlazzjoni Ewropea kif għandha tapplika f’dawn iċ-ċirkostanzi;

13.  Jirrikonoxxi li fl-2013, ħafna petizzjonanti esprimew il-preokkupazzjoni tagħhom għall-inġustizzji li jidher li qegħdin iseħħu fid-Danimarka rigward il-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji relatati ma’ separazzjoni tal-ġenituri u divorzju u l-kustodja sussegwenti ta’ tfal żgħar; jinnota f’dan il-kuntest, li fil-każ ta’ koppji binazzjonali li jkun hemm eżempji ċari ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ nazzjonalità favur il-konjuġi tal-Istat Membru fejn għaddejjin il-proċeduri u kontra l-konjuġi li ma jkunx ċittadin ta’ dak l-Istat, b’riperkussjonijiet severi u ħafna drabi negattivi u drammatiċi fuq id-drittijiet tat-tfal; jinnota f’dan il-kuntest ksur serju tad-Drittijiet Fundamentali kemm tal-petizzjonant kif ukoll tat-tfal; jinnota li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet għamel żjara għal ġbir ta’ informazzjoni fid-Danimarka biex jinvestiga dawn it-talbiet direttament fil-post fejn jidher li s-sitwazzjoni hi partikolarment gravi; jinnota li ġew reġistrati wkoll xi każijiet f’pajjiżi oħra, partikolarmentfil-Ġermanja (speċjalment f'każijiet li jikkonċernaw l-attivitajiet tal-Jugendamt), fi Franza u fir-Renju Unit;

14.  Ifakkar fl-investigazzjonijiet imwettqa abbażi tal-petizzjonijiet riċevuti matul it-terminu parlamentari, dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart u r-Rapport adottat fuq dak is-suġġett; ifakkar dwar ir-rakkomandazzjonijiet li jikkonċernaw in-nuqqas ta' teħid ta' deċiżjoni fir-rigward tal-miżbliet u l-effett li dawn għandhom fuq il-popolazzjonijiet lokali; jenfasizza li s-sitwazzjoni għadha ’l bogħod milli tkun solvuta, hekk kif il-petizzjonijiet ġew diskussi aktar tard, partikolarment fir-rigward tal-persistenza tan-nirien tossiċi kkawżati minn skart industrijali li jniġġes ħafna f’xi żoni tal-Campania, u fil-Lazio minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza dwar il-pjanijiet u l-ġestjoni istituzzjonali ta' dawn l-aħħar xhur wara l-għeluq skedat tal-miżbla ta’ Malagrotta, li llum hija suġġetta għal inkjesti ġudizzjarji ta’ livell għoli; ifakkar dwar iż-żjara intensiva għal ġbir ta’ informazzjoni fil-Greċja li saret fil-ħarifa tal-2013 fuq l-istess suġġett, li ġibdet l-attenzjoni għan-nuqqasijiet fl-applikazzjoni tad-Direttivi rilevanti relatati mal-iskart, in-nuqqas ta’ progress fl-immaniġġjar tal-iskart f’dak li jirrigwarda l-pjanijiet u s-sistemi li jinsabu ’l fuq fil-ġerarkija tal-iskart, kif ukoll għall-impatt fuq saħħet il-popolazzjonijiet f’ċertu żoni tal-Greċja; jinnota li diversi petizzjonijiet oħra dwar nuqqasijiet fl-immaniġġjar tal-iskart ġew sottomessi reċentement rigward Stati Membri oħra, u partikolarmentfir-reġjun ta’ Valenzja fi Spanja u fir-Renju Unit;

15.  Jirrikonoxxi r-rapport dwar iż-żjara għal ġbir ta’ informazzjoni fil-Polonja fejn ġie investigat sit propost ta’ minjiera miftuħa fis-Sileżja t’Isfel; laqa’ wkoll id-diskussjonijiet intensivi li saru f'din l-okkażjoni mal-petizzjonanti u mal-awtoritajiet nazzjonali rigward l-esplorazzjoni possibbli u l-isfruttament tar-riżervi tal-gass tax-shale, li dwarhom il-Kumitat kien diġà għamel sessjoni ta’ ħidma fl-2012;

16.  Jenfasizza x-xogħol kostruttiv ferm li twettaq mill-Kumitat kollu fir-rigward ta’ petizzjonijiet riċevuti rigward il-liġi Spanjola dwar il-ġestjoni tal-kosta (Ley de Costas) kemm fir-rigward tar-riżultati u l-konklużjonijiet taż-żjara għal ġbir ta’ informazzjoni kif ukoll fir-rigward tal-kooperazzjoni kemm mal-petizzjonanti kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli; ifakkar li grupp ta’ ħidma speċjali ad hoc ġie stabbilit mill-Kumitat biex jinvestiga din il-kwistjoni kumplessa f’aktar dettall u biex jiżgura kollaborazzjoni man-numru kbir ta’ petizzjonanti kkonċernati; jirrikonoxxi li għalkemm inkisbu xi avvanzi għall-petizzjonanti fil-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata mill-Parlament Spanjol, ; jitlob lill-Kummissjoni sabiex b’mod attiv tkompli ssegwi din il-kwistjoni;

17.  Jilqa’ l-fatt li, waqt iż-żjara għal ġbir ta’ informazzjoni fil-Galicia, li saret fi Frar 2013, saru diskussjonijiet estensivi mal-petizzjonanti u l-awtoritajiet reġjonali dwar kwistjonijiet li jirrelataw man-nuqqas ta’ faċilitajiet xierqa ta’ trattament tal-ilma mormi fir-reġjun; jirratifika l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ppreżentati fir-rapprt (tal-missjoni għall-ġbir tal-informazzjoni) approvati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fis-17 ta' Diċembru 2013, fir-rigward tal-bżonn li jkomplu l-isforzi tagħhom sabiex jispiċċaw it-tindif u r-riġenerazzjoni tar-rías;

18.  Jenfasizza r-rwol ta’ obbligu ta’ rapportar tal-Kumitat; jiġbed l-attenzjoni għal diversi riżoluzzjonijiet li ġew adottati fl-2013 f’forma ta’ rapporti bħar-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew dwar l-immaniġġjar mill-Kummissjoni ta’ nuqqasijiet fil-valutazzjoni tal-impatt ambjentali fil-proġett ta’ tkabbir tal-ajruport ta’ Vjenna, minbarra r-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet kollha tal-Ombudsman Ewropew; jenfasizza l-input rilevanti li mogħti mill-Kumitat grazzi għall-għarfien espert miksub matul iż-żmien permezz tal-immaniġġjar ta’ ħafna każijiet konkreti fis-sura ta' opinjonijiet lill-kumitati ewlenin u partikolarment għar-reviżjoni tad-Direttiva VIA kif ukoll l-opinjoni dwar il-postijiet ta' ħidma tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea; jemmen li grazzi għal dawn id-dokumenti, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jista’ jressaq lill-plenarja l-kwistjonijiet ta’ importanza għaċ-Ċittadini Ewropej;

19.  Ifakkar li skont l-Artikolu 202(2), il-Kumitat għall-Petizzjonijiet hu ntitolat li jressaq mhux biss rapporti mhux leġiżlattivi fuq inizjattiva proprja fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati ma' bosta petizzjonijiet, iżda ukoll mozzjonijiet qosra għal riżoluzzjonijiet li għandha ssir votazzjoni dwarhom fil-plenarja fir-rigward ta' kwistjonijiet urġenti;

20.  Jemmen li l-organizzazzjoni ta’ seduti pubbliċi hija għodda importanti ħafna biex ikunu eżaminati l-problemi mqajma mill-petizzjonanti; jiġbed l-attenzjoni għas-seduta pubblika li saret dwar l-impatt tal-kriżi fuq iċ-ċittadini Ewropej u dwar l-infurzar mill-ġdid tal-parteċipazzjoni demokratika fil-governanza tal-Unjoni, kif ukoll dwar is-seduta pubblika dwar l-aħjar użu miċ-ċittadinanza tal-UE, li analizzat it-tħassib mqajjem fiż-żewġ aspetti miċ-ċittadini tal-UE abbażi tal-petizzjonijiet riċevuti; iqis li l-informazzjoni pprovduta fil-petizzjonijiet turi l-impatt personali tal-awsterità fuq id-drittijiet tal-petizzjonanti kif ukoll biex turi r-rwol akbar u l-impenn tas-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi li sabiex ikunu indirizzati l-isfidi finanzjarji ta’ għada, l-Ewropa għandha bżonn governanza ekonomika kredibbli, viżibbli u responsabbli; jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra l-ostakoli li fadal sabiex iċ-Ċittadini tal-UE jgawdu d-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE kif ukoll il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni politika taċ-ċittadini tal-UE fil-ħajja tal-UE;

21.  Jikkunsidra importanti ħafna għax-xogħol tiegħu l-użu ta’ forom oħra ta’ attività bħal pereżempju mistoqsijiet parlamentari għal tweġibiet orali li jiġu trattati matul seduti plenarji; ifakkar li huma forma diretta ta’ skrutinju parlamentari ta’ istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE; jirrimarka li uża d-dritt tiegħu 9 darbiet fl-2013 fejn ressaq mistoqsijiet dwar, pereżempju, id-diżabilitajiet, it-trattament xieraq tal-annimali, l-immaniġġjar tal-iskart u l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej; jiddispjaċih bil-kbir għall-fatt li xi uħud mill-inizjattivi proposti mill-Kumitat qed jinżammu milli jiġu implimentati għal bosta xhur qabel ma jiġu diskussi fil-plenarja, biex b'hekk ma jħallux it-tressiq ta' tħassib rikorrenti miċ-ċittadini tal-UE u milli dawn jirċievu risposta diretta mill-Kummissjoni;

22.  Jinnota l-influss kostanti ta’ korrispondenza minn ċittadini li jduru fuq il-Parlament għal rimedju għal kwistjonijiet li jaqgħu 'l barra mill-oqsma ta’ kompetenza tal-UE skont l-Artikolu 227 tat-Trattat kif ukoll l-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jitlob biex jinstabu soluzzjonijiet aħjar biex ikunu indirizzati dawn is-sottomissjonijiet miċ-ċittadini waqt li jitqiesu l-obbligazzjonijiet tal-Parlament fir-rigward tal-korrispondenza tiegħu maċ-ċittadini; jiddispjaċih f’dan ir-rigward bin-nuqqas mis-servizzi xieraq tal-Parlament li jsegwi r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sottomissjonijiet minn ċittadini dwar kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-qasam tal-kompetenza tal-UE, imressqa fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar l-attivitajiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet 2011;

23.  Jirrikonoxxi li l-kwistjonijiet ambjentali jibqgħu prijorità għall-petizzjonanti, u għaldaqstant jenfasizza l-fatt li f’dan il-qasam l-Istati Membri għadhom ’il bogħod; josserva li ħafna mill-petizzjonijiet jiffokaw fuq is-saħħa pubblika, pereżempju l-immaniġġjar tal-iskart, is-sikurezza tal-ilma, l-enerġija nukleari u l-annimali protetti; jirrimarka li ħafna petizzjonijiet jirrigwardjaw proġetti ġodda u li se jsiru aktar ’il quddiem li jżidu l-periklu li jaffettwaw l-oqsma msemmija hawn fuq; ifakkar li waqt li l-Istati Membri jistinkaw sabiex jindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet, huwa ċar li għad hemm ostakoli sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli; jinnota l-każ tal-impjant tal-azzar ILVA f'Taranto li hu wieħed ta' tħassib serju, minħabba d-deterjorazzjoni qawwija ta' kundizzjonijiet ambjentali u fis-sitwazzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni lokali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-mekkaniżmi disponibbli lilha biex tiżgura, kemm jista' jkun, il-konformità immedjata tal-awtoritajiet Taljani mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;

24.  Jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex ikompli jeżamina l-effetti tal-każistika fir-rigward tal-Korporazzjoni tax-Xandir Ellenika (Ellinikí Radiofonía Tileórasi, ERT) dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-konsegwenzi tagħha dwar il-petizzjonijiet u biex tinvestiga l-mistoqsija dwar liema ostakli attwali ċ-ċittadini tal-UE jiffaċċjaw meta japplikaw għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabiex jiksbu interpretazzjonijiet affidabbli ta’ kwistjonijiet ċentrali taħt il-leġiżlazzjoni Ewropea fil-każijiet quddiem il-qrati nazzjonali;

25.  Jilqa’ l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ICI) fl-1 ta’ April 2012, kif ukoll ir-reġistrazzjoni tal-ewwel ICI, iddedikata għall-politiki għaż-Żgħażagħ tal-Ewropa – Fraternità 2020, u l-ICI ta’ suċċess reċenti ddedikata għad-Dritt għall-Ilma; jemmen li l-ICI tikkostitwixxi l-ewwel strument ta’ demokrazija parteċipattiva transnazzjonali u se tagħti liċ-ċittadini l-possibilità li jkunu involuti b’mod attiv fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni Ewropej; jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jipparteċipa fl-organizzazzjoni ta’ seduti pubbliċi għal Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej ta’ suċċess bl-involviment attiv tal-kumitati parlamentari kkonċernati kollha; jenfasizza l-bżonn għal reviżjoni regolari tas-sitwazzjoni attwali tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej, bl-għan li tittejjeb il-proċedura waqt li tiġi limitata l-burokrazija u ostakoli oħra; huwa konxju li l-eżitu tal-ewwel seduti parlamentari tal-ewwel ICIs b’suċċess li qed iseħħu fl-2014 huma kruċjali biex jiġu stabbiliti standards proċedurali għolja u l-aspettattivi taċ-ċittadini dwar l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt fil-ġejjieni, u jimpenja ruħu biex jagħti prijorità istituzzjonali li tiżgura l-effikaċja tal-proċess parteċipattiv.

26.  Japprezza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-2013 bħala s-’Sena Ewropea taċ-Ċittadini’ u li tipprovdi informazzjoni u għarfien importanti għaċ-Ċittadini tal-UE rigward id-drittijiet tagħhom u dwar l-istrumenti demokratiċi disponibbli għalihom biex jasserixxu dawk id-drittijiet; jikkunsidra li s-’Sena Ewropea taċ-Ċittadini’ għandha tintuża għad-disseminazzjoni wiesgħa ta’ informazzjoni dwar l-'Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej', u għalhekk jipprovdi linji gwida ċari u li jistgħu jinftiehmu sabiex titnaqqas ir-rata għolja ta’ inammissibiltà meta mqabbla mar-rata li għadha trid tinstab fil-qasam tal-'petizzjonijiet'; jinsab konvint li l-portal elettroniku tal-petizzjonijiet jirrappreżenta kontribut reali u ta' valur mill-Parlament liċ-ċittadinanza Ewropea;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattat tiżgura li jinstab rimedju għan-nuqqas attwali ta’ implimentazzjoni tal-liġi tal-UE kif muri mill-għadd ta’ petizzjonijiet sottomessi lill-Parlament, sabiex iċ-ċittadini tal-UE jitħallew jieħdu vantaġġ sħiħ mid-drittijiet tagħhom;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi leġiżlazzjoni biex issolvi l-kwistjonijiet marbuta mar-rikonoxximent reċiproku ta’ dokumenti dwar l-istat ċivili u fl-istess waqt jibqa’ jkun hemm rispett għall-politiki soċjali filwaqt li tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri.

29.  Jiddeplora li ċ-ċittadini Ewropej ikomplu jesperjenzaw problemi frekwenti li jiġu kkawżati minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-liġi dwar is-Suq Intern minn awtoritajiet pubbliċi waqt li jeżerċitaw il-moviment ħieles tagħhom;

30.  Jiddeplora li reċentement ir-rapporti dwar il-missjonijiet għal ġbir ta’ informazzjoni u dokumenti oħra ma ġewx tradotti fil-lingwi uffiċjali tal-UE, b’mod speċjali fil-lingwi nazzjonali tal-petizzjonanti;

31.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tan-netwerk SOLVIT, li ta’ sikwit jikxef u jsolvi problemi marbuta mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern; iħeġġeġ għar-rinfurzar ta’ din l-għodda u għal kollaborazzjoni aktar attiva bejn il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u n-netwerk SOLVIT; ifakkar li l-2013 kienet is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini u jagħti rikonoxximent kemm lill-istituzzjonijiet u l-korpi kemm tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Istati Membri li, fid-dawl tal-prinċipji preżenti fit-Trattati u l-fatti li ġew rivelati f’dan ir-rapport, irreklamaw b’mod aktar intensiv is-servizz tagħhom liċ-ċittadini u r-residenti Ewropej matul din is-sena;

Orizzonti ġodda u relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet oħra

32.  Jirrimarka l-importanza li dan ix-xogħol tal-Kumitat ikun aktar sostanzjali fil-Kamra billi jtella’ l-profil tiegħu fil-livell ta’ Kumitat ta’ skrutinju; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet li għadu kemm ġie elett biex jinnomina Rapporteurs Annwali interni dwar il-politiki ewlenin, li huma ta’ tħassib għall-petizzjonanti Ewropej, u jtejjeb il-kooperazzjoni mal-kumitati parlamentari l-oħra billi b’mod sistematiku jistieden lill-membri tagħhom għal dawk id-dibattiti fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet li jikkonċernaw l-oqsma rispettivi ta’ kompetenza leġiżlattiva tagħhom ; jistieden lill-kumitati parlamentari l-oħra jinvolvu aktar lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet bħala kumitat li jista’ jagħti opinjoni dwar rapporti ta’ implimentazzjoni u strumenti oħra li jimmonitorjaw it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni Ewropea fl-Istati Membri; jenfasizza l-importanza, anke minħabba l-ammont dejjem akbar ta’ petizzjonijiet riċevuti u l-impenji relatati magħhom, li l-Kumitat igawdi minn status denewtralizzat fil-portafoll tal-kumitat tal-Parlament; jistieden lis-Seduta Plenarja tal-Parlament Ewropew tiddedika aktar ħin għax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

33.  Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u mal-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri; jikkunsidra l-importanza tagħha sabiex jitjieb id-djalogu strutturat u l-kooperazzjoni sistematika mal-Istati Membri speċjalment mal-Kumitati għall-Petizzjonijiet tal-Parlamenti Nazzjonali, eż. billi jinżammu laqgħat regolari mal-presidenti tal-Kumitati kollha għall-Petizzjonijiet; il-ħolqien ta’ din is-sħubija jippermetti l-aħjar skambju ta’ esperjenza u prattiċi u ukoll prattika iżjed sistemika u effiċjenti ta’ riferiment tal-petizzjonijiet fil-livell u lill-korp kompetenti u fl-aħħar mill-aħħar iqarreb aktar lill-Parlament Ewropew lejn it-tħassib taċ-ċittadini Ewropej; jilqa’ l-istabbiliment fl-Irlanda tal-Kumitat Konġunt ta’ Oireachtas dwar Investigazzjoni, Sorveljanza u Petizzjonijiet, u r-rabtiet utli li stabbilixxa mal-Parlament Ewropew matul din is-sena sabiex jipprovdi servizz anke aqwa liċ-ċittadini; jinnota li l-parlamenti fi Stati Membri oħra bħalissa qed jikkunsidraw li joħolqu kumitati għall-petizzjonijiet jew korpi simili, jew li xi wħud għandhom proċessi oħra biex jittrattaw il-petizzjonijiet;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrikonoxxi kif jixraq ir-rwol li għandhom il-petizzjonijiet fil-kontroll tal-implimentazzjoni effettiva tal-liġi tal-UE minħabba li l-petizzjonijiet sikwit ikunu l-ewwel indikaturi li l-Istati Membri jkunu waqgħu lura fl-implimentazzjoni tal-miżuri legali; jistieden lill-Parlament Ewropew sabiex fil-Ftehim Interistituzzjonali tiegħu mal-Kummissjoni jirrakkomanda li jitnaqqas il-ħin li jittieħed biex twieġeb għat-talbiet tal-Kumitat u biex iżżomm ukoll lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet infurmat dwar l-iżviluppi fil-proċeduri ta’ ksur li għandhom rabta diretta mal-petizzjonijiet; jemmen, f’termini ġenerali l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jipprovdu iżjed informazzjoni u għandhom ikunu iżjed trasparenti fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE, sabiex tiġi miġġielda l-perċezzjoni dejjem akbar ta’ nuqqasijiet demokratiċi;

35.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri hija essenzjali għall-ħidma tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkollhom rwol proattiv rigward it-tweġibiet għal petizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġi Ewropea, u jikkunsidra importanti ħafna l-preżenza u l-kooperazzjoni attiva tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet; huwa determinat li jżomm kooperazzjoni mill-qrib u kommunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini;

36.  Jenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni msaħħa mal-Ombudsman Ewropew billi jiġi stabbilit ftehim interistituzzjonali ġdid; jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-Parlament Ewropew fin-netwerk tal-Ombudsmen Nazzjonali; ifaħħar ir-relazzjonijiet eċċellenti fil-qafas istituzzjonali bejn l-Ombudsman u dan il-Kumitat; japprezza b’mod speċjali l-kontribuzzjonijiet regolari mill-Ombudsman għax-xogħol tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet matul il-leġiżlatura; ifakkar li xorta waħda mhux iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom Ombudsman nazzjonali, li jfisser li mhux iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom aċċess ugwali għal rimedju; huwa tal-opinjoni li l-uffiċċju tal-Ombudsman nazzjonali f’kull Stat Membru fin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen jista’ jkun ta’ appoġġ sostanzjali għall-Ombudsman Ewropew;

Metodi ta’ ħidma

37.  Jistieden lill-Membri Parlamentari Ewropej fil-Kumitat għall-Petizzjonijiet jadottaw regoli interni finali biex jiżguraw l-effiċjenza u t-trasparenza fix-xogħol tal-Kumitat u biex jagħmlu proposti sabiex ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropej jiġu riveduti kif xieraq biex ikunu kkonsolidati t-tentattivi kontinwi tagħhom matul is-seba’ leġiżlatura kollha ħalli jkunu mtejba l-metodi ta’ ħidma; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet jadotta dati ta’ skadenza ċari fil-proċess tal-petizzjonijiet sabiex iċ-ċiklu tal-ħajja tal-petizzjonijiet fil-Parlament Ewropew ikun aktar mgħaġġel u l-proċess kollu jkun anke aktar trasparenti u demokratiku; jenfasizza li dan jista’ jistabbilixxi ċiklu tal-ħajja definit tal-petizzjoni mir-reġistrazzjoni sal-għeluq finali tagħha fil-Parlament Ewropew, bl-istess mod bħad-dati ta’ skadenza eżistenti għax-xogħol fil-proċess fuq fajls leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi; jikkunsidra li dawn il-limiti ta' żmien għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ twissija li awtomatikament jiġbed l-attenzjoni tal-membri dwar petizzjonijiet fejn ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni jew ma tkun saret l-ebda korrispondenza għal żmien konsiderevoli, sabiex jiġi evitat li petizzjonijiet antiki jibqgħu miftuħin tul is-snin mingħajr raġuni sostanzjali; ifakkar li ż-żjarat għal ġbir ta’ informazzjoni huma wieħed mill-istrumenti investigattivi ewlenin tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, għaldaqstant hemm bżonn ta’ reviżjoni urġenti tar-regoli rilevanti sabiex il-Membri ġodda li nħatru jkunu jistgħu jagħmlu żjarat effiċjenti u jirrappurtaw lura malajr lill-petizzjonanti u lill-Kumitat dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom.

38.  Jilqa’ il-preżenza ta’ awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll ta’ partijiet interessati oħra fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet ; jenfasizza l-fatt li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet huwa l-uniku Kumitat li sistematikament jipprovdi pjattaforma għaċ-ċittadini biex jesprimu t-tħassib tagħhom direttament lill-Membri tal-Parlament Ewropew u li jippermetti djalogu fost ħafna partijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali u l-petizzjonanti; jissuġġerixxi li sabiex tkun iffaċilitata l-organizzazzjoni tal-laqgħat kif ukoll biex fil-futur jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-amministrazzjoni tal-Parlament għandhom jesploraw il-possibilità għall-parteċipazzjoni tal-petizzjonanti jew tal-awtoritajiet pubbliċi permezz ta’ vidjokonferenza jew faċilità simili;

39.  Jinnota n-numru li dejjem qed jikber ta’ petizzjonijiet tul il-leġiżlatura u jibqa’ mħasseb ħafna minħabba li, fil-proċess matul il-fażi ta’ reġistrazzjoni u l-fażi ta’ ammissibiltà, id-dewmien u ż-żmien ta’ tweġiba għadu twil wisq; jitlob biex l-Unità tal-Ilqigħ u r-Referenza tad-Dokumenti Uffiċjali u s-Segretarjat tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet rispettivament ikunu ipprovduti, b'amministratur addizzjonali b'esperjenza ġuridika, sabiex joħorġu rakkomandazzjonijiet relatati dwar jekk il-petizzjoni taqax fil-kompetenza tal-liġi Ewropea; jikkunsidra li dawn ir-rakkomandazzjonijiet flimkien mas-sommarji tal-petizzjonijiet jeħtieġ li jiġu pprovduti lill-membri l-ewwel bl-Ingliż, imbagħad jiġu tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha biss meta jiġu ppubblikati, sabiex jitħaffu iżjed l-ewwel deċiżjonijiet dwar l-ammissibiltà; jistenna li t-tnedija tal-portal tal-web il-ġdid għall-petizzjonijiet inaqqas in-numru ta’ sottomissjonijiet dubjużi li xi drabi jiġu rreġistrati bħala petizzjonijiet;

o
o   o

40.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, il-Kummissjoni, l-Ombudsman Ewropew, u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, il-kumitati tagħhom għall-petizzjonijiet u l-ombudsmen nazzjonali tagħhom jew korpi kompetenti simili.

Avviż legali - Politika tal-privatezza