Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2100(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0048/2014

Testi mressqa :

A7-0048/2014

Dibattiti :

PV 10/03/2014 - 18
CRE 10/03/2014 - 18

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2014 - 9.27
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0205

Testi adottati
PDF 330kWORD 103k
It-Tlieta, 11 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
L-Ortikultura
P7_TA(2014)0205A7-0048/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-futur tas-settur tal-Ortikoltura tal-Ewropa - strateġiji għat-tkabbir (2013/2100(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Parti Tlieta, it-Titoli III u VII tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1182/2007 tas-26  ta'  Settembru 2007 li jistabbilixxi regoli speċifiċi rigward is-settur tal-frott u l-ħxejjex(2) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta' Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi modifikati ġenetikament(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 1996 dwar inizjattiva Komunitarja favur l-ortikoltura ornamentali(7),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2008 dwar il-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa (COM(2008)0821),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-16 ta’ Lulju 2008 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għal Konsum u Produzzjoni Sostenibbli u Politika Industrijali Sostenibbli (COM(2008)0397),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2009 dwar katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar (COM(2009)0591),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-28 ta' Mejju 2009 rigward il-politika dwar il-kwalità tal-prodotti agrikoli (COM(2009)0234),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2011 intitolata "L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (COM(2011)0244),,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2008/359/KE tal-Kummissjoni tat-28 ta’ April 2008 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività tal-Industrija tal-Agri-Ikel, u r-Rapport ta’ dak il-Grupp ta’ Livell Għoli tas-17 ta’ Marzu 2009 dwar il-Kompetittività fl-Industrija Agro-Alimentari Ewropea, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp u l-pjan ta’ azzjoni ta’ inizjattivi kjavi(8),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Novembru 2012 jismu 'Appoġġ għall-Koperattivi tal-Bdiewa' (SFC), li jippreżenta dak li sab il-proġett SFC imniedi mill-Kummissjoni(9),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 magħmul miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni – Istitut għall-Istudji Teknoloġiċi Prospettivi intitolat ‘Ktajjen Qosra tal-Provvista Alimentari u Sistemi Alimentari Lokali fl-UE. Il-Qagħda Bħalissa tal-Karatteristiċi Soċjo-Ekonomiċi tagħhom’(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A7-0048/2014),

A.  billi s-settur tal-frott u l-ħaxix (F&Ħ) jirċievi biss madwar 3 % tal-għajnuna tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) iżda jirrappreżenta 18 % tal-valur totali tal-produzzjoni agrikola fl-UE, jirrappreżenta 3 % tal-erja agrikola utilizzabbli tal-UE u għandu valur ta’ aktar minn EUR 50 biljun;

B.  billi l-ortikoltura tinkludi l-frott, il-ħaxix, il-patata, l-insalata, il-ħwawar u l-pjanti ornamentali, u billi s-settur tal-ortikoltura jħaddan fih l-imxietel, l-imxietel perenni, is-servizzi ta' ġardinaġġ, il-ġardinaġġ fiċ-ċimiterji, il-bejjiegħa bl-imnut ta' provvisti tal-ġardinaġġ, iċ-ċentri ta' ġardinaġġ, il-bejjiegħa tal-fjuri u s-servizzi ta' bini u tiżwiq ta' ġonna;

C.  billi, skont l-istimi, il-katina ta' provvista tal-F&Ħ għandha dħul ta' aktar minn EUR 120 biljun, u madwar 550 000 impjegat, u billi din hija importanti għall-ekonomija ta' dawn iż-żoni fl-UE li għandhom tendenza jkollhom rata għolja ta' qgħad;

D.  billi l-UE hija t-tieni l-akbar prodottur tad-dinja kif ukoll it-tieni l-akbar importatur tal-F&Ħ; billi d-domanda f'dan is-settur qed tikber u attwalment hija ogħla mill-provvista; billi l-kummerċ tal-F&Ħ żdied minn aktar minn USD 90 biljun fl-2000 għal kważi USD 218-il biljun fl-2010 u jirrappreżenta kważi 21 % tal-kummerċ globali tal-ikel u l-kummerċ globali tal-prodotti tal-annimali; billi l-UE fetħet is-swieq tagħha b'mod konsiderevoli għall-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, li magħhom ikkonkludiet ftehimiet bilaterali u multilaterali;

E.  billi s-settur tal-ortikoltura – il-produzzjoni primarja u l-industrija tal-ipproċessar – jaġixxi bħala multiplikatur ekonomiku fil-livell Ewropew, filwaqt li jistimola d-domanda u l-ħolqien ta’ valur miżjud f’setturi ekonomiċi oħra bħall-kummerċ, il-bini u s-servizzi finanzjarji;

F.  billi s-settur tal-F&Ħ organiku huwa s-settur organiku li qed jikber l-aktar malajr fi ħdan kwalunkwe suq tal-UE b'valur ta’ EUR 19.7 biljun fl-2011 u b'rata tat-tkabbir ta' 9 % bejn l-2010 u l-2011, f’xejra ta’ tkabbir annwali bejn 5-10 % fuq medda ta’ għaxar snin; billi f’termini ta’ erja mħawla, is-sehem tal-frott organiku żdied bi 18.2 % u dak tal-ħaxix organiku bi 3.5 % bejn l-2010 u l-2011;

G.  billi l-konsum per capita tal-F&Ħ fl-2011 għall-UE-27 naqas bi 3 % meta mqabbel mal-konsum medju tal-ħames snin preċedenti, minkejja l-vantaġġi sostanzjali għas-saħħa li jinkisbu permezz tal-konsum tal-F&Ħ;

H.  billi l-UE hija l-akbar produttur fid-dinja tal-fjuri, basal u pjanti mħawla (44 % tal-produzzjoni globali), bl-akbar densità għal kull ettaru; billi, skont l-istimi, is-settur ornamentali għandu dħul ta’ EUR 20 biljun fi produzzjoni, EUR 28 biljun f’kummerċ bl-ingrossa u EUR 38 biljun f’kummerċ bl-imnut, u madwar 650 000 impjegat;

I.  billi r-reġim tal-F&Ħ huwa parti mill-PAK u, fost l-għanijiet tiegħu, għandu dak li jdaħħal mill-ġdid il-bilanċ fil-katina alimentari, jippromwovi l-F&Ħ, jagħti spinta lill-kompetittività u jappoġġja l-innovazzjoni; billi l-isħubija mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP) għandha tiżdied, inkluża dik f'reġjuni fejn għal numru ta' snin ma kien hemm l-ebda fondi operazzjonali u/jew il-metodi ta' produzzjoni ma kinux aġġornati, billi s-sistema titħejja b'mod li tqanqal iktar interess, fid-dawl tal-fatt li aktar minn nofs il-kultivaturi tal-UE għadhom ma ssieħbux mal-OP minkejja l-fatt li l-għan tal-Kummissjoni kien li tintlaħaq rata medja ta' sħubija fl-OP ta' 60 % sas-sena 2013; billi r-rata baxxa ta’ organizzazzjoni f'xi Stati Membri kienet ikkawżata parzjalment mis-sospensjoni tal-OP, fattur li joħloq inċertezza fost il-produtturi; billi, peress li l-OP għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tas-setgħa ta' negozjar tal-organizzazzjonijiet tal-F&Ħ, huwa essenzjali li jiġi evitat li tinħoloq inċertezza fost il-produtturi billi tiġi ċċarata l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar ir-rikonoxximent tal-OP;

J.  billi, skont il-Eurostat, l-ispejjeż tal-prodotti agrikoli globali għall-bdiewa tal-UE żdiedu b’medja ta’ kważi 40 % bejn l-2000 u l-2010, filwaqt li l-prezzijiet mal-ħruġ mill-azjenda agrikola żdiedu b’medja ta’ anqas minn 25 %; billi ż-żieda fl-ispejjeż tal-prodotti agrikoli kienet kważi 80 % għall-fertilizzanti sintetiċi u s-sustanzi li jtejbu l-ħamrija, kważi 30 % għaż-żrieragħ u l-istokk għat-tħawwil u kważi 13 % għall-prodotti maħsuba għall-protezzjoni tal-pjanti;

K.  billi t-telf tal-fertilità tal-ħamrija minħabba l-erożjoni, it-tnaqqis tal-prodotti agrikoli ta’ materja organika li jwassal għal struttura ta’ frak u livelli ta’ humus batuti u t-tnaqqis ta’ nutrijenti u taż-żamma tal-ilma, u t-tnaqqis fil-proċessi ekoloġiċi jsarraf fi spiża sinifikanti kemm għall-bdiewa kif ukoll għall-baġit pubbliku;

L.  billi l-‘kanal tal-għarfien’ li jsarraf ir-riċerka fi prattika għall-ortikultura għandu pressjonijiet kbar fuqu, u billi l-infiq mis-settur privat fuq ir-riċerka b'mod ġenerali laħaq livell baxx, tant li r-riċerka u l-iżvilupp irrappreżentaw biss 0.24% tan-nefqa totali tal-industrija alimentari fl-UE-15 fl-2004, l-aħħar perijodu li għalih huma disponibbli ċ-ċifri;

M.  billi numru kbir ta’ varjetajiet ta' F&Ħ jinsabu fir-riskju li jiġu estinti minħabba l-fatt li mhumiex jipproduċu biżżejjed profitt, u billi, f'dak li għandu x'jaqsam mal-ambjent, is-soċjetà u l-kultura, il-bdiewa li qed ikomplu jikkoltivaw tali varjetajiet għandhom rwol siewi fil-preservazzjoni ta' karatteristiċi importanti tal-agrikoltura Ewropea;

N.  billi d-diffikultajiet dejjem jikbru ta’ prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ organiżmi li jagħmlu l-ħsara, u d-disponibilità limitata ta’ prodotti fitosanitarji għall-protezzjoni tal-għelejjel ortikulturali, jistgħu jikkompromettu d-diversifikazzjoni tal-agrikoltura u l-kwalità tal-ħaxix fl-Ewropa;

O.  billi l-intrapriżi tal-ġardinaġġ ta’ spiss huma involuti wkoll fil-produzzjoni, fil-bejgħ u fil-qasam tas-servizzi;

P.  billi ċ-ċisġenesi tista’ tiġi definita bħala teknika tal-inġinerija ġenetika li fi pjanta-suġġett tintroduċi ġene mill-qraba tagħha tal-istess ġeneru jew speċi;

1.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tas-settur tal-ortikoltura tal-UE u li dan ikun jista' jikkompeti aħjar fis-suq globali, permezz tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, l-effiċjenza tal-enerġija u s-sigurtà, l-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-miżuri biex titjieb il-kummerċjalizzazzjoni, kif ukoll l-isforzi kontinwi biex jiġi eliminat l-iżbilanċ bejn l-operaturi u l-fornituri;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir eħfef għall-produtturi li jiksbu aċċess għas-swieq ta’ pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex tappoġġja l-esportaturi tal-frott, ħaxix u fjuri u pjanti ornamentali biex jingħeleb in-numru dejjem jikber ta’ xkiel nontariffarji, bħal xi standards fitosanitarji ta’ pajjiżi terzi, li jagħmlu l-esportazzjonijiet tal-UE diffiċli, jekk mhux impossibbli;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, għall-operaturi ekonomiċi kollha tas-suq fl-UE, tistabbilixxi l-istess kundizzjonijiet ta’ aċċess fir-rigward tal-standards tal-kummerċjalizzazzjoni, denominazzjonijiet tal-oriġini, eċċ. biex tiżgura li dawn il-kundizzjonijiet qed jiġu rispettati permezz ta’ kontrolli xierqa, biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

4.  Iħeġġeġ il-promozzjoni tal-konsum tal-F&Ħ fl-Istati Membri permezz ta’ attivitajiet edukattivi bħall-iskema tal-UE tal-frott għall-iskejjel, kif ukoll, pereżempju, permezz ta' skemi tal-industrija Grow Your Own Potato u Cook Your Own Potato fir-Renju Unit;

5.  Jinnota li s-swieq lokali u reġjonali ħafna drabi jkollhom provvisti insuffiċjenti ta’ prodotti ortikoli li jkunu ġew prodotti hemm u l-intraprenditorija agrikola għandha għaldaqstant tkun promossa f’dawn ir-reġjuni, b’mod partikolari permezz ta’ inċentivi għall-intraprendituri żgħażagħ, li joffru opportunità ta’ impjieg fis-settur agrikolu, kif ukoll garanzija rigward il-provvista ta’ prodotti lokali friski;

6.  Jenfasizza l-benefiċċji tal-ortikultura ornamentali għas-saħħa u l-benesseri tal-bniedem fit-tisħiħ tal-ispazji ħodor, li permezz tagħhom jittejjeb l-ambjent urban b’rabta mat-tibdil fil-klima u l-ekonomija rurali; jenfasizza l-ħtieġa għal appoġġ aktar attiv f’dan is-settur, f’dak li għandu x’jaqsam mat-tħeġġiġ tal-investiment u l-iżvilupp tal-karriera;

7.  Jilqa' l-miżuri li twettqu fir-reġim tal-F&Ħ fl-UE, maħsuba biex iżidu l-orjentament tas-suq fost il-kultivaturi tal-UE, iħeġġu l-innovazzjoni, jippromwovu l-F&Ħ, iżidu l-kompetittività tal-kultivaturi u jtejbu l-kummerċjalizzazzjoni, il-kwalità tal-prodott u l-aspetti ambjentali tal-produzzjoni, permezz ta' għotja ta' appoġġ lill-OP, assoċjazzjonijiet tal-OP u r-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali, anki billi jippromwovu l-formazzjoni ta' raggruppamenti li tnissel flussi ġodda ta' dħul li jissarfu f'investimenti ġodda; jiġbed l-attenzjoni, fl-istess ħin, għall-fatt li jridu jittieħdu passi biex jiġi żgurat li d-distributuri diretti jew indipendenti ma jġarrbux diskriminazzjoni iżda jkollhom l-opportunità li jimplimentaw proġetti innovattivi u jsaħħu l-kompetittività tagħhom;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-produzzjoni lokali u reġjonali u l-kummerċjalizzazzjoni jgħinu biex joħolqu u jżommu l-attività ekonomika u l-impjiegi fiż-żoni rurali;

9.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li katini qosra ta’ valur jgħinu biex inaqqsu l-emissjonijiet li huma ta' ħsara għall-klima;

10.  Jinnota li l-hekk imsejjaħ "urban farming" joffri opzjonijiet kummerċjali ġodda għas-settur tal-ortikultura;

11.  Jilqa' r-rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni intitolata ‘Rieżami tar-Reġim tal-UE għas-Settur tal-Frott u l-Ħaxix’, b'mod partikolari t-taqsima 3.8 tiegħu, li tirrikonoxxi l-ħtieġa għas-semplifikazzjoni tar-regoli attwali li jiggvernaw l-OP, japprova l-proposta tagħha biex jissaħħu l-OP jinnota li t-tweġibiet huma favur iż-żamma tal-filosofija fundamentali tal-arranġamenti ta' appoġġ attwali;

12.  Jenfasizza li t-tnaqqis tal-burokrazija huwa partikolarment importanti għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, iżda dawn il-miżuri m'għandhomx ixekklu ċ-ċertezza tad-dritt li fuqha jiddependu wkoll dawn l-intrapriżi;

13.  Jilqa' l-fatt li l-ftehim dwar ir-riforma tal-PAK iħaddan fih is-sistema ta' għajnuna tal-F&Ħ Ewropej ibbażata fuq l-OP, filwaqt li jagħraf il-fatt li l-istrumenti eżistenti mhux dejjem kienu effikaċi, bħalma rrikonoxxiet il-Kummissjoni fid-dokument ta' konsultazzjoni pubblika tagħha intitolat ‘Rieżami tar-Reġim tal-UE għas-Settur tal-Frott u l-Ħaxix’, u għaldaqstant jappoġġja l-ħidma tal-Grupp Newcastle maħsuba biex ittejjeb ir-reġim tal-frott u l-ħaxix tal-UE, li għandu jieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-arranġamenti legali li jirregolaw il-kooperattivi fl-Istati Membri, sabiex ma jiġix illimitat il-ħolqien ta' OP ġodda, filwaqt illi jiġi rrispettat il-fatt li l-kultivaturi jistgħu jagħżlu li ma jagħmlux parti mis-sistema tal-OP; jinnota wkoll it-twaqqif ta’ strument tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet serji meta dawn jaffettwaw lil bosta Stati Membri, u jenfasizza l-fatt li dan għandu jkun miftuħ għall-produtturi kollha, irrispettivament mill-fatt jekk jifformawx parti mill-OP jew le;

14.  Sabiex jissaħħu l-attivitajiet benefiċjarji mwettqa mill-OP għall-produtturi, jistieden lill-Kummissjoni, biex fir-rieżami tagħha tar-reġim tal-F&Ħ fl-UE, tipproduċi regoli ċari u prattiċi dwar it-tfassil u l-metodi ta' ħidma tal-OP u tadatta l-iskema biex din tidħol sew fl-istrutturi tas-suq li jeżistu fl-IStati Membri, sabiex l-OP ikunu jistgħu jaqdu r-rwol li għalih huma maħsuba u sabiex il-kultivaturi jkollhom inċentiv biex jingħaqdu mal-OP, dejjem jekk dan ma jheddidx il-kisba tal-objettivi fundamentali tar-reġim u li l-kultivaturi jibqa' jkollhom il-libertà li jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar dawn il-kwistjonijiet;

15.  Jinnota bi tħassib li r-regoli tal-iskemi tal-OP huma miftuħa għal interpretazzjoni wiesgħa mill-Awdituri tal-Kummissjoni, u dan iwassal għal grad għoli ta’ inċertezza u jista’ jħalli l-Istati Membri fir-riskju ta’ projbizzjoni u ta’ stħarriġ ġudizzjarju; jenfasizza wkoll li l-proċeduri tal-awditjar u l-korrezzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu b’mod aktar opportun u fil-perjodu taż-żmien tal-verifika miftiehem;

16.  Jinnota li l-prattiki kummerċjali inġusti għadhom jeżistu fl-UE u li dawn ixekklu n-negozji tal-ortikoltura u l-OP tagħhom, u jxejjen il-kunfidenza tal-kultivaturi meta dawn jiġu biex jinvestu fil-futur. Jemmen li l-kodiċi ta' kondotta li fuqu qablu l-atturi kollha involuti fil-katina ta' provvista, appoġġjat minn qafas leġiżlattiv u ssorveljat minn ġudikant nazzjonali f'kull Stat Membru biex dan iwettaq monitoraġġ tal-prattiki kummerċjali, jista' jtejjeb b'mod sinifikanti il-funzjonament tal-katina alimentari u s-suq intern;

17.  Huwa tal-fehma li d-diversi standards privati relatati mat-traċċi ta' pestiċidi, adottati minn ħafna ktajjen ta' distribuzzjoni, jirrapreżentaw fil-fatt miżuri antikompetittivi li jagħmlu ħsara lill-kultivaturi tal-F&Ħ; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tintervjeni għat-tneħħija ta’ dawn il-prattiki, ladarba l-livelli tat-traċċi tal-pestiċidi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE jipprovdu protezzjoni adegwata kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara, jappoġġjaw l-innovazzjoni u l-intraprenditorija permezz ta' żieda fir-riċerka u l-iżvilupp ta' alternattivi mhux kimiċi, bħall-predaturi u parassiti naturali ta' speċijiet ta' organiżmi ta’ ħsara, u jużaw Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni biex jiffinanzjaw ir-riċerka applikata li tappoġġja l-iżvilupp ta' strateġiji integrati għall-kontroll tal-organiżmi ta' ħsara, mard u kontroll tal-ħaxix ħażin biex tipprovdi lill-produtturi l-għodod u l-informazzjoni meħtieġa biex jindirizzaw id-Direttiva 2009/128 /KE li fl-Artikolu 14 tagħha tistipula li l-Istati Membri għandhom ‘jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu l-ġestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara b’użu baxx ta’ pestiċidi, filwaqt li, fejn ikun possibbli, tingħata prijorità lil metodi mhux kimiċi’ u ‘jistabbilixxu, jew jappoġġjaw l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta' ħsara’;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jenfasizzaw l-intensifikazzjoni tal-proċessi ekoloġiċi li jiżguraw is-saħħa, il-fertilità u l-formazzjoni tal-ħamrija fit-tul, kif ukoll li jiġġestixxu u jirregolaw il-popolazzjonijiet tal-organiżmi ta' ħsara; jemmen li dan jista’ jwassal biex fuq perjodu twil ta’ żmien ikun hemm żidiet fil-produttività għall-bdiewa u spejjeż imnaqqsa għall-baġits pubbliċi;

20.  Jenfasizza dwar il-fatt li l-ortikultura tiddependi minn varjetà ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs), u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu approċċ ibbażat fuq ir-riskju għar-regolamentazzjoni ta’ dawn il-prodotti li tkun iġġustifikata mill-evidenza indipendenti, xjentifika u rieżaminata mill-kollegi; jenfasizza dwar il-fatt li l-użi minuri huma partikolarment vulnerabbli għall-iskarsezza ta’ sustanzi attivi relevanti; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-koordinazzjoni tal-ġenerazzjoni tad-dejta fl-Istati Membri, b’mod partikolari dejta tar-residwi li hija rekwiżit essenzjali għall-awtorizzazzjonijiet fuq speċjalità ta’ għelejjel għall-ikel; jistieden lid-DĠ Agri, DĠ Sanco, DĠ Ambjent u DĠ Kompetizzjoni jaħdmu strateġikament flimkien ħalli jieħdu kont tal-impatt tal-bidliet għar-regolamentazzjoni tal-PPP minn aktar minn perspettiva waħda;

21.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq rieżami tal-operazzjoni tal-arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet tal-PPP stabbiliti fl-Artikolu 40 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, bl-għan li tiġi ssemplifikata l-implimentazjoni tagħhom u titneħħa l-burokrazija mhux meħtieġa, u tikkonsidra l-objettiv fit-tul ta' armonizzazzjoni globali għar-regolamentazzjoni tal-PPPs u t-tnaqqis ta' ostakli kummerċjali non-tariffarji għall-esportazzjoni tal-kummerċ;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex mingħajr aktar dewmien u b'konformità mal-Artikolu 51(9) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Fond Ewropew għall-użi żgħar u l-għelejjel ta' speċjalità; jenfasizza li dan il-fond irid ikun użat biex jiffinanzja programm kontinwu Ewropew ta’ ħidma għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-operaturi agroalimentari, l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet interessati, inklużi l-istituti ta’ riċerka, għall-iżvolġiment u l-finanzjament, fejn xieraq, ta’ attivitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni maħsuba għall-protezzjoni ta’ użi żgħar u għelejjel ta' speċjalità;

23.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-importazzjonijiet mhumiex meħtieġa jissodisfaw l-istess rekwiżiti fitosanitarji li huma mitluba mill-prodotti Ewropea; jenfasizza l-fatt li din id-deskrepanza kontinwa mhux biss ixxekkel il-kompetittività tal-produtturi Ewropej iżda wkoll tagħmel ħsara lill-konsumaturi Ewropej;

24.  Ifakkar li kemm ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti (Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-21 ta' Ottubru 2009(11)) u r-Regolament ġdid dwar il-Bijoċidji (Regolament (UE) Nru 528/2012 tat-22 ta' Mejju 2012(12)) jirrikjedi mill-Kummissjoni li tispeċifika l-kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-karatteristiċi li jfixklu s-sistema endokrinali sa Diċembru 2013; jenfasizza l-importanza ta’ proċess trasparenti sabiex l-atturi tas-suq ikkonċernati jifhmu l-bażi xjentifika għad-deċiżjonijiet u jkunu konxji tal-atturi li kienu involuti fl-iżvilupp ta’ kriterji ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis b'mod sħiħ l-impatt tal-approċċi differenti meta tippreżenta l-proposti dwar is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali;

25.  Jenfasizza l-fatt li s-settur tal-ortikultura jiddependi ħafna fuq l-użu ta’ materjali tal-fertilizzant ta’ kwalità għolja u speċifikati b’mod tajjeb; jilqa’ r-rieżami attwali tar-Regolament dwar il-Fertilizzanti tal-UE iżda jinnota bi tħassib l-għan tal-Kummissjoni biex tinkludi l-materjal preċedentement mhux preskritt li jtejjeb il-ħamrija; jenfasizza l-fatt li dan il-materjal ma jeħtieġx preċiżjoni fil-manifattura u l-użu u jistieden lill-Kummissjoni biex ma tinkludihx fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Fertilizzanti;

26.  Jissottolinja l-fatt li s-settur tal-ortikultura qed imexxi l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ sistemi tal-biedja bi preċiżjoni innovattivi u jemmen li dawn is-sistemi se jnaqqsu l-użu tal-pestiċidi u fertilizzanti, iżidu l-qligħ kummerċjabbli u jnaqqsu l-iskart kif ukoll itejbu l-kontinwità tal-provvista u l-prestazzjoni ekonomika; jefasizza l-fatt li l-metodi ta' kultivazzjoni tal-pjanti, bħan-newba tal-uċuħ tar-raba’ u t-taħwil ta' għelejjel li jikbru malajr, kif ukoll ir-riċerka u l-iżvilupp, għandhom ikunu ffukati biex l-ħsara ambjentali tal-ortikultura tinżamm fuq livell minimu;

27.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-materjal riproduttiv tal-pjanti (COM(2013)0262) u jinsab imħasseb dwar il-fatt li dan ikollu impatt sproporzjonat fuq is-settur tal-ortikoltura, u b'mod partikolari fuq il-pjanti ornamentali u l-frott; jenfasizza li kull leġiżlazzjoni għandha tkun proporzjonata u tirrikonoxxi l-prinċipju tas-sussidjarjetà; jenfasizza wkoll li t-tibdil fil-leġiżlazzjoni m'għandux jipperikola l-varjetajiet u l-għelejjel tradizzjonali, u għandu jikkontribwixxi għad-diversità ġenetika tal-popoluzzjonijiet tal-għelejjel fi ħdanhom, sabiex ikun hemm sigurtà tal-ikel fit-tul u reżiljenza fis-sistemi alimentari;

28.  Jinnota l-impatt tal-ispeċijiet ortikoli invażivi mhux lokali fuq l-ambjent usa’, iżda jirrakkomanda li jittieħed approċċ reġjonali jew nazzjonali fil-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (COM (2013) 0620), li jirrikonoxxi li xi żoni fl-Ewropa huma aktar vulnerabbli minn oħrajn u li żoni differenti fl-Ewropa għandhom klimi differenti li jifilħu firxa differenti ta’ pjanti;

29.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni biex bħala prinċipju ġenerali tissalvagwardja d-drittijiet ta’ min inissel il-pjanti biex jużaw b’mod ħieles materjali tal-pjanti eżistenti biex jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw oħrajn ġodda, irrispettivament minn kwalunkwe privattiva li testendi fuq il-materjali tal-pjanti;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ swieq lokali tal-frott u l-ħaxix u tal-ktajjen qosra tal-provvista, biex b’hekk jiżguraw il-friskezza tal-prodotti;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel differenza bejn ix-xtieli ċisġeniċi u dawk transġeniċi u toħloq proċess ta’ approvazzjonijiet differenti għax-xtieli ċisġeniċi; jistenna l-opinjoni tal-EFSA mitluba mid-DĠ Sanco li tevalwa s-sejbiet tal-grupp ta’ ħidma dwar tekniki ġodda ta’ trobbija bijoteknoloġika;

32.  Jaċċentwa l-ħtiġiet staġjonali u għolja ta’ xogħol fis-settur ortikolu u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm skemi effettivi biex jiġi żgurat li l-produtturi ortikoli jkollhom aċċess għall-ħaddiema li jkunu jeħtieġu matul il-perjodi ewlenin tas-sena, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali, inkluż il-prinċipju ta' pagi ġusti;

33.  Jilqa’ t-tiġdid tal-enfasi fuq it-taħriġ u l-apprendistati tal-forza tax-xogħol iżda jinnota bi tħassib li l-għadd ta’ nies li jtemmu l-apprendistati tal-ortikoltura f'xi Stati Membri għadu baxx, bi tnaqqis konsegwenti ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ li huma interessati fis-settur; jirrikonoxxi l-fatt li mhux iż-żgħażagħ kollha li qed jagħmlu apprendistat huma maqtugħa għalihom; jenfasizza li l-isforzi biex jitħeġġu ż-żgħażagħ jikkunsidraw karriera fis-settur tal-ortikoltura u biex dawn jingħataw it-taħriġ għandhom jiġu appoġġjati permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni li jsaħħu l-immaġni tas-settur;

34.  Iħeġġeġ lis-settur agroalimentari u lill-komunità ta' riċerka biex jaħdmu id f'id b'mod sistematiku ħalli jattiraw u jħarrġu lill-ġenerazzjoni l-ġdida ta' riċerkaturi u jtejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol eżistenti;

35.  Jenfasizza dwar il-benefiċċji tat-tisħiħ u t-twessigħ tas-sħubijiet bejn il-gvern, l-industrija u l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u l-ħtieġa li jiġi żgurat li skemi li jappoġġjaw dawn is-sħubijiet ikunu strutturati b’mod li jimmassimizzaw l-impatt u l-koerenza tal-investimenti b’mod globali;

36.  Jenfasizza l-importanza vitali li jsir użu effiċjenti minn riżorsi xjentifiċi kwalifikati sabiex titħaffef l-applikazzjoni ta’ riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni permezz tat-trasferiment ta’ teknoloġija innovattiva tal-produzzjoni agrikola għas-settur tal-ortikoltura u l-kombinazzjoni ta’ riċerka, innovazzjoni, taħriġ u espansjoni fis-settur tal-agrikoltura b’politiki ekonomiċi li jirrispettaw ir-rekwiżiti u jżidu l-effiċjenza tal-iżvilupp tal-produzzjoni ortikola;

37.  Huwa tal-fehma li l-florikoltura u s-settur tal-pjanti ornamentali għandhom jitħallew jagħmlu użu aħjar mill-programmi tal-Unjoni għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni tekonoloġiċi, u jistieden lill-Kummissjoni tinkludi ‘kultivazzjoni protetta’ f'Orizzont 2020 sabiex tqanqal l-innovazzjoni fejn jidħlu, pereżempju, il-protezzjoni sostenibbli tal-għelejjel, l-użu sostenibbli tal-ilma u n-nutrijenti, l-effiċjenza fl-enerġija, sistemi avvanzati ta' kultivazzjoni u produzzjoni u trasport sostenibbli;

38.  Hu tal-fehma li bil-finanzjament tar-riċerka agrikola u ortikola skont ir-restrizzjoni baġitarja fl-Istati Membri, għandu jitħeġġeġ il-finanzjament minn partijiet terzi, inkluż, iżda mhux limitat għal bejjiegħa bl-imnut, u għandu jkun konformi mal-interess fir-riċerka totali tas-settur;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għal finanzjament fit-tul għal investiment fit-teknoloġiji moderni tal-produzzjoni ortikola sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-prodotti u s-servizzi ortikoli;

40.  Jenfasizza l-importanza kruċjali ta' pjan ta' kwalità tajba għan-negozju għall-kisba ta' finanzjament kapitali; jirrakkomanda li l-bdiewa jagħmlu użu akbar mis-servizzi ta' appoġġ għan-negozju u ta' konsulenza u jħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem aktar mill-qrib mal-industrija biex tiżgura li dawn is-servizzi jkunu faċilment aċċessibbli għall-kultivaturi;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, bħala parti minn proċess trasparenti u bl-involviment ta' dawk li jaħdmu fis-settur, taġġorna l-punti fil-Kapitolu 6 (“siġar u pjanti oħra ħajjin, basal, għeruq u partijiet simili, fjuri maqtugħin u weraq ornamentali) tan-Nomenklatura Magħquda għas-sena 2012;

42.  Jinsab imħasseb dwar il-prospett li l-produzzjoni ortikola tiġi trasferita ’l barra mill-UE;

43.  Jinsab imħasseb ħafna għall-fatt li bejn terz u nofs il-prodotti li jistgħu jittieklu jinħlew minħabba l-apparenza tagħhom u jistieden lill-Kummissjoni toħloq, b'mod urġenti, possibilitajiet għall-kummerċjalizzazzjoni, partikolarment fi swieq lokali u reġjonali, firxa usa' ta' speċifikazzjonijiet tal-produzzjoni, filwaqt li tiżgura trasparenza u funzjonament tajjeb tas-suq; jiġbed l-attenzjoni għall-inizjattivi li saru fl-Awstrija u l-Isvizzera, li fihom kienu involuti frott u ħxejjex b’difetti żgħar; jistieden is-supermarkets jikkunsidraw riċerka tas-suq li turi li ħafna konsumaturi mhumiex neċessarjament inkwetati dwar id-dehra kożmetika tal-frott u l-ħxejjex u huma kuntenti li jixtru prodotti ta’ grad aktar baxx, b’mod partikolari jekk dawn jidhru li jkunu orħos;

44.  Jinnota bi tħassib t-telfa u l-ħela ġenerali tal-frott u l-ħaxix maħsuba biex l-ewwel jintużaw fis-suq u t-telf ekonomiku sinifikanti għan-negozju; jirrikonoxxi li t-tnaqqis tal-ħela sistemika tal-ikel huwa element importanti biex tiżdied il-provvista tal-ikel għal popolazzjoni dinjija li qed tikber; jilqa', madankollu, l-isforzi li qed isiru mill-atturi fil-katina ta' provvista tal-ikel biex jidderieġu mill-ġdid dan il-prodott f'suq sekondarju minflok jarmuh;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex l-ambjent leġiżlattiv u politiku ikun kemm jista' jkun ta' appoġġ għall-użi tal-iskart ortikulturali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm għadd ta’ materjali, bħal ma huwa l-kompost tal-faqqiegħ li m'għadhux tajjeb għall-ikel, li jista’ jintuża fil-produzzjoni ta’ materjal għat-tkabbir bil-valur miżjud, li kieku ma kienx ikklassifikat bħala ‘skart’;

46.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li sistemi akwaponiċi għandhom il-potenzjal li jipproduċu l-ikel b’mod sostenibbli u lokalment, u permezz tat-trobbija flimkien ta’ ħut tal-ilma ħelu u ħxejjex f’sistema magħluqa, jgħinu biex inaqqsu l-konsum ta’ riżorsi meta mqabbla ma’ sistemi tradizzjonali;

47.  Jissottolinja l-importanza li jittejjeb l-monitoraġġ tal-prezzijiet u l-kwantitajiet prodotti u kummerċjalizzati, kif ukoll il-ħtieġa li titfassal statistika għall-utent impenjat fil-qasam tal-ortikoltura li tħaddan l-UE kollha biex tgħin lill-produtturi jifhmu aħjar it-tendenzi tas-suq, jipprevedu l-kriżijiet u jħejju ħsad futur; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi il-pjanti ornamentali fl-informazzjoni tal-previżjoni tagħha;

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) ĠU L 273, 17.10.2007, p. 1.
(3) ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1.
(4) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.
(5) ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.
(6) ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1.
(7) ĠU C 198, 8.7.1996, p. 266.
(8) Jinstab f’http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/food/competitiveness/high-level-group/documentation/
(9) Jinstab f’http://ec.europa.eu/agriculture/external-studies/2012/support-farmers-coop/fulltext_en.pdf
(10) Jinstab f’http://ftp.jrc.es/EURdoc/JRC80420.pdf
(11) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(12) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza