Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2147(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0125/2014

Testi mressqa :

A7-0125/2014

Dibattiti :

PV 10/03/2014 - 21
CRE 10/03/2014 - 21

Votazzjonijiet :

PV 11/03/2014 - 9.29
CRE 11/03/2014 - 9.29
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0207

Testi adottati
PDF 363kWORD 117k
It-Tlieta, 11 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
L-Arabja Sawdija
P7_TA(2014)0207A7-0125/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-Arabja Sawdija, ir-relazzjonijiet tagħha mal-UE u r-rwol tagħha fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq (2013/2147(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' kooperazzjoni tal-25 ta' Frar 1989 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Lulju 1990 dwar is-sinifikat tal-ftehim ta' kummerċ ħieles li se jiġi konkluż bejn il-KEE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 1996 dwar l-Arabja Sawdija(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ekonomiku bejn l-Istati Membri tal-GCC, adottat fil-31 ta' Diċembru 2001 f'Muskat (fl-Oman), u d-Dikjarazzjoni ta' Doha tal-GCC dwar it-tnedija tal-unjoni doganali għall-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Istati Għarab tal-Golf, tal-21 ta' Diċembru 2002,

–  wara li kkunsidra r-ratifika min-naħa tal-Arabja Sawdija, f'Ottubru 2004, tal-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (CEDAW), b'referenza partikolari għall-Artikolu 7 tagħha dwar il-ħajja politika u pubblika,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2005 dwar l-Arabja Sawdija(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar il-libertà tal-espressjoni fuq l-Internet(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2007 dwar ir-riformi fid-dinja Għarbija: x'inhi l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea?(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar id-drittijiet tan-nisa fl-Arabja Sawdija(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar "l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà: Nipprovdu s-Sigurtà f'Dinja li qed Tinbidel", adottat mill-Kunsill f'Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tad-19-il Kunsill Konġunt u Laqgħa Ministerjali UE-GCC tad-29 ta' April 2009, li sar f'Muskat,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Azzjoni Konġunt (2010-2013) għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-GCC tal-1989,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2010 għall-Unjoni għall-Mediterran(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt tal-20 Kunsill Konġunt u Laqgħa Ministerjali UE-GCC tal-14 ta' Ġunju 2010, li sar f'Lussemburgu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2011 dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' April 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, fil-Baħrejn u fil-Jemen(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Jemen u l-Baħrejn fil-kuntest tas-sitwazzjoni fid-dinja Għarbija u fl-Afrika ta' Fuq(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar il-Baħrejn(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-laqgħat annwali tal-Kummissjoni tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġinevra (2000-2012),

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew f'isem il-President Martin Schulz fl-Arabja Sawdija mill-24 sal-25 ta' Novembru 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapporti annwali tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0125/2014),

A.  billi r-Renju tal-Arabja Sawdija huwa attur politiku, ekonomiku u reliġjuż influwenti fil-Lvant Nofsani u fid-dinja Iżlamika, il-produttur ewlieni taż-żejt fid-dinja, u fundatur u mexxej ewlieni tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) u tal-Grupp G-20; billi r-Renju tal-Arabja Sawdija huwa sieħeb importanti għall-UE;

B.  billi l-UE hija s-sieħba kummerċjali prinċipali tal-Arabja Sawdija bi 15 % tal-kummerċ totali u r-Renju tal-Arabja Sawdija huwa l-11-il l-akbar sieħeb kummerċjali għall-UE; billi għadd kbir ta' kumpaniji tal-UE huma investituri fl-ekonomija tal-Arabja Sawdija, b'mod speċjali fl-industrija taż-żejt mhux maħdum u l-Arabja Sawdija hija suq importanti għall-esportazzjoni tal-prodotti industrijali tal-UE f'oqsma bħad-difiża, it-trasport, l-industrija tal-karozzi u l-esportazzjonijiet ta' prodotti mediċi u kimiċi;

C.  billi l-importazzjonijiet ta' prodotti mill-Arabja Sawdija lejn l-UE u l-esportazzjonijiet ta' prodotti mill-UE lejn l-Arabja Sawdija żdiedu notevolment bejn l-2010 u l-2012;

D.  billi n-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-GCC, li bdew 20 sena ilu, għadhom mhumiex konklużi;

E.  billi l-UE u l-Arabja Sawdija jħabbtu wiċċhom ma' sfidi komuni li huma globali fl-oriġini u fl-impatt, bħal ma huma l-ekonomija li qed tinbidel malajr, il-migrazzjoni, is-sigurtà enerġetika, it-terroriżmu internazzjonali, it-tixrid ta' armi ta' qerda massiva (AQM) u d-degrad ambjentali;

F.  billi l-kuntest politiku u strateġiku dejjem jinbidel fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq jeħtieġ rivalutazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju tal-Arabja Sawdija;

G.  billi r-Renju tal-Arabja Sawdija huwa monarkija assoluta ereditarja mingħajr parlament elett; billi jinsab quddiem l-isfida tas-suċċessjoni rjali; billi r-Renju tal-Arabja Sawdija għandu popolazzjoni ta' 28 miljun, inkluż 9 miljun barrani u 10 miljun żagħżugħ taħt it-18-il sena; billi riformi żgħar u gradwali ġew implimentati fir-Renju tal-Arabja Sawdija mill-2001, iżda ma ġewx istituzzjonalizzati u b'hekk jistgħu faċilment jitreġġgħu lura; billi r-riżultati tal-pajjiż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem jibqgħu ħżiena, b'lakuni fundamentali bejn l-obbligi internazzjonali tiegħu u l-implimentazzjoni tagħhom;

H.  billi l-ewwel elezzjonijiet muniċipali tal-2005 li qatt saru fl-Arabja Sawdija kkostitwixxew l-ewwel proċess elettorali fl-istorja tal-pajjiż; billi fl-2015 nofs il-membri biss tal-kunsilli muniċipali se jkunu eletti, mentri n-nofs l-ieħor se jibqgħu maħtura mir-Re;

I.  billi din is-sena biss kienu maħtura għall-ewwel darba 30 mara fil-Kunsill konsultattiv tax-Shura, u billi se jkun biss fl-2015 li n-nisa se jitħallew jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali;

J.  billi r-rapport tal-Bank Dinji bl-isem "Women, Business and the Law 2014 – Removing Restrictions to Enhance Gender Equality"(13) (In-Nisa, in-Negozju u d-Dritt 2014 – Inneħħu r-Restrizzjonijiet biex Intejbu l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri) iqiegħed lill-Arabja Sawdija fl-ewwel post fil-lista ta' pajjiżi li l-liġijiet tagħhom jillimitaw il-potenzjal ekonomiku tan-nisa,

K.  billi r-Renju tal-Arabja Sawdija huwa l-uniku pajjiż fid-dinja fejn in-nisa ma għandhomx permess isuqu u, għalkemm m'hemm l-ebda liġi uffiċjali li tipprojbixxi s-sewqan lin-nisa, digriet ministerjali tal-1990 ifformalizza projbizzjoni konswetudinarja eżistenti u n-nisa li jippruvaw isuqu jirriskjaw l-arrest;

L.  billi l-Indiċi tal-Inugwaljanza bejn il-Ġeneri (Gender Inequality Index - GII) tal-2012 tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti jikklassifika l-Arabja Sawdija l-145 post fost il-148 pajjiż, li jagħmilha wieħed mill-aktar pajjiżi inikwi tad-dinja; billi r-Rapport dwar id-Disparità bejn is-Sessi Fuq Skala Dinjija tal-2012 (Forum Ekonomiku Dinji) jikklassifika l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol fir-Renju tal-Arabja Sawdija bħala waħda mill-aktar dgħajfa fid-dinja (il-133 post fost il-135 pajjiż);

M.  billi l-piena tal-mewt hija applikata fir-Renju tal-Arabja Sawdija għal firxa wiesgħa ta' reati u tal-anqas 24 individwu ġew iġġustizzjati fl-2013; billi tal-anqas 80 persuna ġew iġġustizzjati fl-2011 u numru simili fl-2012 – tliet darbiet aktar min-numru tal-2010 – fosthom minorenni u barranin; billi l-Arabja Sawdija hija wieħed mill-ftit pajjiżi li għadhom iżommu l-eżekuzzjonijiet pubbliċi; billi kien hemm rapporti ta' nisa li ġew iġġustizzjati fl-Arabja Sawdija permezz tat-tħaġġir, li jikser l-istandards stabbiliti mill-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, u din tal-aħħar ikkundannat dan l-aġir bħala forma barbara ta' tortura;

N.  billi r-Renju tal-Arabja Sawdija ħa azzjoni b'saħħitha u deċiżiva u applika miżuri severi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-attivitajiet finanzjarji marbuta mat-terroriżmu; billi, kontemporanjament, ir-Renju tal-Arabja Sawdija jiżvolġi rwol ewlieni fit-tixrid u l-promozzjoni madwar id-dinja tal-interpretazzjoni Salafita/Waħħabita tal-Iżlam li hija partikolarment rigoruża; billi l-iktar manifestazzjonijiet estremi tas-Salafiżmu/Waħħabiżmu ispiraw organizzazzjonijiet terroristiċi bħal Al-Qaeda u huma ta' theddida għas-sigurtà globali, inkluż għar-Renju tal-Arabja Sawdija nnifsu; billi r-Renju tal-Arabja Sawdija żviluppa sistema biex jikkontrolla t-tranżazzjonijiet finanzjarji sabiex jiżgura li ebda finanzjament ma jgħaddi għand l-organizzazzjonijiet terroristiċi, li trid tiġi msaħħa aktar;

O.  billi l-esperti tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU esprimew it-tħassib fit-tul tagħhom dwar miżuri ferm wiesgħa ta' kontra t-terroriżmu, li jinvolvu detenzjoni sigrieta, li esponew ukoll dissidenti paċifiċi għal detenzjoni u priġunerija b'akkużi ta' terroriżmu; billi l-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem ħeġġew lir-Re Abdullah jiċħad il-liġi kontra t-terroriżmu adottata mill-Kunsill tal-Ministri fis-16 ta' Diċembru 2013, minħabba d-definizzjoni ferm wiesgħa tagħha tat-terroriżmu li timponi restrizzjonijiet inġusti fuq il-libertà tal-espressjoni billi potenzjalment tikkriminalizza kwalunkwe diskors li jikkritika l-gvern tal-Arabja Sawdija jew is-soċjetà;

P.  billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa u tal-midja, kemm online kif ukoll offline, huma kundizzjonijiet preliminari kruċjali u katalizzaturi għad-demokratizzazzjoni u għar-riforma u huma kontrolli essenzjali fuq il-poter;

Q.  billi r-Renju tal-Arabja Sawdija għandu komunità attiva ta' attivisti online u l-ogħla numru ta' utenti ta' Twitter fil-Lvant Nofsani;

R.  billi l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fir-Renju tal-Arabja Sawdija hija ristretta b'mod sever, kif muri mir-rifjut tal-awtoritajiet li jirreġistraw iċ-Ċentru Adala għad-Drittijiet tal-Bniedem jew l-Unjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem; billi l-entitajiet ta' karità għadhom l-uniku tip ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili permessi fir-Renju;

S.  billi r-Renju tal-Arabja Sawdija jeħtieġ li jiżgura l-libertà vera tar-reliġjon, b'mod partikolari li jirrigwardaw il-prattika fil-pubbliku u l-minoranzi reliġjużi, fil-konformità mar-rwol importanti li r-Renju tal-Arabja Sawdija jiżvolġi bħala kustodju taż-Żewġ Moskej Imqaddsa tal-Iżlam fil-Mekka u f'Medina;

T.  billi r-Renju tal-Arabja Sawdija għadu jikkommetti ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi minkejja l-aċċettazzjoni ddikjarata tiegħu tal-bosta rakkomandazzjonijiet fl-Eżami Perjodiku Universali tal-2009 quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti; billi fost dawn ir-rakkomandazzjonijiet hemm ir-riforma tas-sistema tal-ġustizzja kriminali li ma tirrispettax l-aktar standards bażiċi u tikser sistematikament id-dritt tad-detenuti għal proċess ġust, peress li ma jeżistix kodiċi penali bil-miktub li jiddefinixxi biċ-ċar fiex jikkonsisti reat kriminali u l-imħallfin huma ħielsa li jiddeċiedu abbażi tal-interpretazzjonijiet tagħhom tal-liġi Iżlamika u tad-drawwiet profetiċi; billi l-Ministru tal-Ġustizzja attwali enfasizza l-intenzjoni tiegħu li jikkodifika x-Shari'a u li joħroġ linji gwida fir-rigward tas-sentenzi;

U.  billi nbdew numru ta' riformi ġudizzjarji gradwali fl-2007 mir-Re Abdullah meta approva l-pjan għal sistema ġudizzjarja ġdida, inkluż it-twaqqif ta' Qorti Suprema u ta' qrati kummerċjali, tax-xogħol u amministrattivi speċjali;

V.  billi f'dawn l-aħħar xhur 'il fuq minn miljun persuna mill-Etjopja, mill-Bangladexx, mill-Indja, mill-Filippini, mill-Pakistan u mill-Jemen intbagħtu lura f'pajjiżhom b'segwitu għal riforma tad-dritt tax-xogħol introdotta biex jonqos in-numru għoli ta' ħaddiema migranti u b'hekk jiġi miġġieled il-qgħad taċ-ċittadini tal-Arabja Sawdija; billi l-fluss aċċelerat ta' għadd imdaqqas ta' rimpatrijati jisssottoponi għal pressjoni straordinarja l-pajjiżi ta' oriġini, spiss fqar u fraġli;

W.  billi fit-12 ta' Novembru 2013, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti eleġġiet lir-Renju tal-Arabja Sawdija bħala membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem għal perjodu ta' tliet snin, li jiddekorri mill-1 ta' Jannar 2014;

X.  billi l-ftuħ ta' djalogu bejn ir-Renju tal-Arabja Sawdija u l-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem jista' joffri opportunità utli ħafna biex jitjieb il-fehim reċiproku u jiġu promossi aktar riformi fil-pajjiż;

1.  Jirrikonoxxi l-interdipendenza bejn l-UE u r-Renju tal-Arabja Sawdija f'termini ta' stabbiltà reġjonali, relazzjonijiet mad-dinja Iżlamika, destin tat-tranżizzjonijiet fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija, proċess ta' paċi bejn l-Iżrael u l-Palestina, gwerra fis-Sirja, titjib tar-relazzjonijiet mal-Iran, ġlieda konta t-terroriżmu, stabbiltà tas-swieq globali taż-żejt u finanzjarji, kummerċ, investimenti u kwistjonijiet ta' governanza globali, speċjalment permezz tal-Bank Dinji, tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-qafas tal-G-20; jissottolinja li l-kuntest ġeopolitiku jagħmel lir-Renju tal-Arabja Sawdija u lill-Istati Membri l-oħra tal-GCC fulkru ta' sfidi għas-sigurtà li għandhom implikazzjonijiet globali u reġjonali;

2.  Jaqbel ma' ftit mit-tħassib espress mir-Renju tal-Arabja Sawdija, iżda jħeġġeġ lill-gvern jinvolvi ruħu b'mod attiv u kostruttiv mal-komunità internazzjonali; jilqa' pożittivament f'dan il-kuntest, b'mod partikolari, il-ftehim bejn l-Istati Uniti u r-Russja dwar it-tneħħija mis-Sirja ta' armi kimiċi filwaqt li ġie evitat konfront militari;

3.  Jappella wkoll lir-Renju tal-Arabja Sawdija jappoġġa b'mod attiv il-ftehim interim reċenti bejn l-E3+3 u l-Iran u jgħin sabiex tiġi żgurata riżoluzzjoni diplomatika ta' kwistjonijiet nukleari pendenti fi ftehim aktar komprensiv fis-sitt xhur li ġejjin fl-interessi ta' paċi u sigurtà għar-reġjun kollu;

4.  Jenfasizza l-interess Ewropew fi proċess paċifiku u ordnat ta' evoluzzjoni u riforma politika fir-Renju tal-Arabja Sawdija, bħala fattur ewlieni għall-paċi, l-istabbiltà u l-iżvilupp fir-reġjun fit-tul;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jiftħu djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-UE, sabiex jippermettulhom fehim u identifikazzjoni aħjar tat-tibdil meħtieġ;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jippermettu l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem billi jiffaċilitaw il-proċess ta' reġistrazzjoni tal-liċenzja; jiddispjaċih għall-vessazzjonijiet fil-konfront ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u d-detenzjoni tagħhom mingħajr akkużi;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jippermettu lill-Assoċjazzjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu topera b'mod indipendenti u tirrispetta l-istandards tan-NU dwar l-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem (Prinċipji ta' Pariġi);

8.  Ifakkar li r-riżultati tar-Renju tal-Arabja Sawdija dwar id-drittijiet tal-bniedem ġie vvalutat skont l-Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fi Frar 2009, u li l-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija formalment aċċettaw numru sinifikanti ta' rakkomandazzjonijiet imressqa mill-Istati Membri tal-UE matul dak l-eżami, inkluż, pereżempju, dawk li jitolbu l-abolizzjoni tat-tutela maskili u dawk li għandhom l-għan li jillimitaw l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt u tas-swat tal-ġisem; jistenna progress aktar sostanzjali fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jħeġġeġ lir-Renju tal-Arabja Sawdija jadotta approċċ kostruttiv fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fil-kuntest tal-Eżami Perjodiku Universali 2013 li għaddej bħalissa;

9.  Jesprimi tħassib serju li l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem bħal ma huma l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji, it-tortura, il-projbizzjonijiet fuq vjaġġar, il-persekuzzjonijiet ġudizzjarji u l-proċessi inġusti għadhom mifruxa; huwa partikolarment imħasseb li l-allegati miżuri kontra t-terroriżmu qed jintużaw dejjem aktar bħala għodda biex jiġu arrestati d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u li l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, skont ir-rapporti, qiegħda tiżdied; jistieden lill-gvern tal-Arabja Sawdija jaġixxi b'urġenza f'dak li għandu x'jaqsam mar-rakkomandazzjonijiet tal-EPU tal-2009, anke billi jkompli u jintensifika r-riformi tiegħu tas-sistema ġudizzjarja;

10.  Japprezza l-impenn tar-Renju tal-Arabja Sawdija fis-sistema tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU permezz tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet universali dwar id-drittijiet tal-bniedem li s'issa ġew irratifikati minnu; jistieden, madankollu, lir-Renju tal-Arabja Sawdija jiffirma u jirratifika t-trattati u l-ftehimiet prinċipali l-oħra dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU bħal ma huma l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Membri tal-Familji Tagħhom;

11.  Jemmen li bis-saħħa tal-fatt li huwa membru tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU jogħlew l-aspettattivi madwar id-dinja biex turi rispett partikolari għad-drittijiet tal-bniedem u għad-demokrazija u jappella lir-Renju tal-Arabja Sawdija jżid l-isforzi tiegħu fir-rigward tar-riformi; jistenna li membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jikkooperaw bis-sħiħ mal-proċeduri speċjali tiegħu u li jippermettu żjarat mingħajr tfixkil mir-Rapporteurs Speċjali kollha tan-NU, b'mod partikolari biex jaċċettaw iż-żjara tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra;

12.  Josserva li r-Renju tal-Arabja Sawdija għandu, skont rapporti, l-ogħla proporzjon ta' utenti ta' Twitter fid-dinja u dan jindika r-rwol b'saħħtu tan-netwerks soċjali bbażati fuq l-Internet fil-pajjiż u l-użu dejjem usa' tal-Internet u tan-netwerks soċjali fost in-nisa; jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jawtorizzaw lill-istampa u lill-mezzi ta' komunikazzjoni internazzjonali u jiżguraw il-libertà tal-espressjoni, assoċjazzjoni, għaqda paċifika għall-abitanti kollha tal-pajjiż; jiddispjaċih għar-repressjoni tal-attivisti u tad-dimostranti meta jagħmlu dimostrazzjoni paċifika; jenfasizza li s-sostenn paċifiku tad-drittijiet legali bażiċi jew l-espressjoni ta' opinjonijiet kritiċi permezz tal-midja soċjali huwa espressjoni ta' dritt indispensabbli, kif saħaq il-Parlament fir-rapport tiegħu dwar il-libertà diġitali; jenfasizza li l-libertà tal-istampa u l-midja, kemm online kif ukoll offline, hija essenzjali f'soċjetà ħielsa u tifforma kontroll kruċjali fuq il-poter;

13.  Jistieden lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija jonora l-impenji tiegħu favur diversi strumenti tad-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Karta Għarbija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura, u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

14.  Jistieden lir-Renju tal-Arabja Sawdija jiffirma u jirratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

15.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jtejbu s-sistema tal-ġustizzja kriminali tagħhom ibbażata fuq ix-Shari'a sabiex jissodisfaw l-istandards internazzjonali li jirregolaw il-proċeduri għall-arrest, id-detenzjoni u l-proċessi, kif ukoll id-drittijiet tal-priġunieri;

16.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jeħilsu priġunieri ta' kuxjenza, itemmu l-persekuzzjonijiet ġudizzjarji u extraġudizzjarji tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jgħaġġlu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-NGOs biex jiżguraw ir-reġistrazzjoni tagħhom, il-libertà li jaġixxu u l-kapaċità li jaġixxu legalment;

17.  Jistieden lis-SEAE jsostni b'mod attiv il-gruppi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex itejbu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fl-Arabja Sawdija; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Riyadh issegwi aġenda attiva fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem billi ssegwi l-kawżi bħala osservaturi u tagħmel żjarat fil-ħabsijiet;

18.  Itenni l-appell tiegħu għall-abolizzjoni universali tat-tortura, tas-swat tal-ġisem u tal-piena tal-mewt u jitlob moratorja immedjata għall-eżekuzzjoni ta' sentenzi tal-mewt fir-Renju tal-Arabja Sawdija; jiddispjaċih li r-Renju tal-Arabja Sawdija jkompli japplika l-piena tal-mewt għal firxa wiesgħa ta' reati; jistieden ukoll lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jirriformaw is-sistema tal-ġustizzja sabiex jeliminaw kull forma ta' swat tal-ġisem; jilqa' favorevolment, f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Arabja Sawdija reċentement adottat leġiżlazzjoni li tintroduċi r-reat ta' abbuż domestiku;

19.  Jiddeplora li f'Jannar li għadda ħaddiema domestika mis-Sri Lanka, Rizana Nafeek, kellha rasha maqtugħa fl-Arabja Sawdija għal reat li allegatament ikkommettiet meta kienet għadha tifla, ksur ċar tal-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, li tipprojbixxi b'mod speċifiku l-piena kapitali ta' persuni taħt it-18-il sena fiż-żmien tar-reat;

20.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jiżguraw li l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura u ta' trattament ħażin ieħor jiġu investigati bir-reqqa u b'mod imparzjali, li l-persuni kollha li allegatament ikkommettew reat jiġu pproċessati, u li kwalunkwe dikjarazzjoni li setgħet inkisbet taħt tortura ma tintużax bħala prova fi proċedimenti kriminali;

21.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja r-ratifika tal-Konvenzjoni Internazzjonali kontra t-Tortura, il-konfessjonijiet miksuba bil-forza jew bħala riżultat ta' tortura huma komuni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jiggarantixxu l-eliminazzjoni sħiħa tat-tortura mis-sistema ġudizzjarja u karċerarja tal-Arabja Sawdija;

22.  Jesprimi l-kosternazzjoni gravi tiegħu għall-fatt li r-Renju tal-Arabja Sawdija huwa wieħed mill-pajjiżi fid-dinja li għadu jipprattika eżekuzzjonijiet pubbliċi, amputazzjonijiet u swat bil-frosta; jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jadottaw leġiżlazzjoni li tipprojbixxi dawn il-prattiċi, li tikkostitwixxi ksur gravi ta' għadd ta' strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li għalihom ir-Renju tal-Arabja Sawdija huwa parti;

23.  Jiddispjaċih li l-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija ma estendewx stedina lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, minkejja r-rakkomandazzjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tan-NU għall-Istati kollha biex jestendu stediniet uffiċjali lir-Rapporteurs Speċjali tan-NU;

24.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jirrispettaw il-qima pubblika ta' kwakunkwe reliġjon; japprezza l-ħolqien fi Vjenna taċ-Ċentru internazzjonali għad-djalogu interreliġjuż u interkulturali "Re Abdullah Bin Abdulaziz" (KAICIID), intiż li jiffavorixxi d-djalogu fost il-persuni minn reliġjonijiet u kulturai diversi mid-dinja kollha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet irawmu l-moderazzjoni u t-tolleranza tad-diversità reliġjuża fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva, inkluż fl-istituzzjonijiet reliġjużi, kif ukoll fid-diskors pubbliku tal-uffiċjali u tal-uffiċjali tas-servizzi pubbliku;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-minoranzi reliġjużi kollha; jistieden lill-awtoritajiet jagħmlu sforzi akbar biex jiżguraw it-tolleranza u li l-gruppi reliġjużi kollha jkunu jistgħu jeżistu flimkien; iħeġġiġhom ikomplu jirrevedu s-sistema edukattiva sabiex tiġi eliminata kull possibbiltà eżistenti ta' riferimenti diskriminatorji lejn dawk li jemmnu f'reliġjonijiet jew twemmin oħra;

26.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jiddefinixxu età minima għaż-żwieġ u jieħdu passi biex jipprojbixxu ż-żwieġ ta' minorenni f'konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC) u l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li t-tnejn li huma kienu rratifikati mir-Renju tal-Arabja Sawdija;

27.  Jikkonstata l-ħatra mir-Re, fl-2013, tal-ewwel nisa fl-Assemblea Konsultattiva (Kunsill tax-Shura) tar-Renju tal-Arabja Sawdija, b'dawn jokkupaw 30 siġġu minn 150 u jistenna bil-ħerqa li jkompli jiżviluppa l-kuntatti u r-rabtiet istituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tax-Shura; jistenna l-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni tar-Re li n-nisa se jitħallew jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali li jmiss, li għandhom isiru fl-2015, u li sussegwentement dawn għandhom jitħallew jivvutaw u joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet l-oħrajn kollha;

28.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jirrevokaw is-sistema ta' tutela maskili u jwissi li l-implimentazzjoni tal-liġi li tipproteġi lin-nisa mill-vjolenza domestika, adottata fis-26 ta' Awwissu 2013, tkun effikaċi biss jekk titneħħa s-sistema ta' tutela maskili, billi din tal-aħħar timpedixxi l-possibbiltà li n-nisa jirrapportaw każijiet ta' abbuż domestiku jew ta' natura sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jeliminaw ukoll kull restrizzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertà ta' moviment, saħħa, edukazzjoni, żwieġ, opportunitajiet ta' impjieg, personalità ġuridika u rappreżentanza tan-nisa fil-proċessi ġudizzjarji, il-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa fid-dritt tal-familja u fil-ħajja privata u pubblika bil-għan li tiġi promossa l-parteċipazzjoni tagħhom fl-isferi ekonomika, soċjali, ċivika u politika; jilqa' pożittivament il-kampanja globali favur it-tneħħija tal-projbizzjoni ta' sewqan għan-nisa; jistieden lill-awtoritajiet jieqfu jeżerċitaw pressjoni fuq dawk li qegħdin jagħmlu kampanja għad-dritt tan-nisa li jsuqu; ifakkar lill-Gvern tal-Arabja Sawdija fl-impenji li ħa skont il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal kif ukoll l-obbligi li għalihom huwa suġġett skont ir-riżoluzzjoni nru 53/144 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, li adottat id-Dikjarazzjoni dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem; jiġbed l-attenzjoni fuq il-bżonn li jiġu promossi kampanji ta' sensibilizzazzjoni u li dawn jiġu indirizzati lill-irġiel, sabiex ikunu huma wkoll konxji tad-drittijiet tan-nisa kif ukoll tal-konsegwenzi globali tan-nuqqas ta' rispett ta' dawn id-drittijiet għas-soċjetà; jinsisti fuq il-fatt li l-informazzjoni għandha tasal ukoll fiż-żoni rurali u żoni iżolati mill-bqija tal-pajjiż;

29.  Jilqa' favorevolment il-leġiżlazzjoni reċenti li tawtorizza lill-bniet tal-Arabja Sawdija tal-iskejjel privati jipprattikaw l-isports, filwaqt li jiddispjaċih li din il-leġiżlazzjoni ma tapplikax ukoll għall-bniet fl-iskejjel pubbliċi; jilqa' b'sodisfazzjon l-għadd kbir ta' gradwati universitarji nisa li llum il-ġurnata n-numru tagħhom huwa akbar minn dak tal-irġiel gradwati u jħeġġeġ lill-gvern jintensifika l-isforzi tiegħu biex jippromwovi l-edukazzjoni tan-nisa; jenfasizza, madankollu, li filwaqt li n-nisa fl-Arabja Sawdija jikkostitwixxu 57 % tal-gradwati tal-pajjiż, huma biss 18 % tan-nisa tal-Arabja Sawdija ta' fuq il-15-il sena li jinsabu impjegati – waħda mill-iktar rati baxxi fid-dinja; jistieden għaldaqstant lill-Gvern tal-Arabja Sawdija jirrevedi u jirriforma l-edukazzjoni tan-nisa sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni ekonomika tagħhom, tiġi żgurata konċentrazzjoni akbar fuq it-tkabbir tal-kompetenzi tal-imprenditorija u jiġu indirizzati l-isfidi speċifiċi skont il-ġeneru fil-kuntest regolatorju sabiex jitjieb l-aċċess tan-nisa għas-servizzi ta' liċenzji tan-negozju mill-gvern; jilqa' l-programm ta' taħriġ stabbilit flimkien mal-Organizzazzjoni Nazzjonali għat-Taħriġ Konġunt, immirat biex iħejji lit-tfjaliet jidħlu fis-suq tax-xogħol, u jissottolinja l-isforzi li għamlu l-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija biex itejbu l-istatus tal-bniet fir-rigward tat-taħriġ u tal-espansjoni tal-opportunitajiet tagħhom f'setturi ġodda, li s-soltu huma ddominati mill-irġiel;

30.  Jinkoraġġixxi l-isforzi tar-Renju tal-Arabja Sawdija fil-promozzjoni tal-edukazzjoni għolja għan-nisa, li qed tissarraf f'xejriet edukattivi ġodda fir-Renju; jinnota li filwaqt li l-għadd ta' nisa iskritti fl-istituti ta' edukazzjoni għolja fl-2011 ammontaw għal 473 725 (429 842 raġel), filwaqt li fl-1961 kienu biss erba' n-nisa li kienu iskritti, u li l-għadd ta' nisa li ggradwaw minn dawn l-istituti jammonta għal 59 948 (55 842 raġel); josserva li l-perċentwal ta' studenti nisa fil-livelli kollha tal-iskola żdied minn 33 % fl-1974-75 għal 81 % fl-2013; jilqa' b'sodisfazzjon il-programm internazzjonali ta' boroż ta' studju li ppermetta n-numru ta' nisa bil-boroż ta' studju barra mill-pajjiż jitla' għal 24 581;

31.  Jilqa' pożittivament l-ewwel liċenzji li nħarġu lill-avukati nisa, iżda jiddeplora l-fatt li s-sistema ġudizzjarja tinsab f'idejn imħallfin irġiel b'formazzjoni reliġjuża; jieħu nota tal-kodifika gradwali tax-Shari'a li għaddejja bħalissa u jħeġġeġ li din tiġi mgħaġġla, peress li n-nuqqas ta' kodifikazzjoni u t-tradizzjoni bbażata fuq preċedenti ġudizzjarji spiss jirriżultaw f'inċertezza konsiderevoli fil-kamp ta' applikazzjoni u fil-kontenut tal-liġijiet tal-pajjiż u fi żbalji ġudizzjarji; jenfasizza l-importanza kruċjali li tinkiseb l-indipendenza ġudizzjarja u formazzjoni ġuridika adegwata għall-imħallfin;

32.  Isellem b'sodisfazzjon ir-ratifika min-naħa tar-Renju tal-Arabja Sawdija tal-erba' trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem tan-NU, jiġifieri: il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW, irratifikata fl-2000), il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti (CAT, 1997), il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1996), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali (1997);

33.  Jenfasizza l-importanza tad-dibattitu miftuħ fost l-istudjużi Iżlamiċi nisa bil-għan li jiġu interpretati testi reliġjużi minn prospettiva tad-drittijiet u tal-ugwaljanza tan-nisa.

34.  Jenfasizza li n-negozjati kollha dwar ftehim ta' kummerċ ħieles tal-UE li jinkludi lill-Arabja Sawdija għandu l-ewwel jistabbilixxi obbligi stretti li jissalvagwardaw il-protezzjoni tan-nisa u tal-bniet;

35.  Jilqa' pożittivament id-deċiżjoni reċenti tal-Ministeru tax-Xogħol li jħaffef ir-reklutaġġ tan-nisa f'diversi sferi tas-settur privat, li wasslet għal żieda fl-għadd ta' nisa tal-Arabja Sawdija li jaħdmu fis-settur privat minn 55 600 fl-2010 għal madwar 100 000 fl-2011 u 215 840 fl-aħħar tal-2012. jilqa' pożittivament id-deċiżjoni tal-Ministeru tax-Xogħol flimkien mal-Fond għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani biex jiġi introdotti programmi li jippromwovu l-impjieg tan-nisa;

36.  Jistieden lill-awtoritajiet itejbu l-kundizzjonijiet ta' xogħol u t-trattament tal-ħaddiema immigranti, b'attenzjoni speċjali lejn il-qagħda tan-nisa li jaħdmu bħala ħaddiema domestiċi, li jinsabu f'riskju partikolari ta' vjolenza sesswali u li spiss isibu ruħhom f'kundizzjonijiet ta' skjavitù virtwali; jinkoraġġixxi lill-gvern tal-Arabja Sawdija jkompli r-riformi tal-liġijiet fil-qasam tax-xogħol u b'mod partikolari jabolixxi kompletament is-sistema ta' patroċinju ("Kafala") u jilqa' favorevolment l-appell reċenti tas-Soċjetà Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem indirizzat lill-gvern biex, minflok, jimpjega ħaddiema barranin fl-ambitu ta' aġenzija tal-Ministeru tax-Xogħol; jilqa' pożittivament l-isforzi reċenti biex jiġu introdotti liġijiet nazzjonali dwar ix-xogħol sabiex tingħata protezzjoni standardizzata għall-ħaddiema domestiċi u tiġi żgurata l-prosekuzzjoni ta' min iħaddem li huma responsabbli mill-abbużi sesswali, fiżiċi u tad-drittijiet tax-xogħol;

37.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jwaqqfu l-attakki vjolenti reċenti kontra l-ħaddiema migranti u jeħilsu lill-eluf ta' persuni li ġew arrestati u miżmuma f'ċentri improvviżati, apparentement spiss mingħajr alloġġ adegwat jew kuri mediċi xierqa; iħeġġeġ lill-pajjiżi ta' oriġini jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija biex jorganizzaw ir-rimpatriju tal-ħaddiema bil-mod l-aktar uman possibbli; jiddeplora l-fatt li l-implimentazzjoni tal-liġijiet fil-qasam tax-xogħol spiss ma titwettaqx f'konformità mal-istandards internazzjonali u tintuża vjolenza inġustifikata kontra l-migranti irregolari, bħal ma ġara fir-repressjoni f'Novembru 2013 li ntemmet bi 3 ċittadini tal-Etjopja maqtula, 33 000 persuna arrestata u d-deportazzjoni ta' kważi 200 000 migrant irregolari;

38.  Jilqa' favorevolment ir-ratifika min-naħa tar-Renju tal-Arabja Sawdija ta' wħud mill-konvenzjonijiet ILO ewlenin, partikolarment il-Konvenzjoni nru 182 dwar l-eliminazzjoni tal-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal; ifaħħar l-adeżjoni tiegħu mal-Protokoll għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, (Protokoll ta' Palermo); jistenna l-implimentazzjoni tar-riformi ġuridiċi u politiċi bil-għan li jiggarantixxu li l-imsemmijin trattati internazzjonali jiġu eżegwiti;

39.  Jieħu nota tal-fatt li r-Renju tal-Arabja Sawdija reċentement irrifjuta siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

40.  Jemmen li s-soluzzjoni għall-problemi ta' sigurtà dejjem agħar fir-reġjun tinsab fl-istabbiliment ta' qafas komuni għas-sigurtà, li minnu l-ebda pajjiż mhuwa eskluż u fejn l-interessi tas-sigurtà leġittimi tal-pajjiżi kollha jiġu kkunsidrati;

41.  Jissottolinja l-importanza kritika tal-kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju tal-Arabja Sawdija fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti u jisħaq fuq il-fatt li biex din tkun effikaċi hija għandha tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem bażiċi u l-libertajiet ċivili; jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jtejbu l-kontroll fuq il-finanzjament tal-gruppi militanti radikali barra mill-pajjiż minn ċittadini u entitajiet tal-karità tal-Arabja Sawdija; japprezza l-ftehim dwar il-kontribut għat-tnedija taċ-Ċentru Antiterroriżmu tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmat min-Nazzjonijiet Uniti u mir-Renju tal-Arabja Sawdija fid-19 ta' Settembru 2011, u d-deċiżjoni tar-Renju tal-Arabja Sawdija li jiffinanzja tali ċentri għal tliet snin;

42.  Huwa mħasseb li wħud miċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jipprovdu l-appoġġ finanzjarju u politiku għal xi gruppi reliġjużi u politiċi fl-Afrika ta' Fuq, fil-Lvant Nofsani, fl-Asja, u b'mod partikolari fl-Asja tan-Nofsinhar (jiġifieri l-Pakistan u l-Afganistan), fiċ-Ċeċenja u fid-Dagestan li jista' jirriżulta fir-rinfurzar tal-forzi fundamentalisti u oskurantisti li jfixklu l-isforzi biex titrawwem il-governanza demokratika u jopponu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika;

43.  Jitlob lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jaħdmu mal-UE u fil-livell internazzjonali sabiex iwaqqfu lill-movimenti Salafiti milli jappoġġaw l-attivitajiet kontra l-Istat tar-ribelli militari fil-Mali, li qed iwasslu għad-destabilizzazzjoni tar-reġjun kollu;

44.  Jenfasizza li r-Renju tal-Arabja Sawdija huwa membru fundamentali tal-"Grupp tal-Ħbieb tas-Sirja"; jistieden lir-Renju tal-Arabja Sawdija jikkontribwixxi għal soluzzjoni paċifika u inklużiva tal-kunflitt Sirjan, notevolment permezz tal-appoġġ għat-taħditiet ta' Ġinevra II, mingħajr prekundizzjonijiet; jappella wkoll għal aktar sostenn attiv u l-għoti ta' kull assistenza umanitarja possibbli b'risq il-poplu Sirjan milqut mill-gwerra ċivili Sirjana; jistieden lir-Renju tal-Arabja Sawdija jtemm kwalunkwe appoġġ finanzjarju, militari u politiku favur il-gruppi estremisti u jinkoraġġixxi lill-pajjiżi l-oħra jagħmlu l-istess;

45.  Itenni l-appell tiegħu lir-Renju tal-Arabja Sawdija biex jikkontribwixxi b'mod kostruttiv u jservi ta' medjatur fl-interess tar-riformi paċifiċi u d-djalogu nazzjonali fil-Baħrejn;

46.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Renju tal-Arabja Sawdija jipparteċipaw fi djalogu paċifiku mal-Iran dwar ir-relazzjonijiet bilaterali u l-futur tar-reġjun; jilqa' pożittivament ukoll id-dikjarazzjoni tal-24 ta' Novembru 2013 tal-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija dwar l-eżiti tal-Ftehim ta' Ġinevra mal-Iran;

47.  Jistieden lill-UE u lir-Renju tal-Arabja Sawdija jikkollaboraw b'mod effikaċi bil-għan li jiksbu riżultat ġust u sostenibbli għat-tmiem tal-kunflitt bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani;

48.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jżidu l-preżenza tagħhom fir-reġjun u jsaħħu r-relazzjonijiet ta' ħidma mar-Renju tal-Arabja Sawdija, billi jżidu r-riżorsi għad-Delegazzjoni f'Riyadh u jippjanaw żjarat regolari fir-Renju, partikolarment mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà;

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Maestà Tiegħu r-Re Abdullah Ibn Abdul Aziz, lill-Gvern tar-Renju tal-Arabja Sawdija kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali taċ-Ċentru għad-Djalogu Nazzjonali tar-Renju tal-Arabja Sawdija.

(1) ĠU C 231, 17.9.1990, p. 216.
(2) ĠU C 032, 5.2.1996, p. 98.
(3) ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 281.
(4) ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 879.
(5) ĠU C 76 E, 27.3.2008, p. 100.
(6) ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 529.
(7) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 126.
(8) ĠU C 247 E, 17.8.2012, p. 1.
(9) ĠU C 296E, 2.10.2012, p. 81.
(10) ĠU C 33E, 5.2.2013, p. 158.
(11) ĠU C 51E, 22.2.2013, p. 118.
(12) ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 125.
(13) http://wbl.worldbank.org/~/media/FPDKM/WBL/Documents/Reports/2014/Women-Business-and-the-Law-2014-Key-Findings.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza