Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2170(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0109/2014

Testi mressqa :

A7-0109/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2014 - 8.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0209

Testi adottati
PDF 207kWORD 45k
L-Erbgħa, 12 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
Tarka kontra l-missili għall-Ewropa
P7_TA(2014)0209A7-0109/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar tarka kontra l-missili għall-Ewropa u l-implikazzjonijiet politiċi u strateġiċi tagħha (2013/2170(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 42(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 222 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 24 u l-Artikolu 42(2) tat-TUE, l-Artikoli 122 u 196 tat-TFUE u d-Dikjarazzjoni 37 dwar l-Artikolu 222 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta’ Diċembru 2003, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha, li ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fil-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà Interna, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fil-25 u s-26 ta’ Marzu 2010,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni,

–  wara li kkunsidra l-Kunċett Strateġiku għad-Difiża u s-Sigurtà tal-Membri tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, li ġie adottat fis-Summit tan-NATO f’Lisbona fid-19 u l-20 ta’ Novembru 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit ta’ Chicago maħruġa mill-Kapijiet tal-istat u l-gvern li pparteċipaw fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana f’Chicago fl-20 ta’ Mejju 2012,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A7-0109/2014),

A.  billi l-kwistjoni tad-Difiża tal-Missili Ballistiċi (BMD) kienet diġà mqajma fil-passat iżda saret aktar attwali fis-snin riċenti fid-dawl tal-multiplikazzjoni ta’ każijiet ta' theddid li jirriżultaw mill-proliferazzjoni ta’ armi nukleari u ta’ armi oħra ta’ qerda tal-massa, u l-proliferazzjoni ta’ missili ballistiċi li għalih l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u l-alleati Ewropej tagħha għandhom ikunu kapaċi jirreaġixxu b’mod effettiv;

B.  billi d-difiża kontra attakki ballistiċi jew tipi oħra ta' attakki missili tista' tikkostitwixxi żvilupp pożittiv fis-sigurtà Ewropea fil-kuntest ta' dinamika ta' sigurtà internazzjonali rapida, b'bosta atturi statali u mhux statali jiżviluppaw teknoloġiji missili u kapaċitajiet difensivi varji: kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN) bil-potenzjal li jintlaħaq territorju Ewropew;

C.  billi n-NATO qed tiżviluppa kapaċità BMD biex issegwi l-kompitu ewlieni tagħha ta’ difiża kollettiva, bil-għan li tipprovdi kopertura u protezzjoni totali għall-popolazzjonijiet, it-territorji u l-forzi Ewropej li huma membri tan-NATO, kontra t-theddid li qed jiżdied mill-proliferazzjoni ta’ missili ballistiċi;

D.  billi l-kontribut essenzjali tal-Istati Uniti għall-BMD huwa konferma tal-impenn tiegħu lejn in-NATO u s-sigurtà tal-Ewropa u l-alleati tal-Ewropa, u jenfasizza l-importanza tal-għaqda transatlantika, b'tagħmir diġà stazzjonat fir-Rumanija u iktar mistenni jiġi stazzjonat fil-Polonja fil-futur qrib;

E.  billi l-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni se tiġi żviluppata b’komplementarjetà sħiħa man-NATO, fl-ambitu tal-qafas miftiehem għas-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO, kif ikkonfermat mill-Kunsill Ewropew fid-19 ta’ Diċembru 2013;

1.  Jargumenta li kif it-teknoloġiji BMD jiżviluppaw u jipu applikati, jinħolqu dinamiċi ġodda fis-sigurtà Ewropea, li jirriżulta fi ħtieġa għall-Istati Membri li jqisu l-implikazzjonijiet tal-BMD għas-sigurtà tagħhom;

2.  Ifakkar li l-miżuri BMD tan-NATO jiġu żviluppati u mibnija biex jiddefendu l-istati membri tagħha minn attakki missili ballistiċi potenzjali; jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant għoli ssegwi sħubija strateġika man-NATO, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni tal-BMD, li għandha twassal għall-forniment ta' kopertura u protezzjoni totali għall-Istati Membri kollha, u b'hekk tiġi evitata sitwazzjoni fejn is-sigurtà mogħtija lilhom tkun differenzjata b'xi mod;

3.  Jilqa' l-progress li sar mill-kapaċità intermedjarja BMD tan-NATO, li se tipprovdi kopertura massima fi ħdan il-mezzi disponibbli għad-difiża tal-popolazzjonijiet, territorji u forzi qalb stati membri Ewropej tan-NATO fin-Nofsinhar kontra attakk missili ballistiku; jilqa', ukoll, l-għan li jiġu pprovduti kopertura u protezzjoni totali għall-istati membri Ewropej tan-NATO sa tmiem id-deċennju;

4.  Jenfasizza li l-inizjattivi tal-UE, bħall-Akkomunament u l-Kondiviżjoni, jistgħu jkunu ta’ għajnuna fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-oqsma tal-BMD u fit-twettiq tax-xogħol konġunt tar-riċerka u l-iżvilupp; jinnota li, fuq terminu ta' żmien twil, tali kooperazzjoni tista’ twassal ukoll għal aktar konsolidament tal-industrija tad-difiża Ewropea;

5.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u lill-Kunsill jinkludu kwistjonijiet tal-BMD fi stateġiji, studji u white papers futuri dwar is-sigurtà;

6.  Jenfasizza li minħabba l-kriżi finanzjarja u tnaqqis fil-baġit, mhux qed jintużaw riżorsi biżżejjed biex jinżammu kapaċitajiet suffiċjenti għad-difiża, u dan iwassal għal tnaqqis fil-kapaċitajiet militari u l-kapaċità industrijali tal-UE;

7.  Jenfasizza li l-pjan BMD tan-NATO bl-ebda mod huwa mmirat lejn ir-Russja u li n-NATO hija lesta tikkoopera mar-Russja fuq il-bażi tas-suppożizzjoni ta' kooperazzjoni bejn iż-żewġ sistemi ta' difiża missili indipendenti: il-BMD tan-NATO u dik tar-Russja; Jenfasizza l-fatt li għalkemm kooperazzjoni effettiva mar-Russja tista’ ġġib benefiċċji kalkolabbli, għandha tiġi segwita abbażi ta' reċiproċità u trasparenza totali, peress li żieda fil-fiduċja reċiproka hija kruċjali għall-iżvilupp gradwali ta’ tali kooperazzjoni; jinnota, f'dan ir-rigward, li t-tressiq ta' missili Russi qrib il-konfini tan-NATO u tal-UE huwa kontroproduttiv;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Kunsill Ewropew, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO u lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO.

Avviż legali - Politika tal-privatezza