Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2013/2179(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0130/2014

Testi mressqa :

A7-0130/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2014 - 8.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0210

Testi adottati
PDF 235kWORD 64k
L-Erbgħa, 12 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
Is-Settur Ewropew tas-Sajd fil-Kuntest tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u t-Tajlandja
P7_TA(2014)0210A7-0130/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-sitwazzjoni u l-prospettivi futuri tas-settur Ewropew tas-sajd fil-kuntest tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u t-Tajlandja (2013/2179(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-bqija tad-dinja,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat(1) (ir-Regolament IUU),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 intitolata "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-14 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet bil-Miktub E-000618/2013 tat-22 ta' Jannar 2013 dwar l-abbużi fi ktajjen ta' provvista kummerċjali bl-imnut u E-002894/2013 tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles mat-Tajlandja u t-tħaddim tat-tfal fl-industrija tal-ikel ippreżervat fil-laned, u t-tweġibiet tal-Kummissjoni għalihom,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A7‑0130/2014),

A.  billi s-settur Ewropew tas-sajd qed joħroġ minn perjodu ta’ kriżi li jaffettwa lis-setturi tal-estrazzjoni, tal-ipproċessar u tal-akkwakultura, u li din is-sitwazzjoni ddgħajjef b’mod drammatiku l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu, b'mod partikolari meta s-suq globali qed jiġi liberalizzat u fl-istess waqt, xi pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li għandhom riżorsi tal-baħar abbundanti jibdew isiru l-qawwiet il-ġodda tas-sajd;

B.  billi l-industrija tas-sajd u tal-ipproċessar Ewropea hija essenzjali għall-provvista tal-ikel għaċ-ċittadini Ewropej u hija bażi għall-għajxien taż-żoni kostali li fil-parti l-kbira jiddependu ħafna minn dawk l-attivitajiet; billi s-sopravivenza tas-settur se tkun f’riskju jekk l-UE tilliberalizza l-kummerċ tal-prodotti tas-sajd ma’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li jixtiequ jesportaw il-prodotti tagħhom fis-suq Komunitarju interessanti, speċjalment jekk tiġi offruta tariffa żero;

C.  billi l-UE hija l-akbar importatur fid-dinja tal-prodotti tas-sajd, u li d-dipendenza tal-importazzjonijiet jagħmel is-suq Komunitarju aktar attraenti għall-esportaturi, b'mod partikolari, meta wieħed iqis li d-domanda għall-prodotti tas-sajd fl-UE tikber b’1,5 % kull sena;

D.  billi t-Tajlandja huwa l-akbar pajjiż li jipproduċi t-tonn fil-laned fid-dinja, b’46 % tal-produzzjoni dinjija, u li l-esportazzjonijiet tiegħu tat-tonn fil-laned lejn l-UE, aktar minn 90 000 tunnellata fis-sena, jammontaw għal kważi 20 % mit-total tal-importazzjonijiet Komunitarji minn pajjiżi terzi, fejn l-Istati Uniti, l-UE u l-Ġappun huma s-swieq destinatarji ewlenin għall-esportazzjonijiet tal-prodotti tas-sajd Tajlandiżi;

E.  billi t-Tajlandja huwa l-akbar importatur fid-dinja tat-tonn frisk, imkessaħ u ffriżat għall-industrija tagħha tal-ikel ippreżervat fil-laned;

F.  billi 80 % tat-tonn huwa kkunsmat mil-laned u li, skont l-aħħar dejta disponibbli mid-database FISHSTAT tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO), 21 % tal-produzzjoni dinjija tat-tonn fil-laned u pproċessat issir fl-UE, filwaqt li d-79 % li jifdal jiġi manifatturat f’pajjiżi terzi, li l-maġġoranza tagħhom huma fil-fażi tal-iżvilupp;

G.  wara li kkunsidra l-importanza kummerċjali, ekonomika u strateġika tat-Tajlandja għall-UE, u l-benefiċċji sostanzjali tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) bejn l-UE u t-Tajlandja għall-ekonomija tal-UE kollha kemm hi;

H.  billi l-UE tappoġġja integrazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi membri tal-ASEAN (Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja) billi l-FTA mat-Tajlandja jikkostitwixxi pilastru essenzjali f'dan il-proċess ta' integrazzjoni, li l-għan aħħari tiegħu jkun li fil-ġejjieni jiġi konkluż FTA bejn reġjun u ieħor;

I.  billi, għall-UE, il-konklużjoni ta’ FTA bejn l-UE u l-ASEAN kienet prijorità mill-2007, bit-tama li jinkludi l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, Singapor, it-Tajlandja, il-Brunej u l-Vjetnam; billi n-nuqqas ta' progress fin-negozjati dwar dan il-ftehim reġjonali wassal għall-ftuħ ta' negozjati bilaterali mal-pajjiżi membri tal-ASEAN, fosthom mat-Tajlandja, b'impenn politiku biex jiġi konkluż l-FTA fi żmien sentejn;

J.  billi jekk it-Tajlandja, l-Indoneżja u l-Filippini huma inklużi fir-reġjun tal-Paċifiku Ċentrali u tal-Punent, il-produzzjoni tat-tonn fil-laned fir-reġjun tammonta għal kważi nofs il-produzzjoni globali;

K.  billi l-bidliet tal-produtturi tat-tonn fil-laned u l-produzzjoni tal-flettijiet huma assoċjati mat-tendenza għal forniment globali għall-pajjiżi li jipproċessaw bi spejjeż baxxi ta’ produzzjoni li jinsabu viċin tal-materja prima (pereżempju, it-Tajlandja, il-Filippini, l-Indoneżja, il-Papwa Ginea Ġdida u l-Ekwador), u li n-numru ta’ pajjiżi involuti fil-produzzjoni u l-esportazzjoni tat-tonn fil-laned qed jiżdied;

L.  billi t-Taljandja u l-Filippini huma l-esportaturi ewlenin tat-tonn ipproċessat u fil-laned għall-UE, fejn l-importazzjonijiet tat-Tajlandja żdiedu b’20 %, filwaqt li l-importazzjonijiet tal-Filippini naqsu b’5 %;

M.  billi kull tnaqqis tat-tariffa għat-tonn fil-laned u pproċessat jista' jkollu impatt fuq il-preferenzi tal-pajjiżi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u l-benefiċjarji tas-sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi (SPĠ+), skont liema l-pajjiżi terzi benefiċjarji jimpenjaw ruħhom, bi skambju għall-kisba ta’ preferenzi tariffarji, biex ikunu konformi ma’ ċerti politiki, bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tax-xogħol, tal-ambjent u ta’ governanza tajba;

N.  billi t-tnaqqis tariffarju jfixkel ukoll is-suq Ewropew, peress li l-maġġoranza tal-industrija tat-tonn ippreżervat fil-laned tal-UE jinsab fir-reġjuni li jiddependu ħafna mis-sajd, bħall-Galicia, il-Brittanja Franċiża, l-Ażores (reġjun ultraperifiku), il-Pajjiż Bask u Sardinja; billi l-industrija tat-tonn tal-UE hija t-tieni l-akbar produttur tat-tonn fil-laned, u l-attività tagħha li ilha stabbilita hi kritika kemm fil-ħolqien ta’ valur miżjud kif ukoll fil-ħolqien tal-impjiegi fl-UE, filwaqt li tiżgura l-ogħla standards soċjali, ambjentali u tas-saħħa u tal-iġjene;

O.  billi r-regoli preferenzjali ta’ oriġini huma maħsuba prinċipalment biex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ rabta ekonomika suffiċjenti bejn il-prodotti importati fl-UE u l-pajjiżi li jibbenefikaw minn preferenzi mogħtija minnha, b’mod li jiġi żgurat li dawn il-preferenzi ma jiġux iddevjati indebitament għall-benefiċċju ta’ pajjiżi oħra li għalihom ma kinux maħsuba;

P.  billi d-diskussjoni dwar il-kummerċ ta’ prodotti tas-sajd tirreferi għal kummerċ ta’ riżorsa naturali, li s-sostenibbiltà tagħha hija influwenzata minn varjetà kbira ta’ fatturi, inkluża l-ġestjoni tajba u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-kontroll tas-sajd illegali, it-tniġġis, it-tibdil fil-klima u d-domanda tas-suq; billi dawn il-fatturi esterni kollha jaffettwaw il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti tas-sajd u li, għalhekk, il-prodotti tas-sajd għandhom jitqiesu bħala prodotti sensittivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ protezzjoni speċjali;

Q.  billi provvista suffiċjenti u stabbli ta’ materja prima hija essenzjali għaż-żamma u l-iżvilupp ekonomiku tal-impriżi tal-ipproċessar tat-tonn tal-UE;

R.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tirrimarka li l-kummerċ ħieles huwa strument ta’ tkabbir li l-għan tiegħu huwa l-iżvilupp sostenibbli f'termini soċjali, ekonomiċi u ambjentali;

S.  billi, f'dan ir-rigward, ir-regoli tal-kummerċ jirrappreżentaw għodda bażika u fundamentali biex jiġi żgurat li l-kummerċ ikun ta' benefiċċju u biex jinkisbu l-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tal-ambjent, kif ukoll tiġi żgurata ġestjoni xierqa tar-riżorsi naturali;

T.  billi l-globalizzazzjoni żiedet bil-kbir l-ammont tal-ħut ikkummerċjalizzat internazzjonalment u li jeżisti tħassib wiesa' li ħafna pajjiżi li jipproduċu m’għandhomx il-mezzi suffiċjenti biex jiġġestixxu u/jew jisfruttaw l-istokkijiet tal-ħut b’mod sostenibbli, jiżguraw livell ta’ protezzjoni xierqa tal-iġjene u tas-saħħa, itaffu l-impatt ambjentali tas-sajd u tal-akkwakultura, u jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem b’mod ġenerali kif ukoll jippromwovu b’mod partikolari d-drittijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali;

U.  billi wħud mis-sħab kummerċjali tal-UE juru nuqqasijiet fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli tas-sajd fit-tliet oqsma tagħhom: dak soċjali, ekonomiku u ambjentali;

V.  billi l-ġestjoni sostenibbli tal-istokkijiet tat-tonn hija żgurata mill-ħames Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFOs) tat-tonn; billi l-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-Istati u l-RFOs hija essenzjali sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tat-tonn;

W.  billi, reċentement, kemm l-ILO kif ukoll NGOs differenti skoprew nuqqasijiet serji fil-kundizzjonijiet soċjali, tax-xogħol u tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-industrija tas-sajd Tajlandiża; billi l-midja rrappurtat u l-Gvern tat-Tajlandja rrikonoxxa li s-settur tal-industrija tas-sajd Tajlandiża jibbenefika mix-xogħol sfurzat tal-immigranti li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u li żewġ industriji multinazzjonali tat-tonn Tajlandiżi ippreżervat fil-laned iħaddmu t-tfal;

X.  billi, skont il-FAO, hija prassi komuni li d-dgħajjes tas-sajd Tajlandiżi jiġu kkonfiskati mill-istati kostali ġirien u l-kaptani tagħhom jiġu akkużati b’sajd illegali jew b’intrużjoni illegali fiż-żona ekonomika esklużiva tagħhom;

Y.  billi, fl-2013, l-awtoritajiet Spanjoli rrifjutaw it-tniżżil u l-kummerċjalizzazzjoni tat-tonn minn bastimenti tat-tonn bil-bandiera tal-Gana li jkunu involuti fis-Sajd Illegali, Mhux Rapportat u Mhux Regolat (IUU) minħabba ma kinux f'konformità mal-miżuri ta’ ġestjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku, u billi l-maġġoranza tal-bastimenti tat-tonn kellhom involviment f’kumpaniji privati tat-Tajlandja;

Z.  billi, fl-aħħar xhur, fl-UE ġew irrifjutati bosta konsenji tat-tonn fil-laned importati mit-Tajlandja minħabba t-trattament bis-sħana mhux xieraq, trattament essenzjali biex jiġu newtralizzati mikroorganiżmi li, kieku jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-bniedem;

1.  Jitlob li l-prodotti tal-ħut, bħat-tonn fil-laned importati mit-Tajlandja, li għandhom il-potenzjal li jfixklu l-produzzjoni u s-suq tal-UE għal dawn il-prodotti, ikunu ttrattati bħala prodotti sensittivi; jemmen, barra minn hekk, li kwalunkwe deċiżjoni li tikkonċerna l-aċċess akbar għal tonn fil-laned u pproċessat mit-Tajlandja għandha tittieħed biss wara li jkun hemm valutazzjonijiet tal-impatt stretti u b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-industrija, sabiex ikun analizzat u evalwat l-impatt li l-aċċess akbar jista' jkollu fl-industrija tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti tal-frott tal-baħar fl-UE;

2.  Jitlob li l-aċċess ta’ ħut u frott tal-baħar Tajlandiżi fil-laned u pproċessati għas-suq tal-UE jkompli jkun suġġett għat-tariffa attwali tiegħu u, għalhekk ikunu esklużi mit-tnaqqis tat-tariffa, jirrakkomanda li jiġu stabbiliti perijodi twal ta’ tranżizzjoni u impenji parzjali ta’ liberalizzazzjoni, inkluża l-impożizzjoni ta’ kwoti, għal prodotti ta' ħut u frott tal-baħar fil-laned u pproċessati jekk jiġi introdott tnaqqis tat-tariffa, sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-industrija Komunitarja tat-tonn u jiġu ppreżervati l-attività u d-dimensjoni soċjali assoċjati mal-industrija tat-tonn fl-UE, li tipprovdi 25 000 impjieg dirett u 54 000 impjieg indirett;

3.  Jitlob, fejn hu xieraq, u qabel ma jsiru kwalunkwe tip ta’ konċessjonijiet tat-tariffi jew ta’ kwalunkwe regola oħra, li jitwettqu valutazzjonijiet tal-impatt rigorużi, sabiex janalizzaw u jevalwaw l-impatt li dawn il-konċessjonijiet jew ir-regoli jista’ jkollhom fuq l-industrija tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-frott tal-baħar fl-UE;

4.  Jitlob, fil-każ ta' prodotti sensittivi, li tiġi infurzata l-konformità sħiħa mar-regoli ta' oriġini stretti u koerenti mingħajr l-ebda eċċezzjoni, u li l-kumulazzjoni tkun strettament limitata għal dawk il-prodotti li tagħhom it-Tajlandja hija aktar pajjiż tal-ipproċessar milli pajjiż tas-sajd;

5.  Jitlob li l-importazzjonijiet mit-Tajlandja ta' tonn fil-laned u prodotti tal-ħut oħra għandhom ikunu suġġetti, sakemm huwa possibbli, għall-istess kundizzjonijiet kompetittivi bħall-prodotti tal-ħut ta' oriġini tal-UE; iqis li din it-talba timplika b'mod partikolari li l-FTA għandu jkollu kapitolu ambizzjuż dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli, fejn it-Tajlandja tintrabat li tirrispetta, tippromwovi u timplimenta standards tax-xogħol rikonoxxuti internazzjonalment, kif inkorporati fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO, inklużi dawk dwar ix-xogħol sfurzat u dwar l-agħar forom ta' xogħol tat-tħaddim tat-tfal; iqis, barra minn hekk, li għandu jiġi infurzat b'mod strett ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-protezzjoni tal-ambjent u l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat u l-konformità mar-regoli sanitarji u fitosanitarji tal-UE; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament dwar il-konformità tat-Tajlandja mal-obbligi msemmija hawn fuq;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-Regolament IUU jiġi implimentat b'mod effettiv u li n-negozjati tal-FTA iwasslu għal referenza espliċita tagħhom fit-test innifsu tal-ftehim;

7.  Iqis li l-aħjar mod biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni sħiħa tat-Tajlandja fil-ġlieda kontra s-sajd IUU hu li fit-test tal-FTA tiġi inkluża referenza espliċita għar-Regolament IUU;

8.  Jitlob l-inklużjoni fl-FTA ta' rekwiżit tal-konformità mal-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, kif ukoll aktar trasparenza, sorveljanza, monitoraġġ, u traċċabbiltà fis-settur tas-sajd Tajlandiż, sabiex isir il-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd;

9.  Jinsisti sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodotti bħala element essenzjali tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, kif ukoll fattur fundamentali u għodda bażika għall-kontroll tas-sajd illegali;

10.  Jitlob li l-FTA jibqa' konsistenti mal-kumplament tal-politiki Komunitarji u mal-promozzjoni ta’ strateġiji ta’ responsabbiltà soċjali korporattivi; jappella li jiġu stabbiliti klawżoli ta’ salvagwardja;

11.  Jenfasizza li d-deċizjoni tal-Parlament li jagħti l-approvazzjoni tiegħu dwar l-FTA se tqis l-eżitu ġenerali tan-negozjati, inkluż dawk tas-settur tas-sajd;

12.  Jitlob reċiproċità fl-aċċess għas-swieq u l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni fis-settur tas-servizzi;

13.  Jesprimi x-xewqa li t-Tajlandja, bħala l-akbar esportatur fid-dinja tat-tonn fil-laned, tipparteċipa u tikkollabora mat-tliet RFOs tat-tonn fir-reġjun, jiġifieri l-Kummissjoni Inter-Amerikana tat-Tonn Tropikali, il-Kummissjoni għas-sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali u l-Organizzazzjoni Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd fin-Nofsinhar tal-Paċifiku, kif ukoll mal-RFO tat-tonn tal-Oċean Indjan, li hija membru tiegħu;

14.  Jappoġġja l-eżistenza ta’ politika ta’ konservazzjoni u ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2012)0461.

Avviż legali - Politika tal-privatezza