Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 912/2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS (COM(2013)0040 – C7-0031/2013 – 2013/0022(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0040),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0031/2013),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-17 ta' April 2013(1),
– wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,
– wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-13 ta' Diċembru 2013, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A7-0364/2013),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jenfasizza li kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità leġiżlattiva favur dan il-finanzjament pluriennali għall-Aġenzija tal-GNSS Ewropea ("l-Aġenzija") għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet tal-awtorità baġitarja fil-kuntest tal-proċedura baġitarja annwali;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rendikont finanzjarju ġdid li jqis b’mod sħiħ ir-riżultat tal-ftehim leġiżlattiv bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jintlaħqu r-rekwiżiti baġitarji u tal-persunal tal-Aġenzija u possibbilment tas-servizzi tal-Kummissjoni;
4. Jitlob li l-Kummissjoni ssib soluzzjoni fattibbli għall-problemi li l-Aġenzija qiegħda tiffaċċja fir-rigward tal-finanzjament għall-Iskejjel Ewropej ta’ Tip II, għax dan għandu effett dirett fuq il-kapaċità tal-Aġenzija li tattira persunal kwalifikat;
5. Jitlob li, meta tiddetermina l-koeffiċjent tal-korrezzjoni għar-rimunerazzjonijiet tal-persunal għall-Aġenzija, il-Kummissjoni ma tqisx il-medja Ċeka iżda taġġusta għall-ispejjeż tal-għajxien fiż-żona metropolitana ta’ Praga;
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-12 ta' Marzu 2014 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru .../2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 912/2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) Nru 512/2014.)