Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2014/2006(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A7-0122/2014

Testi mressqa :

A7-0122/2014

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2014 - 8.24
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P7_TA(2014)0231

Testi adottati
PDF 479kWORD 66k
L-Erbgħa, 12 ta' Marzu 2014 - Strasburgu
Evalwazzjoni tal-ġustizzja fir-rigward tal-ġustizzja kriminali u l-istat tad-dritt
P7_TA(2014)0231A7-0122/2014

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar l-evalwazzjoni tal-ġustizzja fir-rigward tal-ġustizzja kriminali u l-istat tad-dritt (2014/2006(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tiegħu,

–  wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 70, 85,  258, 259 u 260 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2013 intitolata"It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE – Għodda għall-promozzjoni ta' ġustizzja u tkabbir effettivi" (COM(2013)0160),

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-6 ta’ Marzu 2013 mibgħuta mill-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Pajjiżi l-Baxxi lill-President tal-Kummissjoni, is-Sur José Barroso, fejn jitolbu li jinħoloq mekkaniżmu li jrawwem il-konformità mal-valuri fundamentali fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534) li jindirizza l-ħtieġa li tinħoloq żona tal-UE għall-ġustizzja kriminali,

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet, ir-rapporti annwali u l-istudji tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet u r-rapporti tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (il-Kummissjoni ta' Venezja), b'mod partikolari r-rapport tagħha dwar l-Istat tad-Dritt (CDL-AD(2011)003rev), ir-rapport tagħha dwar l-Indipendenza tas-Sistema Ġudizzjarja – Taqsima I: L-Indipendenza tal-Imħallfin (CDL-AD (2010) 004), u r-rapport tagħha dwar l-Istandards Ewropej f'dak li għandu x'jaqsam mal-Indipendenza tas-Sistema Ġudizzjarja - Taqsima II: Is-Servizz ta' Prosekuzzjoni (CDL-AD (2010)040),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Ftehim bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Istatut Rivedut tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Novembru 2013 bit-titolu “Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014” (COM(2013)0800),

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet u r-rapporti tal-Kummissjoni Ewropej għall-Effiċjenza tal-Ġustizzja (CEPEJ), b'mod partikolari l-aktar rapport ta' evalwazzjoni reċenti dwar is-sistemi ġudizzjarji Ewropej (2012),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni, l-istandards u l-pratttiki tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet kollha relevanti mal-qasam tal-istat tad-dritt u l-ġustizzja, inklużi dawk dwar il-korruzzjoni u l-mandat ta' arrest Ewropew(1)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0122/2014),

A.  billi fil-qasam tal-ġustizzja kriminali l-evalwazzjoni ssaħħaħ il-fiduċja reċiproka, u billi l-fiduċja reċiproka hija fundamentali biex ikun hemm implimentazzjoni effiċjenti tal-għodod ta' rikonoxximent reċiproku; billi, skont il-Programm ta' Stokkolma, l-evalwazzjoni hija elenkata bħala waħda mill-għodod ewlenin għall-integrazzjoni fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja;

B.  billi t-Trattati jipprovdu s-sies meħtieġ għall-evalwazzjoni tal-politiki fl-oqsma tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja, kif ukoll ir-rispett għall-valuri fundamentali tal-Unjoni, inkluż l-istat tad-dritt; billi l-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji huma wkoll prijoritajiet imsemmija fil-qafas tas-Semestru Ewropew, iċ-ċiklu annwali l-ġdid tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika;

C.  billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja bħalissa qed tiġi trattata fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u għaldaqstant hemm enfasi żżejjed fuq il-valur ekonomiku tal-ġustizzja; billi l-ġustizzja hija valur fiha nnifisha u għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd irrispettivament mill-interessi ekonomiċi;

D.  billi hemm il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u fehim komuni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tad-dritt kriminali;

E.  billi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja għas-sena 2013 għandha x'taqsam b'mod esklużiv mal-ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattiva, iżda li għandha wkoll tinkludi l-ġustizzja kriminali, peress li l-funzjonament u l-integrità tal-ġustizzja kriminali għandhom ukoll riperkussjonijiet importanti fuq id-drittijiet fundamentali u barra minn hekk għandhom rabta qawwija mal-istat tad-dritt;

F.  billi r-rapport annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena 2012, fil-kapitolu dwar 'l-aċċess għal ġustizzja effiċjenti u indipendenti’, esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt, u b'mod partikolari l-indipendenza ġudizzjarja, f'ċerti Stati Membri u, f'dan ir-rigward, dwar id-dritt fundamentali tal-aċċess għall-ġustizzja, li ntlaqat b'mod serju mill-kriżi finanzjarja;

G.  billi t-tul eċċessiv ta' żmien li jikkaratterizza l-proċeduri ġudizzjarji jibqa' r-raġuni ewlenija li għaliha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkundanna lill-Istati Membri tal-UE;

H.  billi, mindu nħolqot fl-2002, il-Kummissjoni Ewropea għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ) żviluppat speċjalizzazzjoni diretta ta' sistemi ġudizzjarji nazzjonali differenti u pprovdiet bażi ta' għarfien bla preċedent b'valur miżjud reali, u għenet lill-Istati Membri jtejbu l-evalwazzjoni u l-funzjonament tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom; billi l-iskema ta' evalwazzjoni tagħha, li issa tinsab fil-ħames ċiklu, tkopri l-oqsma kollha tal-ġustizzja u tinkludi kategoriji differenti għall-analiżi, bħad-dejta demografika u ekonomika, proċess ġust, aċċess għall-ġustizzja, il-karrieri tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-avukati, eċċ.;

I.  billi l-Kummissjoni ta' Venezja, fl-aktar rapport reċenti tagħha dwar l-istat tad-dritt, għamlet lista ta' sitt elementi li fuqhom kien hemm kunsens u li jirrappreżentaw il-pilastri fundamentali tal-istat tad-dritt: il-legalità, inkluż proċess trasparenti, responsabbli u demokratiku li jippromulga l-liġi; iċ-ċertezza tad-dritt; il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà; l-aċċess għall-ġustizzja quddiem qrati indipendenti u imparzjali, inkluż l-istħarriġ ġudizzjarju ta' atti amministrattivi; ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; u n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza quddiem il-liġi;

J.  billi l-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE għandha tkun imsejsa fuq kooperazzjoni u interazzjoni mill-qrib, u għandha tibni fuq l-aqwa prattiki u l-ispeċjalizzazzjoni ta' korpi internazzjonali oħra, inklużi l-korpi speċjalizzati tal-Kunsill tal-Ewropa sabiex tevita li attività tirkeb fuq oħra jew li jkun hemm attività identika għal oħra u tiżgura li jkun hemm użu effiċjenti tar-riżorsi;

K.  billi l-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom f'oqsma ta' interess komuni, b'mod partikolari l-promozzjoni u l-ħarsien tad-demokrazija pluralista, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt; biex jagħmlu użu mill-korpi speċjalizzati bħall-Kummissjoni ta' Venezja; u biex jiżviluppaw forom xierqa ta' kooperazzjoni bi tweġiba għall-isfidi l-ġodda;

L.  billi l-Parlament talab ripetutament biex jissaħħu l-mekkaniżmi eżistenti sabiex jiġi żgurat li l-valuri tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE jiġu rispettati, prottetti u promossi, u sabiex is-sitwazzjonijiet ta' kriżi fl-Unjoni u l-Istati Membri jiġu indirizzati b'mod rapidu u effiċjenti; billi bħalissa għaddej dibattitu fi ħdan il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-ħolqien ta' 'mekkaniżmu ġdid';

M.  billi l-indipendenza tal-ġudikatura kif ukoll dik tal-imħallfin u l-prosekuturi fl-Istati Membri għandha tiġi protetta minn kwalunkwe intereferenza politika;

N.  billi kwalunkwe deċiżjoni f'dan ir-rigward għandha tiggarantixxi, mill-aktar fis possibbli, l-applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 2 tat-TUE u tiżgura li d-deċiżjonijiet kollha meħuda jkunu bbażati fuq kriterji u evalwazzjoni oġġettivi, sabiex jingħelbu l-kritiki tal-istandards doppji, tad-differenzi fit-trattament u ta' parzjalità politika;

O.  billi l-applikazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni fil-qasam tal-ġustizzja kriminali, inkluż, f'dan ir-rigward, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, kif ukoll l-iżvilupp ta' settur tal-ġustizzja kriminali, jiddependu mill-funzjonament effikaċi tas-sistemi nazzjonali ta' ġustizzja kriminali;

P.  billi hemm il-ħtieġa ta' amministrazzjoni tal-ġustizzja koerenti u komprensiva minħabba l-fatt li d-differenzi bejn is-sistemi tad-dritt kriminali tal-Istati Membri m'għandhomx jiġu sfruttati mill-kriminali li jaqsmu l-fruntieri;

L-iżvilupp ta' Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja fi kwistjonijiet marbuta mad-dritt kriminali

1.  Jilqa' t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja mfassla mill-Kummissjoni; jiddispjaċih, madankollu, li tiffoka biss fuq il-ġustizzja ċivili, kummerċjali u amministrattiva;

2.  Jisħaq fuq il-fatt li l-ħolqien ta' Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja fi kwistjonijiet kriminali se jservi ta' kontribut fundamentali għall-ħolqien ta' fehim komuni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja kriminali fost l-imħallfin u l-prosekuturi, u għaldaqstant isaħħaħ il-fiduċja reċiproka;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tespandi b'mod gradwali l-kamp ta' applikazzjoni tat-tabella ta' valutazzjoni, sabiex din issir tabella ta' valutazzjoni tal-ġustizzja separata u komprensiva li tivvaluta, permezz tal-użu ta' indikaturi oġġettivi, l-oqsma kollha tal-ġustizzja u l-kwistjonijiet orizzontali kollha marbuta mal-ġustizzja, bħall-indipendenza, l-effiċjenza u l-integrità tal-ġudikatura, il-karriera tal-imħallfin u r-rispett għad-drittijiet proċedurali; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi l-atturi kollha relevanti u tibni fuq l-esperjenza u t-tagħlim li kisbu, kif ukoll il-ħidma li diġà twettqet mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa fir-rigward tal-valutazzjoni tal-istat tad-dritt u s-sistemi tal-ġustizzja, u mill-Agenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali;

Ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali u tal-Parlament Ewropew

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali jiġu involuti fil-proċess kif stabbilit fit-Trattati u li r-riżultati tal-evalwazzjonijiet jiġu ppreżentati lihom b'mod regolari;

Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri

5.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' dejta disponibbli dwar is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u għaldaqstant isejjaħ lill-Istati Membri jikkooperaw bis-sħiħ mal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa u jiġbru u jipprovdu fuq bażi regolari dejta imparzjali, affidabbli, oġġettiva u komparabbli dwar is-sistema tal-ġustizzja tagħhom;

L-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza t-talba mtennija tal-Parlament u tipproponi:

   mekkaniżmu effikaċi għal valutazzjoni regolari tal-konformità ta' Stat Membru mal-valuri fundamentali tal-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE, biex b'hekk tipprovdi bażi għal għodda ta' twissija bikrija; kif ukoll
   mekkaniżmu għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi li jinkludi mezzi xierqa ta' intervent, proċeduri ta' ksur aktar effettivi u l-possibilità ta' sanzjonijiet f'każ li jkun hemm ksur sistematiku tal-prinċipji tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u f'każ li l-kontrolli u l-bilanċji xierqa jonqsu milli jaħdmu fi Stat Membru;

7.  Itenni li kwalunkwe mekkaniżmu bħal dan għandu jiġi applikat għall-Istati Membri kollha fuq bażi trasparenti, uniformi u ugwali, u li għandu jimmira biex il-ħidma tiegħu tkun komplementari ma' dik ta' istituzzjonijiet internazzjonali oħra, bħall-Kunsill tal-Ewropa u, b'mod partikolari, il-Kummissjoni ta' Venezja li waqqaf huwa stess; jitlob li l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali jkollha rwol f'din il-valutazzjoni;

8.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni ta' Venezja, jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill tal-Ewropa jiżviluppaw mekkaniżmu xieraq għall-preżentazzjoni ta' talbiet ta' opinjoni dwar suġġetti li huma ta' tħassib partikolari għall-Kummissjoni ta' Venezja u jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-Parlament bħala osservatur fil-ħidma tal-Kummissjoni ta' Venezja;

9.  Iqis li hu neċessarju li tissaħħaħ ulterjorment il-kooperazzjoni bejn il-kumitati kompetenti tal-Parlament u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa f'konformità mal-Artikolu 199, b'mod partikolari f'sura ta' laqgħat regolari u ad hoc, kif ukoll billi jintgħażlu l-punti fokali miż-żewġ naħat; iressaq stedina permanenti lir-rappreżentanti tal-Kunsill tal-Ewropa (kumitati kompetenti tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissjoni ta' Venezja, is-CEPEJ, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem) biex jattendu għal-laqgħat relevanti tal-kumitati tal-PE;

10.  Jitlob li jsir aġġornament tal-Ftehim tal-2007 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Parlament Ewroprew sabiex jitqiesu bl-aqwa mod l-iżviluppi li saru minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona; jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti, abbażi tal-Artikolu 199 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, tistieden lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tagħti bidu għad-diskussjonijiet bl-għan li f'dan il-qafas ġenerali jiġu inklużi miżuri ta' kooperazzjoni prattiċi bejn il-korpi rispettivi;

11.  Josserva li l-Memorandum ta' Qbil bejn il-Kunsill tal-Ewropa u l-Unjoni Ewropea għandu jkun soġġett ukoll għal evalwazzjonijiet regolari;

12.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex iwettqu r-responsabilitajiet tagħhom f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet fundamentali, kif minqux fil-Karta u l-artikoli relevanti tat-Trattati, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-TUE; jemmen li dan huwa essenzjali jekk l-UE trid tindirizza b'mod effettiv sitwazzjonijiet li fihom il-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma mxekkla mill-Istati Membri;

13.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tressaq lil Stat Membru li jonqos milli jissodisfa l-obbligi stabbiliti fit-Trattati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Eworpea;

o
o   o

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)Testi adottati P7_TA(2012)0500, P7_TA(2013)0315, P7_TA(2011)0388 u P7_TA(2013)0444; P7_TA(2014)0173 u P7_TA(2014)0174.

Avviż legali - Politika tal-privatezza