Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar it-tħejjija għal dinja awdjoviżiva konverġenti b'mod komplet (2013/2180(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dipożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-midja awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva)(1),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)(2),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru)(3), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', netwerks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess)(5),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni)(6), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009(7),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1999 dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom(8),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Lulju 2012, għal direttiva dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet u l-liċenzjar multiterritorjali ta’ drittijiet ta’ xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn,
— wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur)(9),
— wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar it-TV Konness ("Connected TV)(10),
— wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
— wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A7-0057/2014),
A. billi l-konverġenza awdjoviżiva għandha tinftiehem bħala l-fużjoni tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva, li qabel kienu jitwasslu fil-biċċa l-kbira tagħhom separatament, kif ukoll il-kollegamenti fil-katina tal-valur kollha jew l-iggruppar ta’ servizzi awdjoviżivi differenti;
B. billi l-konverġenza tfisser innovazzjoni, u billi din teħtieġ forom ġodda ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpaniji u s-setturi biex l-utenti jkunu jistgħu jużaw il-kontenut awdjoviżiv u s-servizzi elettroniċi kullimkien, fi kwalunkwe ħin u permezz ta' kwalunkwe tagħmir;
C. billi konverġenzi fuq livell orizzontali (konverġenza tas-settur), vertikali (konverġenza tal-katina tal-valur) u funzjonali (konverġenza tal-applikazzjonijiet / servizzi) kollha għandhom impatt fuq is-settur awdjoviżiv;
D. billi konverġenza teknoloġika tfisser li l-kwistjonijiet tal-liġi tal-midja u tal-politika tan-netwerk qegħdin jikkoinċidu aktar;
E. billi l-aċċess għal u t-tisjib ta' kontenut awdjoviżiv qed isiru fatturi ewlenin f'dinja konverġenti; billi l-politika m'għandhiex ixxekkel sistema awtoregolatorja tal-ittikkettjar tal-kontenut li tissodisfa standards minimi ta' kwalità, u billi newtralità tan-netwerk fir-rigward tal-kollegamenti bil-kejbil u tat-telefonija ċellulari qed issir dejjem aktar urġenti;
F. billi l-konverġenza teknika tal-midja issa saret realtà, b'mod partikolari għax-xandir, l-istampa u l-internet, u billi l-politiki Ewropej dwar il-midja, il-kultura u n-netwerks jeħtieġu jadattaw il-qafas regolatorju għall-kundizzjonijiet il-ġodda u jiżguraw li jista' jiġi stabbilit u infurzat livell ta’ regolamentazzjoni uniformi, inkluż fir-rigward ta' operaturi ġodda tas-suq mill-UE u mill-pajjiżi terzi;
G. billi, minkejja l-konverġenza teknoloġika progressiva, l-esperjenzi fl-użu ta’ apparat konness, kif ukoll l-aspettattivi u l-profil tal-utenti għadhom limitati;
H. billi d-diġitizzazzjoni u l-konverġenza teknika waħedhom għandhom valur limitat għaċ-ċittadini u billi l-appoġġ għal livelli għolja ta’ investiment sostnut f’kontenut Ewropew oriġinali jibqa’ prijorità ewlenija f’ambjent tal-midja konverġenti;
I. billi, minħabba l-konverġenza dejjem tikber, jeħtieġ li jiġi żviluppat fehim ġdid tal-interazzjoni bejn il-midja awdjoviżiva, is-servizzi elettroniċi u l-applikazzjonijiet;
J. billi t-terminu “gateway tal-kontenut” jiddeskrivi kwalunkwe entità li taġixxi bħala intermedjarju bejn il-fornituri ta’ kontenut awdjoviżiv u l-utenti finali u li tipikament tiġbor flimkien, tagħżel u torganizza firxa ta’ fornituri tal-kontenut u tipprovdi interfaċċja li permezz tagħha l-utenti jistgħu jiskopru u jaċċessaw dak il-kontenut; billi dawn il-gateways jistgħu jinkludu pjattaformi tat-televiżjoni (bħal satellita, kejbil u IPTV), apparat (bħal televiżjonijiet u consoles tal-logħob konnessi) jew servizzi over-the-top;
Swieq konverġenti
1. Jinnota li t-tendenza dejjem tiżdied lejn konċentrazzjoni orizzontali fl-industrija u integrazzjoni vertikali fil-katina tal-valur jistgħu joffru opportunitajiet ta’ negozju ġodda, iżda jistgħu jwasslu wkoll għal pożizzjonijiet dominanti fis-suq;
2. Jenfasizza li tinħoloq il-ħtieġa ta’ regolament meta gateways tal-kontenut jikkontrollaw l-aċċess għall-midja u jkollhom impatt dirett jew indirett fuq it-tiswir tal-opinjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jissorveljaw l-iżviluppi f'dan ir-rigward u biex jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet offruti mill-kompetizzjoni Ewropea u l-liġi tal-antitrust u, jekk ikun meħtieġ, idaħħlu miżuri biex jissalvagwardjaw id-diversità, u kif ukoll biex ifasslu qafas regolatorju għall-konverġenza li jiġi adattat għal dawn l-iżviluppi;
3. Jinnota li l-iżvilupp tas-suq jindika li fil-futur il-kumpaniji se jgħaqqdu dejjem aktar is-servizzi tan-netwerk mal-provvista ta’ kontenut awdjoviżiv u li l-internet fil-forma attwali tiegħu, ibbażat fuq l-aħjar aċċess possibbli, jista' b'riżultat ta' dan iwassal għal firxa ta' kontenut immirat lejn l-interessi korporattivi unilaterali;
4. Huwa tal-fehma li l-pakketti kollha tad-data fil-kuntest tal-komunikazzjoni elettronika, irrispettivament mill-kontenut, l-użu, l-oriġini u d-destinazzjoni (prinċipju best effort) għandhom bħala prinċipju jiġu ttrattati b’mod ugwali u għalhekk jappella għall-konservazzjoni u s-salvagwardja ta’ internet ħieles u miftuħ, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta’ servizzi speċjali;
5. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allinjati d-drittijiet u l-obbligi tax-xandara ma’ dawk ta’ parteċipanti oħra tas-suq permezz ta’ qafas ġuridiku orizzontali u mal-midja kollha;
Aċċess u tisjib
6. Jenfasizza li n-newtralità tan-netwerk, f’termini ta’ internet best effort u tal-aċċess nondiskriminatorju u t-trażmissjoni tal-kontenut awdjoviżiv kollu, tiggarantixxi provvista pluralistika ta' informazzjoni u diversità ta' opinjoni u kultura, u għalhekk tirrappreżenta element analogu ewlieni għall-prinċipju tat-trażmissjoni tad-dinja tal-midja konverġenti; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura, b’mod legalment vinkolanti, konformità mal-prinċipji tan-newtralità tal-internet, peress li din hija essenzjali fir-rigward tal-konverġenza tal-midja;
7. Jappella għal aċċess nondiskriminatorju, trasparenti u miftuħ għall-internet għall-utenti kollha u l-fornituri tas-servizzi awdjoviżivi u jopponi kwalunkwe limitazzjoni tal-prinċipju best effort minn pjattaformi jew servizzi tal-fornituri stess;
8. Itenni li r-regoli dwar in-newtralità tan-netwerk ma jneħħux il-ħtieġa li jiġu applikati regoli ta’ trażmissjoni għal netwerks ġestiti jew servizzi speċjalizzati bħat-televiżjoni bil-kejbil u l-IPTV;
9. Jappella għal standards uniformi biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tat-televiżjonijiet konnessi li jridu jiġu żviluppati mill-industrija sabiex ma tiġix imfixkla l-innovazzjoni;
10. Jappella biex id-diversità ta' xogħlijiet kulturali u awdjoviżivi f’dinja konverġenti tkun aċċessibbli u traċċabbli għall-Ewropej kollha, b'mod partikolari meta l-kontenut ipprovdut lill-utenti huwa preskritt mill-manifatturi tal-apparat, l-operaturi tan-netwerk, il-fornituri tal-kontenut jew aggregaturi oħra;
11. Jemmen li biex tiġi ssalvagwardjata d-diversità tal-prodotti u l-opinjonijiet, it-tiftix u s-sejbien ta’ kontenut awdjoviżiv ma għandhomx ikunu determinati minn interessi ekonomiċi, u li miżuri regolatorji għandhom jittieħdu biss meta fornitur ta’ pjattaforma jisfrutta pożizzjoni dominanti fis-suq jew funzjoni ta’ gatekeeper biex jiffavorixxu jew jiżvantaġġaw ċertu kontenut;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-firxa tat-tendenza tal-operaturi ta’ gateways tal-kontenut li jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom biex jagħtu prijorità lill-kontenut tagħhom stess u biex tiżviluppa miżuri biex telimina kwalunkwe abbuż fil-futur;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi x'inhi pjattaforma u tistabbilixxi, jekk ikum meħtieġ, regolament li jkopri anke n-netwerks tekniċi għat-trażmissjonijiet ta’ kontenut awdjoviżiv;
14. Iqis li l-pjattaformi ta' netwerks miftuħa li ma għandhomx pożizzjoni dominanti fis-suq u li ma jfixklux il-kompetizzjoni għandhom ikunu esklużi mir-regolamentazzjoni tal-pjattaformi;
15. Jemmen li l-ħolqien tal-applikazzjonijiet (“apps”) għandu jiġu mħeġġeġ minħabba li huwa suq li qed jikber; jenfasizza, madankollu, li l-“operat permezz ta’ apps” jista’ jwassal għall-problemi ta’ aċċess għas-suq għall-produtturi ta’ kontenut awdjoviżiv; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga fejn huma meħtieġa miżuri biex jiżguraw l-aċċessibbiltà u t-tisjib ta' midja awdjoviżiva u kif dawn jistgħu jiġi infurzati, filwaqt li jfakkar li miżuri regolatorji għandhom jittieħdu biss jekk fornitur ta' pjattaforma, permezz tal-apps, jisfrutta pożizzjoni dominanti fis-suq jew funzjoni ta’ gatekeeper biex jiffavorixxi jew jiżvantaġġa ċertu kontenut;
16. Jemmen li l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jieħdu miżuri speċifiċi biex jipprovdu livell raġonevoli ta' tisjib u viżibbiltà għal kontenut awdjoviżiv ta' interess ġenerali, sabiex jiggarantixxu d-diversità tal-opinjoni, filwaqt li l-utenti għandhom ikunu kapaċi jagħżlu l-offerti huma stess b'mod mhux ikkumplikat;
Is-salvagwardja tad-diversità u mudelli ta’ finanzjament
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex fl-isfond tal-konverġenza tal-midja tiddetermina kif il-finanzjament mill-ġdid, il-finanzjament u l-produzzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv Ewropew ta’ kwalità jistgħu jiġu żgurati għall-futur u b'mod bilanċjat;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina sa fejn id-distorsjonijiet fis-suq fir-rigward tal-projbizzjoni tar-reklamar kwantitattiv u kwalitattiv seħħew minħabba diskriminazzjoni ta' servizzi lineari u mhux lineari fl-ambitu tad-Direttiva 2010/13/UE;
19. Jenfasizza li l-istrateġiji pubbliċitarji l-ġodda li jużaw teknoloġiji ġodda biex iżidu l-effikaċja tagħhom (screenshots, profiling tal-konsumaturi, strateġiji multi-screen) iqajmu l-kwistjoni tal-ħarsien tal-konsumaturi, tal-ħajjiet privati tagħhom u d-data personali tagħhom; f'din il-perspettiva, jenfasizza il-ħtieġa biex jinħolqu sett ta’ regoli konsistenti bil-għan li jiġu applikati dawn l-istrateġiji;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex bit-tneħħija tar-regolament fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati mar-reklamar kwantitattiv għall-kontenut awdjoviżiv lineari, tiżgura li l-għanijiet tad-Direttiva 2010/13/UE qed jintlaħqu b'aktar suċċess billi żżid il-flessibilità u ssaħħaħ il-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni;
21. Iqis li mudelli kummerċjali ġodda li jikkonsistu fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv mhux awtorizzat joħolqu theddida għall-ġurnaliżmu ta’ kwalità għolja, għall-midja tas-servizz pubbliku u għax-xandir iffinanzjat mir-reklamar;
22. Huwa tal-fehma li l-offerti lineari u mhux lineari tax-xandara jew fornituri oħra ta’ kontenut ma għandhomx jinbidlu f’termini tal-kontenut jew tat-teknoloġija tagħhom, u li kontenut individwali jew partijiet minnu ma għandhomx jiġu inklużi f’pakketti ta’ programmi jew b’xi mod ieħor, bi ħlas jew bla ħlas, mingħajr il-kunsens tax-xandar jew tal-fornitur;
23. Iqis li fid-dawl tal-konverġenza, il-proċedura ta' akkreditazzjoni għal informazzjoni elettronika u servizzi ta' komunikazzjoni ffinanzjati b'tariffi, sakemm ma jkunux offerti awdjoviżivi tas-servizz pubbliku, għandha tkun adattata għar-realtajiet diġitali tal-kompetizzjoni fil-midja;
24. Jenfasizza li sabiex iżomm l-indipendenza tiegħu, is-settur pubbliku jrid jibqa’ jiġi mħares minn restrizzjonijiet fuq il-finanzjament tar-reklamar u jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw l-isforzi tas-settur fir-rigward tal-finanzjament tiegħu;
Infrastrutturi u frekwenzi
25. Jinnota li d-disponibbiltà komprensiva ta’ konnessjonijiet tal-internet broadband bl-ogħla effiċjenza possibbli hija essenzjali għall-konverġenza u l-innovazzjoni fl-industrija tal-midja; jenfasizza li n-netwerks tal-broadband bħal dawn b'mod partikolari f’żoni rurali jeħtieġu żvilupp aktar qawwi u jistieden lill-Istati Membri biex jirratifikaw din il-problema permezz ta’ kampanji ta' investiment fuq żmien qasir;
26. Jiddispjaċih li għad hemm żoni vasti fl-Ewropa b’infrastruttura tal-internet limitata u jfakkar lill-Kummissjoni li sabiex joħroġ il-potenzjal ta’ dinja awdjoviżiva konverġenti, huwa essenzjali għall-konsumaturi li jkollhom aċċess għal internet b’veloċità qawwija;
27. Iħeġġeġ lill-atturi tal-industrija, b’antiċipazzjoni għal futur aktar konverġenti, jaħdmu flimkien fuq bażi volontarja sabiex jiġi żgurat qafas komuni għall-istandards tal-midja sabiex japplika approċċ aktar konsistenti fil-midja differenti kif ukoll biex jiġi żgurat li l-konsumaturi jkomplu jifhmu liema kontenut ġie rregolat u sa liema punt;
28. Jenfasizza li standards miftuħa u interoperabbli jipprovdu garanzija għal aċċess liberu u mingħajr xkiel għal kontenut awdjoviżiv;
29. Jinnota li inizjattivi awtoregolatorji emerġenti għandhom rwol ċentrali fl-istabbiliment ta’ standards uniformi għat-teknoloġiji tal-utenti, kif ukoll għall-iżviluppaturi u l-produtturi;
30. Jenfasizza li d-DVB-T/T2 joffri opportunitajiet eċċellenti fit-tul għall-kondiviżjoni tal-medda ta’ frekwenza 700 MHz permezz tax-xandir u komunikazzjoni mobbli, b'mod partikolari permezz ta’ apparat mobbli ibridu promettenti u permezz ta' integrazzjoni ta’ ċipep tar-riċeviment tat-televiżjoni f’apparat mobbli;
31. Huwa favur l-iżvilupp ta’ taħlita ta’ teknoloġiji li tagħmel użu effiċjenti kemm tat-teknoloġiji ta’ xandir kif ukoll dawk tal-broadband u li b’mod intelliġenti tikkombina flimkien xandir u l-komunikazzjoni mobbli (“xandir intelliġenti”);
32. Iqis li huwa importanti li jkun hemm pjan direzzjonali għax-xandir terrestri diġitali biex jipprovdi affidabilità meħtieġa għal ippjanar fit-tul lill-investituri mill-qasam kemm tax-xandir kif ukoll tat-telefonija ċellulari;
Valuri
33. Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ referenza speċifika fil-Green Paper għan-natura doppja tal-midja awdjoviżiva bħala assi kulturali u ekonomiċi;
34. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-UE obbligat ruħha għall-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;
35. Jenfasizza li l-ħarsien tal-libertà tal-midja, il-promozzjoni tal-pluraliżmu tal-midja u d-diversità kulturali u l-protezzjoni tal-minuri jibqgħu valuri rilevanti fi żmien ta’ konverġenza;
36. Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' reviżjoni possibbli tad-Direttiva 2010/13/UE, tissokta l-isforzi tagħha biex tissalvagwardja l-libertà tal-istampa;
37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-implimentazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva AVMS rigward il-promozzjoni tal-produzzjoni tax-xogħlijiet Ewropej u l-aċċess għal dawk ix-xogħlijiet permezz ta' servizzi tal-midja awdjoviżiva fuq talba;
38. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-fatt li l-inklużjoni tal-kultura u l-midja awdjoviżiva fil-ftehimiet internazzjonali ta’ kummerċ ħieles tmur kontra l-impenn tal-UE li tippromwovi d-diversità kulturali u l-identità kif ukoll li tirrispetta s-sovranità tal-Istati Membri fuq il-patrimonju kulturali tagħhom;
39. Jinkoraġġixxi l-industrija awdjoviżiva Ewropea tkompli tiżviluppa servizzi konsistenti u attraenti, speċjalment online, sabiex tiżdied l-offerta Ewropea ta’ kontenut awdjoviżiv; jinsisti li l-kontenut għandu jibqa’ l-kunsiderazzjoni primarja; jenfasizza li l-għadd kbir ta’ pjattaformi mhux neċessarjament jiggarantixxi d-diversità tal-kontenut;
40. Jenfasizza li l-protezzjoni taż-żgħażagħ, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-data huma objettivi assoluti tar-regolament u għandhom japplikaw ugwalment għall-fornituri kollha fil-qasam tal-media u l-komunikazzjoni fl-UE kollha;
41. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-isforzi tagħha biex jiġu infurzati dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-minuri u l-konsumaturi; jappella biex ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data japplikaw bl-istess mod għall-fornituri kollha tal-midja u tal-komunikazzjoni fit-territorju tal-UE; jenfasizza li l-utenti għandhom ikunu jistgħu jibdlu l-modalitajiet tal-privatezza tagħhom b'faċilità u f'kull ħin;
42. Jenfasizza li fir-rigward tal-kompetizzjoni globali fis-swieq konverġenti, huwa essenzjali li fil-livell internazzjonali jiġu żviluppati standards ta’ protezzjoni xierqa dwar il-koregolamentazzjoni u l-awtoregolamentazzjoni f’termini tal-protezzjoni taż-żgħażagħ u tal-konsumatur;
43. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu u jespandu d-diversi attivitajiet diġà eżistenti bil-għan li jipprovdu litteriżmu medjatiku diġitali u jiżviluppaw metodoloġija għall-valutazzjoni tal-provvista ta’ litteriżmu medjatiku;
Qafas regolatorju
44. Iqis li l-politika Ewropea għall-midja u l-internet għandha timmira biex tneħħi l-ostakli għall-innovazzjonijiet tal-midja u fl-istess ħin ma jintilfux l-aspetti normattivi ta’ politika tal-midja demokratikament u kulturalment diversa;
45. Jenfasizza li l-kontenut simili fuq l-istess apparat jeħtieġ qafas legali uniformi, flessibbli, orjentat lejn l-utent u aċċessibbli, li huwa teknoloġikament newtrali, trasparenti u infurzabbli;
46. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-pjattaformi jitħaddmu b’mod konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, fl-ambitu ta’ kompetizzjoni ġusta;
47. Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-impatt sabiex tevalwa jekk il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva AVMS għadux rilevanti fir-rigward tal-iżviluppi tas-servizzi tal-midja awdjoviżiva kollha aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej;
48. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina sa fejn il-kriterju tal-linearità f’ħafna oqsma jwassal sabiex l-għanijiet regolatorji tad-Direttiva 2010/13/UE ma jibgħux jintlaħqu fid-dinja konverġenti;
49. Jirrakkomanda deregulazzjoni għall-oqsma tad-Direttiva 2010/13/UE fejn l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni mhumiex qegħdin jintlaħqu; jemmen li minflok għandhom jitwaqqfu rekwiżiti minimi fuq livell Ewropew għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva kollha;
50. Jenfasizza l-importanza ta’ sistemi ta’ approvazzjoni ta’ drittijiet newtrali għat-teknoloġija sabiex jiffaċilitaw li s-servizzi tal-fornituri tas-servizzi tal-midja jkunu jistgħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fuq pjattaformi ta’ parti terza;
51. Jenfasizza li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini (jew tal-pajjiż tat-trażmissjoni) stabbiliti fid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi għadu prerekwiżit essenzjali sabiex ikun jista’ jiġi offrut kontenut awdjoviżiv anke bejn il-fruntieri territorjali u jirrappreżenta pass importanti fit-triq lejn suq komuni tas-servizzi; madanakollu, jenfasizza l-ħtieġa li d-dritt tal-UE jadatta mar-realtajiet tal-internet u l-ambjent diġitali, u biex tingħata attenzjoni speċjali lill-kumpaniji li joffru kontenut awdjoviżiv online li jippruvaw jevadu t-taxxa f'xi pajjiżi billi l-bażi tagħhom tkun f'pajjiżi fejn hemm rati tat-taxxa baxxi;
52. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra b'mod xieraq jekk il-liġi tad-dritt tal-awtur teħtieġx tiġi adattata biex tippermetti l-irkupru adegwat ta’ kontenut lineari u mhux lineari fuq id-diversi pjattaformi kif ukoll l-aċċessibbiltà transkonfinali tagħhom;
53. Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta b’mod sistematiku l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika u, fejn xieraq, biex terġa' teżamina l-liġi Ewropea tad-drittijiet tal-awtur b’mod konsegwenti;
o o o
54. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.