Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE – Iċ-ċittadini tal-UE: id-drittijiet tagħkom, il-futur tagħkom (2013/2186(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ottubru 2010 bit-titolu ‘Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE’ (COM(2010)0603),
– wara li kkunsidra r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar iċ-ċittadinanza tal-UE, li saret bejn id-9 ta’ Mejju u s-27 ta’ Settembru 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta’ Marzu 2012 dwar ir-Rapport tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE: Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE(1),
– wara li kkunsidra s-seduta ta’ smigħ organizzata b’mod konġunt mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kummissjoni Ewropea fid-19 ta’ Frar 2013, ‘L-aħjar użu miċ-ċittadinanza tal-UE’, u s-seduta ta’ smigħ tal-24 ta’ Settembru 2013, ‘L-impatt tal-kriżi fuq iċ-ċittadini tal-Ewropa u t-tisħiħ tal-involviment demokratiku fil-governanza tal-Unjoni’,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Mejju 2013 bit-titolu ‘Rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE - ċittadini tal-UE: id-drittijiet tiegħek, il-futur tiegħek’ COM(2013)0269,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,
– wara li kkunsidra d-dritt għall-petizzjoni imnaqqax fl-Artikolu 227 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra t-Tieni Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bit-titolu ‘Nondiskriminazzjoni u ċittadinanza tal-Unjoni’ u t-Titolu V tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 10 u 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A7-0107/2014),
A. billi t-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ il-kunċett taċ-ċittadinanza tal-UE u d-drittijiet li joħorġu minnha;
B. billi d-dritt għall-petizzjoni fil-Parlament Ewropew huwa wieħed mill-pilastri taċ-ċittadinanza Ewropea, li joħloq mezz ta’ konnessjoni bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej, bil-għan li l-UE titressaq eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha, u tagħmel lill-UE kunċett dejjem iżjed sinifikanti u kredibbli għalihom;
C. billi d-drittijiet li huma inerenti fiċ-ċittadinanza tal-Unjoni huma inkorporati fit-trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
D. billi l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jirrispettaw ir-regoli tal-UE li dwarhom hemm qbil komuni dwar id-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u jgħix liberament fit-territorju tagħha, in-nondiskriminazzjoni u l-valuri komuni tal-Unjoni Ewropea, prinċipalment ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, b'attenzjoni partikolari għad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għall-minoranzi; billi għandha tingħata attenzjoni speċjali liċ-ċittadinanza nazzjonali u lid-drittijiet tal-minoranzi li joħorġu minnha billi l-ksur minn kwalunkwe Stat Membru tad-drittijiet fundamentali li jikkonċernaw il-kwistjonijiet taċ-ċittadinanza għandhom jiġu eliminati sabiex jiġu evitati standards doppji u/jew diskriminazzjoni; billi l-minoranza tar-Rom għadha tiffaċċja diskriminazzjoni mifruxa ħafna u l-progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Inklużjoni tar-Rom għadu limitat;
E. billi l-moviment liberu tal-persuni huwa wieħed mill-elementi prinċipali taċ-ċittadinanza tal-UE u jista' jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-diskrepanza ta' bejn l-impjiegi u l-ħiliet fis-suq intern; billi skont Ewrobarometru Flash ta’ Frar 2013 iktar minn żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu jaqblu ġustament li l-moviment liberu tal-persuni fl-UE jġib miegħu benefiċċji ġenerali għall-ekonomija tal-pajjiż tagħhom stess; billi l-kriterji ta’ Schengen għandhom ikunu ta' natura teknika u m'għandhomx jiġu utilizzati biex jillimitaw l-aċċess għall-moviment liberu taċ-ċittadini;
F. billi d-diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza għadha preżenti f’xi pajjiżi tal-UE;
G. billi l-kwistjoni tal-otteniment u tat-telf taċ-ċittadinanza nazzjonali tqajmet fil-petizzjonijiet, speċjalment mill-perspettiva tal-effetti tagħha fuq iċ-ċittadinanza Ewropea; billi ħafna petizjonanti, inklużi ħafna li jappartjenu għal minoranzi fi Stat Membru, esprimew ix-xewqa tagħhom li jaraw liġijiet aktar koordinati dwar iċ-ċittadinanza fl-Ewropa;
H. billi daħlu diversi lmenti fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet Ewropej u muniċipali, kif ukoll fir-rigward tat-tneħħija tad-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet nazzjonali wara perjodu jgħixu barra l-pajjiż;
I. billi l-fiduċja tal-pubbliku fl-Unjoni Ewropea naqset u ċ-ċittadini Ewropej għaddejjin minn perjodu diffiċli kkawżat minn kriżi ekonomika u soċjali severa;
J. billi l-elezzjonijiet tal-2014 se jkunu l-ewwel elezzjonijiet li se jinżammu wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jwessa’ b’mod sinifikanti l-poteri tal-Parlament Ewropew; billi l-elezzjonijiet Ewropej jirrappreżentaw opportunità biex tissaħħaħ il-fiduċja pubblika fis-sistema politika, tinħoloq sfera pubblika Ewropea u jissaħħu l-vuċi u r-rwol taċ-ċittadini, li hija waħda mill-aktar prekundizzjonijiet importanti biex tissaħħaħ id-demokrazija fl-Istati Membri u fl-UE; billi l-funzjonament demokratiku u trasparenti tal-Parlament Ewropew huwa wieħed mill-assi prinċipali fil-promozzjoni tal-valuri u l-integrazzjoni Ewropej;
K. billi l-Unjoni Ewropea, permezz tat-Trattati tagħha u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, tiddefendi Ewropa ta’ drittijiet u ta’ valuri demokratiċi, ta’ libertà, ta’ solidarjetà u ta’ sigurtà u tiggarantixxi protezzjoni aħjar liċ-ċittadini Ewropej;
L. billi ċ-ċittadini huma direttament rappreżentati fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew u għandhom dritt demokratiku li joħorġu għall-elezzjonijiet Ewropej u li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej, anke meta jkunu joqogħdu fi Stat Membru ieħor li mhux dak tagħhom; billi d-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali għaċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fi Stat Membru li mhux tagħhom mhux iffaċilitat biżżejjed u promoss fl-Istati Membri kollha;
M. billi l-Unjoni Ewropea ħolqot dritt ġdid biex iċ-ċittadini Ewropej jorganizzaw u jappoġġaw Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej billi jressqu l-proposti politiċi tagħhom quddiem l-Istituzzjonijiet Ewropej, u dan intuża minn miljuni ta' ċittadini mill-1 ta' April 2012 ’il hawn;
1. Jilqa’ r-Rapport tal-2013 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE (COM(2013)0269) tal-Kummissjoni li jħabbar tnax-il azzjoni ġdida f’sitt oqsma bil-għan li jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE;
2. Jilqa’ l-fatt li maġġoranza kbira tal-25 miżura mħabbra fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2010 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE sadanittant tlestew mill-Kummissjoni u minn istituzzjonijiet oħra tal-UE;
3. Jenfasizza li jeħtieġ li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom tat-Trattat u għalhekk għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha neċessarja, li tiffoka mhux biss fuq drittijiet astratti, iżda wkoll fuq informazzjoni prattika u faċilment aċċessibbli dwar kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali, amministrattivi, legali u kulturali; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jippromwovu fehim aħjar taċ-ċittadinanza tal-UE u jispjegaw il-benefiċċji prattiċi tagħha għall-individwi;
4. Jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni li għandhom l-għan li jtejbu l-għarfien taċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom permezz tal-Europe Direct u L-Ewropa Tiegħek u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-isforzi tagħhom biex ixerrdu l-għarfien dwar in-netwerk SOLVIT fost iċ-ċittadini u l-kumpaniji; jipproponi, f'dan ir-rigward, li tingħata aktar informazzjoni dwar iċ-ċittadinanza Ewropea fl-okkazjoni taċ-ċelebbrazzjoni ta' Jum l-Ewropea fid-9 ta' Mejju;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsultazzjonijiet pubbliċi tagħha jkunu disponibbli bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex ma sseħħ l-ebda diskriminazzjoni abbażi tal-lingwa; jiġbed l-attenzjoni lejn l-attivitajiet tal-Parlament, u b'mod partikolari tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, fuq il-pjattaformi tal- midja soċjali bħala mezz eċċellenti biex jinħolqu interazzjoni u djalogu maċ-ċittadini;
6. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu aktar spazju lill-edukazzjoni politika dwar l-affarijiet tal-UE fil-kurrikuli tal-iskejjel tagħhom, jadattaw it-taħriġ tal-għalliema f'dan is-sens u, f'dan ir-rigward, jipprovdu l-kompetenzi u r-riżorsi meħtieġa; jenfasizza li edukazzjoni aċċessibbli taqdi rwol essenzjali fil-formazzjoni taċ-ċittadini futuri billi tagħmilha possibbli għalihom li jiksbu bażi solida tal-għarfien ġenerali, tippromwovi l-għoti tas-setgħa lill-individwu, is-solidarjetà u l-fehim reċiproku u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali; jinnota f'dan ir-rigward li l-edukazzjoni hija essenzjali bħala mezz li jippermetti lill-individwi jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja demokratika, soċjali u kulturali u għalhekk jikkunsidra li m'għandux ikun hemm tnaqqis sostanzjali fil-fondi allokati għall-edukazzjoni;
7. Jemmen li huwa partikolarment importanti li jiġi mħeġġeġ ir-rikonoxximent tal-impenn tal-voluntiera, li jiġu vvalidati l-ħiliet u l-kompetenzi miksuba b'dan il-mod u li jitneħħew l-ostakli marbuta mal-moviment liberu;
8. Jenfasizza l-importanza tas-soċjetà ċivili organizzata fit-tissħiħ ta’ ċittadinanza Ewropea attiva; jikkunsidra li huwa kruċjali, għalhekk, li jiġi ffaċilitat aktar ix-xogħol transkonfinali ta' dawn l-organizzazzjonijiet biex jonqsu l-piżijiet burokratiċi u jiġi fornut finanzjament adegwat; itenni t-talba tiegħu(2) biex jiġi stabbilit Statut Ewropew għall-Assoċjazzjonijiet, peress li dan jista' jiffaċilità l-kostruzzjoni ta’ proġetti bejn iċ-ċittadini ta' Stati Membri tal-UE differenti fi ħdan organizzazzjoni transnazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq qafas strutturat għal djalogu ċivili Ewropew li jkun jagħti sustanza prattika liċ-ċittadinanza parteċipattiva;
9. Jiddispjaċih għall-esklużjonijiet fakultattivi minn partijiet tat-trattati tal-UE min-naħa ta’ xi Stati Membri li jdgħajfu u jiġġeneraw differenzi de facto fid-drittijiet taċ-ċittadini li huma maħsuba li jkunu ugwali fit-Trattati tal-UE;
10. Jenfasizza r-rwol vitali li għandhom l-Istati Membri fl-implimentar korrett tal-leġiżlazzjoni Ewropea; jemmen li għad baqa’ progress xi jsir u li hija meħtieġa kooperazzjoni mtejba bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet lokali u nazzjonali ; jikkunsidra li kooperazzjoni akbar tkun mezz effettiv ta’ kif jissolvew il-problemi b’mod informali, b’mod partikolari l-impedimenti ta’ natura amministrattiva; f’dan ir-rigward, ifaħħar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li mill-2013, u permezz tal-iskema tagħha tal-ġemellaġġ tal-ibliet fil-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini, tappoġġja skambji tal-aħjar prattika bejn il-muniċipalitajiet u l-proġetti mmirati biex itejbu l-għarfien dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-implimentazzjoni korretta tagħhom; jemmen li serje ta’ strumenti prattiċi dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE mfassla għall-awtoritajiet lokali u reġjonali tkompli ttejjeb iktar l-implimentazzjoni korretta;
11. Jiddispjaċih li l-ġenituri u t-tfal ma għandhomx l-istess possibbiltajiet ta’ rimedji f’kull Stat Membru f’każ ta’ separazzjoni jew divorzju, bir-riżultat li mijiet ta’ ġenituri fl-Ewropa kkuntattjaw lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex iħeġġuħ ikun aktar attiv f’dan il-qasam minkejja li għandu biss kompetenzi limitati ħafna;
12. Jistenna li l-portal il-ġdid tal-internet għall-petizzjonijiet, li se jkun disponibbli fil-bidu tal-2014, se jbiddel il-proċess ta’ petizzjonar fi strument li jkun attraenti, trasparenti u faċli għall-utent, anke għall-persuni b’diżabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet l-oħra jirrikonoxxu b’mod xieraq il-proċess ta’ petizzjonar fuq il-websajts tagħhom;
13. Jilqa’ l-fatt li, sa Novembru 2013, tliet inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej (ECIs) differenti ħafna minn xulxin kienu laħqu l-livell limitu meħtieġ; jilqa' s-sessjonijiet ta’ smigħ ippjanati mal-organizzaturi ta' inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej li kienu suċċess qabel l-elezzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu d-dritt jiġu organizzati u appoġġjati Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej u jimplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 211/2011 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej b'mod inklussiv, billi jiżguraw li huma lesti li jivvalidaw il-firem kemm taċ-ċittadini tagħhom stess li jgħixu barra mill-pajjiż u kemm taċ-ċittadini minn Stati Membri oħra li qed jgħixu fit-territorju tagħhom;
14. Jistieden lill-Istati Membri kollha li għad m’għandhomx ombudsman nazzjonali, fil-preżent l-Italja u l-Ġermanja, jissodisfaw l-aspettattivi taċ-ċittadini tal-UE kollha billi jaħtru wieħed;
15. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja regolarment il-mod kif jiġu pproċessati fl-Istati Membri l-formalitajiet amministrattivi relatati mad-dħul u r-residenza taċ-ċittadini tal-UE u l-qraba tagħhom ; jistieden lill-Kummissjoni taqdi rwol attiv fl-iżgurar li l-proċeduri implimentati mill-Istati Membri jirrispettaw bis-sħiħ il-valuri u d-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti mit-Trattati tal-UE; jenfasizza li wieħed mill-pilastri prinċipali tas-Suq Uniku huwa l-mobilità tal-forza tax-xogħol; jenfasizza l-benefiċċji ferm pożittivi tal-forza tax-xogħol migranti tal-UE għall-ekonomija tal-Istati Membri; f’dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u tieħu miżuri xierqa biex tneħħi l-ostakoli potenzjali, bħalma hi l-burokrazija eċċessiva, imposti fil-livell nazzjonali li jxekklu din il-libertà fundamentali;
16. Jirrikonoxxi li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(3), il-kundizzjonijiet biex wieħed jottjeni jew jitlef ċittadinanza tal-Istati Membri huma rregolati esklussivament skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri individwali; jappella, madankollu, għal koordinazzjoni aktar mill-qrib u skambju iżjed strutturat tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-liġijiet taċ-ċittadinanza tagħhom sabiex jiżguraw id-drittijiet fundamentali u b’mod partikolari ċ-ċertezza tad-dritt għaċ-ċittadini; jitlob għal linji gwida komuni komprensivi li jiċċaraw ir-relazzjoni ta’ bejn iċ-ċittadinanza nazzjonali u dik Ewropea;
17. Jappella lil dawk l-Istati Membri li jneħħu d-dritt tal-vot liċ-ċittadini tagħhom stess li jagħżlu li jgħixu fi Stat Membru ieħor għal perjodu estiż biex itemmu din il-prattika u jirrevedu l-leġiżlazzjoni tagħhom f’dak is-sens biex jipprovdu drittijiet sħaħ taċ-ċittadinanza tul il-proċess kollu; jirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha biex jassistu u jgħinu b’mod effikaċi liċ-ċittadini li jixtiequ jivvutaw jew joħorġu bħala kandidati fi stat ieħor li mhux tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li ċ-ċittadini tal-UE jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom mill-Istat Membru li jgħixu fih.
18. Jistieden lill-Istati Membri jipproteġu u jtejbu t-tifsira ta’ ċittadinanza tal-UE billi jiskoraġġixxu kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza; jiddeplora kwalunkwe retorika populista li timmira li toħloq prattiki diskriminatorji bbażati biss fuq raġunijiet ta’ ċittadinanza;
19. Jistieden lill-partiti politiċi Ewropej u l-affiljati nazzjonali tagħhom jorganizzaw kampanji elettorali trasparenti qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 u jindirizzaw b’mod effikaċi l-problema tat-tnaqqis fir-rati ta’ parteċipazzjoni tal-votanti u d-distakk dejjem jikber ta’ bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-UE; jikkunsidra n-nomina tal-kandidati minn madwar l-Ewropa kollha għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni mill-partiti politiċi Ewropej bħala pass importanti lejn il-bini ta’ spazju pubbliku Ewropew ġenwin, u huwa konvint li l-prospett ta’ Ewropeizzazzjoni tal-kampanja elettorali jista’ jintlaħaq aħjar permezz ta’ attivitajiet panEwropej u netwerks tal-midja lokali u nazzjonali panEwropej, speċjalment il-midja pubblika fl-oqsma tar-radju, it-televiżjoni u l-Internet;
20. Jenfasizza l-importanza li ċ-ċittadini jkunu infurmati li huma intitolati jivvutaw fl-elezzjonijiet muniċipali u Ewropej jekk jgħixu barra mill-pajjiż ta' oriġini tagħhom u li ssir promozzjoni ta' dan id-dritt b'mezzi differenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tistenniex sa Mejju 2014 biex tvara l-manwal tagħha li jippreżenta dawk id-drittijiet tal-UE ‘b'lingwaġġ ċar u sempliċi’;
21. Jistieden lill-istituzzjonijiet , lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji kollha tal-Unjoni jtejbu aktar it-trasparenza u jiffaċilitaw l-aċċess għad-dokumenti u jagħmluh faċli għall-utent, għaliex dan jagħmilha possibbli għaċ-ċittadini li jipparteċipaw iżjed mill-qrib fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u b'mod partikolari lill-Kummissjoni Ewropea, itejbu l-effiċjenza tal-proċeduri tagħhom biex jissodisfaw it-talbiet leġittimi taċ-ċittadini tal-UE malajr kemm jista’ jkun; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, u b'mod partikolari lill-Parlament, jiżguraw it-trasparenza u l-obbligu tal-għoti ta’ rendikont fuq l-istess livell;
22. Jilqa' l-adozzjoni reċenti taż-żewġ programmi ewlenin tal-UE biex jiffinanzjaw attivitajiet fil-qasam taċ-ċittadinanza tal-UE mill-2014 sal-2020: il-programmi ‘Drittijiet u Ċittadinanza’ u l-‘Ewropa għaċ-Ċittadini’; iqis li huwa ta’ dispjaċir kbir li l-pakkett finanzjarju għal dan tal-aħħar b’mod speċjali, li jappoġġja proġetti dwar iċ-ċittadinanza Ewropea attiva, ġie mnaqqas b’mod drastiku mill-gvernijiet tal-Istati Membri meta mqabbel mal-perjodu 2007-2013;
23. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-petizzjonijiet li jiżvelaw il-qagħda delikata ta’ ċerti residenti li, minħabba l-istatus tagħhom, ma jistgħux jibbenifikaw b’mod sħiħ mid-drittijiet tagħhom għall-moviment liberu jew mid-drittijiet sħaħ għall-vot fl-elezzjonijiet lokali; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri kkonċernati jiffaċilitaw ir-regolarizzazzjoni tal-istatus tagħhom f’każijiet bħal dawn;
24. Jinsab imħasseb ħafna dwar l-ostakoli li ċ-ċittadini għadhom jiffaċċjaw meta jkunu qed jeżerċitaw id-drittijiet individwali tagħhom fis-suq intern u jemmen li l-insigurtà ekonomika attwali fl-Ewropa ukoll teħtieġ li tiġi indirizzata b’mod determinat billi jitneħħew dawn l-ostakoli; jilqa’ għalhekk l-inizjattivi l-ġodda mħabbra mill-Kummissjoni biex iċ-ċittadini jissaħħu fir-rwol tagħhom bħala konsumaturi u ħaddiema fl-Ewropa kollha;
25. Jenfasizza l-importanza li jittejjeb l-iskambju tal-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' taħriġ u ta' apprendistati f'pajjiżi oħra tal-UE permezz tan-netwerk EURES; jinsab allarmat bir-rata tal-qgħad, b'mod speċjali għax din taffettwa liż-żgħażagħ; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għall-Apprendistati(4) u jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti fil-linji gwida;
26. Jistieden lill-Istati Membri jinfurmaw aħjar liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u jiffaċilitaw il-jedd li dawn id-drittijiet jiġu rispettati b’mod ugwali kemm fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u kemm fi kwalunkwe Stat Membru ieħor;
27. Jiġbed l-attenzjoni għall-ilmenti ta’ xi petizzjonanti, l-aktar ċittadini tal-UE li qed jgħixu barra minn pajjiżhom, li rrapportaw li ltaqgħu ma’ problemi fir-rigward tal-akkwist, it-trasferiment u s-sjieda ta’ proprjetà immobbli f’diversi pajjiżi;
28. Jirrikonoxxi l-problemi li qed jiffaċċjaw il-persuni b’diżabbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu u jitlob għall-introduzzjoni tal-karta tal-UE dwar id-diżabbiltà, li tkun valida fl-UE kollha, għall-persuni b’diżabbiltà;
29. Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni biex jindirizzaw b’mod determinat u effiċjenti l-kwistjonijiet tat-taxxi doppji fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi, it-taxxi diskriminatorji u t-taxxa doppja f’kuntest transkonfinali u jqisu aħjar ir-realitajiet tal-mobilità transkonfinali tal-ħaddiema; iqis li l-kwistjonijiet tat-taxxa doppja mhumiex qed jiġu indirizzati biżżejjed permezz tal-konvenzjonijiet bilaterali eżistenti tat-taxxa jew permezz ta’ azzjoni unilaterali minn xi Stat Membru u jkunu jeħtieġu azzjoni miftiehma u f’waqtha fil-livell tal-Unjoni;
30. Jiddispjaċih għall-eżistenza ta' ostakoli transkonfinali f'materji ċivili jew soċjali, bħal pereżempju d-dritt tal-familja jew il-pensjonijiet, li lil ħafna ċittadini ma jippermettulhomx li jgawdu ċittadinanza sħiħa tal-UE;
31. Ifakkar li ċ-ċittadini tal-UE fit-territorju ta’ pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, huma intitolati għall-protezzjoni mill-awtoritajiet diplomatiċi jew konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, u jenfasizza l-importanza ta’ din id-dispożizzjoni bħala punt ta’ prinċipju;
32. Jistieden lill-Istati Membri joħolqu malajr kemm jista’ jkun punt ta’ kuntatt uniku f’kull Stat Membru sabiex jikkoordinaw il-proġetti b’impatt transkonfinali, pereżempju dawk b’impatt soċjali bħal servizzi ta' emerġenza, b'referenza partikolari għall-proġetti li għandhom impatt ambjentali bħall-proġetti tar-riħ li kultant mhuma suġġett għal ebda konsultazzjoni mar-residenti lokali taż-żewġ naħat tal-fruntiera u ma jsir l-ebda studju ta’ impatt;
33. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-benefiċċji u l-isfidi tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 (SEĊ); jiddipjaċih li, minħabba n-nuqqas ta' finanzjament u nuqqas ta' ambizzjoni politiku, is-SEĊ kellha profil fil-midja fqir u ma rnexxilhiex tiġġenera dibattitu wiesa', pubblikament viżibbli dwar iċ-ċittadinanza Ewropea li kien jista' kkontribwixxa għal strumenti mtejba jew definiti mill-ġdid;
34. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti biex il-volontarjat jiġi rikonoxxut bħala parti li tikkontribwixxi għaċ-ċittadinanza;
35. Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika u xxerred spjegazzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini qabel u wara t-Trattat ta’ Lisbona sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini;
36. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Ombudsman Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2011 dwar l-istabbiliment ta' statuti Ewropej għas-soċjetajiet mutwi, l-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet (ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 187).